This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0087
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 13 July 2023.#TT v AK.#Request for a preliminary ruling from the Landesgericht Korneuburg.#Reference for a preliminary ruling – Jurisdiction in matters of parental responsibility – Regulation (EC) No 2201/2003 – Articles 10 and 15 – Transfer to a court of another Member State better placed to hear the case – Conditions – Court of the Member State to which the child has been wrongfully removed – The 1980 Hague Convention – Best interests of the child.#Case C-87/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
TT vs AK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – It-Trasferiment għal qorti li tinstab f'post aħjar sabiex jinstema’ l-każ – Kundizzjonijiet – Qorti tal-Istat Membru fejn il-minuri tneħħa illegalment – Konvenzjoni ta’ Den Haag 1980 – Interessi superjuri tal-minuri.
Kawża C-87/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
TT vs AK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – It-Trasferiment għal qorti li tinstab f'post aħjar sabiex jinstema’ l-każ – Kundizzjonijiet – Qorti tal-Istat Membru fejn il-minuri tneħħa illegalment – Konvenzjoni ta’ Den Haag 1980 – Interessi superjuri tal-minuri.
Kawża C-87/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:571
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – Rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tinsab f’pożizzjoni aħjar li tisma’ l-kawża. – Kundizzjonijiet – Ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn il-minuri tneħħa illegalment – il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – L-aħjar interessi tal-minuri”
Fil-Kawża C‑87/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
TT
vs
AK
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, L. S. Rossi (Relatriċi), J.-C. Bonichot u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal TT, minn Z. Gáliková, M. Hrabovská, advokátky u minn P. Hajek u P. Rosenich, Rechtsanwälte, |
– |
għal AK, minn S. Lenzhofer u L. Stelzer Páleníková, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Slovakk, minn S. Ondrášiková u B. Ricziová, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold u W. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TT, ċittadin Slovakk li jirrisjedi fl-Awstrija, u AK, ċittadina Slovakka, dwar il-kustodja taż-żewġ ulied komuni tagħhom residenti fis-Slovakkja ma’ din tal-aħħar. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980
3 |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”), jgħid: “Kull Stat kontraenti għandu jaħtar Awtorità Ċentrali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi imposti fuqu mill-Konvenzjoni.” |
4 |
L-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) ta’ din il-konvenzjoni jistipula: “Il-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li jsostni li minuri ġie mneħħi jew miżmum bi ksur tad-dritt ta’ kustodja jistgħu jmorru jew quddiem l-Awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri, jew quddiem dik ta’ kwalunkwe Stat kontraenti ieħor, għall-assistenza tagħhom sabiex ir-ritorn tal-minuri jiġi żgurat. [traduzzjoni mhux uffiċjali] ”. L-applikazzjoni tista’ tkun akkumpanjata jew issupplimentata minn: […]
[…]”. |
5 |
L-Artikolu 16 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi: “Wara li jkunu ġew informati bit-tneħħija illegali ta’ wild jew biż-żamma tiegħu, fil-kuntest tal-Artikolu 3, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti li lejh tneħħa l-wild jew li fih qiegħed jinżamm ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-mertu tad-drittijiet ta’ kustodja sakemm ma jiġix stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għal ritorn tal-wild ma jkunux issodisfatti, jew sakemm ma jkunx għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun saret talba b’applikazzjoni tal-Konvenzjoni.” |
Ir‑Regolament Nru 2201/2003
6 |
Il-premessi 12, 13, 17, u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma redatti kif ġej:
[…]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…] il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri; […]
|
8 |
L-imsemmi regolament jinkorpora l-Kapitolu II, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, li jinkludi, fit-Taqsima 2 tiegħu, li hija stess hija intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, l-Artikoli 8 sa 15 tal-istess regolament. |
9 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi li: “1. Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun ġiet adita]. “2. Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.” |
10 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament, taħt it-titolu “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”, jipprevedi: “F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri [wild], il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u
|
11 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1sa 3 tiegħu: “1. Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [abbażi] [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8. 2. Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l‑1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom. 3. Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.” |
12 |
L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Proroga tal-ġurisdizzjoni”, jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri lill-qorti tal-Istat Membru li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar talba għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ. |
