Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0123

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Aċċess effettiv – Proċedura fuq il-fruntiera – Garanziji proċedurali – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Natura proporzjonata u dissważiva – Somma f’daqqa – Pagamenti ta’ penalità.
    Kawża C-123/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:493

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    13 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Aċċess effettiv – Proċedura fuq il-fruntiera – Garanziji proċedurali – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Natura proporzjonata u dissważiva – Somma f’daqqa – Pagamenti ta’ penalità”

    Fil-Kawża C‑123/22,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fil‑21 ta’ Frar 2022,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Azéma, L. Grønfeldt, A. Tokár u J. Tomkin, sussegwentement minn A. Azéma, A. Tokár u J. Tomkin, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    vs

    L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2023,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, EU:C:2020:1029), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dik is-sentenza u taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

    tikkundanna lill-Ungerija tħallasha somma f’daqqa ta’ EUR 5 468.45 kuljum, b’ammont totali minimu ta’ EUR 1044000, għall-perijodu bejn id-data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 u d-data tal-eżekuzzjoni mill-konvenuta ta’ din is-sentenza jew ta’ meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża, jekk dan tal-aħħar iseħħ qabel;

    tikkundanna lill-Ungerija tħallasha pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 16 393.16 għall-perijodu bejn id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u d-data tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, u

    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2008/115/KE

    2

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98);

    “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

    (a)

    l-aħjar interessi tat-tfal,

    (b)

    il-ħajja familjari,

    (c)

    l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

    jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

    3

    L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

    4

    Taħt l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva:

    “Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

    L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tista’ fil-fatt tkun limitata fejn il-liġi nazzjonali tippermetti li d-dritt għall-informazzjoni jiġi ristrett, b’mod partikolari sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.”

    5

    Skont l-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva:

    “Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

    Id‑Direttiva 2013/32/UE

    6

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jipprovdi:

    “1.   Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

    Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

    4.   Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    5.   Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

    7

    Skont l-Artikolu 24(3) ta’ din id-direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-applikanti jkunu ġew identifikati bħala applikanti li jkunu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, dawn jingħataw appoġġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jkunu konformi mal-obbligi ta’ din id-Direttiva matul il-proċedura ta’ asil kollha.

    Fejn tali appoġġ adegwat ma jkunx jista’ jingħata fil-qafas tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(8) u fl-Artikolu 43, b’mod partikolari fejn l-Istati Membri jqisu li l-applikant jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali bħala riżultat ta’ tortura, stupru jew suriet serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew vjolenza sesswali, l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw, jew għandhom jieqfu japplikaw, l-Artikolu 31(8) u l-Artikolu 43. Fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 46(6) għal applikanti li għalihom l-Artikoli 31(8) u l-Artikolu 43 ma jistgħux jiġu applikati f’konformità ma’ dan is-subparagrafu, l-Istati Membri għandhom tal-inqas jagħtu l-garanziji previsti fl-Artikolu 46(7).”

    8

    L-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Proċeduri fuq il-fruntiera”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

    a)

    l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, taħt l-Artikolu 33, li ssir f’dawn il-postijiet; u/jew

    b)

    is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fil-paragrafu 1 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba’ ġimgħat, l-applikant għandu jitħalla jidħol fit-territorju tal-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

    3.   Fil-każijiet ta’ wasliet li jinvolvu numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, li jagħmluha impossibbli fil-prattika li jiġu applikati hemmhekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu.”

    9

    L-Artikolu 46(5) u (6) tal-istess direttiva jipprevedi:

    “5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

    6.   Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

    a)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) jew bla bażi wara eżami f’konformità mal- Artikolu 31(8), ħlief każijiet fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 31(8)(h);

    b)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(a), (b) jew (d);

    c)

    li tirrifjuta l-ftuħ mill-ġdid tal-każ tal-applikant wara li ma tkompliex taħt l-Artikolu 28; jew

    d)

    li ma tiġix eżaminata jew ma tiġix eżaminata kompletament l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 39,

    qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.”

    Id‑dritt Ungeriż

    Il‑Liġi dwar id‑Dritt għall‑Ażil

    10

    L-Artikolu 5(1) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) tad‑29 ta’ Ġunju 2007 (Magyar Közlöny 2007/83., iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprovdi dan li ġej:

    “L-applikant għall-ażil għandu d-dritt:

    a)

    skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż u, skont il-leġiżlazzjoni speċifika, li jikseb permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż;

    [...]”

    11

    L-Artikolu 80/H tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil huwa fformulat kif ġej:

    “F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I sa IV u V/A sa VIII għandhom jiġi applikati flimkien mad-derogi previsti fl-Artikoli 80/I sa 80/K.”

    12

    L-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li:

    “1.   L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta personalment quddiem l-awtorità kompetenti u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu, ħlief jekk l-applikant għall-ażil:

    a)

    huwa s-suġġett ta’ miżura koerċittiva, ta’ miżura jew ta’ kundanna li tirrestrinġi l-libertà individwali;

    b)

    huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni ordnata mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil;

    c)

    jirrisjedi legalment fit-territorju Ungeriż u ma jitlobx akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza.”

    Il‑Liġi dwar il‑Fruntieri tal‑Istat

    13

    L-Artikolu 5 tal-az államhatárról szóló 2007. évi LXXXIX. törvény (il-Liġi Nru LXXXIX tal-2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat), tal‑4 ta’ Lulju 2007 (Magyar Közlöny 2007/88., iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat”), jipprovdi:

    “1.   Skont din il-liġi, huwa possibbli li fit-territorju Ungeriż tintuża medda ta’ 60 metru mir-rotta tal-fruntiera esterna kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tar-[Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], jew sinjali ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera, sabiex jinbnew, jiġu stabbiliti u jitħaddmu faċilitajiet għall-protezzjoni tal-ordni fuq il-fruntiera [...], u sabiex jitwettqu l-kompiti relatati mad-difiża u s-sigurtà nazzjonali, il-ġestjoni tad-diżastri, is-sorveljanza tal-fruntieri, l-ażil u l-pulizija tal-migrazzjoni.

