Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0265

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
    ZR u PI vs Banco Santander SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n. 17 de Palma de Mallorca.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżola li tipprevedi rata ta’ interessi varjabbli – Indiċi ta’ referenza bbażat fuq ir-rati perċentwali annwali ta’ imposta (RPAI) tas-self ipotekarju mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu – Indiċi stabbilit permezz ta’ att regolatorju jew amministrattiv – Indikazzjonijiet li jinsabu fil-preambolu ta’ dan l-att – Kontroll relatat mar-rekwiżit ta’ trasparenza – Evalwazzjoni tan-natura inġusta.
    Kawża C-265/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:578

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżola li tipprevedi rata ta’ interessi varjabbli – Indiċi ta’ referenza bbażat fuq ir-rati perċentwali annwali ta’ imposta (RPAI) tas-self ipotekarju mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu – Indiċi stabbilit permezz ta’ att regolatorju jew amministrattiv – Indikazzjonijiet li jinsabu fil-preambolu ta’ dan l-att – Kontroll relatat mar-rekwiżit ta’ trasparenza – Evalwazzjoni tan-natura inġusta”

    Fil-Kawża C‑265/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n. 17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Majorque, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ April 2022, fil-proċedura

    ZR,

    PI

    vs

    Banco Santander SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, J.-C. Bonichot u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal PI u ZR, minn F. Fuster-Fabra Toapanta u A. Rebollo Redondo, abogados,

    għal Banco Santander SA, minn J.M. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 3(1), tal-Artikoli 4 u 5, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZR u PI, minn naħa, u Banco Santander SA, min-naħa l-oħra, dwar il-validità tal-klawżola ta’ reviżjoni perjodika tar-rata ta’ interessi applikabbli għal self ipotekarju mogħti lil ZR u lil PI mill-predeċessur legali ta’ Banco Santander.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 93/13

    3

    Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    4

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

    Id‑Direttiva 2005/29

    6

    Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2005/29, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Ġunju 2007 l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha, u kellhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan. Dawn id-dispożizzjonijiet kellhom ikunu applikabbli sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Diċembru 2007.

    Id‑dritt Spanjol

    7

    Skont l-Artikolu 1258 tal-Código civil (il-Kodiċi Ċivili):

    “Il-kuntratt huwa konkluż sempliċement bil-kunsens tal-partijiet u huwa vinkolanti mhux biss għal dak li huwa espress fih, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha li, skont in-natura tiegħu, huma attribwiti għall-obbligu mill-bona fide, mill-użu jew mil-liġi.”

    8

    Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-ley 7/1998, sobre ciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998, dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kuntratti), tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal‑14 ta’ April 1998, p. 12304).

    9

    L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “Il-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin jitqiesu li ma humiex fil-kuntratt:

    (a)

    dawk li għalihom il-konsumatur ma kellux realment l-opportunità li jsir jaf kompletament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew li ma ġewx iffirmati, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 5;

    (b)

    dawk li ma jistgħux jinqraw, huma ambigwi, li ma humiex ċari u li ma jinftehmux, ħlief, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, meta l-parti aderenti tkun aċċettathom espressament bil-miktub u meta dawn josservaw il-leġiżlazzjoni speċifika dwar it-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali f’dan il-qasam.”

    10

    Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi:

    “1.   Huma nulli ipso jure l-kundizzjonijiet ġenerali li, bi ħsara għall-parti aderenti, jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ta’ kwalunkwe regola imperattiva oħra li jew projbittiva, ħlief jekk dawn ma jippenalizzawx b’mod differenti l-ksur tagħhom.

    2.   B’mod partikolari, huma nulli l-kundizzjonijiet ġenerali inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur […]”

    11

    Il-ley 3/1991, de Competencia Desleal (il-Liġi 3/1991, dwar il-Kompetizzjoni Żleali), tal‑10 ta’ Jannar 1991 (BOE Nru 10, tal‑11 ta’ Jannar 1991, p. 959), tipprovdi fl-Artikolu 4(1) tagħha:

    “Aġir jitqies li huwa żleali jekk ikun oġġettivament kuntrarju għar-rekwiżiti tal-bona fide.

