Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0162

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Settembru 2023.
A. G. vs Lietuvos Respublikos generalinė prokuratūra.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali fis‑settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 15(1) – Data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet inkarigati mill-proċeduri kriminali – Użu ulterjuri ta’ din id-data waqt investigazzjoni dwar nuqqas amministrattiv.
Kawża C-162/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:631

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 15(1) – Data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet inkarigati mill-proċeduri kriminali – Użu ulterjuri ta’ din id-data waqt investigazzjoni dwar nuqqas amministrattiv”

Fil-Kawża C‑162/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura mibdija minn

A. G.

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos Generalinė prokuratūra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. G., minn G. Danėlius, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn S. Grigonis, V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u V. Vasiliauskienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg, P.‑J. Loewenthal u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A. G. dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-Lietuvos Respublikos Generalinė prokuratūra (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali”) li jneħħih mill-funzjonijiet tiegħu ta’ prosekutur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragr afu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

5

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)] Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

Id-dritt Litwan

Il-Liġi Dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

6

L-Artikolu 65(2) tal-Lietuvos Respublikos elektroninių ryšių įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tal-15 ta’ April 2004 (Žin., 2004, Nru 69–2382), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), jobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu d-data msemmija fl-Anness 1 ta’ din il-liġi u, jekk ikun il-każ, iqiegħduha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jużawha għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

7

Skont l-Anness 1 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, il-kategoriji ta’ data li għandhom jinżammu huma dawn li ġejjin:

“1. Id-data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni: […] 2. Id-data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni: […] 3. Id-data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta’ komunikazzjoni: […] 4. Id-data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta’ komunikazzjoni: […] 5. Id-data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta’ komunikazzjoni ta’ l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom: […] 6. Id-data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-post fejn ikun jinsab it-tagħmir ta’ komunikazzjoni mobbli: […]”

8

Skont l-Artikolu 77(4) ta’ din il-liġi jekk ikun hemm deċiżjoni motivata jew bażi legali oħra pprovduta mil-liġi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jagħmlu teknikament possibbli, b’mod partikolari għal korpi ta’ investigazzjoni kriminali u korpi għall-proċedura istruttorja, skont il-modalitajiet previsti mil-Lietuvos Respublikos baudžiamojo proceso kodeksa (Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”), il-kontroll tal-kontenut tal-informazzjoni trażmessa min-networks ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-Liġi dwar l-Intelligence Kriminali

9

Il-punt 1 tal-Artikolu 6(3) tal-Lietuvos Respublikos kriminalinės žvalgybos įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Intelligence Kriminali), tat-2 ta’ Ottubru 2012 (Žin., 2012, Nru 122–6093), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Intelligence Kriminali”), jipprovdi li, meta l-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi sabiex tiġi ġġustifikata operazzjoni ta’ intelligence kriminali jkunu ssodisfatti u fuq awtorizzazzjoni ta’ membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jew ta’ qorti, il-korpi ta’ ġbir ta’ informazzjoni kriminali għandhom is-setgħa, minbarra dawk elenkati fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, li jiksbu informazzjoni mingħand il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

10

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi li investigazzjoni titmexxa mill-organi tal-intelligence fil-qasam kriminali meta, b’mod partikolari, tkun disponibbli informazzjoni dwar il-preparazzjoni jew it-twettiq ta’ reat serju ħafna, serju, jew relattivament serju jew dwar il-persuni li jippreparaw, jikkommettu jew wettqu tali reat. L-Artikolu 8(3) tal-istess liġi jippreċiża li, jekk tali investigazzjoni taqa’ taħt il-preżenza ta’ indizji ta’ ksur kriminali, għandha immedjatament tinfetaħ investigazzjoni kriminali.

