This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0106
Judgment of the Court (Second Chamber) of 13 July 2023.#Xella Magyarország Építőanyagipari Kft. v Innovációs és Technológiai Miniszter.#Request for a preliminary ruling from the Fővárosi Törvényszék.#Reference for a preliminary ruling – Free movement of capital – Freedom of establishment – Regulation (EU) 2019/452 – Legislation of a Member State establishing a mechanism for filtering foreign investment in resident companies considered to be ‘strategic’ – Decision adopted on the basis of that legislation, prohibiting the acquisition by a resident company of all the shares of another resident company – Acquired company considered to be ‘strategic’ on the ground that its primary activity concerns the extraction of certain raw materials such as gravel, sand and clay – Acquiring company considered to be a ‘foreign investor’ on the ground that it forms part of a group of companies whose ultimate parent company is established in a third country – Harm or risk of harm to a national interest, public security or public order of the Member State – Objective intended to ensure the security of supply of raw materials to the construction sector, in particular at the local level.#Case C-106/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Xella Magyarország Építőanyagipari Kft. vs Innovációs és Technológiai Miniszter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (UE) 2019/452 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin f’impriżi residenti meqjusa bħala ‘strateġiċi’ – Deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra – Impriża akkwistata meqjusa bħala ‘strateġika’ minħabba li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerti materji primi bażiċi bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal – Impriża akkwirenti meqjusa bħala ‘investitur barrani’ minħabba li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija holding tagħhom hija stabbilita f’pajjiż terz – Preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għall- interessi tal-Istat, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru – Għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima bażika għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali.
Kawża C-106/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Xella Magyarország Építőanyagipari Kft. vs Innovációs és Technológiai Miniszter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (UE) 2019/452 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin f’impriżi residenti meqjusa bħala ‘strateġiċi’ – Deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra – Impriża akkwistata meqjusa bħala ‘strateġika’ minħabba li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerti materji primi bażiċi bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal – Impriża akkwirenti meqjusa bħala ‘investitur barrani’ minħabba li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija holding tagħhom hija stabbilita f’pajjiż terz – Preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għall- interessi tal-Istat, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru – Għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima bażika għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali.
Kawża C-106/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:568
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (UE) 2019/452 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin f’impriżi residenti meqjusa bħala ‘strateġiċi’ – Deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra – Impriża akkwistata meqjusa bħala ‘strateġika’ minħabba li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerti materji primi bażiċi bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal – Impriża akkwirenti meqjusa bħala ‘investitur barrani’ minħabba li hija tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija holding tagħhom hija stabbilita f’pajjiż terz – Preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għal interess tal-Istat, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru – Għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima bażika għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali”
Fil-Kawża C‑106/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
Xella Magyarország Építőanyagipari Kft.
vs
Innovációs és Technológiai Miniszter,
fil-preżenza ta’:
