Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0134

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
    MO vs SM en tant que liquidateur de G GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Informazzjoni u konsultazzjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) – Obbligu li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega li jkollha l-intenzjoni li tipproċedi għal tkeċċija kollettiva li tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti kopja tal-informazzjoni nnotifikata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema – Għan – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.
    Kawża C-134/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:567

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Informazzjoni u konsultazzjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) – Obbligu li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega li jkollha l-intenzjoni li tipproċedi għal tkeċċija kollettiva li tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti kopja tal-informazzjoni nnotifikata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema – Għan – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu”

    Fil-Kawża C‑134/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

    MO

    vs

    SM bħala stralċjarju ta’ G GmbH

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal MO, minn C. Schomaker, Rechtsanwalt,

    għal SM bħala stralċjarju ta’ G GmbH, minn M. Stahn, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MO u SM bħala stralċjarju ġudizzjarju ta’ G GmbH, fir-rigward tal-validità tat-tkeċċija tiegħu li seħħet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, li jagħmel parti mit-Taqsima II tagħha, intitolat “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

    2.   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

    […]

    3.   Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

    (a)

    ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

    (b)

    f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

    (i)

    tar-raġunijiet għar-redundancies ipproġettati;

    (ii)

    tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

    (iii)

    tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

    (iv)

    tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

    (v)

    tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

    (vi)

    tal-metodu għall-kalkolu ta’ xi pagamenti tar- redundancy ta’ xort’ oħra minn dawk ikkawżati mil-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

    Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jinsab fit-Taqsima III tagħha, intitolat “Il-proċedura għal redundancies kollettivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

    […]

    Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li wkoll jagħmel parti mit-Taqsima III tagħha, jiddikjara, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

    2.   Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati.

    3.   Meta l-perijodu inizjali previst fil-paragraph 1 huwa iqsar minn 60 ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorià pubblika kompetenti biex testendi l-perijodu inizjali ta’ 60 ġurnata wara n-notika meta l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta’ redundancies kollettivi x’aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti poteri iktar wiesa’ ta’ estenzjoni.

    Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estenzjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perijodu tal-bidu msemmi fil-paragrafu 1.”

    Id‑dritt Ġermaniż

    6

    L-Artikolu 134 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprevedi:

    “Kull att ġuridiku kuntrarju għal projbizzjoni legali huwa null sa fejn il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

    7

    L-Artikolu 17 tal-Kündigungsschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva), fir-redazzjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tagħha:

    “(1)   Il-persuna li timpjega għandha tinnotifika lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi qabel tkeċċi:

    […]

    2.

    fl-istabbilimenti li normalment iħaddmu mhux inqas minn 60 u inqas minn 500 ħaddiem, 10 % tal-ħaddiema normalment impjegati jew iktar minn 25 ħaddiem;

    […]

    matul perijodu ta’ 30 jum kalendarju. Forom oħra ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li jseħħu fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega huma assimilati għat-tkeċċijiet.

    (2)   Meta persuna li timpjega tippjana li tipproċedi bi tkeċċijiet suġġetti għan-notifika skont il-paragrafu 1, hija għandha tipprovdi, fi żmien xieraq, kull informazzjoni utli lill-kunsill tax-xogħlijiet, u b’mod partikolari tinformah bil-miktub dwar:

    1.

    ir-raġunijiet għat-tkeċċijiet ippjanati;

    2.

    in-numru u l-kategoriji professjonali tal-ħaddiema li ser jitkeċċew;

    3.

    in-numru u l-kategoriji professjonali tal-ħaddiema normalment impjegati;

    4.

    il-perijodu li matulu huwa ppjanat li tipproċedi bit-tkeċċijiet;

    5.

    il-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew, u

    6.

    il-kriterji previsti għall-kalkolu tal-eventwali allowances.

    […]

