Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0184

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
IK u CM vs KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation e.V.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 157 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Xogħol part-time – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Projbizzjoni li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time tal-istess tip – Ħlas ta’ żieda fis-salarju biss għas-sahra maħduma mill-ħaddiema part‑time lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-ħaddiema full-time.
Kawżi magħquda C-184/22 u C-185/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:637

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 157 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Xogħol part-time – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Projbizzjoni li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time tal-istess tip – Ħlas ta’ żieda fis-salarju biss għas-sahra maħduma mill-ħaddiema part time lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-ħaddiema full-time”

Fil-Kawżi magħquda C‑184/22 u C‑185/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Ottubru 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri

IK (C‑184/22),

CM (C‑185/22)

vs

KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IK, minn J. Windhorst, Rechtsanwältin,

–        għal KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation eV, minn K. M. Weber, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg, C. Maertens u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn T. Hostvedt Aarthun u I. Thue, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia, E. Schmidt u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, tal-Artikolu 2(1)(b) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), kif ukoll tal-punti 1 u 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part‑time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn IK (C‑184/22) u CM (C‑185/22), minn naħa u l-persuna li timpjegahom, KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation eV, min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra maħduma lil hinn mis-sigħat normali tax-xogħol miftiehma fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2006/54

3        Il-premessa 30 tad-Direttiva 2006/12 tiddikjara:

“[...] Huwa [...] neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. [...]”

4        L-Artikolu 2(1)(b) u (e) tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

(b)      ‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[...]

(e)      ‘paga’: il-paga jew is-salarju ordinarji li jkunu bażiċi jew minimi u kwalunkwe rimunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kontanti jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, minħabba l-impjieg tiegħu/tagħha minn min iħaddmu/imha”.

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.”

 IlFtehim Qafas

6        Skont il-klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas, dan għandu l-għan li “jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”.

7        Il-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas jgħid li:

“Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

8        Skont il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1)      Il-kliem ‘ħaddiem part-time’: jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip.

2)      Il-kliem ‘ħaddiem full-time ta’ l-istess tip’ ifisser ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta' kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/ kapaċità.

[…]”

9        Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi fil-punti 1 u 2 tagħha:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.      Meta approprjat, il-prinċipju tal- pro rata temporis għandu japplika.”

 Iddritt Ġermaniż

10      Skont l-Artikolu 1 tal-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AGG”), intitolat “L-Għan tal-liġi”:

“Din il-liġi għandha bħala għan li tipprekludi jew telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.”

11      L-Artikolu 7 tal-AGG jipprovdi li l-ħaddiema ma jistgħux jiġu ddiskriminati għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, fosthom is-sess.

12      L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi, intitolat “Kumpens għad-danni” huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega hija obbligata tħallas kumpens għad-danni li jirriżultaw minn dan il-ksur. […]

(2)      Għal dannu li ma huwiex dannu patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. […]”

13      L-Artikolu 3 tal-Gesetz zur Förderung der Entgelttransparenz zwischen Frauen und Männern (Entgelttransparenzgesetz) (il-Liġi dwar il-Promozzjoni tat-Trasparenza fis-Salarji bejn in-Nisa u l-Irġiel), tat‑30 ta’ Ġunju 2017, (BGBl. 2017 I, p. 2152), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, intitolat “Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fis-salarji diretta u indiretta bbażata fuq is-sess”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-elementi kollha ta’ remunerazzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni hija pprojbita.”

14      L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, intitolat “Obbligu ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet”, jipprovdi li:

“Fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali, ma tistax tiġi miftiehma jew imħallsa remunerazzjoni iktar baxxa minn dik ta’ ħaddiem jew ħaddiema tas-sess oppost minħabba s-sess tal-ħaddiem jew tal-ħaddiema.”

