EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0078

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-4 ta’ Mejju 2023.
ALD Automotive s.r.o. vs DY.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Vrchní soud v Praze.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Artikolu 6 – Ammont fiss minimu ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti mill-kreditur – Ħlas tardiv f’kuntratti b’eżekuzzjoni suċċessiva – Kumpens fiss għal kull ħlas tardiv – Obbligu li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni – Obbligu ta’ interpretazzjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali privat.
Kawża C-78/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:379

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Artikolu 6 – Ammont fiss minimu ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti mill-kreditur – Ħlas tardiv f’kuntratti b’eżekuzzjoni suċċessiva – Kumpens fiss għal kull ħlas tardiv – Obbligu li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni – Obbligu ta’ interpretazzjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali privat”

Fil-Kawża C‑78/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2022, fil-kawża

ALD Automotive s.r.o.

vs

DY, bħala stralċjarju ta’ GEDEM‑STAV a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ALD Automotive s.r.o., minn J. Melkus, advokát,

għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ALD Automotive s.r.o. (iktar ’il quddiem “ALD”) u DY, bħala stralċjarju ta’ GEDEM‑STAV a.s. (iktar ’il quddiem “Gedem”), il-kumpannija debitriċi, dwar talba għal kumpens fiss għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti minn ALD bħala konsegwenza ta’ ħlasijiet tardivi marbuta ma’ ħames kuntratti b’eżekuzzjoni suċċessiva konkluża bejn din il-kumpannija u Gedem.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 3 u 19 tad-Direttiva 2011/7 jiddikjaraw:

“(3)

Ħafna mill-ħlasijiet fi transazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ekonomiċi jew bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard milli jkun miftiehem fil-kuntratt jew milli jkun stipulat fil-kondizzjonijiet ġenerali kummerċjali. Għalkemm il-prodotti jiġu fornuti jew is-servizzi jseħħu, ħafna mill-fatturi korrispondenti jitħallsu ħafna wara l-iskadenza. Dan il-ħlas tard iħalli effett negattiv fuq il-likwidità u jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tal-intrapriżi. Iħalli effett ukoll fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ profitt tagħhom meta l-kreditur ikollu ħtieġa jikseb finanzjament estern minħabba ħlas tard. […]

[…]

“(19)

Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u medji (SMEs)].

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

[…]

(4)

‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;

[…]

(8)

‘ammont dovut’ tfisser is-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; kif ukoll

(b)

il-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin u d-debitur ikun responsabbli għad-dewmien.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

[…]

(c)

jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja […] mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

[…]”

Id‑dritt Ċek

9

L-Artikolu 2(3) taż-zákon č. 89/2012, občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali ma għandhomx ikunu kuntrarji għall-għemil xieraq u lanqas li jwasslu għal xi att ta’ krudeltà jew xi inġustizzja li toffendi s-sentimenti ta’ persuna ordinarja.”

10

L-Artikolu 3 tan-nařízení vlády č. 351/2013 Sb., kterým se určuje výše úroků z prodlení a nákladů spojených s uplatněním pohledávky, určuje odměna likvidátora, likvidačního správce a člena orgánu právnické osoby jmenovaného soudem a upravují některé otázky Obchodního věstníku, veřejných rejstříků právnických a fyzických osob a evidence svěřenských fondů a evidence údajů o skutečných majitelích (id-Digriet tal-Gvern Nru 351/2013, li jiffissa l-ammont tal-interessi moratorji u tal-ispejjeż ta’ rkupru ta’ dejn, jistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-istralċjarji u tal-membru tal-korp tal-persuna ġuridika maħtura mill-qorti u jikkjarifika ċerti kwistjonijiet li jirrigwardaw il-Ġurnal Uffiċjali tal-Avviżi Ċivili u Kummerċjali u r-reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi, ta’ fondi fiduċjarji u tal-informazzjoni dwar is-sidien benefiċċjarji, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 351/2013”), jipprevedi:

