EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0096

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
CDIL ̶ Companhia de Distribuição Integral Logística Portugal, S.A. vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kwantità ta’ sigaretti li jistgħu jiġu rrilaxxati għall-konsum matul perijodu partikolari għal limitu massimu li jikkorrispondi għall-medja fix-xahar tal-kwantitajiet irrilaxxati għall-konsum matul it-tnax-il xahar preċedenti – Artikolu 36 TFUE – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-prattiki abbużivi – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 7 – Mument tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa – Rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Artikolu 9 – Kundizzjonijiet tal-eżiġibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli – Qbiż tal-limitu kwantitattiv applikabbli – Eċċess – Applikazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance.
Kawża C-96/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1025

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kwantità ta’ sigaretti li jistgħu jiġu rrilaxxati għall-konsum matul perijodu partikolari għal limitu massimu li jikkorrispondi għall-medja fix-xahar tal-kwantitajiet irrilaxxati għall-konsum matul it-tnax-il xahar preċedenti – Artikolu 36 TFUE – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-prattiki abbużivi – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 7 – Mument tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa – Rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Artikolu 9 – Kundizzjonijiet tal-eżiġibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli – Qbiż tal-limitu kwantitattiv applikabbli – Eċċess – Applikazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance”

Fil-Kawża C‑96/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

CDIL – Companhia de Distribuição Integral Logística Portugal S.A.

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: L. Carrasco Marco,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CDIL – Companhia de Distribuição Integral Logística Portugal S.A., minn A. Moura Portugal u I. Teixeira, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Rodrigues u N. Vitorino, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland, I. Melo Sampaio u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CDIL – Companhia de Distribuição Integral Logística Portugal S.A. (iktar ’il quddiem “CDIL”), u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall), dwar aġġustament li jirrigwarda d-dazji tas-sisa dovuti minn CDIL għar-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti fil-Portugall.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2008/118

3        Il-premessi 2, 8, 9, u 31 tad-Direttiva 2008/118 kienu jistabbilixxu:

“(2)      Il-kondizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti koperti mid-Direttiva 92/12/KEE [tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)], minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’, jeħtieġ li jibqgħu armonizzati sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern.

[...]

(8)      Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-Komunità meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.

(9)      Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li, taħt xi ċirkostanzi, jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox.

[...]

(31)      L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu li l-oġġetti rilaxxati għall-konsum ikollhom marki fiskali jew marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali. L-użu ta’ dawn il-marki m’għandu jostakola bl-ebda mod il-kummerċ intra-Komunitarju.

Peress li l-użu ta’ dawn il-marki m’għandux iwassal għal tassazzjoni doppja, għandu jiġi ċċarat li kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn ilmarki għandu jiġi rimborżat, maħfur jew rilaxxat millIstat Membru li ħareġ dawn il-marki jekk id-dazju tas-sisa jkun sar dovut u nġabar fi Stat Membru ieħor.

Madankollu, sabiex jiġi evitat kull abbuż, l-Istati Membri li ħarġu dawn il-marki għandhom ikunu jistgħu jagħmlu rimborż, maħfra jew rilaxx bil-kondizzjoni li tiġi ppreżentata evidenza li dawn tneħħew jew inqerdu.”

4        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[...]

ċ)      tabakk manifatturat kopert [mid-Direttiva tal-Kunsill] 95/59/KE [tas‑27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283)], mid-[Direttiva tal-Kunsill] 92/79/KEE [tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 202)] u mid-[Direttiva tal-Kunsill] 92/80/KEE [tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 204)].”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’:

a)      il-produzzjoni tagħhom, inkluż, fejn applikabbli, l-estrazzjoni tagħhom, ġewwa t-territorju tal-Komunità [Ewropea];

b)      l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità.”