11

Skont il-punt 5 tal-Artikolu 19(1) tal-Liġi dwar l-Intelligence Kriminali, l-informazzjoni minn operazzjonijiet ta’ investigazzjoni kriminali tista’ tintuża fil-każijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu u f’każijiet oħra previsti mil-liġi. Skont l-Artikolu 3(3), l-informazzjoni minn operazzjonijiet ta’ investigazzjoni kriminali relatata ma’ fatt li jippreżenta l-karatteristiċi ta’ reat relatat mal-korruzzjoni tista’ tiġi deklassifikata, bi qbil mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, u użata fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur dixxiplinarji jew ta’ servizz.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

12

L-Artikolu 154 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li, fuq deċiżjoni ta’ qorti istruttorja mogħtija fuq talba ta’ membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, investigatur jista’ jisma’ l-konverżazzjonijiet trażmessi min-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jittraskrivihom, jikkontrolla informazzjoni oħra trażmessi min-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u jirreġistraha u jżommha, jekk ikun hemm, b’mod partikolari, raġunijiet biex wieħed jemmen li dan ser jippermetti li tinkiseb data dwar reat serju ħafna jew serju li jkun qiegħed jiġi ppreparat jew jitwettaq jew li jkun twettaq, jew dwar reat relattivament serju jew reat mhux serju.

13

L-Artikolu 177(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li d-data tal-proċedura istruttorja hija kunfidenzjali u li, sar-reviżjoni ġudizzjarja tal-kawża, tista’ tiġi żvelata biss bl-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u sa fejn jirriżulta li huwa ġustifikabbli.

14

Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 177 tal-imsemmi kodiċi, l-Ikiteismino tyrimo duomenų teikimo ir panaudojimo ne Baudžiamojo persekiojimo tikslais ir ikiteisminio tyrimo duomenų apsaugos rekomendacijos (Rakkomandazzjonijiet dwar it-trażmissjoni u l-użu ta’ data li tirriżulta mill-investigazzjoni għal finijiet oħra minbarra l-prosekuzzjoni u l-protezzjoni ta’ din id-data), approvati bid-Digriet Nru I-279 tal-Prosekutur Ġenerali tas-17 ta’ Awwissu 2017 (TAR, 2017, Nru 2017–13413), kif emendati l-aħħar bid-Digriet Nru I-211 tal-25 ta’ Ġunju 2018, japplikaw.

15

Il-punt 23 ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipprevedi li, meta jirċievi talba għal aċċess għad-data li tirriżulta mill-istruttorja, il-prosekutur għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li jipprovdi din id-data. Jekk tittieħed id-deċiżjoni li jipprovdihom, il-prosekutur għandu jispeċifika sa liema punt tista’ tiġi pprovduta d-data msemmija fit-talba.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Il-Prosekutur Ġenerali fetaħ investigazzjoni amministrattiva kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li dak iż-żmien kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fi ħdan Uffiċċju tal-Prosekutur Litwan, minħabba li kienu jeżistu indizji li dan kien, fil-kuntest ta’ istruzzjoni li huwa kien qiegħed imexxi, illegalment ipprovda informazzjoni rilevanti għal din l-istruzzjoni lill-persuna ssuspettata u lill-avukat tiegħu.

17

Fir-rapport tagħha dwar din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien effettivament wettaq nuqqas amministrattiv.

18

Skont dan ir-rapport, dan in-nuqqas amministrattiv kien muri mill-elementi miġbura matul l-investigazzjoni amministrattiva. B’mod partikolari, l-informazzjoni miksuba waqt operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ intelligence kriminali u d-data miġbura waqt żewġ investigazzjonijiet kriminali kkonfermat l-eżistenza ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-avukat tal-persuna ssuspettata fil-kuntest tal-investigazzjoni li tirrigwarda lil din tal-aħħar li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien imexxi. L-imsemmi rapport irrileva wkoll li digriet ġudizzjarju kien awtorizza l-interċettazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-kontenut tal-informazzjoni trażmessa minn networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dwar l-avukat inkwistjoni u li digriet ġudizzjarju ieħor kien awtorizza l-istess miżura fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

19

Abbażi tal-istess rapport, il-Prosekutur Ġenerali adotta żewġ digrieti li permezz tagħhom, minn naħa, impona fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sanzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija mill-funzjonijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, neħħa lil dan tal-aħħar mill-funzjonijiet tiegħu.

20

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament ta’ dawn iż-żewġ digrieti.

