Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0057

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2023.
YQ vs Ředitelství silnic a dálnic ČR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(1) – Dritt għal-leave annwali mħallas – Ħaddiem imkeċċi illegalment u rreintegrat fil-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja – Esklużjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas mhux meħud għall-perijodu bejn it-tkeċċija u r-reintegrazzjoni – Perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u d-data tar-reintegrazzjoni.
Kawża C-57/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:770

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(1) – Dritt għal-leave annwali mħallas – Ħaddiem imkeċċi illegalment u rreintegrat fil-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja – Esklużjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas mhux meħud għall-perijodu bejn it-tkeċċija u r-reintegrazzjoni – Perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u d-data tar-reintegrazzjoni”

Fil-Kawża C‑57/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

YQ

vs

Ředitelství silnic a dálnic ČR

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal YQ, minn Z. Odehnal, advokát,

għar-Ředitelství silnic a dálnic ČR, minn L. Smejkal, advokát,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn YQ u r-Ředitelství silnic a dálnic ČR (id-Direttorat tat-Toroq u tal-Awtostradi tar-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem ir-“ŘSD”) dwar ir-rifjut li din tingħata kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

Id-dritt Ċek

4

L-Artikolu 69 taż-zákon č. 262/2006 Sb., zákoník práce (il-Liġi Nru 262/2006, dwar il-Kodiċi tax-Xogħol), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), jipprevedi:

“(1)   Jekk persuna li timpjega tkeċċi lil impjegat b’mod mhux validu jew tittermina r-relazzjoni ta’ impjieg miegħu b’mod mhux validu, immedjatament jew matul perijodu ta’ prova, u fejn l-impjegat ikun innotifika bil-miktub lill-persuna li timpjega, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, fejn jinsisti li din tkompli jimpjegah, ir-relazzjoni ta’ impjieg tkompli u l-persuna li timpjega għandha obbligu tħallsu kumpens ta’ remunerazzjoni jew ta’ salarju. Il-kumpens imsemmi fl-ewwel sentenza b’ammont ugwali għas-salarju medju tal-impjegat huwa dovut lilu mid-data meta jkun innotifika lill-persuna li timpjega li qiegħed jinsisti li jkompli jaħdem sal-mument meta l-persuna li timpjega tippermettilu jkompli jaħdem jew meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata b’mod validu.

(2)   Jekk il-perijodu totali li fir-rigward tiegħu l-impjegat għandu jkollu dritt għal kumpens ta’ remunerazzjoni jew ta’ salarju jeċċedi s-sitt xhur, il-qorti tista’, fuq talba tal-persuna li timpjega, tnaqqas proporzjonalment l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tħallas kumpens ta’ remunerazzjoni jew ta’ salarju għall-kumplament tal-perijodu; għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk l-impjegat, tul dan il-perijodu, ikun ġie impjegat x’imkien ieħor, ix-xogħol li jkun wettaq hemmhekk u r-remunerazzjoni li kiseb jew ir-raġuni għalfejn ma bediex jaħdem mill-ġdid.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

YQ, li ġiet impjegata mir-ŘSD fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ impjieg konkluż fit‑23 ta’ Ġunju 2009, ġiet innotifikata, fit-23 ta’ Ottubru 2013, b’avviż tat-temm ta’ impjieg.

6

Wara li dan l-avviż tat-temm ta’ impjieg ġie invalidat permezz ta’ sentenza tal-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka) tal‑20 ta’ Diċembru 2016, li saret definittiva fl‑10 ta’ Jannar 2017, YQ reġgħet kompliet bl-impjieg tagħha fi ħdan ir-ŘSD bis-saħħa tal-kuntratt ta’ impjieg tagħha.

7

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, matul il-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑10 ta’ Jannar 2017, YQ, li kienet innotifikat bil-miktub lill-persuna li timpjegaha dwar ir-rieda tagħha li taħdem, ma ngħatat ebda xogħol minn din tal-aħħar.

