Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0186

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2023.
    Sad Trasporto Locale SpA vs Provincia autonoma di Bolzano.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġiera bil-ferrovija u bit-triq – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Installazzjonijiet tal-funikular – Għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport minn awtorità lokali kompetenti lil operatur intern – Trasferiment tar-riskju ta’ operat – Kumpens tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.
    Kawża C-186/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:795

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    19 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġiera bil-ferrovija u bit-triq – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Installazzjonijiet tal-funikular – Għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport minn awtorità lokali kompetenti lil operatur intern – Trasferiment tar-riskju ta’ operat – Kumpens tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”

    Fil-Kawża C‑186/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

    Sad Trasporto Locale SpA

    vs

    Provincia autonoma di Bolzano,

    fil-preżenza ta’:

    Strutture Trasporto Alto Adige SpA A.G.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Sad Trasporto Locale SpA, minn G. Greco u A. Sandulli, avvocati,

    għall-Provincia autonoma di Bolzano, minn L. Fadanelli, P. Mantini, P. Pignatta, L. Plancker u A. Roilo, avvocati,

    għal Strutture Trasporto Alto Adige SpA A.G., minn P. Mantini, avvocato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Messina u F. Tomat, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1370/2007”), kif ukoll tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sad Trasporto Locale SpA u l-Provincia autonoma di Bolzano (il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja), dwar l-għoti dirett, lil operatur intern, permezz ta’ konċessjoni, tas-servizz tat-trasport pubbliku ta’ passiġġiera fuq ċerti installazzjonijiet tal-ferrovija u faċilitajiet tal-cable car lil Strutture Trasporto Alto Adige SpA A. G. (iktar ’il quddiem “STA”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament Nru 1370/2007

    3

    Il-premessi 33 u 36 tar-Regolament Nru 1370/2007 huma fformulati kif ġej:

    “(33)

    Fil-paragrafi 87 sa 95 tas-[sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415)], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li kumpens għas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxix vantaġġ fit-tifsira ta’ l-Artikolu [107 TFUE], kemm-il darba jkunu sodisfatti erba’ kondizzjonijiet kumulattivi. Meta dawk il-kondizzjonijiet ma jiġux sodisfatti u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [107 TFUE] jintlaħqu, il-kumpens għas-servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u huwa suġġett għall-Artikoli [93, 106, 107 u 108 TFUE].

    […]

    (36)

    […] Kwalunkwe kumpens mogħti b’rabta mal-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri minbarra dawk koperti minn dan ir-Regolament ġdid li jirriskja li jinvolvi għajnuniet mill-Istat skond l-Artikolu [107(1) TFUE] għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli [93, 106, 107 u 108 TFUE], inkluż kwalunkwe interpretazzjoni rilevanti mill-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] u speċjalment [fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415)]. Għalhekk, meta teżamina tali każi, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tapplika prinċipji simili għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fejn, xieraq, leġiżlazzjoni oħra fil-qasam ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

    Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u, bla preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas‑7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10)], b’ibħra nazzjonali.

    […]”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula, fil-punti (a), (e), (h), (i), (j), u (aa) tiegħu:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    ‘trasport pubbliku għall-passiġġieri’ tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

    […]

    (e)

    ‘obbligu ta’ servizz pubbliku’ tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

    […]

    (h)

    ‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

    (i)

    ‘kuntratt għal servizz pubbliku’ tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

    li tieħu l-forma ta’ att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

    li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta’ tali servizzi lil operatur intern;

    (j)

    ‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

    […]

    (aa)

    ‘servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija’ tfisser it-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, bl-esklużjoni tat-trasport tal-passiġġieri b’mezzi oħra fuq binarji, bħall-metro jew it-tramm.”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hija awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija stess jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lil entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew, fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet tal-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess.

