This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0054
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 22 February 2024.#Romania v European Commission.#Appeal – Law governing the institutions – European Citizens’ Initiative – Regulation (EU) No 211/2011 – Registration of a proposed citizens’ initiative – Article 4(2)(b) – Proposed citizens’ initiative not falling manifestly outside the framework of the European Commission’s powers to submit a proposal for a legal act of the European Union for the purpose of implementing the Treaties – Burden of proof – Power of the Commission to proceed with partial registration.#Case C-54/22 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Artikolu 4(2)(b) – Proposta li ma taqax manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea skont liema hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Oneru tal-prova – Setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi għal reġistrazzjoni parzjali.
Kawża C-54/22 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Artikolu 4(2)(b) – Proposta li ma taqax manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea skont liema hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Oneru tal-prova – Setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi għal reġistrazzjoni parzjali.
Kawża C-54/22 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:164
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
22 ta’ Frar 2024 ( *1 )
“Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Artikolu 4(2)(b) – Proposta li ma taqax manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea skont liema hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Oneru tal-prova – Setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi għal reġistrazzjoni parzjali”
Fil-Kawża C‑54/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑27 ta’ Jannar 2022,
Ir-Rumanija, irrappreżentata minn L.‑E. Baţagoi, M. Chicu, E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Croce u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu‑Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L.S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ir-Rumanija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Novembru 2021, Ir-Rumanija vs Il‑Kummissjoni (T‑495/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2021:781), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/721 tat‑30 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (ĠU 2019, L 122, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49), kien jistipula, fil-premessi 1, 2, 4 u 10 tiegħu:
[…]
[…]
|
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 211/2011 kien jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal [IĊE] kif previst fl-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE.” |
4 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament: “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
5 |
L-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi: “1. Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal [IĊE] proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-[IĊE] proposta. […] 2. Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ [IĊE] taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin: […]
[…] 3. Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti. Fejn tirrifjuta li tirreġistra [IĊE] proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.” |
6 |
L-Anness II tal-istess regolament, dwar l-informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, kien jimponi l-preżentata ta’ sensiela ta’ informazzjoni bl-għan tar-reġistrazzjoni ta’ tali proposta, jiġifieri t-titolu tagħha, is-suġġett tagħha, id-deskrizzjoni tal-għanijiet tagħha li għalihom il-Kummissjoni kienet mistiedna taġixxi u d-dispożizzjonijiet tat-Trattati li l-organizzaturi kienu jqisu rilevanti għall-azzjoni proposta. Dan l-anness kien jipprevedi barra minn hekk li l-organizzaturi setgħu jipprovdu informazzjoni iktar iddettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest tal-proposta. |
7 |
Ir-Regolament Nru 211/2011 tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2020, bir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU 2019, L 130, p. 55; rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 168 u fil-ĠU 2020, L 424, p. 60). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża
8 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej. |
9 |
Fit‑18 ta’ Ġunju 2013, il-proposta ta’ IĊE intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE inkwistjoni”) ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni. |
10 |
Permezz tad-Deċiżjoni tagħha C(2013) 4975 final tal‑25 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni minħabba li din tal-aħħar kienet taqa’ manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li jippermettulha tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. |
11 |
Permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni. |
12 |
Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), annullat dik is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u, filwaqt li hija stess iddeċidiet il-kawża b’mod definittiv, annullat id-Deċiżjoni C(2013) 4975 final. |
13 |
B’mod partikolari, fil-punti 61 u 62 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura proposta fil-kuntest ta’ IĊE taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni skont liema hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tikkostitwixxix, prima facie, kwistjoni ta’ fatt jew ta’ evalwazzjoni ta’ prova, iżda essenzjalment kwistjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati inkwistjoni. Konsegwentement, f’dan l-istadju, ma huwiex il-kompitu ta’ dik l-istituzzjoni li tivverifika li tiġi prodotta l-prova tal-punti ta’ fatt invokati kollha, u lanqas li l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-proposta u l-miżuri proposti hija suffiċjenti, iżda li teżamina jekk, minn perspettiva oġġettiva, tali miżuri kkunsidrati b’mod astratt jistgħux jittieħdu fuq il-bażi tat-Trattati. |
