EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0024

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2023.
PR Pet BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, kantoor Eindhoven.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Rechtbank Noord-Holland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 9403 – Oġġetti li jikkonsistu fi struttura għall-qtates, imsejħa ‘siġra tal-qtates’ – Merkanzija kkostitwita minn diversi materjali – Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1229/2013 u (UE) Nru 350/2014.
Kawża C-24/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:507

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 9403 – Oġġetti li jikkonsistu fi struttura għall-qtates, imsejħa ‘siġra tal-qtates’ – Merkanzija kkostitwita minn diversi materjali – Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1229/2013 u (UE) Nru 350/2014”

Fil-Kawża C‑24/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Noord-Holland (il-Qorti tal-Provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

PR Pet BV

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, kantoor Eindhoven,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta’ Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119, ĠU 2017, L 150, p. 19) (iktar ’il quddiem in-“NM”), u, min-naħa l-oħra, il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1229/2013 tat-28 ta’ Novembru 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2013, L 322, p. 8) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 350/2014 tat-3 ta’ April 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 104, p. 4).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn PR Pet BV u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, kantoor Eindhoven (l-Ispettur tat-Taxxi u tad-Dwana tal-Uffiċċju ta’ Eindhoven, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem id-“Dipartiment tad-Dwana”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, fi ħdan in-NM, ta’ oġġetti kkostitwiti minn struttura, intiżi għall-qtates, imsejħa “siġra tal-qtates”.

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”).

4

L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ Spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, stabbilit bl-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni.

5

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-Nomenklaturi Tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel, billi tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, it-tieni, billi tapplika kemm ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom, u, it-tielet, billi ssegwi l-ordni numeriku tas-SA.

6

Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM titwettaq konformement mal-prinċipji previsti mir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA.

7

Ir-regola 3 tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA [traduzzjoni mhux uffiċjali] tipprevedi:

“Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu [intestatura] wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)

It-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża tal-oġġetti;

b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għar-regola 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għar-regola 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.”

8

In-nota ta’ spjega dwar ir-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA tistipula:

“VI) Dan it-tieni metodu ta’ klassifikazzjoni jirrigwarda biss il-każ:

1)

ta’ prodotti mħalltin;

2)

ta’ oġġetti komposti minn materjali differenti:

[…]

VIII) Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ merkanzija. Jista’, pereżempju, jirriżulta min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-artikoli li jikkomponuha, mill-volum tagħha, mill-kwantità tagħha, mill-piż tagħha jew mill-valur tagħha, mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fir-rigward tal-użu tal-merkanzija. […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

9

It-Taqsima IX tas-SA, intitolata “Injam u oġġetti tal-injam; faħam tal-injam; sufra u oġġetti tas-sufra; manifatturi ta’ tiben, ta’ spartu jew ta’ materjali oħrajn tat-trizza; xogħol tal-qfief u xogħol tal-qasab” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 44 ta’ din is-sistema, intitolat “Injam u oġġetti tal-injam; faħam tal-injam” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10

L-intestatura 4421 tas-SA, intitolata “Oġġetti oħrajn tal-injam”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

“442110 — Spallieri

4421 9 – Oħrajn

442191 – Tal-bambù

442199 – Oħrajn”

11

It-Taqsima XI tas-SA, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”, tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 56 tagħha, intitolat “Wattiet, feltru u drappijiet mhux minsuġin; raden speċjali; spag, kurduni, ħbula, u gumna u oġġetti magħmulin minnhom”.

12

L-intestatura 5609 tas-SA, intitolata “Oġġetti ta’ ħajt, strixxa jew bħalha tal-intestatura 54.04 jew 54.05, spag, ċwiemi, ħbula jew kejbils, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra ”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

“560900 – Oġġetti ta’ ħajt, strixxa jew bħalha tal-intestatura 54.04 jew 54.05, spag, ċwiemi, ħbula jew kejbils, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra”

13

Skont kliem in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 5609 tas-SA:

“Din l-intestatura tiġbor fi ħdanha l-oġġetti ffabbrikati b’ħajt tal-Kapitoli 50 sa 55, b’strixxi u forom simili tal-intestaturi 54.04 jew 54.05 jew b’fili, ħbula jew ħbula tan-Nru 56.07 u li ma humiex koperti b’mod iktar speċifiku minn intestaturi oħra tan-Nomenklatura. […]”

14

It-Taqsima XI tas-SA tinkludi, barra minn hekk, il-Kapitolu 63 tagħha, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti settijiet; ħwejjeġ li jintlibsu u oġġetti ta’ tessuti li jintlibsu; ċraret”.

