EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0113

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023.
DX vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Artikolu 6 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni biss għan-nisa – Sentenza għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess – Prattika amministrattiva li tikkonsisti fit-tkomplija tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni minkejja dik is-sentenza – Diskriminazzjoni distinta – Kumpens pekunjarju – Rimbors tal-ispejjeż relatati mal-ispejjeż u mal-onorarji tal-avukat.
Kawża C-113/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:665

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

14 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Artikolu 6 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni biss għan-nisa – Sentenza għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess – Prattika amministrattiva li tikkonsisti fit-tkomplija tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni minkejja dik is-sentenza – Diskriminazzjoni distinta – Kumpens pekunjarju – Rimbors tal-ispejjeż relatati mal-ispejjeż u mal-onorarji tal-avukat”

Fil-Kawża C‑113/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

DX

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DX, minn J. de Cominges Cáceres, abogado,

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn P. García Perea u P. Madrid Yagüe, bħala letradas,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DX, missier ta’ żewġ ulied, mal-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) u mat-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżorerija Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) dwar ir-rifjut ta’ dan l-istitut li jagħtih suppliment għall-pensjoni li kienu jibbenefikaw minnha, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, biss in-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/7 jistabbilixxi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tgħodd għall-populazzjoni li taħdem – inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, disgrazzja jew qgħad involontarju u persuni li qed ifittxu x-xoghol – lill-ħaddiema irtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

(a)

l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

mard,

invalidità,

anzjanità,

disgrazzji fuq ix-xogħol u mard li ġej mix-xogħol,

qgħad;

[…]”

6

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

7

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/7:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li huma kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew.”

8

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħieġa biex jippermettu lill-persuni kollha li jqisu lilhom infushom ittrattati ħażin minħabba xi nuqqas li jiġi applikat il-prinċipju tat-trattament ugwali biex ifittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju, possibilment wara li jkunu rrikorrew lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra.”

Id‑dritt Spanjol

9

Skont l-Artikolu 53 tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha, kif approvata permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 8/2015), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291) (iktar ’il quddiem il-“LGSS”):

“1.   Id-dritt għar-rikonoxximent tal-benefiċċji jiġi preskritt b’ħames snin mill-jum ta’ wara d-data tal-fatt li jagħti dritt għall-benefiċċju inkwistjoni, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din il-liġi u mill-fatt li l-effetti ta’ dan ir-rikonoxximent jibdew jiddekorru tliet xhur qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni korrispondenti.

Jekk il-kontenut ekonomiku tas-servizzi diġà rrikonoxxuti huwa affettwat wara talbiet għal reviżjoni tagħhom, l-effetti finanzjarji li jirriżultaw mill-ammont il-ġdid għandhom retroattività massima ta’ tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Din ir-regola dwar ir-retroattività massima ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ korrezzjoni ta’ żbalji materjali, fattwali jew aritmetiċi […]”

10

Intitolat “Suppliment għall-maternità fil-pensjonijiet kontributorji tas-sistema tas-sigurtà soċjali”, l-Artikolu 60(1) tal-LGSS, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“Fid-dawl tal-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali, għandu jingħata suppliment għall-pensjoni lin-nisa li kellhom ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ rtirar, ta’ rmulija jew ta’ invalidità permanenti skont kwalunkwe sistema ta’ sigurtà soċjali.

Din iż-żieda, li għall-finijiet kollha għandu jkollha n-natura legali ta’ pensjoni tal-Istat kontributorja, tirriżulta mill-applikazzjoni għall-ammont inizjali tal-imsemmija pensjonijiet ta’ perċentwali speċifiku skont in-numru ta’ wlied, skont l-iskala li ġejja:

(a)

fil-każ ta’ żewġ ulied: 5 %.

