EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0166

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023.
Hellfire Massy Residents Association vs An Bord Pleanála et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12 – Sistema ta’ protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi tal-annimali – Artikolu 16 – Deroga – Modalitajiet għall-għoti ta’ tali deroga – Dritt ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku.
Kawża C-166/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:545

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12 – Sistema ta’ protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi tal-annimali – Artikolu 16 – Deroga – Modalitajiet għall-għoti ta’ tali deroga – Dritt ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku”

Fil-Kawża C‑166/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

Hellfire Massy Residents Association

vs

An Bord Pleanála,

Minister for Housing, Local Government and Heritage,

Ireland,

Attorney General,

fil-preżenza ta’:

South Dublin County Council,

An Taisce - The National Trust for Ireland,

Save Our Bride Otters,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Di Buċċi

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hellfire Massy Residents Association, minn B. Harrington, solicitor, J. Devlin, SC, u J. Kenny, BL,

għall-An Bord Pleanála, minn R. Minch, SC, L. Mullett, solicitor, B. Foley, SC, u S. Hughes, BL,

għall-Minister for Housing, Local Government and Heritage, l-Irlanda, u l-Attorney General, minn M. Browne, J. Brennan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Barrington u T. Flynn, SC,

għal Save Our Bride Otters u An Taisce - The National Trust for Ireland, minn F. Logue, solicitor,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p.102), u tal-Artikolu 6(1) sa (9), kif ukoll tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hellfire Massy Residents Association u l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija tal-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“aġenzija”), kif ukoll il-Minister for Housing, Local Governement and Heritage (il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, għall-Awtoritajiet Lokali u għall-Patrimonju, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“awtoritajiet Irlandiżi”), fir-rigward tal-validità, minn naħa, ta’ permess għall-iżvilupp maħruġ mill-aġenzija u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jittrasponu l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva 92/43 fid-dritt Irlandiż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“Kull Parti:

(a)

għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu awtorizzati jew le attivitajiet proposti tat-tip ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness I;

(b)

għandha tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, konformement mad-dritt intern tagħha, meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar attivitajiet proposti li ma humiex elenkati fl-Anness I u li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw, f’kull każ, jekk l-attività proposta taqax taħt dawn id-dispożizzjonijiet;

(c)

tista’ tiddeċiedi, każ b’każ, jekk id-dritt intern jipprevedi dan, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għall-attivitajiet proposti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-difiża nazzjonali jekk din il-Parti tqis li din l-applikazzjoni tmur kontra dawn il-ħtiġijiet.”

4

Il-paragrafi 2 sa 9 ta’ dan l-Artikolu 6 jipprevedu modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi proċess deċiżjonali.

5

L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“2. Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

(a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk le,

(b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ta’ Parti jeżiġi tali kundizzjoni,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem istanza ġudizzjarja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

X’jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattivi li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti fis-sens tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur fis-sens tal-punt (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jitqiesu li huma eżenzjoni mill-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel tinfetaħ proċedura ġudizzjarja meta tali obbligu jkun previst fid-dritt intern.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/43

6

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43:

“3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

7

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

2.   Għal dawn l-ispeċi, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu ż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva.

3.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) u fil-paragrafu 2 tgħodd għall-istadji kollha tal-ħajja ta’ l-annimali li għalihom japplika dan l-Artikolu.

4.   L-Istati Membri għandhom iwaqqfu sistema biex jissorveljaw il-qbid u l-qtil aċċidentali ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV(a). In vista ta’ l-informazzjoni miġbura, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ulterjuri ta’ riċerka jew ta’ konservazzjoni kif meħtieġa biex jiżguraw li l-qbid aċċidentali u l-qtil ma jkollhomx effett negattiv sinifikanti fuq l-ispeċi konċernati.”

8

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15(a) u (b):

(a)

fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

(b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

(ċ)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

(d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

(e)

biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni kull sentejn rapport skond l-għamla stabbilita mill-Kumitat [stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 20] dwar id-derogi mħaddna skond il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar dawn id-derogi f’perjodu ta’ żmien massimu ta’ 12-il xahar wara li tirċievi r-rapport u trid tagħti rendikont lill-Kumitat.