15

L-intestatura 6307 tas-SA, intitolata “Oġġetti oħrajn manifatturati, inklużi mudelli ta’ ilbies”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

“630710 – Biċċiet tal-art, biċċiet tal-platti, biċċiet tat-tfarfir u biċċiet oħrajn għat-tindif

630720 – Ġkieket tas-salvataġġ u cinturi tas-salvataġġ

630790 – Oħrajn”

16

It-Taqsima XX tas-SA, intitolata “Oġġetti manifatturati varji” tinkludi b’mod partikolari, il-Kapitolu 94 tagħha, “Għamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; luminarji u fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”.

17

Il-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 94 tas-SA jistipulaw b’mod partikolari:

“[…]

2. L-oġġetti (ħlief partijiet) imsemmijin f’titli 9401 sa 9403 għandhom ikunu kklassifikati f’dawk it-titli biss jekk huma maħsubin biex jitqegħdu fl-art jew fuq il-paviment.

Madankollu, dawn li ġejjin għandhom ikunu kklassifikati fl-intestaturi msemmijin hawn fuq anki jekk huma maħsubin biex jiddendlu, jitwaħħlu mal-ħajt jew joqogħdu wieħed fuq l-ieħor:

a)

l-armarji, il-libreriji, għamara oħra bl-ixkafef (inkluż l-ixkafef singli ppreżentati b’irfid biex jitwaħħlu mal-ħitan) u l-unitajiet tal-għamara;

b)

siġġijiet u sodod.”

18

L-intestatura 9401 tas-SA, intitolata “Sits (seats) (ħlief dawk ta’ titlu 9402), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u partijiet tagħhom|”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

“[…]

940150 –Sits tal-qasab, tal-vireg taż-żafżaf, tal-bambù jew materjali simili:

[…]

940160 – Sits oħrajn, bl-oqfsa tal-injam:

940161 – Miksijin bit-tapizzerija

[…]”

19

L-intestatura 9403 tas-SA, intitolata “Għamara oħra u l-parts tagħha:”, hija fformulata kif ġej:

“940310 – Għamara tal-metall tat-tip użata f’uffiċċji:

[…]

940340 – Għamara ta’ l-injam tat-tip użata fil-kċina: |

940350 –Għamara ta’ l-injam tat-tip użata fil-kamra tas-sodda

[…]

9403 8 Għamara ta’ materjali oħra, inklużi tal-qasab, tal-vireg taż-żafżafa, tal-bambù jew materjali simili |

940382 – Tal-bambù

940383 – Tal-kannadindja

940389 – Oħrajn:

940390 – Partijiet”

20

Skont kliem in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 9403 tas-SA:

“Fost l-għamara ta’ din l-intestatura, li fiha huma miġbura flimkien, mhux biss l-artikoli stess li ma humiex inklużi fl-intestaturi preċedenti, iżda wkoll il-partijiet tagħhom, għandhom jissemmew qabel kollox dawk li ġeneralment jintużaw f’postijiet differenti, bħal armarji, vetrini, imwejjed, kaxxi tat-telefon, uffiċċji, segretarji, libreriji, xkafef.

Wara jsegwu oġġetti ta’ għamara ddisinjati b’mod partikolari:

1)

Għal appartamenti, lukandi, eċċ., bħal: gradenzi, kaxxi għal ġarr, kaxxetti tal-ħobż jew kaxxi għall-ġarr, kxaxen, kolonni, imwejjed tat-twaletta, tavolini bil-pedestall, gwardarobbi, lavanderiji, granpun fejn jiddendlu l-ħwejjeġ, stand għall-umbrelel, gradenzi, dressers, vetrini, dispensa, komodini, sodod (inklużi sodod riversibbli, is-sodod tal-kampeġġ, is-sodod li jintwew, il-bennieni), kabinett tal-ħjata, bankijiet u banketti (anki dawk reklinabbli) sabiex jistrieħu fuq is-saqajn,ilqugħ tal-kamini, paraventi, ashtrays fuq pedestall, kabinetti tal-mużika, skrivaniji, playpens, trolley (pereżempju, għall-apetizers, għal-likuri), anki jekk mgħammra b’reżistenza għas-sħana.

[…]

Min din l-intestatura huma esklużi:

a)

Is-sniedaq u bagolli li ma għandhomx in-natura ta’ għamara (Nru 42.02).

[…]”

In-NM

21

Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA.

22

L-ewwel parti tan-NM, li tinvolvi għadd ta’ “[d]ispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi t-Taqsima I, bl-isem “[r]egoli ġenerali”, li l-punt a tagħha, intitolat “Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, jipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

[…]

Kwalunkwe referenza f’titlu [intestatura] għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda [komposti] għandha ssir skond il-prinċipji ta’ regola 3.

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu [intestatura] wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)

It-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti.

b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, […], li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.

