EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0176

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Mejju 2023.
Proċeduri kriminali kontra BK u ZhP.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 23, l-ewwel paragrafu – Sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali minn qorti nazzjonali li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà ta’ sospensjoni parzjali.
Kawża C-176/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:416

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

17 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 23, l-ewwel paragrafu – Sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali minn qorti nazzjonali li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà ta’ sospensjoni parzjali”

Fil-Kawża C‑176/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċeduri kriminali kontra

BK,

ZHP,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, u O. Spineanu‑Matei, Imħallef,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, E. Rousseva u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra BK u ZhP għal fatti kklassifikati bħala korruzzjoni.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi:

“Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 267 [TFUE], id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali li tissospendi l-proċedimenti u tirriferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi notifikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti jew tribunal nazzjonali. Din id-deċiżjoni għandha tiġi mbagħad notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni [Ewropea], kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu ta’ l-Unjoni [Ewropea] li adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata.”

Id‑dritt Bulgaru

4

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-kawża prinċipali, il-proċeduri kriminali huma sospiżi meta qorti nazzjonali tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

5

Fis‑26 ta’ Frar 2021, l-iSpetsialirizana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) adixxa lill-qorti tar-rinviju b’att ta’ akkuża kontra BK u ZhP, għal allegati fatti ta’ korruzzjoni li huma allegatament wettqu fil-kwalità tagħhom ta’ korpi ta’ investigazzjoni tal-pulizija.

6

BK oppona l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ korruzzjoni adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. Peress li kellha dubji dwar is-setgħa tagħha li tikklassifika mill-ġdid il-ksur inkwistjoni mingħajr ma tkun informat minn qabel b’dan lill-persuna akkużata, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), u tal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din it-talba hija s-suġġett tal-Kawża C‑175/22.

7

Barra minn hekk, BK u ZhP ikkontestaw il-mod li bih seħħ l-arrest tagħhom kif ukoll l-iskoperta ta’ somma ta’ flus immarkata fl-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar. L-arrest ta’ BK u ta’ ZhP seħħ fil-bini tas-servizz tagħhom, li l-kurituri tiegħu kienu mgħammra b’kameras tal-vidjo li rreġistraw parti minn dan l-arrest, kif ukoll din l-iskoperta.

8

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sal-mument tat-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ġew interrogati ċerti persuni involuti fl-imsemmi arrest u ġiet eżaminata parti mir-reġistrazzjonijiet vidjo inkwistjoni. Madankollu, dik il-qorti tenfasizza li hija għandha tinterroga mill-inqas tliet persuni oħra u titlob l-eżami tal-parti l-oħra ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet vidjo, kif ukoll tal-materjal prodott minn kamera u minn mikrofonu moħbija.

9

L-imsemmija qorti tindika li, fuq il-livell tekniku, xejn ma jipprekludi li hija tkompli teżamina l-kawża li għandha quddiemha kif ukoll li tiġbor provi sabiex tiddetermina r-realtà u l-kontenut tal-fatti allegati. Dawn il-provi ma humiex relatati mad-domandi preliminari li hija għamlet fil-kuntest tal-Kawża C‑175/22. Wara li tkun kisbet l-imsemmija provi, il-qorti tar-rinviju tista’ tissospendi l-proċedura fil-kawża prinċipali fl-intier tagħha sakemm hija tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġusitizzja għal dawn id-domandi. Wara li tirċievi din ir-risposta, hija tkun tista’ tkompli din il-proċedura, tinforma lill-persuna akkużata, jekk ikun il-każ, bil-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ġuridika tal-fatti inkwistjoni u, wara li tkun semgħet lill-partijiet, tiddeċiedi fuq il-mertu.

10

Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija tistax tkompli tisma’ l-kawża prinċipali, b’mod partikolari sabiex tkompli tiġbor provi, wara li ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑175/22.

11

Il-qorti tar-rinviju tqis li rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika neċessarjament is-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju. Madankollu, hija tqis li din il-proċedura tista’ tkompli fuq aspetti li ma humiex is-suġġett tal-imsemmi rinviju, peress li ebda deċiżjoni fuq il-mertu ma tista’ tingħata qabel ma tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi.

12

Tali approċċ jippermetti li jiġi evitat it-telf ta’ żmien assoċjat ma’ sospensjoni tal-imsemmija proċedura, li jiffavorixxi r-rispett tad-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

13

Il-kompitu prinċipali tal-qorti nazzjonali huwa li tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha u d-dritt tal-Unjoni jirregola l-kwistjoni tas-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali biss sa fejn din is-sospensjoni tkun neċessarja sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija ssospendiet il-proċedura fil-kawża prinċipali fl-intier tagħha sakemm tingħata r-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula f’din il-kawża.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali li tkun għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE tissospendi kompletament il-proċedura fil-kawża prinċipali jew huwa biżżejjed li tissospendi biss il-parti minn din il-proċedura li hija kkonċernata mid-domanda magħmula?”