    (3)   Il-persuna li timpjega għandha tibgħat simultanjament lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi kopja tal-komunikazzjoni lill-kunsill tax-xogħlijiet; din għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni meħtieġa skont il-punti 1 sa 5 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 2. In-notifika prevista fil-paragrafu 1 għandha ssir bil-miktub u tkun akkumpanjata bl-opinjoni tal-kunsill tax-xogħlijiet dwar it-tkeċċijiet. Fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-kunsill tax-xogħlijiet, in-notifika tieħu effett jekk il-persuna li timpjega tipproduċi provi li jippermettu li jiġi preżunt li hija informat lill-kunsill tax-xogħlijiet tal-inqas ġimagħtejn qabel ma pproċediet bin-notifika skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 u jekk tirrapporta dwar l-istat tal-konsultazzjonijiet. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar l-isem tal-persuna li timpjega, is-sede u t-tip ta’ impriża, kif ukoll dwar ir-raġunijiet tal-pjan ta’ tkeċċija, in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema li ser jitkeċċew kif ukoll dwar il-ħaddiema normalment impjegati, il-perijodu li matulu huwa ppjanat li tipproċedi bit-tkeċċijiet, u l-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew. Bi qbil mal-kunsill tax-xogħlijiet, in-notifika għandha tinkludi wkoll, għall-kollokament, informazzjoni dwar is-sess, l-età, il-professjoni u n-nazzjonalità tal-ħaddiema li ser jitkeċċew. Il-persuna li timpjega għandha tibgħat kopja tan-notifika lill-kunsill tax-xogħlijiet. Dan tal-aħħar jista’ jippreżenta opinjonijiet oħra lill-Aġenzija għall-Impjiegi. Huwa għandu jibgħat kopja tal-opinjoni lill-persuna li timpjega.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    8

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ilu impjegat ma’ G GmbH sa mill‑1981.

    9

    Fl‑1 ta’ Ottubru 2019, il-qorti tal-insolvenza fetħet, fuq talba ta’ G GmbH, proċedura ta’ insolvenza kontrih u ħatret lill-konvenut fil-kawża prinċipali bħala amministratur ġudizzjarju għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, matul il-proċedura, il-konvenut fil-kawża prinċipali kien jeżerċita l-funzjoni ta’ persuna li timpjega fil-konfront tal-ħaddiema ta’ G GmbH.

    10

    Fis‑17 ta’ Jannar 2020, ġie deċiż li G GmbH kellha tieqaf kompletament mill-attivitajiet tagħha mhux iktar tard mit‑30 ta’ April 2020 u li iktar minn 10 % mill-195 ħaddiem li kienet timpjega kellhom jitkeċċew matul il-perijodu mit‑28 sal‑31 ta’ Jannar 2020.

    11

    Fl-istess 17 ta’ Jannar 2020, inbdiet il-proċedura ta’ konsultazzjoni mal-kunsill tax-xogħlijiet, li kien qed jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-ħaddiema. Fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, l-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 ġiet innotifikata bil-miktub lill-kunsill tax-xogħlijiet. Madankollu huwa paċifiku li ebda kopja ta’ din in-notifika bil-miktub ma ntbagħtet lill-awtorità pubblika kompetenti, f’dan il-każ l-Agentur für Arbeit Osnabrück (l-Aġenzija għall-Impjiegi ta’ Osnabrück, il-Ġermanja).

    12

    Fit‑22 ta’ Jannar 2020, il-kunsill tax-xogħlijiet, fl-opinjoni finali tiegħu, ikkonstata li ma kien jara ebda possibbiltà li tkeċċijiet ippjanati jiġu evitati.

    13

    Fit‑23 ta’ Jannar 2020, konformement mal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva u mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59, il-pjan ta’ tkeċċija kollettiva ġie nnotifikat lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi ta’ Osnabrück, li kkonfermat l-irċevuta tagħha fis‑27 ta’ Jannar 2020. Sussegwentement, din tal-aħħar ħejjiet laqgħat ta’ tagħrif għat‑28 u d‑29 ta’ Jannar 2020 għall‑153 ħaddiem ikkonċernati mill-pjan ta’ tkeċċija.

    14

    Permezz ta’ ittra rċevuta fit‑28 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie informat li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu ma’ G GmbH ġie tterminat b’effett mit‑30 ta’ April 2020.

    15

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Industrijali kompetenti sabiex jitlob għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa sostna li ebda kopja tan-notifika indirizzata lill-kunsill tax-xogħlijiet fis‑17 ta’ Jannar 2020 ma kienet intbagħtet lill-aġenzija pubblika għall-impjiegi kompetenti, filwaqt li din it-trażmissjoni, imposta kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 kif ukoll mill-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva, kienet tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ validità tat-tkeċċija.