15      L-Artikolu 4 tal-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (il-Liġi dwar ix-Xogħol Part-Time u l-Kuntratti għal Żmien Determinat), tal‑21 ta’ Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1966), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħaddiem part-time ma għandux, minħabba l-fatt li jaħdem part-time, jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem full-time tal-istess tip, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament. Il-ħaddiem part-time għandu jingħata remunerazzjoni jew ħlas ieħor diviżibbli li l-ammont tiegħu għandu tal-inqas jikkorrispondi għall-proporzjon tas-sigħat ta’ xogħol tiegħu meta mqabbla ma’ dawk ta’ ħaddiem full-time tal-istess tip.”

16      L-Artikolu 10 tal-Manteltarifvertrag (il-Ftehim Kollettiv Ġenerali) (iktar ’il quddiem, il-“MTV”), konkluż bejn Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft eV (ver.di) (is-Sindakat tas-Settur tas-Servizzi Magħquda) u l-konvenuta fil-kawża prinċipali, intitolat “Ħin tax-xogħol”, jipprevedi:

“1.      Is-sigħat normali ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ impjegat full-time, esklużi l-pawżi, huma ta’ medja ta’ 38.5 sigħat.

[…]

Is-sigħat normali tax-xogħol ta’ kuljum ta’ impjegat full-time huwa ta’ 7 sigħat u 42 minuta.

[…]

6.      Jekk il-volum ta’ xogħol jeħtieġ is-sahra, din għandha, fil-prinċipju, tkun imposta. [...] Is-sahra għandha tkun limitata għall-każijiet urġenti u għandha titqassam b’mod ekwu kemm jista’ jkun possibbli bejn l-impjegati kollha.

7.      Is-sahra hija sigħat ta’ xogħol imposti, li jmorru lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol [...], skont ir-roster jew l-użanza fl-impriża. Is-sahra magħmula lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol tax-xahar kalendarju ta’ impjegat full-time u li ma tistax tiġi kkumpensata bl-għoti ta’ leave matul ix-xahar kalendarju ta’ xogħol inkwistjoni hija suġġetta għal ħlas ta’ żieda fis-salarju skont l-Artikolu 13(1).

[…]”

17      L-Artikolu 13 tal-MTV, intitolat “Remunerazzjoni tas-sahra, ħlasijiet ta’ żieda fis-salarju u kumpensi għal servizz f’ħinijiet inkonvenjenti”, jipprovdi:

“1.      Il-kumpens għas-sahra skont l-Artikolu 10(7) tal-MTV jammonta għal 1/167 tal-paga tariffarja fix-xahar għal kull siegħa supplimentari. Il-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(7) hija ta’ 30 %.

[…]”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

18      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija fornitur ta’ servizzi ta’ dijalisi outpatient li topera fit-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

19      IK u CM, li huma impjegati minn KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation eV bħala carers part-time, huma obbligati jwettqu, skont il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom 40 % u 80 %, rispettivament, tas-sigħat tax-xogħol normali fil-ġimgħa mwettqa minn impjegat full-time, li huma stabbiliti għal 38.5 sigħat mill-Artikolu 10 tal-MTV.

20      Peress li qiesu li l-konvenuta fil-kawża prinċipali hija obbligata tħallashom żieda fis-salarju għas-sahra mwettqa, skont l-Artikolu 10(7) tal-MTV, jew li tinkludi, fil-kontijiet ta’ tfaddil tal-ħin tagħhom, kreditu ta’ ħin li jikkorrispondi għaż-żieda fis-salarju dovuta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja), sabiex jiksbu kreditu ta’ ħin li tikkorrispondi għaż-żieda fil-paga dovuta kif ukoll kumpens abbażi tal-Artikolu 15(2) tal-AGG.

21      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, billi ma ħallsithomx żieda fis-salarju għas-sahra maħduma lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehem fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u billi ma inkludietx, fil-kontijiet tagħhom ta’ tfaddil ta’ ħin, krediti tal-ħin li jikkorrispondu għaż-żieda fis-salarju dovuta lilhom, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ttrattathom b’mod inqas favorevoli mill-impjegati full-time minħabba li huma jaħdmu part-time. Barra minn hekk, huma jallegaw li sofrew diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess tagħhom inkwantu l-konvenuta fil-kawża prinċipali timpjega fil-parti l-kbira nisa bħala part-time.

