This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0026
Judgment of the Court (First Chamber) of 7 December 2023.#UF and AB v Land Hessen.#Requests for a preliminary ruling from the Verwaltungsgericht Wiesbaden.#Reference for a preliminary ruling – Protection of natural persons with regard to the processing of personal data – Regulation (EU) 2016/679 – Article 5(1)(a) – Principle of ‘lawfulness’ – Point (f) of the first subparagraph of Article 6(1) – Necessity of processing for the purposes of the legitimate interests pursued by the controller or by a third party – Article 17(1)(d) – Right to erasure where personal data have been unlawfully processed – Article 40 – Codes of conduct – Article 78(1) – Right to an effective judicial remedy against a supervisory authority – Decision taken by the supervisory authority on a complaint – Scope of judicial review of that decision – Credit information agencies – Storage of data from a public register relating to the discharge of remaining debts in favour of a person – Storage period.#Joined Cases C-26/22 and C-64/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
UF u AB vs Land Hessen.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5(1)(a) – Prinċipju ta’ ‘legalità’ – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Ħtieġa tal-ipproċessar għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur tad-data jew minn terz – Artikolu 17(1)(d) – Dritt għat-tħassir fil-każ ta’ pproċessar illegali ta’ data personali – Artikolu 40 – Kodiċijiet ta’ kondotta – Artikolu 78(1) – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità ta’ superviżjoni – Deċiżjoni meħuda mill-awtorità ta’ superviżjoni dwar ilment – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq din id-deċiżjoni – Kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali – Żamma ta’ data provenjenti minn reġistru pubbliku dwar ir-rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura favur persuna – Tul taż-żamma.
Kawżi magħquda C-26/22 u C-64/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
UF u AB vs Land Hessen.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5(1)(a) – Prinċipju ta’ ‘legalità’ – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Ħtieġa tal-ipproċessar għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur tad-data jew minn terz – Artikolu 17(1)(d) – Dritt għat-tħassir fil-każ ta’ pproċessar illegali ta’ data personali – Artikolu 40 – Kodiċijiet ta’ kondotta – Artikolu 78(1) – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità ta’ superviżjoni – Deċiżjoni meħuda mill-awtorità ta’ superviżjoni dwar ilment – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq din id-deċiżjoni – Kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali – Żamma ta’ data provenjenti minn reġistru pubbliku dwar ir-rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura favur persuna – Tul taż-żamma.
Kawżi magħquda C-26/22 u C-64/22.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:958
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5(1)(a) – Prinċipju ta’ ‘legalità’ – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Ħtieġa tal-ipproċessar għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur tad-data jew minn terz – Artikolu 17(1)(d) – Dritt għat-tħassir fil-każ ta’ pproċessar illegali ta’ data personali – Artikolu 40 – Kodiċijiet ta’ kondotta – Artikolu 78(1) – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità ta’ superviżjoni – Deċiżjoni meħuda mill-awtorità ta’ superviżjoni dwar ilment – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq din id-deċiżjoni – Kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali – Żamma ta’ data provenjenti minn reġistru pubbliku dwar ir-rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura favur persuna – Tul taż-żamma”
Fil-Kawżi magħquda C‑26/22 u C‑64/22,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2021 u tal‑31 ta’ Jannar 2022, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2022 u fit‑2 ta’ Frar 2022, fil-proċeduri
UF (C‑26/22),
AB (C‑64/22)
vs
Land Hessen,
fil-preżenza ta’:
SCHUFA Holding AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: K. Hötzel, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal UF u AB, minn R. Rohrmoser u S. Tintemann, Rechtsanwälte, |
– |
għal-Land Hessen, minn M. Kottmann u G. Ziegenhorn, Rechtsanwälte, |
– |
għal SCHUFA Holding AG, minn G. Thüsing u U. Wuermeling, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, J. Ramos u C. Vieira Guerra, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher, H. Kranenborg u W. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 17(1)(d), tal-Artikolu 40, tal-Artikolu 77(1) u tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn UF (Kawża C‑26/22) u AB (Kawża C‑64/22) kontra l-Land Hessen (il-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja) rigward ir-rifjut tal-Hessischer Beauftragter für Datenschutz und Informationsfreiheit (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u għal-Libertà tal-Informazzjoni għal-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“HBDI”) li jordna lil SCHUFA Holding AG (iktar ’il quddiem “SCHUFA”) li tħassar data miżmuma minnha dwar rilaxxi minn dejn li ma tħallasx lura favur UE u AB. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2008/48/KE
3 |
Skont il-premessi 26 u 28 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207. p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46):
[…]
|
4 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.” |
Id‑Direttiva 2014/17/UE
5 |
Skont il-premessi 55 u 59 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11):
[…]
|
6 |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membru għandhom jiżguraw li, qabel ma jiġi konkluż kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur jagħmel valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur. Dik il-valutazzjoni għandha tqis kif xieraq il-fatturi rilevanit għall-verifika tal-prospett tal-konsumatur li jissodisfa l-obbligi tiegħu filkuntrat ta’ kreditu.” |
7 |
L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aċċess għal bażijiet ta’ data”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Kull Stat Membru għandu jiżgura aċċess għall-kredituri kollha mill-Istati Membri kollha għal bażijiet ta’ data użati f’dak l-Istat Membru biex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja talkonsumaturi u għar-raġuni waħdanija tal-monitoraġġ tal-konformità tal-konsumaturi mal-obbligi ta’ kreditu matul il-ħajja tal-kuntratt ta’ kreditu. Il-kundizzjonijiet għal aċċess bħal dan m’għandhomx ikunu diskriminatorji. 2. Paragrafu 1a għandu japplika kemm għal bażijiet ta’ data li jitħaddmu minn uffiċċji privati tal-kreditu jew aġenziji ta’ referenza tal-kreditu u għal reġistri pubbliċi tal-kreditu.” |