6        L-Artikolu 7(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;

ċ)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

3.      Il-ħin tar-rilaxx għall-konsum għandu jkun:

a)      fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(1)(a)(ii), il-ħin tar-riċeviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mid-destinatarju reġistrat;

b)      fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(1)(a)(iv), il-ħin tar-riċeviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mid-destinatarju;

ċ)      fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(2), il-ħin tar-riċeviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-post tal-konsenja diretta.”

7        Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva:

“Il-kondizzjonijiet tal-impożizzjoni tal-ħlas u r-rata tad-dazju tassisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha d-dazju jsir dovut fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.

Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u miġbur u, fejn xieraq, rimborżat jew maħfur skont il-proċedura stabbilita minn kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-prodotti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra.”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi:

“Barra mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 33(6), l-Artikolu 36(5), u l-Artikolu 38(3), kif ukoll dawk previsti fid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1, id-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum jistgħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jiġu rimborżati jew maħfura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn dawk il-prodotti ġew rilaxxati għall-konsum fis-sitwazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri u skont il-kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għall-fini tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.”

9        L-Artikolu 39(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) ta’ din id-direttiva kienu jipprovdu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkollhom marki fiskali jew marki nazzjonali ta’ identifikazzjoni użati għal finijiet fiskali fil-mument meta l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum fit-territorju tagħhom, jew, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 33(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 36(1), meta dawn jidħlu fit-territorju tagħhom.

[...]

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu sabiex jiżguraw li dan l-Artikolu jiġi implimentat b’mod korrett u biex jevitaw kull tip ta’ evażjoni, ħrib jew abbuż, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amrki fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali kif stabbiliti fil-paragrafu 1 ma joħolqux ostakoli għall-moviment ħieles tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

[...]”

10      Id-Direttiva 2008/118 tħassret, b’effett mit‑13 ta’ Frar 2023, bid-Direttiva tal-Kunsill 2020/262/UE tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60).

11      Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kundizzjonijiet tal-intaxxar u r-rati tad-dazju tas-sisa li jridu jintużaw”:

“Il-kundizzjonijiet tal-intaxxar u r-rata tad-dazju tas-sisa li jridu jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data meta d-dazju jsir dovut fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.

Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost, jinġabar u, meta xieraq, rimborżat jew maħfur, skont il-proċedura stabbilita minn kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-oġġetti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, meta r-rati tad-dazju tas-sisa jinbidlu, stokks ta' oġġetti soġġetti għas-sisa li jkunu diġà rilaxxati għall-konsum jistgħu jkunu soġġetti, fejn adatt, għal żieda, jew tnaqqis, tad-dazju tas-sisa.”

 Iddritt Portugiż

12      Skont l-Artikolu 8 tal-Código dos Impostos Especiais de Consumo (il-Kodiċi dwar id-Dazji tas-Sisa) (iktar ’il quddiem iċ-“CIEC”), intitolat “Eżiġibbiltà”:

“1.      Id-dazji huma eżiġibbli fit-territorju nazzjonali fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 5 jew tal-konstatazzjoni tat-telf li għandu jiġi ntaxxat konformement ma’ dan il-kodiċi.

2.      Ir-rata ta’ dazju li għandha tiġi applikata fit-territorju nazzjonali hija dik li tkun fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà.”

13      L-Artikolu 9 taċ-CIEC, intitolat “Rilaxx għall-konsum”, jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi, huwa meqjus bħala ‘rilaxx għall-konsum’ ta’ prodotti suġġetti għal dazju:

a)      it-tluq, inkluż it-tluq irregolari, ta’ dawn il-prodotti, mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

b)      iż-żamma ta’ dawn il-prodotti barra mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju mingħajr ma jkun inġabar id-dazju dovut;

c)      il-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti barra mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju mingħajr ma jkun inġabar id-dazju dovut;

d)      l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti, ħlief jekk ikunu suġġetti, immedjatament wara l-importazzjoni tagħhom, għall-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

e)      id-dħul, inkluż id-dħul irregolari, ta’ dawn il-prodotti fit-territorju nazzjonali barra mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

f)      il-waqfien jew il-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ vantaġġ fiskali;

[...]