    […]”

    Ir‑Regolament (UE) 2016/424

    7

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular u li jħassar id-Direttiva 2000/9/KE (ĠU 2016, L 81, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 266, p. 8), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 1, 7 u 9 tiegħu:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    ‘installazzjoni tal-funikular’ tfisser is-sistema kollha fuq il-post, li tikkonsisti minn infrastruttura u subsistemi, li hija ddisinjata, mibnija, immuntata u mħaddma bil-għan li tittrasporta persuni, fejn it-trazzjoni hija pprovduta minn kejbils pożizzjonati tul il-linja tal-ivvjaġġar;

    […]

    (7)

    ‘cable car’ tfisser installazzjoni tal-funikular fejn it-trasportaturi jkunu sospiżi u jinġarru minn kejbil wieħed jew aktar;

    […]

    (9)

    ‘linji tal-funikular’ tfisser installazzjoni tal-funikular li fiha t-trasportaturi jinġibdu b’ħabel wieħed jew aktar tul binarju li jista’ jkun mal-art jew ikun appoġġat minn strutturi fissi”.

    Id‑dritt Taljan

    8

    Id-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 dwar il-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tat‑18 ta’ April 2016 (GURI Nru 91 tad‑19 ta’ April 2016 – Suppliment Ordinarju Nru 10), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fl-Artikolu 192(2) tiegħu:

    “Għall-finijiet tal-għoti intern ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett servizzi disponibbli fis-suq f’kuntest ta’ kompetizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom iwettqu, qabel, evalwazzjoni tal-opportunità ekonomika tal-offerta tal-entitajiet interni, fid-dawl tas-suġġett u tal-valur tal-provvista, u jagħtu kont fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tar-raġunijiet li għalihom ma hemmx l-użu tas-suq, kif ukoll tal-vantaġġi għal-kollettività tal-mod ta’ ġestjoni adottat, inkluż permezz ta’ riferiment għall-għanijiet ta’ universalità u ta’ soċjalità, ta’ effiċjenza, ta’ ekonomija u ta’ kwalità tas-suq, kif ukoll l-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi.”

    9

    L-Artikolu 34(20) tad-decreto-legge n. 179/2012 – Ulteriori misure urgenti per la crescita del Paese (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 179, dwar Miżuri Urġenti Oħrajn għat-Tkabbir tal-Pajjiż) tat‑18 ta’ Ottubru 2012 (GURI Nru 245 tad‑19 ta’ Ottubru 2012 – Suppliment Ordinarju Nru 194), mibdul f’liġi, b’modifiki, bil-legge n. 221 (il-Liġi Nru 221) tas‑17 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 294 tat‑18 ta’ Diċembru 2012 – Suppliment Ordinarju Nru 208), jipprovdi:

    “Għas-servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku, sabiex jiġu żgurati l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-ugwaljanza bejn l-operaturi u l-ekonomija tal-ġestjoni kif ukoll sabiex tiġi żgurata informazzjoni xierqa għall-entitajiet ikkonċernati, il-kuntratt ta’ servizz għandu jingħata abbażi ta’ rapport stabbilit għal dan l-għan u ppubblikat fis-sit internet tal-entità li tagħmel l-għoti kkonċernat; dan ir-rapport għandu jesponi l-motivi għal tali għoti u kif inhuma ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni għall-forma ta’ għoti magħżula, u għandu jiddefinixxi l-kontenut preċiż tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u ta’ servizz universali billi jiġi indikat il-kumpens ekonomiku jekk ikun il-każ.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    10

    Permezz tad-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Diċembru 1991 u tal‑15 ta’ Ġunju 2001, li l-effetti tagħhom ġew estiżi diversi drabi u, fl-aħħar lok, sad‑19 ta’ Marzu 2021, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Sad Trasporto Locale SpA, il-ġestjoni tas-servizzi ta’ trasport pubbliku lokali tal-imsemmija provinċja, li tinkludi installazzjonijiet fissi ta’ funikular, ta’ cable car u ta’ tramm.