22      Peress li l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali) ċaħdet dawn ir-rikorsi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mis-sentenzi ta’ din il-qorti quddiem il-Landesarbeitsgericht Hessen (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hesse, il-Ġermanja), li kkundannat lill-konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex tinkludi krediti fil-kontijiet ta’ tfaddil tal-ħin tagħhom li jikkorrispondu għaż-żieda fis-salarju dovuta għas-sahra li huma wettqu, iżda ċaħdet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-ħlas ta’ kumpens abbażi tal-Artikolu 15(2) tal-AGG.

23      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, sabiex jiksbu l-imsemmi ħlas ta’ kumpens. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, min-naħa tagħha, ippreżentat appell inċidentali quddiem din il-qorti mill-kundanna tagħha sabiex tinkludi l-krediti tal-ħin fil-kontijiet tagħhom ta’ tfaddil ta’ ħin.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar id-dritt għal kumpens, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-AGG, tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li jsir magħruf jekk huma kinux suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba s-sess, bi ksur tal-Artikolu 7 tal-AGG.

25      Hija tqis wkoll li, sabiex tiddeċiedi dwar l-appell inċidentali ppreżentat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kontra l-kundanna tagħha li tinkludi l-krediti ta’ ħin fil-kontijiet ta’ tfaddil ta’ ħin tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa determinanti li jsir magħruf jekk dawn kinux is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba li huma impjegati part-time.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku fil-Kawżi magħquda C‑184/22 u C‑185/22:

“(1)      L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u [l-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2006/54] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ftehim kollettiv nazzjonali li jipprovdi li l-ħlas addizzjonali għas-sahra huwa previst biss għas-sigħat ta’ xogħol li jkunu twettqu lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol ta’ ħaddiem impjegat full-time jinkludi inugwaljanza fit-trattament tal-impjegati full-time u tal-impjegati part-time?

(2)      Fil-każ li għall-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv:

(a)      L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u [l-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2006/54] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’tali każ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament taffettwa sostanzjalment iktar nisa milli rġiel li jkun hemm fost l-impjegati part-time sostanzjalment iktar nisa milli rġiel, iżda ma’ dan għandu jiżdied il-fatt li jkun hemm fost l-impjegati full-time sostanzjalment iktar irġiel jew li l-proporzjon tal-irġiel ikun ikbar b’mod sinjfikattiv?

(b)      Jew tirriżulta wkoll konklużjoni oħra għall-Artikolu 157 TFUE u d-[Direttiva 2006/54] mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 25 sa 36 tas-sentenza tagħha [tas‑26 ta’ Jannar 2021,] Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zaktad Opieki Zdrowotnej w Krakowie [(C‑16/19, EU:C:2021:64)], li skonthom differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ persuni b’diżabbiltà tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘diskriminazzjoni’, previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)]?

(3)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fl-affermattiv u għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda fis-sens li f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali jista’ jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament fir-rigward tar-remunerazzjoni tolqot sostanzjalment iktar lin-nisa milli l-irġiel: L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u [l-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2006/54], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu l-fatt li l-partijiet għal ftehim kollettiv ifittxu b’dispożizzjoni regolatorja – bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda – minn naħa, l-għan li jipprekludu lill-persuna li timpjega milli timponi sahra u milli tikkumpensa bi ħlas addizzjonali għas-sahra l-użu tal-ħaddiema lil hinn mill-perijodi miftiehma, iżda, min-naħa l-oħra, ukoll l-għan li jipprekludu trattament inqas favorevoli tal-impjegati full-time b’paragun mal-impjegati part-time u li jipprevedu konsegwentement li l-ħlasijiet addizzjonali jkunu dovuti biss għas-sahra lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ xahar kalendarju ta’ impjegat full-time?