Ir‑Regolament (UE) 2015/848
8 |
Skont il-premessa 76 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9): “Sabiex tittejjeb l-għoti tal-informazzjoni lill-kredituri u l-qrati rilevanti u biex jipprevjenu l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza paralleli, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti f’kawżi ta’ insolvenza transkonfinali f’reġistru elettroniku aċċessibbli mill-pubbliku. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dik l-informazzjoni għall-kredituri u l-qrati domiċiljati jew li jinsabu fi Stati Membri oħra, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-interkonnessjoni ta’ tali reġistri ta’ insolvenza permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika. […]” |
9 |
L-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’reġistri nazzjonali ta’ insolvenza” jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu: “4. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli, f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], għall-ġbir u l-ħżin ta’ data f’bażijiet ta’ data nazzjonali u għal deċiżjonijiet meħudin biex din id-data tkun disponibbli fir-reġistru interkonness li jista’ jiġi kkonsultat permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika. 5. Bħala parti mill-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġetti tad-data sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u b’mod partikolari d-dritt għat-tħassir tad-data, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lis-suġġetti tad-data dwar il-perjodu ta’ aċċessibbilità stabbilit għad-data personali maħżuna f’reġistri ta’ insolvenza.” |
Il-GDPR
10 |
Skont il-premessi 10, 11, 47, 50, 98, 141 u 143 tal-GDPR:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
11 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Id-data personali għandha:
[…]
[…] 2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).” |
12 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi: “1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin: […]
[…] 4. Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:
|
13 |
L-Artikolu 17 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […]
[…]” |
14 |
L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali. 2. Fejn tiġi pproċessata data personali għal għanijiet diretti ta’ kummerċjalizzazzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah għal tali kummerċjalizzazzjoni, li tinkludi t-tfassil tal-profili sa fejn huwa marbut ma’ tali kummerċjalizzazzjoni diretta.” |
15 |
L-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kodiċijiet ta’ kondotta”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 2 u 5 tiegħu: “1. L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni [Ewropea] għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi tal-ipproċessar u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. 2. Assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta’ kontrolluri jew proċessuri jistgħu jħejju kodiċijiet ta’ kondotta, jew jemendaw jew jestendu dawn il-kodiċijiet, bil-għan li jispeċifikaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħal fil-rigward ta’:
[…] 5. L-assoċjazzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li għandhom l-għan li jħejju kodiċi ta’ kondotta jew li jemendaw jew jestendu kodiċi eżistenti, għandhom jippreżentaw l-abbozz ta’ kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni lill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk l-abbozz ta’ kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament u għandha tapprova tali abbozz ta’ kodiċi, emenda jew estensjoni jekk hija tqis li jipprovdu biżżejjed salvagwardji xierqa.” |
16 |
L-Artikolu 51 tal-GDPR, intitolat “Awtorità superviżorja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’).” |
17 |
L-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Indipendenza”, jistipula, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu: “1. Kull awtorità superviżorja għandha taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament. 2. Il-membru jew il-membri ta’ kull awtorità superviżorja għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, sew jekk tkun diretta jew indiretta, u m’għandhomx ifittxu u jieħdu istruzzjonijiet mingħand ħadd. […] 4. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li għandhom jitwettqu fil-kuntest ta’ assistenza, kooperazzjoni u parteċipazzjoni reċiproki fil-Bord.” |
18 |
L-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kompiti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
[…]
[…]” |
19 |
L-Artikolu 58 tal-GDPR, intitolat “Setgħat”, jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, is-setgħat investigattivi li kull awtorità ta’ superviżjoni għandha u, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-miżuri korrettivi li din tista’ tadotta. |
20 |
L-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament. 2. L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu talilment inkluża l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.” |
21 |
L-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha. 2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.” |
22 |
L-Artikolu 79 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur ”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
Id‑dritt Ġermaniż
23 |
Skont l-Artikolu 9(1) tal-Insolvenzordnung (il-Kodiċi dwar l-Insolvenza), tal‑5 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2866), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali: “Il-pubblikazzjoni uffiċjali titwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni ċentrali li ssir fil-Länder kollha fuq l-internet; tista’ ssir permezz ta’ estratti. Id-debitur għandu jiġi identifikat bi preċiżjoni; għandhom jiġu indikati b’mod partikolari, l-indirizz tiegħu u s-settur tal-attività tiegħu. Il-pubblikazzjoni titqies li tkun twettqet wara li jkunu ddekorrew jumejn addizzjonali mill-jum tal-pubblikazzjoni.” |
24 |
