Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0222

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl vs JF.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex persuna tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali – Kontenut ta’ din il-protezzjoni – Artikolu 5 – Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu fuq il-post – Applikazzjoni sussegwenti għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu’ – Intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli – Attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti li ma jikkostitwixxux l-espressjoni u l-estensjoni ta’ twemmin jew orjentazzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini – Konverżjoni reliġjuża.
Kawża C-222/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:192

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Frar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex persuna tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali – Kontenut ta’ din il-protezzjoni – Artikolu 5 – Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu fuq il-post – Applikazzjoni sussegwenti għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu’ – Intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli – Attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti li ma jikkostitwixxux l-espressjoni u l-estensjoni ta’ twemmin jew orjentazzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini – Konverżjoni reliġjuża”

Fil-Kawża C‑222/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

vs

JF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JF, minn C. Schmaus, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u V.-S. Strasser, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u L. Hohenecker, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u għad-Dritt tal-Ażil, l-Awstrija, iktar ’il quddiem il-“BFA”) u JF, ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna:

[…]

(2)

Li, […] billi tibża’ b’mod iġġustifikat li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha f’ċertu grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tridx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma għandhiex nazzjonalità u tinsab barra mill-pajjiż li fih kellha r-residenza abitwali tagħha […], ma tistax jew, minħabba l-biża’ msemmija, ma tridx tirritorna hemmhekk.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat, “Obbligi Ġenerali” jipprovdi li:

“Kull refuġjat għandu obbligi lejn il-pajjiż fejn ikun jinsab, li jinkludu b’mod partikolari l-obbligu li jikkonforma mal-liġijiet u mar-regoli kif ukoll mal-miżuri meħuda għaż-żamma tal-ordni pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-imsemmi Artikolu 33 tal-konvenzjoni msemmija, bit-titolu “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulment”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, li “ebda Stat kontraenti ma jista’ jkeċċi jew jirritorna (‘refoulment’) lil refuġjat bi kwalunkwe mod lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ikun hemm theddida għal ħajtu jew għal-libertajiet tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6

Skont l-Artikolu 42(1) ta’ din l-istess konvenzjoni, “fil-mument tal-iffirmar, tar-ratifika jew tal-adeżjoni, kull Stat jista’ jifformula riżervi għall-artikoli [ta’ din il-konvenzjoni] minbarra l-Artikoli 1, 3, 4, 16(1), 33, 36 sa 46 inklużi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/95

7

Skont il-premessi 4, 12, 24 u 25 tad-Direttiva 2011/95:

“(4)

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[…]

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(24)

Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(25)

B’mod partikolari, hu meħtieġ li wieħed jintroduċi aspetti komuni [tal-kunċett ta’] ħtiġiet għall-protezzjoni li jinqajmu fuq il-post; […]”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

(e)

‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha u intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

[…]

(b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)

jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

[…]”

10

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, li ukoll jinsab fil-Kapitolu II tagħha u intitolat “Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place”, jipprevedi:

“1.   Biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista’ jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini.

2.   Biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jistgħu jiġu bbażati fuq attivitajiet li l-applikant ikun wettaq minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, partikolarment fejn jiġi stabbilit li l-attivitajiet fuq liema jkun straħ jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwità ta’ konvinzjonijiet jew orjentamenti miżmuma fil-pajjiż ta’ orġini.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m’għandux jingħata status ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini.”

11

L-Artikolu 10 tal-imsemmija Direttiva 2011/95, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha u intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[…]

(b)

il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż;

[…]”

12

Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III”.

Id‑Direttiva 2013/32/UE

13

L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jiddefinixxi “applikazzjoni sussegwenti” bħala “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti […]”.

Id‑dritt Awstrijak

14

L-Artikolu 3 tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (Asylgesetz 2005) (il-Liġi Federali dwar l-Għoti tad-Dritt għall-Ażil (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil tal-2005)), tas‑16 ta’ Awwissu 2005 (BGBl. I, 100/2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Asylgesetz 2005”), intitolat “Status ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil”, jipprevedi:

“(1)   Ċittadin barrani li għamel fl-Awstrija applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil, sa fejn din l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi miċħuda skont l-Artikoli 4, 4a jew 5, jekk x’aktarx huwa jkun mhedded b’persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 1(A)(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève].

