EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0271

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Novembru 2023.
XT et vs Keolis Agen SARL.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas f’każ ta’ mard fit-tul – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2).
Kawżi magħquda C-271/22 sa C-274/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:834

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas f’każ ta’ mard fit-tul – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2)”

Fil-Kawżi magħquda C‑271/22 sa C‑275/22,

li għandha bħala suġġett ħames talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill- conseil de prud’hommes d’Agen (France) (il-Qorti Industrjali ta’ Agen, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2013, fil-proċeduri,

XT (C‑271/22),

KH (C‑272/22),

BX (C‑273/22),

FH (C‑274/22),

NW (C‑275/22),

vs

Keolis Agen SARL,

fil-preżenza ta’:

Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal XT, KH, BX, FH, NW, minn E. Delgado, avocate,

għal Keolis Agen SARL, minn J. Daniel, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, B. Herbaut u N. Vincent, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, XT, KH, BX, FH u NW, rikorrenti fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, Keolis Agen SARL dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tippermettilhom jibbenefikaw minn ġranet ta’ leave miksub li huma ma setgħux jieħdu minħabba waqfien mix-xogħol għal raġunijiet ta’ mard jew li tħallashom il-kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jgħid kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

Id‑dritt Franċiż

4

Skont l-Artikolu L. 3141–3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, l-impjegat għandu dritt għal leave ta’ jumejn u nofs ta’ xogħol għal kull xahar ta’ xogħol effettiv mal-istess persuna li timpjega.

5

L-Artikolu L. 3141-5 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ xogħol attwali għall-finijiet ta’ determinazzjoni tat-tul tal-leave:

1° il-perijodi ta’ leave mħallas;

[…]

5° Perijodi ta’ tul mhux interrott li ma jaqbiżx sena, li matulhom l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiġi sospiża minħabba inċident fuq ix-xogħol jew marda kkaġunata mix-xogħol;

[…]”

6

L-Artikolu L. 3245-1 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“L-azzjoni għall-ħlas jew għal rimbors tas-salarju tiġi preskritta wara tliet snin mid-data li fiha l-persuna li teżerċitaha kienet taf jew kellha tkun taf bil-fatti li jippermettulha li teżerċitaha. It-talba tista’ tirrigwarda l-ammonti dovuti għall-aħħar tliet snin minn din id-data jew, meta l-kuntratt ta’ xogħol jiġi tterminat, l-ammonti dovuti għat-tliet snin qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt.”

7

L-Artikolu D. 3141-7 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“Il-ħlas tal-kumpens dovut għal-leave mħallas huwa suġġett għar-regoli stabbiliti mill-Ktieb II għall-ħlas tas-salarji.”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Keolis Agen hija impriża privata, li għandha delega ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport pubbliku tal-persuni.

9

Uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma marbuta ma’ din l-impriża permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, filwaqt li oħrajn kellhom tali kuntratt qabel ma ġew iddikjarati inkapaċi għax-xogħol u qabel ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom.

10

Matul il-kors tal-kuntratti ta’ impjieg rispettivi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba mard ta’ iktar minn sena. Huma, għaldaqstant, talbu li Keolis Agen sabiex jibbenefikaw mill-ġranet ta’ leave annwali mħallas li huma ma setgħux jibbenefikaw minnhom matul il-perijodi ta’ mard rispettivi tagħhom u, għal dawk fosthom li l-kuntratti tagħhom kienu ġew xolti, talbu minflok kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda. Dawn it-talbiet tressqu inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment ta’ sena li jagħti dritt għal-leave annwali mħallas, u kienu limitati biss għad-drittijiet miksuba matul, l-iktar, żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi.

11

Keolis Agen ċaħdet l-imsemmija talbiet abbażi tal-Artikolu L. 3141–5 tal-Kodiċi tax-Xogħol, minħabba li l-waqfien mix-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali dam għal iktar minn sena u ma kienx ikkawżat minn marda kkaġunata mix-xogħol.

12

Peress li qiesu li dan ir-rifjut kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-conseil de prud’ hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali ta’ Agen, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi.

13

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħux jinvokaw id-dritt għal-leave annwali mħallas imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fil-konfront ta’ Keolis Agen, jiġifieri impriża privata, li għandha delega ta’ servizz pubbliku.

