Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0028

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2023.
    TL u WE vs Mandatarju stralċjarju ta’ Getin Noble Bank S.A., anciennement Getin Noble Bank S.A.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija li jinkludi klawżoli inġusti dwar ir-rata tal-kambju – Nullità ta’ dan il-kuntratt – Azzjoni għal restituzzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni.
    Kawża C-28/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:992

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    14 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija li jinkludi klawżoli inġusti dwar ir-rata tal-kambju – Nullità ta’ dan il-kuntratt – Azzjoni għal restituzzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni”

    Fil-Kawża C‑28/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

    TL,

    WE

    vs

    Mandatarju stralċjarju ta’ Getin Noble Bank S.A., li kienet Getin Noble Bank S.A.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal WE u TL, minn M. Woźniak, radca prawny,

    għall-mandatarju stalċjarju ta’ Getin Noble Bank S.A., li kienet Getin Noble Bank S.A., inizjalment minn Ł. Hejmej, M. Przygodzka u A. Szczęśniak, adwokaci, u sussegwentement minn M. Pugowski, aplikant radcowski u J. Szewczak u Ł. Żak, adwokaci,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TL u WE, minn naħa, u l-mandatarju stralċjarju ta’ Getin Noble Bank S.A., li kienet Getin Noble Bank S.A., min-naħa l-oħra, dwar ir-rimbors ta’ somom imħallsa lil din tal-aħħar abbażi ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li għandu jiġi annullat minħabba li jinkludi klawżoli inġusti.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi:

    “Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; […]”

    4

    L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    5

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id‑dritt Pollakk

    6

    L-Artikolu 117 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

    “§1.   Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, il-krediti pekunjarji huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni.

    §2.   Fi tmiem it-terminu ta’ preskrizzjoni, id-debitur jista’ jevita l-obbligu tiegħu, ħlief jekk jirrinunzja milli jinvoka l-preskrizzjoni. Madankollu, ir-rinunzja għall-preskrizzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu hija nulla.

    §21.   Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma huwiex iktar possibbli li tiġi invokata pretensjoni kontra konsumatur.”

    7

    L-Artikolu 1171 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

    “§1.   F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’, wara li tibbilanċja l-interessi tal-partijiet, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni kontra konsumatur jekk dan ikun xieraq.

    §2.   Fl-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 1, il-qorti għandha tikkunsidra b’mod partikolari:

    1)

    it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni;

    2)

    it-tul tal-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-preżentazzjoni tat-talba;

    3)

    in-natura taċ-ċirkustanzi li wasslu sabiex il-kreditur ma jinvokax il-pretensjoni tiegħu, inkluż l-effett tal-imġiba tad-debitur fuq id-dewmien tal-kreditur sabiex iressaq it-talba tiegħu.”

    8

    L-Artikolu 118 tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑8 ta’ Lulju 2018, kien ifformulat kif ġej:

    “Ħlief fil-każ ta’ klawżola speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin, u għall-krediti fuq pagamenti perjodiċi u għall-krediti marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin.”

    9

    L-Artikolu 118 tal-istess kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑8 ta’ Lulju 2018, jipprovdi:

    “Ħlief fil-każ ta’ klawżola speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ sitt snin, u għall-krediti fuq pagamenti perjodiċi u għall-krediti marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin. Madankollu, il-perijodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi fl-aħħar jum tas-sena kalendarja, sakemm ma jkunx ta’ inqas minn sentejn.”

    10

    Skont l-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi Ċivili:

    “It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kreditu jsir dovut. Jekk l-eżiġibbiltà ta’ kreditu tkun tiddependi fuq it-twettiq ta’ att speċifiku mid-detentur tad-dritt, it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-kreditu kien ikun sar dovut li kieku d-detentur tad-dritt kien wettaq l-att l-iktar kmieni possibbli.”

    11

    L-Artikolu 355 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “§1.   Id-debitur għandu jaġixxi bħala bonus pater familias(dmir ta’diliġenza).

    §2.   Sabiex jiġi ddefinit id-dmir ta’ diliġenza fil-kuntest ta’ attività ekonomika, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura professjonali ta’ din l-attività.”

    12

    L-Artikolu 3851 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

    “§1.   Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli kuntrattwali illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jistabbilixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

    §2.   Meta klawżola tal-kuntratt ma tkunx vinkolanti għall-konsumatur b’applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta mill-klawżoli l-oħra tal-kuntratt.

    §3.   Il-klawżoli ta’ kuntratt li ma jkunux ġew miftiehma individwalment huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza reali fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ kuntratt propost lill-konsumatur mill-parti kontraenti.

    §4.   Huwa kull min jallega li klawżola ġiet innegozjata individwalment li għandu jipproduċi l-prova ta’ din l-allegazzjoni.”

    13

    L-Artikolu 405 tal-istess kodiċi jipprevedi:

    “Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tikseb vantaġġ ekonomiku għad-detriment ta’ persuna oħra hija meħtieġa li tagħti lura dan il-vantaġġ in natura u, fejn dan ma jkunx possibbli, li tħallas lura l-valur tiegħu.”

    14

    L-Artikolu 410 tal-Kodiċi Ċivili jinqara kif ġej:

    “§1.   Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti japplikaw b’mod partikolari fil-każ ta’ benefiċċju indebitu.

    §2.   Benefiċċju ikun indebitu jekk il-persuna li tkun ipprovdietu ma kinitx assolutament obbligata li tipprovdih jew ma kinitx obbligata li tipprovdih lill-persuna li lilha ġie pprovdut, jew jekk il-bażi tal-benefiċċju ma tkunx għadha teżisti jew jekk l-iskop tal-benefiċċju ma jkunx intlaħaq, jew jekk l-att ġuridiku li jeżiġi l-benefiċċju kien null u ma jkunx sar validu wara li l-pagament ikun ġie pprovdut.”

    15

    Skont l-Artikolu 455 ta’ dan il-kodiċi:

    “Jekk it-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ benefiċċju ma jkunx speċifikat jew jekk ma jirriżultax min-natura tal-obbligu, dan għandu jitwettaq mingħajr dewmien wara li d-debitur ikun imsejjaħ sabiex iwettqu.”