L-Artikolu 3 tal-Verordnung zu öffentlichen Bekanntmachungen in Insolvenzverfahren im Internet (ir-Regolament dwar il-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali Mxandra bl-Internet fil-Kuntest ta’ Proċeduri ta’ Insolvenza) tat‑12 ta’ Frar 2002 (BGB1. I, p. 677, iktar ’il quddiem l-“InsoBekV”), jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) Il-pubblikazzjoni, f’sistema elettronika ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, ta’ data marbuta ma’ proċedura ta’ insolvenza, inkluża l-proċedura ta’ ftuħ, għandha titħassar mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tkun ġiet annullata l-proċedura ta’ insolvenza jew li s-sospensjoni ta’ din tal-aħħar tkun saret definittiva. Jekk il-proċedura ma tkunx miftuħa, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-annullament tal-miżuri kawtelatorji ppubblikati. (2) L-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tapplika għall-pubblikazzjonijiet li jitwettqu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura, inkluż id-digriet previst fl-Artikolu 289 tal-Kodiċi tal-Insolvenza, b’tali mod li t-terminu inkwistjoni jibda jiddekorri minn meta d-deċiżjoni marbuta mar-rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura tkun saret definittiva.” |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
25 |
Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza li jikkonċernawhom, UF u AB ibbenefikaw minn deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ rilaxx antiċipat minn dejn li ma tħallasx lura, mogħtija fis‑17 ta’ Diċembru 2020 u fit‑23 ta’ Marzu 2021 rispettivament. Konformement mal-Artikolu 9(1) tal-Insolvenzordnung kif ukoll mal-Artikolu 3(1) u (2) tal-InsoBekV, il-pubblikazzjoni uffiċjali magħmula fuq l-internet ta’ dawn id-deċiżjonijiet tneħħiet wara terminu ta’ sitt xhur mill-imsemmija deċiżjonijiet. |
26 |
SCHUFA hija kumpannija privata li tipprovdi informazzjoni kummerċjali li tirreġistra u żżomm, fid-databases tagħha stess, informazzjoni provenjenti minn reġistri pubbliċi, b’mod partikolari dik dwar rilaxxi minn dejn li ma tħallasx lura. Hija tħassar din l-informazzjoni tal-aħħar wara terminu ta’ tliet snin wara r-reġistrazzjoni, konformement mal-Kodiċi ta’ Kondotta mfassal, fil-Ġermanja, mill-assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali u approvat mill-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti. |
27 |
UF u AB ressqu talba quddiem SCHUFA sabiex jiksbu mingħandha t-tħassir tal-iskrizzjonijiet relatati mad-deċiżjonijiet ta’ rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura li kienu s-suġġett tagħhom. Din il-kumpannija rrifjutat li tilqa’ t-talbiet tagħhom, wara li spjegat li l-attività tagħha kienet seħħet fl-osservanza tal-GDPR u li t-terminu għat-tħassir ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 3(1) tal-InsoBekV ma kienx japplika għaliha. |
28 |
Għaldaqstant, UF u AB individwalment ressqu lment quddiem il-HBDI bħala l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti. |
29 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet mogħtija rispettivament fl‑1 ta’ Marzu 2021 u fid‑9 ta’ Lulju 2021, il-HBDI kkunsidrat li l-ipproċessar tad-data mwettaq minn SCHUFA kien legali. |
30 |
UF u AB individwalment ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-HBDI quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, huma sostnew li l-HBDI kienet obbligata, fil-kuntest tal-missjonijiet tagħha u tas-setgħat tagħha, li tadotta miżuri kontra SCHUFA sabiex timponi fuqha li twettaq it-tħassir tal-iskrizzjonijiet li jikkonċernawhom. |
31 |
Bħala difiża, il-HBDI talbet li r-rikorsi jiġu miċħuda. |
32 |
Minn naħa, il-HBDI sostniet li d-dritt li jitressaq ilment, previst fl-Artikolu 77(1) tal-GDPR, huwa maħsub biss bħala dritt ta’ petizzjoni. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika dwar jekk l-awtorità ta’ superviżjoni tkunx ittrattat l-ilment u informat lill-awtur tiegħu dwar il-progress u l-eżitu ta’ dan l-ilment. Għall-kuntrarju, il-qorti adita ma għandhiex tistħarreġ l-eżattezza dwar il-mertu tad-deċiżjoni mogħtija dwar l-ilment. |
33 |
Min-naħa l-oħra, il-HBDI enfasizzat li d-data li għaliha l-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali għandhom aċċess tista’ tinżamm daqskemm dan ikun neċessarju għall-finijiet li għalihom tkun inżammet. Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni prevista mil-leġiżlatur nazzjonali, ġew adottati kodiċijiet ta’ kondotta mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni u dan ġie żviluppat mill-assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali li tipprevedi t-tħassir ta’ din id-data eżattament tliet snin wara l-iskrizzjoni fis-sistema ta’ arkivjar. |
34 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tiġi ċċarata n-natura ġuridika tad-deċiżjoni li l-awtorità ta’ superviżjoni tieħu wara li jkun tressaq ilment quddiemha skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR. |
35 |
B’mod partikolari, din il-qorti għandha dubji dwar l-argument tal-HBDI, peress li dan iwassal sabiex tiġi ppreġudikata l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 78(1) tal-GDPR. Minbarra dan, fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, l-Artikoli 77 u 78 tal-imsemmi regolament ma jistgħux jingħataw interpretazzjoni restrittiva. |
36 |
L-imsemmija qorti ssostni interpretazzjoni li d-deċiżjoni meħuda fuq il-mertu mill-awtorità ta’ superviżjoni għandha tkun suġġetta għal stħarriġ sħiħ tal-qorti. Madankollu, din l-awtorità għandha kemm setgħa ta’ evalwazzjoni kif ukoll setgħa diskrezzjonali u tista’ tkun obbligata taġixxi biss meta għażliet legali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati. |
37 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’żewġ metodi, dwar il-legalità taż-żamma, minn kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali, ta’ data dwar is-solvenza ta’ persuna provenjenti minn reġistri pubbliċi, bħar-reġistru tal-insolvenza. |
38 |
L-ewwel nett, jeżistu dubji dwar il-legalità taż-żamma minn kumpannija privata bħal SCHUFA, fid-databases tagħha stess, tad-data ttrasferita minn reġistri pubbliċi. |
39 |
Fil-fatt, qabelxejn, din iż-żamma sseħħ mhux fl-okkażjoni ta’ każ konkret iżda fl-eventwalità fejn is-sħab kuntrattwali tagħhom jitolbuhom tali informazzjoni u tagħti lok, fl-aħħar mill-aħħar, għal tqegħid fir-riżerva ta’ din id-data, speċjalment meta din tkun diġà tħassret mir-reġistru pubbliku minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ żamma. |
40 |
Barra minn hekk, ipproċessar u għalhekk żamma ta’ data jkunu awtorizzati biss jekk waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR tkun issodisfatta. F’dan il-każ, hija biss il-kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament li tittieħed inkunsiderazzjoni. Issa, huwa dubjuż li kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali bħal SCHUFA għandha interess leġittimu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
