EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Marzu 2023.
JA vs Wurth Automotive GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Landesgericht Salzburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Aġir tal-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur li tista’ tagħti lok għall-impressjoni, fir-rigward tal-parti l-oħra fil-kuntratt, li hija qiegħda taġixxi għal finijiet professjonali.
Kawża C-177/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:185

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Aġir tal-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur li tista’ tagħti lok għall-impressjoni, fir-rigward tal-parti l-oħra fil-kuntratt, li hija qiegħda taġixxi għal finijiet professjonali”

Fil-Kawża C‑177/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

JA

vs

Wurth Automotive GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JA, minn B. Heim, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn JA, ċittadina Awstrijaka, u Wurth Automotive GmbH, kumpannija Ġermaniża, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi li jiddeċiedu dwar talba għal kumpens minħabba difetti moħbija ta’ vettura bil-mutur li hija s-suġġett ta’ kuntratt ta’ bejgħ.

Il‑kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fis-Sezzjoni 4, intitolata “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

4

Skont l-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

5

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-imsieħeb tagħha huwa konċessjonarju tal-vetturi u d-direttur ta’ pjattaforma tal-internet għall-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“imsieħeb”), kienet imsemmija fil-paġna ewlenija ta’ din il-pjattaforma bħala grafista u disinjatatriċi ta’ siti tal-internet, mingħajr ma effettivament eżerċitat din l-attività meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.

6

Fuq talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet esprimiet ix-xewqa li tixtri vettura bil-mutur, l-imsieħeb għamel riċerka u kkuntattja lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, billi fil‑11 ta’ Marzu 2019, bagħtilha messaġġ elettroniku mill-indirizz tal-posta elettronika professjonali tiegħu, li fih indika offerta ta’ prezz għax-xiri, intaxxata skont l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, ta’ vettura bl-ewwel reġistrazzjoni fil-Ġermanja u bi ħlas fi flus kontanti. F’dan il-messaġġ elettroniku, ġie indikat li l-kuntratt ta’ bejgħ kellu jiġi konkluż f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Sar ukoll kuntatt telefoniku bejn l-imsieħeb u impjegat tal-konvenuta fil-kawża prinċipali mingħajr ma l-kontenut tiegħu seta’ jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

7

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali bagħtet lill-imsieħeb, permezz ta’ messaġġ elettroniku, il-kuntratt ta’ bejgħ li kien jindika, bħala x-xerrej, il-“kumpannija JA” u li kien jinkludi sezzjoni intitolata “Ftehimiet partikolari: tranżazzjoni bejn kummerċjanti/mingħajr ritorn, mingħajr garanzija/kunsinna biss wara li jiġi rċevut il-ħlas […]”.

8

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ffirmat dan il-kuntratt mingħajr ma kkontestat il-kontenut tiegħu. Sussegwentement, il-kuntratt intbagħat lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, permezz ta’ messaġġ elettroniku, mill-imsieħeb li, fit‑13 ta’ Marzu 2019, ġabar il-vettura mingħand din tal-aħħar.

9

Il-fattura maħruġa dakinhar kellha l-indikazzjoni “Impossibbli li tiġi indikata t-[taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] – Artikolu 25a [tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar il-VAT)]”. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fis-sistema informatika tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-ftehimiet partikolari ma jiġux proposti awtomatikament iżda għandhom jiġu indikati mill-bejjiegħ fil-kuntratt ta’ bejgħ. Għall-kuntratti konklużi ma’ individwi, il-formoli ta’ indirizz użati huma “Sinjur/Sinjura”. Dawn il-kuntratti kienu jinkludu wkoll klawżola ta’ garanzija ta’ perijodu ta’ sena.

10

Il-vettura kkonċernata ġiet irreġistrata f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Numru ta’ ġimgħat iktar tard, l-imsieħeb talab lill-konvenuta fil-kawża prinċipali jekk kienx possibbli li jiġi indikat l-ammont tal-VAT fuq il-fattura maħruġa, liema talba ġiet irrifjutata lilu.