(2)   Il-persekuzzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq avvenimenti li seħħew wara li l-barrani telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu […] jew fuq attivitajiet li l-barrani beda wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li huma b’mod partikolari l-espressjoni jew it-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini […] Barrani li jippreżenta applikazzjoni sussegwenti […] normalment ma għandux jingħata l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta minn ċirkustanzi li l-barrani nnifsu ħoloq wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm ma jkunux attivitajiet awtorizzati fl-Awstrija u jkun stabbilit li huma l-espressjoni jew it-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

15

Fit‑3 ta’ Ottubru 2015, JF, ċittadin Iranjan, ippreżenta quddiem il-BFA applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi sostna, minn naħa, li huwa kien ġie interrogat mis-servizzi sigrieti Iranjani fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu ta’ għalliem ta’ skola tas-sewqan u, min-naħa l-oħra, li huwa kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, bħala student, talli kkritika lil predikatur tar-reliġjon Musulmana.

16

Peress li qies li dawn l-allegazzjonijiet ma kinux kredibbli, il-BFA, permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2017, ċaħad din it-talba u adotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu. Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Jannar 2018, li saret definittiva, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ċaħad bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn JF kontra din id-deċiżjoni.

17

Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, JF ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, billi sostna li, fil-frattemp, huwa kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu u kien qiegħed jibża’, minħabba f’hekk, li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020, il-BFA rrifjuta li jirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-Asylgesetz 2005, peress li r-riskju ta’ persekuzzjonijiet invokat kien deher fuq il-post u kien inħoloq mill-applikant stess. Min-naħa l-oħra, il-BFA kkonstata li JF kien wera b’mod kredibbli li l-konverżjoni tiegħu għall-Kristjaneżmu fl-Awstrija kienet saret “b’twemmin intern”, li huwa kien jipprattika b’mod attiv din ir-reliġjon u li, għal din ir-raġuni, kien qiegħed jirriskja li jiġi espost, fil-każ ta’ ritorn fl-Iran, għal persekuzzjoni individwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BFA ta lil JF l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja u dritt ta’ residenza temporanja.

18

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2020, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) laqgħet ir-rikors ta’ JF kontra din id-deċiżjoni. Din il-qorti ddeċidiet li, għalkemm, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet ibbażat fuq ċirkustanzi li l-applikant ħoloq huwa stess jeskludi “normalment” ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, tali avverbju jindika madankollu li, f’ċerti każijiet, dan l-istatus jista’ jingħata, mingħajr preġudizzju għall-obbligu, impost fuq l-awtorità kompetenti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-Asylgesetz 2005, li tivverifika l-eżistenza ta’ abbuż min-naħa ta’ dan l-applikant. Skont l-imsemmija qorti, ebda ħjiel tan-natura abbużiva tal-aġir ta’ JF ma kien jirriżulta mid-deċiżjoni tal-BFA tal‑24 ta’ Ġunju 2020. Barra minn hekk, l-assenza ta’ provi li juru li l-konverżjoni ta’ JF kienet l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma kinitx biżżejjed, skont l-istess qorti, biex tiġġustifika r-rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

19

Il-BFA ppreżenta rikors għal reviżjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), billi sostna li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-Asylgesetz 2005 teskludi interpretazzjoni fis-sens li, fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq riskju ta’ persekuzzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi maħluqa fuq il-post mill-applikant stess, għandu jiġi ddeterminat biss jekk dawn iċ-ċirkustanzi ġewx invokati b’intenzjoni abbużiva. Skont il-BFA, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi bħala regola ġenerali r-rifjut tal-istatus ta’ refuġjat lil applikanti li ħolqu huma stess, fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċirkustanzi li wasslu għar-riskju ta’ persekuzzjonijiet invokat. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali tirrigwarda l-każ li fih l-attivitajiet inkwistjoni huma attivitajiet awtorizzati fl-Awstrija u li għalihom ikun stabbilit li huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti għall-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

20

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-Asylgesetz 2005 tittrasponi, fid-dritt Awstrijak, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