    Fir-relazzjonijiet mal-konsumaturi jew mal-utenti, l-aġir ta’ bejjiegħ jew fornitur tmur kontra r-rekwiżiti tal-bona fide jekk jikser ir-regoli tad-diliġenza professjonali, mifhuma bħala l-livell ta’ kompetenza speċjalizzata u ta’ kura li l-bejjiegħ jew fornitur huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita skont il-prattika onesta fis-suq, u jekk joħloq distorsjoni sostanzjali jew jista’ joħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

    Għall-finijiet ta’ din il-liġi, aġir ekonomiku tal-konsumatur jew tal-utent ifisser kull deċiżjoni li permezz tagħha l-konsumatur jew l-utent jagħżel li jaġixxi jew li ma jiħux azzjoni fir-rigward ta’:

    (a)

    L-għażla ta’ offerta jew ta’ fornitur.

    (b)

    L-akkwist ta’ oġġett jew servizz u, fejn xieraq, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ dan l-akkwist.

    (c)

    Il-ħlas tal-prezz, b’mod sħiħ jew parzjali, jew kwalunkwe forma oħra ta’ ħlas.

    […]”

    12

    L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-ommissjoni jew il-ħabi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex id-destinatarju jieħu jew ikun jista’ jieħu deċiżjoni dwar l-aġir ekonomiku tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti għandhom jitqiesu bħala żleali. Huwa wkoll aġir żleali jekk l-informazzjoni pprovduta ma tkunx ċara, ma tinftehimx, tkun ambigwa jew mhux f’waqtha, jew jekk l-għan kummerċjali ta’ din il-prattika ma jiġix żvelat, peress li dan ma jirriżultax mill-kuntest.

    2.   Sabiex tiġi ddeterminata n-natura qarrieqa tal-atti msemmija fil-paragrafu preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali li fih iseħħu, b’mod partikolari l-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħhom kif ukoll il-limiti proprji tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat.”

    13

    Il-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja) adotta l-Avviż 8/1990, a entidades de crédito, sobre rebre de las operaciones y protección de la clientela (l-Avviż 8/1990, għall-Attenzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, dwar it-Trasparenza tat-Tranżazzjonijiet u l-Protezzjoni tal-Klijenti), tas‑7 ta’ Settembru 1990 (BOE Nru 226, tal‑20 ta’ Settembru 1990, p. 27498). Dan ġie emendat, b’mod partikolari, permezz tal-Avviż 5/1994, a entidades de crédito (l-Avviż 5/1994, għall-Attenzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), tat‑22 ta’ Lulju 1994 (BOE Nru 184, tat‑3 ta’ Awwissu 1994, p. 25106). Wara li ġie emendat bl-Avviż 5/1994, l-Avviż 8/1990 stabbilixxa ċerti indiċi jew rati ta’ referenza uffiċjali għas-self ipotekarju. Fost dawn kien hemm diversi rati medji ta’ self ipotekarju għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin, intiż għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat liberament (iktar ’il quddiem l-“IRPH”), fosthom dik relatata mas-self mogħti mill-banek (iktar ’il quddiem l-“IRPH tal-banek”) u dik relatata mas-self mogħti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha (iktar ’il quddiem l-“IRPH tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu”).

    14

    Il-preambolu tal-Avviż 5/1994, l-avviż emendatorju msemmi fil-punt preċedenti, kien fih is-silta li ġejja:

    “Ir-rati ta’ referenza magħżula huma, fl-aħħar analiżi, [rati perċentwali annwali ta’ imposta (RPAI)]. Ir-rati medji tas-self ipotekarju mogħti mill-banek u mill-istituzzjonijiet kollha għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat b’mod liberu jikkostitwixxu, bħala tali, RPAI, peress li jinkludu wkoll l-effett tal-kummissjonijiet. Barra minn hekk, l-użu tagħhom direttament u sempliċement bħala rata kuntrattwali jimplika t-tqegħid tar-[RPAI] tat-tranżazzjoni ipotekarja ogħla mir-rata applikata fis-suq. Sabiex ir-RPAI ta’ din it-tranżazzjoni tiġi allinjata ma’ dik tas-suq, huwa neċessarju li tiġi applikata differenzjali negattiv, li l-valur tiegħu jvarja skont il-kummissjonijiet tat-tranżazzjoni u l-frekwenza tal-ħlasijiet.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    15

    Fit‑12 ta’ Mejju 2006, ZR u PI, minn naħa, u l-predeċessur legali ta’ Banco Santander, min-naħa l-oħra, ikkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju għas-somma ta’ EUR 197 934.54.