[…]”

11

L-Artikolu 10 tal-Ley Orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (il-Liġi Organika 3/2007 għall-Ugwaljanza Effettiva Bejn in-Nisa u l-Irġiel), tat‑22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat‑23 ta’ Marzu 2007, p. 12611), jiddisponi:

“L-atti […] li jikkostitwixxu jew iwasslu għad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess huma kkunsidrati bħala nulli u mingħajr effett, u joħolqu r-responsabbiltà [tal-awtur tagħhom] permezz ta’ sistema ta’ riparazzjonijiet jew kumpensi reali, effettivi u proporzjonati fir-rigward tad-dannu sostnut, kif ukoll, jekk ikun il-każ, minn sistema effikaċi u dissważiva ta’ sanzjonijiet li jipprevjenu l-implimentazzjoni ta’ aġir diskriminatorju.”

12

L-Artikolu 183 tal-Ley 36/2011, reguladora de la jurisdicción social (il-Liġi 36/2011 li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura tal-Qrati Industrijali), tal‑10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245, tal‑11 ta’ Ottubru 2011, p. 106584) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 36/2011”), jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Meta s-sentenza tiddikjara l-eżistenza ta’ ksur, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ danni dovuti, jekk ikun il-każ, lir-rikorrent li jkun ġarrab id-diskriminazzjoni jew xi ksur ieħor tad-drittijiet fundamentali tiegħu u tal-libertajiet pubbliċi tiegħu, kemm għad-dannu morali marbut mal-ksur tad-dritt fundamentali kif ukoll għad-dannu addizzjonali li jirriżulta.

2.   Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ danni, u għandha tiddeterminahom b’mod prudenzjali meta jidher li jkun wisq diffiċli jew oneruż biex jiġi stabbilit l-ammont eżatt, sabiex il-vittma tingħata kumpens suffiċjenti u sabiex hija tiġi stabbilita mill-ġdid, sa fejn ikun possibbli, fis-sitwazzjoni li kienet fiha qabel il-ksur, kif ukoll biex isir kontribut għall-għan tal-prevenzjoni tad-dannu.”

13

Il-Criterio de Gestión 1/2020 (ir-Regola ta’ Ġestjoni 1/2020), tal‑31 ta’ Jannar 2020, adottat mis-Subdirección General de Ordenación y Asistencia Jurídica (is-Subdirettorat Ġenerali għall-Ġestjoni u għall-Assistenza Legali) tal-INSS (iktar ’il quddiem ir-“Regola ta’ Ġestjoni 1/2020”), kienet ifformulata kif ġej:

“Sakemm ma tkunx saret l-emenda leġiżlattiva neċessarja sabiex l-Artikolu 60 tal-LGSS jiġi adattat għas-sentenza [tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075)] […], il-linji gwida li ġejjin dwar l-azzjoni ta’ dan l-organu ta’ ġestjoni huma stabbiliti:

1.

Is-suppliment previst għall-pensjonijiet ta’ invalidità permanenti, ta’ rtirar u ta’ rmulija, irregolat mill-Artikolu 60 tal-LGSS, jibqa’ jingħata biss lin-nisa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi artikolu, kif kien il-każ sa issa, sakemm ma tkunx seħħet l-emenda legali adegwata tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq.

2.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti għandhom loġikament jiġu interpretati bla ħsara għall-obbligu ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi mogħtija mill-qrati li jirrikonoxxu s-suppliment għall-pensjoni ċċitat iktar ’il fuq għall-irġiel […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

DX, missier ta’ żewġ ulied, ingħata mill-INSS benefiċċju tal-invalidità permanenti assolut, li daħal fis-seħħ fl‑10 ta’ Novembru 2018, fuq bażi ta’ kalkolu ta’ ammont ta’ EUR 1 972.87. Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva relatata, huwa la talab espressament u lanqas ma ġie rrikonoxxut lilu ex officio d-dritt għas-suppliment għall-pensjoni msejjaħ “tal-maternità” (iktar ’il quddiem is-“suppliment għall-pensjoni inkwistjoni”) għall-pensjonijiet tal-irtirar, tal-invalidità permanenti jew tar-romol, previst fl-Artikolu 60(1) tal-LGSS.