8

Wara r-reintegrazzjoni tagħha, YQ ressqet talba lir-ŘSD sabiex hija tkun tista’ tieħu, matul ix-xhur ta’ Lulju sa Settembru 2017, il-leave annwali tagħha li ma kinitx ħadet għall-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑10 ta’ Jannar 2017. Ir-ŘSD irrifjuta li jilqa’ din it-talba minħabba li YQ ma kinitx ħadmet matul dan il-perijodu. Minkejja dan ir-rifjut, YQ ma ppreżentatx ruħha fil-post tax-xogħol tagħha matul il-ġranet tax-xahar ta’ Lulju 2017 li fir-rigward tagħhom kienet innotifikat it-talba tagħha għal leave. Konsegwentement, il-persuna li timpjegaha keċċietha fid‑9 ta’ Awwissu 2017 minħabba assenzi mhux awtorizzati.

9

YQ ippreżentat rikors quddiem il-Městský soud v Brně (il-Qorti Muniċipali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka) intiż sabiex ir-ŘSD jiġi kkundannat iħallsilha s-somma ta’ 55552 koruna Ċeka (CZK), flimkien mal-interessi moratorji, bħala kumpens ta’ remunerazzjoni għall-ġranet ta’ leave għall-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑10 ta’ Jannar 2017. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2019. Wara li YQ ippreżentat appell, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) ikkonfermat din l-ewwel sentenza permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020.

10

Il-qorti tar-rinviju ġiet adita b’appell kontra din is-sentenza.

11

Din il-qorti tosserva li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-perijodu li matulu t-tkeċċija tal-impjegata huwa s-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem il-qrati huwa rregolat minn sensiela ta’ dispożizzjonijiet speċjali li jinsabu fl-Artikoli 69 sa 72 tal-Kodiċi tax-Xogħol, li minnhom jirriżulta li, matul il-perijodu kkunsidrat, l-impjegat la jkollu dritt għal kumpens ta’ remunerazzjoni fil-każ ta’ ostakolu għax-xogħol u lanqas ma jkollu dritt għal tali kumpens għal leave mhux meħud.

12

L-imsemmija qorti żżid li, fil-każ fejn it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg ġiet iġġudikata invalida, mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li l-impjegat ikollu dritt għal kumpens ta’ remunerazzjoni, li jammonta għas-salarju medju tiegħu, matul il-perijodu kollu tal-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna l-validità ta’ din it-terminazzjoni, meta dan ikun innotifika bil-miktub lill-persuna li timpjega dwar l-intenzjoni tiegħu li jkompli bir-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma jkun ingħata ebda kompitu. Wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur, il-qorti nazzjonali tista’ tipproċedi għal tnaqqis tal-kumpens ta’ remunerazzjoni konformement mad-dritt applikabbli biss jekk, wara li tkun evalwat iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, ikun jista’ jiġi konkluż li l-impjegat beda jew seta’ jibda xogħol ma’ persuna oħra li timpjega taħt kundizzjonijiet essenzjalment ekwivalenti jew saħansitra iktar favorevoli minn dawk li minnhom kien jibbenefika għall-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu bis-saħħa tal-kuntratt ta’ impjieg li kieku l-persuna li timpjega kienet issodisfat l-obbligu tagħha li tagħtih ix-xogħol miftiehem.

13

L-istess qorti tippreċiża ulterjorment li minn ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jirriżulta li l-impjegat għandu wkoll dritt għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba n-nullità tat-tkeċċija sabiex jitqiegħed, minn tal-inqas fir-rigward tal-kumpens pekunjarju, fis-sitwazzjoni li fiha kien jinsab li kieku r-relazzjoni ta’ impjieg ma kinitx ġiet interrotta. Madankollu, ma tiġix irrikonoxxuta l-kisba ta’ drittijiet ta’ leave annwali mħallsa matul dan il-perijodu lill-impjegat li ma jkunx ħadem b’mod effettiv matul il-perijodu inkluż bejn in-notifika tar-rieda tiegħu li jaħdem u n-nullità tat-tkeċċija tiegħu.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza nazzjonali tidher, prima facie, li tinsab f’kontradizzjoni mas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem imkeċċi illegalment ma għandux dritt għal leave annwali mħallas għall-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u dik tar-reintegrazzjoni fl-impjieg tiegħu.