13 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprevedi: “1. B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:
2. Il-Paragrafu 1 għandu japplika:
Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet. 3. Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;
4. Il-qrati ta’ l-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1. Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14. 5. Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni. F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14. 6. Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.” |
14 |
L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji]”, jipprevedi: “1. F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni. 2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.” |
15 |
L-Artikolu 60 tal-istess regolament jistabbilixxi: “Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament: […] (e) [il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
16 |
TT, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, u AK, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, it-tnejn ċittadini Slovakki, huma l-ġenituri ta’ V u M, imwielda barra ż-żwieġ fis-Slovakkja matul is-sena 2012. Skont id-dritt Slovakk, il-kustodja tal-minuri hija konġunta. |
17 |
Matul is-sena 2014, il-familja stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija fejn il-minuri attendew crèche u mbagħad skola. Matul is-sena 2017, filwaqt li komplew jirrisjedu fl-Awstrija, il-minuri marru l-iskola fis-Slovakkja, u għalhekk kuljum kienu qegħdin jaqsmu mid-domiċilju tagħhom fl-Awstrija għall-iskola ġdida tagħhom. Il-minuri kienu jikkomunikaw mal-ġenituri u man-nanniet tagħhom bil-lingwa Slovakka u kienu jafu biss xi kliem bil-lingwa Ġermaniża. |
18 |
TT u AK isseparaw fil-bidu tas-sena 2020. Fix-xahar ta’ Lulju 2020, AK ħadet lill-minuri jgħixu magħha fis-Slovakkja, mingħajr il-kunsens ta’ TT. |
19 |
Abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, il-missier ressaq talba għar-ritorn tal-minuri li, skont l-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) ta’ din il-konvenzjoni, tressqet quddiem l-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I, is-Slovakkja). |
20 |
Fl-istess ħin, TT ippreżenta rikors quddiem il-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck-sur-la-Leitha, l-Awstrija) sabiex jingħata, prinċipalment, il-kustodja esklużiva taż-żewġ ulied. Huwa essenzjalment sostna li, wara li ċaqlaq illegalment lil dawn tal-aħħar mill-Awstrija lejn is-Slovakkja, AK kienet ikkompromettiet l-benesseri tagħhom u twaqqafhom milli jkollhom relazzjonijiet ma’ missierhom. |
21 |
AK opponiet din l-aħħar talba billi qajmet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita, minħabba li r-residenza abitwali tal-minuri kienet dejjem tinsab fis-Slovakkja u ma kinux integrati soċjalment fil-post fejn kienet tinsab ir-residenza tal-familja fl-Awstrija. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2021, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba ta’ TT billi laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali mqajma minn AK. |
23 |
TT appella quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2021, biddlet id-deċiżjoni tal-ewwel istanza u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-omm. Wara talba għal reviżjoni straordinarja, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ digriet tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tat‑23 ta’ Ġunju 2021. |
24 |
Fit‑23 ta’ Settembru 2021, AK adixxiet lill-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck-sur-la-Leitha) sabiex din titlob lil qorti tar-Repubblika Slovakka tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja tat-tfal, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(b), (2)(a) u (5) tar-Regolament Nru 2201/2003. F’dan ir-rigward, AK sostniet, minn naħa waħda, li, minbarra l-proċedura ta’ ritorn mibdija minn TT abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 quddiem l-Okresný súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I), diversi proċeduri, mibdija minn kull wieħed mill-ġenituri, kienu pendenti quddiem l-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V, Slovakkja) u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tad-diversi provi hekk miġbura, il-qrati Slovakki kienu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward taż-żewġ minuri. |
25 |
TT oppona din it-talba billi sostna, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax tiġi ttrasferita meta l-qrati tal-Istat Membru l-ieħor, imsejħa sabiex jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom, jiġu aditi b’talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li għaliha jirreferi l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. |
26 |
Il-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha) laqgħet it-talba ta’ AK. Din il-qorti qieset li l-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), li kienet diġà tat diversi deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess ta’ TT fir-rigward tat-tfal, kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-dritt ta’ aċċess fir-rigward taż-żewġ minuri, li ilhom jirrisjedu ma’ ommhom fis-Slovakkja mix-xahar ta’ Lulju 2020 u li ma kinux soċjalment integrati fl-Awstrija. Barra minn hekk, l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem qorti Awstrijaka ssir diffiċli minħabba l-ħtieġa li jkun hemm interpretu ġuramentat għall-intervisti u għall-miżuri ta’ stħarriġ kollha fl-investigazzjonijiet tal-organi Awstrijaki ta’ għajnuna għal-minuri u għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-esperti fil-psikoloġija tal-minuri maħtura. |