15

Billi bbaża ruħu fuq is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C-450/18, EU:C:2019:1075), li minnha jirriżulta li d-Direttiva 79/7 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 60 tal-LGSS, li tirriżerva l-għoti tal-imsemmi suppliment għan-nisa biss, DX ippreżenta, quddiem l-INSS, fl‑10 ta’ Novembru 2020, talba għar-rikonoxximent tad-dritt tiegħu għall-istess suppliment, sa 5 % tal-benefiċċju tal-invalidità permanenti li huwa kien jirċievi.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”), l-INSS ċaħad din it-talba.

17

Wara din id-deċiżjoni, DX ippreżenta rikors kontrih quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de Vigo (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Vigo, Spanja) li, permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Frar 2021, billi rreferiet għas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni għall-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075), irrikonoxxiet id-dritt ta’ DX għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, filwaqt li ċaħdet it-talba għal kumpens li dan kien ressaq b’mod parallel. Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Marzu 2021, din il-qorti stabbilixxiet l-effetti finanzjarji ta’ dan is-suppliment fis-sens li DX kellu dritt għalih mill‑10 ta’ Awwissu 2020, li jinkludi, għaldaqstant, il-ħlas tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni li jikkorrispondi għat-tliet xhur qabel it-talba tiegħu mressqa fl‑10 ta’ Novembru 2020.

18

DX u l-INSS appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja).

19

Għalkemm l-INSS huwa tal-opinjoni li, konformement mal-prinċipju ta’ legalità, DX ma għandux dritt għas-suppliment mitlub skont l-Artikolu 60 tal-LGSS, dan jitlob, min-naħa tiegħu, li d-dritt għal dan is-suppliment jiġi rrikonoxxut lilu mid-data li fiha kellu aċċess għall-pensjoni tiegħu, jiġifieri mill‑10 ta’ Novembru 2018, minħabba li, kieku kien mara, huwa kien jiġi informat b’dan id-dritt sa minn din id-data. Għall-istess raġuni, huwa jitlob kumpens għal danni u dissważiv għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, għandha importanza fundamentali l-kwistjoni dwar jekk, hekk kif hija tikkunsidraha, il-prattika tal-INSS esposta u ppubblikata fir-Regola ta’ Ġestjoni 1/2020, li tikkonsisti fir-rifjut sistematiku li jingħata lill-irġiel is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni u li tobbliga lil dawn tal-aħħar li jitolbuh quddiem qorti, għandha titqies, fid-dawl tad-Direttiva 79/7, bħala diskriminazzjoni distinta mid-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 60 tal-LGSS, kif enfasizzat fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075).

21

Fil-fatt, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2021, imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, hija bbażata fuq il-premessa li d-deċiżjoni ta’ ċaħda, filwaqt li hija diskriminatorja, kienet madankollu konformi mal-liġi nazzjonali, li hija l-unika li tat lok għad-diskriminazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li n-natura diskriminatorja taċ-ċaħda inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tagħti lok għal kumpens mill-INSS.

22

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tikkostitwixxi diskriminazzjoni distinta minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 60 tal-LGSS, liema hija d-data li minnha għandha tingħata lill-persuna kkonċernata s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, u b’mod partikolari jekk dan l-għoti għandux ikun retroattiv u jibda jiddekorri mid-data tal-fatt li jagħti lok għall-pensjoni tal-invalidità li għaliha jirreferi dan is-suppliment.

