EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0238

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2023.
FW vs LATAM Airlines Group SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KEE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(j) – Artikolu 3 – Artikolu 4(3) – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark – Passiġġier informat minn qabel dwar ir-rifjut ta’ imbark – Assenza ta’ obbligu għall-passiġġier li jippreżenta ruħu għall-imbark – Artikolu‑5(1)(ċ) – Eċċezzjonijiet għad-dritt għal kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira – Nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet fil-każ li l-imbark jiġi rrifjutat minn qabel.
Kawża C-238/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:815

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

26 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KEE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(j) – Artikolu 3 – Artikolu 4(3) – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark – Passiġġier informat minn qabel dwar ir-rifjut ta’ imbark – Assenza ta’ obbligu għall-passiġġier li jippreżenta ruħu għall-imbark – Artikolu‑5(1)(ċ) – Eċċezzjonijiet għad-dritt għal kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira – Nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet fil-każ li l-imbark jiġi rrifjutat minn qabel”

Fil-Kawża C‑238/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ April 2022, fil-proċedura

FW

vs

LATAM Airlines Group SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, M. Safjan u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FW, minn H. Hopperdietzel, Rechtsanwalt,

–        għal LATAM Airlines Group SA, minn S. Wassmer, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(j), tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 5(1)(ċ)(i) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn FW u LATAM Airlines Group SA (iktar ’il quddiem “Latam Airlines”) fir-rigward ta’ talba għal kumpens imressqa minn FW fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, wara li Latam Airlines imblukkat ir-reżervazzjoni ta’ FW għal titjira li kellha topera bejn Madrid (Spanja) u Frankfurt am Main (il-Ġermanja).

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessi 1 sa 4 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004:

“(1)      Azzjoni mil-Komunità fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(3)      Filwaqt li r-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91 ta’ l-4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)      Il-Komunità għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[...]

(9)      In-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom għandu jiġi mnaqqas billi l-trasportaturi ta’ l-ajru jiġu meħtieġa jsejħu volontarji biex jħallu r-reżervazzjonijiet tagħhom, bi skambju għal vantaġġi, minflok illi ma jħallux lill-passiġġieri jitilgħu, u billi jikkompensaw b’mod sħiħ dawk li fl-aħħar ma tħallewx jitilgħu.”

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi fil-punti (j) u (l):

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(j)      ‘il-fatt li persuna ma tħallietx titla’ [rifjut ta’ imbark] ifisser tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtà, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa;

[...]

(l)      ‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, huwa fformulat kif ġej fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)      għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

[...]

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

(a)      għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni [u, ħlief] fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

–        kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tour jew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

–        mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

(b)      ġew ittrasferiti minn trasportatur ta’ l-ajru jew operatur tat-tour mit-titjira għal liema kellhom reżervazzjoni għal titjira oħra, irrespettivament mir-raġuni.”

6        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu” [Rifjut ta’ imbark]:

“1.      Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li ma jħallix passiġġieri jitilgħu fuq titjira, għandu l-ewwel jagħmel sejħa għal voluntiera biex iħallu r-reżervazzjonijiet tagġhom bi skambju għal vantaġġi taħt kondizzjonijiet li għandhom jinftehmu bejn il-passiġġier in kwistjoni u l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera. Voluntiera għandhom jiġu mogħtija għajnuna skond l-Artikolu 8, din l-assistenza hi addizzjonali għall-vantaġġi msemmijin f’dan il-paragrafu.

2.      Jekk ikun hemm numru mhux suffiċjenti ta’ voluntiera biex il-numru ta’ passiġġieri b’reżervazzjonijiet li jibqa’ ikunu jistgħu jitilgħu fuq it-titjira, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ imbagħad ma jħallix jitilgħu passiġġieri kontra l-volontà tagħhom.

3.      Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9.”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[...]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba' sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

8        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

[...]

4.      Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        FW irriżervat ma’ Latam Airlines titjiriet tluq u ritorn bejn Frankfurt am Main u Madrid. It-titjira ta’ tluq kienet prevista għat-22 ta’ Diċembru 2017 u t-titjira ta’ ritorn għas‑7 ta’ Jannar 2018.

