Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0112

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2024.
    CU vs Procura della Repubblica Tribunale di Napoli u Ministero dell'Economia e delle Finanze.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunale di Napoli.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 11(1)(d) – Ugwaljanza fit-trattament – Miżuri ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali – Rekwiżit ta’ residenza ta’ mill-inqas għaxar snin, inkluż b’mod kontinwu l-aħħar sentejn – Diskriminazzjoni indiretta.
    Kawża C-112/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:636

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    29 ta’ Lulju 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 11(1)(d) – Ugwaljanza fit-trattament – Miżuri ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali – Rekwiżit ta’ residenza ta’ mill-inqas għaxar snin, inkluż b’mod kontinwu l-aħħar sentejn – Diskriminazzjoni indiretta”

    Fil-Kawżi magħquda C‑112/22 u C‑223/22,

    li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja), permezz tad-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Frar 2022 u tat‑22 ta’ Marzu 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2022 u fid‑29 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

    CU (C‑112/22),

    ND (C‑223/22),

    fil-preżenza ta’:

    Procura della Repubblica presso il Tribunale di Napoli (C112/22 u C223/22),

    Ministero dell’Economia e delle Finanze (C112/22 u C223/22)

    Istituto nazionale della previdenza soċjali (C223/22)

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, I. Jarukaitis (Relatur), N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ottubru 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal CU u ND, minn M. Costantino, avvocata,

    –        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. Gentili, avvocati dello Stato,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou, B.-R. Killmann u P. A. Messina, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 45 TFUE, tal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u riveduta fi Strasbourg fit‑3 ta’ Mejju 1996 (iktar ’il quddiem il-“Karta Soċjali Ewropea”), tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija, fil-Kawża C‑112/22, kontra CU, u, fil-Kawża C‑223/22, kontra ND, għal dikjarazzjonijiet foloz dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-“dħul taċ-ċittadinanza”.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

     IdDirettiva 2003/109

    3        Il-premessi 2, 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdu:

    “(2)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta' l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

    (3)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill- [Karta].

    (4)      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

    [...]

    (6)      Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

    [...]

    (12)      Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta' kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.”

    4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]

    (a)      ‘ċittadin ta' pajjiż terz’ tfisser xi persuna li ma tkunx ċittadin tal-l-Unjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

    (b)      ‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta' residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7”.

    5        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

    6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi l-kundizzjonijiet dwar il-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul. Skont il-paragrafu 1(a) u (b) ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja tagħhom, minn naħa, riżorsi stabbli u regolari li jkunu suffiċjenti biex imantnu lilhom innifishom u lill-membri tal-familja tagħhom, mingħajr rikors għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji fl-Istat Membru kkonċernat. Il-paragrafu (2) tal-imsemmi Artikolu 5 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

    7        Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din d-direttiva, sabiex jikseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, akkumpanjata b’evidenza dokumentata li għandha tiġi stabbilita mid-dritt nazzjonali, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din l-imsemmija direttiva.

    8        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Trattament ugwali” jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

    “1.      Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:

    [...]

    (d)      sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

    [...]

    2.      Fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b), (d), (e), (f) u (g), l-Istat Membru konċernat jista’ jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta’ residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

    [...]

    4.      L-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali.”

     IrRegolament Nru 492/2011

    9        Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, li jagħmel parti mit-Taqsima 2, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, tal-Kapitolu I, intitolat “Impjieg, ugwaljanza fit-trattament u familji ta’ ħaddiema”, ta’ dan ir-regolament:

    “1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

    2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

    [...]”

     IdDirettiva 2011/95

    10      L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Għajnuna soċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. ”

     Iddritt Taljan

    11      L-Artikolu 1 tad-decreto-legge n. 4 “Disposizioni urgenti in materia di reddito di cittadinanza e di pensioni” (id-Digriet Liġi Nru 4, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti Marbuta mad-Dħul taċ-Ċittadinanza u mal-Pensjonijiet), tat‑28 ta’ Jannar 2019 (GURI Nru 23, tat‑28 ta’ Jannar 2019), ikkonvertit f’liġi permezz tal-legge n. 26 (il-Liġi 26), tat‑28 ta’ Marzu 2019 (GURI Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 2019) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 4/2019”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Mix-xahar ta’ April 2019, ġie stabbilit id-dħul taċ-ċittadinanza [...] bħala miżura fundamentali tal-politika attiva tax-xogħol biex tiggarantixxi d-dritt għax-xogħol, tiġġieled il-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll tfittex li tippromwovi d-dritt għall-informazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura permezz ta’ politiki mmirati lejn l-appoġġ ekonomiku u l-inklużjoni soċjali tal-persuni f’riskju ta’ esklużjoni fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol. Id-[dħul taċ-ċittadinanza] jikkostitwixxi livell ta’ benefiċċju essenzjali fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.”