    16

    L-Artikolu 481(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

    “Jekk debitur ikun tardiv fl-eżekuzzjoni ta’ benefiċċju, il-kreditur jista’ jitlob l-interessi moratorji anki jekk il-kreditur ma jkun sofra ebda dannu u anki jekk id-dewmien ikun dovut għal cirkustanzi li ma kienx responsabbli għalihom id-debitur.”

    17

    L-Artikolu 496 tal-istess kodiċi jipprevedi:

    “Jekk, wara x-xoljiment tal-kuntratt, il-partijiet ikollhom jirrestitwixxu l-korrispettiv, kull waħda minnhom għandha dritt ta’ detenzjoni sakemm il-parti l-oħra toffri li tirrestitwixxi l-benefiċċju miksub jew tiggarantixxi d-dritt għal restituzzjoni.”

    18

    L-Artikolu 497 tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

    “L-artikolu preċedenti japplika mutatis mutandis fil-każ ta’ xoljiment jew ta’ nullità tal-kuntratt.”

    19

    L-Artikolu 5(1), (3) u (4) tal-ustawa – Kodeks cywilny oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑13 ta’ April 2018 (Dz. U. 2018, entratura 1104), jipprovdi:

    “1.   Id-dispożizzjonijiet [tal-Kodiċi Ċivili], fil-verżjoni ta’ din il-liġi, japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għall-krediti maħluqa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti f’din id-data.

    […]

    3.   Id-dispożizzjonijiet [tal-Kodiċi Ċivili], fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-lum, japplikaw għall-krediti tal-konsumaturi maħluqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti f’din id-data, li t-termini ta’ preskrizzjoni tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 118 u fl-Artikolu 125(1) [tal-Kodiċi Ċivili].

    4.   Il-krediti preskritti fil-konfront ta’ konsumatur li għalihom ma tkun tqajmet ebda eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi huma suġġetti, minn din id-data, għall-effetti tal-preskrizzjoni stabbiliti fil-[Kodiċi Ċivili], fil-verżjoni ta’ din il-liġi.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    20

    Fis‑7 ta’ Settembru 2007, TL u WE ikkonkludew ma’ bank, li tiegħu Getin Noble Bank hija s-suċċessur legali, kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat fi zlote Pollakki u indiċjat fuq il-frank Svizzeru (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self”).

    21

    Skont it-termini ta’ dan il-kuntratt, l-ammont tas-self użat fi zlote Pollakki ġie kkonvertit f’ammont espress fi franki Svizzeri. Għall-finijiet tal-konverżjoni, il-bank applika r-rata ta’ xiri ta’ din l-aħħar munita stabbilita fit-tabella tar-rati tal-kambju tiegħu (iktar ’il quddiem il-“klawżoli ta’ konverżjoni”). TL u WE kienu obbligati jħallsu l-pagamenti mensili fi zlote Pollakki għal ammont ekwivalenti għal pagament mensili espress fi franki Svizzeri.

    22

    Fis‑27 ta’ Lulju 2017, TL u WE indirizzaw ilment lil Getin Noble Bank li permezz tiegħu huma sostnew li l-klawżoli ta’ konverżjoni kienu inġusti u talbu lil dan il-bank jirrimborsahom il-pagamenti mensili li huma kienu diġà ħallsuh b’applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli.

    23

    Fit‑28 ta’ Settembru 2017, TL u WE bdew azzjoni ġudizzjarja fejn sostnew, minn naħa, li l-klawżoli ta’ konverżjoni kienu illegali u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt ta’ self kien null. Matul il-proċedura, il-qorti adita informat lil TL u WE li, fil-każ li jiġi deċiż li dawn il-klawżoli huma illegali, dan il-kuntratt jiġi ddikjarat null. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew informati wkoll li, f’din l-ipoteżi, huma jkunu obbligati jirrimborsaw l-ammont prinċipali tas-self mingħajr dewmien wara li jkunu ġew mistiedna jagħmlu dan mill-bank u li dan jista’ jitlobhom il-ħlas ta’ ammonti ogħla. Waqt seduta li nżammet fit‑12 ta’ Novembru 2021, TL u WE kkonfermaw ir-rieda tagħhom li ma jissostitwixxux l-imsemmija klawżoli u li ma jżommux fis-seħħ l-imsemmi kuntratt.

    24

    Permezz ta’ sentenza interlokutorja tad‑19 ta’ Novembru 2021, li ma hijiex definittiva, il-kuntratt ta’ self ġie ddikjarat null.

    25

    Fid‑9 ta’ Lulju 2021, TL u WE irċevew dikjarazzjoni mingħand Getin Noble Bank li din tal-aħħar kienet qiegħda teżerċita d-dritt tagħha li żżomm il-benefiċċju eventwalment dovut lil TL u WE sakemm dawn tal-aħħar joffru r-rimbors tal-korrispettiv ta’ dan il-benefiċċju, jiġifieri l-ammont tas-self imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom mill-bank skont il-kuntratt ta’ self, jew li jiggarantixxu d-dritt għar-rimbors ta’ dan l-ammont.

    26

    Getin Noble Bank qajmet eċċezzjoni ta’ detenzjoni li hija tislet mill-azzjoni għar-restituzzjoni li hija għandha fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-irkupru tal-fondi li tħallsu lilhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ self. Madankollu, l-infurzabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk din l-azzjoni hijiex preskritta.

    27

    TL u WE isostnu li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ Getin Noble Bank beda jiddekorri mid-data li fiha din tal-aħħar irċeviet l-ilment imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza jew minn dik li fiha r-rikors imsemmi fil-punt 23 ta’ din is-sentenza ġie kkomunikat lilha. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li dawn iż-żewġ avvenimenti seħħew matul is-sena 2017, dawn il-krediti ġew preskritti matul is-sena 2020.

    28

    Getin Noble Bank issostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti tagħha għadu ma bediex jiddekorri. Skont dan il-bank, dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha qorti tkun tat deċiżjoni definittiva dwar it-tilwima li tikkonċerna l-infurzabbiltà tal-klawżoli ta’ konverżjoni u l-validità tal-kuntratt ta’ self.