”JANES ÉS TÁRSA” Szállítmányozó, Kereskedelmi és Vendéglátó Kft.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Xella Magyarország Építőanyagipari Kft., minn T. Kocsis, ügyvéd, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte, M. Mataija, G. von Rintelen u A. Tokár, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE, moqri flimkien mal-premessi 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani fl-Unjoni (ĠU 2019, L 79 I, p. 1), kif ukoll mal-Artikolu 4(2) TUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Xella Magyarország Építőanyagipari Kft. (iktar ’il quddiem “Xella Magyarország”), kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż, u Innovációs és Technológiai Miniszter (il-Ministru għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġiji, l-Ungerija, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ipprojbixxa l-akkwist minn din il-kumpannija tal-ishma kollha ta’ ”JANES ÉS TÁRSA” Szállítmányozó, Kereskedelmi és Vendéglátó Kft. (iktar ’il quddiem “Janes és Társa”), kumpannija oħra rregolata mid-dritt Ungeriż, li hija meqjusa bħala “strateġika”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 4, 6, 10, 13 u 36 tar-Regolament Nru 2019/452 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2019/452, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar mill-Istati Membri ta’ investimenti diretti barranin fl-Unjoni għar-raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku […]” |
5 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 3 tar-regolament imsemmi, intitolat “Mekkaniżmi ta’ skrinjar ta’ Stati Membri”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu: L-Istati Membri li għandhom stabbilit mekkaniżmu ta’ skrinjar għandhom iżommu, jemendaw jew jadottaw il-miżuri neċessarji biex jidentifikaw u jipprevjenu l-evażjoni mill-mekkaniżmi ta’ skrinjar u d-deċiżjonijiet ta’ skrinjar.” |
7 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni”, jipprovdi: “1. Fid-determinazzjoni jekk l-investiment dirett barrani aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jqisu l-effetti potenzjali tiegħu fuq, fost affarijiet oħra: […]
[…] 2. Fid-determinazzjoni jekk investiment dirett barrani aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu wkoll iqisu, b’mod partikolari:
[…]” |
8 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/452, intitolat “Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni relattivament għal investimenti diretti barranin li jkunu qed jiġu skrinjati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull investiment dirett barrani fit-territorju tagħhom li jkun qed jiġi skrinjat billi jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament kemm jista’ jkun malajr. […]” |
9 |
Skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni notifikata skont l-Artikolu 6(1) jew mitluba mill-Kummissjoni u minn Stati Membri oħra skont l-Artikoli 6(6) u 7(5) issir disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li talbuha mingħajr dewmien żejjed. 2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:
[…]” |
Id-dritt Ungeriż
10 |
L-Artikolu 276 tal-veszélyhelyzet megszűnésével összefüggő átmeneti szabályokról és a járványügyi készültségről szóló 2020. évi LVIII. törvény (il-Liġi Nru LVIII tal-2020 dwar ir-regoli tranżitorji marbuta mat-tmiem tal-istat ta’ emerġenza u mas-sitwazzjoni ta’ twissija epidemjoloġika), tas-17 ta’ Ġunju 2020 (Magyar Közlöny 2020/144), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Vmtv”), jipprovdi: “Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: 1. ‘interess tal-Istat’: interess pubbliku, mhux irregolat mid-dritt settorjali tal-Unjoni Ewropea jew mil-liġi nazzjonali, dwar is-sigurtà u l-kapaċità ta’ tħaddim tan-netwerks, tat-tagħmir jew tal-kontinwità tal-provvista. 2. ‘investitur barrani’:
3. ‘impriża strateġika’: kumpannija b’responsabbiltà limitata, kumpannija b’responsabbiltà limitata li topera b’mod magħluq, jew kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li topera b’mod miftuħ, li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija u li l-attività prinċipali jew komplementari tagħha, kif iddefinita f’digriet governattiv, taqa’ taħt is-settur tal-enerġija, tat-trasport, tal-komunikazzjoni jew ta’ settur ta’ importanza strateġika – bl-esklużjoni tal-infrastrutturi finanzjarji – fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) sa (e) tar-[Regolament 2019/452].” |
11 |
L-Artikolu 277 tal-Vmtv jipprovdi: “1) Fil-każ ta’ impriża strateġika, jekk il-konklużjoni ta’ kuntratt, dikjarazzjoni unilaterali tar-rieda jew deċiżjoni tal-kumpannija […] tipproduċi l-effetti msemmija fil-paragrafi 2 sa 4, dawn […] għandhom jiġu nnotifikati lill-[Ministru] u dan għandu jiddikjara li ħa nota tagħhom fir-rigward tat-tranżazzjonijiet legali li ġejjin:
[…] 2) Fis-setturi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 276, għandhom jiġu indikati fin-notifika, jekk il-valur totali tal-investiment ikun daqs jew iktar minn 350 miljun forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 935720):