16

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li ċerti kawżi kriminali mressqa quddiem din l-aħħar qorti, inkluża l-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti, minn din id-data, lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija).

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

17

Il-Gvern Bulgaru jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għal dik il-qorti.

18

B’mod partikolari, dan il-gvern jindika li l-Artikolu 488 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li ma huwiex imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirrigwarda speċifikament is-sospensjoni ta’ proċeduri kriminali meta talba għal deċiżjoni preliminari titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali. Skont dan l-artikolu, u bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti nazzjonali, jekk ikun il-każ, il-proċedura fil-kawża prinċipali tiġi sospiża kompletament, iżda tista’ titkompla qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din it-talba, jekk dan ikun neċessarju sabiex jinġabru u jinżammu provi.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali li hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifikah, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo, C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 94(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. Dan ir-rekwiżit huwa rifless ukoll fil-punti 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

21

F’dan il-każ, kif ġie osservat fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tispjega s-setgħat li hija għandha fil-kuntest tad-dritt proċedurali applikabbli. Barra minn hekk, il-formulazzjoni tad-domanda preliminari hija tali li tista’ tingħata risposta utli għaliha mingħajr ma jsir riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

22

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE tissospendi l-proċedura fil-kawża prinċipali biss fir-rigward tal-aspetti tagħha li jistgħu jiġu affettwati mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għal rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe‑Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5, kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia,C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi applikat b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sabiex jiġi mħares l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Bankia,C‑910/19, EU:C:2021:433, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ effettività, l-Istati Membri ma jistgħux jeżerċitaw l-awtonomija proċedurali tagħhom b’mod li jirrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio,199/82, EU:C:1983:318, punt 14, u tal‑24 ta’ Novembru 2022, Varhoven administrativen sad (Tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata),C‑289/21, EU:C:2022:920, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, li għandu l-għan li jiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li b’hekk jippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, finalment, in-natura adatta tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank,C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Hija ġurisprudenza stabbilita li sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tal-kawża li jkollha quddiemha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 26, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 74).

28

Issa, il-ħarsien tal-effett utli tal-imsemmija proċedura ma jiġix reż impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli minn regola nazzjonali li tippermetti, bejn id-data li fiha talba għal deċiżjoni preliminari tiġi indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja u dik tad-digriet jew tas-sentenza li permezz tagħhom din tal-aħħar tirrispondi għal din it-talba, li titkompla l-proċedura fil-kawża prinċipali sabiex twettaq atti proċedurali, li l-qorti tar-rinviju tqis li huma neċessarji u li jirrigwardaw aspetti mhux marbuta mad-domandi preliminari magħmula, jiġifieri atti proċedurali li ma humiex ta’ natura li jipprekludu lill-qorti tar-rinviju milli tikkonforma ruħha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma’ dan id-digriet jew ma’ din is-sentenza.

29

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa f’liema stadju tal-proċedura huwa xieraq li ssir tali talba lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Mecanarte,C‑348/89, EU:C:1991:278, punt 49, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2016, Degano Trasporti,C‑546/14, EU:C:2016:206, punti 1617).

30

Għalhekk, meta talba għal deċiżjoni preliminari tista’ tiġi indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja anki fi stadju bikri tal-proċedura fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’, fl-istennija tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba, tkompli din il-proċedura għal atti proċedurali li hija tqis li huma neċessarji u li ma humiex marbuta mad-domandi preliminari magħmula.

31

Għandu jiġi osservat li dan ir-raġunament ġie segwit b’mod impliċitu fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034). Fil-fatt, fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, wara li t-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni f’waħda mill-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenza kienet tressqet quddiemha, id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tissospendi l-proċeduri quddiemha kienet ġiet annullata u li l-proċedura fil-kawża prinċipali kienet kompliet fuq problemi oħra minbarra dawk imsemmija minn din it-talba. Issa, fil-punt 141 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmija talba kienet ammissibbli, mingħajr ma qieset li kien neċessarju li jiġi eżaminat ksur eventwali tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

32

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE tissospendi l-proċedura fil-kawża prinċipali biss fir-rigward tal-aspetti tagħha li jistgħu jiġu affettwati mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba.

Fuq l‑ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE tissospendi l-proċedura fil-kawża prinċipali biss fir-rigward tal-aspetti tagħha li jistgħu jiġu affettwati mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top