41 |
Fl-aħħar nett, SCHUFA hija biss kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali fost oħrajn, b’tali mod li d-data tinżamm fil-Ġermanja f’diversi forom, li jimplika ksur sinjifikattiv tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta. |
42 |
It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li ż-żamma minn kumpanniji privati ta’ data li tirriżulta minn reġistri pubbliċi hija legali inkwantu tali, tqum il-kwistjoni dwar it-tul possibbli ta’ tali żamma. |
43 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li dawn il-kumpanniji privati għandhom jintalbu josservaw it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 3 tal-InsoBekV dwar iż-żamma fir-reġistru ta’ insolvenza tad-deċiżjonijiet ta’ rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura. Għalhekk, id-data li għandha titħassar minn reġistru pubbliku għandha wkoll titħassar simultanjament mill-kumpanniji privati kollha li jipprovdu informazzjoni kummerċjali li jkunu żammew din id-data. |
44 |
Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk kodiċi ta’ kondotta approvat konformement mal-Artikolu 40 tal-GDPR, li jipprevedi terminu ta’ tħassir ta’ tliet snin għall-iskrizzjoni relatata mar-rilaxx minn dejn li ma jkunx tħallas, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-ibbilanċjar li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni skont il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
46 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Frar 2022, il-Kawżi C‑26/22 u C‑64/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
47 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 78(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ superviżjoni huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk din l-awtorità ttrattatx l-ilment, investigatx b’mod xieraq dwar is-suġġett tiegħu u informatx lil-lanjant bil-konklużjoni tal-eżami, jew jekk din id-deċiżjoni hijiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ, li jinkludi s-setgħa tal-qorti adita li timponi fuq l-awtorità ta’ superviżjoni li tieħu miżura konkreta. |
48 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-d-domanda, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li taqa’ taħtu kif ukoll l-għanijiet u l-iskopijiet imfittxija mill-att li tagħmel parti minnu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S, C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Fir-rigward tat-termini tal-Artikolu 78(1) tal-GDPR, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, bla ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ekstraġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt li titlob rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità ta’ superviżjoni li tikkonċernaha. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet adottati mill-HBDI jikkostitwixxu deċiżjonijiet legalment vinkolanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 78(1). Fil-fatt, wara li eżaminat il-fondatezza tal-ilmenti li kienu tressqu quddiemha, din l-awtorità kkonstatat li l-ipproċessar tad-data personali kkontestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien legali skont il-GDPR. In-natura legalment vinkolanti ta’ dawn id-deċiżjonijiet hija, mill-bqija, ikkonfermata mill-premessa 143 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li r-rifjut jew iċ-ċaħda ta’ lment minn awtorità ta’ superviżjoni jikkostitwixxu deċiżjoni li tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-awtur ta’ dan l-ilment. |
51 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 141 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta espliċitament li kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju “effettiv”, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
52 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-Artikolu 78(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 143 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-qrati aditi b’rimedju kontra deċiżjoni ta’ awtorità ta’ superviżjoni għandu jkollhom ġurisdizzjoni sħiħa, u b’mod partikolari dik li jeżaminaw il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi relatati mat-tilwima li biha huma aditi (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 41). |
53 |
Għalhekk, l-Artikolu 78(1) tal-GDPR ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ superviżjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk din l-awtorità ttrattatx l-ilment, investigatx b’mod xieraq dwar is-suġġett tiegħu u informatx lil-lanjant bil-konklużjoni tal-eżami. Għall-kuntrarju, sabiex rimedju ġudizzjarju jkun “effettiv”, hekk kif teżiġi din id-dispożizzjoni, tali deċiżjoni għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ. |
54 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jaqa’ taħtu l-Artikolu 78(1) tal-GDPR kif ukoll mill-għanijiet u mill-iskop imfittex minn dan ir-regolament. |
55 |
F’dak li jikkonċerna l-kuntest madwar din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 8(3) tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 51(1) u mal-Artikolu 57(1)(a) tal-GDPR, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali huma responsabbli għas-sorveljar tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 107). |
56 |
B’mod partikolari, skont l-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, kull awtorità ta’ superviżjoni hija obbligata, fit-territorju tagħha, li tittratta l-ilmenti li kull persuna, konformement mal-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, għandha d-dritt li tressaq meta tqis li pproċessar ta’ data personali li jikkonċernaha jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi regolament, u li teżamina s-suġġett ta’ dawn l-ilmenti sa fejn ikun meħtieġ. L-awtorità ta’ superviżjoni għandha tittratta tali lment bid-diliġenza kollha meħtieġa (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 109). |
57 |
Għall-finijiet tat-trattament tal-ilmenti mressqa, l-Artikolu 58(1) tal-GDPR jagħti lil kull awtorità ta’ superviżjoni setgħat investigattivi sinjifikattivi. Meta tali awtorità tikkonstata, fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, hija obbligata tirreaġixxi b’mod xieraq sabiex tirrimedja l-insuffiċjenza kkonstatata. Għal dan il-għan, l-Artikolu 58(2) tal-imsemmi regolament jelenka d-diversi miżuri korrettivi li jistgħu jiġu adottati mill-awtorità ta’ superviżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 111). |