jakkwista, direttament jew indirettament, ‘kontroll maġġoritarju’ f’din l-impriża strateġika, fis-sens tal-kodiċi ċivili, […]” |
12 |
Skont l-Artikolu 283 tal-Vmtv: “1) Il-Ministru għandu jeżamina mingħajr dewmien, malli jirċievi n-notifika: […]
[…] 2) Il-Ministru, mhux iktar tard minn 30 jum tax-xogħol minn meta jirċievi n-notifika […]:
[…]” |
13 |
L-Anness 1 tal-magyarországi székhelyű gazdasági társaságok gazdasági célú védelméhez szükséges tevékenységi körök meghatározásáról szóló 289/2020. (VI. 17.) Korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 289/2020 (VI. 17.) dwar id-definizzjoni tal-kategoriji ta’ attivitajiet neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-kumpanniji kummerċjali stabbiliti fl-Ungerija], tas-17 ta’ Ġunju 2020 (Magyar Közlöny 2020/145), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jelenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li minħabba fihom kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija titqies li taqa’ taħt settur strateġiku għall-finijiet tal-Vmtv. Il-kategorija 22 imsemmija f’dan l-anness issemmi l-“[m]aterja prima essenzjali” u s-subkategorija 8 ta’ din il-kategorija tirrigwarda l-“[i]ndustriji estrattivi oħra”. |
14 |
Skont l-Artikolu 8:2 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Kontroll”: “1) ‘Kontroll deċiżiv’ tfisser kwalunkwe rabta li biha persuna fiżika jew persuna ġuridika (‘entità influwenti’) ikollha iktar minn 50 % tad-drittijiet tal-vot jew teżerċita influwenza deċiżiva fi ħdan persuna ġuridika. 2) Entità influwenti jkollha kontroll maġġoritarju fi ħdan persuna ġuridika meta, skont il-każ, din tkun membru jew azzjonist tagħha, u
3) Il-kontroll deċiżiv għandu jiġi preżunt ukoll fil-każijiet fejn influwenza indiretta tagħti lill-entità influwenti d-drittijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Xella Magyarország, kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż, topera fis-suq Ungeriż tal-materjali tal-kostruzzjoni u għandha bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ elementi ta’ kostruzzjoni tal-konkrit. 100 % tal-ishma tagħha huma miżmuma minn Xella Baustoffe GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, li, min-naħa tagħha, hija wkoll 100 % proprjetà ta’ Xella International SA, kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż. Din il-kumpannija tal-aħħar hija, min-naħa tagħha, miżmuma indirettament minn LSF10 XL Investments Ltd, kumpannija ċentrali tal-grupp Lone Star irreġistrata fil-Bermuda, fejn dan l-aħħar grupp jappartjeni, f’tarf tal-katina, lil J.P.G., ċittadin Irlandiż. |
16 |
F’deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni ma opponietx, fil-kuntest ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi mwettaq skont ir-Regolament Nru 139/2004, it-teħid ta’ kontroll ta’ Xella International minn LSF10 XL Bidco SCA, stabbilita fil-Lussemburgu, sussidjarja ta’ Lone Star Fund X, stabbilita fl-Istati Uniti, u ta’ Lone Star Fund X, stabbilita f’Bermuda, u ddikjarat it-tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern. |
17 |
Janes és Társa, kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż, hija proprjetà ta’ “PAN3” Építőipari és Kereskedelmi Kft., kumpannija oħra rregolata mid-dritt Ungeriż. Hija għandha bħala attività prinċipali l-estrazzjoni minerarja ta’ żrar, ta’ ramel u ta’ tafal fil-barriera tagħha li tinsab f’Lázi (il-Kontea ta’ Győr-Moson-Sopron, distrett ta’ Pannonhalma, l-Ungerija), attività msemmija fis-subkategorija 8 tal-kategorija 22 imsemmija fl-Anness I tad-Digriet tal-Gvern Nru 289/2020, li minnu jirriżulta li hija kklassifikata bħala “impriża strateġika”, fis-sens tal-Artikolu 276(3) tal-Vmtv. Is-sehem mis-suq tagħha fis-suq Ungeriż tal-produzzjoni tal-materja prima kkonċernata huwa ta’ 0.52 %. |
18 |
Xella Magyarország tixtri madwar 90 % tal-produzzjoni annwali ta’ Janes és Társa għall-ipproċessar, fl-impjant tagħha li jinsab qrib il-barriera, ta’ din il-materja prima fi briks tar-ramel u l-ġir, filwaqt li l-10 % li jifdal minn din il-produzzjoni jinxtraw minn impriżi lokali fis-settur tal-kostruzzjoni. |
19 |
Fid-29 ta’ Ottubru 2020, Xella Magyarország ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ għall-finijiet tal-akkwist ta’ 100 % tal-ishma ta’ Janes és Társa u bagħtet lill-Ministru notifika skont l-Artikolu 277(1) (a) tal-Vmtv, fejn talbitu jieħu nota tat-tranżazzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 283(2)(a) tal-Vmtv jew jikkonferma li din il-formalità ma kinitx neċessarja fid-dawl tal-istruttura ta’ proprjetà tagħha. |