23

Fl-aħħar nett, din il-qorti tistaqsi, l-ewwel, jekk, sabiex jiġi kkumpensat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jikkostitwixxi d-deċiżjoni ta’ ċaħda, huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li l-persuna kkonċernata tingħata b’mod retroattiv is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni mingħajr ma jkun neċessarju l-ħlas ta’ kumpens supplimentari, jew inkella, għall-kuntrarju, jekk għandux jingħata tali kumpens sabiex, minn naħa, jiġi kkumpensat id-dannu materjali u morali sostnut u, min-naħa l-oħra, sabiex tali ksur jiġi dissważ.

24

It-tieni, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fi kwalunkwe każ, huwiex xieraq, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, li l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat sostnuti fil-kuntest tal-proċedura mibdija quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de Vigo (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Vigo) u quddiemha jiġu inklużi bħala element tal-kumpens imħallas għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, bis-saħħa tad-dritt intern, l-INSS ma jistax jiġi kkundannat iħallas l-ammonti relatati ma’ dawn l-ispejjeż u onorarji, sa fejn il-proċeduri mibdija skont id-dritt tax-xogħol huma bla ħlas għall-partijiet kollha fil-kawża.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prattika tal-entità ġestjonarja stabbilita [fir-Regola ta’ Ġestjoni 1/2020] li jiġi sistematikament irrifjutat lill-irġiel is-suppliment [għall-pensjoni inkwistjoni] u li dawn ikunu obbligati jitolbuh b’mod ġudizzjarju, hekk kif kien il-każ għar-rikorrent fil-kawża preżenti, għandha titqies, konformement mad-Direttiva [79/7], bħala ksur amministrattiv ta’ din id-direttiva differenti mill-ksur leġiżlattiv ikkonstatat fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2019, fil-kawża Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/2018[, EU:C:2019:1075]) b’mod li, meqjus fih innifsu, dan il-ksur amministrattiv jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jimplika l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kemm diretta kif ukoll indiretta, u li, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ineħħu d-dispożizzjonijiet kemm leġiżlattivi kif ukoll amministrattivi li jkunu kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament?

2)

Fid-dawl tar-risposta għad-domanda preċedenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva 79/7 (b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tagħha, u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni), id-data effettiva tar-rikonoxximent ġuridiku tas-suppliment għanda tkun dik tat-talba (b’effett retroattiv ta’ 3 xhur), jew din id-data effettiva għandha tmur lura għad-data li fiha ngħatat jew ġiet ippubblikata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/2018, EU:C:2019:1075), jew għal dik tal-fatt li ta lok għall-allowance tal-[invalidità] permanenti relatata mas-suppliment [għall-pensjoni inkwistjoni]?

3)

Fid-dawl tar-risposta għad-domandi preċedenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-direttiva applikabbli (b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tagħha, u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni), għandu jingħata kumpens bħala kumpens għad-danni, u b’effett dissważiv, minħabba li dawn ma humiex koperti mid-determinazzjoni tad-data effettiva tar-rikonoxximent ġudizzjarju tas-suppliment, u fi kwalunkwe każ, l-ammont tal-ispejjeż ġudizzjarji u l-onorarji tal-avukat quddiem il-Juzgado de lo Social (il-Qorti Industrijali) u quddiem din is-Sala de lo Social (l-Awla Industrijali) għandu jiġi inkluż bħala element tal-kumpens?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Awwissu 2022, il-qorti tar-rinviju rtirat it-tieni domanda preliminari tagħha, billi spjegat li, mid-data tat-tressiq tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kienet, permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2022, iddeċidiet il-kwistjoni dwar id-data tal-għoti tas-supplimenti għall-maternità lill-ħaddiema ta’ sess maskili, billi ddeċidiet li din id-data hija dik tal-aċċess għall-pensjoni li għaliha jirreferu dawn is-supplimenti.