15

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li jeżistu differenzi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din is-sentenza u l-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn għalhekk is-soluzzjoni fis-sentenza ċċitata ma tistax tiġi trasposta għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni fis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504), kienet tipprevedi, minn naħa, il-ħlas tar-remunerazzjoni grossa għax-xogħol matul perijodu ta’ sitt xhur biss u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tad-differenza biss bejn ir-remunerazzjonijiet li l-ħaddiem kiseb matul il-perijodu kkunsidrat f’relazzjoni oħra ta’ impjieg u r-remunerazzjonijiet dovuti fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg li ġie tterminat b’mod irregolari, il-leġiżlazzjoni Ċeka bħala prinċipju tagħti dan il-ħlas b’mod sħiħ u għall-perijodu kollu, suġġett għal-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-kawża prinċipali għas-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza jkollha bħala effett li toħloq diżekwilibriju għad-detriment tal-interessi tal-persuna li timpjega.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li ħaddiem li jkun tkeċċa b’mod illegali, u li sussegwentement ikun ġie rreintegrat skont id-dritt nazzjonali b’konsegwenza tat-tkeċċija tiegħu bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ma huwiex intitolat għal-leave annwali bil-ħlas għall-perijodu mid-data tat-tkeċċija sad-data tar-reintegrazzjoni minħabba l-fatt li, matul dak il-perijodu, dak il-ħaddiem ma wettaqx effettivament xogħol għall-persuna li timpjegah, u dan anki fil-każ fejn, skont id-dritt nazzjonali, il-ħaddiem imkeċċi illegalment, li mingħajr dewmien u bil-miktub informa lill-persuna li timpjegah li huwa jinsab lest jaħdem għaliha, ikun intitolat għal ekwivalenti fi flus għall-ammont tar-remunerazzjoni medja mill-jum li fih informa lill-persuna li timpjegah li huwa lest jaħdem għaliha sal-jum li fih il-persuna li timpjega ppermettietlu jkompli jaħdem jew sal-jum tat-terminazzjoni effettiva tar-relazzjoni ta’ xogħol?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/88

17

Preliminarjament, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-applikabbiltà ratione materiae tad-Direttiva 2003/88 fil-kawża prinċipali minħabba li mill-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali jirriżulta li, anki fil-każ fejn deċiżjoni ġudizzjarja tikkonstata l-illegalità ta’ tkeċċija, il-perijodu inkluż bejn id-data ta’ din it-tkeċċija u dik tar-reintegrazzjoni tal-parti kkonċernata ma huwiex neċessarjament ikkunsidrat retroattivament bħala parti mill-perijodu ta’ impjieg ta’ din il-persuna mal-persuna li timpjega kkonċernata.

18

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li d-Direttiva 2003/88 għandha bħala għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw b’mod partikolari t-tul tal-ħin tax-xogħol (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindacatul Familia Constanța et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Peress li għalhekk id-Direttiva 2003/88 tapplika biss għall-ħaddiema, għandu jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiem”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, il-kunċett ta’ “ħaddiem” ma jistax jingħata interpretazzjoni li tvarja skont id-drittijiet nazzjonali iżda għandu portata awtonoma speċifika għad-dritt tal-Unjoni. Dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg fid-dawl tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Issa, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanța et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn dan isegwi li relazzjoni ta’ impjieg teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari fuq il-bażi tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanța et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, minn naħa, mid-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod partikolari tal-Artikolu 69(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, jirriżulta li, jekk persuna li timpjega tkun keċċiet lil impjegat b’mod mhux validu jew tkun itterminat ir-relazzjoni ta’ impjieg miegħu b’mod mhux validu, immedjatament jew matul il-perijodu ta’ prova, u l-impjegat ikun innotifika bil-miktub lill-persuna li timpjega, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, fejn jinsisti li dan ikompli jimpjegah, ir-relazzjoni ta’ impjieg tkompli.

23

Min-naħa l-oħra, mill-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, kif deksritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li YQ ikkonkludiet kuntratt mar-ŘSD fit‑23 ta’ Ġunju 2009 u li, wara li fl‑10 ta’ Jannar 2017 il-preavviż ta’ tkeċċija li kienet ġiet innotifikata lilha fit‑23 ta’ Ottubru 2013 ġie ddikjarat null, hija kompliet bl-impjieg tagħha bis-saħħa tal-kuntratt ta’ impjieg inizjalment konkluż.

24

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li persuna fiżika bħal YP għandha titqies bħala “ħaddiem” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 fejn għalhekk din id-direttiva hija applikabbli għaliha.