    11

    Permezz tad-Deċiżjoni Nru 243 tas‑16 ta’ Marzu 2021, il-konvenuta fil-kawża prinċipali għamlet l-għoti intern, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, tas-servizzi ta’ trasport pubbliku msemmija iktar ’il fuq lil STA, kumpannija li hija l-unika azzjonista tagħha u li għalhekk hija ġuridikament distinta minnha, iżda li teżerċita prinċipalment l-attivitajiet tagħha magħha u li topera esklużivament fit-territorju tal-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano, għall-perijodu bejn id‑19 ta’ Mejju 2021 u t‑30 ta’ April 2030.

    12

    It-trasport bil-funikular u bit-tramm jirrappreżenta l-maġġoranza tas-servizzi ta’ trasport li l-ġestjoni tiegħu ngħatat b’dan il-mod, u t-trasport bil-cable car jikkostitwixxi 47 % tas-servizzi globali direttament mogħti lil STA.

    13

    Permezz ta’ dik id-Deċiżjoni Nru 243, il-konvenuta fil-kawża prinċipali approvat kuntratt ta’ servizz pubbliku li jipprevedi l-għoti lil STA ta’ tariffa kuntrattwali bi spiża għall-konvenuta fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-pjan ekonomiku u finanzjarju dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ STA, li minnu jirriżulta li d-dħul tariffarju jingħata lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, filwaqt li d-dħul potenzjali b’oriġini minn attivitajiet kummerċjali oħrajn, anċillari għall-provvista tas-servizz ikkonċernat, jiġi attribwit lil STA.

    14

    Permezz tad-Deċiżjoni Nru 244, adotta fl-istess jum bħall-imsemmija Deċiżjoni Nru 243, il-konvenuta fil-kawża prinċipali imponiet fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-obbligu li tkompli tipprovdi servizzi ta’ trasport sakemm STA tieħu l-inkarigu ta’ dan.

    15

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet, permezz ta’ rikors quddiem it-Tribunale Regionale di Giustizia Amministrativa del Trentino Alto Adige, Sezione autonoma di Bolzano (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Trentino Alto Adige, Taqsima Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja, l-annullament tad-Deċiżjonijiet Nri 243 u 244 kif ukoll tal-atti konnessi, inkluż ir-rapport dwar l-għoti intern, il-kuntratt ta’ servizz ikkonċernat kif ukoll il-pjan ekonomiku u finanzjarju korrispondenti.

    16

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali targumenta li dawn id-deċiżjonijiet kienu illegali, sa fejn l-Artikolu 5(2) sa (6) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma kinux japplikaw għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss l-kuntratti ta’ konċessjoni dwar it-trasport pubbliku ta’ passiġġiera bil-ferrovija jew b’modi ferrovjarji oħrajn u bit-triq. Issa, it-tilwima fil-kawża prinċipali għandha bħala għan kuntratt ta’ servizz li, minn naħa, ma għandux il-forma ta’ konċessjoni u, min-naħa l-oħra, jirrigwarda servizz ta’ trasport bil-cable car. Konsegwentement, din it-tilwima għandha tiġi deċiża konformement mal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, b’mod partikolari l-Artikolu 192(2) tiegħu, li jissuġġetta għoti intern għall-eżistenza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari motivazzjoni msaħħa dwar l-impossibbiltà li titnieda sejħa għal offerti u t-turija tal-vantaġġi, għall-kollettività, ta’ tali għoti, li ma humiex issodisfatti f’din il-kawża.

    17

    Matul il-proċedura, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qajmet, billi fakkret il-premessa 33 tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-kumpens allokat fil-kuntest tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, billi allegat, b’mod partikolari, li l-livell tal-kumpens mogħti lil STA ma kienx ġie ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod adegwat fil-qasam tat-trasport, kienet issostni sabiex teżegwixxi l-obbligi ta’ servizz li kienu imposti fuqha.

    18

    Peress li t-Tribunale Regionale di Giustizia Amministrativa del Trentino Alto Adige, Sezione autonoma di Bolzano (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Trentino Alto Adige, Taqsima Amministrattiva ta’ Bolzano) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar adixxiet lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors għal riforma. Dik il-qorti għandha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007 u tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat.