27

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ewwel u t-tielet domanda huma dejjem rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali, filwaqt li tindika li hija żżomm l-ewwel domanda biss sa fejn, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà u l‑eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni

28

L-INSS isostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli, sa fejn diġà ngħatat risposta għaliha minħabba l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet ġodda intiżi sabiex il-prattika ta’ din l-awtorità amministrattiva tiġi adattata għall-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza. Il-Gvern Spanjol huwa wkoll tal-opinjoni li din id-domanda hija inammissibbli, peress li tqis li din ma għandhiex bħala għan l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda hija intiża biss sabiex tiġi mistħarrġa l-azzjoni ta’ korp amministrattiv nazzjonali fid-dawl ta’ dan id-dritt.

29

Barra minn hekk, l-INSS isostni li t-tielet domanda hija inammissibbli, minħabba li, f’diversi sentenzi mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fir-rigward tas-supplimenti għall-maternità, huwa ma ġiex ikkundannat għall-ispejjeż, peress li din il-qorti qieset li l-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi qajmu dubji legali. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol iqis li din il-kwistjoni tilfet l-iskop tagħha, peress li l-għoti retroattiv tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni kif irrikonoxxut mill-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza jimplika restitutio in integrum, li jirrendi superfluwu kwalunkwe kumpens supplimentari.

30

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-proċeduri fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 50).

31

Minn dan isegwi li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor Din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 116).

32

Fir-rigward tal-ewwel domanda, minn naħa, din tirrigwarda l-evalwazzjoni, fid-dawl tad-Direttiva 79/7, tal-prattika amministrattiva stabbilita fir-Regola ta’ Ġestjoni 1/2020. Kien billi segwa din il-prattika li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-INSS adotta d-deċiżjoni ta’ ċaħda li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. L-allegazzjoni tal-INSS li din il-prattika issa ġiet emendata ma tistax għalhekk twassal għall-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ din id-domanda.

33

Min-naħa l-oħra, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-formulazzjoni stess tal-ewwel domanda jirriżulta li din il-qorti tixtieq tikseb interpretazzjoni tad-Direttiva 79/7, u b’mod partikolari tal-Artikoli 5 u 6 tagħha, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, l-imsemmija qorti ma tistedinx lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq hija stess tali evalwazzjoni.

34

Fir-rigward tat-tielet domanda, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mid-Direttiva 79/7 għandux jiġi dedott obbligu, għaliha, li tikkundanna lill-INSS iħallas lir-rikorrent fil-kawża prinċipali kumpens dissważiv, li jinkludi, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-avukat sostnuti minnu fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li d-dritt intern ma jipprevedix, f’dan il-każ, il-possibbiltà ta’ kundanna għall-ispejjeż u għall-onorarji tal-avukat, peress li l-qorti tar-rinviju barra minn hekk enfasizzat li hija preċiżament l-assenza ta’ din il-possibbiltà li wasslitha sabiex tagħmel it-tielet domanda.

35

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għan tat-tielet domanda kif għadu kif ġie mfakkar, ma jistax jiġi aċċettat l-argument imressaq mill-Gvern Spanjol li din id-domanda tilfet l-iskop tagħha. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf preċiżament jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-fatt li tiġi ffissata retroattivament id-data tal-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni huwiex biżżejjed, kif jallega dan il-gvern, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, peress li dan l-aspett jaqa’ għalhekk taħt il-mertu tal-imsemmija domanda.

36

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-ewwel u t-tielet domanda huma ammissibbli, u, min-naħa l-oħra, li xejn ma jindika li ma għadx hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq il‑mertu

37

Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 79/7, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta talba għall-għoti ta’ suppliment għall-pensjoni, imressqa minn affiljat raġel, tkun ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti ta’ dan is-suppliment għall-affiljati nisa, filwaqt li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 79/7 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza għal deċiżjoni preliminari mogħtija qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali talba, il-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, għandha tordna lil din l-awtorità mhux biss li tagħti lill-persuna kkonċernata s-suppliment għall-pensjoni mitlub, iżda wkoll li tħallasha d-danni li għandhom effett dissważiv kif ukoll li tirrimborsaha, f’dan ir-rigward, l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat li hija sostniet quddiem qorti, fil-każ fejn din id-deċiżjoni ġiet adottata b’mod konformi ma’ prattika amministrattiva li tikkonsisti f’li tkompli tapplika l-imsemmija leġiżlazzjoni minkejja dik is-sentenza, u b’hekk tobbliga lill-persuna kkonċernata tinvoka quddiem il-qrati d-dritt tagħha għall-imsemmi suppliment.