    12      L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet-liġi, intitolat “Benefiċjarji”, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dħul taċ-ċittadinanza. Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw, minn naħa, in-nazzjonalità, ir-residenza u s-soġġorn tal-applikant u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari d-dħul, il-patrimonju u t-tgawdija tal-beni fit-tul tad-dar tiegħu. Fir-rigward ta’ dawn l-ewwel kundizzjonijiet, dan l-Artikolu 2 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Id-[dħul taċ-ċittadinanza] għandu jingħata lill-familji li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni u matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju, b’mod kumulattiv jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)      fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ċittadinanza, ta’ residenza u ta’ soġġorn, il-membru tal-familja li jressaq applikazzjoni għall-benefiċċju għandu, b’mod kumulattiv:

    (1)      ikollu ċ-ċittadinanza Taljana jew iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni [...], jew [ikun] membru tal-familja tiegħu, [...], li huwa detentur tad-dritt ta’ residenza jew tad-dritt ta’ residenza permanenti, jew [ikun] ċittadin ta’ Stat terz li jkollu fil-pussess tiegħu permess ta’ residenza tal-[Unjoni għal residenti għal] żmien twil;

    (2)      jirrisjedi fl-Italja għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin, b’mod kontinwu matul l-aħħar sentejn ikkunsidrati fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, kif ukoll matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju.

    [...]”

    13      L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet liġi, intitolat “Vantaġġ ekonomiku”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-vantaġġ ekonomiku tad-[dħul taċ-ċittadinanza], fuq bażi annwali, huwa kkostitwit miż-żewġ komponenti li ġejjin:

    (a)      komponent maħsub biex jikkomplementa d-dħul tal-familja [...] sal-limitu ta’ EUR 6 000 fis-sena mmultiplikat bil-parametru korrispondenti tal-iskala ta’ ekwivalenza [...];

    (b)      komponent maħsub biex jikkomplementa l-introjtu tal-unitajiet domestiċi li qed jikru, ugwali għall-ammont tal-kera annwali prevista fil-kuntratt ta’ kiri [...] sa EUR 3 360 fis-sena.”

    14      L-Artikolu 7 tal-istess digriet liġi, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Sakemm l-att ma jkunx jikkostitwixxi ksur iktar gravi, kull persuna li, sabiex indebitament tikseb il-benefiċċju previst fl-Artikolu 3, tagħmel jew tuża dikjarazzjonijiet foloz jew dokumenti li huma foloz jew li jiċċertifikaw fatti skorretti jew tħalli barra informazzjoni meħtieġa, hija punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà minn sentejn sa sitt snin.”

     Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

    15      CU u ND huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul fl-Italja. CU ġiet irreġistrata hemmhekk bħala residenti fid‑29 ta’ Marzu 2012. Fir-rigward ta’ ND, din ġiet irreġistrata bħala residenti fl‑24 ta’ Marzu 2013.

    16      CU u ND huma akkużati mill-Pubblico Ministero della Procura della Repubblica presso il Tribunale di Napoli (il-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan il-Qorti ta’ Napoli, l-Italja) li wettaq ir-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Digriet-Liġi Nru 4/2019, sa fejn iffirmaw, rispettivament fis‑27 ta’ Awwissu 2020 u fid‑9 ta’ Ottubru 2020, talbiet għall-kisba tad-“dħul taċ-ċittadinanza”, billi kkonfermaw b’mod falz, f’dawn tal-aħħar, li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju, inkluża l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ mill-inqas għaxar snin fl-Italja prevista mill-imsemmi digriet-liġi. Abbażi ta’ dan kollu, CU u ND irċevew b’mod indebitu, rispettivament somma totali ta’ EUR 3 414.40 u ta’ EUR 3 186.66.