14 |
Fit‑30 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha ġiet irreġistrata l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni sa fejn ippreċiżat fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-deċiżjoni. |
15 |
Fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni identifikat is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, kif joħorġu mill-informazzjoni pprovduta mill-organizzaturi. |
16 |
Għalhekk, skont dawn il-premessi, din il-proposta kienet intiża sabiex l-Unjoni, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom ikunu differenti minn dawk tar-reġjuni ta’ madwarhom. Għal dawn ir-reġjuni, li jinkludu żoni ġeografiċi mingħajr strutturi li għandhom kompetenzi amministrattivi, il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe diverġenza jew ta’ kwalunkwe dewmien fl-iżvilupp ekonomiku meta mqabbel mar-reġjuni tal-madwar, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u l-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kellhom jiġu żgurati b’tali mod li l-karatteristiċi tagħhom ma jinbidlux. Għal dan, dawn ir-reġjuni kellhom igawdu mill-istess opportunitajiet ta’ aċċess għad-diversi fondi tal-Unjoni u l-preżervazzjoni tal-karatteristiċi tagħhom, u kellu jiġi ggarantit lilhom żvilupp ekonomiku xieraq, b’tali mod li l-iżvilupp tal-Unjoni jista’ jkun sostenibbli u tinżamm id-diversità kulturali ta’ din l-aħħar. |
17 |
Fil-premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat li, sabiex jiġi inkoraġġut l-użu miċ-ċittadin tal-Unjoni tal-mekkaniżmu tal-IĊE u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-ħajja demokratika tal-Unjoni, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-IĊE kellhom ikunu ċari, sempliċi, faċli li jiġu applikati u proporzjonati għan-natura tal-IĊE. |
18 |
Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ppreċiżat: “L-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jistgħu jiġu adottati fid-definizzjoni tal-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali li jistgħu jinvolvu r-raggruppament tal-Fondi, skont l-Artikolu 177 [TFUE].” |
19 |
Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, “sa fejn [kellha] l-għan li tressaq proposti [minnha stess] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati [wasslu] għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni”, ma kinitx toħroġ manifestament mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. |
20 |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdi: “1. L-[IĊE inkwistjoni] proposta […] hija b’dan irreġistrata. 2. Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-[IĊE] proposta jistgħu jinġabru, abbażi tal-fehim li timmira għal proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.” |
Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
21 |
Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Lulju 2019, ir-Rumanija ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
22 |
Permezz ta’ att ippreżentat fit‑8 ta’ Ottubru 2019, l-Ungerija talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
23 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija qajmet żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
24 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, iddikjarat ir-rikors ammissibbli, billi qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
25 |
Sussegwentement, hija ddeċidiet, f’dik id-deċiżjoni, li l-Kummissjoni kienet esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt il-motivi li kienu jiġġustifikaw ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni. |
26 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset, fl-istadju tar-reġistrazzjoni, li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma kinitx taqa’ manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi li jippermettulha tissottometti proposta għal att ġuridiku għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. |
27 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
28 |
Ir-Rumanija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
29 |
Il-Kummissjoni u l-Ungerija jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż. |
Fuq l‑appell
30 |
Insostenn tal-appell tagħha, ir-Rumanija tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) TUE. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, kull waħda minnhom, fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk proposta ta’ IĊE għandhiex tiġi rreġistrata. |
Fuq l‑ewwel parti tal‑aggravju uniku
L-argumenti tal-partijiet
31 |
Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, li tinkludi żewġ ilmenti, ir-Rumanija ssostni li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li t-talba għal IĊE għandha tissodisfa sabiex tiġi rreġistrata mill-Kummissjoni, jiġifieri dik li hija stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Fil-fatt, fil-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-kriterji li abbażi tagħhom il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk proposta ta’ IĊE tissodisfax din il-kundizzjoni. |
32 |
Permezz tal-ewwel ilment, ir-Rumanija tikkritika li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE biss meta hija tikkonkludi mill-eżami li hija wettqet skont din id-dispożizzjoni li jidhrilha li huwa totalment eskluż li, abbażi tagħha, hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. |
33 |