10      Peress li sabitha impossibbli li tagħmel check-in għaliha nnifisha online għat-titjira ta’ tluq fil-21 ta’ Diċembru 2017, FW ikkuntattjat lil Latam Airlines. B’hekk din tal-aħħar indikatilha li kienet, unilateralment u mingħajr ma kienet informatha minn qabel, biddlet ir-riżervazzjoni tagħha billi ttrasferietha fuq titjira preċedenti, li kellha topera fl‑20 ta’ Diċembru 2017. Waqt din il-komunikazzjoni, Latam Airlines informat ukoll lil FW li r-riżervazzjoni tagħha għat-titjira ta’ ritorn tas‑7 ta’ Jannar 2018 kienet ġiet imblukkata minħabba li ma kinitx ħadet it-titjira ta’ tluq.

11      B’konsegwenza ta’ dan, FW irriżervat kemm titjira ta’ tluq kif ukoll titjira ta’ ritorn ma’ trasportatur bl-ajru ieħor u ħallset EUR 528.23 għall-biljetti korrispondenti. Qabel ma nbdiet il-kawża prinċipali, Latam Airlines kienet madankollu rrimborsatha ammont ta’ EUR 101.55.

12      Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ikkundannat lil Latam Airlines tħallas lil FW, bħala kumpens flimkien mal-interessi, somma ta’ EUR 426.68, li tikkorrispondi għall-kumplament tal-prezz ta’ dawn il-biljetti, kif ukoll kumpens ta’ EUR 250 bis-saħħa tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt din il-qorti kkunsidrat il-bidla fir-riżervazzjoni tat-titjira ta’ tluq li kellha tiġi operata minn Latam Airlines bħala kanċellazzjoni. Fuq dan il-punt, din is-sentenza saret definittiva.

13      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba ta’ FW intiża għall-kisba ta’ kumpens addizzjonali ta’ EUR 250 minħabba r-rifjut ta’ imbark fuq it-titjira ta’ ritorn li hija kienet irriżervat ma’ dan it-trasportatur bl-ajru. Skont l-istess qorti, FW kienet is-suġġett ta’ rifjut ta’ imbark fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004 minkejja li ma kinitx ippreżentat ruħha għaċ-check-in jew mal-gate tat-tluq, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, peress li ma tagħmilx differenza għall-passiġġier jekk ir-rifjut li jiġi ttrasportat ikunx minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira jew, fil-każ li t-titjira titħalla topera, fuq rifjut ta’ imbark, il-qorti tal-ewwel istanza applikat b’analoġija l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament. Sussegwentement, hija rrifjutat li tagħti dan il-kumpens addizzjonali lil FW minħabba li kienet ġiet informata bir-rifjut ta’ imbark fil‑21 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri iktar minn ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst tat-titjira ta’ ritorn inizjalment irriżervata.

14      FW appellat kontra din is-sentenza fit‑2 ta’ Settembru 2021 quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. FW tikkontesta l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 għall-każijiet ta’ rifjut ta’ imbark.

15      Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kawża tqajjem żewġ domandi għal interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. Qabel kollox, din il-qorti tistaqsi jekk rifjut ta’ imbark, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jistax ikun sinjifikattiv meta trasportatur bl-ajru li jopera jinforma, bil-quddiem, lil passiġġier li ser jirrifjuta jħallih jimbarka fuq titjira li għaliha dan il-passiġġier għandu riżervazzjoni kkonfermata. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, tirriżulta għalhekk il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-kanċellazzjoni ta’ titjira, jistax japplika b’analoġija fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark.

16      Fuq l-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), iddeċidiet b’mod partikolari li ma jistax jiġi rikjest mill-passiġġier li dan jippreżenta ruħu għaċ-check-in jew għall-imbark, fil-każ ta’ rifjut “antiċipat” ta’ imbark, jiġifieri fil-każ ta’ bidla, li tkun ġiet ikkomunikata minn qabel lill-passiġġier, tar-riżervazzjoni billi l-passiġġier jiġi ttrasferit fuq titjira oħra jew, bħal f’dan il-każ, fil-każ ta’ tneħħija ta’ isem dan il-passiġġier mil-lista tal-passiġġieri awtorizzati jimbarkaw. Fil-fatt, fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri li għandu l-intenzjoni li jilħaq ir-Regolament Nru 261/2004, ma hemmx lok li jiġi rikjest minn passiġġier li jippreżenta ruħu l-ajruport u jitlob li jiġi ttrasportat jekk ikun diġà ġie stabbilit li mhux ser jitħalla jimbarka. Issa, filwaqt li taqbel mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li huwa neċessarju li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt.