Fuq il-mertu

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem imkeċċi illegalment, u sussegwentement irreintegrat fl-impjieg tiegħu, konformement mad-dritt nazzjonali, wara l-annullament tat-tkeċċija tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ma għandux dritt għal leave annwali mħallas għall-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u d-data tar-reintegrazzjoni tiegħu fl-impjieg, għar-raġuni li, matul dan il-perijodu, dan il-ħaddiem ma wettaqx xogħol effettiv fis-servizz tal-persuna li timpjega ġaladarba din tal-aħħar ma tatux xogħol u jibbenefika diġà, konformement mad-dritt nazzjonali, minn kumpens ta’ remunerazzjoni matul l-imsemmi perijodu.

26

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Fastweb et (Natura perjodika ta’ fatturazzjoni), C‑468/20, EU:C:2023:447, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dan jipprovdi li kull ħaddiem huwa intitolat għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Dan id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jista’ jsir biss fil-limiti stipulati espressament mid-Direttiva 2003/88 innifisha (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li d-dritt għal-leave annwali mħallas, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, għandu mhux biss importanza partikolari iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz‑Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

B’hekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jirrifletti u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, filwaqt li din l-aħħar dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, l-ewwel dispożizzjoni timplimenta dan il-prinċipju billi tiffissa t-tul tal-imsemmi perijodu (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz‑Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Sussegwentement, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal leave annwali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job‑medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) u kull deroga minn dan id-dritt tista’ tkun permessa biss fil-limiti espressament stipulati mid-Direttiva 2003/88 innifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging,C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Finalment, mill-kliem tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom joqgħodu lura milli jissuġġettaw għal kwalunkwe kundizzjoni l-eżistenza nnifisha tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani),C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal leave annwali, stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għandu għan doppju, jiġifieri li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa obbligat li jwettaq skont il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, minn naħa, u li jgawdi minn perijodu ta’ rilassament u rikreazzjoni, min-naħa l-oħra (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz‑Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Dan l-għan, li jiddistingwi d-dritt għal leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa madankollu bbażat, hekk kif inhu mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-premessa li l-ħaddiem effettivament ħadem matul il-perijodu ta’ riferiment. Fil-fatt, l-għan li l-ħaddiem ikun permess jistrieħ jippreżumi li dan il-ħaddiem kien eżerċita attività li tiġġustifika, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu msemmija mid-Direttiva 2003/88, it-tgawdija ta’ perijodu ta’ mistrieħ, ta’ rilassament u ta’ rikreazzjoni. B’hekk, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu ddeterminati skont perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa bis-saħħa tal-kuntratt ta’ impjieg (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom il-ħaddiem ma jkunx kapaċi jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, Stat Membru ma jistax jissuġġetta d-dritt għal-leave annwali mħallas għall-obbligu li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Dan ikun il-każ meta ħaddiem illegalment imkeċċi, u sussegwentement irreintegrat fl-impjieg tiegħu, konformement mad-dritt nazzjonali, wara l-annullament tat-tkeċċija tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ma kienx, matul il-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija illegali u d-data tar-reintegrazzjoni tiegħu fl-impjieg tiegħu, f’qagħda li jwettaq xogħol effettiv fis-servizz tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 70).

36

Fil-fatt, il-fatt li l-ħaddiema kkonċernata ma wettqitx, matul il-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija illegali tagħha u d-data tar-reintegrazzjoni tagħha fl-impjieg, xogħol effettiv fis-servizz tal-persuna li timpjegaha jirriżulta mill-atti ta’ din tal-aħħar li wasslu għat-tkeċċija illegali, atti li fl-assenza tagħhom l-imsemmija ħaddiema kienet tkun f’pożizzjoni li taħdem u li teżerċita d-dritt tagħha għal-leave annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 68).