    16

    Konformement mal-Artikolu 3bis ta’ dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“klawżola kontenzjuża”), ir-rata ta’ interessi hija varjabbli, peress li rata ġdida għandha tiġi ddeterminata fi tmiem kull perijodu ta’ tnax-il xahar, għat-tnax-il xahar sussegwenti, u dan sat-tmiem tal-imsemmi kuntratt. Ir-rata tal-imgħax ġdida hija stabbilita skont “rata ta’ referenza”, jiġifieri l-IRPH tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, miżjuda b’0.20 punt perċentwali, jew b’“rata ta’ referenza alternattiva”, jiġifieri l-IRPH tal-banek, miżjuda b’0.50 punt perċentwali.

    17

    Il-paragrafu 3 tal-klawżola kontenzjuża jiddefinixxi r-rata ta’ referenza kif ġej:

    “Ir-rata ta’ referenza hija [l-IRPH tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu], iddefinita bħala l-medja sempliċi tar-rati ta’ interess medji pponderati mill-kapital tat-tranżazzjonijiet ta’ self b’garanzija ipotekarja għal perijodu ta’ tliet snin jew iktar intiża għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat liberament, tranżazzjonijiet li [l-entitajiet kollha, jiġifieri l-]banek, il-banek tat-tfaddil u l-kumpanniji ta’ kreditu ipotekarju bdew jew ġeddew matul ix-xahar ta’ referenza tal-indiċi, billi jieħdu bħala riferiment l-aħħar waħda minn dawn ir-rati medji li hija ppubblikata fil-[BOE] mill-Bank ta’ Spanja qabel il-bidu ta’ kull perijodu ta’ interessi ġdid u matul it-tliet xhur kalendarji preċedenti.”

    18

    Dan il-paragrafu 3 jiddefinixxi f’termini analogi r-rata ta’ referenza alternattiva, li hija applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ pubblikazzjoni tar-rata ta’ referenza.

    19

    Huwa ppreċiżat ukoll fil-klawżola kontenzjuża li r-rata ta’ referenza u r-rata ta’ referenza alternattiva huma deskritti fl-Anness VIII tal-Avviż 8/1990.

    20

    Fit‑13 ta’ Frar 2020, ZR u PI adixxew lill-Juzgado de Primera Instancia n. 17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżola kontenzjuża minħabba n-natura inġusta tagħha u sabiex Banco Santander tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li huma allegatament sostnew minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola.

    21

    ZR u PI jsostnu quddiem din il-qorti li l-fatt li l-klawżola kontenzjuża tirreferi, għar-reviżjoni annwali tar-rata ta’ interessi tas-self tagħhom, għal IRPH, filwaqt li tipprevedi żieda żgħira ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri 0.20 punt perċentwali jekk din tkun l-IRPH tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew 0.50 punt perċentwali fil-każ tal-IRPH tal-banek, huwa qarrieqi. Fil-fatt, tali preżentazzjoni, li tikkonsisti f’żieda relattivament limitata, tħeġġeġ lill-applikanti għal self jikkonkludu self li r-rata tiegħu tista’ tiġi riveduta b’riferiment għal IRPH pjuttost milli b’riferiment għar-rata medja tas-suq interbankarju Ewropew (iktar ’il quddiem l-“indiċi Euribor”), filwaqt li, b’żieda nettament ikbar, anki ta’ madwar 2 %, riferiment għall-indiċi Euribor iwassal għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi riveduta inqas. Dan jirriżulta mill-fatt li, kuntrarjament għall-indiċi Euribor, l-IRPH huma kkalkolati abbażi ta’ rati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kummissjonijiet. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-dannu li sofrew minħabba l-applikazzjoni tal-klawżola kontenzjuża jammonta għal EUR 39 799.25.