27 |
TT appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg). |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ minuri, hijiex awtorizzata tittrasferixxi din il-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 15(1)(b) ta’ dan ir-regolament, lil qorti tal-Istat Membru li fih dan il-wild stabbilixxa, fil-frattemp, ir-residenza abitwali tiegħu wara tneħħija illegali. Fit-tieni lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 humiex ta’ natura eżawrjenti jew jekk jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, fid-dawl tal-ispeċifiċità tat-tneħħija illegali. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi dwar il-kustodja ta’ minuri hija bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, hijiex awtorizzata titlob it-trasferiment lura ta’ din il-kawża, previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, lill-qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri ttieħed b’mod illeċitu minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
31 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa doppja li, minn naħa, it-tneħħija tal-minuri minn AK mill-Awstrija lejn is-Slovakkja, sa fejn seħħet fl-assenza ta’ kunsens ta’ TT, tikkostitwixxi “tneħħija illegali”, fis-sens tal-Artikolu 2(11)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u li, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel it-tneħħija illegali tagħhom, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dawn il-minuri, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. |
32 |
Wara li saret din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi, fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja. |
33 |
Kif jirriżulta mill-premessa 12 tal-imsemmi regolament, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġew maħsuba bl-għan li jissodisfaw l-aħjar interessi tal-minuri u, għal dan l-għan, jiffavorixxu l-kriterju ta’ prossimità. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jittraduċi dan l-għan billi jistabbilixxi, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu, fil-mument li fih il-qorti tkun adita. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-minuri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, CM (Dritt ta’ aċċess ta’ wild li ċċaqlaq), C‑372/22, EU:C:2023:364, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Madankollu, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 8(8) tapplika bla ħsara, b’mod partikolari, għall-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament. |
35 |
Issa, skont dan l-Artikolu 10, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija, bħala regola ġenerali, attribwita lill-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu. |
36 |
Din id-dispożizzjoni timplimenta wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 intiż sabiex jiskoraġġixxi t-tneħħija jew iż-żamma illegali ta’ minuri bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinnewtralizza l-effett li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, iġġib magħha f’każ ta’ ħtif ta’ minuri, jiġifieri t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lejn l-Istat Membru li fih il-minuri jkun kiseb residenza abitwali ġdida, wara l-ħtif tieħu. Peress li dan it-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jista’ jagħti vantaġġ proċedurali lill-awtur tal-att illegali, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprevedi għalhekk li l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali jżommu, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawża inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punti 41 u 44, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 45). |
37 |
L-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi min-naħa tiegħu, il-possibbiltà, b’mod eċċezzjonali, għall-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, li titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża, jew ta’ parti speċifika tagħha, lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, jekk din il-qorti tal-aħħar tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, u meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri. |
38 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk il-possibbiltà li jintalab ir-rinviju hekk irrikonoxxut, b’mod eċċezzjonali, mill-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 tistax tiġi eżerċitata meta l-qorti ta’ Stat Membru jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament u l-qorti li lilha din il-kawża tiġi rrinvijata taqa’ taħt l-Istat Membru li fih il-wild ikkonċernat ikun tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, E., C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni u tal-kuntest tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitfakkar, l-ewwel, li dan l-artikolu jikkompleta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, bis-saħħa ta’ waħda minn dawn ir-regoli, li tipproċedi, b’mod eċċezzjonali, għar-rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44). |
41 |