    17      It-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha dubji dwar il-konformità tad-Digriet-Liġi Nru 4/2019 mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan id-digriet‑liġi jeżiġi, b’mod partikolari, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sabiex jiksbu “dħul taċ-ċittadinanza”, li jikkostitwixxi benefiċċju ta’ għajnuna soċjali intiż li jiżgura livell minimu ta’ għajxien, ikunu rrisjedew fl-Italja għal mill-inqas għaxar snin, fosthom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu. Din il-qorti tqis li, b’dan il-mod, dan id-digriet leġiżlattiv jistabbilixxi trattament sfavorevoli fir-rigward ta’ tali ċittadini, inkluż fir-rigward ta’ dawk li għandhom permess ta’ residenza għat-tul, meta mqabbel ma’ dak irriżervat għaċ-ċittadini.

    18      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tikkonstata, qabelxejn, li d-“dħul taċ-ċittadinanza” jikkostitwixxi benefiċċju ta’ għajnuna soċjali intiż li jiżgura minimu ta’ għajxien, li jaqa’ taħt wieħed mit-tliet oqsma msemmija fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, jiġifieri s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali, kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Istat Taljan ma llimitax, billi adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ugwaljanza fit-trattament għall-benefiċċji prinċipali. Barra minn hekk, anki jekk hija prevista minn din il-leġiżlazzjoni, tali limitazzjoni ma hijiex konformi mad-Direttiva 2003/109, sa fejn, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Digriet-Liġi Nru 4/2019, id-“dħul taċ-ċittadinanza” jikkostitwixxi livell ta’ benefiċċju essenzjali fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

    19      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, trattament differenti għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus ta’ resident għat-tul mogħti konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta mqabbel ma’ dak irriżervat għaċ-ċittadini. Hija tiċċita wkoll is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139), tas‑27 ta’ Marzu 1985, u Scrivner u Cole (122/84, EU:C:1985:145), li jirrigwardaw miżura ta’ għajnuna soċjali paragunabbli mad-“dħul taċ-ċittadinanza”. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont ir-Regolament Nru 492/2011, tali miżura kellha tingħata kemm lill-ħaddiema nazzjonali kif ukoll lill-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra.

    20      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ “dħul taċ-ċittadinanza” biss lill-applikanti li jissodisfaw kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Issa, sa fejn l-illegalità eventwali tal-kundizzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019 ikollha bħala effett l-għajbien tal-element materjali tar-reat kriminali kkonċernat, risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawżi prinċipali.

    21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, imfassla f’termini identiċi fil-Kawżi magħquda C‑112/22 u C‑223/22:

    “1)      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-[Regolament (UE) Nru 492/2011], l-Artikolu 11(1)(d) tad-[2003/109], l-Artikolu 29 tad-[2011/95], l-Artikolu 34 tal-[Karta], kif ukoll l-Artikoli 30 u 31 tal-[Karta Soċjali Ewropea], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4, tat-28 ta’ Jannar 2019, ikkonvertit, b’emendi permezz tal-Liġi Nru 26 tat 28 ta’ Marzu 2019, safejn tagħmel l-aċċess għad-dħul taċ-ċittadinanza suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Italja għal perijodu minimu ta’ għaxar snin (li minnhom l-aħħar sentejn meqjusa fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kif ukoll għall-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju, b’mod kontinwu), b’hekk jirriżervaw liċ-ċittadini Taljani, liċ-ċittadini [tal-Unjoni] li għandhom id-dritt ta’ residenza jew id-dritt ta’ residenza permanenti, jew [liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi] residenti fit-tul li jkunu rrisjedew [fl-Italja] għal inqas minn għaxar snin jew għal għaxar snin, iżda mhux b’mod kontinwu matul l-aħħar sentejn, trattament iktar sfavorevoli minn dak li jgawdu l-istess kategoriji li ilhom jgħixu hemmhekk għal għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu?

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

    2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/11, l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 34 tal-[Karta], kif ukoll l-Artikoli 30 u 31 tal-[Karta Soċjali Ewropea], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4, tat-28 ta’ Jannar 2019, ikkonvertit b’emendi permezz tal-Liġi Nru 26, tat 28 ta’ Marzu 2019, peress li jirriżerva trattament differenti għar-residenti fit-tul, li jistgħu jakkwistaw dritt ta’ residenza permanenti fi Stat tal-Unjoni wara li jkunu għexu għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, u għal residenti fit-tul li jkunu għexu [fl-Italja] għal għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu?