    29

    Is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li, skont riżoluzzjoni tas‑7 ta’ Mejju 2021 tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), fl-ewwel lok, klawżola inġusta hija, mill-bidu, nieqsa minn effett ipso jure u, fit-tieni lok, konsumatur jista’, f’terminu raġonevoli, jiddeċiedi jekk jagħtix jew le l-kunsens tiegħu għal din il-klawżola kemm fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kif ukoll fil-kuntest ta’ proċedura ekstraġudizzjarja, sakemm huwa jkun ġie informat b’mod sħiħ bil-konsegwenzi legali li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ infurzabbiltà definittiva tal-imsemmija klawżola, inklużi dawk relatati mal-eventwali annullament sussegwenti tal-kuntratt inkwistjoni. Jekk konsumatur debitament informat jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-klawżola inġusta kkonċernata, din tal-aħħar tkun imċaħħda mill-effetti tagħha.

    30

    Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni għandha l-effett li, mid-data li fiha l-konsumatur ikkonċernat jiddeċiedi li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal tali klawżola, li mingħajrha l-kuntratt inkwistjoni ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti, jew mid-data tal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli, il-kuntratt isir definittivament null jew, jekk il-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jinżamm bl-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni supplimentari jkunu ssodisfatti, jidħol fis-seħħ retroattivament fil-forma ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    31

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni tqajjem ċerti problemi. F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li l-konsumatur ikkonċernat huwa obbligat jiddikjara r-rieda tiegħu li jikkontesta l-klawżoli inġusti inkwistjoni u li jibda proċedura ġudizzjarja, mill-imsemmija interpretazzjoni ma jirriżultax b’mod ċar minn liema data jibdew jiddekorru t-termini ta’ preskrizzjoni. Għalkemm l-imsemmija qorti tqis li dawn it-termini jistgħu jinstabu fid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt Pollakk, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-Direttiva 93/13.

    32

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm lok li tiġi ppreċiżata l-portata tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341). F’dan ir-rigward, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk l-obbligu li l-konsumatur jiġi informat bl-effetti tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli inġusti ta’ kuntratt jistax ikollu effett fuq it-talbiet għal ħlas lura mressqa wara l-annullament ta’ dan il-kuntratt. Skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali timplika mhux biss li l-konsumatur ma huwiex marbut b’din il-klawżola, iżda wkoll li huwa għandu dritt għal ħlas lura li l-portata tiegħu ma tistax tiddependi fuq dikjarazzjonijiet addizzjonali.

    33

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13 tipproduċix effetti fuq ir-regoli tad-dritt Pollakk dwar it-termini ta’ preskrizzjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li, fid-dritt Pollakk, minn naħa, l-obbligu li jiġi rrimborsat l-ammont indebitu jsir eżiġibbli meta dan ma jiġix eżegwit mingħajr dewmien wara li d-debitur tal-benefiċċju kkonċernat ikun ġie mistieden jeżegwixxih u, min-naħa l-oħra, jekk l-eżiġibbiltà ta’ kreditu tiddependi minn azzjoni speċifika tal-aventi kawża, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih id-dejn ikun sar dovut jekk l-aventi kawża jkun wettaq din l-azzjoni fl-iqsar żmien possibbli. L-imsemmija qorti tippreċiża li dan għandu jinftiehem fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tali azzjoni jibda jiddekorri minn data li ma hijiex iddefinita b’mod strett, iżda li hija ddeterminata mill-mogħdija taż-żmien mid-data li fiha jkun ġie pprovdut il-benefiċċju indebitu, li jippermetti, l-ewwel nett, lill-persuna li tkun ipprovdietu tistieden lid-destinatarju tiegħu li jħallasha lura, it-tieni nett, lil din il-persuna li tressaq din l-istedina għall-konjizzjoni ta’ dan id-destinatarju u, it-tielet nett, li dan tal-aħħar iħallas lura l-imsemmi benefiċċju “mingħajr dewmien”.

    34

    Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, konformement ma’ din l-interpretazzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut li għandu bejjiegħ jew fornitur minħabba l-invalidità ta’ kuntratt marbut man-natura inġusta ta’ klawżola jista’ jibda jiddekorri biss wara li l-kuntratt ikkonċernat ikun sar definittivament mhux infurzabbli. Issa, dan il-kuntratt jinsab f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà sospiża sakemm jintemm mill-konsumatur ikkonċernat, ħaġa li huwa jista’ jagħmel fi kwalunkwe mument billi jaċċetta li jkun marbut b’din il-klawżola, jew billi jirrifjuta li jkun marbut b’din il-klawżola. Fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament li għandu dan il-konsumatur, din il-qorti tal-aħħar tippreċiża li dan it-terminu ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-imsemmi konsumatur ikun sar jaf jew kellu raġonevolment isir jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola.

    35

    Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament jiddependi mill-aġir attiv tal-konsumatur, xorta jibqa’ l-fatt li l-bejjiegħ jew fornitur jista’ jiġi eżentat minn kull responsabbiltà fir-rigward tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt, bil-kundizzjoni li l-konsumatur ma jieħu ebda azzjoni intiża sabiex jikkontesta dan il-kuntratt u sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu. Din l-interpretazzjoni tidher, fil-fehma ta’ din il-qorti, kuntrarja għad-Direttiva 93/13, sa fejn bejjiegħ jew fornitur li jkun jaf li konsumatur jista’ jitlef il-kreditu tiegħu minħabba l-preskrizzjoni tiegħu ma jkunx skoraġġut milli jintroduċi klawżoli inġusti f’kuntratti u fejn, barra minn hekk, mhux biss ikollu t-tentazzjoni li japplika tali klawżoli, iżda wkoll li jkompli bl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, billi jibbenefika mill-fatt li konsumatur mhux neċessarjament ikollu għarfien u konjizzjoni tad-drittijiet tiegħu.