    [...]

    1b   F’sitwazzjoni ta’ kriżi li tirriżulta minn immigrazzjoni massiva, il-pulizija tista’, fit-territorju Ungeriż, twaqqaf liċ-ċittadini barranin li jkunu jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż u teskortahom lil hinn mill-bieb tal-installazzjoni li tinsab l-iktar viċin imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief fil-każ ta’ suspett ta’ ksur.

    [...]”

    Is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija tal-2020

    14

    Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96):

    billi pprovdiet li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li, meta jaslu mis-Serbja, jixtiequ jaċċedu, fit-territorju tagħha, għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija, jistgħu jiġu ppreżentati biss fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke (l-Ungerija) u ta’ Tompa (l-Ungerija), filwaqt li tiġi adottata prassi amministrattiva stabbilita u ġġeneralizzata li tillimita drastikament in-numru ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu kuljum f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu;

    billi stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, mingħajr ma osservat il-garanziji previsti fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll fl-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33;

    billi tippermetti t-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom li huma ssuspettati li wettqu reat, mingħajr ma ġew osservati l-proċeduri u l-garanziji previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, u

    billi tissuġġetta għal kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni l-eżerċizzju, mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, tad-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tagħha.

    Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    15

    Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2021, id-Direttriċi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni stiednet lill-Gvern Ungeriż jinformaha bil-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu bis-sħiħ mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020.

    16

    Fis-26 ta’ Frar 2021, il-Gvern Ungeriż wieġeb għal din l-ittra billi indika li ż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa kienu ngħalqu wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367). L-Ungerija għalhekk ikkonformat ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 f’dak li jirrigwarda d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil.

    17

    F’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u t-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, il-Gvern Ungeriż qies li huwa kellu quddiemu, waqt l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, “dilemma kostituzzjonali” fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Ungerija skont id-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, fil-25 ta’ Frar 2021, dan il-gvern adixxa lill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) b’talba intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Magyarország Alaptörvénye (il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija) setgħetx tiġi interpretata fis-sens li l-Ungerija tista’ timplimenta obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni li, fl-assenza ta’ effett utli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jista’ jwassal lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-Ungerija sabiex jirrisjedi hemmhekk għal żmien indeterminat u, għaldaqstant, sabiex jagħmel parti, de facto, mill-popolazzjoni tagħha.

    18

    Fid-9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ intimazzjoni”), billi qieset li dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 u intimatu sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 260(2) TFUE f’terminu ta’ xahrejn. L-ittra ta’ intimazzjoni kienet tirreferi għall-erba’ ksur identifikati f’din is-sentenza.

    19

    Fid-9 ta’ Awwissu 2021, il-Gvern Ungeriż wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni, fejn iddikjara li ma kienx f’pożizzjoni li jiddeċiedi dwar is-saħħa eżekuttiva tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 sat-tmiem tal-proċedura quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. Dan il-gvern talab lill-Kummissjoni tissuġġetta t-tkomplija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 fi tmiem din il-proċedura quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), sabiex “tiġi ggarantita l-osservanza tad-djalogu kostituzzjonali”. L-imsemmi gvern iddikjara wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, filwaqt li enfasizza s-“supremazija mingħajr limitu” tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli kostituzzjonali kienu jipprevalu fuqu.

    20

    Fis‑7 ta’ Diċembru 2021, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tat id-Deċiżjoni Nru 32/2021 (XII.20) li fiha ddeċidiet, fl-ewwel lok, li sakemm l-Unjoni Ewropea ma kinitx teżerċita b’mod effettiv kompetenza kondiviża, l-Ungerija setgħet teżerċita din il-kompetenza, fit-tieni lok, li, għalkemm l-insuffiċjenza tal-eżerċizzju mill-Unjoni ta’ kompetenza kondiviża kienet ta’ natura li twassal għal ksur tad-dritt għall-identità tal-persuni residenti fit-territorju tal-Ungerija, l-Istat Ungeriż kien obbligat jiżgura l-protezzjoni ta’ dan id-dritt u, fit-tielet lok, li l-protezzjoni tad-dritt inaljenabbli tal-Ungerija li tiddetermina l-integrità tat-territorju tagħha, il-popolazzjoni tagħha, il-forma ta’ gvern tagħha u l-istruttura statali tagħha kienet tagħmel parti mill-identità kostituzzjonali tagħha.

    21

    Peress li kkunsidrat li l-konformità mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 kienet għadha nieqsa, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fl‑21 ta’ Frar 2022.

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ April 2022, il-proċedura ġiet sospiża, fuq talba tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jkompli l-proċedura, abbażi tal-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ukoll fuq talba tal-Kummissjoni.

    Fuq ir-rikors

    Fuq in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    L‑argumenti tal‑partijiet

    23

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi, preliminarjament, li ż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ngħalqu. Għaldaqstant, ir-rikors ma jinkludix żviluppi dwar it-tieni ksur ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, dwar id-detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu.

    24

    Bl-istess mod, fir-rigward tar-raba’ ksur ikkonstatat f’din is-sentenza, jiġifieri l-ksur tad-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju Ungeriż sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u, jekk dan id-dritt ġie eżerċitat fit-terminu previst, fl-istennija tal-eżitu ta’ dan ir-rikors, ir-rikors jirrigwarda biss sitwazzjoni li ma hijiex sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva. Fil-fatt, fil-punti 290 u 291 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva biss minħabba s-sistema ta’ detenzjoni ġenerali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, sistema li ma baqgħetx teżisti mal-għeluq ta’ dawn tal-aħħar.