    22

    Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkontesta l-imsemmija talba f’dak li jirrigwarda kemm l-affermazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża kif ukoll l-evalwazzjoni tad-dannu allegat. Hija ssostni wkoll li din il-klawżola ġiet innegozjata individwalment u li hija legali bħala prinċipju, peress li l-IRPH jikkostitwixxu indiċi uffiċjali u pubbliċi, u għalhekk aċċessibbli għall-konsumaturi, b’tali mod li dawn tal-aħħar jistgħu għalhekk ikunu jafu d-data rilevanti fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tagħhom u tal-iżvilupp storiku tagħhom b’riferiment għad-data li tinsab fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    23

    Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, barra minn hekk, li n-nullità tal-klawżola kontenzjuża kellha tiġi kkonstatata minħabba l-fatt li din, peress li kienet tindika IRPH bħala rata ta’ referenza għar-reviżjonijiet perjodiċi tar-rata ta’ interessi tas-self ikkonċernat, kellha tipprevedi l-applikazzjoni ta’ differenzjali negattiv, kif jeżiġi l-Avviż 5/1994, u mhux differenzjali pożittiv.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-preambolu tal-Avviż 5/1994 ma għandux valur normattiv. Madankollu, hija tqis li dan juri li l-awtorità amministrattiva li hija l-awtur ta’ dan l-avviż qieset li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jinkludu riferiment għal IRPH għandha ssir flimkien mal-applikazzjoni ta’ differenzjali negattiv.

    25

    Fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-klawżola kontenzjuża, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jsemmix l-indikazzjonijiet li jinsabu f’dan il-preambolu dwar l-applikazzjoni ta’ differenzjali negattiv għall-IRPH sabiex jiġu allinjati mar-rata tas-suq.

    26

    Fir-rigward tal-effetti tal-klawżola kontenzjuża, din il-qorti tenfasizza li r-riferiment għal IRPH huwa intrinsikament sfavorevoli għall-persuni li jissellfu, sa fejn tali indiċi huwa kkostitwit minn medja tar-rati ta’ interessi tat-tranżazzjonijiet ta’ self kollha kkonċernati pendenti, peress li dawn ir-rati huma diġà kkostitwiti parzjalment minn kummissjonijiet u minn żidiet.

    27

    Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-assenza ta’ informazzjoni mogħtija lill-persuni li jissellfu dwar il-kontenut tal-preambolu tal-Avviż 5/1994, u għalhekk dwar il-karatteristiċi tal-IRPH, iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, dwar il-livelli rispettivi tal-IRPH u tal-indiċi Euribor, tista’ tmur kontra l-bona fide u toħloq żbilanċ għad-detriment tal-konsumaturi, li jiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-klawżola kontenzjuża bħala inġusta.

    28

    Barra minn hekk, hija tqis li l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-kontenut tal-preambolu tal-Avviż 5/1994, flimkien mal-applikazzjoni ta’ differenzjali pożittiv ftit inqas minn dawk applikati għas-self li r-rati tagħhom huma ffissati b’riferiment għall-indiċi Euribor, tista’ tikkostitwixxi strateġija kummerċjali, intiża sabiex tingħata l-impressjoni li l-piż tal-interessi ser ikun vantaġġuż. Għall-kuntrarju, il-komunikazzjoni lill-applikanti għal self tal-informazzjoni li tinsab fil-preambolu tal-Avviż 5/1994 tippermettilhom jieħdu deċiżjoni informata.