58 |
Isegwi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proċedura ta’ lment, li ma hijiex l-istess bħal dik ta’ petizzjoni, hija maħsuba bħala mekkaniżmu adattat sabiex jissalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data. |
59 |
Issa, fir-rigward tas-setgħat estiżi li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha skont il-GDPR, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jkunx issodisfatt jekk id-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju, minn tali awtorità ta’ superviżjoni, ta’ setgħat investigattivi jew ta’ adozzjoni ta’ miżuri korrettivi kienu suġġetti biss għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett. |
60 |
L-istess japplika għad-deċiżjonijiet dwar ċaħda ta’ lment, peress li l-Artikolu 78(1) tal-GDPR ma jagħmilx distinzjoni skont in-natura tad-deċiżjoni adottata mill-awtorità ta’ superviżjoni. |
61 |
F’dak li jkkonċerna l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-GDPR, b’mod partikolari mill-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni. Il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi, barra minn hekk, li protezzjoni effettiva ta’ din id-data teħtieġ li jissaħħu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. |
62 |
Issa, jekk l-Artikolu 78(1) tal-imsemmi regolament kellu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ ġudizzjarju li jirreferi għalih huwa limitat għall-verifika dwar jekk l-awtorità ta’ superviżjoni ttrattatx l-ilment, investigatx b’mod xieraq dwar is-suġġett tiegħu u informatx lil-lanjant bil-konklużjoni tal-eżami, it-twettiq tal-għanijiet u t-tfittxija tal-iskop tal-istess regolament ikunu neċessarjament kompromessi. |
63 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ superviżjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ ma tqajjimx dubju dwar il-garanziji ta’ indipendenza li minnhom jibbenefikaw l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, u lanqas id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur tad-data jew proċessur. |
64 |
Fl-ewwel lok, huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 8(3) tal-Karta, l-osservanza tar-regoli fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data personali hija suġġetta għal kontroll ta’ awtorità indipendenti. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 52 tal-GDPR jippreċiża, b’mod partikolari, li kull awtorità ta’ superviżjoni għandha teżerċita b’indipendenza sħiħa l-kompiti u s-setgħat mogħtija lilha konformement ma’ dan ir-regolament (paragrafu 1), li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom u tas-setgħat tagħhom, il-membru jew il-membri ta’ kull awtorità ta’ superviżjoni jibqgħu liberi minn kull influwenza esterna (paragrafu 2), u li kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità ta’ superviżjoni jkollha r-riżorsi neċessarji għall-eżerċizzju effettiv tal-kompiti tagħha u tas-setgħat tagħha (paragrafu 4). |
65 |
Madankollu, dawn il-garanziji ta’ indipendenza bl-ebda mod ma huma kompromessi mill-fatt li d-deċiżjonijiet legalment vinkolanti ta’ awtorità ta’ superviżjoni huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ. |
66 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur tad-data jew proċessur, previst fl-Artikolu 79(1) tal-GDPR, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rimedji previsti rispettivament fl-Artikolu 78(1) u fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 35 u d-dispożittiv). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkunsidrat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ diversi rimedji ġudizzjarji jsaħħaħ l-għan stabbilit fil-premessa 141 tal-imsemmi regolament li jiġi ggarantit lil kull suġġett tad-data li jqis li d-drittijiet mogħtija lilu minn dan l-istess regolament huma miksura li jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 44). |
67 |
Għalhekk, u minkejja li huma l-Istati Membri, bi qbil mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li jipprovdu l-modalitajiet ta’ artikolazzjoni ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 45 u d-dispożittiv), l-eżistenza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur tad-data jew proċessur, previst fl-Artikolu 79(1) tal-GDPR, ma għandhiex effett fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat, fil-kuntest ta’ rimedju mfittex skont l-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, fuq deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ superviżjoni. |
68 |
Madankollu, għandu jingħad ukoll, li, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tipproċedi bit-trattament ta’ lment bid-diliġenza kollha meħtieġa, billi din l-awtorità għandha, fir-rigward tal-miżuri korrettivi elenkati fl-Artikolu 58(2) tal-GDPR, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-mezzi xierqa u neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 112). |
69 |
Issa, għalkemm il-qorti nazzjonali adita b’rikors skont l-Artikolu 78(1) tal-GDPR għandha, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ikollha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi relatati mat-tilwima kkonċernata, il-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma timplikax li hija għandha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-għażla tal-miżuri korrettivi xierqa u neċessarji ma’ dik ta’ din l-awtorità, iżda teżiġi li din il-qorti teżamina jekk l-awtorità ta’ superviżjoni osservatx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel domanda preliminari tiġi risposta li l-Artikolu 78(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ superviżjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ. |
Fuq it‑tieni sal‑ħames domanda
71 |
Permezz tat-tieni sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi,
|
Fuq l‑Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR
72 |
Skont l-Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR, id-data personali għandha tiġi pproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. |
73 |
F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala legali. Għaldaqstant, sabiex ipproċessar ikun jista’ jitqies bħala leġittimu, għandu jkun kopert minn wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et. (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. Skont din id-dispożizzjoni, l-ipproċessar ta’ data personali tkun legali biss jekk, u sa fejn, dan l-ipproċessar ikun neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur tad-data jew minn terz, sakemm ma jipprevalux l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni. |