[…]”

23

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi, Taqsima IX, intitolata “Injam u oġġetti ta’ l-injam; faħam ta’ l-injam; sufra u oġġetti tas-sufra; manifatturi ta’ tiben, ta’ spartu jew ta’ materjali oħrajn tat-trizza; xogħol tal-qfief u xogħol tal-qasab”. Din it-taqsima tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 44 tan-NM, intitolat “Injam u oġġetti ta’ l-injam; faħam ta’ l-injam”.

24

L-intestatura 4421 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“4421

Oġġetti oħrajn ta’ injam:

4421 10 00

— Spallieri

 

— oħrajn:

4421 91 00

Tal-bambù

4421 99

Oħrajn

4421 99 10

Tal-fibreboard

 

[…] ”

25

It-tieni parti tan-NM tinkludi wkoll it-Taqsima XI, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”, li tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 56 ta’ din in-nomenklatura, intitolat “Wattiet, feltru u drappijiet mhux minsuġin; raden speċjali; spag, kurduni, ħbula, u gumna u oġġetti magħmulin minnhom”.

26

L-intestatura 5609 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“Oġġetti magħmulin bir-raden, bl-istrixxi jew b’oġġetti simili tal-intestaturi 5404 jew 5405, spag, kurduni, ħbula jew gumna, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra”.

27

Il-Kapitolu 63 tan-NM, intitolat “Oġġetti tessili oħrajn immanifatturati; settijiet; ilbiesi qodma u oġġetti tessili qodma; ċraret” huma inklużi wkoll fit-Taqsima XI ta’ din in-nomenklatura.

28

In-Noti ta’ Spjega relatati mal-Kapitolu 63 tan-NM jipprevedu b’mod partikolari:

“1.

Is-subkapitolu I japplika biss għall-oġġetti manifatturati, ta’ kwalunkwe drapp tessili.

2.

Is-subkapitolu I ma jkoprix:

(a)

l-oġġetti tal-Kapitoli 56 sa 62, jew

[…]”

29

L-intestatura 6307 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“6307

Oġġetti oħrajn manifatturati, inkluż mudelli tal-ilbiesi:

[…]

[…]

6307 90

— oħrajn:

6307 90 10

– – Innittjati jew tal-ganċ

 

— oħrajn

6307 90 91

– – –Tal-feltru

[…]

[…]”

30

L-imsemmija tieni parti tinkludi wkoll it-Taqsima XX, intitolata “Oġġetti manifatturati varji”, li fiha l-Kapitolu 94, li huwa intitolat “Għamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; luminarji u fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”.

31

Skont il-punt 2 tan-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 94 tan-NM:

“L-oġġetti (għajr il-parts) imsemmijin fl-intestaturi 9401 sa 9403 għandhom ikunu kklassifikati f’dawk l-intestaturi biss jekk huma maħsubin biex jitqiegħdu fl-art jew fuq il-paviment.

Madankollu, dawn li ġejjin għandhom ikunu kklassifikati fl-intestaturi msemmijin hawn fuq anki jekk huma maħsubin biex jiddendlu, jitwaħħlu mal-ħajt jew joqogħdu wieħed fuq l-ieħor:

a)

armarji, libreriji, għamara oħra bl-ixkafef (inkluż xkafef singli ppreżentati bi irfid biex jitwaħħlu mal-ħitan) u l-unitajiet tal-għamara;

b)

sits u sodod.”

32

L-intestatura 9401 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“9401

Sits (għajr dawk tal-intestatura 9402) kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u l-parts tagħhom:

[…]

[…]

9401 40 00

[…]

 

– Sits tal-qasab, tal-vireg taż-żafżaf, tal-bambù jew materjali simili:

[…]

[…]

9401 61 00

– – Miksijin bit-tapizzerija

[…]

[…]”

33

L-intestatura 9403 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“9403

Għamara oħra u l-parts tagħha:

9403 10

– Għamara tal-metall li tintuża fl-uffiċċji:

[…]

[…]

9403 40

– Għamara tal-injam li tintuża fil-kċina:

[…]

[…]

9403 50 00

– Għamara tal-injam li tintuża fil-kamra tas-sodda

[…]

[…]

9403 70 00

[…]

 

– Għamara ta’ materjali oħrajn, inkluż tal-qasab, tal-vireg taż-żafżaf, tal-bambù jew materjali simili:

[…]

[…]

9403 90

Partijiet:

9403 90 10

– – – Tal-metall

9403 90 30

– Tal-injam

9403 90 90

– – – Ta’ materjali oħrajn”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1229/2013

34

Sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tan-NM, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1229/2013 li, skont l-Artikolu 3 tiegħu, daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2013.