(4)      Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-[Ftehim Qafas] li jinsab fl-Anness tad-[Direttiva 97/81] għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim kollettiv nazzjonali li jipprovdi li l-ħlas addizzjonali għas-sahra huwa previst biss għas-sigħat tax-xogħol mogħtija lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol ta’ ħaddiem full‑time jinkludi inugwaljanza fit-trattament tal-impjegati full-time u tal-impjegati part-time?

(5)      Fil-każ li għar-raba’ domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv: Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-[Ftehim Qafas] li jinsab fl-Anness tad-[Direttiva 97/81] għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu l-fatt li l-partijiet għal ftehim kollettiv ifittxu b’dispożizzjoni regolatorja – bħal dik imsemmija fir-raba’ domanda – minn naħa, l-għan li jipprekludu lill-persuna li timpjega milli timponi sahra u milli tikkumpensa bi ħlas addizzjonali għas-sahra l-użu tal-ħaddiema lil hinn mill-perijodi miftiehma, iżda, min-naħa l-oħra, ukoll l-għan li jipprekludu trattament inqas favorevoli tal-impjegati full-time b’paragun mal-impjegati part-time u li jipprevedu konsegwentement li l-ħlasijiet addizzjonali jkunu dovuti biss għas-sahra lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ xahar kalendarju ta’ impjegat full-time?”

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ April 2022, il-Kawżi C‑184/22 u C‑185/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali u għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq irraba’ u lħames domanda

28      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra huwa previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol previsti għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens ta’ din il-punt (1) tal-klawżola 4, u jekk tali trattament jistax jiġi ġġustifikat mit-tfittxija, minn naħa, tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.

29      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex ikkontestat, fil-każ ineżami, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ħaddiema part-time, fis-sens tal-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas. Lanqas ma huwa kkontestat li l-MTV tapplika għall-kuntratti ta’ xogħol tagħhom.

30      Ghal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, għandu jitfakkar, qabel kollox, li dan tal-aħħar huwa intiż, minn naħa, li jippromwovi x-xogħol part-time u, min-naħa l-oħra, li jelimina d-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time, hekk kif jirriżulta espressament mill-klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Imbagħad, konformement mal-għan ta’ tneħħija ta’ diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time, imsemmija fil-klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas, il-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim qafas tipprekludi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod “inqas favorevoli” mill-ħaddiema full-time f’sitwazzjoni paragunabbli, għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-klawżola hija intiża sabiex tapplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema part-time bl-għan li jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema full-time (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, fir-rigward, fil-każ ineżami, tal-kwistjoni dwar jekk iż-żieda fis-salarju għas-sahra taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmi fil-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett jinkludi l-kundizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-persuni li jaħdmu bħala carers full-time u tal-persuni li jaħdmu bħala carers part-time, bħalma jaħdmu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-punt (2) tal-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-ħaddiema jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Jekk jiġi stabbilit li, meta jkunu impjegati, il-ħaddiema part-time jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna full-time jew li jokkupaw l-istess pożizzjoni bħalhom, ikun hemm lok, bħala prinċipju, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu bħala paragunabbli (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar madankollu li hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tan-natura konkreta tal-attivitajiet eżerċitati mill-ħaddiema kkonċernati, jistax jingħata valur ugwali lil dawn tal-aħħar (sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Tesco Stores, C‑624/19, EU:C:2021:429, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-każ ineżami, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma tikkontestax li s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma paragunabbli ma’ dawk imwettqa mill-ħaddiema li hija timpjega full-time.

39      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk teżistix differenza fit-trattament bejn il-persuni li jaħdmu bħala carers part-time, bħalma jagħmlu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u l-persuni li jaħdmu bħala carers full-time, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li carer part-time jirċievi żieda fis-salarju għas-sahra biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ persuna li taħdem bħala carer full-time, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 10(1) tal-MTV, jammontaw għal 38.5 sigħat.