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2020, il-Ministru pprojbixxa l-eżekuzzjoni tal-operazzjoni ġuridika nnotifikata skont l-Artikolu 283(1)(b) u (2)(b) tal-Vmtv, billi invoka l-motiv tal-“interess tal-Istat” imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 276 tagħha. |
21 |
Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju, annullat din id-deċiżjoni, għar-raġuni li l-Ministru ma kienx osserva r-regoli proċedurali u kien naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, u ordnatlu jwettaq proċedura ġdida. |
22 |
F’deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), mogħtija fi tmiem din il-proċedura l-ġdida, il-Ministru pprojbixxa mill-ġdid l-eżekuzzjoni tal-operazzjoni legali nnotifikata, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 283(2)(b) tal-Vmtv, fid-dawl tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 276, tal-Artikolu 277(2)(a) u (aa), kif ukoll tal-Artikolu 283(1)(b) tagħha. |
23 |
Fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-Ministru kklassifika lil Xella Magyarország bħala “investitur barrani”, fis-sens tal-Artikolu 276(2) tal-Vmtv, minħabba ż-żamma indiretta tagħha minn LSF10 XL Investments, kumpannija rreġistrata fil-Bermuda. Barra minn hekk, huwa sostna li s-sigurtà u l-prevedibbiltà tal-estrazzjoni u tal-provvista tal-materja prima kienu ta’ importanza strateġika. Skont il-Ministru, il-pandemija tal-COVID-19 uriet b’mod ċar li jista’ jkun hemm tfixkil serju fil-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista globali fi żmien qasir, b’riperkussjonijiet negattivi li jistgħu jaffettwaw l-ekonomija nazzjonali. Hija enfasizzat li l-produzzjoni tal-granulat, bħalma huma r-ramel, iż-żrar u t-torba, għas-settur tal-kostruzzjoni, kienet diġà ddominata minn produtturi Ungeriżi b’kapital barrani. |
24 |
Il-Ministru qies li l-ipoteżi li tgħid li Janes és Társa jsiru indirettament il-proprjetà ta’ kumpannija rreġistrata fil-Bermuda kienet ta’ riskju iktar fit-tul għas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima għas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fir-reġjun fejn din il-kumpannija hija stabbilita, peress li s-sehem mis-suq tagħha f’dan ir-reġjun huwa ta’ 20.77 %. L-akkwist minn proprjetarju barrani ta’ impriża strateġika jnaqqas barra minn hekk il-proporzjon ta’ impriżi b’kapital nazzjonali, li jista’ jippreġudika l-“interess tal-Istat”, fis-sens wiesa’. |
25 |
Xella Magyarország ikkontestat id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentat li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija għall-moviment liberu tal-kapital fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikoli 54 u 55 TFUE, li jirrikonoxxu, b’mod parallel, il-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment lill-kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni. Hija enfasizzat li, f’tarf il-katina, hija kienet detenuta minn persuna li hija ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni. L-unika raġuni għalfejn l-akkwist kien ġie pprojbit kienet ibbażata fuq in-natura “mhux nazzjonali” tal-istruttura ta’ proprjetà tagħha. Hija sostniet ukoll li n-nuqqas ta’ ċarezza tal-kunċett ta’ “interess tal-Istat”, fis-sens tal-Vmtv, seta’ jikser il-prinċipju fundamentali tal-Istat tad-dritt. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 65(1)(b) TFUE, moqri flimkien mal-premessi 4 u 6 tar-Regolament 2019/452 kif ukoll mal-Artikolu 4(2) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin previst mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jippermetti li jiġi pprojbit l-akkwist tal-proprjetà ta’ kumpannija residenti meqjusa bħala strateġika minn kumpannija residenti oħra li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati Membri, li fiha impriża ta’ pajjiż terz għandha kontroll maġġoritarju, minħabba li dan l-akkwist jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-interess tal-Istat li jikkonsisti fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward tal-materja prima bażika, bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal. |
28 |
Din id-domanda saret fil-kuntest tal-akkwist minn Xella Magyarország, kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija ewlenija tagħhom hija stabbilita fil-Bermuda u li tappartjeni, fit-tarf tal-katina, lil ċittadin Irlandiż, tal-ishma kollha ta’ Janes és Társa, kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerta materja prima bażika, b’mod partikolari ż-żrar, ir-ramel u t-tafal, li titqies, minħabba din l-attività minerarja, bħala impriża “strateġika”. Dan l-akkwist ġie nnotifikat lill-Ministru Ungeriż kompetenti li pprojbixxih permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għar-raġuni essenzjali li jirriskja li jippreġudika l-interess tal-Istat li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista ta’ din il-materja prima bażika favur is-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali. |