35

Konformement mal-Anness tiegħu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1229/2013 ikklassifika oġġett li jikkonsisti fi struttura, intiża għall-qtates, imsejħa “siġra tal-qtates”, fis-subintestatura 63079098 tan-NM b’mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin:

“Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott huwa wieħed għall-qtates u huma mfassal biex jattira l-qtates u biex iżommhom ’il bogħod mill-għamara li kieku jigirfu jew joqogħdu fuqha.

|Il-klassifikazzjoni bħala għamara taħt l-intestatura 9403 hija eskluża minħabba li din l-intestatura tkopri prodotti ta’ natura differenti li jintużaw għal djar privati, lukandi, uffiċċji, skejjel, knejjes, ħwienet, laboratorji, eċċ. (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 9403 tan-NS).

Il-klassifikazzjoni bħala ġugarell taħt l-intestatura 9503 hija eskluża wkoll […]

[…]

Il-materjal tat-tessuti huwa essenzjali biex jattira l-qtates (e.ż. biex jigirfu bid-dwiefer tagħhom fuqu, ipoġġu fuqu u jilagħbu bih) u konsegwentament essenzjali għall-użu tal-prodott bħala faċilità għall-qtates biex jigirfu u jilagħbu. Konsegwentement, it-tessut (mhux l-injam, il-kartun jew il-materjal tal-plastik) huwa l-element li jagħti lill-oġġett il-karattru essenzjali tiegħu fis-sens tar- [Regola 3 (b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM]

[…]

Konsegwentament, prodott magħmul minn drapp tas-sisal minsuġ, drapp bil-pil minsuġ, u drapp minsuġġ miksi bil-feltru u fibri sintetiċi, għandu jiġi klassifikat taħt l-intestatura 6307.

Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 98, bħala ‘prodott ieħor magħmul mit-tessutti’.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 350/2014

36

Sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tan-NM, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 350/2014 li, skont l-Artikolu 3 tiegħu, daħal fis-seħħ fit-8 ta’ April 2014.

37

Konformement mal-Anness tiegħu, dan ir-regolament ikklassifika oġġett li jikkonsisti fi struttura, intiża għall-qtates, imsejħa “siġra tal-qtates”, taħt is-subintestatura 63079098 tan-NM b’mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin:

“Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott huwa wieħed għall-qtates u huma mfassal biex jattira l-qtates u biex iżommhom ’il bogħod mill-għamara li kieku jigirfu jew joqogħdu fuqha.

|Il-klassifikazzjoni bħala għamara taħt l-intestatura 9403 hija eskluża minħabba li din l-intestatura tkopri prodotti ta’ natura differenti li jintużaw għal djar privati, lukandi, uffiċċji, skejjel, knejjes, ħwienet, laboratorji, eċċ. (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 9403 tan-NS).

Il-klassifikazzjoni bħala ġugarelli taħt l-intestatura 9503 hija wkoll eskluża […]

[…]

Il-materjal tat-tessuti huwa essenzjali biex jattira l-qtates (e.ż. biex jigirfu d-dwiefer tagħhom fuqu, ipoġġu fuqu u jilagħbu bih) u konsegwentament essenzjali għall-użu tal-prodott bħala faċilità għall-qtates biex jigirfu u jilagħbu. Għalhekk, huwa l-materjal tat-tessuti (mhux l-injam, il-kartun jew il-plastik) li jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu fit-tifsira [tar-Regola 3 (b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM]

[…]

Minħabba li ma jistax jiġi stabbilit huwiex is-sisal jew il-materjal tessili minsuġ l-aktar essenzjali biex jattira lill-qtates il-kwantità akbar ta’ drapp tessili minsuġ u l-varjetà usa’ ta’ attivitajiet li jipprovdi għall-qattus jitqiesu li jagħtu lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu fi ħdan it-tifsira tar-Regola 3 (b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM] (ara wkoll in-NSSA ta’ GIR 3(b), (VIII)).

Fi ħdan it-tifsira tan-nota 7(f) tat-Taqsima XI, id-drapp tessili minsuġ huwa impoġġi bil-ħjata u għalhekk huwa prodott tessili maħdum mid-drapp tessili.

Il-prodott għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 63079098, bħala prodott ieħor magħmul mit-tessutti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

38

Matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Settembru 2016 u t-28 ta’ Awwissu 2017, PR Pet ippreżentat seba’ dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ oġġetti li jikkonsistu fi struttura, intiżi għall-qtates, imsejħa “siġra tal-qtates” (iktar ’il quddiem il-“merkanzija inkwistjoni”), li hija kklassifikat taħt żewġ subintestaturi tal-intestatura 4421 tan-NM.