3.   Ir-rapporti għandhom jispeċifikaw:

(a)

l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi u r-raġuni għad-deroga, inkluż in-natura tar-riskju, u jekk xieraq, b’referenza għall-alternattivi miċħuda u l-fatti xjentifiċi magħrufa li ntużaw;

(b)

il-mezzi, it-tagħmir jew il-metodi awtorizzati għall-qbid jew il-qtil ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali u r-raġunijiet għall-użu tagħhom;

(ċ)

iċ-ċirkostanzi ta’ meta u fejn jistgħu jingħataw dawk id-derogi;

(d)

l-awtorità mogħtija s-setgħa biex tiddikjara u tivverifika li jeżistu l-kondizzjonijiet meħtieġa u biex tiddeċiedi liema mezzi, tagħmir jew metodi jistgħu jintużaw, fi ħdan liema limiti u mil-liema aġenziji, u liema nies għandhom iwettqu dik il-ħidma;

(e)

il-miżuri ta’ sorveljanza użati u r-riżultati miksuba.”

Id-Direttiva 2011/92/UE

9

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”), tistabbilixxi:

“Skont l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika tal-Unjoni [Ewropea] dwar l-ambjent hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas. Effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.”

10

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/92:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]

c)

‘kunsens għall-iżvilupp’ [awtorizzazzjoni] tfisser id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

[…]”

11

L-Artikolu 2(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il- proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

2.   Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għall-iżvilupp għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u mid-Direttiva [92/43] u/jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill [tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi,(ĠU 2010, L 20, p. 7)] l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, ikunu provduti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni.

Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament kemm minn din id-Direttiva kif ukoll minn leġislazzjoni tal-Unjoni li mhijiex id-Direttivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovvdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti.

[…]”

12

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi:

“Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

a)

il-popolazzjoni u s-saħħa tal-bniedem;

b)

il-bijodiversità, b’attenzjoni partikolari għal speċijiet u ambjenti protetti skont id-Direttiva [92/43] u d-Direttiva [2009/147];

c)

l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-klima;

d)

l-assi materjali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġ;

e)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a) sa (d).”

13

L-Artikolu 8a tad-Direttiva 2011/92 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens għall-iżvilupp għandha tinkorpora tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

a)

il-konklużjoni motivata msemmija fl-Artikolu 1(2)(g)(iv);

b)

kwalunkwe kundizzjoni ambjentali marbuta mad-deċiżjoni, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati, impediti jew imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent kif ukoll, fejn ikun xieraq, miżuri ta’ monitoraġġ.

[…]

4.   B’mod konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-elementi tal-proġett u/jew miżuri oħra previsti sabiex jiġu evitati, impediti, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent jitwettqu mill-iżviluppatur u għandhom jiddeterminaw il-proċeduri għall-monitoraġġ ta’ effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

It-tip ta’ parametri li għandhom jiġu mmonitorjati u t-tul ta’ żmien tal-monitoraġġ għandhom ikunu proporzjonati man-natura, il-post u d-daqs tal-proġett u l-importanza tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

L-arranġamenti eżistenti għall-monitoraġġ li jirriżultaw minn leġislazzjoni tal-Unjoni barra din id-Direttiva u minn leġislazzjoni nazzjonali jistgħu jintużaw fejn dan ikun xieraq bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-monitoraġġ.

[…]”

Id-dritt Irlandiż

14

L-Artikolu 51 tal-European Communities (Birds and Natural Habitats) Regulations 2011 (ir-Regolament tal‑2011 adottat fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej (l-Għasafar u l-Habitats naturali) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2011”) jipprevedi:

“(1)   Il-Ministru [tal-Arti, tal-Patrimonju u tal-Affarijiet Galliċi] għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni stretta tal-fawna komposta mill-ispeċi msemmija fl-ewwel parti tal-ewwel anness.

(2)   Minkejja kull awtorizzazzjoni, legali jew oħra, mogħtija lil persuna minn awtorità pubblika jew miżmuma minn persuna, ħlief skont deroga mogħtija mill-Ministru skont l-Artikolu 54, persuna li, fir-rigward tal-ispeċi msemmija fl-ewwel parti tal-ewwel anness

(a)

taqbad jew toqtol intenzjonalment kull kampjun ta’ dawk l-ispeċi fis-selvaġġ,

(b)

tfixkel intenzjonalment dawn l-ispeċi, b’mod partikolari matul il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni,

(c)

taqbad jew teqred intenzjonalment il-bajd ta’ dawn l-ispeċi fis-selvaġġ,

(d)

tiddeterjora jew teqred sit tat-tgħammir jew post ta’ mistrieħ ta’ tali annimal, jew

(e)

iżżomm, tittrasporta, tbigħ, tiskambja, toffri għall-finijiet ta’ bejgħ jew ta’ skambju kull kampjun ta’ dawn l-ispeċi meħuda mis-selvaġġ, minbarra dawk meħuda legalment fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva [92/43],

hija ħatja ta’ reat.