It-tieni, dan l-istess Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża, fil-paragrafi 2 sa 6 tiegħu, il-modalitajiet ta’ tali rinviju. B’hekk, konformement mal-Artikolu 15(5), il-qorti tal-Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament fil-każ fejn il-qrati tal-Istat Membru l-ieħor ma jkunux iddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni f’terminu ta’ sitt ġimgħat mid-data li fiha jkunu ġew aditi. |
42 |
B’dan il-mod, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea stess ippreveda li l-possibbiltà li jintalab ir-rinviju msemmi fl-Artikolu 15(1) (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tiġi eżerċitata minn qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, CM (Dritt ta’ aċċess għal wild li ċċaqlaq), C‑372/22, EU:C:2023:364, punt 38). |
43 |
It-tielet, mill-formulazzjoni jew mill-kuntest tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 lanqas ma jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għandha tirrinunzja milli tinvoka l-possibbiltà li titlob ir-rinviju previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament meta l-qorti msejħa, jekk ikun il-każ, sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ taħt l-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
44 |
Għall-kuntrarju, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tilwima dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tislet din il-ġurisdizzjoni mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tista’ titqies li hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, tkun, bħala regola ġenerali, qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri jkun tneħħa illegalment. Għaldaqstant, li jiġi eskluż li dan l-Artikolu 15 japplika għal sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jċaħħad minn parti kbira mill-effettività tiegħu l-possibbiltà li qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu skont l-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament għandha, skont l-Artikolu 15(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, li titlob ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha. |
45 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitfakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa jistabbilixxi huma mfassla skont l-aħjar interess tal-minuri, li jikkostitwixxi kunsiderazzjoni primarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz),C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif tenfasizza l-premessa 33 tiegħu, l-imsemmi regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi jiżgura, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-wild, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tagħha. |
46 |
Mill-bqija, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jgħid li r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jservi l-aħjar interess tal-wild, jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju gwida tal-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tfassil ta’ dan ir-regolament u li għandu jistruttura l-implimentazzjoni tiegħu fil-kawżi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jaqgħu taħtu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 43 u 63). |
47 |
Dan ir-rekwiżit ifisser neċessarjament li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt fundamentali tal-minuri, li huwa stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jkollu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 56). |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tneħħija illegali ta’ minuri, wara li tittieħed deċiżjoni unilaterali minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, iċaħħad, l-iktar spiss, lill-minuri mill-possibbiltà li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-ġenitur l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax tikkonfuta, fid-dawl tal-aħjar interess tal-minuri, il-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 49) u għandha sistematikament tirrinunzja milli teżerċita l-possibbiltà li titlob ir-rinviju previst fl-Artikolu 15(1) (b) ta’ dan ir-regolament meta l-qorti li lejha hija tikkunsidra tali rinviju taqa’ taħt l-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
50 |
Hija timplika, min-naħa l-oħra, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, tiżgura ruħha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li r-rinviju previst ma jirriskjax li jkollu effett negattiv fuq ir-relazzjonijiet emozzjonali, familjari u soċjali tal-minuri kkonċernat jew fuq is-sitwazzjoni materjali tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 58 u 59), u jibbilanċja, b’mod ekwilibrat u raġonevoli, fl-aħjar interess tal-minuri, l-interessi kollha inkwistjoni, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi relatati mal-persuna nnifisha tal-minuri u mal-ambjent soċjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 60). Għalhekk, jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li r-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor imur kontra l-aħjar interessi tal-minuri, tali rinviju għandu jiġi eskluż. |
51 |
Għaldaqstant, ma huwiex kuntrarju għall-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003 li qorti li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri abbażi tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament tista’, b’mod eċċezzjonali u wara li tkun ħadet debitament inkunsiderazzjoni, b’mod ibbilanċjat u raġonevoli, l-aħjar interess tal-minuri, titlob ir-rinviju tal-kawża li hija adita biha lil qorti tal-Istat Membru ieħor li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