    29

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-possibbiltà li l-inklużjoni tal-klawżola kontenzjuża fil-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali titqies bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2005/29, peress li toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni b’mod sostanzjali fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju minħabba l-assenza ta’ informazzjoni dwar in-neċessità li tiġi applikata differenzjali negattiv meta r-rata ta’ referenza tkun IRPH. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali żleali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia n. 17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Mallorca) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Peress li l-kalkolu tal-indiċi [tal-IRPH tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu] jinkludi l-onorarji u d-differenzjali applikati, li huma inkorporati fir-rata tal-interessi, b’mod li [dan] jirriżulta […] iktar oneruż […] għall-konsumatur mir-rati annwali ekwivalenti l-oħra fis-suq, u peress li, skont l-Avviż 5/1994 […] – li huwa kriterju normattiv tal-korp regolatorju –, dawn id-differenzjali għandhom ikunu negattivi, rekwiżit li b’mod ġenerali tħalla barra u ma twettaqx mill-entitajiet finanzjarji, it-tbegħid totali mill-kriterju normattiv tal-korp regolatorju jmur kontra l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva [2005/29]?

    2)

    Jekk jiġi stabbilit li t-tbegħid mill-kriterju normattiv preċedenti jmur kontra l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2005/29, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [fil-kawża C‑689/20], din il-prattika żleali tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola u tmur kontra l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva […]?

    3)

    Jekk l-Avviż 5/1994 […] speċifiku għas-settur finanzjarju, madankollu mhux magħruf mill-pubbliku ġenerali, bl-ebda mod ma ttieħed inkunsiderazzjoni, u jiġi ddikjarat li dan il-fatt imur kontra l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, dan jikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 li jeħtieġ li jiġi applikat kontroll ta’ trasparenza fir-rigward tal-[indiċi IRPH] kompost minn “indiċi ta’ riferiment u minn differenzjali”?

    4)

    L-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 93/13 jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni speċifika tal-indiċi ta’ riferiment tas-self ipotekarju, [li tqis li ma] jikkostitwixxi[x] prattika inġusta, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ differenzjali negattiv[,] minkejja l-obbligu impost fil-preambolu tal-Avviż [5/1994], [u l-fatt li l-IRPH,] li huwa inqas vantaġġuż mir-rati annwali ekwivalenti kollha eżistenti, ġie kkummerċjalizzat daqs li kien prodott daqstant vantaġġuż daqs ir-rata interbankarja offruta f’Euro (EURIBOR) mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li [tiġi applikata għall-IRPH] differenzjali negattiv u, [għaldaqstant], tkun tista’ titwaqqaf il-konklużjoni ta’ kuntratti minħabba li l-klawżoli li jipprevedu [tali] applikazzjoni [tal-IRPH] huma meqjusa invalidi u l-entitajiet bankarji jkunu jistgħu jastjenu milli jużawhom fil-futur, peress li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan is-servizz ma’ konsumaturi vulnerabbli tista’ taffettwa l-aġir ekonomiku [tagħhom] u [tkun tista’] tiġi ddikjarata n-nuqqas ta’ inklużjoni tagħhom fil-kuntratti kummerċjali [minħabba] n-natura żleali tagħhom minħabba l-inklużjoni tagħhom [għad-determinazzjoni tar-rati ta’ interessi] bi ksur tad-Direttiva 2005/29?

    5)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi n-nuqqas ta’ kontroll ta’ inklużjoni u tan-natura inġusta [ta’ klawżola li tipprevedi li r-rata ta’ interessi varjabbli ta’ kuntratt ta’ self hija ddeterminata b’riferiment għall-IRPH] fil-każ ta’ differenzjali impost b’mod moħbi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fl-offerta magħmula minn entità bankarja, id-differenzjali għandu jkun negattiv u l-konsumatur, fil-mument tal-fażi ta’ informazzjoni prekuntrattwali, ma jkunx għaraf l-aġir ekonomiku tal-interessi applikati fir-rigward tas-self tiegħu, fatt li jmur kontra d-Direttiva 2005/29?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel sat‑tielet u tal‑ħames domanda

    31

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2005/29 ta’ kuntratt ta’ self b’rata varjabbli konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li l-klawżola tiegħu li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ reviżjoni perjodika tar-rata ta’ interessi tieħu bħala riferiment indiċi uffiċjali li għalih tiġi applikata żieda, b’tali mod li titbiegħed mill-indikazzjonijiet li jinsabu fl-att li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti stabbilixxiet dan l-indiċi, li kienu jippreċiżaw għall-kuntrarju li, fid-dawl tal-metodu ta’ kalkolu tagħha, huwa neċessarju li tiġi applikata differenzjali negattiv sabiex ir-RPAI tiġi allinjata ma’ dik tas-suq.