40      Għalhekk, persuna li taħdem bħala carer part-time għandha twettaq l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol bħal persuna li taħdem bħala carer full-time sabiex tibbenefika miż-żieda fis-salarju għas-sahra, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni s-sigħat ta’ xogħol normali miftehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol ta’ din il-persuna li taħdem bħala carer part-time, b’tali mod li hija ma tistax tilħaq, jew bi probabbiltà kunsiderevolment iktar baxxa minn persuna li taħdem bħala carer full time, in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol meħtieġa sabiex tibbenefika mill-imsemmija żieda fis-salarju.

41      Għalkemm, hekk kif tesponi l-qorti tar-rinviju, ir-remunerazzjoni għas-sahra tidher ugwali għall-persuni li jaħdmu bħala carers part-time u għall-persuni li jaħdmu bħala carers full-time, sa fejn id-dritt għal tali żieda jitnissel biss lil hinn mil-limitu ta’ 38.5 sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa għal dawn il-persuni kollha, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-iffissar ta’ dan il-limitu uniformi kemm għall-persuni li jaħdmu bħala carers full-time kif ukoll għall-persuni li jaħdmu bħala carers part-time jirrappreżenta, għal dawn tal-aħħar, fid-dawl tas-sigħat normali tax-xogħol miftehma fil-kuntratti tagħhom, piż ikbar sa fejn mill-inqas parti mis-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn minn dan il-ħin ta’ xogħol normali, għalkemm bi ħlas, ma jagħtix dritt għal żieda. Fil-fatt, il-persuni li jaħdmu bħala carers full-time jirċievu żieda għas-sahra sa mill-ewwel siegħa ta’ xogħol imwettqa lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol li jikkonċernawhom, jiġifieri 38.5 sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, filwaqt li l-persuni li jaħdmu bħala carers part-time ma jirċevux żieda għas-sigħat ta’ xogħol li jaħdmu lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol miftehma fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom iżda sas-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-persuni li jaħdmu bħala carers full-time.

42      Għaldaqstant, il-persuni li jaħdmu bħala carers part-time, li jwettqu sigħat ta’ xogħol lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol normali miftiehma fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom mingħajr ma jibbenefikaw minn żieda fis-salarju, huma suġġetti għal trattament mhux ugwali meta mqabbla ma’ persuni li jaħdmu bħala carers full-time li s-sigħat li jaħdmu lil hinn minn 38.5 sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa huma miżjuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2004, Elsner-Lakeberg (C‑285/02, EU:C:2004:320, punt 17).

43      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema part-time għandha tkun ekwivalenti għal dik tal-ħaddiema full-time, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis stabbilit fil-punt (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konsegwentement, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, sa fejn, għal persuni li jaħdmu bħala carers part-time, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li lil hinn minnu huma jirċievu żieda fis-salarju ma jitnaqqasx pro rata temporis skont is-sigħat ta’ xogħol miftehma individwalment fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, jidher li dawn huma s-suġġett ta’ trattament “inqas favorevoli” meta mqabbla ma’ persuni li jaħdmu bħala carers full-time, ipprojbit mill-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, sakemm din id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn “raġuni oġġettiva”, fis-sens ta’ din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789 punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija tkun stabbilixxiet tistax titqies bħala ġġustifikata minn “raġuni oġġettiva”.