    25

    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-għeluq taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020. L-istess japplika għall-emendi li saru għal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil fix-xahar ta’ Ġunju 2020, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, mill-a veszélyhelyzet megszhebnéseel összefüggġ átmeneti szabályokról és a járványügyi készültségrġl szóló 2020. évi LVIII. törvény (il-Liġi Nru LVIII tal-2020 dwar ir-Regoli provviżorji marbuta mat-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza u dwar is-sitwazzjoni ta’ twissija epidemjoloġika), tas‑17 ta’ Ġunju 2020 (Magyar Közlöny 2020/144., iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2020”). Fil-fatt, dawn l-emendi jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, kif sostniet din l-istituzzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni minn qabel għall-applikazzjoni għall-ażil) (C‑823/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, EU:C:2023:504).

    26

    Il-Gvern Ungeriż barra minn hekk irrikonoxxa impliċitament il-prosekuzzjoni tat-twettiq tal-ksur ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, peress li dan il-gvern indika li ma kienx f’pożizzjoni li jiddeċiedi dwar is-saħħa eżekuttiva ta’ din is-sentenza sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

    27

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-aċċess effettiv għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, mill-punti 104 u 106 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, kif ukoll mill-ewwel inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, jirriżulta li, sabiex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza, l-Ungerija għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat ikunu jistgħu effettivament jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħha, inkluż fil-fruntieri tagħha.

    28

    B’mod partikolari, l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 teżiġi l-emenda tal-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jipprovdi li, f’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati, bi ftit eċċezzjonijiet, biss fiż-żoni ta’ tranżitu kkonċernati. Issa, l-Ungerija la abrogat u lanqas emendat din id-dispożizzjoni. Peress li ż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ngħalqu, huwa impossibbli li tali applikazzjonijiet jiġu ppreżentati fit-territorju tal-Ungerija.

    29

    Barra minn hekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, kien hemm sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva fit-territorju Ungeriż kollu. Fil-fatt, it-tömeges bevándorlás okozta válsághelyzet Magyarország egész területére történő elrendeléséről, valamint a válsághelyzet elrendelésével, fennállásával és megszüntetésével összefüggő szabályokról szóló 41/2016. (III. 9.) Korm. rendelet (Id-Digriet tal-Gvern Nru 41/2016 dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva fuq it-territorju kollu tal-Ungerija, kif ukoll dwar ir-regoli dwar id-dikjarazzjoni, l-eżistenza u t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ kriżi), tad‑9 ta’ Marzu 2016 (Magyar Közlöny 2016/33.), ġie prorogat mill-Gvern Ungeriż sas‑7 ta’ Marzu 2022, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tal-a tömeges bevándorlás okozta válsághelyzet Magyarország egész területére történő elrendeléséről, valamint a válsághelyzet elrendelésével, fennállásával és megszüntetésével összefüggő szabályokról szóló 41/2016. (III. 9.) Korm. rendelet módosításáról szóló 509/2021. (IX. 3.) Korm. rendelet [Id-Digriet tal-Gvern Nru 509/2021 li jemenda d-Digriet tal-Gvern Nru 41/2016 (III. 9.) dwar id-dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva fuq it-territorju tal-Ungerija u dwar ir-regoli dwar id-dikjarazzjoni, l-eżistenza u t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ kriżi], tat‑3 ta’ Settembru 2021 (Magyar Közlöny 2021/162.). Sussegwentement, is-sistema legali tas-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva ġiet estiża tal-inqas sas‑7 ta’ Marzu 2024.

    30

    Fir-rigward tal-Liġi tal-2020, din kienet sempliċement introduċiet sistema tranżitorja differenti minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fi kwalunkwe każ, din il-liġi ma tistax titqies li hija miżura ta’ implimentazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, peress li ġiet adottata qabel l-għoti ta’ dik is-sentenza, fil-kuntest speċifiku ta’ dik il-pandemija u b’applikazzjoni prevista biss, għall-ewwel, sal-31 ta’ Diċembru 2020 biss, qabel ma ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    31

    Barra minn hekk, l-Ungerija ma taffermax li l-Liġi tal-2020 hija intiża sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020. Għaldaqstant, il-fatt li din il-liġi kienet is-suġġett, minħabba l-kumplessità tas-sistema ta’ ażil Ungeriża, ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023 ma ppreġudikax id-drittijiet tad-difiża tal-Ungerija f’dan il-każ.

    32

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fl-Ungerija, l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat la ġie mħassar u lanqas emendat. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Ungeriża għadha tippermetti t-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma ssuspettati li wettqu reat, li huwa inkompatibbli mal-punti 253 u 254 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, kif ukoll mat-tielet inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha. F’dan ir-rigward, mis-sit internet tal-pulizija Ungeriża jirriżulta li l-Ungerija ma waqqfitx it-tneħħija illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha, fatt li dan l-Istat Membru ma jikkontestax.

    33

    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni differenti minn sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, li jibqgħu fit-territorju Ungeriż, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija ma emendatx l-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li huwa applikabbli f’sitwazzjoni li ma hijiex sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva.

    34

    Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Ungeriż għall-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju, previst fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, jibqgħu “vagi”, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ fil-punti 288 u 289 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, kif ukoll fir-raba’ inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha. Fid-dawl tal-punti 297 sa 301 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li l-ksur ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardax prattika li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda t-traspożizzjoni inadegwata tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku Ungeriż.