75 |
Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur tad-data jew minn terz, it-tieni nett, in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalixxux (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni dwar it-tfittxija ta’ “interess leġittimu”, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett mill-GDPR, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li firxa wiesgħa ta’ interessi tista’, bħala prinċipju, titqies bħala leġittima. |
77 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex, din timponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika li l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data mfittex ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv permezz ta’ mezzi oħra li inqas jippreġudikaw il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jitfakkar li l-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha tkun “adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalixxux fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur tad-data jew ta’ terz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din timplika bbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni li jkun jiddependi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari u li, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dan l-ibbilanċjar billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, jipprevalu fuq l-interess tal-kontrollur tad-data meta data personali tiġi pproċessata f’ċirkustanzi fejn is-suġġetti tad-data ma jistennewx b’mod raġonevoli tali pproċessar (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 112). |
81 |
Għalhekk, għalkemm b’mod definittiv hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti, huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti f’din id-determinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi, C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda t-tiftix ta’ interess leġittimu, SCHUFA ssostni li l-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali jipproċessaw data neċessarja għall-evalwazzjoni tas-solvenza ta’ persuni jew ta’ impriżi, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tas-sħab kuntrattwali tagħhom. Issa, minbarra li din l-attività tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-impriżi li jixtiequ jikkonkludu kuntratti marbuta ma’ kreditu, id-determinazzjoni tas-solvenza u l-għoti ta’ informazzjoni dwar is-solvenza jikkostitwixxu l-bażi ta’ kreditu u tal-kapaċità ta’ funzjonament tal-ekonomija. L-attività ta’ dawn il-kumpanniji tikkontribwixxi wkoll sabiex jiġu kkonkretizzati x-xewqat kummerċjali tas-suġġetti tad-data permezz ta’ tranżazzjonijiet marbuta mal-kreditu, peress li l-informazzjoni tippermetti eżami rapidu u mhux burokratiku ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. |
83 |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-ipproċessar ta’ data personali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jservi l-interessi ekonomiċi ta’ SCHUFA, dan l-ipproċessar iservi wkoll għat-tiftix tal-interess leġittimu tas-sħab kuntrattwali ta’ SCHUFA, li jipprevedu li jikkonkludu kuntratti marbuta ma’ kreditu ma’ persuni, sabiex ikunu jistgħu jevalwaw is-solvenza ta’ dawn tal-aħħar, u għalhekk l-interessi tas-settur ta’ kreditu fuq livell soċjoekonomiku. |
84 |
Fil-fatt, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tagħha, jirriżulta li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur huwa obbligat jevalwa s-solvenza tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, inkluż, jekk ikun il-każ, informazzjoni provenjenti minn databases pubbliċi u privati. |
85 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati mal-proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali, mill-Artikolu 18(1) u mill-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/17, moqrija fid-dawl tal-premessi 55 u 59 tagħha, jirriżulta li l-kreditur għandu jwettaq evalwazzjoni rigoruża tas-solvenza tal-konsumatur u li jkollu aċċess għad-databases dwar il-kreditu, peress li l-konsultazzjoni ta’ tali databases hija element utli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. |
86 |
Għandu jingħad ukoll li l-obbligu li tiġi evalwata s-solvenza tal-konsumaturi, kif previst mid-Direttivi 2008/48 u 2014/17, huwa intiż mhux biss sabiex jipproteġi lill-applikant għal kreditu, iżda wkoll, kif huwa enfasizzat fil-premessa 26 tad-Direttiva 2008/48, sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kreditu kollha kemm hi. |
87 |
Madankollu, huwa meħtieġ ukoll li l-ipproċessar ta’ data jkun neċessarju għat-twettiq tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur tad-data jew minn terz u li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jipprevalixxux fuqhom. Fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni, jiġifieri dawk tal-kontrollur tad-data u tat-terzi implikati, minn naħa, u dawk tas-suġġett tad-data, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari, l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data kif ukoll il-portata tal-ipproċessar inkwistjoni u l-impatt tiegħu fuq dan is-suġġett tad-data (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 116). |
88 |
Fir-rigward tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tali pproċessar jista’ jitqies bħala li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur tad-data jew minn terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, unikament jekk dan l-ipproċessar iseħħ fil-limiti stretti neċessarji għat-twettiq ta’ dan l-interess leġittimu u jekk jirriżulta minn ibbilanċjar tal-interessi opposti, fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar inkwistjoni ma humiex prevalenti fuq l-imsemmi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data jew ta’ terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 30, kif ukoll tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 126). |
89 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal żewġ aspetti tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fl-ewwel lok, dan l-ipproċessar jimplika żamma multiformi tad-data, jiġifieri mhux biss f’reġistru pubbliku iżda wkoll fid-databases tal-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali, filwaqt li huwa ppreċiżat li dawn il-kumpanniji jwettqu din iż-żamma mhux f’sitwazzjoni ta’ każ konkret iżda fl-eventwalità li s-sħab kuntrattwali tagħhom jitolbuhom tali informazzjoni. Fit-tieni lok, l-imsemmija kumpanniji jżommu din id-data matul tliet snin, u dan abbażi ta’ kodiċi ta’ kondotta fis-sens tal-Artikolu 40 tal-GDPR, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, fir-rigward tar-reġistru pubbliku, tul ta’ żamma ta’ sitt xhur biss. |