    32

    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti titlob ċerti preċiżazzjonijiet fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv.

    33

    Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self li r-rata ta’ interessi tiegħu hija ppreżentata b’mod qarrieqi, li ma josservax ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/29.

    34

    Hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan ir-rigward, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, jirriżulta mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-talba għal domanda preliminari għandu jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    L-ewwel sat-tielet u l-ħames domanda magħmula jippreżupponu li d-Direttiva 2005/29 hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti ġuridiċi, is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32).

    38

    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-direttivi, huma biss, bħala regola ġenerali, is-sitwazzjonijiet legali miksuba wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva li jaqgħu, ratione temporis, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B.,C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Issa, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2005/29, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Ġunju 2007 id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha u dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu applikati sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Diċembru ta’ wara.

    40

    Fil-prattika, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni indikaw waqt is-seduta li d-Direttiva 2005/29 kienet finalment ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-ley 29/2009, por la que se modifica el régimen legal de la competencia desleal y de la publicidad para la mejora de la protección de los consumidores y usuarios (il-Liġi 29/2009, li Temenda s-Sistema Legali tal-Kompetizzjoni Żleali u tar-Reklamar għall-Finijiet tat-Titjib tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti), tat‑30 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 315, tal‑31 ta’ Diċembru 2009, p. 112039).

    41

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2005/29 ma kinitx applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħet fit‑12 ta’ Mejju 2006.

    42

    Konsegwentement, l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex relatata mas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-ewwel sat-tielet domanda kif ukoll, parzjalment, il-ħames domanda, li jirrigwardaw, b’mod dirett jew indirett, din l-interpretazzjoni, huma inammissibbli.

    43

    Fir-rigward tal-ħames domanda, sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tipprovdix l-elementi meħtieġa mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, intiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli lill-qorti tar-rinviju, peress li din it-talba ma tesponix ir-raġunijiet li wasslu lil din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

    44

    Konsegwentement, il-ħames domanda hija wkoll inammissibbli fl-intier tagħha.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    45

    Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li ma hijiex inġusta klawżola ta’ kuntratt ta’ self b’rata varjabbli li tieħu bħala indiċi ta’ referenza IRPH bl-applikazzjoni fil-konfront tagħha ta’ żieda, minkejja l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-preambolu tal-Avviż 5/1994.

    46

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix informazzjoni dwar il-kontenut preċiż tal-ġurisprudenza nazzjonali msemmija f’din id-domanda, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tagħti risposta skont din il-ġurisprudenza.

    47

    It-tieni, mill-argumenti li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija domanda tirrigwarda mhux biss il-fatt li l-klawżola kontenzjuża ma tipprevedix l-applikazzjoni ta’ differenzjali negattiv għall-IRPH indikata bħala indiċi ta’ referenza sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-metodu ta’ kalkolu tal-IRPH kif deskritti fil-preambolu tal-Avviż 5/1994, iżda wkoll l-assenza ta’ informazzjoni mogħtija lill-persuni li jissellfu matul il-fażi prekuntrattwali dwar l-eżistenza u l-kontenut ta’ dawn l-indikazzjonijiet, li huwa kkorroborat b’mod partikolari mir-riferiment għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, liema dispożizzjoni tirrigwarda r-rekwiżit ta’ trasparenza.

    48

    Fl-aħħar nett, it-tielet, minn dawn l-argumenti jirriżulta wkoll li, minn naħa, il-klawżola kontenzjuża tirreferi għall-Avviż 8/1990 sa fejn dan tal-aħħar jiddeskrivi l-IRPH fl-Anness VIII tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-preambolu li jinkludi l-indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-metodu ta’ kalkolu tal-IRPH ma jinsabx f’dan l-avviż, iżda fl-Avviż 5/1994 li t-tnejn li huma kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni uffiċjali.