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 39, 41, 66 u 67 tas-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075), li d-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni għan-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ invalidità permanenti skont skema tas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma għandhomx id-dritt għal tali suppliment għall-pensjoni, inkwantu tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

39

Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet adottata skont l-istess dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, jiġifieri l-Artikolu 60(1) tal-LGSS. Għaldaqstant, din il-qorti ma għandha l-ebda dubju dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, minn tali dispożizzjoni nazzjonali.

40

Min-naħa l-oħra, l-ewwel u t-tielet domanda huma bbażati fuq il-premessa li, fid-dawl tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għandha, fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi l-kawża prinċipali fis-sens li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu, tal-inqas, jirrikonoxxi d-dritt għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, u dan b’effett retroattiv mid-data li fiha daħal għall-pensjoni tal-invalidità permanenti tiegħu.

41

Din il-premessa tidher li hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma ġewx adottati, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ biss tiġi żgurata permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata. F’tali ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha tiċħad kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma hija għandha titlob jew tistenna l-eliminazzjoni tagħha minn qabel mil-leġiżlatur, u tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema li minnha jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 39, u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova,C‑406/15, EU:C:2017:198, punti 6667 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, tali obbligu jaqa’ mhux biss fuq il-qrati nazzjonali, iżda wkoll fuq il-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali inkarigati mill-applikazzjoni ta’ tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania,C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’dan ippreċiżat, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li deċiżjoni individwali adottata b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, bħad-deċiżjoni ta’ ċaħda adottata bis-saħħa tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS, hija diskriminatorja bħal tali leġiżlazzjoni, meta din id-deċiżjoni tirriproduċi, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, l-elementi diskriminatorji tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

44

Adita b’rikors kontra tali deċiżjoni, il-qorti nazzjonali hija għalhekk, bħala prinċipju, marbuta li tieħu l-miżura mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament.

45

Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ma tapplikax biss leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-Direttiva 79/7, iżda ġiet adottata wkoll konformement ma’ prattika amministrattiva, riprodotta mir-Regola ta’ Ġestjoni 1/2020, li ġiet ippubblikata wara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075). Bis-saħħa ta’ din ir-regola, l-awtorità kompetenti f’dan il-qasam, jiġifieri l-INSS, tkompli, fl-istennija tal-adattament tal-Artikolu 60 tal-LGSS għal din is-sentenza, tagħti s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni biss lin-nisa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-obbligu li jiġu eżegwiti d-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li jirrikonoxxu lill-irġiel il-benefiċċju tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ppreċiżat li deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti lill-irġiel tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, adottata konformement ma’ tali prattika amministrattiva li, barra minn hekk, ġiet ifformalizzata f’regola amministrattiva ppubblikata tista’ twassal, għall-affiljati rġiel, indipendentement mid-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li tirriżulta mill-kundizzjonijiet materjali previsti fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-kundizzjonijiet proċedurali li jirregolaw l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

47

Fil-fatt, anki jekk din il-prattika ma teskludix li t-trattament ugwali jkun, b’mod definittiv, stabbilit mill-ġdid permezz tal-għoti, lill-irġiel, tal-imsemmi suppliment, fil-każ fejn deċiżjoni ġudizzjarja tipprevedi tali għoti, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija prattika timplika għall-irġiel biss in-neċessità li jinvokaw id-dritt tagħhom għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni b’mod ġudizzjarju, li, b’mod partikolari, jesponihom għal terminu itwal għall-kisba ta’ dan is-suppliment kif ukoll, jekk ikun il-każ, għal spejjeż supplimentari.