11

Peress li kkonstatat li din il-vettura kienet ivvizzjata b’difetti moħbija, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-Bezirksgericht Salzburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Salzburg, l-Awstrija), billi bbażat il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’talba intiża li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi obbligata tħallas ammont ta’ EUR 3 257.52 bħala drittijiet ta’ garanzija. Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet li, f’dan il-każ, hija kkonkludiet il-kuntratt ta’ bejgħ bħala konsumatur u li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet tipprovdi l-attività kummerċjali jew professjonali tagħha fl-Awstrija, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012.

12

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti u kkontestat ukoll il-fondatezza ta’ din it-talba. Skont l-allegazzjonijiet tagħha, il-kuntratt ta’ bejgħ fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi tranżazzjoni bejn kummerċjanti, kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fit-taqsima “Ftehimiet speċjali”, tal-prezz tal-bejgħ li l-ammont tiegħu ġie stabbilit billi ttieħdet inkunsiderazzjoni l-impożizzjoni skont l-iskema ta’ marġni ta’ profitt u l-użu previst mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tat-tnaqqis tal-VAT tal-input. Konsegwentement, skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

13

Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2021, il-Bezirksgericht Salzburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Salzburg) ikkonstatat li ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali għall-konjizzjoni tal-kawża prinċipali. Skont din il-qorti, minkejja li, fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex imprenditur, billi ffirmat il-kuntratt ta’ bejgħ u billi involviet lill-imsieħeb fl-iżvolġiment tar-relazzjoni ma’ din tal-aħħar, hija ħolqot, fir-rigward tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, l-impressjoni li hija kienet qiegħda taġixxi bħala tali. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali kellha, għaldaqstant, id-dritt li tassumi li kien kuntratt bejn kummerċjanti, li kienet ir-raġuni għalfejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma kinux issodisfatti.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra dan id-digriet quddiem il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

15

Din il-qorti tesponi li ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, li s-sede tagħha jinsab fil-Ġermanja, ukoll orjentat l-attivitajiet kummerċjali tagħha lejn l-Awstrija, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-uniku punt ikkontestat huwa dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali aġixxietx bħala konsumatur waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ mal-konvenuta fil-kawża prinċipali.

16

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li, minkejja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiddikjara li kkonkludiet dan il-kuntratt bħala persuna privata li teżerċita attività bħala persuna impjegata, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-ewwel istanza jirriżulta li ma huwiex eskluż li din eżerċitat il-professjoni ta’ grafista u ta’ disinjatriċi ta’ siti tal-internet bħala persuna li taħdem għal rasha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sitwazzjoni fejn fatt ma jistax jintwera b’mod suffiċjenti fid-dritt jistax jippreġudika lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

17

Fil-fehma ta’ din il-qorti, anki jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali xtrat il-vettura kkonċernata għal finijiet privati, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk dan il-fatt setax jiġi identifikat ukoll mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

18

Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali li hija għandha twettaq sabiex tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ, ikkonkludietx il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala konsumatur, ċirkustanzi partikolari oħra tal-kawża jistgħux ikollhom ċerta importanza, jiġifieri l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrikorriet għal konċessjonarju tal-vetturi sabiex jitwettqu l-passi neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt, il-fatt li, matul ix-xahar ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali reġgħet biegħet il-vettura bi profitt jew il-fatt li ma kienx hemm indikazzjoni tal-VAT fuq il-fattura. Fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-dritt Ġermaniż dwar il-VAT, l-assenza ta’ indikazzjoni separata tal-VAT fuq il-fattura tista’ sseħħ kemm waqt il-bejgħ lil imprenditur kif ukoll waqt il-bejgħ lil persuna privata.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-evalwazzjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex konsumatur fis-sens tal-Artikoli 17 u 18 tar-[Regolament Nru 1215/2012] tiddependi minn:

a)

jekk ir-rikorrenti twettaqx attività ta’ grafista u disinjatriċi ta’ siti tal-internet, li hija ddikjarat fil-proċedura, biss bħala impjegata jew minn tal-inqas parzjalment fil-kuntest ta’ attività indipendenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u immedjatament wara u

b)

l-għan li għalih ir-rikorrenti xtrat il-vettura, jiġifieri biss għall-bżonnijiet tagħha stess f’termini ta’ konsum privat jew anki b’konnessjoni ma’ attività jew finalità professjonali kurrenti jew futura?