39

Wara kontroll amministrattiv imwettaq matul is-sena 2017, id-Dipartiment tad-Dwana kkunsidra li l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni kienet żbaljata u li din kellha, skont in-natura tal-materjal li tiegħu hija kienet miksija, tiġi kklassifikata fis-subintestaturi 5609 000000 jew 6307 909890 tan-NM. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2017, id-Dipartiment tad-Dwana, għaldaqstant, talab lil PR Pet il-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 10 699.26 bħala dazji doganali u, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2018, ċaħad l-ilment ta’ PR Pet kontra dan l-avviż ta’ taxxa.

40

PR Pet ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), billi sostniet li, kuntrarjament għal dak li kienet indikat fid-dikjarazzjonijiet doganali tagħha, il-merkanzija inkwistjoni kellha, skont ir-Regola 1 tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, tiġi kklassifikata bħala “għamara”, imsemmija fil-Kapitolu 94 tan-NM, peress li hija intiża għall-qtates u għandha bħala funzjoni li tiżviluppa l-partijiet ta’ abitazzjoni. Din il-merkanzija għandha, b’mod iktar preċiż, tiġi kklassifikata bħala “(g)ħamara oħra u l-parts tagħha” jew bħala “sits” li jaqgħu rispettivament taħt l-intestaturi 9403 u 9401 tan-NM. Fin-nuqqas ta’ dan, il-merkanzija inkwistjoni għandha titqies bħala “Oġġetti oħrajn tal-injam” li jaqgħu taħt l-intestatura 4421 tan-NM. Skont PR Pet, tali klassifikazzjoni hija kkorroborata minn informazzjoni tariffarja vinkolanti (ITT), stabbilita mill-awtoritajiet doganali Belġjani u Ġermaniżi, rispettivament fil-25 ta’ Jannar 2019 u fil-15 ta’ Jannar 2020, li tikklassifika prodotti paragunabbli għall-merkanzija inkwistjoni fis-subintestaturi 9401 6100 u 4421 999999 tan-NM.

41

Id-Dipartiment tad-Dwana jikkontesta dan l-argument billi jsostni li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni skont ir-Regola 1 tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM hija eskluża. Skont dan is-servizz, din il-merkanzija ma għandhiex l-istess natura bħall-“għamara” li taqa’ taħt il-Kapitolu 94 tan-NM, sa fejn hija intiża li tintuża mill-qtates. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu kklassifikati, konformement mar-Regola 3 (b) tal-imsemmija regoli u mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1229/2013 u 350/2014, skont il-qasam li jagħtihom in-natura essenzjali tagħhom.

42

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-klassifikazzjoni tariffarja hija ddeterminata legalment skont il-formulazzjoni tal-intestaturi u tas-subintestaturi, tan-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli, u tar-regoli ġenerali ta’ klassifikazzjoni u li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestaturi tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. Fil-fatt, l-użu intenzjonat ta’ prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa kemm dan ikun inerenti għall-prodott imsemmi, fejn din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu.

43

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-merkanzija inkwistjoni hija kkostitwita jew minn arblu wieħed jew iktar imqiegħda fuq bażi jew fuq zokk, jew f’forom ċilindriċi, mgeżwra b’ħabel jew b’tapit tas-sisal. Ma’ dawn l-elementi jistgħu jitwaħħlu, skont il-każ, kaxxa waħda jew iktar mgħottija b’tessut tal-filpa, spazju fil-forma ta’ taqtira, jew ukoll diversi basktijiet jew pjattaformi. Huwa biss wieħed mill-oġġetti inkwistjoni li ma għandux arbli jew zokk u huwa kompost minn kaxxa b’fetħa, miksija b’tessut tal-filpa u mwaħħla fuq tliet saqajn tal-injam. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tagħha, il-merkanzija inkwistjoni hija intiża sabiex tipprovdi lill-qtates post li huwa rriżervat għaliha f’parti, fejn tista’ tagħmel l-istrixxi tagħha, tmur bilqiegħda jew miksija, u li fih, jew li fih, tista’ tilgħab.

44

Sa fejn l-intestatura 9403 tan-NM issemmi l-“għamara oħra u partijiet tagħha” u li n-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 94 ta’ din is-sistema jiddefinixxu l-kunċett ta’ “għamara” b’mod wiesa’ ħafna, b’tali mod li dan il-kunċett jista’ jinkludi b’mod partikolari librerija, li l-funzjoni tagħha hija li tippermetti li l-kotba jiġu kklassifikati, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-merkanzija inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi “għamara”, fis-sens ta’ din l-intestatura, peress li huma wkoll intiżi li jitqiegħdu f’kamra residenzjali u jippermettu li “jitpoġġew” il-qattus, fis-sens li jattribwixxulu postu f’din il-kamra, u li dawn huma oġġetti mobbli, mhux inklużi taħt intestatura oħra, maħsuba sabiex jitqiegħdu fl-art u intiżi sabiex iżejnu, bi skop prinċipalment utilitarju, id-djar. Din il-klassifikazzjoni hija, skont l-imsemmija qorti, ikkorroborata mill-kliem użat fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tan-noti ta’ spjega tas-SA.