52 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-qorti li lejha huwa previst tali rinviju kienet adottat miżuri provviżorji urġenti dwar id-dritt ta’ aċċess ta’ missier dan il-minuri abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, kif sostnew il-partijiet fil-kawża prinċipali waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V). |
53 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 20 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punti 61 u 62, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2010 Purrucker, C‑296/10, EU:C:2010:665, punti 69 u 70). |
54 |
Konsegwentement, anki jekk jitqies li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V) ġew adottati abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, xorta jibqa’ l-fatt li din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ (C‑478/17, EU:C:2018:812). Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-qrati aditi miż-żewġ Stati Membri inkwistjoni kellhom it-tnejn li huma ġurisdizzjoni fuq il-mertu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-possibbiltà li tiġi implimentata, bejn dawn il-qrati, il-possibbiltà li titlob ir-rinviju stabbilit fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament. |
55 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament tista’ eċċezzjonalment titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża, previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, lil qorti tal-Istat Membru li fih dan il-wild tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
Fuq it‑tieni domanda
56 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-uniċi kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-possibbiltà għall-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li titlob ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor huma dawk espressament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jew jekk din il-qorti għandhiex ukoll tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, bħall-eżistenza ta’ proċedura għar-ritorn tal-minuri li nbdiet skont l-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u li għadu ma kienx is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni definittiva. |
57 |
Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti ta’ Stat Membru tista’ titlob lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk ikunu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi elenkati, b’mod eżawrjenti, f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri jekk ikun hemm “konnessjoni partikolari” bejn il-minuri u Stat Membru ieħor, jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża tqis li qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor tkun “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u jekk ir-rinviju jservi l-aħjar interess tal-minuri kkonċernat, fis-sens li ma jkunx hemm riskju li dan ikollu effett detrimentali fuq is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 50, 56 u 58, kif ukoll id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u qorti f'posizzjoni aħjar), C‑530/18, EU:C:2019:583, punt 31). |
58 |
Fir-rigward tal-eventwali teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, ta’ talba għal ritorn ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, għandu jitfakkar li, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiħdux preċedenza, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri fl-oqsma rregolati minn dan tal-aħħar, huma għandhom rabta mill-qrib ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li jista’ jkollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet. (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 85 u 87, kif ukoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn), C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 63). |
59 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżistenza ta’ talba għal ritorn ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva fl-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, ma tistax tostakola, bħala tali, li tiġi eżerċitata l-possibbiltà li jintalab ir-rinviju previst fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti kompetenti sabiex tiddetermina jekk it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni sabiex tipproċedi għar-rinviju tal-kawża lil qorti tal-Istat Membru l-ieħor humiex issodisfatti. |
60 |
Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni konkret ta’ tali ċirkustanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin. |
61 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-minuri għandu jkollu “konnessjoni partikolari” mal-Istat Membru tal-qorti li lejha huwa previst ir-rinviju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi, fil-punti (a) sa (e) tiegħu, b’mod eżawrjenti, ħames kriterji alternattivi li jippermettu li jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u qorti f'posizzjoni aħjar), C‑530/18, EU:C:2019:583, punti 27 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fost dawn il-kriterji hemm dak, imsemmi fil-punt (ċ) tal-imsemmija dispożizzjoni, li l-wild huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru. |
62 |