    36

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 tar-rekwiżiti addizzjonali imposti fuq il-konsumatur, marbuta man-neċessità, għalih, li jippreżenta, minbarra talbiet iddefiniti b’mod ċar, dikjarazzjoni li tgħid li huwa konxju tal-konsegwenzi tal-kontestazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inġusti inkwistjoni. Madankollu, jekk konsumatur iressaq talba ekstraġudizzjarja għal restituzzjoni, il-bejjiegħ jew il-fornitur li lilu tkun indirizzata tali talba ma jkunx jista’ jkun żgur li dan il-konsumatur ikun ġie debitament informat bil-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt ikkonċernat, kif jeżiġi d-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti tidher li tikkunsidra li minn tali konstatazzjoni jirriżulta li l-konsumatur ikun obbligat jippreżenta, minbarra ilment, dikjarazzjonijiet addizzjonali u anki jivverifika dan l-ilment fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

    37

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, matul proċedura ġudizzjarja, l-assenza ta’ tali dikjarazzjoni tista’ tiġi ssostitwita bl-osservanza tal-obbligu, mill-qorti adita, li tinforma lill-konsumatur ikkonċernat b’dawn il-konsegwenzi u biż-żamma tat-talba tal-konsumatur għal restituzzjoni.

    38

    Skont din il-qorti, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341), li qorti nazzjonali, li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, għandha l-obbligu tinforma lil dan tal-aħħar bil-konsegwenzi tal-annullament ta’ dan il-kuntratt, indipendentement mill-fatt li dan il-konsumatur ikun irrappreżentat minn mandatarju professjonali, għandha tiġi rriżervata għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, jiġifieri meta din il-qorti nazzjonali tkun eżaminat ex officio l-validità tal-imsemmi kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni wiesgħa ta’ din il-konklużjoni ma hijiex konformi mas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li hija bbażata fuq il-prinċipju li konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat jibbenefika minn protezzjoni, mingħajr madankollu ma “jeżiġi verifika distinta tal-għarfien tal-konsumatur sabiex jirrikonoxxi li d-dikjarazzjoni tiegħu pproduċiet l-effetti previsti”.

    39

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikollha wkoll l-effett li bejjiegħ jew fornitur ma jiġix eżegwit ħlief fid-data li fiha s-sentenza li tikkonstata l-invalidità tal-kuntratt minħabba klawżoli inġusti tkun saret definittiva, u dan jeskludi d-dritt tal-konsumatur ikkonċernat għall-ħlas ta’ interessi għall-perijodu ta’ bejn id-data tat-tressiq tat-talba għal rimbors u d-data li fiha din is-sentenza ssir definittiva. Dan iwassal, bi ksur tad-Direttiva 93/13, li l-bejjiegħa jew fornituri jiċħdu sistematikament tali talbiet abbażi tal-fatt, minn naħa, li ċerti konsumaturi jirrinunzjaw milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti u, min-naħa l-oħra, li, anki jekk ċerti konsumaturi jressqu azzjonijiet ġudizzjarji, il-bejjiegħa jew fornituri kkonċernati ma jkunux esposti għall-konsegwenzi prattiċi ta’ ħlas tardiv.

    40

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li n-natura definittivament mhux vinkolanti ta’ kuntratt tiġi suġġetta għar-riżoluzzjoni definittiva, mill-qorti, tat-tilwima dwar in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma jwassalx għal dgħufija sinjifikattiva tal-pożizzjoni tal-konsumatur ikkonċernat, tali li tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 93/13.

    41

    Jekk jitqies li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li l-konsegwenzi tan-nullità ta’ kuntratt iseħħu biss wara li l-konsumatur ikkonċernat ikun għamel dikjarazzjoni li huwa jkun ġie informat b’mod sħiħ bl-effetti li jirriżultaw minn din in-nullità, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-direttiva teżiġix li l-bejjiegħ jew fornitur li lilu tkun indirizzata talba għal restituzzjoni jkun obbligat jivverifika, fuq inizjattiva tiegħu stess, jekk il-konsumatur ikkonċernat huwiex konxju minn dawn l-effetti.

    42

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li, fid-dritt Pollakk, il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ bejjiegħ jew fornitur li jirriżulta min-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kuntratt jiddependi mill-mument li fih dan seta’ jistieden lill-konsumatur ikkonċernat iħallas lura l-benefiċċju inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, għalkemm huwa aċċettat li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà unilaterali tal-klawżoli kuntrattwali inġusti jostakola tali stedina, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex il-bejjiegħ jew fornitur li għandu jwettaq il-verifika tal-effettività tal-istedina għall-eżekuzzjoni li jkun indirizzalu l-konsumatur, b’mod partikolari billi jipprovdilu spjegazzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi fil-każ ta’ annullament tal-kuntratt.

    43

    Fil-każ li jkun permess li l-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ krediti ta’ bejjiegħ jew fornitur marbuta man-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ kuntratt jkun jiddependi minn kull avveniment wara li dan il-bejjiegħ jew fornitur ikun irċieva talba għall-ħlas lura tal-konsumatur ikkonċernat jew għal kwalunkwe kontestazzjoni oħra tal-infurzabbiltà jew tal-legalità tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, l-imsemmija qorti tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali soluzzjoni mad-Direttiva 93/13, fid-dawl tal-fatt li, fid-dritt Pollakk, dan it-terminu jibda jiddekorri biss meta kuntratt ikun ġie annullat b’mod definittiv.

    44

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sitwazzjoni li fiha t-talbiet għal ħlas lura ta’ konsumatur fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ikunu preskritti indipendentement mill-preskrizzjoni tal-krediti għar-restituzzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat hijiex konformi mad-Direttiva 93/13, peress li dan jista’ jwassal sabiex dawn it-talbiet jiġu preskritti qabel ma dan il-bejjiegħ jew fornitur jinvoka d-dritt ta’ detenzjoni tiegħu fir-rigward tat-totalità tal-benefiċċji li huwa pprovda lil dan il-konsumatur. F’dan il-każ, ir-restituzzjoni parzjali, mill-bejjiegħ jew fornitur, tal-benefiċċji pprovduti mill-konsumatur hija suġġetta għall-offerta ta’ restituzzjoni, minn dan tal-aħħar, tat-totalità tal-benefiċċji pprovduti lilu minn dan il-bejjiegħ jew fornitur.