45

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fl-intestatura 9403 tan-NM tmur kontra l-formulazzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1229/2013 u 350/2014, peress li dawn jindikaw espressament li “klassifikazzjoni bħala għamara taħt l-intestatura 9403 hija eskluża minħabba li din l-intestatura tkopri prodotti ta’ natura differenti li jintużaw għal djar privati”. Issa, dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ oġġetti paragunabbli għall-merkanzija inkwistjoni. Minn dan jirriżulta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huma applikabbli b’analoġija għas-sitwazzjoni li biha hija adita din il-qorti.

46

L-imsemmija qorti tirrileva li, għalkemm mill-motivazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 350/2014 jirriżulta li s- “siġar tal-qtates” ma jistgħux huma stess jiġu kklassifikati bħala “għamara”, sa fejn il-funzjoni tagħhom hija li jipproteġuhom billi jħajru lill-qtates jużaw is- “siġra tal-qtates” sabiex joqogħdu bilqiegħda u jsinnu dufrejhom, tali interpretazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għamara tista’ taqdi funzjonijiet differenti u ma tirriżultax mill-kliem tal-intestaturi 9401 u 9403 tan-NM jew tan-noti ta’ spjega relatati magħhom. Għalhekk, la r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1229/2013 u 350/2014 u lanqas il-formulazzjoni tal-imsemmija intestaturi jew tan-noti ta’ spjega relatati magħhom ma jindikaw kif il-merkanzija inkwistjoni hija ta’ natura differenti mill-għamara msemmija fihom.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk il-merkanzija inkwistjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “għamara” li taqa’ taħt l-intestatura 9403 tan-NM jew jekk, fid-dawl tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1229/2013 u 350/2014, tali klassifikazzjoni hijiex eskluża. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk, skont ir-risposta li għandha tingħata għal dawn il-mistoqsijiet, għandhiex tiġi kkontestata l-validità ta’ dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Noord-Holland (il-Qorti tal-Provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-intestatura 9403 tan-Nomenklatura Magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li strutturi għall-grif tal-qtates komposti minn diversi materjali, intiżi sabiex jitqiegħdu mal-art fl-ispazji (ta’ għajxien) u sabiex jibqgħu hemmhekk sabiex il-qtates ikunu jistgħu jixxabbtu magħhom, joqogħdu bilqiegħda fuqhom u jimteddu fuqhom u jigirfu magħhom, ma jaqgħux taħt din l-intestatura tan-Nomenklatura Magħquda, minħabba li huma ta’ natura differenti fis-sens tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nri 1229/2013 u 350/2014]? Fil-każ ta’ natura differenti li tipprekludi l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9403 tan-[NM], liema hija din in-natura differenti?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha konsegwenzi għall-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nri 1229/2013 u Nru 350/2014]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

49

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li oġġett li jikkonsisti fi struttura, miksija b’materjali differenti skont il-każ, intiża sabiex tipprovdi lill-qtates post tagħhom fejn ikunu jistgħu, b’mod partikolari, joqgħodu, jilagħbu u jigirfu, imsejjaħ “siġar tal-qtates”, jaqax taħt l-intestatura 9403 ta’ din in-nomenklatura, bħala “għamara”.

50

Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha hija li tiggwida lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali tidher hija fi kwalunkwe każ f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi sottomessi lilha.

52

Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, huwa importanti, qabel kollox, li jiġi enfasizzat li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli huma kkunsidrati li għandhom biss valur indikattiv. Minkejja l-fatt li ma humiex vinkolanti, in-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta’ oġġetti għandu ġeneralment jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mit-termini ta’ l-intestatura tan-NM. L-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għal dan il-prodott u għandu jiġi evalwat skont il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Mill-formulazzjoni tal-intestatura 9403 tan-NM jirriżulta li din tkopri l-“għamara oħra u l-parts tagħha, ħlief għamara medika, tal-kirurġija, dentali jew veterinarja”, fejn dawn tal-aħħar jaqgħu, rispettivament, taħt l-intestaturi 9401 u 9402 ta’ din in-nomenklatura.