“F’każ ta’ obbligu reċiproku bejn l-imprendituri jew jekk l-għan tal-obbligu reċiproku bejn l-imprenditur u l-awtorità kontraenti taħt il-liġi li tirregola l-kuntratti pubbliċi huwa l-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi bi ħlas lill-awtorità kontraenti, l-ammont minimu tal-ispejjeż ta’ rkupru ta’ kull dejn jammonta għal 1200 [krona Ċeka (CZK) (madwar 50 EUR)].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

ALD u Gedem, kumpanniji stabbiliti skont id-dritt Ċek, ikkonkludew ħames kuntratti ta’ kera ta’ beni mobbli (iktar ’il quddiem, il-“kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Skont il-kundizzjonijiet ġenerali li japplikaw għal dawn il-kuntratti, ALD kienet obbligata li toħroġ fatturi separati għall-ammonti dovuti bħala remunerazzjoni għall-provvisti li, b’eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, wettqet favur Gedem. Gedem kellha tħallas dawn l-ammonti fiż-żmien indikat fil-fatturi.

12

Madankollu, Gedem ma ħallsitx il-25 ammont dovut skont il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fiż-żminijiet stipulati, li lkoll jammontaw għal total ta’ CZK 206 799.13 (madwar EUR 8750), għal perijodi inklużi bejn is‑27 ta’ April 2016 u t‑30 ta’ Settembru 2016.

13

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ April 2017, il-Krajský soud v Hradci Králové – pobočka v Pardubicích (il-Qorti Reġjonali ta’ Hradec Králové – fergħa ta’ Pardubice, ir-Repubblika Ċeka), ikkonstatat l-insolvenza ta’ Gedem, iddikjaratha falluta u ħatret lil DY bħala l-istralċjarju tagħha.

14

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ALD talbet il-ħlas tad-dejn tagħha, flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll, għall-ispejjeż ta’ rkupru, ammont fiss ta’ CZK 1200 għal kull wieħed mill-25 ammont dovut skont il-ħames kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri total ta’ CZK 30000 (madwar EUR 1250), abbażi tal-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 351/2013.

15

Wara oppożizzjoni minn DY kontra l-ħlas ta’ dan l-ammont fiss, ALD ippreżentat rikors quddiem il-Krajský soud v Hradci Králové – pobočka v Pardubicích (il-Qorti Reġjonali ta’ Hradec Králové – fergħa ta’ Pardubice), intiż sabiex jiġi ddikjarat id-dritt tagħha għal kumpens fiss għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti għal kull wieħed mill-25 ammont dovut skont il-ħames kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2018, din il-qorti laqgħet parzjalment it-talba ta’ ALD, billi llikwidat lil din tal-aħħar kumpens fiss għall-ispejjeż ta’ rkupru ta’ CZK 1200 għad-djun li jirriżultaw minn kull wieħed mill-ħames kuntratti, jiġifieri total ta’ CZK 6000 (madwar 250 EUR), u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

17

ALD ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), il-qorti tar-rinviju, li kkonfermat l-imsemmija sentenza. Din il-qorti qieset li, f’dan il-każ, il-kumpens fiss għall-ispejjeż ta’ rkupru kien dovut biss darba għal kull wieħed mill-ħames kuntratti, indipendentement min-numru ta’ ħlasijiet li ma sarux fiż-żmien stipulat.

18

ALD ippreżentat appell kontra dawn is-sentenzi quddiem l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) li, permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, annulat is-sentenza tal‑Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga) u bagħtet lura l-kawża lil din tal-aħħar, waqt li ċaħdet il-kumplament tal-appell. L-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li, billi ma sarx eżami dwar jekk kienx hemm bżonn li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, meta ALD kienet semmiet il-bżonn li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju kisret id-dritt ta’ din il-kumpannija għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Kostituzzjoni Ċeka.

19

Sa fejn il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw il-ħlas ta’ remunerazzjonijiet suċċessivi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk, sabiex jintlaħaq l-iskop tad-Direttiva 2011/7, il-kreditur għandux jirċievi ammont fiss, previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, għal kull ħlas tardiv li jkun sar fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt uniku, inkluż fejn il-ħlasijiet li ma jsirux fiż-żmien stipulat jirrigwardaw ammonti żgħar u saħansitra inqas minn dan l-ammont fissa jew jekk huwiex biżżejjed li dan il-kreditur jirċievi ammont fiss uniku għal kull ħlas tardiv li jkun sar fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li tiċħad talba bbażata fuq l-ewwel interpretazzjoni, f’każ fejn din it-talba tkun “kuntrarja għall-għemil xieraq (Artikolu 2(3) tal-Liġi Nru 89/2012])”.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun tista’ tintalab, tal-inqas is-somma stabbilita ta’ EUR 40 msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2011/7] fil-każ ta kuntratti li jirrigwardaw prestazzjonijiet repetuti jew kontinwi?