    3)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/11, l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4 tat 28 ta’ Jannar 2019, li jimponi fuq iċ-ċittadini Taljani, [tal-Unjoni] u [tal-pajjiżi terzi] obbligu ta’ residenza ta’ għaxar snin (li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu) sabiex jikkwalifikaw għall-benefiċċju tad-dħul taċ-ċittadinanza?

    4)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/11, l-Artikolu 11(1)(d) ta-d-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 34 tal-[Karta], kif ukoll l-Artikoli 30 u 31 tal-[Karta Soċjali Ewropea], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4, tat 28 ta’ Jannar 2019, sa fejn timponi li ċ-ċittadini Taljani, [tal-Unjoni] u [tal-pajjiżi terzi], li sabiex jibbenefikaw mill-benefiċċju tad-dħul taċ-ċittadinanza, għandhom jiddikjaraw li ilhom jirrisjedu fl-Italja għal għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, liema dikjarazzjoni falza tinvolvi konsegwenzi ta’ natura kriminali serji?”

     Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

    22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Mejju 2022, il-Kawżi C‑112/22 u C‑223/22 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

    23      Fit‑8 ta’ Mejju 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura, indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki, fejn stednitha tindika l-istatus legali tal-persuni kkonċernati mill-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal dawn il-persuni li l-interpretazzjoni tagħhom jidhrilha li hija neċessarja għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kawżi li hija adita bihom. Il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba fid‑9 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża C‑223/22 u fit‑13 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża C‑112/22, billi indikat li l-persuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Italja. Barra minn hekk, fir-risposta mogħtija fil-Kawża C‑112/22, dik il-qorti speċifikat li d-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali hija l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

    24      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Taljana talab li dawn il-kawżi jiġu deċiżi fl-Awla Manja, fatt li ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Lulju 2023.

     Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

    25      Il-Gvern Taljan isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw benefiċċju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri. Id-“dħul taċ-ċittadinanza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex miżura ta’ protezzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali, li għandha sempliċement l-għan li tiżgura lill-persuni kkonċernati ċertu livell ta’ dħul, iżda tikkostitwixxi miżura kumplessa intiża fuq kollox sabiex tiffavorixxi l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni kkonċernati fis-suq tax-xogħol.

    26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, li jaqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27      Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern Taljan għandu l-intenzjoni, permezz tal-argument tiegħu, li jikkontesta li d-“dħul taċ-ċittadinanza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi kkonstatat li, kif dan il-gvern stess osserva matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-argument ma jistax jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, iżda għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 76).

    28      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll, fid-domandi tagħha, l-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea. Issa, għalkemm skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), l-Artikolu 34(3) tagħha huwa ispirat mill-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta din il-Karta tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, ħlief sa fejn dawn jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta Soċjali Ewropea.

     Fuq iddomandi preliminari

    30      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tirriformula d-domandi magħmula lilha billi tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta lilha mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet), C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirreferu għal diversi kategoriji ta’ persuni li jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jiġu żvantaġġati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul, ċerti ċittadini nazzjonali, iċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, dawn it-talbiet ma jippreċiżawx taħt liema waħda minn dawn il-kategoriji jaqgħu l-persuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    32      Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, fit-tweġibiet tagħha għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti indikat li l-persuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul fl-Italja. Barra minn hekk, fil-Kawża C‑112/22, hija ppreċiżat li d-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija utli għall-finijiet tal-kawża prinċipali hija l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Fil-fatt, hija din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta, li hija applikabbli għal din il-kategorija ta’ persuni, u mhux l-Artikoli 18 u 45 TFUE, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jew l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, imsemmija wkoll fid-domandi magħmula. Għaldaqstant, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet għandhom jiġu miċħuda, peress li ma għandhomx rabta mal-kawżi prinċipali.

    33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu għalhekk jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul għal miżura ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali bil-kundizzjoni, li tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, li jkunu għexu fl-imsemmi Stat Membru għal mill-inqas għaxar snin, fosthom b’mod kontinwu l-aħħar sentejn, u li jissanzjona kriminalment kull dikjarazzjoni falza dwar din il-kundizzjoni ta’ residenza.