21

Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, minn naħa, li, fir-rigward tal-espressjoni “[m]ingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”, li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, it-tifsira tat-terminu fil-lingwa Ġermaniża “unbeschadet” (“mingħajr preġudizzju għal”) hija ambigwa. Skont l-ewwel tifsira ta’ dan it-terminu, il-Konvenzjoni ta’ Genève għandha tiġi osservata mingħajr ebda limitazzjoni, inkluż fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, filwaqt li, konformement mat-tieni tifsira, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu preżunzjoni ta’ abbuż fir-rigward tal-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali bbażati fuq “ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini”. Min-naħa l-oħra, il-kelma “normalment” tikkostitwixxi kunċett indeterminat li s-sinjifikat konkret tiegħu ma jista’ jiġi dedott la mit-test ta’ din id-direttiva u lanqas mill-premessi tagħha.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(3) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha barrani li jagħmel talba sussegwenti, bħala regola ġenerali, ma jingħatax l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt ta’ ażil meta r-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkustanzi li l-barrani nnifsu ħoloq wara li telaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu, sakemm l-attivitajiet inkwistjoni ma jkunux awtorizzati fl-Awstrija u jkun stabbilit li dawn l-attivitajiet huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini?”

Fuq id‑domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, ibbażata fuq riskju ta’ persekuzzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li l-applikant ħoloq minħabba l-fatt tiegħu stess, wara t-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għall-kundizzjoni doppja li dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jaqgħu taħt attivitajiet awtorizzati fl-Istat Membru kkonċernat u jkunu jikkostitwixxu l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni tal-applikant diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini.

24

Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m’għandux jingħata status ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini”.

25

Mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest ta’ tali dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro,327/82, EU:C:1984:11, punt 11; tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38, kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 53).

26

Fir-rigward, qabel kollox, tal-kliem tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, minn naħa, minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex obbligati jittrasponu din id-dispożizzjoni fid-dritt intern tagħhom, iżda “jistgħu” jagħmlu dan, bħala sempliċi fakultà. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-każ fejn ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet invokat mill-applikant insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali jkun ibbażat “fuq ċirkostanzi li jkun ħoloq huwa stess wara li jkun telaq mill-pajjiż tal-oriġini” li dan l-applikant “normalment” ma jiġix irrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, dan l-avverbju ma jeskludix li, anki f’tali ċirkustanzi, applikant jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jingħata dan l-istatus.

27

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi enfasizzat, kif tiddikjara b’mod partikolari l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati mhux biss fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, iżda wkoll b’osservanza ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 3839, kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punti 3637).

28

Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/95 jirrigwarda, konformement mat-titolu tiegħu, “il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place”. Dan il-kunċett għandu jkun is-suġġett ta’ definizzjoni komuni, kif tiddikjara l-premessa 25 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 5, li, kuntrarjament għall-paragrafu 3 tiegħu, japplikaw għal kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jippreċiżaw li biża’ fondata ta’ persekuzzjoni tista’ tkun ibbażata mhux biss fuq avvenimenti li jkunu seħħew sa mit-tluq tal-applikant mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda wkoll fuq attivitajiet li dan l-applikant eżerċita sa mit-tluq tiegħu minn dan il-pajjiż. L-użu tal-espressjoni “b’mod partikolari”, f’dan l-Artikolu 5(2), sabiex tkopri l-ipoteżi fejn jiġi stabbilit li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu l-espressjoni u l-estensjoni tat-twemmin jew tal-gwida murija fil-pajjiż ta’ oriġini, jimplika li attivitajiet li ma jikkostitwixxux tali espressjoni u tali estensjoni jistgħu, bħala prinċipju, jiġu invokati wkoll, kemm jekk fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali.

29

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 huwa ta’ natura derogatorja meta mqabbel mal-prinċipju stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, sa fejn jawtorizza li riskju ta’ persekuzzjonijiet, invokat insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, ibbażat fuq ċirkustanzi li l-applikant ħoloq minħabba l-fatt tiegħu stess minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, iwassal “normalment” biex jeskludi r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Fid-dawl ta’ din in-natura derogatorja, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri minn dan l-Artikolu 5(3) għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

30

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “refuġjat”, li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u riprodotta fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, li ma jipprevedi ebda restrizzjoni biex il-biża’ fondata li persuna tiġi ppersegwitata minħabba mill-inqas waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fih tkun tista’ tkun ibbażata fuq attivitajiet li l-applikant eżerċita wara t-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini u li ma jikkostitwixxux l-espressjoni u l-estensjoni tat-twemmin jew tal-orjentazzjonijiet diġà murija f’dan il-pajjiż.