    16

    Min-naħa tiegħu, il-konvenut fil-kawża prinċipali sostna li t-tkeċċija inkwistjoni kienet valida peress li l-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva, b’differenza ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-istess artikolu, ma kellux bħala għan li jipproteġi lill-ħaddiema kkonċernati minn tkeċċija kollettiva jew li jevita t-tkeċċijiet. Skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, it-trażmissjoni lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi kkonċernata tal-kopja tan-notifika lill-kunsill tax-xogħlijiet, prevista minn din id-dispożizzjoni, għandha biss bħala għan li tinforma lil din l-aġenzija bit-tkeċċijiet ippjanati. Din it-trażmissjoni ma hijiex ta’ natura li tista’ tipproteġi lill-ħaddiema kkonċernati fir-rigward ta’ tkeċċija kollettiva ġaladarba l-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi ma tistax tiddeduċi minn din in-notifika l-possibbiltajiet ikkunsidrati mill-kunsill tax-xogħlijiet biex jiġu evitati t-tkeċċijiet ippjanati u t-trażmissjoni tal-kopja tal-imsemmija notifika ma għandha ebda influwenza fuq il-konsultazzjonijiet bejn il-persuna li timpjega u l-kunsill tax-xogħlijiet.

    17

    Peress li dan ir-rikors tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza, dan tal-aħħar ippreżenta appell għal Reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju.

    18

    Din il-qorti tqis li l-fatt li l-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi ma rċevietx kopja tan-notifika indirizzata lill-kunsill tax-xogħlijiet fil-kuntest tal-konsultazzjoni ta’ din tal-aħħar jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva, li tittrasponi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 fid-dritt nazzjonali. Madankollu, la din id-direttiva u lanqas id-dritt nazzjonali ma jipprevedu sanzjoni espliċita għal tali ksur. L-imsemmija qorti tikkunsidra li, f’tali każijiet, hija għandha l-obbligu tiżgura, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat skont ir-regoli sostantivi u proċedurali analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali tal-istess natura u tal-istess gravità u li s-sanzjoni tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, l-istess qorti diġà ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-ksur tal-obbligi li għandha l-persuna li timpjega fil-kuntest tat-tkeċċijiet kollettivi, minbarra l-ksur previst fl-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva, jagħti lok, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li dawn l-obbligi għandhom l-intenzjoni li jiżguraw, għan-nullità tat-tkeċċija bis-saħħa tal-Artikolu 134 tal-BGB.

    19

    Fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva, il-qorti tar-rinviju, madankollu, tesprimi dubji dwar il-fatt li dan il-ksur jista’ wkoll jagħti lok għal tali nullità. Fil-fatt, sabiex tali dispożizzjoni tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala liġi ta’ projbizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 134 tal-BGB, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi Artikolu 17(3) għandux bħala għan li jagħti protezzjoni individwali lill-ħaddiema kkonċernati permezz ta’ proċedura ta’ tkeċċijiet kollettivi, li jkun jeħtieġ, konsegwentement, li jiġi interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

    20

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jista’ jkun, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi mfittex mid-Direttiva 98/59, li jippromwovi l-azzjoni konġunta tal-persuna li timpjega, tal-awtorità responsabbli min-notifika tat-tkeċċijiet kollettivi u tar-rappreżentanti tal-impjegati. Issa, dan l-għan jirrikjedi li l-awtorità kompetenti tiġi informata malajr kemm jista’ jkun dwar il-pjan ta’ tkeċċija ta’ numru kbir ta’ ħaddiema. F’din il-perspettiva, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jagħti protezzjoni individwali lill-ħaddiema kkonċernati.

    21

    Skont il-qorti tar-rinviju, madankollu jeżistu wkoll argumenti favur l-ipoteżi opposta. F’dan ir-rigward hija tosserva li l-proċedura ta’ konsultazzjoni tippreċedi n-notifika tat-tkeċċija kollettiva b’tali mod li t-trażmissjoni tan-notifika lill-kunsill tax-xogħlijiet fil-bidu tal-proċess ta’ konsultazzjoni jkun għad ma jkollhiex influwenza effettiva fuq l-attività ta’ kollokament tal-amministrazzjoni tax-xogħol. Id-Direttiva 98/59 tassoċja l-intervent tal-awtorità kompetenti biss man-notifika mill-persuna li timpjega tal-pjan ta’ tkeċċija kollettiva konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha. Min-naħa l-oħra, fil-mument li għandha sseħħ it-trażmissjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 li tippreċedi din in-notifika, jiġifieri qabel tmiem il-konsultazzjonijiet mal-ħaddiema, ma jkunx għadu ġie stabbilit definittivament jekk jaslux ħaddiema fuq is-suq tax-xogħol, jekk ikun il-każ kemm u meta, u lanqas liema ħaddiema jkunu kkonċernati. F’din il-perspettiva, din l-aħħar dispożizzjoni hija biss ta’ natura proċedurali u l-ksur tagħha, hekk kif trasposta fid-dritt Ġermaniż, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għalhekk ma jagħtix lok għan-nullità tat-tkeċċija tal-ħaddiem individwali kkonċernat mit-tkeċċija kollettiva.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Liema huwa l-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva [98/59], li jgħid li l-persuna li timpjega għandha tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti kopja mill-inqas tal-elementi tan-notifika bil-miktub lir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fil-punti (i) sa (v) tal-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3)?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    23