Fuq l-identifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli
29 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-riferiment, fl-ewwel domanda, għar-Regolament 2019/452, għandu jiġi kkonstatat, kif osservat ukoll, essenzjalment, il-Kummissjoni, li l-akkwist inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
30 |
Fil-fatt, dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2019/452 li jipprovdi li dan tal-aħħar jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar, mill-Istati Membri, tal-“investimenti diretti barranin” fl-Unjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubbliku. |
31 |
Issa, mill-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/452, b’mod partikolari mid-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 1, 2 u 7 ta’ dan l-artikolu, jirriżulta li l-kunċett ta’ “investiment dirett barrani” jkopri ċerti investimenti għal holdings sostenibbli u diretti mwettqa minn “investitur barrani”, kunċett li jinkludi dak ta’ “impriża ta’ pajjiż terz”, li jirreferi għal “impriża kkostitwita jew organizzata b’mod ieħor skont il-liġi ta’ pajjiż terz”. |
32 |
Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ investimenti mwettqa minn impriżi, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/452 huwa limitat għall-investimenti fl-Unjoni operati minn impriżi kkostitwiti jew organizzati b’mod ieħor konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz. |
33 |
Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplika mhux biss f’tali ipoteżi ta’ investimenti mwettqa minn impriżi ta’ pajjiż terz, iżda wkoll fil-każ, preċiżament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ investimenti mwettqa minn impriżi rreġistrati fl-Ungerija jew fi Stat Membru ieħor li fihom impriża rreġistrata f’pajjiż terz ikollha “kontroll maġġoritarju”, fis-sens tal-Artikolu 8:2 tal-Kodiċi Ċivili. |
34 |
Konsegwentement, peress li din it-tieni ipoteżi ma hijiex koperta mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/452, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħroġ, f’dan ir-rigward, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li l-akkwist inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jikkonċerna l-imsemmija tieni ipoteżi lanqas ma jaqa’ taħt dan tal-aħħar. |
35 |
Dan ma jistax jitqiegħed indiskussjoni mill-fatt li mill-Artikolu 4(2)(a) u mill-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2019/452 jirriżulta li l-istruttura tal-proprjetà tal-investitur barrani tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala fattur fl-evalwazzjoni ta’ riskju potenzjali għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku li jġib miegħu l-investiment ikkonċernat. |
36 |
Fil-fatt, dan il-fattur ta’ evalwazzjoni jirrigwarda b’mod speċifiku “jekk l-investitur barrani huwiex ikkontrollat direttament jew indirettament mill-gvern, inklużi korpi statali jew forzi armati ta’ pajjiż terz, inkluż permezz ta’ struttura ta’ sjieda”. |
37 |
Issa, peress li dan il-fattur ta’ evalwazzjoni jirrigwarda espressament biss l-istruttura tal-proprjetà tal-“investitur barrani”, kunċett iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/452 u li huwa limitat għall-impriżi ta’ pajjiż terz, dan ma jimplikax li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tiegħu, jitwessa’ sabiex jinkludi fih l-investimenti magħmula mill-impriżi organizzati konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fihom impriża ta’ pajjiż terz ikollha kontroll maġġoritarju. |
38 |
Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttieħdet sabiex jiġi miġġieled tentattiv ta’ evitar tal-mekkaniżmu ta’ skrinjar, fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament 2019/452. |
39 |
Fil-fatt, ebda element ta’ dan il-proċess ma huwa ta’ natura li jissuġġerixxi li f’dan il-każ din hija sitwazzjoni msemmija fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, li tiċċara l-portata ta’ dan l-Artikolu 3(6), jiġifieri dik ta’ “investimenti minn ġewwa l-Unjoni permezz ta’ arranġamenti artifiċjali li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u jevadu l-mekkaniżmi ta’ skrinjar u d-deċiżjonijiet ta’ skrinjar, fejn l-investitur fl-aħħar mill-aħħar ikun il-proprjetà ta’, jew ikkontrollat minn, persuna fiżika jew impriża ta’ pajjiż terz”. |