    35

    L-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors billi tiddikjarah inammissibbli sa fejn dan jikkonċerna l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, u infondat għall-bqija.

    36

    Preliminarjament, dan l-Istat Membru jqis li l-“elementi ċentrali” tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 ma għadhomx rilevanti, peress li ż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma għadhomx jintużaw sa mill-20 ta’ Mejju 2020. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni migratorja fuq ir-“rotta tal-Balkani tal-Punent” u n-numru kbir ta’ persuni spostati mill-Ukraina jagħmlu l-argumenti tal-Kummissjoni inopportuni u infondati.

    37

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, ir-rikors huwa inammissibbli.

    38

    Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet kollha magħmula fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 u relatati maż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma għadx għandhom skop, minħabba l-għeluq ta’ dawn iż-żoni. Ma jagħmilx sens li wieħed jitkellem dwar “limitazzjonijiet” tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu, għaliex ma għadux possibbli li jiġi ppreżentat “numru limitat” ta’ applikazzjonijiet.

    39

    Il-leġiżlazzjoni Ungeriża ċertament tkompli tinkludi dispożizzjonijiet dwar iż-żoni ta’ tranżitu, iżda dawn id-dispożizzjonijiet ilhom inapplikabbli sa mis-26 ta’ Mejju 2020 minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-2020. Din il-liġi tintroduċi sistema tranżitorja li tidderoga mil-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li permezz tagħha l-aċċess għal proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Ungerija huwa suġġett għall-ftuħ ta’ proċedura minn qabel ma’ rappreżentanza diplomatika tal-Ungerija f’pajjiż terz.

    40

    Issa, peress li l-kompatibbiltà tal-Liġi tal-2020 mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 kienet is-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, il-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ b’mod parallel proċedura oħra, ibbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar l-istess ksur allegat mingħajr ma tikser id-drittijiet tad-difiża tal-Ungerija u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    41

    F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni li huwa ġġustifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din il-liġi fil-kuntest proċedurali tal-Artikolu 258 TFUE, peress li din taqa’ f’kuntest ġdid, li ma ġiex eżaminat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020. Madankollu, il-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023 kienet tirrigwarda wkoll il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 kienx għadux jeżisti. Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’din il-kawża, l-argumenti invokati mill-Ungerija fil-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 ma jistax ikollhom effett, u dan jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-Ungerija f’dik il-kawża.

    42

    Barra minn hekk, ir-rikors ma jesponix il-kontenut tad-dispożizzjonijiet adottati wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi fuq il-mertu.

    43

    Sussidjarjament, l-Ungerija ssostni li din il-parti tar-rikors ma hijiex fondata. Minn naħa, il-leġiżlatur Ungeriż adotta leġiżlazzjoni li titbiegħed mill-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil. Min-naħa l-oħra, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 issemmi espressament il-leġiżlazzjoni u l-prassi relatati maż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa. Issa, is-sitwazzjoni analizzata f’din il-parti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 ma għadhiex teżisti.

    44

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment lil hinn mill-għeluq tal-fruntiera, iż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat hija ġġustifikata minħabba l-pressjoni migratorja dejjem tikber fuq ir-“rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent” u minħabba n-numru kbir ta’ refuġjati li joriġinaw mill-Ukraina sa mix-xahar ta’ Frar 2022. Barra minn hekk, qabel ma tiġi emendata din id-dispożizzjoni, għandu jkun mistenni li d-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tingħata f’kawża pendenti fid-data tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u li tirrigwarda, fuq inizjattiva tal-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), dwar il-kostituzzjonalità tal-imsemmija dispożizzjoni.

    45

    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni differenti minn sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, li jibqgħu fit-territorju Ungeriż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, li, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, id-dritt li jibqgħu fit-territorju Ungeriż jista’ jkun suġġett għal kundizzjonijiet.

    46

    Madankollu, il-leġiżlazzjoni kkonċernata ma implimentatx il-possibbiltà, prevista b’mod fakultattiv, li jiġi suġġett għal kundizzjonijiet id-dritt li wieħed jibqa’ f’dan it-territorju. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li ssir leġiżlazzjoni mill-ġdid. Fil-prattika, l-awtoritajiet Ungeriżi ma jwettqu ebda tkeċċija sakemm id-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jiċħdu l-applikazzjoni għall-ażil ma tkunx saret definittiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma rreferiet għal ebda deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li tikkontesta tali konstatazzjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    47

    L-Ungerija tqis li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn jikkonċerna l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.

    48

    Fl-ewwel lok, billi ssostni li l-għeluq taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ċaħħad mill-iskop il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 dwar dawn iż-żoni ta’ tranżitu u li l-Liġi tal-2020 introduċiet sistema tranżitorja li tidderoga mil-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, l-Ungerija ssostni, essenzjalment, li hija ħadet il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, argument li jaqa’ mhux taħt l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, iżda taħt dak tal-fondatezza ta’ dan tal-aħħar.

    49

    Fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża tal-Ungerija minħabba kwistjonijiet paralleli mqajma mill-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023 għandu jiġi miċħud, peress li din il-kawża tat lok għal sentenza li saret definittiva, li għalhekk għandha l-awtorità ta’ res judicata.

    50

    Fit-tielet lok, l-Ungerija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma esponietx, fir-rikors tagħha, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2020.