46      Minn din il-perspettiva, għandu jitfakkar li, għalkemm, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, hija għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas jeżiġi li d-differenza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ xogħol ikkonċernata, fil-kuntest partikolari li minnu tagħmel parti, u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex wieħed ikun jista’ jiżgura ruħu li din id-differenza tissodisfa bżonn ġenwin, tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u tkun neċessarja għal dan l-għan. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal xogħol part-time u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minn naħa, l-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma individwalment għal dawn il-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time jistgħux jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

49      Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala konsegwenza li s-sigħat maħduma mill-ħaddiema part‑time lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol miftiehma fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom mingħajr ma jaqbżu s-sigħat normali ta’ xogħol stabbiliti għal ħaddiem full-time, jiġifieri 38.5 sigħat fil-ġimgħa, jikkostitwixxu piż finanzjarju inqas għall-persuna li timpjega mill-istess numru ta’ sigħat supplimentari maħduma minn ħaddiem full-time, peress li dawn is-sigħat ma jagħtux lok għal żieda. Għall-ħaddiema part-time, din il-leġiżlazzjoni tipproduċi għaldaqstant l-effett kuntrarju ta’ dak imfittex, peress li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, hija fir-realtà tinkoraġġixxi lill-persuna li timpjega timponi sahra fuq il-ħaddiema part-time pjuttost milli fuq il-ħaddiema full-time.

50      Minn dan isegwi li l-iffissar ta’ limitu uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time, fir-rigward tal-għoti ta’ żieda fis-salarju għas-sahra, ma huwiex, fir-rigward ta’ ħaddiema part-time, tali li jilħaq l-għan li jiddisswadi lil persuna li timpjega milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra.

51      Għal dak li jirrigwarda t-tieni wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punt 48 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi rrilevat li dan l-għan huwa intiż li jevita trattament allegatament sfavorevoli tal-ħaddiema full-time meta mqabbel ma’ dak mogħti lill-ħaddiema part-time. Ir-raġunament sottostanti għal dan l-għan huwa bbażat fuq il-premessa li l-fatt li l-persuna li timpjega, li titlob lil ħaddiem part‑time jagħmel is-sahra, tiġi obbligata tħallas lil dan il-ħaddiem żieda fis-salarju għas-sahra sa mill-ewwel siegħa ta’ xogħol imwettqa mill-imsemmi ħaddiem lil hinn mis-sigħat miftehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, kif jagħmel għall-ħaddiema full-time, jagħti lok għal trattament inqas favorevoli ta’ dawn il-ħaddiema tal-aħħar. Issa, din il-premessa hija żbaljata, peress li, f’dan il-każ, il-ħaddiema full-time jiġu ttrattati, f’dak li jirrigwarda s-sahra, bl-istess mod bħall-ħaddiema part-time, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis.

52      Minn dan isegwi li dan it-tieni għan lanqas ma jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

53      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra huwa previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol previsti għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens ta’ dan il-punt (1) tal-klawżola 4, li ma jistax jiġi ġġustifikat mit-tfittxija, minn naħa, tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehem individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.

 Fuq lewwel sattielet domanda

54      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra huwa previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol iffissati għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, u dan anki meta jkun hemm proporzjon kunsiderevolment għola ta’ nisa milli rġiel fost il-ħaddiema full-time, u min-naħa l-oħra, li tali diskriminazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mit-tfittxija tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, kif ukoll tal-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.

55      Skont l-Artikolu 157(1) TFUE, “[k]ull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat”. Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li “[g]ħandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali”. L-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” bħala s-sitwazzjoni “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa”.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix diskriminazzjoni diretta, peress li tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa.

57      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxix diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE u tad-Direttiva 2006/54, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sfavorevoli, hekk kif huwa kkonstatat fil-punt 44 tas-sentenza preżenti, għall-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time sa fejn, għas-sigħat ta’ xogħol li huma jwettqu lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom mingħajr ma jaqbżu t-tul ta’ ħin ta’ xogħol normali stabbilit għall-ħaddiema full-time, jiġifieri 38.5 sigħat fil-ġimgħa, huma ma jibbenefikawx minn żieda fis-salarju, filwaqt li dawn il-ħaddiema tal-aħħar jirċievu żieda fis-salarju mill-ewwel siegħa mwettqa lil hinn minn dawn it-38.5 sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa.

