Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0156

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Mejju 2023.
    TAP Portugal vs flightright GmbH u Myflyright GmbH.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Landgericht Stuttgart.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ tal-kanċellazzjoni ta’ titjira – Artikolu 5(3) – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-ekwipaġġ indispensabbli għat-twettiq tat-titjira.
    Kawżi magħquda C-156/22 sa C-158/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:393

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    11 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ tal-kanċellazzjoni ta’ titjira – Artikolu 5(3) – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-ekwipaġġ indispensabbli għat-twettiq tat-titjira”

    Fil-Kawżi magħquda C‑156/22 sa C‑158/22,

    li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Frar 2022, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2022, fil-proċeduri

    TAP Portugal

    vs

    flightright GmbH (C‑156/22),

    Myflyright GmbH (C‑157/22 u C‑158/22),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal TAP Portugal, minn K. Brecke, B. Liebert u U. Steppler, Rechtsanwälte,

    għal flightright GmbH, minn M. Michel u R. Weist, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves, L. Guerreiro u P. Pisco Santos, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Frar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa TAP Portugal (iktar ’il quddiem “TAP”) u, min-naħa l-oħra, flightright GmbH (Kawża C‑156/22) u Myflyright GmbH (Kawżi C‑157/22 u C‑158/22), dwar id-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba l-mewta f’daqqa tal-kopilota tal-ajruplan ftit qabel it-tluq tat-titjira.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

    “(1)

    Azzjoni mil-Komunitá [Ewropea] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ‘Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    […]

    (14)

    […] Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu.

    (15)

    Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

    4

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    […]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

    (i)

    huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

    (ii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

    (iii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

    […]

    3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

    […]”

    5

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, huwa fformulat kif ġej:

    “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    (a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    (b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

    (ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

    Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

    Il‑kawżi prinċipali u d‑domanda preliminari

    6

    It-tliet kawżi magħquda jirrigwardaw il-kanċellazzjoni tal-istess titjira, peress li l-passiġġieri kkonċernati ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn din il-kanċellazzjoni lill-kumpanniji flightright (Kawża C‑156/22), kif ukoll Myflyright (Kawżi C‑157/22 u C‑158/22), rispettivament, liema kumpanniji jipprovdu assistenza legali lill-passiġġieri tal-ajru.

    7

    Fis‑17 ta’ Lulju 2019, TAP kellha, bħala trasportatur tal-ajru li jopera, twettaq titjira bi tluq minn Stuttgart (il-Ġermanja) lejn Lisbona (il-Portugall), bi tluq previst fis‑6.05.

    8

    Fl-istess jum, fl‑4.15, il-kopilota li kellu jopera t-titjira kkonċernata nstab mejjet fis-sodda tal-lukanda tiegħu. L-ekwipaġġ kollu kien taħt xokk u ddikjara lilu nnifsu inkapaċi li jtir. Peress li l-ebda membru tal-persunal ta’ sostituzzjoni ma kien disponibbli barra mill-bażi tat-TAP, it-titjira tas‑6.05 ġiet ikkanċellata. Sussegwentement, ekwipaġġ ta’ sostituzzjoni telaq minn Lisbona għal Stuttgart fil‑11.25, u waslet hemmhekk fit‑15.20 Imbagħad il-passiġġieri ġew ittrasportati lejn Lisbona fuq titjira ta’ sostituzzjoni skedata fil‑16.40.

    9

    TAP irrifjutat li tħallas lil flightright u lil Myflyright il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, billi sostniet li l-mewta f’daqqa tal-kopilota kienet tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarju, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

    10

    Fit-tliet kawżi inkwistjoni, TAP ġiet ikkundannata mill-Amtsgericht Nürtingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürtingen, il-Ġermanja) għall-ħlas ta’ dan il-kumpens, minħabba li, l-istess bħal marda gravi f’daqqa, il-mewta f’daqqa u imprevedibbli ta’ membru tal-ekwipaġġ (iktar ’il quddiem il-“mard gravi jew imwiet f’daqqa”) ma tikkostitwixxix avveniment estern li jaffettwa lit-trasportatur tal-ajru, sa fejn din tifforma parti mir-riskji inerenti għall-attivitajiet ta’ trasportatur tal-ajru.

    11

    TAP Portugal appellat quddiem il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tispjega li, skont ir-riċerka tagħha, parti mill-ġurisprudenza Ġermaniża ssostni l-approċċ tal-Amtsgericht Nürtingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürtingen), l-istess bħall-Cour de Cassation Franċiża (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza). Għall-kuntrarju, qorti Olandiża ddeċidiet reċentement li l-mard f’daqqa ta’ membru tal-ekwipaġġ għandu jiġi assimilat għal avveniment estern barra mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru.