17      Fuq it-tieni punt u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li, fil-każ ta’ rifjut antiċipat ta’ imbark, il-passiġġier jista’ jiġi kkumpensat mingħajr ma jkollu jippreżenta ruħu għaċ-check-in jew għall-imbark, il-qorti tar-rinviju tqis li, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kkunsidrax espressament il-każ inkwistjoni ta’ passiġġier li kien suġġett għal rifjut ta’ imbark antiċipat, tali passiġġier jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li jiġi applikat b’analoġija l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 għall-passiġġieri milquta minn rifjut ta’ imbark fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

18      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira, id-dritt għal kumpens ma huwiex applikabbli meta l-passiġġier ikun ġie informat b’din il-kanċellazzjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel. Tali terminu jitqies li jippermetti lill-passiġġier jadatta ruħu għas-sitwazzjoni ġdida, b’tali mod li d-diffikultajiet u l-iskumdità li d-dritt għall-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu l-intenzjoni li jikkumpensa ma jiġux fis-seħħ. Bl-istess mod, fil-każ ta’ rifjut antiċipat ta’ imbark ikkomunikat iktar minn ġimagħtejn qabel is-siegħa tat-tluq previst tat-titjira, il-passiġġier hekk informat ikollu biżżejjed żmien biex jadatta ruħu għal dan ir-rifjut u jieħu provvedimenti oħra. Għal passiġġier ma tagħmilx differenza li ma jiġix ittrasportat fuq it-titjira li rriżerva minħabba li t-titjira tkun ġiet għalkollox ikkanċellata jew minħabba li l-imbark ġie rrifjutat lilu għal raġunijiet oħra, bħal pereżempju minħabba overbooking. Fil-fatt, il-konsegwenzi tal-inkonvenjenzi kkawżati mir-rifjut ta’ imbark huma identiċi għal dawk ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira. Jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li m jkunx hemm dritt għal kumpens meta tiġi kkanċellata titjira fil-każ li l-passiġġier jiġi informat minn qabel, l-istess soluzzjoni jkollha tapplika fil-każ ta’ rifjut antiċipat ta’ titjira peress li fin-nuqqas ta’ dan il-passiġġieri milquta b’kanċellazzjoni ta’ titjira jkunu jinsabu f’sitwazzjoni kunsiderevolment iktar sfavorevoli minn dik tal-passiġġieri li lilhom ġie rrifjutat l-imbark filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li, kif previst fl-Artikolu 3(2) jew fl-Artikolu 2(j) [tal-imsemmi regolament], il-passiġġier għandu jkun ippreżenta ruħu għaċ-check-in jew għall-imbark fil-ħin indikat jew mhux iktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq indikat, sabiex jibbenefika mir-regolament u sabiex jinvoka rifjut ta’ imbark li jagħti lok għall-kumpens skont l-Artikolu 4(3) flimkien mal-Artikolu 7 [ta’ dan ir-]regolament, minkejja li t-trasportatur tal-ajru jkun diġà nnotifika minn qabel l-intenzjoni tiegħu ta’ rifjut ta’ imbark?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Ir-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet għal kumpens minħabba rifjut ta’ imbark skont l-Artikoli 4 u 7 [tal-imsemmi regolament] applikati b’analoġija mal-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tal-istess regolament huma esklużi fil-każ fejn il-passiġġier ikun ġie informat bir-rifjut ta’ imbark minn tal-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru li jopera, li informa bil-quddiem lil passiġġier li kien ser jirrifjuta li jħallih jimbarka, kontra r-rieda tiegħu, fuq titjira li għaliha dan tal-aħħar għandu riżervazzjoni kkonfermata, ma għandux jikkumpensa lill-imsemmi passiġġier meta dan ma jkunx ippreżenta ruħu għall-imbark fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

21      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll minn dak tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tinstab billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li x’aktarx tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20, EU:C:2020:495, punt 53).

22      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, “[j]ekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9 [tal-imsemmi regolament]”.

23      Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(3), passiġġieri jistgħu jibbenefikaw mill-kumpens previst minn din id-dispożizzjoni biss jekk “ma jitħallewx jitilgħu” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament. Skont din l-aħħar dispożizzjoni “il-fatt li persuna ma tħallietx titla’ [timbarka]” ifisser “tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) [ta’ dan ir-regolament], ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtà, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa”.