    34      Skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, ir-residenti għat-tul igawdu minn trattament ugwali għal dak li jgawdu minnu ċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif iddefiniti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    35      L-ewwel nett, sa fejn il-Gvern Taljan jikkontesta li d-“dħul taċ-ċittadinanza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, tagħmel riferiment espliċitu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lit-termini kkonċernati definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali riferiment jittraduċi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġu rrispettati d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri rigward id-definizzjoni u l-portata eżatta tal-kunċetti inkwistjoni. Madankollu, l-assenza ta’ definizzjonijiet awtonomi u uniformi, skont id-dritt tal-Unjoni, tal-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali u r-riferiment għad-dritt nazzjonali, li jissemmew f’din id-dispożizzjoni, dwar l-imsemmija kunċetti ma jimplikawx li l-Istati Membri jistgħu jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 2003/109 fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 77 u 78, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2021, ASGI et, C‑462/20, EU:C:2021:894, punt 31).

    36      Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta, jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta.

    37      Konsegwentement, meta jiddeterminaw il-miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji previsti mill-Karta, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 34 tagħha. Issa, skont l-Artikolu 34(3) tal-Karta, sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni – u, għalhekk, l-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni – “tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali” (sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 80).

    38      Peress li kemm l-Artikolu 34 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jirreferu għad-dritt nazzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-“dħul taċ-ċittadinanza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix benefiċċju soċjali li jaqa’ taħt dawk imsemmija mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 81, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2021, ASGI et, C-462/20, EU:C:2021:894, punt 32).

    39      Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, din il-qorti tikkonstata fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari li d-“dħul taċ-ċittadinanza” jikkostitwixxi benefiċċju ta’ għajnuna soċjali intiż li jiżgura minimu ta’ għajxien, li jaqa’ taħt wieħed mit-tliet oqsma msemmija fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, jiġifieri s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali, kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    40      Ċertament, il-Gvern Taljan jikkontesta din il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-qafas tad-distribuzzjoni ta’ ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, irrispettivament mill-kritika tal-Gvern ta’ Stat Membru fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami tad-domandi preliminari għandu jsir abbażi ta’ din l-interpretazzjoni u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 25, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Cofidis, C‑340/22, EU:C:2023:1019, punt 31).

    41      Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tibbaża ruħha fuq il-premessa li d-“dħul taċ-ċittadinanza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta.

    42      Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw, fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza fit-trattament għall-benefiċċji prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkonstata fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari li din id-dispożizzjoni ta’ interpretazzjoni stretta ma tapplikax f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet Taljani kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma kinux esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokaw id-deroga prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, id-“dħul taċ-ċittadinanza” jikkostitwixxi preċiżament tali “benefiċċju prinċipali”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni. Dan il-kunċett jirreferi għall-benefiċċji li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 86 sa 92).

    43      It-tieni nett, għandu jitfakkar li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109 tindika b’mod ċar li l-kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti skont din id-direttiva hija suġġetta għal proċedura partikolari u, minbarra dan, għall-obbligu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva.

    44      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ resident għat-tul liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-kisba ta’ dan l-istatus għall-prova li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob il-benefiċċju ta’ dan l-istatus ikollu riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tal-istess direttiva jippreċiża r-rekwiżiti proċedurali għall-kisba ta’ dan l-istatus.

    45      Barra minn hekk, mill-premessi 2, 6, 4 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li din hija intiża li tiggarantixxi l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul u legalment fl-Istati Membri u, għal dan l-għan, li tqarreb id-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament ma’ dawn tal-aħħar f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali. Għalhekk, l-istatus ta’ resident fit-tul jippermetti lill-persuna li tibbenefika minnu tgawdi mill-ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għar-residenti fit-tul), C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali status jikkorrispondi għal-livell ta’ integrazzjoni l-iktar milħuq għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jiġġustifika li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali.

    47      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni ta’ residenza għal mill-inqas għaxar snin fl-Italja, fosthom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, meħtieġa skont il-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019 sabiex ikun jista’ jinkiseb aċċess għad-“dħul taċ-ċittadinanza”, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din il-kundizzjoni ta’ residenza tapplika b’mod identiku kemm għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul kif ukoll għaċ-ċittadini Taljani. Madankollu, din il-qorti tosserva, essenzjalment, li l-imsemmija kundizzjoni tisfavorixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul meta mqabbla maċ-ċittadini Taljani li jirrisjedu fl-Italja u li ma telqux mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sabiex jirrisjedu fit-tul barra mill-pajjiż.

    48      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal fil-fatt għall-istess riżultat.