55

L-intestatura 9403 tan-NM tinkludi għamara tal-metall ta’ tip użat fl-uffiċċji (subintestatura 940310), għamara oħra tal-metall, bħas-sodod (subintestatura 940320), għamara tal-injam ta’ tip użat f’uffiċċji (subintestatura 940330), għamara tal-injam ta’ tip użat fi kċejjen (subintestatura 940340), għamara tal-injam tat-tip użat fi kmamar għall-kisi (subintestatura 940350); għamara oħra tal-injam, bħal dik użata fil-kmamar għall-mili u r-residenza jew fil-ħwienet (subintestatura 940360), għamara tal-plastik (subintestatura 940370), għamara b’materjal ieħor, inkluż tal-qasab, taż-żafżaf, tal-bambù jew materjali simili (subintestatura 940380), u parts ta’ din l-għamara (subintestatura 940390).

56

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 9403 tan-NM għandhom bħala karatteristika komuni li huma intiżi sabiex jarredaw uffiċċji, kċejjen, kmamar tal-ikel, salotti jew imħażen. Issa, tali postijiet għandhom bħala karatteristika komuni li jkunu ddestinati li jiġu okkupati mill-bniedem.

57

Barra minn hekk, min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9403 ta’ din tal-aħħar jirriżulta, essenzjalment, li jagħmlu parti mill-“għamara” li taqa’ taħt din l-intestatura l-prodotti li ġeneralment jintużaw f’postijiet differenti, bħall-armarji, l-imwejjed, stands tat-telefowns, skrivaniji, libreriji jew xkafef, kif ukoll l-oġġetti tal-għamara partikolarment iddisinjati għall-appartamenti, lukandi jew postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni, bħall-gradenzi, sniedaq tal-bjankerija jew kaxxetti tal-ħobż, kxaxen, komodini, gradenzi, sodod, bankijiet u banketti biex jistrieħu s-saqajn. Issa, dawn il-prodotti kollha huma intiżi għall-użu mill-bniedem.

58

Minn dan jirriżulta li huma koperti mill-intestatura 9403 tan-NM l-oġġetti intiżi għall-għamara post okkupat mill-bniedem, għall-użu minn dan tal-aħħar.

59

F’dan il-każ, il-merkanzija inkwistjoni ma hijiex intiża sabiex “tqiegħed” il-qtates, kif isir permezz ta’ kotba f’librerija, iżda sabiex tipprovdilhom post li jħossuh tagħhom, li fih ikunu jistgħu jazzettaw ruħhom, bilqiegħda jew mimduda, jilagħbu jew anki jsinnu dufrejhom. Għaldaqstant, tali merkanzija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “għamara” li taqa’ taħt l-intestatura 9403 tan-NM.

60

Għaldaqstant, huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddetermina taħt liema intestatura oħra tan-NM tista’ tiġi kklassifikata l-oġġetti inkwistjoni.

61

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-merkanzija inkwistjoni huma oġġetti komposti.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regola 3 tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM tipprevedi l-metodi ta’ klassifikazzjoni applikabbli meta oġġett jidher li jaqa’ taħt diversi intestaturi ta’ din is-sistema. Il-punti (a) sa (ċ) ta’ din ir-regola jistabbilixxu modalitajiet ta’ interpretazzjoni li kull waħda minnhom għandha natura sussidjarja meta mqabbla ma’ dik li tippreċediha, fis-sens li wieħed jista’ jirrikorri għal waħda minn dawn il-modalitajiet biss jekk dak li jippreċediha f’ordni alfanumeriku ma jkunx ippermetta li tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tariffarja applikabbli għall-oġġett ikkonċernat.

63

Ir-regola 3 (a) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA tindika li l-intestatura l-iktar speċifika għandu jkollha l-prijorità fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed preċiża jew iktar kompluta.

64

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-merkanzija inkwistjoni hija magħmula minn diversi partijiet, li l-kompożizzjoni eżatta tagħhom ma hijiex speċifikata, li huma mgħottija b’materjali differenti, jiġifieri qrun sisali, sisal minsuġ, buttuna li tmiss mal-ilma jew mat-tessut (tessut “tal-filpa”, tessut minsuġ, poliester, feltru jew fibri sintetiċi). Issa, kull wieħed minn dawn il-materjali jaqa’ taħt intestaturi differenti tan-NM. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-intestaturi kkonċernati tan-NM jistgħu jitqiesu li kull waħda minnhom tirreferi għal parti biss mill-materjali li jifformaw l-oġġetti inkwistjoni, b’tali mod li ebda waħda minn dawn l-intestaturi ma tista’ titqies li hija l-iktar waħda speċifika, fis-sens tar-Regola 3 (a) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA.

65

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li dan huwa effettivament il-każ, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti inkwistjoni, għandha tiġi applikata r-Regola 3 (b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li skontha l-prodotti mħallta, l-oġġetti komposti minn materjali differenti jew magħmula mill-assemblaġġ ta’ oġġetti differenti, li l-klassifikazzjoni tagħhom ma tistax issir skont ir-Regola 3 (a) ta’ din in-nomenklatura, għandhom jiġu kklassifikati skont il-materjal jew l-oġġett li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom meta jkun possibbli li ssir din id-determinazzjoni.