40 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riferiment, fl-ewwel domanda, għall-Artikolu 4(2) TUE, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-rilevanza tiegħu għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, b’tali mod li ma hemmx lok li din tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. |
41 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-libertà fundamentali li tista’ tkun applikabbli fil-kawża prinċipali, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata fid-dawl tar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha li jirrigwardaw l-akkwist minn “investitur barrani” ta’ sehem li jagħtih “kontroll maġġoritarju” f’impriża strateġika kif applikati fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li hija espressament is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, jaqgħu taħt libertà fundamentali oħra, jiġifieri l-libertà ta’ stabbiliment. |
42 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u mhux taħt dawk dwar il-moviment liberu tal-kapital leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tapplika għall-parteċipazzjonijiet li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Issa, f’dan il-każ, l-akkwist tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija huwa mingħajr kontestazzjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lill-kumpannija akkwirenti teżerċita kontroll ċert fuq il-ġestjoni u fuq il-kontroll tal-kumpannija akkwistata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 44). |
44 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 54 TFUE, huma intiżi biex jibbenefikaw mil-libertà ta’ stabbiliment, b’mod partikolari, il-kumpanniji rregolati mid-dritt ċivili jew kummerċjali, sakemm dawn ikunu kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, jew il-kumpanniji li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-post tas-sede statutorja, tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-istabbiliment prinċipali tal-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE jservi biex tiġi ddeterminata, bħan-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi, ir-rabta tagħhom mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 97). |
46 |
Min-naħa l-oħra, minn ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jirriżulta li l-oriġini tal-azzjonisti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-kumpanniji residenti fl-Unjoni għandha effett fuq id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jinvokaw il-libertà ta’ stabbiliment, billi l-istatus ta’ kumpannija tal-Unjoni huwa bbażat, skont l-Artikolu 54 TFUE, fuq il-post tas-sede tagħha u tal-ordinament ġuridiku fejn il-kumpannija tkun inkorporata, u mhux fuq in-nazzjonalità tal-azzjonisti tagħha (sentenza tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et, C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 40). |
47 |
Minn dan isegwi li kumpannija bħal Xella Magyarország, anki jekk tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija ċentrali tiegħu hija stabbilita f’pajjiż terz, għandha d-dritt li tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE peress li hija marbuta mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru u għalhekk hija kumpannija tal-Unjoni. |
48 |
Għaldaqstant, l-oriġini tal-azzjonisti ta’ Xella Magyarország ma tista’ fl-ebda każ tiġi invokata sabiex din il-kumpannija tiġi mċaħħda mill-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment u dan iktar u iktar peress li huwa paċifiku li l-proprjetarju aħħari tal-grupp li hija tifforma parti minnu huwa ċittadin Irlandiż. |
49 |
Għalhekk, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda
50 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari, peress li fil-punt preċedenti ġie konkluż li għandha tingħata risposta biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dan ir-rigward, l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru, prima facie, limitati għal Stat Membru wieħed sa fejn, minn naħa, kemm Xella Magyarország, il-kumpannija akkwirenti, kif ukoll Janes és Társa, il-kumpannija akkwistata, huma kumpanniji residenti tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, din id-domanda tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil dan l-Istat Membru jipprojbixxi investimenti f’kumpanniji residenti meqjusa bħala impriżi strateġiċi. |
52 |
Madankollu, jikkostitwixxi element barrani rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari l-fatt li l-kumpannija akkwirenti tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti, b’mod partikolari, fi Stati Membri differenti, u dan anki jekk dawn il-kumpanniji ma jidhru li għandhom ebda rwol dirett fl-akkwist ikkonċernat. |
53 |