2)

Ir-rikorrenti ma tistax tinvoka iktar il-kwalità ta’ konsumatur jekk biegħet il-vettura f’Awwissu 2019, u kwalunkwe profitt li jkun sar f’dan il-każ huwa rilevanti?

3)

Ir-rikorrenti għandha titqies li ma għandhiex il-kwalità ta’ konsumatur sempliċement peress li ffirmat kuntratt ta’ bejgħ standard imfassal mill-konvenuta, li l-verżjoni stampata tiegħu kienet tindika bħala x-xerrej ‘kumpannija’ u b’tipa żgħira taħt it-titolu ‘Arranġamenti partikolari’ kienet tinkludi t-test ‘Operazzjoni professjonali/ebda ritorn, ebda garanzija/kunsinna biss wara riċezzjoni tal-ħlas’, mingħajr ma kkontestat dan u mingħajr ma rreferiet għall-kwalità tagħha ta’ konsumatur?

4)

Ir-rikorrenti għandha tiġi imputata r-responsabbiltà tal-aġir [tal-imsieħeb] tagħha, li aġixxa bħala konċessjonarju tal-karozzi fil-kuntest tal-bejgħ, li minnu l-konvenuta setgħet tikkonkludi li r-rikorrenti kellha l-kwalità ta’ imprenditur?

5)

Fl-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ konsumatur, il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza ma setgħetx tikkonstata għal liema raġuni l-kuntratt ta’ bejgħ bil-miktub kien differenti mill-offerta preċedenti mogħtija [mill-imsieħeb] tar-rikorrenti fir-rigward tal-indikazzjoni tax-xerrej u tal-kuntatt telefoniku bejn [l-imsieħeb] tar-rikorrenti u wieħed mill-bejjiegħa tal-konvenuta, huwa sfavorevoli għar-rikorrenti?

6)

Huwa rilevanti għall-kwalità ta’ konsumatur tar-rikorrenti li [l-imsieħeb] tagħha ċempel lill-konvenuta diversi ġimgħat wara li ġie kkunsinnat il-vettura sabiex jistaqsi dwar jekk kienx possibbli li tiġi indikata t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li kkonkludiet kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet attwali jew futuri mfittxija mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll in-natura tal-attività eżerċitata minn din il-persuna bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.

21

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkostitwixxi deroga kemm mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat il-konvenut, kif ukoll mir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 7(1) ta’ dan l-istess regolament, li permezz tagħha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn l-obbligu, li huwa l-bażi tat-talba, ikun ġie jew għandu jiġi eżegwit (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Konsegwentement, il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’riferiment għall-pożizzjoni ta’ din il-persuna f’kuntratt partikolari, b’kunsiderazzjoni għan-natura u għall-iskop tiegħu, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva ta’ din l-istess persuna, peress li l-istess persuna tista’ titqies bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala operatur ekonomiku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet oħra (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew finalità ta’ natura professjonali, bil-għan waħdieni li jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet proprji tal-konsum privat ta’ individwu, li huma koperti mis-sistema partikolari prevista mill-imsemmi regolament fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur bħala l-parti kkunsidrata dgħajfa, filwaqt li protezzjoni bħal din ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan attività professjonali, anki jekk tali attività hija prevista għall-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punti 88 u 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Isegwi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma, bħala prinċipju, applikabbli biss fis-sitwazzjoni fejn il-kuntratt kien ġie konkluż bejn il-partijiet għal użu għajr dak professjonali tal-oġġett jew tas-servizz ikkonċernat (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ persuna li tikkonkludi kuntratt b’finalità doppja, għal għan relatat, parzjalment, mal-attività professjonali tagħha u parzjalment ma’ finijiet privati, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija tista’ tibbenefika minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni biss fil-każ fejn ir-rabta tal-imsemmi kuntratt mal-attività professjonali ta’ dik il-persuna tkun tant dgħajfa li tkun marġinali u, għaldaqstant, ikollha biss rwol negliġibbli fil-kuntest tat-tranżazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, li għaliha jkun ġie konkluż dan il-kuntratt (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tan-natura tal-attività professjonali mwettqa mill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda distinzjoni skont jekk din l-attività hijiex attività bħala persuna impjegata jew attività bħala persuna li taħdem għal rasha ma tirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li għandu biss jiġi eżaminat jekk il-kuntratt huwiex konkluż barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali, b’tali mod li, attività bħala persuna impjegata taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “attività professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, ROI Land Investments, C‑604/20, EU:C:2022:807, punti 54 u 55).