37

Għalhekk il-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija illegali tal-ħaddiem u d-data tar-reintegrazzjoni tiegħu fl-impjieg tiegħu, konformement mad-dritt nazzjonali, wara l-annullament ta’ din it-tkeċċija permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għandu jiġi ekwiparat għal perijodu ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 69).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-persuna li timpjega li għandha tiżgura li tqiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas. Fil-fatt, kuntrarjament għal sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ drittijiet għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem prekluż milli jieħu l-imsemmi leave għal raġunijiet ta’ mard, il-persuna li timpjega li ma tqigħedx lil ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali mħallas tiegħu għandha tassumi l-konsegwenzi għal dan (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mid-dritt stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li skontu dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jistax jintemm fi tmiem il-perijodu ta’ riferiment u/jew ta’ perijodu ta’ posponiment stabbilit mid-dritt nazzjonali, meta l-ħaddiem ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus, C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu l-qorti tar-rinviju tosserva li, b’differenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C-37/19, EU:C:2020:504), il-leġiżlazzjoni Ċeka tagħti bħala prinċipju l-ħlas tar-remunerazzjoni grossa b’mod sħiħ u għall-perijodu kollu, suġġett għal-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. Skont l-imsemmija qorti, l-applikazzjoni tas-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza jkollha bħala effett li toħloq diżekwilibriju għad-detriment tal-interessi tal-persuna li timpjega.

41

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u d-dritt li jinkiseb ħlas f’dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu ż-żewġ naħat ta’ dritt wieħed. L-għan tal-ħtieġa li jiġi rċevut ħlas għal dan il-leave huwa li l-ħaddiem, matul l-imsemmi leave, jitqiegħed f’sitwazzjoni li hija, fir-rigward tas-salarju, paragunabbli għall-perijodi tax-xogħol (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għalhekk, id-dritt għal-leave annwali jinkludi wkoll id-dritt għall-kisba ta’ ħlas kif ukoll, bħala dritt konsostanzjali ma’ dan id-dritt għal-leave annwali mħallas, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 58), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan l-aħħar rigward li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jagħmel ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju minbarra dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger, C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 31).

43

Għalhekk, għall-finijiet tad-dritt għal-leave annwali mħallas, iċ-ċirkustanza li l-ammont tal-kumpens ta’ remunerazzjoni li l-ħlas tiegħu lill-ħaddiem imkeċċi illegalment huwa previst mid-dritt nazzjonali għall-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u d-data tar-reintegrazzjoni tiegħu tikkorrispondi, bħala prinċipju, għas-salarju medju li dan il-ħaddiem kien jirċievi hija mingħajr rilevanza peress li dan il-kumpens ta’ remunerazzjoni għandu bħala għan li jikkumpensa lill-ħaddiem għar-remunerazzjoni mhux irċevuta minħabba t-tkeċċija illegali.

44

Mill-bqija, kif ġie osservat fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal-leave annwali mħallas, li jirriżulta direttament mid-Direttiva 2003/88, ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv, inkwantu l-ħaddiem għandu jitqies bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, fejn għalhekk huwa neċessarju li l-persuna li timpjega ma jkollhiex il-possibbiltà li timponi fuqu restrizzjoni fuq id-drittijiet tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, MÁV‑START, C‑477/21, EU:C:2023:140, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem imkeċċi illegalment, u sussegwentement irreintegrat fl-impjieg tiegħu, konformement mad-dritt nazzjonali, wara l-annullament tat-tkeċċija tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ma għandux dritt għal leave annwali mħallas għall-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u d-data tar-reintegrazzjoni tiegħu fl-impjieg, għar-raġuni li, matul dan il-perijodu, dan il-ħaddiem ma wettaqx xogħol effettiv fis-servizz tal-persuna li timpjega ġaladarba din tal-aħħar ma tatux xogħol u jibbenefika diġà, konformement mad-dritt nazzjonali, minn kumpens ta’ remunerazzjoni matul l-imsemmi perijodu.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem imkeċċi illegalment, u sussegwentement irreintegrat fl-impjieg tiegħu, konformement mad-dritt nazzjonali, wara l-annullament tat-tkeċċija tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ma għandux dritt għal leave annwali mħallas għall-perijodu inkluż bejn id-data tat-tkeċċija u d-data tar-reintegrazzjoni tiegħu fl-impjieg, għar-raġuni li, matul dan il-perijodu, dan il-ħaddiem ma wettaqx xogħol effettiv fis-servizz tal-persuna li timpjega ġaladarba din tal-aħħar ma tatux xogħol u jibbenefika diġà, konformement mad-dritt nazzjonali, minn kumpens ta’ remunerazzjoni matul l-imsemmi perijodu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top