    49

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tat-trasparenza u tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli li tindika bħala indiċi ta’ referenza, għar-reviżjoni perjodika tar-rata ta’ interessi applikabbli għal dan is-self, indiċi stabbilit minn avviż li kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni uffiċjali, li għaliha tiġi applikata żieda, il-kontenut tal-informazzjoni li tinsab f’avviż ieħor, li jsemmi n-neċessità li għal dan l-indiċi jiġi applikata, fid-dawl tal-metodu ta’ kalkolu tiegħu, differenzjali negattiv sabiex l-imsemmija rata ta’ interessi tiġi allinjata mar-rata tas-suq.

    50

    Għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan il-qasam tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċetti tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tagħha, filwaqt li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Constructora Principado, C‑226/12, EU:C:2014:10, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija ta’ importanza fundamentali għal konsumatur. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Konsegwentement u billi s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-imsemmija direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit għandu jinftiehem b’mod estensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    B’mod konkret, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżupponi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ self, l-istabbilimenti finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 51). F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni ta’ kuntratt, li għandha tivverifika li jkunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur ikkonċernat l-elementi kollha li jistgħu jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    F’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli humiex ifformulati b’mod ċar u komprensibbli b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jevalwa tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal informazzjoni kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġetti ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fir-rigward b’mod partikolari ta’ klawżola li tipprevedi, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, remunerazzjoni ta’ dan is-self permezz ta’ interessi kkalkolati fuq il-bażi ta’ rata varjabbli stabbilita, bħal fil-kawża prinċipali, b’riferiment għal indiċi uffiċjali, ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu għalhekk jinftiehem fis-sens li jimponi, b’mod partikolari, li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata u li għalhekk jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Fost l-elementi rilevanti li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward hemm mhux biss il-kontenut tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjar tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat, iżda wkoll il-fatt li l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu tal-indiċi ta’ referenza huma faċilment aċċessibbli, minħabba l-pubblikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch,C‑125/18, EU:C:2020:138, punti 52, 5356).

    57

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, l-indiċi ta’ referenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie stabbilit mill-Avviż 8/1990, li kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-Boletín Oficial del Estado. Min-naħa l-oħra, fil-klawżola kontenzjuża huwa ppreċiżat li dan l-indiċi huwa deskritt fl-Anness VIII ta’ dan l-avviż u li dan tal-aħħar joriġina mill-Bank ta’ Spanja.

    58

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li l-informazzjoni pprovduta b’dan il-mod kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li effettivament isir jaf bil-modalitajiet ta’ kalkolu tal-indiċi ta’ referenza msemmi fil-klawżola kontenzjuża.

    59

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għarfien effettiv tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-indiċi ta’ referenza msemmi fil-klawżola kontenzjuża, li jinsab fl-Anness VIII tal-Avviż 8/1990, kienx suffiċjenti sabiex konsumatur medju jkun jista’ jifhimhom u jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi tagħhom mingħajr ma tinġieb ukoll għall-attenzjoni tiegħu l-informazzjoni li tinsab fil-preambolu tal-Avviż 5/1994, hemm lok, għall-qorti tar-rinviju, li tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza, għal dan il-konsumatur, ta’ din l-informazzjoni sabiex jevalwa korrettament il-konsegwenzi ekonomiċi tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxi indizju rilevanti tal-utilità ta’ tali informazzjoni għall-konsumatur il-fatt li l-istituzzjoni awtriċi tal-Avviż 5/1994 qieset xieraq, permezz ta’ dan il-preambolu, li tiġbed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar il-livell tal-IRPH meta mqabbla mar-rata tas-suq u n-neċessità li tiġi applikata differenzjali negattiv sabiex jiġu allinjati ma’ din ir-rata.

    60

    Huwa wkoll rilevanti għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju l-fatt li din l-informazzjoni, minkejja li ġiet ippubblikata fil-Boletín Oficial del Estado, tinsab fil-preambolu tal-Avviż 5/1994, u mhux fl-avviż li jistabbilixxi l-indiċi ta’ referenza kuntrattwali, li għalih tirreferi l-klawżola kontenzjuża, jiġifieri l-Avviż 8/1990. B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk il-kisba tal-imsemmija informazzjoni kinitx tippreżupponi t-twettiq ta’ riċerka legali, li ma setax ikun raġonevolment mistenni minn konsumatur medju.