2.      Il-mument tar-rilaxx għall-konsum għandu jkun:

a)      fil-każ ta’ prodotti li jiċċirkolaw, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, minn maħżen tat-taxxa ddestinat għal destinatarju rreġistrat, il-mument ta’ wasla ta’ dawn il-prodotti mill-imsemmi destinatarju;

b)      fil-każ ta’ prodotti li jiċċirkolaw, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, lejn wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) sa (d), il-mument tal-wasla ta’ dawn il-prodotti mill-imsemmija destinatarji;

c)      fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu preċedenti, il-mument tal-waqfa jew tal-ksur tal-kundizzjonijiet tal-vantaġġ fiskali;

d)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35(4), il-mument tal-wasla tal-prodotti fil-post fejn isseħħ il-kunsinna diretta;

[...]”

14      L-Artikolu 106 taċ-CIEC, intitolat “Regoli speċjali għar-rilaxx għall-konsum”, jipprovdi:

“1.      Ir-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti huwa suġġett għal kundizzjonijiet applikabbli matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Settembru u l‑31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja.

2.      Matul il-perijodu previst fil-paragrafu preċedenti, ir-rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti, imwettqa kull xahar minn kull operatur ekonomiku, ma jistgħux jeċċedu l-limiti kwantitattivi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ żieda ta’ 10 % mal-kwantità medja mensili ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul [it‑tnax‑il] xahar li jiġu eżatt qabel.

3.      Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, il-kalkolu tal-medja mensili għandu jkun ibbażat fuq il-kwantità totali ta’ rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti, mhux eżentati, imwettqa bejn l‑1 ta’ Settembru tas-sena preċedenti u l‑31 ta’ Awwissu tas-sena segwenti.

4.      Kull operatur ekonomiku għandu jipprovdi lill-uffiċċju doganali kompetenti, mhux iktar tard mill‑15 ta’ Settembru ta’ kull sena, dikjarazzjoni inizjali li tindika l-medja mensili tiegħu u li tistabbilixxi l-limitu kwantitattiv applikabbli fil-każ tiegħu matul il-perijodu suġġett għal kundizzjonijiet.

5.      F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, debitament iġġustifikati mit-tibdil f’daqqa u limitat fiż-żmien tal-volum tal-bejgħ, tista’ tiġi awtorizzata l-inosservanza tal-imsemmija limiti kwantitattivi, minkejja li dawn ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-medja mensili għas-sena segwenti.

6.      Wara l-iskadenza tal-perijodu suġġett għal kundizzjonijiet u mhux iktar tard mit-tmiem tax-xahar ta’ Jannar ta’ kull sena, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi lill-uffiċċju doganali kompetenti dikjarazzjoni ta’ rilaxx li tindika l-kwantità totali ta’ sigaretti effettivament rilaxxati għall-konsum matul il-perijodu suġġett għal kundizzjonijiet.

7.      Il-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv imsemmi fil-paragrafu 4 huma suġġetti għall-ħlas tat-taxxa bir-rata fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx meta l-fatt li jkunu qabżu l-limitu jiġi kkonstatat permezz ta’ pparagunar bejn l-elementi li jinsabu f’dan id-dokument u dawk ipproċessati mill-amministrazzjoni, bla ħsara, fejn xieraq, għall-proċedura ta’ ksur li hija obbligatorja.

8.       Ir-regoli previsti f’dan l-artikolu huma applikabbli individwalment fil-Portugall kontinentali, għar-reġjun awtonomu tal-Açores u għar-reġjun awtonomu ta’ Madeira, b’tali mod li l-obbligi previsti fil-paragrafi preċedenti għandhom jiġu ssodisfatti quddiem l-uffiċċju doganali fejn jiġu pproċessati r-rilaxxi għall-konsum.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      CDIL, kumpannija rregolata mid-dritt Portugiż, hija impriża attiva fil-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk li topera bħala magazzinier awtorizzat mill-awtorità fiskali u doganali Portugiża fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira.