24      Fid-dawl tar-riferiment magħmul mill-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 għall-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi osservat li mill-paragrafu 1(a) u mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 3 jirriżulta li, fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, passiġġier ikollu riżervazzjoni kkonfermata għal titjira għat-tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-kunċett ta’ “rifjut ta’ imbark” jissuponi jew li dan il-passiġġier jippreżenta ruħu, ħlief fil-każ ta’ kanċellazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, għaċ-check-in kif speċifikat u fil-ħin indikat bil-quddiem u bil-miktub mit-trasportatur bl-ajru, mill-organizzatur tal-vjaġġ jew mill-aġent tal-ivvjaġġar awtorizzat, jew fl-assenza ta’ tali indikazzjoni, sa mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin minuta qabel il-ħin ta’ tluq ippubblikat, jew li dan il-passiġġier ikun ġie ttrasferit mit-trasportatur bl-ajru jew mill-organizzatur tal-vjaġġ, mit-titjira li għaliha kellu riżervazzjoni lejn titjira oħra, tkun għal liema raġuni tkun.

25      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel, jekk il-kunċett ta’ “rifjut ta’ imbark” jinkludix rifjut ta’ imbark antiċipat, jiġifieri l-ipoteżi fejn trasportatur bl-ajru li jopera jinforma, bil-quddiem, lil passiġġier li mhux ser iħallih jimbarka, kontra l-volontà ta’ dan il-passiġġier, fuq titjira li għaliha dan tal-aħħar għandu riżervazzjoni kkonfermata u, it-tieni, jekk ir-rekwiżit għall-passiġġier li jippreżenta ruħu għaċ-check-in huwiex meħtieġ ukoll fl-ipoteżi ta’ tali rifjut ta’ imbark antiċipat.

26      Fuq l-ewwel punt, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 261/2004 ħassar ir-Regolament Nru 295/91 li kien introduċa protezzjoni kontra r-rifjut ta’ imbark. Madankollu, billi adotta dan l-aħħar regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu esklużivament l-intenzjoni li jirreaġixxi kontra l-prattika ta’ overbooking li t-trasportaturi bl-ajru kienu qed jadottaw b’mod eċċessiv. B’hekk ir-Regolament Nru 295/91 kien qed jillimita ruħu jistabbilixxi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tiegħu, “regoli minimi komuni applikabbli għall-passiġġieri li l-imbark tagħhom għal titjira regolari b’overbooking ikun ġie rrifjutat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 20, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor, C‑321/11, EU:C:2012:609, punt 22).

27      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “rifjut ta’ imbark” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, jostor kull riferiment għar-raġuni għalfejn trasportatur jirrifjuta li jittrasporta passiġġier. B’hekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma torbotx iżjed tali rifjut għal sitwazzjoni ta’ “overbooking” tat-titjira kkonċernata kkawżata mit-trasportatur bl-ajru għal raġunijiet ekonomiċi. Billi għamel hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni estenda l-portata tal-kunċett ta’ “rifjut ta’ imbark” sabiex jinkludi l-ipoteżijiet kollha li fihom trasportatur bl-ajru jirrifjuta li jittrasporta passiġġier (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punti 19, 21 u 22, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor, C‑321/11, EU:C:2012:609, punti 21, 23 u 24).

28      Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-kunċett ta’ “rifjut ta’ imbark” jinkludi rifjut ta’ imbark antiċipat, suġġett għall-fatt li l-passiġġier ikun ippreżenta ruħu, fil-ħin, għall-imbark, konformement mal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament.

29      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi. Fil-fatt, li rifjut ta’ imbark antiċipat jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “rifjut ta’ imbark” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 jfisser li jkun qed titnaqqas b’mod kunsiderevoli l-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri minn dan ir-regolament. Għalhekk, tali esklużjoni tkun kuntrarja għall-għan tiegħu, imsemmi fil-premessa 1, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u li jiġġustifika interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet irrikonoxxuti fih. Barra minn hekk, ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad minn kull protezzjoni lill-passiġġieri li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni li, bħal dik tal-overbooking għal raġunijiet ekonomiċi, ma hijiex imputabbli lilhom, billi tipprekludihom milli jinvokaw l-Artikolu 4 tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punti 23 u 24).

30      Fuq it-tieni punt imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a) u (2) ta’ dan ir-regolament tissuġġerixxi li “rifjut ta’ imbark” ta’ passiġġier jista’ jkun sinjifikattiv biss jekk ikun ippreżenta ruħu għaċ-check-in.

31      Madankollu din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata f’sitwazzjoni ta’ rifjut ta’ imbark antiċipat.