Fil-fatt, mill-punti 61 u 62 tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li teżamina, sabiex tevalwa l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, jekk, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti, ikkunsidrati fl-astratt, jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati. Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha tirreferi għas-suġġett u għall-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, addizzjonali, imsemmija fl-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, li ġiet ipprovduta mill-organizzaturi. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-eżami li hija għandha twettaq skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, marġni ta’ diskrezzjoni mnaqqsa, b’tali mod li l-imsemmi eżami għandu jsir biss fir-rigward tas-suġġett, tal-għanijiet kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati msemmija mill-organizzaturi fil-proposta ta’ IĊE. |
34 |
Issa, skont ir-Rumanija, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata ta’ dan l-eżami u, għaldaqstant, tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, moqri flimkien mal-Anness II ta’ dan ir-regolament, billi imponiet impliċitament fuq il-Kummissjoni l-obbligu li teżamina proposta ta’ IĊE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati, inklużi ta’ dawk li ma kinux espressament imsemmija mill-organizzaturi fl-informazzjoni li huma pprovdew. Issa, tali eżami ma jikkostitwixxix sempliċi eżami in abstracto tal-proposta ta’ IĊE u joħloq, barra minn hekk, konfużjoni bejn id-diversi stadji ta’ IĊE. |
35 |
Permezz tat-tieni lment, ir-Rumanija tikkritika li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li, anki meta jidhrilha li huwa dubjuż ħafna li l-proposta ta’ IĊE taqa’ fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, il-Kummissjoni hija obbligata tirreġistra din il-proposta sabiex tibda d-dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet. |
36 |
F’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113), li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest, hija irrilevanti, peress li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi fuq l-effetti ta’ reġistrazzjoni, u b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tipproponi miżuri li jaqgħu fil-linja tal-IĊE inkwistjoni fl-imsemmija kawża. |
37 |
Fi kwalunkwe każ, skont ir-Rumanija, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 106 tas-sentenza appellata tista’ tagħti lok, wara r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, għal dibattiti dwar atti proposti li, fir-realtà, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni, li, fil-prattika, tipposponi kull eżami tal-osservanza tal-kamp ta’ kompetenzi tal-Unjoni għall-istadju sussegwenti previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011, iċċaħħad lill-istadju tar-reġistrazzjoni minn kull effett utli. |
38 |
Il-Kummissjoni u l-Ungerija jqisu li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Din il-parti hija, skont il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ ineffettiva. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
39 |
Preliminarjament, fir-rigward tal-prinċipji li jirregolaw il-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li proposta ta’ IĊE għandha tiġi rreġistrata mill-Kummissjoni, sakemm din “ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”. |
40 |
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni għandha, b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija mill-IĊE, kif stabbiliti fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u f’li l-Unjoni sisr iżjed aċċessibbli, tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, adita bi proposta ta’ IĊE, b’mod li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49; tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 53, kif ukoll tal‑20 ta’ Jannar 2022, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑899/19 P, EU:C:2022:41, punt 44). |
41 |
Konsegwentement, huwa biss jekk proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, supplimentari mogħtija mill-organizzaturi skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi skont liema l-Kummissjoni tista’ tressaq proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati li din tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 50, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 54). |
42 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li teżamina jekk, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti fi proposta ta’ IĊE, ikkunsidrati fl-astratt, jistgħux jiġu adottati abbażi tat-Trattati (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑899/19 P, EU:C:2022:41, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Minn dan isegwi li, peress li, fi tmiem l-ewwel analiżi mwettqa fir-rigward tal-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, supplimentari pprovduta mill-organizzaturi, ma ġiex stabbilit li proposta ta’ IĊE tinsab manifestament ’il barra mill-ambitu ta’ dawn il-kompiti tal-Kummissjoni, hija dik l-istituzzjoni li għandha tirreġistra din il-proposta, bla ħsara għal li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑899/19 P, EU:C:2022:41, punt 47). |
44 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Rumanija, li permezz tagħha din tal-aħħar tikkritika li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, meta ppreċiżat, fil-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk proposta ta’ IĊE għandhiex tiġi rreġistrata. |
45 |
L-ewwel ilment ta’ din il-parti huwa indirizzat kontra l-punt 105 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE biss jekk, matul l-eżami mwettaq fil-kuntest tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, hija tasal għall-konklużjoni li jista’ jiġi totalment eskluż li hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. |
46 |