16      Fil‑15 ta’ Settembru 2010, CDIL, konformement mal-Artikolu 106(4) taċ-CIEC, ippreżentat quddiem l-uffiċċju doganali ta’ Funchal (il-Portugall) dikjarazzjoni inizjali li kienet tindika l-kwantità medja mensili ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul it-tnax-il xahar preċedenti, jiġifieri bejn l‑1 ta’ Settembru 2009 u l‑31 ta’ Awwissu 2010.

17      Fit‑22 ta’ Settembru 2010, l-uffiċċju doganali ta’ Funchal informa lil CDIL li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta, kien ġie impost fuqha limitu kwantitattiv mensili ta’ 1 644 005 sigarett għall-perijodu suġġett għal kundizzjonijiet mill‑1 ta’ Settembru 2010 sal‑31 ta’ Diċembru 2010, ikkalkolat konformement mal-Artikolu 106(1) u (2) taċ-CIEC.

18      Fit‑18 ta’ Novembru 2010, CDIL talbet, skont l-Artikolu 106(5) taċ-CIEC, l-awtorizzazzjoni li ma tosservax dan il-limitu kwantitattiv.

19      Fis‑7 ta’ Jannar 2011, l-uffiċċju doganali ta’ Funchal ċaħad din it-talba minħabba li n-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu kwantitattiv inkwistjoni ma kienx iġġustifikat minn tibdil f’daqqa u limitat fiż-żmien tal-volum ta’ bejgħ, kif teħtieġ din id-dispożizzjoni. CDIL ippreżentat azzjoni amministrattiva kontra din id-deċiżjoni, li wkoll ġiet miċħuda.

20      Fit‑18 ta’ Jannar 2011, CDIL, konformement mal-Artikolu 106(6) taċ-CIEC, ippreżentat quddiem l-uffiċċju doganali ta’ Funchal dikjarazzjoni ta’ clearance li, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Settembru sal‑31 ta’ Diċembru 2010, iċċertifikat ir-rilaxx għall-konsum ta’ kwantità ta’ sigaretti iktar minn tliet darbiet ogħla mil-limitu kwantitattiv stabbilit għall-istess perijodu.

21      Skont l-Artikolu 106(7) taċ-CIEC, CDIL kienet suġġetta għal aġġustament tad-dazji tas-sisa dovuti għal ammont ta’ EUR 4 607.69, miżjud b’EUR 1.80, fuq il-bażi tan-numru ta’ sigaretti li hija kienet irrilaxxat għall-konsum matul il-perijodu mill‑1 ta’ Settembru u l‑31 ta’ Diċembru 2010 u li kien qabeż il-limitu kwantitattiv previst fl-Artikolu 106(2) taċ-CIEC. Konformement mal-Artikolu 106(7) tas-CIEC, l-uffiċċju doganali kkalkola d-dazji tas-sisa dovuti billi applika r-rata fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance.

22      CDIL ikkontestat dan l-aġġustament quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, il-Portugall), li ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2016.

23      CDIL ippreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju.

24      Quddiemha, CDIL, li ma tikkontestax li qabżet il-limiti kwantitattivi applikabbli matul il-perijodu suġġett għal kundizzjonijiet inkwistjoni, issostni li l-Artikolu 106 taċ-CIEC ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

25      Fil-fatt, minn naħa, l-impożizzjoni ta’ limitu legali għall-kwantità ta’ sigaretti li jistgħu jiġu rrilaxxati għall-konsum, sa fejn din taffettwa fuq kollox, fil-prattika, is-sigaretti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni pprojbita mill-Artikolu 34 TFUE, li ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 36 TFUE.

26      Min-naħa l-oħra, CDIL issostni li l-applikazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx kienet tikser l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118, li minnhom jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rata applikabbli huma dawk fis-seħħ fid-data li fiha t-tabakk ġie rrilaxxat għall-konsum.