    45

    Din il-qorti tistaqsi jekk ikunx konformi mad-Direttiva 93/13 li jiġi ammess li bejjiegħ jew fornitur ma jkunx naqas milli jwettaq dan mill-mument li fih jiġi mistieden iħallas lura l-benefiċċji indebiti, iżda biss mill-mument li jiġi stabbilit li l-konsumatur ikkonċernat ikun jaf bl-effetti tan-nullità tal-kuntratt inkwistjoni u li jirrinunzja għal protezzjoni kontra dawn l-effetti. Tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li konsumatur jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għall-interessi moratorji għal perijodu li, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ proċedura ġudizzjarja, jista’ jwassal sa diversi snin.

    46

    L-imsemmija qorti tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li, skont interpretazzjoni tad-dritt Pollakk ġeneralment aċċettata mill-qrati Pollakki, l-eżerċizzju, minn debitur, tad-dritt ta’ detenzjoni tiegħu jwassal għat-terminazzjoni tal-istat ta’ dewmien. Issa, il-fatt li d-debitur jibqa’ ma jwettaqx l-obbligi tiegħu huwa kundizzjoni preliminari għall-obbligu li jitħallsu interessi moratorji. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li d-debitur ikkonċernat ikun lest li jeżegwixxi l-obbligi tiegħu, iżda li għandu dritt, infurzabbli kontra l-kreditur tiegħu, li jeżentah mill-obbligu li jeżegwixxi mingħajr dewmien.

    47

    Fil-kuntest tal-kawżi dwar id-drittijiet ibbażati fuq id-Direttiva 93/13, il-bejjiegħa u fornituri, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, jikkontestaw il-fondatezza tat-talbiet tal-konsumaturi u, għaldaqstant, ma humiex lesti li jirrestitwixxu lil dawn tal-aħħar il-benefiċċji kkonċernati. Issa, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji serji dwar il-fatt li l-interpretazzjoni, mill-qrati Pollakki, tar-regoli tad-dritt Pollakk dwar it-termini ta’ preskrizzjoni hija kompatibbli mad-Direttiva 93/13, sa fejn din l-interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza li l-bejjiegħa u fornituri jiċħdu t-talbiet leġittimi tal-konsumaturi u ma jinżammux responsabbli għall-użu mhux iġġustifikat tal-fondi inkwistjoni kif ukoll għar-restituzzjoni tardiva tagħhom lill-konsumaturi kkonċernati.

    48

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li, fil-każ li ma jkunx possibbli li kuntratt jibqa’ vinkolanti wara li minnu jitneħħew id-dispożizzjonijiet illeċiti [li jkun fih], dan jissuġġetta l-bidu tad-dekorriment tat-terminu tal-pretensjonijiet tal-bejjiegħ jew fornitur għal restituzzjoni għal kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    a)

    it-tressiq mill-konsumatur, fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur, ta’ pretensjonijiet jew motivi bbażati fuq in-natura illeċita tal-klawżoli kuntrattwali jew il-provvista minn qorti, li taġixxi ex officio, ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà li klawżoli kuntrattwali għandhom jitqiesu bħala illeċiti, jew

    b)

    id-dikjarazzjoni mill-konsumatur li huwa kiseb informazzjoni eżawrjenti dwar l-effetti (konsegwenzi ġuridiċi) fir-rigward tan-nuqqas ta’ possibbiltà li kuntratt jibqa’ vinkolanti, fosthom informazzjoni dwar il-possibbiltà li l-bejjiegħ jew fornitur jissottometti pretensjonijiet għal restituzzjoni u l-portata ta’ dawk il-pretensjonijiet, jew

    c)

    il-verifika waqt il-proċedura ġudizzjarja tal-għarfien (kuxjenza) tal-konsumatur fir-rigward tal-effetti (konsegwenzi ġuridiċi) tan-nuqqas ta’ possibbiltà li l-kuntratt jibqa’ vinkolanti jew il-provvista ta’ informazzjoni dwar tali effetti mill-qorti, jew

    d)

    l-għoti ta’ sentenza finali minn qorti li taqta’ tilwima bejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur?

    2)

    Hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li, fil-każ li ma jkunx possibbli li kuntratt jibqa’ vinkolanti wara li minnu jitneħħew id-dispożizzjonijiet illeċiti [li jkun fih], dan ma jimponix fuq il-bejjiegħ jew fornitur, li fil-konfront tiegħu l-konsumatur iressaq pretensjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ klawżoli illeċiti fil-kuntratt, l-obbligu li jwettaq azzjonijiet awtonomi intiżi għall-verifika ta’ jekk il-konsumatur huwiex konxju mill-effetti tat-tneħħija tal-klawżoli illeċiti mill-kuntratt jew tal-fatt li l-kuntratt ma jistax jibqa’ vinkolanti?

    3)

    Hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li, fil-każ li ma jkunx possibbli li kuntratt jibqa’ vinkolanti wara li minnu jitneħħew id-dispożizzjonijiet illeċiti [li jkun fih], dan jipprevedi li t-terminu għall-pretensjoni għal restituzzjoni tal-konsumatur jibda jiddekorri qabel ma jibda jiddekorri t-terminu għall-pretensjoni għal restituzzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur?

    4)

    Hija kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li, fil-każ li ma jkunx possibbli li kuntratt jibqa’ vinkolanti wara li minnu jitneħħew id-dispożizzjonijiet illeċiti [li jkun fih], dan jipprevedi li l-bejjiegħ jew fornitur ikun intitolat għad-dritt jissuġġetta r-rimbors tal-benefiċċji rċevuti mingħand il-konsumatur għall-offerta simultanja mill-konsumatur tar-rimbors tal-benefiċċji rċevuti mingħand il-bejjiegħ jew fornitur jew għal li jiġi żgurat mill-konsumatur it-twettiq ta’ tali rimbors, filwaqt li fid-determinazzjoni tal-ammont tal-benefiċċji dovut mingħand il-konsumatur ma jitqisux l-ammonti li l-pretensjoni għar-rimbors tagħhom ġiet preskritta?