27

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwalità ta’ konsumatur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tiddependi mill-għan professjonali jew privat imfittex mill-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt għandha tiġi kklassifikata bħala konsumatur jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ma taqax taħt l-attività professjonali tagħha jew, fil-każ ta’ kuntratt b’finalità doppja, parzjalment professjonali u parzjalment privat, jekk l-użu professjonali jkun negliġibbli fil-kuntest tat-tranżazzjoni meqjusa fl-intier tagħha. Min-naħa l-oħra, in-natura tal-attività professjonali eżerċitata mill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li kkonkludiet kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet attwali jew futuri mfittxija mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, indipendentement min-natura tal-attività eżerċitata minn din il-persuna bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.

Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda u fuq is-sitt domanda

29

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li kkonkludiet kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni mogħtija mill-aġir ta’ din il-persuna lill-parti kontraenti tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-assenza ta’ reazzjoni mill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jindikawha bħala imprenditriċi, fil-fatt li hija kkonkludiet dan il-kuntratt permezz ta’ intermedjarju li jeżerċita attivitajiet professjonali fil-kuntest tal-qasam li jagħmel parti minnu l-imsemmi kuntratt, li, wara l-iffirmar tal-istess kuntratt, ikun staqsa lill-parti l-oħra dwar il-possibbiltà li tiġi indikata l-VAT fuq il-fattura relatata jew anki fil-fatt li tkun biegħet l-oġġett li huwa s-suġġett tal-kuntratt ftit wara l-konklużjoni tiegħu u possibbilment għamlet profitt.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li, fil-kuntest tal-analiżi tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi l-għanijiet imfittxija mill-persuna li tinvoka din il-kwalità permezz tal-konklużjoni tal-kuntratt u, meta dan il-kuntratt ikollu finalità doppja, tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi kuntratt huwiex intiż li jkopri sa grad sinjifikattiv bżonnijiet li jaqgħu taħt l-attività professjonali tal-persuna kkonċernata jew bżonnijiet privati.

31

Għal dan il-għan, din il-qorti għandha tibbaża ruħha fuq il-provi li jirriżultaw oġġettivament mill-proċess, b’mod li, jekk dawn il-provi jkunu suffiċjenti sabiex jippermettu lill-qorti tiddeduċi l-għan tal-kuntratt, ikun inutli li jiġi vverifikat jekk l-użu professjonali jew privat setax ikun magħruf jew le mill-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punti 48 u 49).

32

Madankollu, sa fejn dawn l-elementi ma humiex suffiċjenti, l-imsemmija qorti tista’ wkoll tivverifika jekk l-allegat konsumatur kienx fir-realtà, bl-aġir tiegħu stess fir-rigward tal-parti kontraenti tiegħu, ta l-impressjoni lil dan tal-aħħar li huwa kien qiegħed jaġixxi għal finijiet professjonali, b’mod li l-parti l-oħra fil-kuntratt setgħet leġittimament ma jkollhiex għarfien tal-għan mhux professjonali tat-tranżazzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 51).

33

Dan ikun il-każ, pereżempju, meta individwu jordna mingħajr preċiżjoni oħra oġġetti li effettivament iservu għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, juża għal dan il-għan ittra bl-intestatura professjonali, jitlob il-kunsinna tal-oġġetti fl-indirizz professjonali tiegħu jew isemmi l-possibbiltà li jirkupra l-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 52).