F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ċittadini Slovakki, b’tali mod li għandhom, konformement mal-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament Nru 2201/2003, jitqiesu li għandhom konnessjoni partikolari mas-Slovakkja għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, indipendentement anki mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ ritorn mibdija minn missierhom skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. |
63 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-qorti li lejha huwa previst ir-rinviju għandha tkun “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, għandu jitfakkar, l-ewwel, li qorti li għandha l-intenzjoni li tagħmel tali rinviju għandha tiżgura ruħha li dan huwa ta’ natura li jipprovdi valur miżjud reali u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-minuri, meta mqabbel mal-ipoteżi taż-żamma tiegħu quddiemha. F’dan il-kuntest, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru l-ieħor, bħal dawk applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi neċessarji għat-trattament tal-kawża. Min-naħa l-oħra, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, għal tali evalwazzjoni, id-dritt sostantiv ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li għandu jiġi applikat mill-qorti ta’ dan tal-aħħar, fil-każ li l-kawża tiġi rrinvijata lilha. Fil-fatt, tali teħid inkunsiderazzjoni hija kuntrarja għall-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 57 u 61). |
64 |
It-tieni, meta r-riferiment previst fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriskja, b’mod manifest, li jċaħħad lill-ġenitur li jitlob ir-ritorn tal-minuri mill-possibbiltà li jsostni l-argumenti tiegħu b’mod effettiv quddiem il-qorti li lejha huwa previst dan ir-rinviju, dan ir-riskju jostakola l-konstatazzjoni li din il-qorti tkun “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
65 |
F’dan il-każ, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li, fil-każ ta’ rinviju lill-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), TT jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jsostni l-argumenti tiegħu b’mod effettiv, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
66 |
It-tielet, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rinviju jista’ jkun ta’ natura li jipprovdi valur miżjud reali u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-minuri meta l-qorti li lejha huwa previst ir-rinviju tkun adottat, fuq talba tal-partijiet fil-kawża prinċipali u skont ir-regoli ta’ proċedura applikabbli, numru ta’ miżuri provviżorji b’urġenza bbażati, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. Ċertament, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tal-elementi hekk miġjuba għall-konjizzjoni tagħha mill-persuni kkonċernati, l-imsemmija qorti tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tifhem iċ-ċirkustanzi fattwali kollha relatati mal-ħajja u mal-bżonnijiet tal-wild ikkonċernat u li tieħu, fid-dawl tal-kriterju ta’ prossimità, id-deċiżjonijiet xierqa fir-rigward tiegħu. |
67 |
Ir-raba’, meta talba għal ritorn, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment, ebda qorti ta’ dan l-Istat Membru ma tista’ titqies li hija “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, qabel ma jkun skada t-terminu ta’ sitt ġimgħat, previst fl-Artikolu 11 ta’ din il-konvenzjoni u fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, id-dewmien sostanzjali tal-qrati tal-imsemmi Stat Membru sabiex jiddeċiedu dwar din it-talba għal ritorn jista’ jikkostitwixxi element kontra l-konstatazzjoni li dawn il-qrati jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu tad-dritt ta’ kustodja. |
68 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 16 tal-imsemmija konvenzjoni, wara li jkunu ġew informati bit-tneħħija illegali ta’ minuri, il-qrati tal-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu tneħħa l-minuri ma jistgħux jiddeċiedu fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja sakemm jiġi stabbilit li, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għar-ritorn tal-minuri ma jkunux issodisfatti. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari dan l-element fl-evalwazzjoni tagħha tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. |
69 |
Fit-tielet lok, l-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-aħjar interessi tal-minuri, li ma tistax tinjora, fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, l-impossibbiltà temporanja tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu li jadotta deċiżjoni fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja, konformi ma’ dan l-interess, qabel ma l-qorti ta’ dan l-Istat Membru, adita bit-talba għar-ritorn ta’ dan il-minuri, tkun, minn tal-inqas, iddeċidiet dwarha. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-uniċi kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor huma dawk espressament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Waqt l-eżami ta’ dawk il-kundizzjonijiet dwar, minn naħa, l-eżistenza, f’dan l-aħħar Stat Membru, ta’ qorti f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u, min-naħa l-oħra, l-aħjar interess tal-minuri, il-qorti tal-ewwel Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ proċedura ta’ ritorn ta’ dan il-minuri li nbdiet skont l-ewwel inċiż u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u li għadha ma kienet is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni definittiva fl-Istat Membru li fih l-imsemmi minuri tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.