21

Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Lulju 2021, din il-qorti ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba, b’mod partikolari, li l-operazzjonijiet ta’ intelligence kriminali mwettqa f’dan il-każ kienu legali u li l-informazzjoni miġbura konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Intelligence Kriminali kienet intużat legalment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas amministrattiv possibbilment imwettaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

22

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-aċċess mill-korpi ta’ ġbir ta’ intelligence, fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ intelligence kriminali, għad-data dwar it-traffiku u għall-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ tali gravità li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dan l-aċċess seta’ jingħata biss għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji. Madankollu, l-Artikolu 19(3) tal-Liġi dwar l-Intelligence Kriminali jipprevedi li tali data tista’ tintuża sabiex jiġu investigati mhux biss reati serji, iżda wkoll nuqqasijiet dixxiplinari jew nuqqasijiet amministrattivi li jixbhu atti ta’ korruzzjoni.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, id-domandi mqajma mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrigwardaw żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, l-aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal finijiet oħra għajr il-ġlieda kontra r-reati serji u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, ladarba dan l-aċċess inkiseb, l-użu ta’ din id-data sabiex jiġu investigati nuqqasijiet amministrattivi relatati mal-korruzzjoni.

24

Dik il-qorti fakkret li minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 39), jirriżulta li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, mhux biss miżura leġiżlattiva li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, iżda wkoll miżura leġiżlattiva li tobbligahom jagħtu l-aċċess għal din id-data lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Min-naħa l-oħra, minn din il-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 3335), jirriżulta li, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw indħil serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dawk li timplika ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, kemm jekk tkun iġġeneralizzata, mingħajr distinzjoni jew immirata.

25

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-effett tal-użu ulterjuri tad-data inkwistjoni fuq l-indħil fid-drittijiet fundamentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali użu ulterjuri għandux ukoll jitqies li jikkostitwixxi ndħil ta’ tali gravità fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li huma ta’ natura li jiġġustifikawh, li jeskludi l-possibbiltà li din id-data tintuża f’investigazzjonijiet li jikkonċernaw nuqqasijiet amministrattivi relatati mal-korruzzjoni.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 11 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti milli jużaw data, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjoni mwettqa minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, f’investigazzjonijiet dwar aġir illegali fil-kariga relatat mal-korruzzjoni, indipendentement mill-punt jekk l-aċċess għal din id-data ngħatax fil-każ inkwistjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubblika?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li data personali dwar komunikazzjonijiet elettroniċi li nżammet, b’applikazzjoni ta’ miżura leġiżlattiva meħuda skont din id-dispożizzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li sussegwentement tqiegħdet għad-dispożizzjoni, b’applikazzjoni ta’ din il-miżura, tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, tkun tista’ tintuża fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet dwar nuqqasijiet ta’ servizz relatati mal-korruzzjoni.

28

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm il-fajl amministrattiv relatat mal-proċedura li twassal għad-digrieti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, kien jinkludi wkoll informazzjoni li kienet inġabret mill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-interċettazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li kienu ġew awtorizzati, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, permezz ta’ żewġ digrieti ġudizzjarji, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti tar-rinviju tistaqsi mhux dwar l-użu ta’ data personali li nkisbet mingħajr l-intervent tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda dwar l-użu ulterjuri ta’ data personali li nżammet minn tali fornituri abbażi ta’ miżura leġiżlattiva tal-Istat Membru li timponilhom tali obbligu ta’ żamma, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

29

F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-data msemmija fid-domanda magħmula hija dik miżmuma skont l-Artikolu 65(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, moqri flimkien mal-Anness 1 ta’ din il-liġi, li jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu li jżommu, b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, id-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni relatata ma’ tali komunikazzjonijiet għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

30

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom din id-data tista’ tintuża matul proċedura amministrattiva dwar nuqqasijiet amministrattivi relatati mal-korruzzjoni, għandu qabelxejn jitfakkar li aċċess għall-imsemmija data jista’ jingħata biss, b’applikazzjoni ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, sakemm din l-istess data tkun inżammet minn dawn il-fornituri b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Sussegwentement, użu ulterjuri tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni relatati ma’ tali komunikazzjonijiet għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja huwa possibbli biss fuq il-kundizzjoni li, minn naħa, iż-żamma ta’ din id-data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tkun konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess għall-imsemmija data mogħti mill-awtoritajiet kompetenti jkun huwa wkoll konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland, C‑793/19 et C‑794/19, EU:C:2022:702, punti 74131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, hija ppreċiżat li dan l-Artikolu 15(1) moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika,

żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u

l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland, C‑793/19 et C‑794/19, EU:C:2022:702, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata)

32

Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-użu, mill-awtoritajiet pubbliċi, tad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’applikazzjoni ta’ miżura konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta’ data personali u għall-obbligi korrispondenti, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika, jew sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma ta’ data għal perijodu limitat meta dan ikun iġġustifikat minn wieħed minn dawn il-motivi (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 110).