90 |
Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, SCHUFA ssostni li jkun impossibbli li tiġi pprovduta informazzjoni fi żmien xieraq jekk kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali kienet obbligata tistenna talba konkreta qabel ma tkun tista’ tibda tiġbor id-data. |
91 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iż-żamma tad-data inkwistjoni minn SCHUFA fid-databases tagħha stess hijiex limitata għal dak li huwa strettament neċessarju fir-rigward tat-twettiq tal-interess leġittimament imfittex, filwaqt li d-data inkwistjoni tista’ tiġi kkonsultata fir-reġistru pubbliku u mingħajr ma impriża kummerċjali tkun talbet informazzjoni f’każ konkret. Kieku dan ma kienx il-każ, iż-żamma ta’ din id-data minn SCHUFA ma tistax titqies bħala neċessarja matul il-perijodu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija data. |
92 |
Fir-rigward tat-tul ta’ żamma tad-data, għandu jitqies li l-eżamijiet tat-tieni u tat-tielet kundizzjoni mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza jingħaqdu sa fejn l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, l-interessi leġittimi mfittxija mill-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux raġonevolment jintlaħqu permezz ta’ tul iqsar ta’ żamma tad-data teħtieġ ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni. |
93 |
Fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi leġittimi mfittxija, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn l-analiżi magħmula minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali tirrendi possibbli l-evalwazzjoni oġġettiva u affidabbli tas-solvenza tal-klijenti potenzjali tas-sħab kuntrattwali tal-kumpannija li tipprovdi din l-informazzjoni kummerċjali, hija tippermetti li jiġu kkumpensati differenzi fl-informazzjoni u għalhekk li jitnaqqsu r-riskji ta’ frodi kif ukoll ta’ inċertezzi oħra. |
94 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġett tad-data, l-ipproċessar ta’ data dwar l-għoti ta’ rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura, minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali, bħaż-żamma, l-analiżi u l-komunikazzjoni ta’ din id-data lil terz, jikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fil-fatt, tali data sservi bħala fattur negattiv fl-evalwazzjoni tas-solvenza tas-suġġett tad-data u għalhekk tikkostitwixxi informazzjoni sensittiva dwar il-ħajja privata tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 98). L-ipproċessar tagħha jista’ jippreġudika b’mod kunsiderevoli l-interessi tas-suġġett tad-data peress li din il-komunikazzjoni hija ta’ natura li tikkomplika b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju tal-libertajiet tiegħu, b’mod partikolari meta jiġu koperti bżonnijiet bażiċi. |
95 |
Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, iktar ma tkun twila ż-żamma tad-data inkwistjoni minn kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali, iktar ikunu sinjifikattivi l-konsegwenzi fuq l-interessi u fuq il-ħajja privata tas-suġġett tad-data u r-rekwiżiti dwar il-legalità taż-żamma ta’ din l-informazzjoni ser ikunu iktar kunsiderevoli. |
96 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 76 tar-Regolament 2015/848, l-għan ta’ reġistru pubbliku ta’ insolvenza huwa li tittejjeb il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-kredituri kif ukoll lill-qrati kkonċernati. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 79(5) ta’ dan ir-regolament sempliċement jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinformaw lis-suġġetti tad-data bil-perijodu li matulu d-data personali maħżuna fir-reġistri ta’ insolvenza hija aċċessibbli, mingħajr ma jiddetermina terminu għaż-żamma tal-imsemmija data. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 79(4) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri huma responsabbli, konformement miegħu, għall-ġbir u għall-ħażna tad-data personali fid-databases nazzjonali. It-terminu għaż-żamma ta’ din id-data għandu għalhekk jiġi stabbilit fl-osservanza tal-imsemmi regolament. |
97 |
F’dan il-każ, il-leġiżlatur Ġermaniż jipprevedi li l-informazzjoni dwar l-għoti ta’ rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura jinżamm fir-reġistru ta’ insolvenza matul sitt xhur biss. Għalhekk, huwa jqis li, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur, id-drittijiet u l-interessi tas-suġġett tad-data jipprevalu fuq dawk tal-pubbliku li jkollu din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu. |
98 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura huwa intiż sabiex jippermetti lill-persuna li tibbenefika minnu li tipparteċipa mill-ġdid fil-ħajja ekonomika u għandu, għalhekk, ġeneralment importanza eżistenzjali għal din il-persuna. Issa, it-twettiq ta’ dan l-għan jiġi kompromess jekk kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali setgħu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ persuna, iżommu data dwar ir-rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura, u jużaw din id-data wara li tkun tħassret mir-reġistru pubbliku ta’ insolvenza, sa fejn l-imsemmija data tintuża dejjem bħala fattur negattiv matul l-evalwazzjoni tas-solvenza ta’ tali persuna. |
99 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interessi tas-settur ta’ kreditu li jkollu informazzjoni dwar rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura ma jistgħux jiġġustifikaw ipproċessar ta’ data personali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil hinn mit-terminu ta’ żamma tad-data fir-reġistru pubbliku ta’ insolvenza, b’tali mod li ż-żamma ta’ din id-data minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali ma tistax tkun ibbażata fuq il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR fir-rigward tal-perijodu wara t-tħassir tal-imsemmija data minn reġistru pubbliku ta’ insolvenza. |
100 |