    51

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (Tul massimu ta’ parkeġġ, C‑167/22, EU:C:2023:1020, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    F’dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti huma osservati. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat b’mod koerenti u preċiż, fir-rikors tagħha, ir-raġunijiet li wassluha tikkunsidra li l-Ungerija ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020. Din l-istituzzjoni semmiet b’mod partikolari l-emendi magħmula għal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil fix-xahar ta’ Ġunju 2020 fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux iwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 u li, kif hija kienet sostniet fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, dawn kienu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

    53

    Għaldaqstant, ir-rikors jippermetti lill-Ungerija u lill-Qorti tal-Ġustizzja jifhmu eżattament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, kundizzjoni neċessarja sabiex dan l-Istat Membru jkun jista’ jinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika jekk l-imsemmi Stat Membru ħax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020.

    54

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikors huwa ammissibbli.

    – Fuq il-mertu

    55

    Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-trattati, hija tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun tat lill-imsemmi Stat Membru l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, filwaqt li tindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jitħallsu mill-istess Stat li hija tqis adatti għaċ-ċirkustanzi.

    56

    Id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva huma obbligati jemendaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li kienu s-suġġett ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod li jirrenduhom konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

    58

    Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożittiv ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jiddeskrivi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu importanza partikolari għad-determinazzjoni tal-miżuri li dan l-Istat Membru għandu jadotta sabiex jeżegwixxi b’mod sħiħ din is-sentenza. Id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza għandu jinftiehem fid-dawl tal-motivi tal-istess sentenza (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑95/12, EU:C:2013:676, punti 3740, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    F’dan il-każ, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha dwar, l-ewwel, l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, it-tieni, id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, it-tielet, it-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, kif ukoll, ir-raba’, id-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju Ungeriż sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u, jekk dan id-dritt ġie eżerċitat fit-terminu previst, fl-istennija tal-eżitu tar-rikors.

    60

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikors tal-Kummissjoni ma jirrigwardax id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa u li, fir-rigward tad-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju Ungeriż, dan ir-rikors jirrigwarda biss sitwazzjoni li ma hijiex sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva.

    61

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, id-deskrizzjoni tal-ksur inkwistjoni tirriżulta mit-test introduttiv u mill-ewwel inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020.

    62

    Mit-test introduttiv tal-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv jirriżulta li r-reat inkwistjoni jikkonsisti f’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Ungerija taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32.

    63

    Dan il-ksur ġie kkonstatat minħabba s-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-imsemmi dispożittiv, jiġifieri l-akkumulazzjoni, minn naħa, tar-rekwiżit li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jaslu mis-Serbja jiġu ppreżentati fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa flimkien, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita u ġġeneralizzata li tillimita drastikament in-numru ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu kuljum f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu.

    64

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntieri tagħhom, hekk kif juru r-rieda tagħhom, sabiex din l-applikazzjoni tiġi rreġistrata u tkun tista’ tiġi introdotta u eżaminata fl-osservanza effettiva tat-termini stabbiliti minn din id-direttiva. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza, l-għan stess tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dak tal-Artikolu 6(1) tagħha, jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.

    65

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza teżiġi li l-Ungerija tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.

    66

    Issa, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri fid-9 ta’ Awwissu 2021, l-Ungerija ma kinitx ikkonformat ruħha ma’ dan ir-rekwiżit.

    67

    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, l-għeluq taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma huwiex biżżejjed sabiex jiggarantixxi aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, is-sistema applikabbli għall-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali kienet dik li tirriżulta mil-liġi tal-2020.

    68

    F’dan ir-rigward, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ssuġġettat il-possibbiltà, għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija jew fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-preżentazzjoni minn qabel ta’ ittra ta’ intenzjoni f’ambaxxata Ungeriża li tinsab f’pajjiż terz u għall-għoti ta’ dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilhom jidħlu fit-territorju Ungeriż, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32.

    69

    Mill-punti 8 sa 13 u 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-konstatazzjoni tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2020 dwar l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li l-applikazzjoni tagħhom ma tistax, għaldaqstant, titqies bħala eżekuzzjoni valida tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020.

    70

    Għandu jiġi ppreċiżat li l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandhom neċessarjament ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat f’din is-sentenza, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, u jippermettu l-applikazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, dan ma huwiex il-każ, f’dan il-każ, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2020 dwar l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.

    71

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.

    72

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment fl-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fit-tielet inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija tal-2020, li, billi ppermettiet it-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom li huma ssuspettati li wettqu reat, mingħajr ma osservat il-proċeduri u l-garanziji previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

    73

    L-Ungerija ma tikkontestax li l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, identifikat fil-punt 254 ta’ din is-sentenza bħala d-dispożizzjoni nazzjonali li tiġġustifika din il-konstatazzjoni, kien għadu fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri fid-9 ta’ Awwissu 2021. Madankollu, dan l-Istat Membru jqis din is-sitwazzjoni bħala ġġustifikata minħabba l-pressjoni migratorja fuq ir-“rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent” u n-numru ta’ persuni spostati mill-Ukraina.

    74

    Issa, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet prattiċi, amministrattivi, finanzjarji jew ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż), C‑540/21, EU:C:2023:450, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni differenti minn sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, li jibqgħu fit-territorju Ungeriż sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u, jekk dan id-dritt ġie eżerċitat fit-terminu previst, fl-istennija tal-eżitu tar-rikors, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, il-konklużjoni li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 tirriżulta mir-raba’ inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

    76

    Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, li saret fil-punti 289 u 301 tal-imsemmija sentenza, li meta Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ddefiniti b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ jkun jaf il-portata eżatta ta’ tali dritt u jkun jista’ jiġi evalwat jekk tali modalitajiet humiex kompatibbli, b’mod partikolari, mad-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

    77

    Mill-punt 297 tal-istess sentenza jirriżulta li, skont l-Ungerija, il-kundizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jikkonsistu fil-ħtieġa li l-persuna kkonċernata tikkonforma ruħha mal-istatus ta’ applikant iddefinit mil-liġi u tosserva, barra minn hekk, l-obbligu impost fuqha, jekk ikun il-każ, li tirrisjedi f’post speċifiku.