Fil-fatt, l-ewwel domanda li tagħmel il-qorti tar-rinviju tirrigwarda espressament il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 276(2)(a) tal-Vmtv, dispożizzjoni li tiċċita din il-qorti u li hija applikata fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
54 |
Issa, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għall-kumpanniji residenti u għall-kumpanniji rreġistrati fi Stati Membri oħra li jakkwistaw sehem f’impriża strateġika, sakemm il-persuna li għandha influwenza determinanti f’dawn il-kumpanniji tkun persuna fiżika jew ġuridika li toriġina minn pajjiż terz. |
55 |
Għalhekk, fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali ġiet applikata fid-dawl tal-fatt li l-grupp ta’ kumpanniji, jiġifieri l-grupp Xella, li jifformaw parti minnu, minbarra l-kumpannija akkwirenti, b’mod partikolari, il-kumpannija omm irregolata mid-dritt Ġermaniż u l-kumpannija “nanna” tagħha rregolata mid-dritt Lussemburgiż, hija, min-naħa tagħha, ikkontrollata minn grupp ieħor ta’ kumpanniji, jiġifieri l-grupp Lone Star, li l-kumpannija holding tiegħu hija rreġistrata f’pajjiż terz, f’dan il-każ fil-Bermuda. |
56 |
Konsegwentement, l-istruttura ta’ proprjetà transkonfinali tal-kumpannija residenti akkwirenti ġewwa l-Unjoni li tikkaratterizza s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija element barrani rilevanti għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari. |
57 |
Għaldaqstant, din id-domanda hija ammissibbli. |
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
58 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitqiesu bħala “restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata kif applikata fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tippermetti lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jipprojbixxu lil kumpannija tal-Unjoni, għal raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ ordni pubbliku, milli jakkwistaw sehem f’kumpannija residenti “strateġika” li tippermettilha teżerċita influwenza ċerta fuq il-ġestjoni u l-kontroll ta’ din l-aħħar kumpannija tikkostitwixxi, manifestament, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ din il-kumpannija tal-Unjoni, f’dan il-każ, restrizzjoni partikolarment serja. |
Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
60 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tkun tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija tkun trid tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tinkludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni, sa fejn tippermetti li jiġi pprojbit, b’mod partikolari, l-akkwist tal-proprjetà ta’ kumpanniji residenti strateġiċi jekk dan l-akkwist jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika interess tal-Istat, hija intiża, b’mod partikolari, biex tiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista “fir-rigward tal-ħtiġijiet soċjali bażiċi”, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 52(1) TFUE. |
62 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif miġbura fil-qosor fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa inkwistjoni l-interess speċifiku tal-Istat intiż li jiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, għal dak li jirrigwarda ċerta materja prima bażika, jiġifieri ż-żrar, ir-ramel u t-tafal, li jirriżultaw minn attività ta’ estrazzjoni minerarja fit-territorju nazzjonali. |
63 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 52(1) TFUE jipprevedi li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika. |
64 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li motivi ta’ natura purament ekonomika marbuta mal-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali jew mal-funzjonament tajjeb tagħha ma jistgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għal ostakolu għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati (sentenza tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li raġunijiet ta’ natura ekonomika li jsegwu għan ta’ interess ġenerali jew il-garanzija ta’ servizz ta’ interess ġenerali jistgħu jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 53, u tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-Unjoni, u b’mod partikolari bħala deroga minn libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, dawn il-motivi għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’hekk, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Barra minn hekk, dawn il-motivi ma jistgħux jiġu ddevjati mill-funzjoni proprja tagħhom sabiex iservu, fil-fatt, għal finijiet purament ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C‑54/99, EU:C:2000:124, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Fir-rigward speċifikament ta’ għan marbut mas-sigurtà