    12

    Fid-dawl tal-fatt li t-trasportatur tal-ajru għandu, bħala prinċipju, jiggarantixxi t-twettiq tat-titjira u d-disponibbiltà tal-persunal tiegħu u, għaldaqstant, huwa għandu wkoll, bħala prinċipju, ikollu ċerta riżerva ta’ persunal ta’ sostituzzjoni, il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-problema inkwistjoni hija kontroversjali kemm fil-ġurisprudenza Ewropea, kif ukoll fid-duttrina.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri f’kull waħda mit-tliet kawżi quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ċirkustanza straordinarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta titjira minn ajruport li jinsab barra mill-bażi tat-trasportatur tal-ajru effettiv tiġi kkanċellata peress li, ftit qabel it-titjira, membru tal-ekwipaġġ assenjat fuq din it-titjira (fil-każ ineżami: il-kopilota), li jkun għadda mill-eżamijiet mediċi preskritti regolarment mingħajr ebda restrizzjoni, imut f’daqqa u b’mod imprevedibbli għat-trasportatur tal-ajru, jew jimrad serjament b’mod li ma jkunx jista’ jwettaq it-titjira?”

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ April 2022, il-Kawżi C‑156/22 sa C‑158/22 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għas-sentenza.

    Fuq id‑domanda preliminari

    15

    Permezz tad-domanda identika tagħha fit-tliet kawżi li hija adita bihom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-ekwipaġġ indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, li seħħet ftit ħin qabel it-tluq previst ta’ din it-titjira, taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    16

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkunux ġew informati minn qabel b’din il-kanċellazzjoni b’osservanza tat-termini previsti fil-punti (i) sa (iii) ta’ dan l-Artikolu 5(1)(ċ).

    17

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, jeżenta madankollu lit-trasportatur tal-ajru li jopera minn dan l-obbligu ta’ kumpens jekk huwa jkun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni tkun dovuta għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma jkunux setgħu jiġu evitati anki li kieku jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

    18

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, liema żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi u għandhom jiġu evalwati każ b’każ (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23, u tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International –Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 20).

    19

    Madankollu, fid-dawl, minn naħa, tal-għan ta’ dan ir-regolament, stabbilit fil-premessa 1 tiegħu, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament jidderoga mill-prinċipju ta’ dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Qabelxejn għandu jiġi ddeterminat jekk l-assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-ekwipaġġ indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, li seħħet ftit ħin qabel it-tluq previst tagħha, tistax tikkostitwixxi, min-natura jew mill-oriġini tagħha, avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li jikkonċernaw il-persunal tat-trasportatur tal-ajru li jopera jaqgħu taħt l-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar. Dan huwa l-każ f’dak li jirrigwarda l-miżuri dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni tal-persunal ta’ tali trasportatur (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 29), li taħthom jaqgħu l-miżuri dwar il-pjanifikazzjoni tal-ekwipaġġ u tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal.

    22

    Għaldaqstant, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw jistgħu, b’mod regolari, ikunu affaċċjati fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, bl-assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-persunal wieħed jew iktar indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, saħansitra ftit ħin biss qabel it-tluq tagħha. Għaldaqstant, il-ġestjoni ta’ tali assenza tibqa’ intrinsikament marbuta mal-kwistjoni tal-pjanifikazzjoni tal-ekwipaġġ u tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal, b’tali mod li tali avveniment f’daqqa huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

    23

    Għandu jiġi speċifikat li, meta, bħal f’dan il-każ, l-assenza tirriżulta minħabba l-mewta f’daqqa ta’ membru tal-persunal indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, li seħħet ftit ħin qabel it-tluq tagħha, tali sitwazzjoni, tkun kemm tkun traġika u definittiva, ma hijiex distinta, minn perspettiva ġuridika, minn sitwazzjoni li fiha titjira ma tistax titwettaq minħabba li tali membru tal-persunal marad f’daqqa, ftit ħin qabel it-tluq tat-titjira. Għalhekk, hija l-assenza nnifisha, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru wieħed jew iktar tal-membri tal-ekwipaġġ, irrispettivament minn jekk tkunx seħħet f’daqqa jew le, u mhux ir-raġuni medika speċifika għal din l-assenza li tikkostitwixxi avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ dan it-trasportatur, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu jipprevedi l-okkorrenza ta’ tali imprevisti fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni tal-ekwipaġġi tiegħu u tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal tiegħu.

    24

    Barra minn hekk, il-fatt li tali assenza f’daqqa seħħet minkejja li l-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat kien għamel l-eżamijiet mediċi regolari preskritti mill-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax jikkontesta l-konklużjoni indikata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kull persuna, inkluż min ikun għamel l-eżamijiet mediċi regolari, tista’, fi kwalunkwe mument, tista’ timrad jew tmut f’daqqa.

    25

    Peress li l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta, ma huwiex neċessarju li tiġi vverifikata t-tieni kundizzjoni.

    26

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula, li hija fformulata b’mod identiku fit-tliet kawżi prinċipali, għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-ekwipaġġ indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, li seħħet ftiq ħin qabel it-tluq ta’ din it-titjira, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    27

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    l-assenza f’daqqa, minħabba l-mard jew il-mewt, ta’ membru tal-ekwipaġġ indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, li seħħet ftiq ħin qabel it-tluq ta’ din it-titjira, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top