32      Fil-fatt, minn naħa, kif esponiet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn analiżi kuntestwali tal-Artikolu 3(2)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li r-rekwiżit li l-passiġġieri għandhom jippreżentaw ruħhom għall-imbark ma għandux, anki fid-dawl tal-fatt li rifjut ta’ imbark jista’ jsir b’mod antiċipat, neċessarjament jiġi ssodisfatt fil-każ fejn dawn ikunu ġew ittrasferiti, mit-trasportatur bl-ajru jew mill-organizzatur tal-vjaġġi, mit-titjira li fir-rigward tagħha kellhom riżervazzjoni lejn titjira oħra. Issa, tali sitwazzjoni ma tiddistingwix ruħha, essenzjalment, minn dik li fiha l-passiġġier ikun informat bil-quddiem li t-trasportatur bl-ajru ser jirrifjuta l-imbark tiegħu fuq it-titjira li għaliha huwa għandu riżervazzjoni kkonfermata – fejn għalhekk ikun neċessarju li dan il-passiġġier jirriżerva titjira oħra bl-istess mod bħallikieku kien ġie ttrasferit bil-quddiem mit-trasportatur bl-ajru lejn titjira oħra.

33      Min-naħa l-oħra, l-għan imfittex mir-Regolament Nru 295/91 imfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza jippermetti li jinftiehem li, billi sussegwentement adotta l-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni essenzjalment ippreveda ipoteżijiet ta’ rifjut ta’ imbark li, bħal dawk ikkawżati minn overbookings, iseħħu in extremis, jiġifieri fil-mument stess meta l-passiġġieri jaslu l-ajruport. F’dan il-kuntest, huwa komprensibbli li dan il-leġiżlatur żamm fir-Regolament Nru 261/2004 ir-rekwiżit għall-passiġġier li jippreżenta ruħu għaċ-check-in, inkwantu r-realtà ta’ tali ipoteżijiet tista’, bħala prinċipju, tiġi kkonstatata biss meta jsir iċ-check‑in.

34      Għalhekk jidher li, meta elabora r-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex is-sitwazzjoni li fiha trasportatur bl-ajru li jopera jinforma lil xi passiġġieri, qabel it-titjira ppjanata li għaliha dawn ikollhom riżervazzjoni kkonfermata, li ser jirrifjuta jħallihom jitilgħu abbord l-ajruplan li għandu jopera t-titjira.

35      Madankollu, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 3(2) tiegħu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jesprimi rieda intenzjonata tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi awtomatikament kull kumpens favur passiġġier suġġett għal rifjut ta’ imbark antiċipat għar-raġuni li ma ppreżentax ruħu għaċ-check-in. Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jissuġġettawx, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-kumpens għar-rifjut ta’ imbark għall-kundizzjoni li l-passiġġieri kkonċernati jkunu ppreżentaw ruħhom għaċ-check-in.

36      Għall-kuntrarju, interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li, sabiex ikun jista’ jingħata kumpens lill-passiġġieri li ma jkunux tħallew jimbarkaw, dawn jiġu meħlusa milli jippreżentaw ruħhom għaċ-check-in, billi b’dan il-mod jiffrankaw li jidħlu f’formalità inutli, tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan ta’ dan ir-regolament li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

37      Fil-fatt, mill-premessi 1 sa 4 tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari mill-premessa 2 jirriżulta li l-istess regolament ifittex li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru indipendentement mill-fatt li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ rifjut ta’ imbark, ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien tat-titjira, peress li lkoll huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji simili marbuta mat-trasport bl-ajru (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 44, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punt 26). Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru, inklużi dawk li jagħtu dritt għal kumpens, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 45).

38      Għalhekk, minn interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) u mal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li passiġġier ma għandux obbligu jippreżenta ruħu għaċ-check-in meta trasportatur bl-ajru li jopera jkun informah bil-quddiem li ser jirrifjuta li jħallih jimbarka, kontra r-rieda tiegħu, fuq titjira li għaliha dan tal-aħħar għandu riżervazzjoni kkonfermata.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru li jopera, li informa bil-quddiem lil passiġġier li kien ser jirrifjuta li jħallih jimbarka, kontra r-rieda tiegħu, fuq titjira li għaliha dan tal-aħħar għandu riżervazzjoni kkonfermata, għandu jikkumpensa lill-imsemmi passiġġier, anki jekk dan ma jkunx ippreżenta ruħu għall-imbark fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq it-tieni domanda

40      Minkejja li t-tieni domanda saret biss fil-każ li l-ewwel domanda kellha tingħata risposta fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li tirrispondiha fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju mogħtija fil-qosor fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din il-qorti tesponi li risposta għat-tieni domanda hija neċessarja fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra, b’risposta għall-ewwel domanda, li passiġġier li ġie informat b’rifjut antiċipat ta’ imbark jista’ jiġi kkumpensat mingħajr ma jkollu jippreżenta ruħu għaċ-check-in.