66

Abbażi ta’ din ir-regola, huwa neċessarju, sabiex ikun hemm il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, li jiġi stabbilit liema huwa, minn fost il-materjali li jikkomponuh, dak li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, li jista’ jsir billi jiġi mistoqsi jekk il-prodott, imċaħħad minn wieħed jew ieħor mill-komponenti tiegħu, iżommx jew jitlifx il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh. Hekk kif jindika l-punt VIII tan-nota ta’ spjega dwar ir-regola 3(b) tas-SA li tikkompleta dik tan-NM, il-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta pereżempju min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-komponenti tiegħu, mill-volum tagħhom, mill-kwantità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fid-dawl tal-użu ta’ dawn il-prodotti (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, BalevBio, C‑76/20, EU:C:2021:441, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-materjali li jkopru l-merkanzija inkwistjoni, jiġifieri, skont il-mudelli, tal-korda sisali, tas-sisal minsuġ, tal-buttuna li tmiss mal-ilma jew tat-tessut (tessut “tal-filpa”, tessut minsuġ, poliester, feltru jew fibri sintetiċi), jippermettu lill-qtates jużawhom sabiex, b’mod partikolari, jixxabtu, jigirfu, jilgħabu jew jistrieħu, dan il-materjal jidher li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa effettivament il-każ u, fl-affermattiv, li tiddetermina liema hija n-natura ta’ dawn il-materjali, li tistabbilixxi liema mill-imsemmija materjali hija fil-parti l-kbira preżenti u li tikklassifika l-merkanzija inkwistjoni fl-intestatura tan-NM korrispondenti. Jekk l-imsemmija materjali jkunu preżenti fi proporzjonijiet ugwali, b’applikazzjoni tar-regola 3 (ċ) tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, l-oġġetti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod validu.

68

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li oġġett ikkostitwit minn struttura, miksija b’materjali differenti skont il-każ, intiż sabiex jipprovdi lill-qtates post tagħhom fejn ikunu jistgħu, b’mod partikolari, joqgħodu, jilagħbu u jigirfu, komunement imsejħa “siġra tal-qtates”, ma jaqax taħt l-intestatura 9403 tan-NM. Tali oġġett għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura tan-NM li tikkorrispondi għall-materjal li, fost dawk li jgħattuh, huwa l-iktar li huwa preżenti, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. Jekk dawn il-materjali jkunu preżenti fi proporzjonijiet ugwali, dan l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod validu.

Fuq it-tieni domanda

69

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 350/2014 huwiex validu.

70

Għandu jiġi rrilevat li dawn ir-regolamenti ta’ implementazzjoni jikklassifikaw oġġetti magħmula minn struttura, intiżi għall-qtates, imsejħa “siġra tal-qtates” fis-subintestatura 63079098 tan-NM bħala “oġġetti oħrajn manifatturati”. F’dan ir-rigward, minkejja li l-artikoli msemmija minn dawn ir-regolamenti ta’ implementazzjoni ma jidhrux li huma identiċi f’kull aspett għall-merkanzija inkwistjoni, dawn madankollu għandhom xebh ma’ din tal-aħħar, b’tali mod li applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmija regolamenti ma tistax, qabelxejn, tiġi eskluża. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’analoġija għal tali prodotti (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Kreyenhop & Kluge, C‑471/17, EU:C:2018:681, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Madankollu, anki jekk jitqies li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1229/2013 u 350/2014 huma effettivament applikabbli b’analoġija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali applikazzjoni la hija neċessarja u lanqas possibbli meta hija tkun ipprovdiet, permezz tar-risposta tagħha għal domanda preliminari, lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-intestatura xierqa tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 62), li huwa l-każ hawnhekk.

72

Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-validità tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1229/2013 u 350/2014.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta’ Ottubru 2016,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

oġġett li jikkonsisti fi struttura, miksija b’materjali differenti skont il-każ, intiża sabiex tipprovdi lill-qtates post tagħhom fejn ikunu jistgħu, b’mod partikolari, joqgħodu, jilagħbu u jigirfu, imsejjaħ “siġar tal-qtates”, jaqax taħt l-intestatura 9403 ta’ din in-nomenklatura, Tali oġġett għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura tan-NM li tikkorrispondi għall-materjal li, fost dawk li jgħattuh, huwa l-iktar li huwa preżenti, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. Jekk dawn il-materjali jkunu preżenti fi proporzjonijiet ugwali, dan l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod validu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top