    49      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li l-aħħar sentejn tagħha kontinwament, twassalx għal differenza fit-trattament li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

    50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li l-aħħar sentejn tagħhom b’mod kontinwu, taffettwa prinċipalment lil dawk li ma humiex ċittadini fosthom b’mod partikolari ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    51      Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li l-aħħar sentejn minnhom kontinwament, taffettwa wkoll l-interessi taċ-ċittadini Taljani li jirritornaw fl-Italja wara perijodu ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Madankollu, huwa irrilevanti li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżvantaġġa, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma humiex f’pożizzjoni li josservaw tali kundizzjoni kif ukoll iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil. Fil-fatt, miżura tista’ titqies bħala li hija diskriminazzjoni indiretta, mingħajr ma jkun neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul, bl-esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C-20/12, EU:C:2013:411, punt 45).

    52      Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċ-ċittadini nazzjonali li tirriżulta mill-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li l-aħħar sentejn minnhom b’mod kontinwu, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.

    53      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li tali diskriminazzjoni hija, bħala prinċipju, ipprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Issa, sabiex tkun iġġustifikata, hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan leġittimu, u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan il-għan.

    54      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, sa fejn id-“dħul taċ-ċittadinanza” huwa vantaġġ ekonomiku li l-għoti tiegħu huwa suġġett għall-parteċipazzjoni tal-membri maġġorenni tal-familja kkonċernata fi vjaġġ ippersonalizzat ta’ akkumpanjament lejn l-impjieg u l-inklużjoni soċjali abbażi ta’ ftehimiet speċifiċi, l-għoti ta’ dan il-vantaġġ jimplika operazzjoni ta’ integrazzjoni soċjali u professjonali kumplessa ħafna fuq il-livell amministrattiv. Għaldaqstant, skont dan il-gvern, il-leġiżlatur nazzjonali debitament illimita l-aċċess għal din il-miżura għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fl-Italja b’mod permanenti u li huma integrati sew hemmhekk.

    55      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi, b’mod eżawrjenti, is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, f’termini ta’ residenza, mill-ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċittadini nazzjonali. Għalhekk, lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet, differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ksur tal-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għar-residenti fit-tul), C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 28).

    56      B’mod partikolari, differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li huma jinsabu f’sitwazzjoni differenti minħabba r-rabtiet rispettivi tagħhom ma’ dan l-Istat Membru. Tali ġustifikazzjoni tmur kontra l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 li jimponi ugwaljanza fit-trattament bejniethom fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għar-residenti fit-tul), C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 34).

    57      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/109 tipprevedi, fl-Artikolu 4(1) tagħha, kundizzjoni ta’ residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru, sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jingħata l-istatus ta’ resident għal perijodu twil minn dan l-Istat Membru. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-premessa 6 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li tali perijodu ta’ residenza legali u kontinwu ta’ ħames snin jixhed “l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż” u għalhekk għandu jitqies li huwa suffiċjenti sabiex din ikollha dritt, wara l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, għall-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali, konformement mal-Artikolu 11(1)(d) tal-imsemmija direttiva.

    58      Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jikser din l-aħħar dispożizzjoni u l-għan intiż minnha li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessa 12 tal-istess direttiva, f’li jiżgura li l-istatus ta’ resident għal perijodu twil jikkostitwixxi “strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu”, jestendi unilateralment il-perijodu ta’ residenza meħtieġ sabiex tali resident għat-tul ikun jista’ jgawdi mid-dritt iggarantit mill-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

    59      Minn dan isegwi li kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li l-aħħar sentejn minnhom b’mod kontinwu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur kontra l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

    60      Ir-raba’ u l-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-Direttiva 2003/109, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fuq l-applikanti għal miżura ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza, minn dawn, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal tali miżura, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali ta’ sanzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 meta hija imposta sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ obbligu li ma huwiex huwa stess konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu tal-kontrolli fil-fruntieri interni), C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    61      Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul għal miżura ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali għall-kundizzjoni, li tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, li jkunu ilhom jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għal mill-inqas għaxar snin, fosthom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, u li tissanzjona b’sanzjoni kriminali kull dikjarazzjoni falza dwar din il-kundizzjoni ta’ residenza.

     Fuq lispejjeż

    62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul għal miżura ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali għall-kundizzjoni, li tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, li jkunu ilhom jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għal mill-inqas għaxar snin, fosthom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, u li tissanzjona b’sanzjoni kriminali kull dikjarazzjoni falza dwar din il-kundizzjoni ta’ residenza.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top