27      L-awtorità fiskali u doganali ssostni, min-naħa tagħha, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timponi ebda restrizzjoni kwantitattiva u lanqas miżura li għandha effett ekwivalenti li tista’ tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha.

28      Barra minn hekk, hija ssostni li din il-leġiżlazzjoni hija konformi mad-Direttiva 2008/118 sa fejn, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum, kif jeżiġu l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118.

29      Huwa proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-limiti kwantitattivi fuq ir-rilaxx għall-konsum imposti permezz tal-Artikolu 106 [taċ-CIEC], sa fejn għandhom bħala effett li jobbligaw lill-operaturi, fl-aħħar erba’ xhur ta’ kull sena, li jirrilaxxaw fis-suq kwantitajiet li ma jaqbżux dawk ekwivalenti għall-kwantità medja mensili ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul it-tnax-il xahar li jiġu eżatt qabel, jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE?

2)       L-issuġġettar tal-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum imsemmi fl-Artikolu 106(2) tal-CIEC għat-taxxa bir-rata fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance, skont il-paragrafu 7 tal-istess artikolu, imur kontra r-regoli rigward l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa introdotti permezz tal-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva [2008/118]?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-kwantità ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum kull xahar minn operatur ekonomiku matul il-perijodu mill‑1 ta’ Settembru sal‑31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja ma għandhiex taqbeż il-kwantità medja mensili ta’ sigaretti li dan l-operatur ikun irrilaxxa għall-konsum matul it-tnax-il xahar preċedenti, b’żieda ta’ 10 %.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll f’kull miżura li għandha effett ekwivalenti (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Booky.fi, C‑662/21, EU:C:2023:239, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Issa, minn naħa, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ limiti kwantitattivi għar-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti fit-territorju ta’ Stat Membru, ma tikkostitwixxix “restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, peress li ma tirrestrinġix il-kwantitajiet ta’ sigaretti li jistgħu jiġu importati f’dan l-Istat Membru.

33      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE hija intiża għall-miżuri kollha tal-Istati Membri li jistgħu jostakolaw direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, minkejja li tali miżura la jkollha bħala għan u lanqas bħala effett li tittratta b’mod inqas favorevoli l-prodotti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Booky.fi, C‑662/21, EU:C:2023:239, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq l-operaturi kkonċernati ta’ limitazzjonijiet fuq il-kwantità ta’ sigaretti li dawn jistgħu jirrilaxxaw għall-konsum, hija ta’ natura li tiddisswadihom, jew li tagħmel inqas attraenti f’għajnejhom, l-importazzjoni, fl-Istat Membru li jkun stabbilixxa din il-miżura, ta’ sigaretti fi kwantitajiet ogħla mil-limiti stabbiliti.

35      Għaldaqstant, tali miżura hija, potenzjalment, ta’ natura li tostakola l-aċċess, għas-suq tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ sigaretti li jistgħu jiġu importati minn Stati Membri oħra u, għaldaqstant, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, bħala prinċipju inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-artikolu.

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ madankollu tkun iġġustifikata minħabba waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minħabba rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Booky.fi, C‑662/21, EU:C:2023:239, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex jiġi evitat li l-operaturi ma jipproċedux, f’mument meta r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli għas-sigaretti s-sena ta’ wara tkun diġà magħrufa, għar-rilaxx għall-konsum tagħhom, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġu kkostitwiti ħażniet sinjifikattivi ta’ sigaretti suġġetti għal rata ta’ dazju tas-sisa iktar baxxa minn dik li ser tkun applikabbli dik is-sena, li matulha huma ser jiġu effettivament ikkummerċjalizzati. Għalhekk, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li din il-miżura hija intiża għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u sabiex tippreżerva d-dħul fiskali tal-Istat Portugiż. Skont il-gvern ta’ dan l-Istat Membru, din il-miżura, sa fejn hija intiża sabiex tiggarantixxi l-effettività tad-dħul fis-seħħ taż-żieda tar-rata ta’ tassazzjoni tal-prodotti tat-tabakk, issegwi wkoll għan ta’ saħħa pubblika.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evitar tat-taxxa jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika l-istabbiliment ta’ restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Obbligu ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑788/19, EU:C:2022:55, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) kif ukoll mill-premessa 31 tad-Direttiva 2008/118, dan l-għan, flimkien ma’ dak tal-ġlieda kontra l-abbużi eventwali, huwa barra minn hekk fost l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rilaxx għall-konsum ta’ pakketti tas-sigaretti f’kwantitajiet eċċessivi fi tmiem is-sena, b’antiċipazzjoni ta’ żieda fid-dazju tas-sisa, jista’ jikkostitwixxi forma ta’ abbuż li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipprevjeni b’miżuri xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑126/15, EU:C:2017:504, punti 59 u 60).