Dan l-Istat Membru jikkritika li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE biss jekk hija tikkonkludi “li jista’ jiġi totalment eskluż” li din il-proposta hija ta’ natura li tippermettilha tippreżenta tali proposta ta’ att ġuridiku. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt jikkostitwixxi l-konklużjoni tal-punti 100 sa 104 tal-imsemmija sentenza, li ma humiex ikkritikati mir-Rumanija fil-kuntest ta’ dan l-appell. Għalhekk, f’dan il-punt konklużiv, il-Qorti Ġenerali riedet biss tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 211/2011 fir-rigward tal-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 li hija fakkret fl-imsemmija punti 100 sa 104. |
48 |
Issa, minkejja li, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikorriet għal kliem ieħor jew għal formulazzjonijiet differenti minn dawk li użat fil-punti 100 sa 104 ta’ dik is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 105 ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali introduċiet fih kriterju ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE li jkun f’kontradizzjoni mal-elementi li hija esponiet fil-punti 100 sa 104 tal-imsemmija sentenza u mal-kriterji mfakkra fil-punti 39 sa 43 ta’ din is-sentenza. |
49 |
B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Rumanija, il-punt 105 tas-sentenza appellata ma jistax jinqara fis-sens li fih il-Qorti Ġenerali semmiet obbligu, għall-Kummissjoni, li teżamina jekk il-proposta ta’ IĊE sottomessa lilha tistax issib bażi f’xi dispożizzjoni tat-Trattati, inklużi f’dawk li ma kinux espressament imsemmija mill-organizzaturi. |
50 |
Fi kwalunkwe każ, mill-punt 110 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkritikat fil-kuntest ta’ dan l-appell, isegwi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 177 TFUE, identifikat mill-Kummissjoni fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala bażi legali potenzjali tal-atti ġuridiċi li jistgħu jiġu adottati mill-Unjoni, kien jinsab fost id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-organizzaturi fil-proposta ta’ IĊE inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx ir-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta fir-rigward ta’ dispożizzjoni ta’ trattat differenti minn dawk li kienu ssemmew fl-imsemmija proposta. |
51 |
Minn dan isegwi li l-ilment dirett kontra l-punt 105 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
52 |
It-tieni lment jirrigwarda l-punt 106 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ddikjarat, essenzjalment, li, peress li l-valur miżjud partikolari tal-mekkaniżmu tal-IĊE ma jinsabx fiċ-ċertezza tal-eżitu tiegħu, iżda fil-possibbiltajiet u fl-opportunitajiet li toħloq l-IĊE għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jingħata bidu għal dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni, anki fil-preżenza ta’ dubji kbar fuq il-fatt dwar jekk il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, għandha tirreġistra l-imsemmija proposta sabiex tippermetti d-dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet, mibdi wara din ir-reġistrazzjoni. |
53 |
Dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat ineffettiv, peress li minn dan il-punt isegwi espressament li dan huwa intiż biss sabiex jikkorrobora l-konklużjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 105 ta’ dik is-sentenza, b’tali mod li l-motivi li jinsabu f’dan il-punt 106 huma biss ta’ natura superfluwa meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fl-imsemmi punt 105, li ġew ikkritikati mingħajr suċċess mir-Rumanija fil-kuntest tal-ewwel ilment, kif jirriżulta mill-punti 47 sa 51 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il‑Parlament, C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it‑tieni parti tal‑aggravju uniku
L-argumenti tal-partijiet
55 |
Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, ir-Rumanija tikkritika li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, twettaq ‘orjentazzjoni’, ‘klassifikazzjoni’ jew inkella reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni sabiex jiġi żgurat l-aċċess faċli għall-IĊE, bil-kundizzjoni li hija tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha u li l-kontenut ta’ din il-proposta ma jkunx żnaturat. |
56 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, bl-użu ta’ termini ġeneriċi, irrifjutat, bħall-Kummissjoni, li teżamina fir-rigward tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-organizzaturi jekk il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni setgħetx tiġi rreġistrata. Issa, skont ir-Rumanija, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta kollha neċessarjament wassal għall-konklużjoni li azzjoni bbażata fuq l-Artikoli 174 sa 178 TFUE ma kinitx tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni mingħajr ma jkun hemm ksur tal-Artikolu 5(2) TUE. Il-bażijiet legali eżaminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma għandhom ebda rilevanza fir-rigward tal-għan reali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, preċiżament għaliex il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011, minħabba l-fatt li naqset milli tqis li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha pprovduta mill-organizzaturi, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
57 |
Fi kwalunkwe każ, l-argument ġeneriku bbażat fuq in-neċessità li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE ma jistax ikun il-bażi, waħdu, għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE li ma tosservax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011. |
58 |
Il-Kummissjoni u l-Ungerija jsostnu li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
59 |