31

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, mill-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (COM(2001) 510 finali), ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fit‑30 ta’ Ottubru 2001 u li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2011/95, jirriżulta li, bl-użu tal-verb “joħloq” fl-artikolu korrispondenti, fid-Direttiva 2004/83, għall-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirregola s-sitwazzjoni li fiha l-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat ġiet “kompletament immanifatturata” minnu.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-rifjut li jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, huwa intiż, fid-dawl tal-element intenzjonali inerenti għall-espressjoni “ċirkostanzi maħluqa minnu stess”, li jissanzjona intenzjoni abbużiva tal-applikant li jkun “kompletament immanifattura” ċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet li jkun ġie espost għalih fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u b’hekk strumentalizza l-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali applikabbli.

33

Tali interpretazzjoni hija finalment ikkorroborata mill-għan ewlieni ta’ din id-direttiva li, kif tipprovdi l-premessa 12 tagħha, tikkonsisti, minn naħa, f’li jiġi żgurat li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiġi żgurat livell minimu ta’ benefiċċju lil dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reat partikolarment serju), C‑402/22, EU:C:2023:543, punt 36).

34

Il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi invokati f’applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali sabiex tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjoni bbażata fuq raġuni msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95, li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, jaqgħux taħt intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli, teħtieġ evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt rilevanti kollha, imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti), C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 42, u tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 60).

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li, minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-applikant eżerċita jew le attivitajiet bl-uniku għan jew bl-għan prinċipali li joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex issir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, skont l-Artikolu 4(3)(d) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi biss element li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni individwali. Fil-fatt, dawn għandhom iwettqu eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali tal-applikant, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha elenkati fil-punti (a) sa (e) ta’ dan l-Artikolu 4(3).

36

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li t-traspożizzjoni fakultattiva ta’ din id-dispożizzjoni teżenta lill-Istati Membri milli jipprevedu l-obbligu, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jwettqu evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li tali traspożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu preżunzjoni li tgħid li kull applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq ċirkustanzi li l-applikant ikun ħoloq minħabba t-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini tirriżulta a priori minn intenzjoni abbużiva u minn strumentalizzazzjoni tal-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, preżunzjoni li dan l-applikant għandu jikkonfuta.

37

Fil-fatt, tali interpretazzjonijiet iċaħħdu mill-effettività d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li huma applikabbli għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, irrispettivament mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, F,C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 36, u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti), C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 41). B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 4(3) jimponi fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti l-obbligu li twettaq eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali tal-applikant, li jeskludi kull forma ta’ awtomatiċità (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed,C‑369/17, EU:C:2018:713, punti 4849, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punti 7273).

38

F’dan il-każ, wara evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn JF, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, il-BFA kkonstata li l-persuna kkonċernata kienet uriet b’mod kredibbli li hija kienet ikkonvertiet ruħha “b’konvinzjoni interna” għall-Kristjaneżmu fl-Awstrija u li kienet tipprattika attivament din ir-reliġjon, għal liema raġuni hija kellha r-riskju li tkun esposta, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, għal persekuzzjoni individwali. Issa, tali konstatazzjoni, jekk tirriżulta eżatta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ intenzjoni abbużiva u ta’ strumentalizzazzjoni, minn dan l-applikant, tal-proċedura applikabbli, li tista’ twassal lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tirrifjuta li tirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.

39

Jekk tali applikant jissodisfa, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet, previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95, sabiex jiġi kklassifikat bħala “refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 13 tagħha jimponi fuq l-Istat Membru kkonċernat li jirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T.,C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63, kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 72).

40

Min-naħa l-oħra, fil-każijiet kollha fejn ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet invokat insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali jkun ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, iżda li fir-rigward tagħhom, wara evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, imwettqa konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi jaqgħu taħt intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni, minn dan l-applikant, tal-proċedura applikabbli, dan l-Artikolu 5(3) jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jipprevedi li dan l-applikant bħala prinċipju mhux ser jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95, minkejja li l-imsemmi applikant jibża’ b’mod fondat li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu bħala konsegwenza ta’ tali ċirkustanzi u, għaldaqstant, għandu jiġi kklassifikat bħala “refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma tiddependix mir-rikonoxximent formali ta’ tali kwalità bl-għoti tal-“istatus ta’ refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 90).