    Kif jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet magħmula fil-punti 16 sa 21 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iskop tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 li jobbliga lill-persuna li timpjega tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti tal-inqas kopja tal-elementi tan-notifika bil-miktub previsti fil-punt (b)(i) sa (v) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu. B’hekk, din il-qorti tipprova tiddetermina liema konsegwenzi legali jistgħu jiġu attribwiti, fid-dritt nazzjonali u fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, għal ksur ta’ dan l-obbligu fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward f’din id-direttiva.

    24

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega li tittrażmetti lill-awtorità pubblika kompetenti mill-inqas kopja tal-elementi tan-notifika bil-miktub previsti fil-punt (b)(i) sa (v) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva għandu bħala għan li jagħti protezzjoni individwali lill-ħaddiema kkonċernati minn tkeċċijiet kollettivi.

    25

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, qabel kollox, li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 li jgħid li “[m]in iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v)”, għandu jiġi kkonstatat li din ma fihiex elementi li jistgħu jitfgħu dawl fuq l-għan tal-obbligu ta’ trażmissjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

    27

    Għaldaqstant, fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-kuntest li fih jidħol it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

    28

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tinsabx fit-Taqsima III ta’ din id-direttiva, intitolata “Il-proċedura għal redundancies kollettivi”, iżda fit-Taqsima II tal-imsemmija direttiva, intitolata “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva, jirregola l-proċedura ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema meta persuna li timpjega tkun qed tikkontempla tkeċċijiet kollettivi. B’hekk, it-trażmissjoni tal-informazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 għandha sseħħ fi stadju fejn tkeċċijiet kollettivi huma sempliċement “ikkontemplati” u fejn il-proċedura ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għadha biss qed tibda u għadha ma ntemmitx.

    29

    Konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, l-għan tal-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema huwa li jiġu evitati terminazzjonijiet ta’ kuntratti tax-xogħol jew li jitnaqqas in-numru kif ukoll li jittaffew il-konsegwenzi ta’ dawn it-terminazzjonijiet. Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni u l-effikaċja ta’ dawn il-konsultazzjonijiet jissupponu li jiġu deċiżi l-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt li dawn ikunu għaddejjin (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 46).

    30

    Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 98/59 tista’ tiġi kkomunikata waqt il-konsultazzjonijiet u mhux neċessarjament fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura li torganizzahom, fejn ċerta flessibbiltà hija indispensabbli fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-għan ta’ dan l-obbligu tal-persuna li timpjega huwa li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni b’mod kemm jista’ jkun komplet u effettiv u li, sabiex dan isir, kull informazzjoni ġdida rilevanti għandha tiġi pprovduta sal-aħħar mument tal-imsemmi proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punti 5253).

    31

    Minn dan isegwi li l-informazzjoni li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tista’ tevolvi u tinbidel fiż-żmien b’tali mod li dawn tal-aħħar ikunu f’qagħda li jifformulaw proposti kostruttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 51).

    32

    Mill-punti preċedenti jirriżulta li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 tippermetti biss lill-awtorità pubblika kompetenti tieħu idea tar-raġunijiet wara l-pjan ta’ tkeċċija, tan-numru u tal-kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom jitkeċċew, tan-numru u tal-kategoriji ta’ ħaddiema normalment impjegati, tal-perijodu li matulu huwa mistenni li jsiru tkeċċijiet, u tal-kriterji mistennija għall-għażla tal-ħaddiema li għandhom jitkeċċew sa fejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u/jew il-prattiki nazzjonali jattribwixxu l-kompetenza dwar dan lill-persuna li timpjega.

    33

    Għalhekk din l-awtorità ma tistax tafda għalkollox din l-informazzjoni sabiex tipprepara miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva.

    34

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, ma jingħata ebda rwol attiv lill-awtorità pubblika kompetenti. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jindikaha biss bħala destinatarja ta’ kopja tal-elementi tan-notifika bil-miktub previsti fil-punt (b)(i) sa (v) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (3) tiegħu, filwaqt li l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija direttiva, li jinsabu fit-Taqsima III tagħha, intitolata “Il-proċedura għal redundancies kollettivi”, jattribwixxu tali rwol attiv lilha.