    5)

    Hija kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-każ li ma jkunx possibbli li kuntratt jibqa’ vinkolanti wara li minnu jitneħħew id-dispożizzjonijiet illeċiti [li jkun fih], dan jipprevedi li, fil-każ li l-bejjiegħ jew fornitur jagħmel użu mid-dritt imsemmi fir-raba’ domanda, il-konsumatur ma jkunx intitolat għal interessi moratorji b’mod sħiħ jew parzjalment, għall-perijodu minn meta l-bejjiegħ jew fornitur jirċievi t-talba għar-rimbors tal-benefiċċji?”

    Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    49

    Getin Noble Bank issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk, interpretazzjoni li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument invokat minn Getin Noble Bank huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-eżerċizzju, mill-Istati Membri, tad-dritt tagħhom li jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt hija stabbilita u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni jimmaterjalizzaw ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo etC‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66).

    51

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qafas fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni u bih stess jimmina t-tisħiħ tal-effikaċja tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, bħalma huwa indikat fl-għaxar premessa ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt),C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Sa fejn l-argument invokat minn Getin Noble Bank jirrigwarda l-ewwel domanda preliminari u l-fatt li din id-domanda ma tippreċiżax liema waħda mill-interpretazzjonijiet tad-dritt Pollakk imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-domanda hija dik adottata fl-ordinament ġuridiku Pollakk, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (digriet tas‑7 ta’ April 2022, J.P.,C‑521/20, EU:C:2022:293, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha kompetenza sabiex tesprimi ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali u lanqas fuq il-konformità ta’ tali dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Jannar 2022, Anatecor,C‑400/21, EU:C:2022:30, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-preżenza ta’ domandi fformulati b’mod mhux xieraq jew li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-funzjonijiet mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Jannar 2022, Anatecor,C‑400/21, EU:C:2022:30, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, minn naħa, li fir-riżoluzzjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021 is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li interpretazzjoni tad-dritt Pollakk li tgħid li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ bejjiegħ jew fornitur li jirriżultaw min-nullità ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżoli inġusti jibda jiddekorri biss meta dan il-kuntratt isir definittivament mhux infurzabbli jew meta sentenza li tikkonstata n-nullità tal-imsemmi kuntratt issir definittiva.

    56

    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-konformità ta’ din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 93/13 għal dak li jikkonċerna l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet għal restituzzjoni li jirriżultaw mill-invalidità ta’ kuntratt minħabba klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, din il-qorti ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta hija stess id-dritt nazzjonali, iżda tippreżenta diversi punti ta’ tluq possibbli ta’ dan it-terminu u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu jew le tali possibbiltajiet.

    57

    Għaldaqstant, ma jistax jingħad li l-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk u, minħabba f’hekk, l-argument ta’ Getin Noble Bank ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud.

    58

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda

    59

    Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, minħabba klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur li jirriżulta min-nullità tal-imsemmi kuntratt jibda jiddekorri biss mid-data li fiha dan tal-aħħar isir definittivament mhux infurzabbli, filwaqt li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ dan il-konsumatur li jirriżulta min-nullità tal-istess kuntratt jibda jiddekorri mid-data li fiha dan isir jaf, jew kellu raġonevolment isir jaf, bin-natura inġusta tal-klawżola li twassal għal din in-nullità.

    60

    Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Fil-każ ineżami, l-ewwel u t-tielet domanda jirrigwardaw, b’mod iktar partikolari, l-eventwali nuqqas ta’ simetrija tar-rimedji legali previsti mid-dritt Pollakk, minn naħa, għall-bejjiegħa jew fornituri u, min-naħa l-oħra, għall-konsumaturi dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet għal restituzzjoni li jirriżultaw min-nullità ta’ kuntratt minħabba klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt.

    64

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda l-iffissar ta’ limitu ratione temporis għas-setgħa tal-qorti li teskludi, ex officio jew wara eċċezzjoni mqajma mill-konsumatur, klawżola inġusta, li l-iffissar ta’ tali limitu kien ta’ natura li jippreġudika l-effettività tal-protezzjoni prevista fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 sa fejn ikun biżżejjed għall-bejjiegħa jew fornituri, sabiex iċaħħdu lill-konsumaturi mill-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni, li jistennew l-iskadenza tat-terminu stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jitolbu l-eżekuzzjoni tal-klawżoli inġusti li huma jkomplu jużaw fil-kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2002, Cofidis,C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 35).

    65

    Fl-istess ordni ta’ ideat, l-Avukata Ġenerali Kokott qieset, essenzjalment, fil-punti 63 sa 67 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi Cofidis u OPR-Finance (C‑616/18 u C‑679/18, EU:C:2019:975), dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66 u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), li termini nazzjonali ta’ preskrizzjoni differenti previsti, minn naħa, għall-bejjiegħ jew fornitur u min-naħa l-oħra, għall-konsumaturi joħolqu nuqqas ta’ simetrija tar-rimedji legali li jistgħu jippreġudikaw l-effettività tal-protezzjoni prevista minn din id-direttiva.

    66

    Għalhekk, sitwazzjoni li fiha t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ konsumatur li jirriżulta min-nullità ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju jibda jiddekorri qabel id-data li fiha jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà definittiv ta’ dan il-kuntratt minn qorti, minkejja li dan it-terminu ma jiskadix qabel ma dan il-konsumatur ikun sar jaf jew seta’ raġonevolment isir jaf bid-drittijiet tiegħu, filwaqt li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst għall-krediti korrispondenti tal-bejjiegħ jew fornitur jibda jiddekorri mid-data li fiha dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà definittiv jiġi kkonstatat minn qorti, tinvolvi nuqqas ta’ simetrija li tista’ tippreġudika l-protezzjoni tal-imsemmi konsumatur iggarantita mid-Direttiva 93/13.