    19

    B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-kwistjoni ta’ jekk it-trasport bil-cable car jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tiegħu, u, jekk, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-kumpens previst mill-kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, liema metodoloġija li ppermettiet li jiġi kkalkolat dan il-kumpens kienet konformi mar-raba’ kundizzjoni imposta mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 1(2) tar-[Regolament Nru 1370/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-eżerċizzju ta’ servizzi pubbliċi nazzjonali u internazzjonali ta’ trasport multimodali ta’ passiġġieri li fihom, minn naħa, is-servizz pubbliku ta’ trasport ikun ta’ natura unitarja għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt u jiġi pprovdut permezz ta’ linja tat-tramm, funikular u funivija, u, min-naħa l-oħra, it-trasport bil-ferrovija jassorbi ‘l fuq minn 50 % tas-servizz fdat komplessivament u unitarjament lill-operatur?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, […] l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi, anki b’rabta mal-għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku lil operatur intern li jinkludi t-trasport ta’ passiġġieri bit-tramm, verifika dwar il-forma legali li jieħu l-att ta’ għoti, bil-konsegwenza li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) iċċitat l-atti li ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ għoti ta’ servizzi?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ulterjorment, il-punt 1(b) u l-punt (2) tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni [(ĠU 2014, L 94, p. 1)] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jiġi eskluż it-trasferiment lill-parti kontraenti tar-riskju operattiv marbut mal-operat tas-servizzi fil-każ fejn il-kuntratt li għandu jingħata: a) ikun ibbażat fuq in-nefqa grossa fejn l-awtorità kontraenti tirċievi d-dħul; b) jipprevedi favur l-operatur, bħala dħul ta’ operat, biss korrispettiv imħallas lill-awtorità [kontraenti], proporzjonat mal-volum ta’ servizz ipprovdut (bl-esklużjoni, għalhekk, tar-riskju ta’ domanda); c) iqiegħed fuq l-awtorità kontraenti r-riskju operattiv ta’ domanda (minħabba t-tnaqqis tal-korrispettivi dovut għal tnaqqis fil-volum ta’ servizz lil hinn minn limiti ddefiniti minn qabel), ir-riskju ta’ regolamentazzjoni (minħabba bidliet leġiżlattivi jew regolatorji, kif ukoll minħabba dewmien fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet u/jew ċertifikazzjonijiet min-naħa tal-persuni kompetenti), ir-riskju finanzjarju (minħabba n-nuqqas ta’ ħlas jew minħabba l-ħlas tardiv tal-korrispettivi, kif ukoll minħabba l-assenza ta’ aġġustament tal-korrispettivi), kif ukoll ir-riskju minħabba forza maġġuri (li jirriżulta minn bidla mhux prevedibbli fil-kundizzjonjiet ta’ provvista ta’ servizz); kif ukoll, d) jittrasferixxi lill-awtorità kontraenti r-riskju operattiv tal-offerta (minħabba bidla fl-ispiża tal-fatturi li ma jistgħux jiġu kkontrollati mill-operatur – enerġija, materja prima, materjal), ir-riskju minħabba relazzjonijiet industrijali (li jirriżulta mill-bidliet fl-ispiża tal-persunal fid-dawl tal-ftehimiet kollettivi), ir-riskju ta’ operat (li jitnissel minn dinamika negattiva tan-nefqa operattiva minħabba estimi żbaljati), kif ukoll ir-riskju soċjo-ambjentali (li jirriżulta minn avvenimenti aċċidentali li jkunu qed jiġu eżegwiti fuq beni neċessarji għall-provvista tas-servizz)?