    78

    Minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 298 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, l-Ungerija ma tidentifikax dispożizzjoni tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil li tipprovdi preċiżament li d-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru huwa suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjoni ta’ residenza.

    79

    Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 300 ta’ dik is-sentenza, il-kundizzjoni li timponi l-osservanza tal-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ddefinit mil-liġi u li għaliha, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Ungerija stess, id-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, hija wkoll suġġetta, tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet u tirreferi għal kundizzjonijiet oħra li ma ġewx identifikati minn dan l-Istat Membru.

    80

    Għalhekk, l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 teżiġi, fir-rigward tar-reat inkwistjoni, emendi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, indipendentement miċ-ċirkustanza invokata mill-Ungerija, li tgħid li, fil-prattika, l-awtoritajiet Ungeriżi ma jwettqux tkeċċija sakemm id-deċiżjoni tal-awtoritajiet li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil tkun saret definittiva.

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sempliċi prassi amministrattiva, li min-natura tagħha tista’ tinbidel skont id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni u li ma tgawdix minn pubbliċità adegwata, ma tistax titqies li tikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑151/12, EU:C:2013:690, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    Issa, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri fid-9 ta’ Awwissu 2021, l-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil kien għadu fis-seħħ mingħajr ma ġie emendat, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Ungerija.

    83

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

    Fuq is‑sanzjonijiet pekunjarji

    L‑argumenti tal‑partijiet

    84

    Peress li qieset li l-Ungerija għadha ma kkonformatx ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil dan l-Istat Membru jħallas somma f’daqqa ta’ EUR 5 468.45 immultiplikata bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew bejn id-data tal-għoti ta’ dik is-sentenza u, jew id-data ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza mill-Ungerija, jew id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, jekk din id-data tal-aħħar tiġi qabel id-data ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija tal-2020, filwaqt li huwa mifhum li s-somma f’daqqa minima għandha tkun ta’ EUR 1044000.

    85

    Din l-istituzzjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Ungerija tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 16 393.16 għal kull ġurnata mid-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża sad-data ta’ eżekuzzjoni mill-Ungerija tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020.

    86

    B’riferiment għall-Komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658, tat-12 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE]”, kif aġġornata b’mod partikolari permezz tal-Komunikazzjoni tagħha, tat-13 ta’ April 2021, intitolata “Aġġustament tal-kalkolu għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa u ta’ penali proposti mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, wara l-ħruġ tar-Renju Unit” (ĠU 2021, C 129, p. 1), il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza jiġi ddeterminat billi ammont bażiku uniformi ta’ EUR 895 jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent tal-gravità. Ir-riżultat miksub huwa mmultiplikat b’fattur “n”, li jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, u bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imsemmi fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, l-ammont bażiku b’rata fissa huwa ffissat għal ammont ta’ EUR 2683 kuljum u għandu jiġi mmultiplikat b’dan il-koeffiċjent ta’ gravità, b’koeffiċjent ta’ tul u b’dan il-fattur “n”.

    87

    Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika koeffiċjent ta’ gravità ta’ 13, fuq skala ta’ minn 1 sa 20.

    88

    Skont din l-istituzzjoni, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li kienu s-suġġett tal-ksur inkwistjoni hija għolja. Minn naħa, l-Artikoli 6 u 46 tad-Direttiva 2013/32 huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni dwar l-Istatut tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, no 2545 (1954)) u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967, kif ukoll bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari d-dritt tal-ażil, l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement u d-dritt għal rimedju effettiv. Min-naħa l-oħra, il-ksur relatat mat-tneħħija illegali jaffettwa diversi dispożizzjonijiet fundamentali tad-Direttiva 2008/115.

    89

    In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 għandha effetti sinjifikattivi fuq l-interess pubbliku u fuq interessi partikolari. Minn naħa, il-Kummissjoni tindika li bdiet, sa mis-sena 2015, seba’ proċeduri ta’ ksur fil-konfront tal-Ungerija fil-qasam tal-ażil, fosthom erbgħa mibgħuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. In-nuqqas ta’ osservanza persistenti tad-dritt tal-Unjoni jista’ joħloq preċedent għal Stati Membri oħra u jippreġudika s-sistema Ewropea komuni tal-ażil, billi jittrasferixxi r-responsabbiltà tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali lil Stati Membri oħra u billi jsaħħaħ it-traffikar illegali tal-bnedmin. Min-naħa l-oħra, il-ksur inkwistjoni għandu effett serju fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    90

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidentifika ċirkustanzi aggravanti. L-Ungerija ma kkooperatx ma’ din l-istituzzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, peress li hija ma indikat ebda emenda jew tħassir tad-dispożizzjonijiet meqjusa kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-ksur ripetut tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil, il-ksur manifest tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u r-rifjut espliċitu ta’ konformità ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkostitwixxu fatturi aggravanti estremament serji.

    91

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, din l-istituzzjoni tipproponi li jiġi applikat koeffiċjent ta’ tul ta’ 1 fuq skala minn 1 sa 3, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu ta’ għaxar xhur li għadda bejn id-data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija u dik li fiha din l-istituzzjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri t-12 ta’ Novembru 2021.

    92

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fattur “n”, anke jekk tieħu nota tat-tagħlim tas-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36), li minnha jirriżulta li l-prodott gross domestiku (PGD) tal-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi l-fattur predominanti, filwaqt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tiegħu ma huwiex indispensabbli, il-Kummissjoni madankollu tibbaża t-talba tagħha fuq il-parametri esposti fil-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, din l-istituzzjoni tipproponi li jiġi stabbilit, għall-Ungerija, dan il-fattur “n” għal 0.47.