    67

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kuntratti ta’ self ipotekarju huma ġeneralment eżegwiti matul perijodi twal, b’tali mod li anki terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tul ta’ sitt snin jew ta’ għaxar snin applikabbli għall-azzjonijiet għal restituzzjoni tal-konsumaturi jista’ jirriżulta, taħt ċerti kundizzjonijiet, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju denominat f’munita barranija), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 100).

    68

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-konsumatur għandu dritt jinvoka d-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13 kemm quddiem qorti kif ukoll, bħal f’dan il-każ, b’mod ekstraġudizzjarju, sabiex eventwalment ikun jista’ jirrimedja n-natura inġusta ta’ klawżola billi jemendaha permezz ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH,C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 49), mingħajr ma dan id-dritt ikun limitat mid-dritt nazzjonali.

    69

    Għaldaqstant, mill-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, skont l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-riżoluzzjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021, konsumatur, sakemm ikun informat b’mod sħiħ dwar il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà definittiv ta’ klawżola inġusta, jista’ jagħti jew jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għal din il-klawżola kemm fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kif ukoll fil-kuntest ta’ proċedura ekstraġudizzjarja.

    70

    Issa, sa fejn ma jistax jiġi eskluż, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li, skont id-dritt Pollakk, konsumatur li jressaq ilment ekstraġudizzjarju jitqies li jaf id-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13, peress li dan l-ilment huwa akkumpanjat minn dikjarazzjoni espressa li huwa rċieva informazzjoni kompleta dwar il-konsegwenzi tal-eventwali invalidità tal-kuntratt ikkonċernat, ir-riskju li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ konsumatur li jirriżulta min-nullità ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju jiskadi qabel ma jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni korrispondenti tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat ma huwiex eliminat.

    71

    Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-riżoluzzjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021, li timplika li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ bejjiegħ jew fornitur jibda jiddekorri biss mid-data li fiha sentenza li tikkonstata n-nullità tal-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni ssir definittiva, ikollha wkoll il-konsegwenza li dan il-bejjiegħ jew fornitur ikun naqas milli jeżegwixxi dan il-kuntratt biss minn din id-data. Għaldaqstant, il-konsumatur ikkonċernat, fil-każ li l-krediti tiegħu ta’ ħlas lura ma jkunux preskritti, ma jkunx jista’ jikseb interessi moratorji mid-data tat-tressiq tat-talba tiegħu għar-rimbors tas-somom imħallsa skont il-klawżoli inġusti li jinsabu fl-imsemmi kuntratt, li jwassal, bi ksur tad-Direttiva 93/13, lill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur li jiċħad sistematikament tali talbiet.

    72

    Għaldaqstant, nuqqas ta’ simetrija tar-rimedji legali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa tali li jinkoraġġixxi iktar lill-bejjiegħ jew fornitur, wara lment ekstraġudizzjarju tal-konsumatur, li jibqa’ inattiv jew li jtawwal il-fażi ekstraġudizzjarja billi jtawwal in-negozjati, sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti tal-konsumatur jiskadi, li, minn naħa, dak previst għall-krediti tiegħu stess jibda jiddekorri biss mid-data li fiha n-nuqqas ta’ infurzabbiltà definittiv tal-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat jiġi kkonstatat minn qorti u, min-naħa l-oħra, it-tul tal-fażi ekstraġudizzjarja ma jkollux impatt fuq l-interessi dovuti lill-konsumatur.

    73

    Tali nuqqas ta’ simetrija jista’ għalhekk jikser, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ effettività, imsemmi fil-punti 60 u 61 tas-sentenza preżenti, li jipprovdi li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 ma għandhomx ikunu mfassla b’tali mod li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    74

    Fit-tieni u fl-aħħar lok, tali nuqqas ta’ simetrija tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, irid jagħti lill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt),C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, minħabba klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur li jirriżulta min-nullità tal-imsemmi kuntratt jibda jiddekorri biss mid-data li fiha dan tal-aħħar isir definittivament mhux infurzabbli, filwaqt li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ dan il-konsumatur li jirriżultaw min-nullità tal-istess kuntratt jibda jiddekorri mid-data li fiha dan isir jaf, jew kellu raġonevolment isir jaf, bin-natura inġusta tal-klawżola li twassal għal din in-nullità.

    Fuq it‑tieni domanda

    76

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li ma huwiex l-obbligu ta’ bejjiegħ jew fornitur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ konsumatur li jivverifika jekk dan tal-aħħar għandux għarfien tal-effetti tal-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt jew tal-impossibbiltà li dan il-kuntratt jibqa’ vinkolanti jekk dawn il-klawżoli jitneħħew.

    77

    Għandu jiftakkar, fl-ewwel lok, li l-qorti nazzjonali adita b’tilwima relatata mad-Direttiva 93/13 għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, meta tagħmel dan, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    78

    Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mixtieqa mill-imsemmija direttiva, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tal-konsumatur meta mqabbla ma’ tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, estern għall-partijiet fil-kuntratt, tal-qorti nazzjonali adita b’tali tilwimiet (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    79

    Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema prevista mid-Direttiva 93/13 ma tistax tipprekludi li l-partijiet għal kuntratt jirrimedjaw in-natura inġusta ta’ klawżola li jkun fih billi jemendawha permezz ta’ kuntratt, sakemm, minn naħa, ir-rinunzja mill-konsumatur li jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola ssir bil-kunsens liberu u informat tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-klawżola l-ġdida li temenda ma tkunx fiha nnifisha inġusta, xorta jibqa’ l-fatt li kemm tali rinunzja kif ukoll in-natura inġusta tal-klawżola l-ġdida li temenda jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tilwima ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH,C‑19/20, EU:C:2021:341, punti 49 sa 51).

    80

    Għaldaqstant, għalkemm huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom b’mod konformi mad-Direttiva 93/13 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt),C‑520/21,EU:C:2023:478, punt 83), xorta jibqa’ l-fatt li istituzzjoni ta’ kreditu ma hijiex obbligata tivverifika jekk konsumatur li miegħu hija kkonkludiet kuntratt ta’ self ipotekarju għandux għarfien tal-effetti tal-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt.