    4)

    Fl-aħħar nett, l-Artikoli 107(1) TFUE, u 108(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-ambitu ta’ għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġieri minn awtorità kompetenti fuq livell lokali favur operatur intern, tpaċija ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku kkalkolata fuq il-bażi tal-ispiża ta’ operat li, anki jekk ikkorrelatati mar-rekwiżiti ta’ servizz prevedibbli, huma, minn naħa, imfassla fid-dawl tal-ispejjeż storiċi tas-servizz mogħti mill-operatur uxxenti li huwa kontrattur ta’ kuntratt ta’ servizzi estiż għal iktar minn għaxar snin, u min-naħa l-oħra, ibbażati fuq l-ispejjeż jew il-korrispettivi relatati mal-għoti ta’ kuntratt preċedenti jew, fi kwalunkwe każ, li jirrigwardaw parametri standard tas-suq li jirreferu għall-operaturi kollha tas-settur, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat suġġett għall-proċedura ta’ stħarriġ preventiv skont l-Artikolu 108(3) TFUE?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    21

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal kuntratt imħallat ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport multimodali ta’ passiġġiera li jinkludi t-trasport bit-tramm, bil-funikular u bil-cable car, anki f’kuntest li fih it-trasport bil-ferrovija jirrappreżenta l-maġġoranza tas-servizzi ta’ trasport li ġiet attribwita l-ġestjoni tagħhom.

    22

    Qabelxejn, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill‑formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1370/2007 jeżenta l-kumpens mogħti konformement ma’ dan ir-regolament mill-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għalhekk, bħala temperament għar-regola ġenerali kkostitwita mill-obbligu ta’ notifika, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u l-kundizzjonijiet previsti minnu għandhom jinftiehmu b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 37, u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 60).

    24

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jipprovdi li dan ir-regolament japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, bl-eċċezzjoni tas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. Fih huwa ppreċiżat ukoll li l-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-regolament għat-trasport pubbliku ta’ passiġġiera fuq l-ilma.

    25

    Issa, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1370/2007 ma jiddefinixxix it-termini “trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn”. Madankollu, fid-dawl tas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-għażla tal-leġiżlatur li juża dan il-kliem timplika li huwa ried ikopri mezzi ta’ trasport ikkaratterizzati miċ-ċaqliq ta’ vetturi f’passaġġ magħmul minn binarju wieħed jew diversi binarji paralleli.

    26

    Konsegwentement, l-imsemmi kliem ma japplikax għal mezz ta’ trasport bħall-cable car. Fil-fatt, il-cable car hija ddefinita fil-punt (7) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/424 bħala installazzjoni tal-funikular fejn it-trasportaturi jkunu sospiżi u jinġarru minn kejbil wieħed jew aktar;

    27

    It-tieni, għal din l-istess raġuni, dan il-mezz ta’ trasport ma jaqax għaldaqstant taħt it-trasport bit-triq jew fuq l-ilma, imsemmija wkoll fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

    28

    It-tielet, ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jinkludi ebda dispożizzjoni intiża li tapplika dan tal-aħħar għal kuntratti mħallta li jinkludu mezzi ta’ trasport differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) tiegħu, inkluż f’kuntest li fih it-trasport bil-ferrovija jirrappreżenta iżjed minn 50 % tal-kuntratt ikkonċernat.

    29

    Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li japplikaw dan ir-regolament għat-trasport pubbliku ta’ passiġġiera fuq l-ilma. Għalhekk, peress li l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament hija prevista espressament fl-Artikolu 1(2) tiegħu mingħajr din id-dispożizzjoni ma ssemmi t-trasport bil-cable car, dan il-mezz ta’ trasport għandu jitqies bħala li ma jistax ikun is-suġġett ta’ tali possibbiltà.

    30

    Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(2) tal-istess regolament, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

    31

    Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għal kuntratt imħallat ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport multimodali ta’ passiġġiera li jinkludi t-trasport bit-tramm, bil-funikular u bil-cable car, anki f’kuntest li fih it-trasport bil-ferrovija jirrappreżenta l-maġġoranza tas-servizzi ta’ trasport li ġiet attribwita l-ġestjoni tagħhom.

    Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

    32

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    33

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mħallas lil operatur intern fil-kuntest ta’ għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera minn awtorità lokali kompetenti li ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-operat li huma, minn naħa, ikkalkolati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż preċedenti tas-servizz ipprovdut mill-operatur uxxenti u, min-naħa l-oħra, relatati ma’ spejjeż jew ma’ korrispettivi li huma wkoll relatati mal-għoti preċedenti jew, fi kwalunkwe każ, dwar parametri standard tas-suq, li japplikaw għall-operaturi kollha tas-suq ikkonċernat.

    34

    Din id-domanda saret, bħalma jsegwi mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, f’kuntest li fih is-sistema ta’ kumpens li għandu jingħata lill-operatur il-ġdid kienet tiġi ddeterminata b’mod partikolari abbażi ta’ parametri ta’ referenza settorjali uniformi u ta’ paragun mal-ispejjeż li joħorġu minn pjan ekonomiku u finanzjarju dwar sejħa għal offerti simulata, min-naħa tiegħu bbażat fuq il-kontijiet tal-profitti u t-telf tal-operatur uxxenti relatati ma’ ċerti snin preċedenti.

    35

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bħalma jsegwi mill-premessa 36 tar-Regolament Nru 1370/2007, peress li dak li huwa mogħti huwa kumpens relatat mal-provvista ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera li ma jaqax taħt dan ir-regolament, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-kumpens jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, f’liema każ l-imsemmi kumpens huwa suġġett għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    36

    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma li tkun, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala li jagħtu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tkun tista’ tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Sātiņi-S, C‑238/20, EU:C:2022:57, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Madankollu, skont is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), kumpens ta’ servizz pubbliku joħroġ ’il barra mill-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat meta erba’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti b’mod kumulattiv. L-ewwel, l-impriża benefiċjarja ta’ kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv ta’ servizzi mwettqa għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandha effettivament tkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat dan il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn obbligi. Konsegwentement, ir-raba’, meta l-impriża responsabbli għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, ma ntgħażlitx fil-qafas ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, l-istess kumpens għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet issostni sabiex twettaq dawn l-obbligi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq tal-imsemmija obbligi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 89, 90, 9293).

    38

    B’mod iżjed partikolari, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kalkolu ta’ kumpens mogħti fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera jissodisfax ir-raba’ kundizzjoni mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza meta dan il-kalkolu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-korrispettivi tal-operatur uxxenti kif ukoll il-parametri standard tas-suq, li japplikaw għall-operaturi kollha tas-settur ikkonċernat. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tiddubita li dawn il-kriterji jikkostitwixxu bażi adegwata għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta’ servizz pubbliku.

    39

    F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel, tal-“parametri standard tas-suq”, għandu jiġi rrilevat li wieħed mill-approċċi li jistgħu jintużaw sabiex jiġi evalwat jekk din ir-raba’ kundizzjoni hijiex issodisfatta jista’ jikkonsisti f’li jiġi kkalkolat il-kumpens li għandu jingħata lil impriża rebbieħa ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku skont medja ta’ spejjeż sostnuti minn impriżi li ilhom jipprovdu, għal diversi snin f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni, servizz paragunabbli fl-aspetti kollha tiegħu għas-servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ dħul dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-imsemmija impriżi jirċievu u, skont il-każ, tal-profitti ġġenerati għalihom minħabba dan is-servizz. Fil-fatt, jista’ jiġi preżunt li tali kalkolu jippermetti li wieħed jasal għad-determinazzjoni tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta’ servizz pubbliku, tkun sostniet għal dan l-għan, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom u profitt raġonevoli li din setgħet tistenna mill-eżerċizzju ta’ tali attività.