(2)

Il-qrati tal-Istati Membri jistgħu, b’riferiment għall-prinċipji ġenerali tad-dritt privat, jirrifjutaw li jilqgħu talba skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2011/7]?

(3)

Fil-każ ta risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, taħt liema kundizzjonijiet il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-ammont tat-talba msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2011/7]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fejn kuntratt wieħed jipprevedi ħlasijiet ta’ natura perijodika, b’kull ħlas għandu jsir f’terminu stabbilit, l-ammont fiss minimu ta’ EUR 40, previst f’dan l-Artikolu 6(1), huwa dovut, bħala kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru, għal kull ħlas tardiv, jew jekk dan l-ammont fiss huwiex dovut darba biss fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt uniku, indipendentement min-numru ta’ ħlasijiet li ma jsirux f’dan it-terminu.

22

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li, fejn l-interessi moratorji jsiru dovuti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kreditur ikun intitolat li jirċievi mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ EUR 40. Barra minn hekk, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-Artikolu 6 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li dan l-ammont fiss minimu ikun dovut awtomatikament, anki fejn id-debitur ma jkunx imfakkar b’dan, u li dan ikun intiż li jikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jsostni. Fl-aħħar nett, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-imsemmi Artikolu 6 jirrikonoxxi li l-kreditur għandu d-dritt li jeżiġi mingħand id-debitur, minbarra l-ammont fiss minimu ta’ EUR 40, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż l-oħra kollha ta’ rkupru li jaqbżu l-imsemmi ammont b’rata fissa u li jsostni minħabba ħlas tardiv tad-debitur.

23

Il-kunċett ta’ “ħlas tardiv”, li jitnissel minnu d-dritt tal-kreditur li jirċievi mingħand id-debitur mhux biss l-interessi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/7, iżda wkoll ammont minimu b’rata fissa ta’ EUR 40, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, huwa mfisser fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala kull ħlas li ma jsirx fiż-żmien għall-ħlas kuntrattwali jew legali. Peress li l-istess direttiva tkopri, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, “[il]-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, dan il-kunċett ta’ “ħlas tardiv” japplika fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali meqjusa individwalment (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software, C‑370/21, EU:C:2022:947, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tal-ammont fiss minimu ta’ EUR 40 billi, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, jirreferi għall-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Dan tal-aħħar jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali, kreditur li jkun wettaq l-obbligi tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fiż-żmien stipulat, ikollu d-dritt li jitlob interessi moratorji, mingħajr il-bżonn li jfakkar lid-debitur b’dan, ħlief jekk dan tal-aħħar ma jkunx responsabbli għal dan il-ħlas tardiv (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software, C‑370/21, EU:C:2022:947, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn dan isegwi li, bħad-dritt għal interessi moratorji, previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/7, id-dritt għal ammont fiss minimu, previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jitnissel ukoll minn “ħlas tardiv”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, huwa marbut ma’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” meqjusa individwalment. Dawn l-interessi, bħall-ammont fiss, isiru dovuti awtomatikament fil-mument li jiskadi ż-żmien għall-ħlas, previst fl-Artikolu 3(3) sa (5) tal-istess direttiva, kemm-il darba l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu (1) ta’ dan tal-aħħar ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software, C‑370/21, EU:C:2022:947, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li l-ammont fiss minimu ta’ EUR 40 huwa dovut, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, lil kreditur li jkun wettaq l-obbligi tiegħu, għal kull ħlas li ma jsirx fiż-żmien stipulat bħala remunerazzjoni għal tranżazzjoni kummerċjali, indikata f’fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti, inkluż fejn isiru tardivament diversi ħlasijiet ta’ natura perijodika b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għal dawn il-ħlasijiet tardivi (is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software, C‑370/21, EU:C:2022:947, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-iskop ta’ din tal-aħħar. Mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 3 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta, effettivament, li hija tfittex mhux biss li tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi, billi tevita li dawn ikunu finanzjarjament attraenti għad-debitur, minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll li tipproteġi b’mod effettiv lill-kreditur kontra tali ħlasijiet tardivi, billi tiżguralu l-iktar kumpens sħiħ possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun sostna. F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva tiddikjara, minn naħa, li l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jinkludu wkoll l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u l-kumpens għall-ispejjeż interni sostnuti minħabba ħlasijiet tardivi u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens permezz ta’ ammont fiss għandu jkun intiż li jillimita l-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software, C‑370/21, EU:C:2022:947, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