14

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix espressament it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba matul waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul. Din il-qorti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, dik li tirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761), terminu ta’ trasferiment ’il quddiem ta’ ħmistax-il xahar jista’ jiġi aċċettat, meta l-perijodu ta’ riferiment li fih ikun inkiseb id-dritt għal leave annwali mħallas ikun ta’ iktar minn sena. Barra minn hekk, il-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, Franza) irrikonoxxa tali terminu ta’ ħmistax-il xahar fil-ġurisprudenza tiegħu. Għall-kuntrarju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) irrikonoxxiet, fil-ġurisprudenza tagħha, il-possibbiltà ta’ trasferiment ’il quddiem illimitat tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas akkumulati minħabba waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul. Fid-dawl ta’ dawn id-diverġenzi fil-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar it-tul ta’ trasferiment ’il quddiem raġonevoli li jista’ jiġi aċċettat u, min-naħa l-oħra, dwar jekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tiddelimita l-imsemmi tul, terminu ta’ trasferiment ’il quddiem illimitat huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

15

F’dan il-kuntest, il-conseil de prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali ta’ Agen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa direttament applikabbli fir-relazzjonijiet bejn operatur privat tat-trasport, li għandu delega ta’ servizz pubbliku waħda biss, u l-impjegati tiegħu, b’mod partikolari fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri?

2.

Liema huwa t-tul raġonevoli ta’ trasferiment ’il quddiem tal-erba’ ġimgħat ta’ leave imħallas miksub, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, meta l-perijodu li fih jistgħu jiġu akkumulati d-drittijiet ta’ leave imħallas huwa ta’ sena?

3.

L-applikazzjoni ta’ terminu ta’ trasferiment ’il quddiem illimitat fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni nazzjonali, leġiżlattiva jew li tirriżulta minn ftehim, li tkopri l-imsemmi trasferiment ’il quddiem, hija kuntrarja għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem jista’ jinvoka d-dritt għal-leave annwali mħallas fil-konfront tal-persuna li timpjegah, anki jekk din tkun impriża privata, li għandha delega ta’ servizz pubbliku.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex, bħala prinċipju, intiż li jiġi invokat f’tilwima bejn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 48).

18

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li din id-dispożizzjoni tirrifletti u tikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, iżda wkoll fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

20

Għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li kull ħaddiem huwa intitolat għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Dan id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari u li għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss fil-limiti stipulati espressament mid-Direttiva 2003/88 stess (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-dritt għal-leave annwali mħallas, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, għandu mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-kuntest, filwaqt li l-Artikolu 31(2) tal-Karta jiggarantixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jimplimenta dan il-prinċipju billi jiffissa t-tul tal-imsemmi perijodu (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, stabbilit għal kull ħaddiem fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu, fir-rigward tal-eżistenza tiegħu stess, natura kemm imperattiva kif ukoll inkundizzjonali, peress li din tal-aħħar fil-fatt ma għandhiex tiġi kkonkretizzata b’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, li huma biss meħtieġa sabiex jippreċiżaw it-tul eżatt tal-leave annwali mħallas u, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tagħti lill-ħaddiema dritt invokabbli bħala tali, f’tilwima kontra l-persuna li timpjegahom f’sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

L-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu, għaldaqstant, b’mod partikolari, il-konsegwenza, f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li l-qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah li jkollha l-kwalità ta’ individwu, għandha ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tikser il-prinċipju li jipprovdi li l-imsemmi ħaddiem ma jistax jiċċaħħad minn dritt miksub għal leave annwali mħallas fl-iskadenza tal-perijodu ta’ riferiment u/jew ta’ perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem stabbilit mid-dritt nazzjonali meta dan il-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu, jew, korrelattivament, li jibbenefika mill-kumpens finanzjarju li jissostitwixxih fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali mħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 7581).

25

Barra minn hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom il-ħaddiem ma jkunx kapaċi jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru ma jistax jissuġġetta d-dritt għal-leave annwali mħallas għall-obbligu li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca SpA, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 59).

26

Dan japplika, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema li huma assenti mix-xogħol minħabba leave tal-mard matul il-perijodu ta’ riferiment. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tad-dritt għal-leave annwali mħallas, dawn il-ħaddiema huma assimilati ma’ dawk li effettivament ħadmu matul dan il-perijodu (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca SpA, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 60).

27

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma għalhekk intitolati li jinvokaw id-dritt għal-leave annwali mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u kkonkretizzat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, fir-rigward tal-persuna li timpjegahom, indipendentement mill-kwalità tagħha ta’ impriża privata, detentriċi ta’ delega ta’ servizz pubbliku, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħalli mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

28

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 31(2) tal-Karta u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem jista’ jinvoka d-dritt għal-leave annwali mħallas, stabbilit mill-ewwel waħda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u kkonkretizzat mit-tieni waħda, fir-rigward tal-persuna li timpjegah, peress li l-fatt li din hija impriża privata, detentriċi ta’ delega ta’ servizz pubbliku, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Fuq it‑tieni domanda

29

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi t-tul tat-trasferiment ’il quddiem applikabbli għad-dritt għal leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, f’każ ta’ perijodu ta’ riferiment ekwivalenti għal sena.

30

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, skont il-kundizzjonijiet għall-kisba u għall-għoti previsti mil-leġiżlazzjonijiet u/jew mill-prattiki nazzjonali.