(3)   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw għall-istadji kollha taċ-ċiklu bijoloġiku tal-fawna li għalihom japplika dan ir-regolament.

(4)   Il-Ministru għandu jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-qbid u tal-qtil aċċidentali tal-fawna komposta mill-ispeċi tal-annimali elenkati fl-ewwel parti tal-ewwel anness u, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, huwa għandu jwettaq riċerka addizzjonali jew jieħu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa sabiex jimmaniġġja l-qabdiet u l-qtil involontarju ma jkollhomx effett negattiv sinjifikattiv fuq l-ispeċi inkwistjoni.”

15

L-Artikolu 54 tar-Regolament tal‑2011 jipprovdi:

“(1)   Kull persuna tista’ titlob lill-Ministru, jew lill-Ministru jew lill-Ministri tal-Gvern responsabbli għall-ispeċijiet ta’ ħut imsemmija fit-tieni parti tal-ewwel anness, deroga mill-osservanza tar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51, 52 u 53.

(2)   Meta ma teżistix soluzzjoni oħra sodisfaċenti u d-deroga ma tippreġudikax iż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi msemmija mid-Direttiva [92/43] fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, il-Ministru, jew il-Ministru jew il-Ministri tal-Gvern responsabbli għall-ispeċi ta’ ħut imsemmija fir-raba’ anness, jistgħu jagħtu tali deroga lil persuna waħda jew iktar, meta din tkun

(a)

fl-interess li jipproteġu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

(b)

biex tipprevjeni ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuħ tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd, lill-ilma u lil forom oħra ta’ proprjetà,

(c)

fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku, u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju tal-akbar importanza għall-ambjent;

(d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawk l-ispeċijiet u għal operazzjonijiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti, jew

(e)

sabiex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċi msemmija fl-ewwel anness, sal-limitu speċifikat fid-deroga.

(3)   Deroga mogħtija skont il-paragrafu 2 hija suġġetta għall-kundizzjonijiet, għar-restrizzjonijiet, għal-limitazzjonijiet jew għar-rekwiżiti li l-Ministru jqis xierqa.

(4)   Kwalunkwe kundizzjoni, restrizzjoni, limitazzjoni jew rekwiżit għal deroga mogħtija skont il-paragrafu 2 għandha tiġi speċifikata f’din id-deroga.

(5)   Bla ħsara għall-kundizzjonijiet, għar-restrizzjonijiet, għal-limitazzjonijiet jew għar-rekwiżiti speċifikati fih, deroga mogħtija skont dan l-artikolu hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 14 tal-Protection of Animals (Amendment) Act 1965 (il-Liġi tal‑1965 dwar il-Protezzjoni tal-Annimali (Emenda)).

(6)   Kull sentejn, il-Ministru għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni Ewropea skont il-mudell stabbilit minn din tal-aħħar dwar id-derogi msemmija fil-paragrafu 2.

(7)   Ir-rapport referit fil-paragrafu 6 għandu jsemmi:

(a)

l-ispeċijiet li huma soġġetti għad-derogi u r-raġuni għad-deroga, inkluża n-natura tar-riskju ma’, fejn xieraq, indikazzjoni tas-soluzzjonijiet alternattivi mhux magħżula u d-data xjentifika użata,

(b)

il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi tal-qbid jew tal-qtil ta’ speċi ta’ annimali awtorizzati u r-raġunijiet għall-użu tagħhom,

(ċ)

iċ-ċirkostanzi ta’ meta u fejn jistgħu jingħataw dawk id-derogi;

(d)

l-awtorità li għandha s-setgħa li tiddikjara u tivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa huma ssodisfati u li tiddeċiedi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, f’liema limiti u b’liema servizzi, u liema persuni huma responsabbli għall-eżekuzzjoni, u

(e)

il-miżuri ta’ kontroll implimentati u r-riżultati miksuba.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, l-aġenzija tat lis-South Dublin County Council (il-Kunsill tal-Kontea tan-nofsinhar ta’ Dublin, l-Irlanda) awtorizzazzjoni għal proġett kompost minn żewġ binjiet li jinkludu ċentru ta’ akkoljenza għall-viżitaturi f’Montpelier Hill, fil-kontea ta’ Dublin, minn promenade permezz ta’ kanupew/pont għal min ikun miexi fuq triq reġjonali, mill-konverżjoni ta’ foresta ta’ koniferi f’reġjun bis-siġar b’weraq skaduti kif ukoll xogħlijiet ta’ konservazzjoni ta’ strutturi eżistenti.