40      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni tinsab fost ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat diversi drabi li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 30).

41      Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-elementi li tressqu għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw, bħala prinċipju, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija.

42      Hekk kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, għad irid jiġi evalwat jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet leġittimi u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom.

43      F’dan ir-rigward, hija fl-aħħar lok il-qorti tar-rinviju, li unikament għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn din il-leġiżlazzjoni ssodisfatx dawn ir-rekwiżiti. Għal dan il-għan, din il-qorti hija obbligata li teżamina b’mod oġġettiv, bl-għajnuna tad-data tal-istatistika, ad hoc jew b’mezzi oħra, jekk il-provi prodotti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-mezzi magħżula huma adatti sabiex jitwettqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu kif ukoll jekk huwiex possibbli li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi tal-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Booky.fi, C‑662/21, EU:C:2023:239, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lil dik il-qorti, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li kienu ġew ippreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu li l-imsemmija qorti tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Booky.fi, C‑662/21, EU:C:2023:239, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kapaċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tilħaq l-għanijiet invokati, għandu jiġi rrilevat li din hija ta’ natura li tiddisswadi lill-operaturi ekonomiċi milli jakkumulaw fi tmiem is-sena, bl-għan li jiġu nnewtralizzati l-effetti ta’ żieda futura tar-rata tad-dazju tas-sisa, sigaretti fir-realtà intiżi sabiex jiġu kkummerċjalizzati s-sena ta’ wara. Bil-kontra, l-assenza ta’ limiti kwantitattivi applikabbli għas-sigaretti mqiegħda fis-suq matul il-perijodu suġġett għal kundizzjonijiet tagħmel ineffettiv is-seħħ ta’ effett taż-żieda futura tar-rata tad-dazju tas-sisa, li ġeneralment ifisser żieda fil-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-pakketti ta’ sigaretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑221/08, EU:C:2010:113, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) u b’hekk jiġi nnewtralizzat, tal-inqas sa ċertu punt, l-effett dissważiv potenzjali ta’ tali żieda għall-konsumaturi. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni tidher xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa jew il-prattiki abbużivi.

46      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li s-saħħa pubblika tokkupa, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat (1) FUE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell li bih għandhom l-intenzjoni li jiżguraw din il-protezzjoni kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq, b’tali mod li dawn għandhom marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li d-dannu miġjub għall-moviment liberu tas-sigaretti permezz ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din il-miżura jitwettqu.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-limitu kwantitattiv impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq kull operatur ekonomiku huwa ddeterminat skont il-kwantità medja mensili ta’ sigaretti li jkun irrilaxxa għall-konsum matul it-tnax-il xahar preċedenti, miżjuda b’10 %, u li din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ natura assoluta sa fejn tipprevedi l-possibbiltà, fl-Artikolu 106(5) taċ-CIEC, li ssir deroga minn dan il-limitu kwantitattiv, fil-każ ta’ tibdil f’daqqa u limitat fiż-żmien tal-volum ta’ bejgħ.