31

Konsegwentement, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal leave annwali mħallas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas)C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Kif irrilevaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddefinixxi t-tul tal-perijodu tat-trasferiment ’il quddiem applikabbli għad-dritt għal leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, peress li d-determinazzjoni ta’ dan it-tul taqa’ taħt il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal leave annwali mħallas u li, konsegwentement, hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat. Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżamina jekk it-tul tal-perijodu tat-trasferiment ’il quddiem stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat huwiex ta’ natura li jippreġudika dan id-dritt għal leave annwali mħallas.

33

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda.

Fuq it‑tielet domanda

34

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prattika nazzjonali li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu ratione temporis espress għat-trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba u mhux eżerċitati minħabba waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul, tippermetti li jintlaqgħu talbiet għal leave annwali mħallas imressqa minn ħaddiem wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment li jagħti dritt għal dan il-leave.

Fuq l‑ammissibbiltà

35

Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jsostnu li t-tielet domanda hija inammissibbli.

36

Skont il-Gvern Franċiż, l-espożizzjoni tal-qafas regolamentari ipprovdut mill-qorti tar-rinviju hija ineżatta u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li minnha ma jirriżultax li d-dritt nazzjonali jippermetti trasferiment ’il quddiem illimitat tad-drittijiet għal leave annwali mħallas akkumulati matul waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul. Dan il-gvern isostni li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa fid-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward, huwa t-terminu ta’ preskrizzjoni ordinarja ta’ tliet snin, previst fl-Artikolu L. 3245–1 tal-Kodiċi tax-Xogħol, li għandu japplika. Konsegwentement, id-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika u ma għandhiex rabta mar-realtà tal-kawżi prinċipali.

37

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tfakkar, b’mod partikolari, li XT, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑271/22, qabel it-tkeċċija tiegħu, kien waqaf mix-xogħol mingħajr interruzzjoni mid‑9 ta’ Jannar 2017 sal‑31 ta’ Ottubru 2018, li t-tkeċċija tiegħu kienet saret fit‑3 ta’ Diċembru 2018 u li t-talba għal kumpens kienet tressqet minnu fit‑3 ta’ Jannar 2019, jiġifieri xahar wara l-imsemmija tkeċċija u inqas minn tlettax-il xahar wara l-perijodu ta’ riferiment għad-drittijiet għal leave mħallas miksuba fl‑2017. Għalhekk, il-kawża prinċipali bl-ebda mod ma teħtieġ li tiġi eżaminata l-legalità ta’ eventwali trasferiment ’il quddiem illimitat ta’ drittijiet għal leave annwali mħallas, b’tali mod li din it-tielet domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħha.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo, C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod ċar il-qafas fattwali u regolamentari li fih tinsab it-tielet domanda, billi indikat ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix limitu ratione temporis għat-trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas. Barra minn hekk, hija esponiet b’mod ċar kif risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-imsemmija domanda hija ta’ natura ipotetika jew li ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, b’tali mod li l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt preċedenti ma tistax tiġi kkontestata.

40

Madankollu, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tressqu quddiem Keolis Agen inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment ikkonċernat u li dawn kienu limitati għad-drittijiet relatati ma’ żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet domanda tirrigwarda biss dawn iċ-ċirkustanzi, li jirriżultaw mill-kuntest fattwali li fih hija ġiet irrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

41

Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija ammissibbli sa fejn din tirrigwarda talbiet għal leave annwali mħallas imressqa minn ħaddiem inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment li jagħti dritt għal dan il-leave u limitati għal żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi.

Fuq il‑mertu

42

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mfakkra mil-punt 31 ta’ din is-sentenza, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet għal eżerċizzju u għal implimentazzjoni tad-dritt għal leave annwali mħallas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu minn dan id-dritt.

43

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iffissar ta’ perijodu għat-trasferiment ’il quddiem tal-leave annwali mhux meħud fit-tmiem ta’ perijodu ta’ riferiment jagħmel parti mill-kundizzjonijiet għal eżerċizzju u għal implimentazzjoni tad-dritt għal leave annwali mħallas u jaqa’ għalhekk, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C-214/10, EU:C:2011:761, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar ta’ perijodu ta’ riferiment jew ta’ perijodu ta’ trasferiment, sakemm il-ħaddiem li d-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-imsemmija direttiva (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas), C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għad-dritt fundamentali ta’ leave annwali mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 52(1) tagħha, jiġifieri li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 33, kif ukoll LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas), C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 36).