48

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/7, l-Istati Membri għandhom jintroduċu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom il-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lil kull persuna li tħossha leża minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tinvoka d-drittijiet tagħha permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja wara, eventwalment, ir-rikors għal korpi kompetenti oħra.

49

Tali obbligu jimplika li l-miżuri inkwistjoni jkunu suffiċjentement effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 79/7 li jikkonsisti fil-kisba ta’ ugwaljanza ta’ opportunitajiet effettiva, b’tali mod li dawn għandhom ikunu xierqa sabiex jistabbilixxu mill-ġdid din l-ugwaljanza, jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi u jkollhom, fir-rigward tal-organu li jkun wettaq id-diskriminazzjoni, effett dissważiv reali (ara, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u b’mod partikolari dawk relatati mat-tkeċċija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall,C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 2224, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho,C‑407/14, EU:C:2015:831, punti 2931).

50

F’dan ir-rigward, meta, fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikkonċernat, il-kumpens pekunjarju jkun il-miżura adottata sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza effettiva tal-opportunitajiet, dan għandu jkun adegwat fis-sens li għandu jippermetti li d-danni effettivament subiti minħabba d-diskriminazzjoni jiġu kkumpensati b’mod sħiħ, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall,C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 2526, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho,C‑407/14, EU:C:2015:831, punti 3233).

51

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-ħlas, lill-parti leża, ta’ danni li jkopru b’mod sħiħ id-dannu subit minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Istati Membri, jista’ jiżgura kumpens effettiv jew riparazzjoni effettiva ta’ tali dannu b’mod dissważiv u proporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho,C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 37).

52

Issa, l-ewwel, fil-preżenza ta’ deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li twassal għal diskriminazzjoni marbuta mal-kundizzjonijiet materjali tal-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni kif ukoll diskriminazzjoni marbuta mal-kundizzjonijiet proċedurali li jirregolaw l-istess għoti, il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni ma tistax tillimita ruħha li tieħu, għall-benefiċċju tal-affiljat raġel kkonċernat, il-miżura esposta fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li tirrikonoxxilu d-dritt għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni b’effett retroattiv.

53

Fil-fatt, għalkemm tali rikonoxximent retroattiv jippermetti, bħala prinċipju, li tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali tal-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, dan ma huwiex adatt sabiex jirrimedja d-danni li jirriżultaw, għad-detriment tal-imsemmi affiljat, min-natura diskriminatorja tal-imsemmija kundizzjonijiet proċedurali.

54

Minn dan isegwi li tali affiljat għandu jkun jista’ jibbenefika wkoll, minbarra r-rikonoxximent retroattiv tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, tal-miżura mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, jiġifieri kumpens pekunjarju adegwat fis-sens li għandu jippermetti li d-danni effettivament subiti minħabba d-diskriminazzjoni jiġu kkumpensati b’mod sħiħ, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli.

55

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Spanjol jipprevedi effettivament tali possibbiltà, sa fejn mill-Artikolu 183 tal-Liġi 36/2011 jirriżulta li l-qrati kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għandhom jagħtu danni lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid fis-sitwazzjoni tagħhom qabel id-diskriminazzjoni, kif ukoll sabiex jikkontribwixxu għall-għan ta’ prevenzjoni tad-dannu.

56

F’dan il-kuntest, it-tieni, għandu jiġi ppreċiżat li l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat, sostnuti mill-affiljat ikkonċernat sabiex jinvoka d-dritt tiegħu għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala kumpens pekunjarju, sa fejn dawn l-ispejjeż ikunu ġew ikkawżati mill-applikazzjoni fir-rigward tiegħu ta’ kundizzjonijiet proċedurali diskriminatorji li jirregolaw l-għoti ta’ dan is-suppliment.