L-akkumulazzjoni, min-naħa tad-debitur, ta’ diversi ħlasijiet tardivi ta’ natura perijodika, b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed, ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas l-ammont fiss minimu dovut bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għal kull ħlas tardiv. Dan it-tnaqqis ikun iwassal sabiex tintilef l-effettività tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, li l-għan tagħha huwa, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, mhux biss li tiskoraġġixxi dawn il-ħlasijiet tardivi, iżda wkoll li tikkumpensa, permezz ta’ dawn l-ammonti, lill-kreditur “għall-ispejjeż ta’ rkupru [tiegħu] stess”, fejn dawn l-ispejjeż huma intiżi li jiżdiedu bi proporzjon man-numru ta’ ħlasijiet u ta’ ammonti li d-debitur ma jkunx ħallas fiż-żmien stipulat. Barra minn hekk, l-imsemmi tnaqqis ikun ifisser li d-debitur jingħata deroga mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li twassal sabiex teżentah minn parti mir-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mill-obbligu tiegħu li, għal kull ħlas li ma jkunx sar fiż-żmien stipulat, iħallas l-ammont fiss ta’ 40 EUR, mingħajr ma din id-deroga tkun iġġustifikata minn xi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software, C‑370/21, EU:C:2022:947, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ċek isostni, madankollu, li l-akkumulazzjoni, min-naħa tal-kreditur, ta’ diversi ammonti fissi, fejn diversi ħlasijiet perijodiċi li jirriżultaw minn kuntratt wieħed ikunu tardivi, tmur kontra l-iskop tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, li huwa li jingħata kumpens xieraq għall-ispejjeż li l-kreditur ikun tassew sostna, b’mod li jiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi. Skont dan il-gvern, tali akkumulazzjoni twassal sabiex il-kreditur, għall-ispejjeż ġenerali sostnuti f’każ ta’ rkupru ta’ diversi djun mingħand debitur wieħed u li jirriżultaw mill-istess kuntratt, jingħata kumpens fiss li jmur lil hinn mill-ispejjeż amministrattivi u interni tassew sostnuti u li huma marbuta mal-irkupru. Madanakollu, il-kumpens permezz ta’ ammont fiss, previst f’din id-dispożizzjoni, għandu l-għan li jirrifletti l-ispejjeż li jkunu tassew ġew sostnuti mill-kreditur u ma huwiex ta’ natura punittiva.

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li d-dritt għal kumpens “raġonevoli”, previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, “għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur”, jikkonċerna l-ispejjeż ta’ rkupru, ikunu liema jkunu, li jaqbżu l-ammont minimu ta’ EUR 40 li għalih il-kreditur għandu dritt, b’mod awtomatiku, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, fejn interessi moratorji jkunu dovuti fir-rigward ta’ tranżazzjoni kummerċjali, konformement, fost oħrajn, mal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. Tali kumpens ma jistax għalhekk ikopri la l-parti ta’ dawn l-ispejjeż li diġà hija koperta mill-ammont fiss minimu ta’ EUR 40 u lanqas l-ispejjeż li jidhru eċċessivi fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 39).