    93

    L-Ungerija tqis li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għeluq taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, tal-leġiżlazzjoni Ungeriża l-ġdida fil-qasam tal-ażil, tal-pressjoni dejjem tikber tal-migrazzjoni illegali u tal-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina. B’mod partikolari, minħabba l-għeluq ta’ dawn iż-żoni ta’ tranżitu, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata l-Ungerija huwa ħafna iktar limitat minn dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, li għandha tikkostitwixxi kunsiderazzjoni fundamentali fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, minħabba l-proċedura fil-Kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, il-kwistjoni tal-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2020 mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan il-ksur.

    94

    Barra minn hekk, l-Ungerija tqis li hija ma kisritx il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-ftuħ tal-proċedura quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, ma jistax jitqies bħala ċirkustanza aggravanti. Il-Gvern Ungeriż ma għamilx l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 dipendenti fuq id-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, iżda sempliċement stenna din id-deċiżjoni. Dan il-gvern lanqas ma rrifjuta espliċitament li jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, iżda sempliċement ħa inkunsiderazzjoni, kuntrarjament għall-Kummissjoni, ċirkustanzi esterni.

    95

    Fl-aħħar nett, l-Ungerija, filwaqt li tirreferi għall-punt 55 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li hija qatt ma naqset milli teżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    96

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE huwa li Stat Membru inadempjenti jiġi imħeġġeġ jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas u, għalhekk, li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, u li l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa, għandhom it-tnejn li huma dan l-istess għan (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    97

    Għandu jitfakkar ukoll li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    – Fuq is-somma f’daqqa

    98

    Skont ġurisprudenza stabbilita l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-eventwali ammont ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan tal-aħħar jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar jekk tali sanzjoni tiġix imposta u sabiex tiddetermina, jekk ikun il-każ, l-ammont tagħha (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    99

    F’dan il-każ, l-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħalma hija l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa.

    100

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’tali mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    101

    Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm elementi bħall-gravità u t-tul tal-ksur ikkonstatat kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    102

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, dewmien tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrappreżenta fih innifsu ksur gravi tal-prinċipju ta’ legalità u tal-awtorità ta’ res judicata f’Unjoni bbażata fuq l-Istat tad-dritt.

    103

    F’dan ir-rigward, minkejja l-għeluq taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, l-Ungerija ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 fir-rigward ta’ diversi elementi essenzjali ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, it-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment u d-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju Ungeriż sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u, jekk dan id-dritt ġie eżerċitat fit-terminu previst, fl-istennija tal-eżitu tar-rikors.

    104

    F’dan il-kuntest, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza.

    105

    L-ewwel nett, l-osservanza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 hija neċessarja sabiex tiġi żgurata, konformement mad-dritt għall-ażil irrikonoxxut fl-Artikolu 18 tal-Karta, l-effettività tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, tal-politika komuni fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja kollha kemm hi.

    106

    Fil-fatt, il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni fundamentali jipprekludi sistematikament kull aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li jirrendi impossibbli, fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, l-applikazzjoni ta’ din il-politika kollha, kif stabbilita fl-Artikolu 78 TFUE.

    107

    Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li Stat Membru jevita deliberatament l-applikazzjoni ta’ politika komuni fl-intier tagħha jikkostitwixxi ksur mingħajr preċedent u eċċezzjonalment gravi tad-dritt tal-Unjoni, li jirrappreżenta theddida sinjifikattiva għall-unità ta’ dan id-dritt u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri, imfakkar fl-Artikolu 4(2) TUE.

    108

    Fir-rigward tal-każ partikolari tal-politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, tali ksur jippreġudika b’mod partikolarment serju kemm l-interess pubbliku kif ukoll l-interessi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat li jixtiequ japplikaw għal protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, il-fatt li tiġi evitata sistematikament il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jċaħħad mill-effetti essenzjali tagħha, sa fejn huwa kkonċernat l-Istat Membru kkonċernat, il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, li l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha u li tikkostitwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-impossibbiltà, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew għall-persuni mingħajr Stat, li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntiera Ungeriża ċċaħħad lil dawn il-persuni mit-tgawdija effettiva tad-dritt tagħhom, kif iggarantit fl-Artikolu 18 tal-Karta, li jitolbu l-ażil mingħand l-Ungerija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023, punt 52).

    109

    It-tieni nett, l-osservanza tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 hija, min-naħa tagħha, indispensabbli sabiex tiġi żgurata, fir-rigward tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, l-effettività tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u affermat issa fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 59).

    110

    It-tielet nett, l-Artikoli 5, 6, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu garanziji fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija u tkeċċija, stabbilit fl-Artikolu 19 tal-Karta, għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    111

    Issa, billi jippermetti, mingħajr osservanza ta’ dawn il-garanziji, it-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom li huma ssuspettati li wettqu reat, Stat Membru jikser ir-rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw il-proċeduri applikabbli għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, kwistjoni li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 79(2)(c) TFUE, komponent primordjali tal-politika komuni tal-immigrazzjoni.

    112

    Barra minn hekk, il-fatt li kawża tirrigwarda n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tirrigwarda prattika ta’ natura ġenerali u persistenti għandu t-tendenza li jsaħħaħ il-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 100).

    113

    Issa, għandu jiġi rrilevat li, billi naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, l-Ungerija tevita, b’mod sistematiku u deliberat, l-applikazzjoni tal-politika komuni fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja, kif ukoll mir-regoli dwar, fil-kuntest tal-politika komuni tal-immigrazzjoni, ir-ritorn ta’ persuni li jirrisjedu irregolarment, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni ta’ gravità eċċezzjonali.