    40

    Madankollu, sabiex tali approċċ ikun rilevanti, għandu jiġi żgurat, qabelxejn, li n-numru ta’ impriżi li joperaw fis-suq u meħuda inkunsiderazzjoni b’dan il-mod ikun suffiċjentement għoli, b’tali mod li, peress li s-sitwazzjoni partikolari ta’ impriża partikolari ma tkunx tista’ tkun is-suġġett ta’ kunsiderazzjoni sproporzjonata, tali medja tkun tista’ titqies li hija statistikament robusta u, għaldaqstant, rappreżentattiva tal-istandard previst mir-raba’ kundizzjoni stabbilita fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

    41

    Sussegwentement, huma biss impriżi li jistgħu jeżegwixxu immedjatament l-obbligi ta’ servizz pubbliku kkonċernati u, għaldaqstant, li jistgħu jitqiesu li huma adegwatament mogħnija bil-mezzi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji ta’ servizz pubbliku, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali kalkolu.

    42

    Fl-aħħar, għalkemm is-servizz offrut minn dawn l-impriżi għandu jkun paragunabbli għas-servizz pubbliku kkonċernat, fil-kuntest ta’ għoti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport multimodali ta’ passiġġiera, tali rekwiżit ma jeskludix li, inizjalment, l-ispejjeż sostnuti minn impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji għal kull wieħed mill-elementi ta’ dan is-servizz ta’ trasport multimodali, jiġu kkalkolati separatament u li, sussegwentement, dawn l-ispejjeż jiġu miżjuda sakemm, skont il-każ, l-effetti potenzjali ta’ sinerġija kjarament identifikabbli, li joħorġu mill-ġestjoni integrata ta’ dawn l-elementi, ikunu debitament meħuda inkunsiderazzjoni.

    43

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jekk il-parametri standard tas-suq implimentati f’dan il-każ jikkorrispondux ma’ din il-metodoloġija.

    44

    Fir-rigward, it-tieni, tal-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż tas-servizz ipprovdut mill-operatur uxxenti jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju tal-“impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji” ma jeskludix, fih innifsu, kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż preċedenti tas-servizz ipprovdut mill-operatur uxxenti jew relatati mal-għoti preċedenti, sakemm, madankollu, l-operatur uxxenti jkun jista’ jitqies, fid-dawl tal-metodi ta’ analiżi tal-kontabbiltà u finanzjarja normalment użati għal dan l-għan, bħala impriża medja u amministrata tajjeb.

    45

    Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mħallsa lil operatur intern fil-kuntest ta’ għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera minn awtorità lokali kompetenti li ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-operat li huma, minn naħa, ikkalkolati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż preċedenti tas-servizz ipprovdut mill-operatur uxxenti u, min-naħa l-oħra, relatati ma’ spejjeż jew ma’ korrispettivi li huma wkoll relatati mal-għoti preċedenti jew, fi kwalunkwe każ, dwar parametri standard tas-suq, li japplikaw għall-operaturi kollha tas-settur ikkonċernat, sakemm l-użu ta’ tali elementi jwassal għad-determinazzjoni ta’ spejjeż li jirriflettu dawk li impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta’ servizz pubbliku, tkun sostniet sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi.

    Fuq l‑ispejjeż

    46

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    dan ir-regolament ma japplikax għal kuntratt imħallat ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport multimodali ta’ passiġġiera li jinkludi t-trasport bit-tramm, bil-funikular u bil-cable car, anki f’kuntest li fih it-trasport bil-ferrovija jirrappreżenta l-maġġoranza tas-servizzi ta’ trasport li ġiet attribwita l-ġestjoni tagħhom.

     

    2)

    L-Artikolu 107(1) TFUE

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mħallsa lil operatur intern fil-kuntest ta’ għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera minn awtorità lokali kompetenti li ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-operat li huma, minn naħa, ikkalkolati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż preċedenti tas-servizz ipprovdut mill-operatur uxxenti u, min-naħa l-oħra, relatati ma’ spejjeż jew ma’ korrispettivi li huma wkoll relatati mal-għoti preċedenti jew, fi kwalunkwe każ, dwar parametri standard tas-suq, li japplikaw għall-operaturi kollha tas-settur ikkonċernat, sakemm l-użu ta’ tali elementi jwassal għad-determinazzjoni ta’ spejjeż li jirriflettu dawk li impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta’ servizz pubbliku, tkun sostniet sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top