41

Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati s-sens u l-portata tal-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Genève”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, għalkemm it-terminu “unbeschadet” jista’ jinftiehem bħala li jfisser “bi ftehim ma’”, dan it-terminu jista’ inversament ifisser “mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni”. Fil-fehma tagħha, din l-aħħar tifsira tat-terminu “unbeschadet”, li kieku kellha tipprevali, tagħti x’tifhem li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lill-Istati Membri, fil-każijiet previsti minnu, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

42

Madankollu, il-formulazzjoni użata f’waħda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra. In-neċessità, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teskludi li din tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha u teżiġi li din tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder,29/69, EU:C:1969:57, punti 23, kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2022, Minister for Justice and Equality (Ċittadin ta’ pajjiż terz kuġin ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑22/21, EU:C:2022:683, punt 20).

43

Issa, fil-verżjonijiet, b’mod partikolari, fil-lingwa Spanjola, Ċeka, Ingliża, Ungeriża, Portugiża, Finlandiża u Svediża, l-espressjoni ekwivalenti għal “ubeschadet” bil-lingwa Ġermaniża, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, għandha tinftiehem fis-sens li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève meta jittrasponu l-possibbiltà li jagħtihom dan l-Artikolu 5(3) li ma jirrikonoxxux “normalment” l-istatus ta’ refuġjat lil applikant fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li t-terminu “ubeschadet”, li jinsab fil-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem f’dan l-istess sens, konformement kemm mal-istruttura ġenerali kif ukoll mal-għan tad-Direttiva 2011/95, kif imfakkra, rispettivament, fil-punti 27 u 33 ta’ din is-sentenza.

44

Għaldaqstant, fil-każijiet kollha fejn huwa stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti, adita b’applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, li ċ-ċirkustanzi li jirreferi għalihom l-applikant jaqgħu taħt intenzjoni abbużiva u strumentalizzazzjoni tal-proċedura applikabbli, b’tali mod li l-istatus ta’ refuġjat jista’ jiġi rrifjutat lilu abbażi tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Genève” teżiġi, jekk din l-awtorità tikkonstata, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ riskju probabbli ta’ persekuzzjonijiet fil-każ ta’ ritorn tal-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li dan l-applikant jista’ madankollu jibbenefika, fl-Istat Membru kkonċernat, mid-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni ta’ Genève li ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda riżerva, konformement mal-Artikolu 42(1) ta’ din il-konvenzjoni. Fost dawn id-drittijiet hemm dak iggarantit mill-Artikolu 33(1) ta’ din il-konvenzjoni, li jipprovdi li ebda Stat kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulement, bi kwalunkwe mod, lil refuġjat lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba, b’mod partikolari, ir-reliġjon tiegħu.

45

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà, mad-Direttiva 2011/95, tal-kundizzjoni imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li l-attivitajiet li jikkawżaw ir-riskju ta’ persekuzzjonijiet invokati mill-applikant għandhom jiġu awtorizzati fl-Istat Membru ospitanti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “kull refuġjat għandu obbligi lejn il-pajjiż fejn ikun jinsab, li jinkludu b’mod partikolari l-obbligu li jikkonforma mal-liġijiet u mar-regoli kif ukoll mal-miżuri meħuda għaż-żamma tal-ordni pubbliku”. Minn dan isegwi li l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Genève”, li tinsab f’dan l-Artikolu 5(3), ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi tali kundizzjoni prevista mid-dritt nazzjonali.

46

Fid-dawl tal-motivi msemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, ibbażata fuq riskju ta’ persekuzzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li l-applikant ħoloq minħabba l-fatt tiegħu stess, wara t-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għall-kundizzjoni li dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jikkostitwixxu l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni tal-applikant diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

 

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat wara applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, ibbażata fuq riskju ta’ persekuzzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li l-applikant ħoloq minħabba l-fatt tiegħu stess, wara t-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għall-kundizzjoni li dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jikkostitwixxu l-espressjoni u l-estensjoni ta’ konvinzjoni tal-applikant diġà murija fil-pajjiż ta’ oriġini.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top