    114

    Għandu jingħad ukoll li l-aġir tal-Ungerija għandu b’mod partikolari l-effett li jittrasferixxi lill-Istati Membri l-oħra r-responsabbiltà tagħha, inkluż fuq il-livell finanzjarju, li tiżgura l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, li teżamina l-applikazzjonijiet skont il-proċeduri għall-għoti u għall-irtirar ta’ din il-protezzjoni, kif ukoll li tiggarantixxi modalitajiet ta’ ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    115

    Tali aġir jippreġudika serjament il-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, inkluż fuq il-livell finanzjarju, li jirregola, skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politika komuni fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja kif ukoll il-politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    116

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ solidarjetà jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u jagħmel parti mill-valuri, komuni għall-Istati Membri, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    117

    Il-fatt, għal Stat Membru, li jikser unilateralment il-bilanċ bejn il-vantaġġi u l-oneri li jirriżultaw mis-sħubija tiegħu fl-Unjoni, jikkontesta mill-ġdid l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem id-dritt tal-Unjoni. Dan in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmirijiet ta’ solidarjetà aċċettati mill-Istati Membri minħabba l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni jaffettwa sal-bażijiet essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 128/78, EU:C:1979:32, punt 12).

    118

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 taffettwa b’mod straordinarjament gravi kemm l-interess pubbliku kif ukoll l-interessi privati, b’mod partikolari dawk taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni mingħajr Stat li jixtiequ jitolbu l-protezzjoni internazzjonali.

    119

    Ċertament, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Ungerija, qabel, ma kienet is-suġġett ta’ ebda proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    120

    Madankollu, minbarra l-gravità eċċezzjonali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkostanza aggravanti, ir-repetizzjoni tal-aġir ta’ ksur ta’ dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 103], li tat lok għal diversi kundanni oħra fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija vs Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokalizzazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, u tas-16 ta’ Novembru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Inkriminazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023).

    121

    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Gvern Ungeriż indika li kien iġġustifikat li jistenna, qabel l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, it-tmiem tal-proċedura, imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, li huwa kien beda quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), u d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

    122

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija b’mod partikolari neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    Barra minn hekk, wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, l-Ungerija, minflok ma żgurat l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ din is-sentenza, estendiet l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2020, li kienu wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, kif ġie deċiż fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2023.

    124

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġir tal-Ungerija juri li dan l-Istat Membru ma aġixxiex f’konformità mal-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali sabiex jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, li jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 120).

    125

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-movimenti migratorji tal-aħħar snin, u b’mod partikolari dawk li segwew l-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina, ma jistgħux jitqiesu, f’dan il-każ, bħala ċirkustanza attenwanti peress li l-Ungerija ma stabbilixxietx, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha jew matul is-seduta, fiex hija kienet prekluża, minħabba dawn il-movimenti migratorji, milli tadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020.

    126

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur inkwistjoni, għandu jitfakkar li dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    127

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fil-konfront tal-konvenut baqax għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu evalwati l-miżuri li, skont din il-parti, kienu ġew adottati wara t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    128

    Issa, l-Ungerija ma indikat ebda miżura, adottata bejn id-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu u t-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, li tista’ tikkontesta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 83 ta’ din is-sentenza. Hija indikat, waqt is-seduta, li ma kien hemm ebda bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti sa mit-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.

    129

    Għaldaqstant, huwa stabbilit li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti iktar minn tliet snin wara d-data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, li jikkostitwixxi tul kunsiderevoli.

    130

    Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 260(1) TFUE ma jippreċiżax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    131

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-PDG ta’ dan tal-aħħar bħala fattur predominanti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ dan l-Istat Membru, kif din tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    132

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u b’mod partikolari tal-gravità eċċezzjonali tal-ksur inkwistjoni u tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni leali tal-Ungerija sabiex dan jintemm, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija xierqa l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 200000000.

    133

    Konsegwentement, l-Ungerija għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 200000000.

    – Fuq il-pagamenti ta’ penalità

    134

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    135

    L-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    136

    F’dan il-każ, kif huwa stabbilit fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata l-Ungerija jibqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    137

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tar-Rumanija għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex dan l-Istat Membru jiġi imħeġġeġ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    138

    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu stabbiliti skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru kkonċernat jibdel l-aġir tiegħu u jtemm l-aġir inkriminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    139

    Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    140

    Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-istess pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tiffissa l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tħeġġeġ lill-Istat Membru kkonċernat itemm in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    141

    Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jitqiesu, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    142

    F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 102 sa 131 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija xierqa l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 900000 kuljum f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6 u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ ammont ta’ EUR 100000 kuljum f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 5, 6, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115.

    143

    Għalhekk, l-Ungerija għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 900000 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-eżekuzzjoni sħiħa tal-ewwel sentenza sa fejn tikkonċerna l-Artikolu 6 u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32. L-Ungerija għandha tiġi kkundannata wkoll tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 100000 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tal-2020, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sal-eżekuzzjoni sħiħa tal-ewwel sentenza sa fejn tikkonċerna l-Artikoli 5, 6, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115.

    Fuq l‑ispejjeż

    144

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

     

    2)

    L-Ungerija hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 200000000.

     

    3)

    L-Ungerija hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 900000 għal kull ġurnata mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029), għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6 u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

     

    4)

    L-Ungerija hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 100000 għal kull ġurnata mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data tal-implimentazzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029), sa fejn tikkonċerna l-Artikoli 5, 6, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

     

    5)

    L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top