58      Fit-tieni lok, sabiex miżura li mad-dehra tagħha hija newtrali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija għandu jkollha bħala riżultat, fil-prattika, li tpoġġi fi żvantaġġ b’mod partikolari lill-persuni ta’ sess meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor. F’dan ir-rigward, mill-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha ssir mill-qorti nazzjonali, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki nazzjonali li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ data statistika (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għal dak li jirrigwarda d-data statistika, għandu jitfakkar, qabelxejn, li hija il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn din id-data prodotta quddiemha, li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tal-ħaddiema, hija valida u jekk din tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew temporanji u jekk, b’mod ġenerali, tidhirx sinjifikattiva (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Sussegwentement, meta l-qorti nazzjonali jkollha din id-data, hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li hija din il-qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha d-differenza fit-trattament toriġina u, min-naħa l-oħra, li l-aħjar metodu ta’ paragun jikkonsisti fit-tqabbil tal-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mir-regola inkwistjoni fi ħdan il-ħaddiema rġiel u l-istess proporzjonijiet fi ħdan il-ħaddiema nisa (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß, C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li jirreferu għad-data statistika pprovduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, jirriżulta li din timpjega iktar minn 5 000 persuna fis-siti kollha tagħha, li 76.96 % minnhom huma nisa. Minn dawn il-ħaddiema kollha, 52.78 % jaħdmu part-time. Fost il-ħaddiema part‑time, 84.74 % huma nisa u 15.26 % huma rġiel filwaqt li, fost il-ħaddiema full-time, 68.20 % huma nisa u 31.80 % huma rġiel. Għaldaqstant, il-ħaddiema nisa huma iktar kemm fil-grupp li huwa allegatament “ivvantaġġat” kif ukoll fil-grupp li huwa allegatament “żvantaġġat” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62      F’tali sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk diskriminazzjoni indiretta tistax tiġi kkonstatata anki jekk il-grupp ta’ ħaddiema full-time, li ma jġarrbux dan l-iżvantaġġ, ma huwiex ikkostitwit minn numru kunsiderevolment ogħla ta’ rġiel milli nisa.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” magħmula fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54/KE, ifformulata barra minn hekk fl-istess termini bħal dik li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255), bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2006/54, ma tirreferix għal elementi kwantitattivi fil-kuntest tal-eżami tad-diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, l-imsemmija definizzjoni tadotta approċċ kwalitattiv li jipprovdi li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tistax, min-natura tagħha stess, “[tpoġġi] [...] fi żvantaġġ partikolari” lil persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor. Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha ta’ natura kwalitattiva sabiex tiddetermina jekk tali żvantaġġ jeżistix billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament ikkonċernata.

64      F’dan il-kuntest, id-data statistika tikkostitwixxi biss element fost oħrajn li din il-qorti tista’ tirrikorri għalih u li għalih tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja, meta din id-data tkun teżisti, sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li leġiżlazzjoni nazzjonali taffettwa b’mod negattiv proporzjon ferm ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BVAEB, C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, id-diskriminazzjoni indiretta tirreferi biss għal dispożizzjoni, kriterju jew prattika li “[tpoġġi] [...]fi żvantaġġ” lil persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor. Konsegwentement, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li diskriminazzjoni indiretta tista’ tkun ikkaratterizzata mis-sempliċi fatt li l-persuni ta’ sess partikolari jkunu partikolarment żvantaġġati meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor.

66      Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, mid-data statistika li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li jirriżulta li 35 % biss tal-ħaddiema rġiel impjegati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaħdmu part-time u huma affettwati negattivament minn din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li l-proporzjon ta’ ħaddiema nisa li hija timpjega li jaħdmu part-time u li huma affettwati negattivament mill-imsemmija leġiżlazzjoni, jidher li huwa ferm ikbar, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

67      Minn dan isegwi li, sabiex diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess tkun tista’ tiġi kkonstatata fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, ma huwiex neċessarju li jkun hemm, fost l-impjegati full-time, kunsiderevolment iktar irġiel milli nisa, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 60 u 64 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti.