17

Din id-deċiżjoni tindika li l-aġenzija kienet wettqet eżerċizzju ta’ evalwazzjoni xieraq, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, u kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm effett negattivi fuq siti Ewropej.

18

Skont l-imsemmija deċiżjoni, l-aġenzija kienet wettqet ukoll evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fis-sens tad-Direttiva 2011/92, u kkonkludiet li, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istess deċiżjoni, l-effetti fuq l-ambjent tal-iżvilupp propost ikunu aċċettabbli.

19

Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2021, il-qorti tar-rinviju ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, bl-eċċezzjoni tal-motiv intiż sabiex jikkontesta, fir-rigward tas-sitwazzjoni wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-validità tal-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal‑2011.

20

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment issostni li s-sistema ta’ protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43, kif implimentata fid-dritt Irlandiż, hija invalida sa fejn, minn naħa, ma tintegrax il-mekkaniżmu ta’ deroga previst fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġetti u, min-naħa l-oħra, ma tipprevedix parteċipazzjoni adegwata tal-pubbliku u għalhekk tikser il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

21

L-Aġenzija u l-awtoritajiet Irlandiżi jikkontestaw il-fondatezza tal-imsemmi aggravju. Barra minn hekk, huma jipprekludu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’, minn naħa, tinvoka l-Konvenzjoni ta’ Aarhus minħabba li ma semmietx espressament din il-konvenzjoni fl-atti proċedurali tagħha, u, min-naħa l-oħra, tinvoka dannu futur eventwali lil speċi strettament protetti.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

[I]l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mis-supremazija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom l-effett li regola ta’ proċedura nazzjonali li permezz tagħha rikorrent li jressaq azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità għandu espressament jinvoka d-dispożizzjonijiet legali rilevanti, ma tipprekludix lil rikorrent li jikkontesta l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huwa jidentifika, milli jibbaża ruħu wkoll fuq prinċipji jew strumenti legali li għandhom jinqraw bħala intrinsikament rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ tali dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-prinċipju li d-dritt ambjentali tal-Unjoni għandu jinqara flimkien mal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus], bħala parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni[?]

2)

[L]-Artikoli 12 u/jew 16 tad-Direttiva [92/43] u/jew dawk id-dispożizzjonijiet kif moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u/jew flimkien mal-prinċipju skont liema l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tad-direttiva, għandhom bħala effett li regola ta’ proċedura nazzjonali li biha rikorrent ma għandux jinvoka “kwistjoni ipotetika” u “għandu jiġi affettwat fir-realtà jew fil-fatt” qabel ma jkun jista’ jikkontesta l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tiġi invokata biex tipprekludi kontestazzjoni magħmula minn rikorrent li jkun invoka d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni pubblika fir-rigward ta’ deċiżjoni amministrattiva u li mbagħad ikun irid jikkontesta l-validità ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni b’antiċipazzjoni ta’ dannu futur lill-ambjent bħala riżultat ta’ allegat nuqqas fid-dritt nazzjonali, fejn ikun hemm possibbiltà raġonevoli ta’ dannu futur bħal dan, b’mod partikolari minħabba li l-iżvilupp ikun ġie awtorizzat f’żona li hija ħabitat għal speċi suġġetti għal protezzjoni stretta u/jew minħabba li bl-applikazzjoni tal-approċċ ta’ prekawzjoni hemm il-possibbiltà li stħarriġ li jsir wara li jingħata l-permess jista’ jagħti lok għal ħtieġa li tintalab id-deroga taħt l-Artikolu 16 [ta’ din id-]direttiva[?]