31

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi limitat id-dritt tal-kreditur li jirċievi l-ammont fiss previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, huwa possibbli li, fil-limiti indikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-remunerazzjonijiet għal tranżazzjonijiet kummerċjali li d-debitur ma ħallasx fiż-żmien stipulat taw lok għal ilment wieħed, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-kumpens għall-ispejjeż l-oħra ta’ rkupru sostnuti wara l-ħlas tardiv tad-debitur (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 40)

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn kuntratt wieħed jipprevedi ħlasijiet ta’ natura perijodika, li kull ħlas għandu jsir f’terminu stabbilit, l-ammont fiss minimu ta’ EUR 40, previst f’dan l-Artikolu 6(1), ikun dovut, bħala kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru, għal kull ħlas tardiv.

Fuq it‑tieni domanda

33

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u mal-paragrafu (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(1), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tirrifjuta jew tnaqqas l-ammont fiss previst fl-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet, abbażi ta’ prinċipji ġenerali ta’ dritt internazzjonali privat, fejn il-ħlasijiet tardivi, li jkunu saru fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed, jirrigwardaw, b’mod partikolari, ammonti inqas minn dan l-ammont fiss.

Fuq l‑ammissibbiltà

34

Il-Kummissjoni Ewropea tiddubita l-ammissibbiltà tat-tieni domanda minħabba li hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, l-ammont totali tad-dejn prinċipali huwa ferm ikbar mill-ammont totali tal-kumpens fiss mitlub skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 351/2013 li jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza ta’ kontenut allegatament mhux eżatt), C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Déréférencement d’un contenu prétendument inexact), C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Ċertament, f’dan il-każ, kif tosserva l-Kummissjoni, l-ammont totali tad-dejn prinċipali huwa ikbar mill-ammont totali tal-kumpens fiss mitlub. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li d-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, ma jistax ikun eskluż, fl-assenza ta’ indikazzjoni espliċita fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar dan il-punt, li, fost il-25 ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ma sarux fiż-żmien stipulat, uħud minnhom huma żgħar u saħansitra iżgħar mill-ammont fiss stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

38

Għaldaqstant, din id-domanda għandha tiġi eżaminata fil-mertu.

Fuq il‑mertu

39

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jitlob, fost oħrajn, lill-qrati nazzjonali, bil-għan li tkun żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990Marleasing, C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8 u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 26).

40

B’mod partikolari, qorti nazzjonali, adita, bħal f’dan il-każ, b’tilwima esklużivament bejn individwi, hija obbligata li, fejn tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati sabiex jittrasponu direttiva, tinterpretahom fid-dawl tal-kliem, kif ukoll tal-iskop ta’ din id-direttiva, sabiex b’hekk tasal għal soluzzjoni b’mod konformi mal-għan ta’ din tal-aħħar, bla ħsara għal ċerti limiti, fosthom, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punti 2728, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju invokat prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali privat, fosthom, b’mod partikolari, dak li jipprojbixxi li dispożizzjoni legali tkun interpretata u applikata b’mod kuntrarju għall-għemil xieraq, hija ma indikatx li dawn il-prinċipji jwaqqfuha milli tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u l-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kellha qorti nazzjonali titħalla tirrifjuta jew tnaqqas l-ammont fiss imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jwassal sabiex hija tkun tista’ tidderoga mill-obbligu tagħha li tagħti effett sħiħ lil din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia (C‑585/20, EU:C:2022:806) u tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS‑Software (C‑370/21, EU:C:2022:947).

43

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tirrifjuta jew tnaqqas l-ammont fiss previst fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt privat nazzjonali, inkluż fejn il-ħlasijiet tardivi, li jkunu saru fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed, jirrigwardaw, b’mod partikolari, ammonti żgħar u saħansitra iżgħar minn dan l-ammont fiss.

Fuq it‑tielet domanda

44

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fejn kuntratt wieħed jipprevedi ħlasijiet ta’ natura perijodika, li kull wieħed għandu jsir f’terminu stabbilit, l-ammont fiss minimu ta’ EUR 40, previst f’dan l-Artikolu 6(1), ikun dovut, bħala kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru, għal kull ħlas tardiv.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li qorti nazzjonali tirrifjuta jew tnaqqas l-ammont fiss previst fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt privat nazzjonali, inkluż fejn il-ħlasijiet tardivi, li jkunu saru fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed, jirrigwardaw, b’mod partikolari, ammonti żgħar u saħansitra iżgħar minn dan l-ammont fiss.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top