    35

    B’hekk, l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/59 jipprevedu li l-pjanijiet ta’ tkeċċijiet kollettivi għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti u li tali tkeċċijiet jistgħu jidħlu fis-seħħ biss wara li jiskadi ċertu terminu li din l-awtorità għandha tisfrutta sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi kkontemplati (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 40). Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi obbligu ta’ notifika għandu jippermetti lill-awtorità pubblika kompetenti tesplora, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha mibgħuta lilha mill-persuna li timpjega, il-possibbiltajiet li tillimita, permezz ta’ miżuri xierqa għad-data tas-suq tal-impjieg u tal-attività ekonomika li fiha jaqgħu dawn it-tkeċċijiet kollettivi, il-konsegwenzi negattivi tal-imsemmija tkeċċijiet. Min-naħa l-oħra, it-trażmissjoni lil din l-istess awtorità tal-kopja ta’ informazzjoni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, ma tagħtix bidu għad-dekorriment tat-terminu li għandu jiġi osservat mill-persuna li timpjega u lanqas ma tiġġenera obbligu fuq l-awtorità pubblika kompetenti.

    36

    Għalhekk, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, isseħħ biss għal finijiet informattivi u preparatorji sabiex l-awtorità pubblika kompetenti tkun tista’, jekk ikun il-każ, teżerċita b’mod effikaċi l-prerogattivi tagħha previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. B’hekk, l-għan tal-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti huwa dak li jippermettilha tantiċipa kemm jista’ jkun il-konsegwenzi negattivi ta’ tkeċċijiet kollettivi kkontemplati sabiex b’mod effikaċi jkunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet meta jiġu nnotifikati lilha.

    37

    Fid-dawl tal-għan ta’ din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u tal-fatt li din isseħħ fi stadju fejn it-tkeċċijiet kollettivi u kkontemplati biss mill-persuna li timpjega, l-azzjoni tal-awtorità pubblika kompetenti ma hijiex intiża, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tittratta s-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-ħaddiema iżda hija intiża sabiex tifhem b’mod globali t-tkeċċijiet kollettivi kkontemplati. Barra minn hekk diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 huwa kkonċepit għall-benefiċċju tal-ħaddiema inkwantu kollettività u huwa ta’ natura kollettiva (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 42). Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva tagħti lill-ħaddiema protezzjoni kollettiva u mhux individwali.

    38

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan prinċipali tad-Direttiva 98/59, dan jikkorrobora l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-għan jikkonsisti f’li qabel it-tkeċċijiet kollettivi jkun hemm konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fl-istadju tal-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, li tittratta, kif ifakkar l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi kif ukoll il-possibbiltajiet li jittaffew il-konsegwenzi tagħhom, din l-informazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti hija żgurata mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva.

    39

    Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-oriġini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, għandu jitfakkar, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-Direttiva 98/59 wettqet tfassil mill-ġdid tad-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE tas‑17 ta’ Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi (ĠU 1975, L 48, p. 29). Issa, mill-ħidma preparatorja għal din l-aħħar direttiva jirriżulta li l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-awtorità pubblika kompetenti tal-informazzjoni pprovduta mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), ġie propost peress li tali obbligu tqies li kien utli sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni immedjata ta’ sitwazzjoni li jista’ jkollha effett kruċjali fuq is-suq tax-xogħol u sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-miżuri eventwalment neċessarji (dokument 754/74 tal-Kunsill).

    40

    Konsegwentement, l-oriġini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jikkorrobora wkoll il-konstatazzjoni li l-obbligu ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija prevista għall-finijiet informattivi u preparatorji mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    41

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda preliminari tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega li tittrażmetti lill-awtorità pubblika kompetenti mill-inqas kopja tal-elementi tan-notifika bil-miktub previsti fil-punt (b)(i) sa (v) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva ma għandux bħala għan li jagħti protezzjoni individwali lill-ħaddiema kkonċernati minn tkeċċijiet kollettivi.

    Fuq l‑ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    l-obbligu li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega li tittrażmetti lill-awtorità pubblika kompetenti mill-inqas kopja tal-elementi tan-notifika bil-miktub previsti fil-punt (b)(i) sa (v) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva ma għandux bħala għan li jagħti protezzjoni individwali lill-ħaddiema kkonċernati minn tkeċċijiet kollettivi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top