    81

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li ma huwiex l-obbligu ta’ bejjiegħ jew fornitur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ konsumatur li jivverifika jekk dan tal-aħħar għandux għarfien tal-effetti tal-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt jew tal-impossibbiltà li dan il-kuntratt jibqa’ vinkolanti jekk dawn il-klawżoli jitneħħew.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    82

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda, magħmula fil-każ li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li t-talbiet għal restituzzjoni ta’ konsumatur jiġu preskritti indipendentement mill-preskrizzjoni tal-krediti tal-bejjiegħ jew fornitur.

    Fuq il‑ħames domanda

    83

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, meta kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jistax jibqa’ vinkolanti wara l-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, dan il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jinvoka dritt ta’ detenzjoni li jippermettilu jissuġġetta l-ħlas lura tal-benefiċċji li jkun irċieva mingħand dan il-konsumatur għall-preżentazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ offerta ta’ restituzzjoni tal-benefiċċji li huwa stess irċieva mill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur jew garanzija għar-restituzzjoni ta’ dawn il-benefiċċji tal-aħħar, meta l-eżerċizzju, mill-istess bejjiegħ jew fornitur, ta’ dan id-dritt ta’ detenzjoni jwassal għat-telf, għall-imsemmi konsumatur, tad-dritt li jikseb interessi moratorji mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-bejjiegħ jew fornitur sabiex jagħmel dan, wara li dan ikun irċieva l-istedina sabiex iħallas lura l-benefiċċji li kienu tħallsu lilu b’eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

    84

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li, konformement ma’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt Pollakk, fil-każ ta’ invalidità ta’ kuntratt, l-istat ta’ dewmien ta’ parti jintemm minħabba l-eżerċizzju, minn din il-parti, tad-dritt ta’ detenzjoni tal-benefiċċju dovut minnha lill-parti l-oħra sakemm din tal-aħħar tkun offriet li teżegwixxi l-obbligi tagħha, jew tipprovdi garanzija għall-eżekuzzjoni tal-benefiċċju dovut minnha, b’tali mod li, fl-assenza tal-interpretazzjoni adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-riżoluzzjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021, ikunu dovuti interessi moratorji lill-konsumatur mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-bejjiegħ jew fornitur sabiex jeżegwixxi l-obbligi, wara li dan ikun irċieva talba f’dan is-sens mill-konsumatur, sad-data li fiha tkun ġiet invokata l-eċċezzjoni ta’ detenzjoni.

    85

    Fil-fatt, peress li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, minn din ir-riżoluzzjoni jirriżulta li l-bejjiegħ jew fornitur ma jkunx jinsab tardiv fl-eżekuzzjoni qabel il-mument li fih il-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat jsir definittivament mhux infurzabbli, il-konsumatur jitlef id-dritt għal parti jew għall-interessi moratorji kollha, li b’hekk jaggrava iktar il-pożizzjoni legali u finanzjarja tiegħu.

    86

    Issa, l-effettività tal-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 tkun kompromessa jekk dawn, meta jinvokaw id-drittijiet li huma għandhom taħt din id-direttiva, ikunu esposti għar-riskju li ma jiksbux interessi moratorji fuq is-somom li għandhom jitħallsu lura lilhom minħabba l-invalidità ta’ tali kuntratt mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-bejjiegħ jew fornitur sabiex jeżegwixxi l-obbligi tiegħu, wara li dan il-bejjiegħ jew fornitur jkunu irċieva stedina għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom.

    87

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, meta kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jkunx jista’ jibqa’ vinkolanti wara l-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, dan il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jinvoka dritt ta’ detenzjoni li jippermettilu jissuġġetta l-ħlas lura tal-benefiċċji li jkun irċieva mingħand dan il-konsumatur għall-preżentazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ offerta ta’ restituzzjoni tal-benefiċċji li huwa stess irċieva mill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur jew garanzija għar-restituzzjoni ta’ dawn il-benefiċċji tal-aħħar, meta l-eżerċizzju, mill-istess bejjiegħ jew fornitur, ta’ dan id-dritt ta’ detenzjoni jwassal għat-telf, għall-imsemmi konsumatur, tad-dritt li jikseb interessi moratorji mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat sabiex jagħmel dan, wara li dan ikun irċieva istedina sabiex iħallas lura l-benefiċċji li kienu tħallsu lilu b’eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

    Fuq l‑ispejjeż

    88

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, minħabba klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur li jirriżulta min-nullità tal-imsemmi kuntratt jibda jiddekorri biss mid-data li fiha dan tal-aħħar isir definittivament mhux infurzabbli, filwaqt li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti ta’ dan il-konsumatur li jirriżultaw min-nullità tal-istess kuntratt jibda jiddekorri mid-data li fiha dan isir jaf, jew kellu raġonevolment isir jaf, bin-natura inġusta tal-klawżola li twassal għal din in-nullità.

     

    2)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    ma jipprekludux interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li ma huwiex l-obbligu ta’ bejjiegħ jew fornitur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ konsumatur li jivverifika jekk dan tal-aħħar għandux għarfien tal-effetti tal-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt jew tal-impossibbiltà li dan il-kuntratt jibqa’ vinkolanti jekk dawn il-klawżoli jitneħħew.

     

    3)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, meta kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jkunx jista’ jibqa’ vinkolanti wara l-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt, dan il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jinvoka dritt ta’ detenzjoni li jippermettilu jissuġġetta l-ħlas lura tal-benefiċċji li jkun irċieva mingħand dan il-konsumatur għall-preżentazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ offerta ta’ restituzzjoni tal-benefiċċji li huwa stess irċieva mill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur jew garanzija għar-restituzzjoni ta’ dawn il-benefiċċji tal-aħħar, meta l-eżerċizzju, mill-istess bejjiegħ jew fornitur, ta’ dan id-dritt ta’ detenzjoni jwassal għat-telf, għall-imsemmi konsumatur, tad-dritt li jikseb interessi moratorji mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat sabiex jagħmel dan, wara li dan ikun irċieva istedina sabiex iħallas lura l-benefiċċji li kienu tħallsu lilu b’eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top