57

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, dan il-kumpens, ibbażat fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/7, għandu jippermetti li d-danni effettivament subiti minħabba d-diskriminazzjoni jiġu kkumpensati b’mod sħiħ.

58

Għalhekk, ma jistgħux jiġu injorati l-ispejjeż li l-persuna kkonċernata kellha ssostni minħabba l-applikazzjoni, fir-rigward tagħha, ta’ kundizzjonijiet proċedurali diskriminatorji, inklużi, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat marbuta mal-proċeduri ġudizzjarji li huwa kellu jsostni sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

59

F’dan il-każ, fid-dawl tal-punt 55 ta’ din is-sentenza, jidher, bla ħsara għall-verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 183 tal-Liġi 36/2011 jippermetti lil din il-qorti tagħti lir-rikorrent fil-kawża prinċipali kumpens pekunjarju sħiħ li jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/7 u, bl-istess mod, kumpens li jkopri l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat sostnuti minnu sabiex jinvoka quddiem qorti d-dritt tiegħu għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

60

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, kif enfasizzat din il-qorti, ma huwiex possibbli għaliha, skont ir-regoli proċedurali Spanjoli fil-qasam tad-dritt industrijali li tikkundanna għall-ispejjeż lill-organu responsabbli mid-diskriminazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-kumpens li jkopri l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat ma jaqax taħt tali regoli proċedurali, iżda jagħmel parti integrali mill-kumpens sħiħ tal-persuna kkonċernata meħtieġ mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

61

Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri li għandu jiddefinixxi l-modalitajiet li bihom il-portata ta’ dan il-kumpens għandha tiġi ddeterminata, inkluża l-importanza li għandha tingħata lill-fatt li d-diskriminazzjoni kkonċernata tkun dovuta għal att deliberat tal-organu kompetenti, dawn il-modalitajiet ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza stess tal-imsemmi kumpens (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 6571).

62

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 79/7, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta talba għall-għoti ta’ suppliment għall-pensjoni, imressqa minn affiljat raġel, tkun ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti ta’ dan is-suppliment għall-affiljati nisa, filwaqt li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 79/7 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza għal deċiżjoni preliminari mogħtija qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali talba, il-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, għandha tordna lil din l-awtorità mhux biss li tagħti lill-persuna kkonċernata s-suppliment għall-pensjoni mitlub, iżda wkoll li tħallasha kumpens li jippermetti li jiġu kkumpensati kompletament id-danni li hija effettivament ġarrbet minħabba d-diskriminazzjoni, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, inklużi l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat li hija sostniet quddiem qorti, fil-każ fejn l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata b’mod konformi ma’ prattika amministrattiva li tikkonsisti f’li tkompli tapplika l-imsemmija leġiżlazzjoni minkejja dik is-sentenza, u b’hekk tobbliga lill-persuna kkonċernata tinvoka quddiem il-qrati d-dritt tagħha għall-imsemmi suppliment.

Fuq l‑ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

meta talba għall-għoti ta’ suppliment għall-pensjoni, imressqa minn affiljat raġel, tkun ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti ta’ dan is-suppliment għall-affiljati nisa, filwaqt li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 79/7 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza għal deċiżjoni preliminari mogħtija qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali talba, il-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, għandha tordna lil din l-awtorità mhux biss li tagħti lill-persuna kkonċernata s-suppliment għall-pensjoni mitlub, iżda wkoll li tħallasha kumpens li jippermetti li jiġu kkumpensati kompletament id-danni li hija effettivament ġarrbet minħabba d-diskriminazzjoni, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, inklużi l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat li hija sostniet quddiem qorti, fil-każ fejn l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata b’mod konformi ma’ prattika amministrattiva li tikkonsisti f’li tkompli tapplika l-imsemmija leġiżlazzjoni minkejja dik is-sentenza, u b’hekk tobbliga lill-persuna kkonċernata tinvoka quddiem il-qrati d-dritt tagħha għall-imsemmi suppliment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top