    61

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola bħalma hija l-klawżola kontenzjuża, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat preliminarjament li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li l-klawżola kontenzjuża kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward skont l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdu, b’mod partikolari li, jekk il-bejjiegħ jew fornitur jallega li klawżola standard ġiet innegozjata b’mod individwali, l-oneru tal-prova jaqa’ fuqu.

    63

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali, li hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, hija għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Sabiex jiġu speċifikati dawn il-kunċetti, għandu jitfakkar, minn naħa, fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede”, li, fid-dawl tas-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan il-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, hemm lok, b’mod partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, b’tali mod li jiġi evalwat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn dan il-kuntratt iqiegħed lil dan il-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli minn dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 59). F’dak li jirrigwarda klawżola dwar il-kalkolu tal-interessi ta’ kuntratt ta’ self, huwa wkoll rilevanti li jitqabblu l-metodu ta’ kalkolu tal-interessi ordinarji previsti minn din il-klawżola u l-ammont effettiv li jirriżulta minn din ir-rata, mal-metodi ta’ kalkolu normalment adottati u r-rata ta’ interessi legali kif ukoll ir-rati ta’ interessi applikati fis-suq fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal self ta’ ammont u ta’ terminu ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt ta’ self ikkunsidrat (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 65).

    66

    Għandu jitfakkar ukoll li n-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif meħtieġ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49). Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-fatt li klawżola ma tkunx redatta b’mod ċar u li jinftiehem ma huwiex, waħdu, ta’ natura li jagħtiha natura inġusta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Novembru 2021, Gómez del Moral Guasch, C‑655/20, EU:C:2021:943, punt 37).

    67

    Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 sa fejn dan jippreċiża li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, b’riferiment għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, peress li, skont il-preambolu tal-Avviż 5/1994, l-IRPH jinkludu l-effett tal-kummissjonijiet, jista’ jkun rilevanti li tiġi eżaminata n-natura tal-kummissjonijiet eventwalment stipulati fi klawżoli oħra tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi vverifikat jekk jeżistix riskju ta’ remunerazzjoni doppja ta’ ċerti servizzi tal-persuna li ssellef.

    68

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti 51 sa 67 ta’ din is-sentenza, wara li tkun ivverifikat l-elementi li jaqgħu fil-kuntest fattwali ta’ din il-kawża u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali.

    69

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tat-trasparenza u tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli li tindika bħala indiċi ta’ referenza, għar-reviżjoni perjodika tar-rata ta’ interessi applikabbli għal dan is-self, indiċi stabbilit minn avviż li kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni uffiċjali, li fir-rigward tiegħu tiġi applikata żieda, il-kontenut tal-informazzjoni li tinsab f’avviż ieħor, li jindika n-neċessità li jiġi applikat għal dan l-indiċi, fid-dawl tal-metodu ta’ kalkolu tiegħu, differenzjali negattiv sabiex din ir-rata ta’ interessi tiġi allinjata mar-rata tas-suq. Hija wkoll rilevanti l-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni hijiex suffiċjentement aċċessibbli għal konsumatur medju.

    Fuq l‑ispejjeż

    70

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1), kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tat-trasparenza u tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli li tindika bħala indiċi ta’ referenza, għar-reviżjoni perjodika tar-rata ta’ interessi applikabbli għal dan is-self, indiċi stabbilit minn avviż li kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni uffiċjali, li fir-rigward tiegħu tiġi applikata żieda, il-kontenut tal-informazzjoni li tinsab f’avviż ieħor, li jindika n-neċessità li jiġi applikat għal dan l-indiċi, fid-dawl tal-metodu ta’ kalkolu tiegħu, differenzjali negattiv sabiex din ir-rata ta’ interessi tiġi allinjata mar-rata tas-suq. Hija wkoll rilevanti l-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni hijiex suffiċjentement aċċessibbli għal konsumatur medju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top