41      Permezz ta’ din it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li billi din id-dispożizzjoni tintroduċi eċċezzjoni għad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, din tirregola wkoll is-sitwazzjoni li fiha passiġġier ġie informat, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq tat-titjira prevista, li t-trasportatur bl-ajru li jopera kien ser jirrifjuta li jittrasportah, kontra r-rieda tiegħu, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jibbenefika mid-dritt għal kumpens għal rifjut ta’ imbark previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

42      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mit-trasportatur bl-ajru li jopera, konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm dawn ma jiġux informati dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, “[j]ekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9 [ta’ dan ir-regolament]”.

43      Skont kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tar-Regolament Nru 261/2004, imsemmi fil-premessa 1 tiegħu u li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, jiġġustifika l-għoti ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet irrikonoxxuti fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 23). Min-naħa l-oħra, eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 17, u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 38).

44      Jeħtieġ ukoll li l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) ta’ dan ir-regolament jingħata interpretazzjoni stretta, peress li din id-dispożizzjoni teżenta, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, lit-trasportatur bl-ajru li jopera mill-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, meta jkun informa lill-passiġġieri dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jikkonċernax l-ipoteżi ta’ rifjut ta’ imbark iżda jikkonċerna biss l-ipoteżi ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, jiġifieri, konformement mal-Artikolu  2(l) ta’ dan ir-regolament, dik li fiha titjira li kienet prevista inizjalment u li fuqha mill-inqas post ġie rriżervat ma ġietx operata.

46      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament ma jipprevedix li trasportatur bl-ajru li jopera jista’ jinħeles mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri taħt l-Artikolu 7 tal-istess regolament jekk jinforma lill-passiġġieri, mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst, li mhux ser jitħallew jimbarkaw (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 37, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 36). Għalhekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta mfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza jimponi li l-eċċezzjoni għad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 jibqa’ kkonfinat għas-sempliċi każijiet ta’ kanċellazzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni mingħajr il-possibbiltà li jiġi estiż għall-każijiet ta’ rifjut ta’ imbark imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

47      Għalhekk, fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament, imsemmi fil-premessa 1 tiegħu, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi applikat b’analoġija, fil-kuntest ta’ rifjut ta’ imbark, sabiex titnaqqas il-portata tad-dritt għal kumpens li jinsab fl-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

48      Din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan il-prinċipju, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm distinzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma jistax japplika f’dan il-każ, sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjonijiet li jagħtu lok għal rifjut ta’ imbark jew għal kanċellazzjonijiet ta’ titjira ma humiex paragunabbli peress li ġew irregolati b’mod distint mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 261/2004 u mogħnija b’regoli ġuridiċi parzjalment differenti, bħal fil-każ ta’ eċċezzjoni għad-dritt għal kumpens prevista fl-Artikolu 5(1)(ċ)(i) u mhux fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li billi din id-dispożizzjoni tintroduċi eċċezzjoni għad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, din ma tirregolax is-sitwazzjoni li fiha passiġġier ġie informat, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq tat-titjira prevista, li t-trasportatur bl-ajru li jopera kien ser jirrifjuta li jittrasportah, kontra r-rieda tiegħu, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jibbenefika mid-dritt għal kumpens għal rifjut ta’ imbark previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

trasportatur bl-ajru li jopera, li informa bil-quddiem lil passiġġier li kien ser jirrifjuta li jħallih jimbarka, kontra r-rieda tiegħu, fuq titjira li għaliha dan tal-aħħar għandu riżervazzjoni kkonfermata, għandu jikkumpensa lill-imsemmi passiġġier, anki jekk dan ma jkunx ippreżenta ruħu għall-imbark fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

2)      L-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

billi din id-dispożizzjoni tintroduċi eċċezzjoni għad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, din ma tirregolax is-sitwazzjoni li fiha passiġġier ġie informat, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq tat-titjira prevista, li t-trasportatur bl-ajru li jopera kien ser jirrifjuta li jittrasportah, kontra r-rieda tiegħu, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jibbenefika mid-dritt għal kumpens għal rifjut ta’ imbark previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top