Fir-rigward tal-perijodu ta’ sitt xhur li matulu d-data inkwistjoni hija disponibbli wkoll f’dan ir-reġistru pubbliku, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-effetti ta’ żamma parallela ta’ din id-data f’databases ta’ tali kumpanniji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inqas gravi milli wara l-mogħdija tas-sitt xhur, din iż-żamma tikkostitwixxi madankollu ndħil fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-preżenza tal-istess data personali f’diversi sorsi ssaħħaħ l-indħil fid-dritt tal-persuna għall-ħajja privata (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 86 u 87). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tibbilanċja l-interessi inkwistjoni u l-effetti fuq is-suġġett tad-data, sabiex jiġi stabbilit jekk iż-żamma parallela ta’ din id-data minn kumpanniji privati li jipprovdu informazzjoni kummerċjali tistax titqies bħala li hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju, kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 88 ta’ din is-sentenza. |
101 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza, bħal f’dan il-każ, ta’ kodiċi ta’ kondotta li jipprevedi li kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali għandha tħassar id-data dwar ir-rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura wara terminu ta’ tliet snin, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 40(1) u (2) tal-GDPR, il-kodiċijiet ta’ kondotta huma intiżi sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-ispeċifiċità tad-diversi setturi ta’ pproċessar u tal-bżonnijiet speċifiċi tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. B’hekk, l-assoċjazzjonijiet u l-organi l-oħra li jirrappreżentaw kategoriji ta’ kontrolluri tad-data jew ta’ proċessuri jistgħu jfasslu kodiċijiet ta’ kondotta, jemendawhom jew jestenduhom, bl-għan li jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, bħall-ipproċessar ġust u trasparenti, l-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrolluri tad-data f’kuntesti speċifiċi u l-ġbir ta’ data personali. |
102 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40(5) tal-GDPR, abbozz ta’ kodiċi jitressaq quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti, li tapprovah jekk hija tqis li joffri garanziji xierqa suffiċjenti. |
103 |
F’dan il-każ, il-kodiċi ta’ kondotta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfassal mill-assoċjazzjoni li tiġbor flimkien il-kumpanniji Ġermaniżi li jipprovdu informazzjoni kummerċjali u ġie approvat mill-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti. |
104 |
Madankollu, għalkemm, konformement mal-Artikolu 40(1) u (2) tal-GDPR, kodiċi ta’ kondotta huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għall-applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament u sabiex jispeċifika l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 103 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kundizzjonijiet għal-legalità ta’ pproċessar ta’ data personali stabbiliti minn tali kodiċi ma jistgħux ivarjaw minn kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR. |
105 |
Għaldaqstant, kodiċi ta’ kondotta li jwassal għal evalwazzjoni differenti minn dik li tinkiseb b’applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar imwettaq skont din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑Artikolu 17 tal-GDPR
106 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-obbligi imposti fuq kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali skont l-Artikolu 17 tal-GDPR. |
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR, li għalih il-qorti tar-rinviju tirreferi, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur tad-data t-tħassir, mingħajr dewmien żejjed, ta’ data personali li tikkonċernah u l-kontrollur tad-data għandu l-obbligu li jħassar din id-data personali mingħajr dewmien żejjed, meta d-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment. |
108 |
Għaldaqstant, skont il-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni, fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi, fi tmiem l-evalwazzjoni tagħha dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li dan l-ipproċessar ma huwiex legali, huwa l-kontrollur tad-data, f’dan il-każ SCHUFA, li għandu jħassar id-data kkonċernata mingħajr dewmien żejjed. Dan ikun il-każ, konformement ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, għal ipproċessar tad-data personali mwettaq lil hinn mit-terminu ta’ żamma tad-data ta’ sitt xhur fir-reġistru pubbliku ta’ insolvenza. |
109 |
Fir-rigward tal-ipproċessar li jseħħ matul il-perijodu ta’ sitt xhur li matulu d-data hija disponibbli fir-reġistru pubbliku ta’ insolvenza, fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-ipproċessar kien konformi mal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, japplika l-Artikolu 17(1)(c) ta’ dan ir-regolament. |
110 |
Din id-dispożizzjoni tipprovdi għad-dritt ta’ tħassir tad-data personali meta s-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR u ma tkunx teżisti “raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar”. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument, minħabba raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għal ipproċessar ta’ data personali li jikkonċernah ibbażat fuq il-punti (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. Il-kontrollur tad-data ma għandux ikompli jipproċessa d-data personali, sakemm ma jurix li jeżistu raġunijiet leġittimi u imperattivi għall-ipproċessar li jipprevalu fuq l-interessi u fuq id-drittijiet u fuq il-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali. |
111 |
Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li s-suġġett tad-data għandu dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar u dritt għal tħassir, sakemm ma jeżistux raġunijiet leġittimi imperattivi li jipprevalu fuq l-interessi kif ukoll fuq id-drittijiet u fuq il-libertajiet ta’ din il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-GDPR, ħaġa li huwa l-kontrollur tad-data li għandu juri. |
112 |
Għalhekk, jekk il-kontrollur tad-data jibqa’ ma jipproduċix tali prova, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jitlob it-tħassir ta’ din id-data abbażi tal-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR, meta dan joġġezzjona għall-ipproċessar konformement mal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk jeżistux, eċċezzjonalment, raġunijiet leġittimi imperattivi ta’ natura li jiġġustifikaw l-ipproċessar inkwistjoni. |
113 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni sal-ħames domanda għandha tkun kif ġej:
|
Fuq l‑ispejjeż
114 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Il-lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.