3)

[L]-Artikoli 12 u/jew 16 tad-Direttiva 92/43 u/jew dawk id-dispożizzjonijiet kif moqrija flimkien mal-Artikoli 6(1) sa (9) u/jew 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u/jew mal-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva [ta’ din id-] direttiva għandhom l-effett li sistema ta’ permessi ta’ deroga prevista fid-dritt nazzjonali biex tagħti effett lill-Artikolu 16 [tal-imsemmija] direttiva ma għandhiex tkun parallela ma’ u indipendenti minn sistema ta’ permessi għall-iżvilupp iżda għandha tkun parti minn proċess ta’ approvazzjoni integrat li jinvolvi deċiżjoni minn awtorità kompetenti (kuntrarjament għal sentenza ad hoc iffurmata mill-iżviluppatur innifsu fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni ġenerali tad-dritt kriminali) dwar jekk permess ta’ deroga għandux jintalab minħabba kwistjonijiet identifikati wara l-għoti ta’ permess għall-iżvilupp u/jew li jinvolvu deċiżjoni minn awtorità kompetenti dwar liema stħarriġ huwa meħtieġ fil-kuntest ta’ kunsiderazzjoni dwar jekk dan il-permess għandux jintalab[?]

4)

[L]-Artikoli 12 u/jew 16 tad-Direttiva 92/43 u/jew dawk id-dispożizzjonijiet kif moqrija flimkien mal-Artikoli 6(1) sa (9) u/jew 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom il-konsegwenza li, fir-rigward ta’ żvilupp fejn l-għoti ta’ permess għall-iżvilupp kien suġġett għal evalwazzjoni xierqa taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, u f’kuntest fejn tista’ tintalab deroga wara li jingħata l-permess taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43, hemm rekwiżit għal proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus[?]”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23

L-awtoritajiet Irlandiżi u l-Gvern Pollakk isostnu li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, għar-raġuni, essenzjalment, li din tirrigwarda kwistjonijiet ta’ liġi li huma bbażati fuq xenarju ipotetiku.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors intiż, b’mod partikolari, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020 u, min-naħa l-oħra, għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal‑2011.

27

Issa, minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-qorti tar-rinviju tat‑2 ta’ Lulju 2021, jirriżulta li, filwaqt li din il-qorti diġà ċaħdet il-motiv tar-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020 u, f’dan ir-rigward, ċaħdet ukoll il-motiv ibbażat fuq l-invalidità tal-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal‑2011 f’dak li jirrigwarda l-effett tal-eventwali invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq il-legalità tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmija qorti għandha wkoll tiddeċiedi fuq dan il-motiv fir-rigward tas-sitwazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

29

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati qabel l-ewwel u t-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva 92/43 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43 fid-dritt intern tipprevedi, minn naħa, proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tintegra deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li tintalab deroga skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva minħabba elementi identifikati wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett u/jew jekk humiex meħtieġa investigazzjonijiet għal dan l-għan u, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’din il-proċedura ta’ deroga.

30

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva 92/43, li ma jirrigwardawx biss l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ proġetti fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, iżda l-attivitajiet kollha tal-bniedem, ma jirrikjedux li tiġi integrata l-proċedura ta’ deroga skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43 fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tali proġetti, u lanqas li tiġi prevista l-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’tali proċedura ta’ deroga.

31

Fil-fatt, id-Direttiva 92/43, u barra minn hekk lanqas id-Direttiva 2011/92, ma jipprevedu ebda obbligu f’dan is-sens.

32

Ċertament, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/92 jirrigwarda s-suġġett tal-integrazzjoni tal-proċeduri. Madankollu, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi l-possibbiltà li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tiġi integrata fil-proċeduri eżistenti ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti fl-Istati Membri jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew f’dawk li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva jeżiġi biss li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, ikunu provduti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni” fir-rigward tal-proġetti li għalihom l-obbligu li titwettaq stima tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament mid-Direttiva 2011/92 u mid-Direttiva 92/43 u/jew mid-Direttiva 2009/147.

33

Bl-istess mod, għalkemm l-Artikolu 8a(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 jeżiġi li d-deċiżjoni li tingħata l-awtorizzazzjoni tinkludi “tal-anqas l-informazzjoni li ġejja”, bħal dik li, fil-kawża prinċipali, tidher, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġiet prevista mid-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, din id-dispożizzjoni ma ssemmix espressament il-proċedura ta’ deroga skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43.

34

Għaldaqstant, l-Irlanda ma tistax tiġi kkritikata, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li ma adottatx qafas leġiżlattiv komplet, peress li l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal‑2011 jużaw kelma b’kelma l-kontenut essenzjali tal-Artikoli 12 u 16 ta’ din id-direttiva.