68      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punti 25 sa 36), li minnha jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit mid-Direttiva 2000/78, huwa intiż jipproteġi ħaddiem li għandu diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-direttiva, kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq din id-diżabbiltà mhux biss meta mqabbel mal-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà, iżda wkoll meta mqabbel mal-ħaddiema l-oħra li għandhom diżabbiltà, hijiex rilevanti f’dan il-każ.

69      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti, id-differenza fit-trattament kienet tikkonċerna biss il-membri tal-istess grupp protett fis-sens tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri l-ħaddiema li għandhom diżabbiltà, filwaqt li, fil-kawżi prinċipali, din id-differenza tikkonċerna l-ħaddiema ta’ sess femminili meta mqabbla mal-ħaddiema ta’ sess maskili. Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza ma hijiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda magħmula.

70      Tali interpretazzjoni hija kkorraborta mill-ġurisrudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”, li jinsab fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, seta’ jikkonċerna biss il-każijiet ta’ diskriminazzjoni bejn ħaddiema ta’ sess maskili, minn naħa, u ħaddiema ta’ sess femminili, min-naħa l-oħra, u li din id-dispożizzjoni ma setgħetx tinftiehem bħala li tikkostitwixxi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament fis-sens wiesa’, jiġifieri wkoll bejn persuni li jappartjenu għall-istess sess (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, INSS (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet–II) (C‑130/20, EU:C:2021:381, punti 21 u 22).

71      It-tielet nett, fil-każ li l-qorti tar-rinviju, abbażi tad-data statistika prodotta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali u, skont il-każ, provi ta’ fatt rilevanti oħra, tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tpoġġi fi żvantaġġ partikolarment lill-ħaddiema ta’ sess femminili meta mqabbla mal-ħaddiema ta’ sess maskili, tali leġiżlazzjoni tkun kuntrarja għall-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn għan oġġettiv u sakemm il-miżuri sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 49).

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punti 44 sa 52 tas-sentenza preżenti jirriżulta li trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time, li jirriżulta minn leġiżlazzjoni bħalma hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi ġġustifikat mit-tfittxija, minn naħa, tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftehma individwalment fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time. Issa, din l-interpretazzjoni tapplika, mutatis mutandis, għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, li tirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

73      Minn dak li ntqal ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra huwa previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol iffissati għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, jekk jiġi stabbilit li din il-leġiżlazzjoni tpoġġi fi żvantaġġ proporzjon kunsiderevolment għola ta’ persuni ta’ sess femminili meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess maskili mingħajr ma lanqas ikun neċessarju li l-grupp ta’ ħaddiema li ma huwiex żvantaġġat mill-imsemmija leġiżlazzjoni jiġifieri l-ħaddiema full‑time, ikun ikkostitwit minn numru kunsiderevolment ogħla ta’ rġiel milli nisa, u, min-naħa l-oħra, tali diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mit-tfittxija tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, kif ukoll tal-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.

 Fuq lispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra huwa previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol previsti għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens ta’ dan il-punt (1) tal-klawżola 4, li ma jistax jiġi ġġustifikat mit-tfittxija, minn naħa, tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.

2)      L-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li,

minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra huwa previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol iffissati għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, jekk jiġi stabbilit li din il-leġiżlazzjoni tpoġġi fi żvantaġġ proporzjon kunsiderevolment għola ta’ persuni ta’ sess femminili meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess maskili mingħajr ma lanqas ikun neċessarju li l-grupp ta’ ħaddiema li ma huwiex żvantaġġat mill-imsemmija leġiżlazzjoni jiġifieri l-ħaddiema full-time, ikun ikkostitwit minn numru kunsiderevolment ogħla ta’ rġiel milli nisa, u, min-naħa l-oħra, tali diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mit-tfittxija tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, kif ukoll tal-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top