46

Għalhekk, fil-kuntest partikolari li fih il-ħaddiema kkonċernati kienu ġew preklużi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal leave annwali mħallas minħabba l-assenza tagħhom mix-xogħol minħabba mard, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja li ħaddiem f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol matul diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi kellu, bħala prinċipju, d-dritt li jakkumula, b’mod illimitat, id-drittijiet kollha għal leave annwali mħallas miksuba matul il-perijodu tal-assenza tiegħu mix-xogħol, tali kumulu illimitat ma jibqax jissodisfa l-għan innifsu tad-dritt għal-leave annwali mħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

L-imsemmi dritt għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa għandu obbligu jwettaq skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, li dan ikollu perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Id-dritt għal leave annwali mħallas għal ħaddiem li huwa inkapaċi għax-xogħol matul diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi ma jistax jissodisfa ż-żewġ aspetti tal-għan tiegħu, ħlief fil-każ fejn it-trasferiment ’il quddiem tal-leave ma jaqbiżx ċertu limitu ta’ żmien. Fil-fatt, meta jinqabeż tali limitu, il-leave annwali jkun nieqes mill-effett pożittiv tiegħu għall-ħaddiem fil-kwalità tiegħu ta’ żmien ta’ mistrieħ, u jżomm biss il-kwalità ta’ perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punti 3133, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom jinsab ħaddiem li huwa inkapaċi għax-xogħol għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl mhux biss tal-protezzjoni tal-ħaddiem intiża mid-Direttiva 2003/88, iżda wkoll fid-dawl tal-protezzjoni tal-persuna li timpjega, affaċjata bir-riskju ta’ kumulu kbir wisq ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem u tad-diffikultajiet li dawn jistgħu jimplikaw għall-organizzazzjoni tax-xogħol, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jillimitaw il-kumulu tad-drittijiet għal leave annwali mħallas għal perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tal-leave li fl-iskadenza tiegħu dawn id-drittijiet jintemmu, sa fejn l-imsemmi perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem jiggarantixxi b’mod partikolari lill-ħaddiem li jista’ jkollu, jekk ikun hemm bżonn, perijodi ta’ mistrieħ li jistgħu jkunu mifruxa, ippjanati u disponibbli fit-tul, u li jeċċedi sostanzjalment it-tul tal-perijodu ta’ riferiment li għalih huwa mogħti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 41, u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ perijodi ta’ riferiment ta’ sena, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jillimitaw, għal perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tal-leave ta’ ħmistax-il xahar li fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal-leave annwali mħallas jintemm, il-kumulu tad-drittijiet għal tali leave ta’ ħaddiem li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol matul diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi, minħabba li tali dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali ma jiksrux l-għan ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punti 4344).

50

F’dan il-każ, fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju indikat li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix espressament limitu ratione temporis fir-rigward tat-trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba u mhux meħuda minħabba waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul, mill-indikazzjonijiet tagħha jirriżulta wkoll li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tressqu quddiem Keolis Agen inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment kkonċernat u li dawn kienu limitati għad-drittijiet relatati ma’ żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi.

51

Peress li, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali mħallas u, għalhekk, jistabbilixxu limiti ta’ żmien għat-trasferiment ’il quddiem ta’ dan id-dritt meta dan jirriżulta neċessarju sabiex l-għan ta’ dan id-dritt ma jinkisirx, u dan b’osservanza tar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, peress li l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li tali limiti jkunu previsti mil-liġi, dan l-istess artikolu ma jipprekludix leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali milli tippermetti li jintlaqgħu applikazzjonijiet għal-leave annwali mħallas imressqa inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment inkwistjoni u limitati biss għad-drittijiet miksuba u mhux eżerċitati, minħabba waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul, matul żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi.

52

Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47u 48 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li tali trasferiment ’il quddiem ma jiksirx l-għan tad-dritt għal leave annwali mħallas, peress li tali leave jżomm il-kwalità tiegħu ta’ ħin ta’ mistrieħ għall-ħaddiem ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, li tali trasferiment ma jidhirx li huwa ta’ natura li jesponi lill-persuna li timpjega għar-riskju ta’ kumulu kbir wisq ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem.

53

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prattika nazzjonali li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu ratione temporis espress għat-trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba u mhux eżerċitati minħabba waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul, tippermetti li jintlaqgħu talbiet għal leave annwali mħallas imressqa minn ħaddiem inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment li jagħti dritt għal dan il-leave u limitati għal żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem jista’ jinvoka d-dritt għal-leave annwali mħallas, stabbilit mill-ewwel waħda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u kkonkretizzat mit-tieni waħda, fir-rigward tal-persuna li timpjegah, peress li l-fatt li din hija impriża privata, detentriċi ta’ delega ta’ servizz pubbliku, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

 

2)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prattika nazzjonali li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu ratione temporis espress għat-trasferiment ’il quddiem tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba u mhux eżerċitati minħabba waqfien mix-xogħol minħabba mard fit-tul, tippermetti li jintlaqgħu talbiet għal leave annwali mħallas imressqa minn ħaddiem inqas minn ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment li jagħti dritt għal dan il-leave u limitati għal żewġ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top