35

Madankollu, l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva 92/43 u, għaldaqstant, l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal‑2011 li jittrasponu dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt intern, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn atti oħra tal-Unjoni kif ukoll minn konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtu lil din tal-aħħar, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/92 u mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif huma interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36

Issa, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ speċifiku fejn, minn naħa, it-twettiq ta’ proġett suġġett għall-obbligu doppju ta’ stima u ta’ awtorizzazzjoni previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92, jimplika li l-iżviluppatur jitlob u jikseb deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti previsti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 92/43 u fejn, min-naħa l-oħra, Stat Membru jafda s-setgħa li jagħti tali deroga lil awtorità differenti minn dik li lilha jagħti s-setgħa li jawtorizza dan il-proġett, din id-deroga eventwali għandha neċessarjament tiġi adottata qabel l-awtorizzazzjoni tal-imsemmi proġett. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, din l-awtorizzazzjoni tingħata fuq bażi inkompleta u għalhekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement, C‑463/20, EU:C:2022:121, punti 5259 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-qorti tar-rinviju tat‑2 ta’ Lulju 2021, din tal-aħħar, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, diġà ddeċidiet li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, in-neċessità li tinkiseb deroga skont l-Artikolu 54 tar-Regolament tal‑2011 ma kinitx stabbilita. Minn dan isegwi li l-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti, jiġifieri dik li fiha l-kisba ta’ tali deroga hija meħtieġa qabel awtorizzazzjoni, ma kinitx preżenti f’dan il-każ.

38

Għandu jingħad ukoll li, konformement mal-Artikolu 3(1)(b) tagħha, id-Direttiva 2011/92 — li l-għan tagħha huwa, skont il-premessa 2 tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun malajr l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi kollha ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, konformement mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, tal-korrezzjoni, bi prijorità għas-sors, tal-ħsara għall-ambjent kif ukoll ta’ “min iniġġes iħallas” — teżiġi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ partikolari, l-effetti sinjifikattivi diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-bijodiversità, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-ispeċi u lill-habitats protetti skont id-Direttiva 92/43 u d-Direttiva 2009/147.

39

Għaldaqstant, ir-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li għandha tkun kompleta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement, C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jippermetti li jiġi ddeterminat jekk, fid-data ta’ din l-evalwazzjoni, il-proġett ikkonċernat jistax ikollu effetti pprojbiti mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43.

40

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħar-Regolament tal‑2011, li tistabbilixxi bħala reat it-twettiq ta’ atti li l-Istati Membri għandhom, konformement mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43, jipprojbixxu, ma tidhirx, fiha nnifisha, kemm minn perspettiva ġenerali kif ukoll fil-kuntest partikolari tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92, bħala li tista’ tippreġudika l-effett utli ta’ dan l-Artikolu 12 jew tikser il-prinċipji msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

41

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax deroga skont l-Artikolu 54 tar-Regolament tal‑2011. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, il-membri tal-pubbliku kkonċernat jisiltu mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dritt li jipparteċipaw fil-proċedura amministrattiva dwar tali deroga.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva 92/43 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt intern ma tistax titqies li tmur kontra din id-direttiva minħabba li hija ma tipprevedix, minn naħa, proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tintegra deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti intiża li tiddetermina jekk hemmx lok li tintalab deroga skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva minħabba elementi identifikati wara l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett u/jew jekk humiex meħtieġa investigazzjonijiet għal dan l-għan, u lanqas, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’din il-proċedura ta’ deroga.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

43

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att, li jipprovdu li r-rikorrent huwa obbligat isemmi espressament id-dispożizzjonijiet legali li huwa jinvoka l-ksur tagħhom u ma jistax iqajjem “kwistjoni ipotetika” iżda “għandu jkun affettwat fir-realtà jew fil-fatt” qabel ma jkun jista’ jikkontesta l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

44

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn id-domandi saru għaliex, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Irlandiżi invokaw regoli proċedurali nazzjonali sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li wasslu għat-tielet u r-raba’ domandi.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-risposta għal dawn id-domandi, ma jidhirx li huwa neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt intern ma tistax titqies li tmur kontra din id-direttiva minħabba li hija ma tipprevedix, minn naħa, proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tintegra deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti intiża li tiddetermina jekk hemmx lok li tintalab deroga skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva minħabba elementi identifikati wara l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett u/jew jekk humiex meħtieġa investigazzjonijiet għal dan l-għan, u lanqas, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’din il-proċedura ta’ deroga.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top