49      Min-naħa l-oħra, għalkemm, ċertament, l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi, fl-Artikolu 106(7) taċ-CIEC, il-possibbiltà li tinbeda proċedura ta’ ksur kontra l-operatur ekonomiku li jkun qabeż il-limitu kwantitattiv li ġie stabbilit għalih, tali possibbiltà ma taffettwax, fiha nnifisha, in-natura proporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni, sa fejn is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fi tmiem din il-proċedura jkunu huma stess proporzjonati.

50      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, barra minn hekk, li l-pakketti tas-sigaretti, ladarba jitqiegħdu fis-suq, la jistgħu jiġu kkummerċjalizzati u lanqas mibjugħa iktar tard mit-tielet xahar tas-sena ta’ wara dik li matulha jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum. Fil-fatt, tali projbizzjoni ssaħħaħ, għall-kuntrarju, l-effikaċja u l-koerenza ta’ din il-leġiżlazzjoni, billi tħeġġeġ lill-operaturi ekonomiċi sabiex ma jwettqux, matul sena kalendarja partikolari, ir-rilaxx għall-konsum ta’ kwantitajiet eċċessivi ta’ sigaretti b’antiċipazzjoni ta’ żieda tad-dazji tas-sisa matul is-sena kalendarja sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punti 66, 72, 78 u 79).

51      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel domanda preliminari tiġi risposta li l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bl-għan tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-prattiki abbużivi kif ukoll tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tipprevedi li l-kwantità ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum kull xahar minn operatur ekonomiku matul il-perijodu mill‑1 ta’ Settembru sal‑31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja ma għandhiex taqbeż il-kwantità medja ta’ kull xahar ta’ sigaretti li dan l-operatur ikun irrilaxxa għall-konsum matul tnax-il xahar preċedenti, miżjuda b’10 %.

 Fuq ittieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kwantità ta’ sigaretti li taqbeż il-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum previst min din l-leġiżlazzjoni hija suġġetta għar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ f’data sussegwenti għal dik tar-rilaxx għall-konsum tagħha.

53      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2008/118 hija intiża li tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazji tas-sisa li jolqtu direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li fosthom hemm it-tabakk immanifatturat, u dan, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta’ eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa u l-kundizzjonijiet relatati miegħu jkunu identiċi fl-Istati Membri kollha (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA, C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, għalhekk, li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern permezz tal-moviment liberu, fl-Unjoni Ewropea, tal-prodotti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MONO, C‑326/20, EU:C:2022:7, punt 28).

54      B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi li l-fatt taxxabbli, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa kkostitwit mill-produzzjoni, fit-territorju tal-Unjoni, tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jew mill-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA, C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Madankollu, skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa sseħħ fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u fl-Istat Membru fejn iseħħ dan ir-rilaxx.

56      Konformement mal-għan, stabbilit fil-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118, li jiġi armonizzat il-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa u, għalhekk, li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jelenka s-sitwazzjonijiet li jagħtu lok għal “rilaxx għall-konsum”, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

57      Skont l-Artikolu 7(2)(a) tal-istess direttiva, dan il-kunċett ta’ “rilaxx għall-konsum” jinkludi, b’mod partikolari, kull tluq, inkluż dak irregolari, ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA, C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Tali arranġament huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li jaqgħu taħtu ma jkunux għadhom eżiġibbli, minkejja li l-fatt taxxabbli tal-impożizzjoni jkun diġà seħħ. Għaldaqstant, fir-rigward tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA, C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-fatt, peress li d-dazju tas-sisa huwa, kif tfakkar fil-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118, taxxa fuq il-konsum, il-mument li fih isseħħ l-eżiġibbiltà għandu, bħala prinċipju, ikun jinsab l-iktar qrib id-data tal-konsum tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA, C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, il-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandha tiġi applikata huma dawk fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà fl-Istat Membri fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprovdi, minbarra dan, li d-dazji tas-sisa għandhom jiġu imposti, miġbura u, fejn xieraq, irrimborsati jew maħfura skont il-modalitajiet stabbiliti minn kull Stat Membru.