33

Issa, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jistax jiġġustifika li d-deroga mill-obbligu ta’ prinċipju li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, issir ir-regola, mingħajr ma ċċaħħad din l-aħħar dispożizzjoni mill-portata tagħha (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 40).

34

Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 41).

35

Fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, teżisti ġerarkija bejn dawn l-għanijiet skont l-importanza rispettiva tagħhom u li l-importanza tal-għan intiż minn tali miżura għandha tkun f’relazzjoni mal-gravità tal-indħil li jirriżulta minnha (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 56).

36

F’dan ir-rigward, l-importanza tal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE skont liema is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tibqa’ responsabbiltà biss ta’ kull Stat Membru, tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki dik serja, kif ukoll ta’ salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti l-oħra previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jista’ għalhekk jiġġustifika miżuri li jinvolvu indħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw dawk l-għanijiet l-oħra (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw indħil serju fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dak li timplika ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Għalhekk, huwa biss indħil fl-imsemmija drittijiet fundamentali li ma jkunx serju li jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika huma ta’ importanza iżgħar, fil-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, mis-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 99), madankollu, l-importanza tagħhom tmur lil hinn minn dik tal-ġlieda kontra reati kriminali b’mod ġenerali u tal-prevenzjoni ta’ theddid mhux serju kontra s-sigurtà pubblika.

39

F’dan il-kuntest, huwa madankollu importanti li jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tiġi evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 131).

40

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma minn fornituri skont miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li għandu jitwettaq b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat din id-direttiva, bħala prinċipju jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri. Ikun differenti biss jekk l-importanza tal-għan intiż mill-aċċess hija ikbar minn dik tal-għan li ġġustifika ż-żamma (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għal użu sussegwenti tad-data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’applikazzjoni ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Fil-fatt, tali data ma tistax, wara li tkun inżammet u tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, tiġi trażmessa lil awtoritajiet oħra u użata sabiex jintlaħqu għanijiet, bħal, f’dan il-każ, il-ġlieda kontra nuqqasijiet amministrattivi relatati mal-korruzzjoni, li huma ta’ importanza iżgħar, fil-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, minn dak tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika. Fil-fatt, li jiġi awtorizzat, f’tali sitwazzjoni, aċċess għad-data miżmuma jmur kontra din il-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfakkra fil-punti 33, 35 sa 37 u 40 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 99).

42

Fir-rigward tal-argument imqajjem mill-Gvern Ċek u mill-Irlanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li proċedura dixxiplinari dwar nuqqasijiet amministrattivi relatati mal-korruzzjoni tista’ tkun marbuta mas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju ma semmietx theddida serja kontra s-sigurtà pubblika.

43

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-investigazzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw nuqqasijiet dixxiplinari jew nuqqasijiet amministrattivi li jixbhu atti ta’ korruzzjoni jista’ jkollhom rwol importanti fil-ġlieda kontra tali atti, miżura leġiżlattiva li tipprevedi tali investigazzjonijiet ma tissodisfax effettivament u strettament l-għan ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjoni tar-reati kriminali, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jirrigwarda biss proċeduri kriminali.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li data personali dwar komunikazzjonijiet elettroniċi li nżammet, b’applikazzjoni ta’ miżura leġiżlattiva meħuda skont din id-dispożizzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li sussegwentement tqiegħdet għad-dispożizzjoni, b’applikazzjoni ta’ din il-miżura, tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja tkun tista’ tintuża fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet dwar nuqqasijiet ta’ servizz relatati mal-korruzzjoni.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7, 8 u 11 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi li data personali dwar komunikazzjonijiet elettroniċi li nżammet, b’applikazzjoni ta’ miżura leġiżlattiva meħuda skont din id-dispożizzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li sussegwentement tqiegħdet għad-dispożizzjoni, b’applikazzjoni ta’ din il-miżura, tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja tkun tista’ tintuża fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet dwar nuqqasijiet ta’ servizz relatati mal-korruzzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top