34

F’tali sitwazzjoni, ir-regoli speċifiċi tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, stabbiliti fl-Artikoli 17 sa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma humiex applikabbli anki jekk il-kuntratt ma jkollux fih innifsu għan professjonali sostanzjali, u l-individwu għandu jitqies li jkun irrinunzja l-protezzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dawl tal-impressjoni li jkun ta lill-parti kontraenti in bona fede (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 53).

35

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-impressjoni mogħtija mill-aġir tal-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, lill-parti kontraenti l-oħra tagħha, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din il-persuna għandhiex tibbenefika mill-protezzjoni proċedurali stabbilita fit-Taqsima 4 ta’ dan ir-regolament.

36

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala konsumatur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ ċerti ċirkustanzi fattwali, jiġifieri l-assenza ta’ reazzjoni min-naħa tagħha għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jindikawha bħala imprenditriċi, l-intervent waqt in-negozjar ta’ dan il-kuntratt tal-imsieħeb tagħha, huwa stess konċessjonarju tal-vetturi, li wara l-iffirmar tal-imsemmi kuntratt staqsa lill-konvenuta fil-kawża prinċipali dwar il-possibbiltà li tindika l-VAT fuq il-fattura relatata, jew inkella l-bejgħ tal-vettura ftit wara l-konklużjoni tal-kuntratt u possibbilment it-twettiq ta’ profitt.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, qabelxejn, li hija biss din il-qorti li għandha tistabbilixxi, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha, inkluż il-bona fide tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, jekk, bl-aġir tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tatx l-impressjoni li aġixxiet għal finijiet professjonali. Waqt l-eżami tagħha, l-imsemmija qorti għandha tirreferi għaċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt, u avvenimenti li seħħew sussegwentement jistgħu wkoll ikunu rilevanti sa fejn jikkorroboraw dan l-eżami.

38

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-assenza ta’ reazzjoni min-naħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jindikawha bħala imprenditur, għandu jiġi osservat li tali fatt, li barra minn hekk jista’ jiġi spjegat mill-mod li bih tfassal il-kuntratt mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, ma huwiex fih innifsu deċiżiv sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi eskluża mill-benefiċċju mogħti mir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Madankollu, ikkorroborat b’informazzjoni oħra, tali nuqqas ta’ azzjoni jista’ jikkostitwixxi indizju fis-sens li l-aġir tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali seta’ joħloq għall-konvenuta fil-kawża prinċipali l-impressjoni li hija aġixxiet għal finijiet professjonali.

39

Għalhekk, l-involviment ta’ intermedjarju fin-negozjar tal-kuntratt, li huwa stess konċessjonarju tal-vetturi, u l-fatt li, ftit wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, huwa staqsa dwar il-possibbiltà li jindika l-VAT fuq il-fattura maħruġa dakinhar, jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-eżami mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, din il-qorti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sistema Ġermaniża dwar il-VAT sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-assenza ta’ indikazzjoni separata tal-VAT fuq il-fattura tista’, fid-dritt Ġermaniż, isseħħ kemm waqt bejgħ lil imprenditur kif ukoll waqt bejgħ lil persuna privata.

40

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tal-oġġett li huwa s-suġġett tal-kuntratt u l-eventwali benefiċċju miksub b’dan il-mod mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn iċ-ċirkustanzi ma jidhrux prima facie rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-impressjoni li din seta’ kellha fil-konfront tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Madankollu, ma huwiex eskluż li din tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li kkonkludiet kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni mogħtija mill-aġir ta’ din il-persuna lill-parti kontraenti tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-assenza ta’ reazzjoni mill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jindikawha bħala imprenditriċi, fil-fatt li hija kkonkludiet dan il-kuntratt permezz ta’ intermedjarju li jeżerċita attivitajiet professjonali fil-kuntest tal-qasam li jagħmel parti minnu l-imsemmi kuntratt, li, wara l-iffirmar tal-istess kuntratt, ikun staqsa lill-parti l-oħra dwar il-possibbiltà li tiġi indikata l-VAT fuq il-fattura relatata jew anki fil-fatt li tkun biegħet l-oġġett li huwa s-suġġett tal-kuntratt ftit wara l-konklużjoni tiegħu u possibbilment għamlet profitt.