61      Għalhekk, sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jirreferi għad-dritt nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa fir-rigward, b’mod partikolari, tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, dan jimplika neċessarjament li l-Istati Membri għandhom ċertu setgħa leġiżlattiva f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 61).

62      Madankollu, konformement mal-għan, li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/118, li jiġi armonizzat il-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kif tfakkar fil-punti 53, 55 u 56 ta’ din is-sentenza, il-“kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà” imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom neċessarjament jiġu distinti mill-kundizzjonijiet relatati mal-kunċett stess ta’ eżiġibbiltà, li, kif tistabbilixxi l-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, għandhom jibqgħu identiċi fl-Istati Membri kollha.

63      Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(1) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-istess direttiva, dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar jirrigwardaw il-mument li fih id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli, għall-Istat Membru li fih dawn għandhom jinġabru kif ukoll id-data rilevanti għad-determinazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli.

64      Minn dan isegwi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-imsemmija kundizzjonijiet, b’mod partikolari minn dik dwar id-data rilevanti għad-determinazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli.

65      Għaldaqstant, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi li din id-data għandha tikkorrispondi għal dik tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa u li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118 jimponi b’mod ċar u inkundizzjonat li din l-eżiġibbiltà tiġi marbuta mal-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodott suġġett għal dawn id-dazji, ir-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli għandha neċessarjament tkun dik fis-seħħ fil-mument ta’ dan ir-rilaxx għall-konsum.

66      Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2008/118, intitolat “Movimenti u tassazzjoni tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum”, li jipprevedu b’mod espliċitu l-każijiet li fihom id-dazji tas-sisa relatati ma’ prodott diġà rrilaxxat għall-konsum isiru eżiġibbli f’mument sussegwenti għal dak tar-rilaxx għall-konsum. Dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw is-sitwazzjonijiet li fihom prodott suġġett għad-dazji tas-sisa li kien is-suġġett ta’ rilaxx għall-konsum fi Stat Membru jiġi sussegwentement ittrasferit fi Stat Membru ieħor. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqa’ taħt ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

67      Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux, fil-kuntest tal-arranġament li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, kif kienet fis-seħħ qabel ma tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2020/262, li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 8 tagħha jemenda, fuq dan il-punt, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, jipprevedu li r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli għas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum bi ksur tal-limitu kwantitattiv stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija dik fis-seħħ f’data sussegwenti għal dik tar-rilaxx għall-konsum tagħhom.

68      Għalkemm, ċertament, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2008/118 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi eventwali, xorta jibqa’ l-fatt li s-setgħa regolatorja tagħhom sabiex jadottaw tali miżuri ma tistax tiġi eżerċitata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7(1) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tagħha, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni u espost, b’mod partikolari, fil-premessa 8 tal-imsemmija direttiva.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-tieni domanda preliminari tiġi risposta li l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kwantità ta’ sigaretti li taqbeż il-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum previst minn din il-leġiżlazzjoni hija suġġetta għar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ f’data sussegwenti għal dik tar-rilaxx għall-konsum tagħha.

 Fuq lispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bl-għan tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-prattiki abbużivi kif ukoll tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tipprevedi li l-kwantità ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum kull xahar minn operatur ekonomiku matul il-perijodu mill1 ta’ Settembru sal31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja ma għandhiex taqbeż il-kwantità medja ta’ kull xahar ta’ sigaretti li dan l-operatur ikun irrilaxxa għall-konsum matul tnax-il xahar preċedenti, miżjuda b’10 %.

2)      L-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kwantità ta’ sigaretti li taqbeż il-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum previst minn din il-leġiżlazzjoni hija suġġetta għar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ f’data sussegwenti għal dik tar-rilaxx għall-konsum tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.


1      Ir-rekwiżiti marbuta ma’ livell għoli ta’ saħħa pubblika huma stabbiliti fl-Artikolu 9 TFUE, fejn ebda dispożizzjoni tat-TUE ma tirreferi għas-saħħa pubblika.

Top