It-tieni parti tal-aggravju uniku mqajjem mir-Rumanija tirrigwarda l-punt 116 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali ddikjarat dan li ġej: “[…] l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża ‘abbażi tal-fehim li timmira għal proposti [minnha nnifisha] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni’ huwa konformi mar-Regolament Nru 211/2011, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja […], sa fejn, kif diġà ġie nnotata, il-Kummissjoni għandha tinterpreta u tapplika l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq b’mod li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE. Il-Kummissjoni tista’, għaldaqstant, jekk ikun hemm bżonn, twettaq ‘orjentazzjoni’, ‘klassifikazzjoni’ jew anki reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni sabiex jiġi żgurat l-aċċess faċli [għall-IĊE], bil-kundizzjoni li hija tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha u li l-kontenut ta’ din il-proposta ma jkunx żnaturat. Fil-fatt, dan il-mod ta’ kif tipproċedi jippermetti lill-Kummissjoni, minflok tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, tirreġistraha b’mod ikklassifikat, sabiex tippreżerva l-effett utli tal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 211/2011 […]” |
60 |
Ir-Rumanija tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, bi ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, sa fejn qieset li l-Kummissjoni kellha dritt tagħmel “orjentazzjoni”, “klassifikazzjoni” jew inkella “reġistrazzjoni parzjali” tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u, għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta billi tagħti lil din tal-aħħar il-portata deskritta fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża u mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. |
61 |
Qabel kollox, sabiex jiġi eżaminat dan l-ilment, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 sa 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, permezz tal-espressjonijiet “orjentazzjoni”, “klassifikazzjoni” u “reġistrazzjoni parzjali”, li jinsabu fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tkopri l-istess kunċett wieħed, jiġifieri r-reġistrazzjoni parzjali ta’ proposta ta’ IĊE, li ma tinkludix il-proposta ta’ IĊE kollha inizjalment ippreżentata mill-organizzaturi, li l-portata tagħha ġiet, għaldaqstant, ristretta, kemm fir-rigward tal-proposti ta’ atti ġuridiċi speċifiċi li din tinkludi jew, bħal f’dan il-każ, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-atti ġuridiċi li l-adozzjoni tagħhom hija proposta kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, tal-mod kif huwa ddefinit is-suġġett tal-proposta ta’ IĊE. |
62 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma jipprevedix b’mod espress il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li twettaq tali reġistrazzjoni parzjali ta’ proposta ta’ IĊE. |
63 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
F’dan ir-rigward, bħalma tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja isegwi li l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 għandha, b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija mill-IĊE, kif stabbiliti fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u f’li l-Unjoni ssir iżjed aċċessibbli, tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, adita bi proposta ta’ IĊE, b’mod li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE. |
65 |
Issa, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 sa 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-għanijiet jikkorroboraw interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni skont liema l-Kummissjoni għandha tkun tista’ twettaq reġistrazzjoni parzjali ta’ proposta ta’ IĊE. |
66 |
Fil-fatt, bħalma ddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tiġi mċaħħda minn din il-possibbiltà jkollu bħala konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE jkollha, bħala prinċipju, tiġi rrifjutata fl-intier tagħha anki fil-każ fejn parti biss minn din il-proposta tkun taqa’ manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi ta’ dik l-istituzzjoni li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Għalhekk, minħabba l-fatt, ipotetikament, ta’ żball minimu imputabbli lill-organizzaturi fir-rigward tal-portata ta’ dawn il-kompetenzi, il-proposta ta’ IĊE tagħhom ikollha tiġi rrifjutata kollha kemm hi, li għalhekk ikun jippreġudika manifestament l-għan li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE. |
67 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, twettaq reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, billi tillimita l-portata tagħha konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) ta’ dik id-deċiżjoni. |
68 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, naqset milli teżamina r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni fir-rigward tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-organizzaturi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, l-uniku wieħed imsemmi f’din il-parti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss dwar il-konformità ta’ reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni mal-Artikolu 4(2)(b), tar-Regolament Nru 211/2011, u mhux fuq il-punt dwar jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-organizzaturi, din il-proposta, jekk ikun il-każ kif ikklassifikata mill-ġdid mill-Kummissjoni, kinitx taqa’ manifestament ’il barra mill-kompetenzi skont liema dik l-istituzzjoni tista’ tippreżenta proposta ta’ att ġuridiku tal-Unjoni. |
69 |
Konsegwentement, it‑tieni parti tal‑aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-aggravju uniku għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat u, għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
71 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
72 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
73 |
Peress li l-aggravji tar-Rumanija ma ntlaqgħux u peress li l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
74 |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta intervenjent fl-ewwel istanza jieħu sehem fil-proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li dan għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
75 |
Peress li l-Ungerija pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.