Fuq il‑ħames domanda

42

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ qorti nazzjonali, ċerti fatti marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratt, fir-rigward b’mod partikolari tal-indikazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt jew tal-involviment ta’ intermedjarju waqt din il-konklużjoni, il-benefiċċju tad-dubju għandu jingħata lill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabelxejn li din id-domanda saret fil-kuntest tal-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi għall-konjizzjoni tal-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan l-istadju, din il-qorti la tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza tar-rikors, iżda sempliċement tidentifika l-fatturi ta’ konnessjoni mal-Istat tal-forum li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tista’ tqis bħala stabbiliti, għall-finijiet biss ta’ verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha, l-allegazzjonijiet rilevanti tar-rikorrent (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għalhekk, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-konvenut tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent, kemm l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jirfed lir-Regolament Nru 1215/2012, kif ukoll ir-rispett dovut lill-awtonomija tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha jeżiġu li l-qorti li tressqet il-kawża quddiemha tkun tista’ teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fir-rigward tal-valur probatorju li għandu jingħata lil din l-informazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-provi, dan l-aspett jaqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, l-għan tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex l-unifikazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Istati Membri, iżda d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni għas-soluzzjoni tal-kawżi f’materji ċivili u kummerċjali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, TOTO u Vianini Lavori, C‑581/20, EU:C:2021:808, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha u li tirrigwarda ċ-ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari r-raġuni li għaliha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet indikata bħala imprenditriċi u l-portata tad-diskussjonijiet li seħħew bejn l-intermedjarju u l-impjegati tal-konvenuta fil-kawża prinċipali waqt in-negozjati ta’ dan il-kuntratt, u li tevalwa, fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, il-valur probatorju tagħhom skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, inkluż fir-rigward tal-kwistjoni dwar min għandu japprofitta mill-eventwali benefiċċju ta’ dubju fil-każ li jirriżulta li huwa impossibbli li jiġu ddeterminati b’mod suffiċjenti fid-dritt uħud minn dawn il-fatti.

47

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċju tad-dubju għandu, bħala prinċipju, jingħata lill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur, jekk iċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-proċess ma jkunux ta’ natura li juru suffiċjentement skont il-liġi li t-tranżazzjoni li wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratt, b’finalità doppja, kellha għan professjonali sostanzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 50), minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi jeżiġi li tali benefiċċju jingħata lill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni ta’ kuntratt, u, b’mod partikolari, ta’ dawk relatati mal-aġir ta’ din il-persuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 51).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ qorti nazzjonali, ċerti fatti marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratt, fir-rigward b’mod partikolari ta’ ċerti indikazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt jew tal-involviment ta’ intermedjarju waqt din il-konklużjoni, il-qorti għandha tevalwa l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, inkluż il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju tad-dubju għandux jingħata lill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li kkonkludiet kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet attwali jew futuri mfittxija mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, indipendentement min-natura tal-attività eżerċitata minn din il-persuna bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.

 

2)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li kkonkludiet kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni mogħtija mill-aġir ta’ din il-persuna lill-parti kontraenti tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-assenza ta’ reazzjoni mill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jindikawha bħala imprenditriċi, fil-fatt li hija kkonkludiet dan il-kuntratt permezz ta’ intermedjarju li jeżerċita attivitajiet professjonali fil-kuntest tal-qasam li jagħmel parti minnu l-imsemmi kuntratt, li, wara l-iffirmar tal-istess kuntratt, ikun staqsa lill-parti l-oħra dwar il-possibbiltà li tiġi indikata l-VAT fuq il-fattura relatata jew anki fil-fatt li tkun biegħet l-oġġett li huwa s-suġġett tal-kuntratt ftit wara l-konklużjoni tiegħu u possibbilment għamlet profitt.

 

3)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ qorti nazzjonali, ċerti fatti marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratt, fir-rigward b’mod partikolari ta’ ċerti indikazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt jew tal-involviment ta’ intermedjarju waqt din il-konklużjoni, il-qorti għandha tevalwa l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, inkluż il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju tad-dubju għandux jingħata lill-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top