tal-provvista, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali għan jista’ jiġi invokat biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑244/11, EU:C:2012:694, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Fil-kuntest ta’ impriżi li jeżerċitaw attivitajiet u jipprovdu servizzi pubbliċi fl-oqsma taż-żejt, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li jiġu ggarantiti s-sigurtà u l-provvisti ta’ tali prodotti jew il-provvista ta’ tali servizzi fil-każ ta’ kriżi, fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika u, għaldaqstant, jiġġustifika eventwalment ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑244/11, EU:C:2012:694, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Issa, ma jistax jitqies li l-għan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa intiż biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista favur is-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward ta’ ċerti materji primi bażiċi, jiġifieri ż-żrar, ir-ramel u t-tafal, li jirriżultaw minn attività ta’ estrazzjoni minerarja, jaqa’, bħall-għan marbut mas-sigurtà tal-provvista tas-setturi taż-żejt, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija, taħt “interess fundamentali tas-soċjetà”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li ma hemmx lok li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza tiġi estiża għal dan l-għan. |
70 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, dan l-għan huwa invokat sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li, kif diġà ġie indikat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, għandha titqies li hija ta’ natura partikolarment serja, peress li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fundamentali minn soċjetà tal-Unjoni. |
71 |
Barra minn hekk, ma jidhirx, fid-dawl tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li, fir-rigward tal-provvista ta’ materja prima bażika favur is-settur tal-kostruzzjoni lokali, l-akkwist ipprojbit mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa effettivament ta’ natura li joħloq “theddida reali u suffiċjentement serja”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza. |
72 |
F’dan ir-rigward, jidher, fil-fatt, li huwa stabbilit, minn naħa, li qabel dan l-akkwist, il-kumpannija xerrejja kienet diġà tixtri madwar 90 % tal-produzzjoni tal-materja prima bażika kkonċernata mill-minjiera tal-kumpannija akkwistata sabiex tittrasformahom fil-fabbrika tagħha li kienet tinsab qrib din il-minjiera u li l-10 % l-oħra ta’ din il-produzzjoni kienu mixtrija minn impriżi lokali fis-settur tal-kostruzzjoni. |
73 |
Min-naħa l-oħra, huwa magħruf li peress li dawn il-materji primi bażiċi għandhom, min-natura tagħhom, valur fis-suq relattivament baxx meta mqabbel, fuq kollox, mal-ispiża tat-trasport tagħhom, ir-riskju ta’ esportazzjoni ta’ parti sinjifikattiva tal-produzzjoni tal-imsemmija minjiera iktar milli l-bejgħ tal-imsemmija materja prima bażika fis-suq lokali jidher ftit probabbli, jew saħansitra eskluż fil-prattika. |
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin previst mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jippermetti l-projbizzjoni tal-akkwist tal-proprjetà ta’ kumpannija residenti meqjusa bħala strateġika minn kumpannija residenti oħra li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati Membri, li fiha impriża ta’ pajjiż terz għandha influwenza determinanti, minħabba li dan l-akkwist jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-interess tal-Istat li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward tal-materja prima bażika, bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal. |
Fuq it-tieni domanda
75 |
Peress li l-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni domanda tagħha biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda u peress li din tal-aħħar irċeviet risposta negattiva, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà tal-istabbiliment |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
dawn jipprekludu mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin previst mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jippermetti l-projbizzjoni tal-akkwist tal-proprjetà ta’ kumpannija residenti meqjusa bħala strateġika minn kumpannija residenti oħra li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati Membri, li fiha impriża ta’ pajjiż terz għandha influwenza determinanti, minħabba li dan l-akkwist jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-interess tal-Istat li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward tal-materja prima bażika, bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.