EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0760

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-18 ta’ April 2024.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:328

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑18 ta’ April 2024 (1)

Kawża C760/22

FP,

QV,

IN,

YL,

VD,

JF,

OL

parti magħquda:

Sofiyska gradska prokuratura kontra

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt il-proċess fi proċeduri kriminali – Parteċipazzjoni fil-proċess mill-bogħod permezz ta’ videokonferenza waqt il-pandemija tal-COVID‑19 – Obbligu ta’ preżenza waqt il-proċess”






I.      Introduzzjoni

1.        Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja għandha implikazzjonijiet importanti għad-drittijiet proċedurali fundamentali fi proċeduri kriminali, b’mod partikolari d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess u r-rispett għad-drittijiet tad-difiża. Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-ġustizzja matul il-pandemija tal-COVID‑19 u l-interess pubbliku tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika wasslu lill-Istati Membri u lill-pajjiżi tad-dinja jew li jintroduċu fis-sistemi tagħhom l-użu tal-videokonferenzi fi proċeduri kriminali jew li jżidu u jwessgħu l-użu tagħhom (2). Il-qawmien mill-ġdid tal-isfidi relatati mal-“konvenut mill-bogħod” (3) iqajjem kwistjonijiet delikati dwar il-bilanċ xieraq li għandu jintlaħaq bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali fundamentali fi proċeduri kriminali u l-użu ta’ mezzi diġitali sabiex tiġi amministrata b’mod effettiv il-ġustizzja.

2.        Fid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 (4) jistabbilixxi d-dritt proċedurali tal-persuni ssuspettati u dawk akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess, li huwa element essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem il-“Karta”). Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix deċiżjoni meħuda minn qorti kriminali li tippermetti lil persuna akkużata tipparteċipa permezz ta’ videokonferenza fil-proċess minkejja l-assenza ta’ bażi legali speċifika fid-dritt nazzjonali li tipprevedi tali mezz ta’ parteċipazzjoni. Għalhekk, hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta għall-ewwel darba d-dritt ta’ preżenza waqt il-proċess fil-kuntest tal-użu ta’ videokonferenzi jew ta’ teknoloġiji oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod.

II.    Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni Ewropea

 IdDirettiva 2016/343

3.        Il-premessi 9, 33, 35 u 48 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdu dan li ġej:

“(9)      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust [smigħ xieraq] fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

[...]

(33)      Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

[...]

(35)      Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.

[...]

(48)      Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

4.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Suġġett” jgħid:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

[...];

(b)      id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

5.        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) sa (2) tiegħu dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.”

 Iddritt Bulgaru

6.        L-Artikolu 6a(2) taż-Zakon za merkite i deystviyata po vreme na izvanrednoto polozhenie, obyaveno s reshenie na Narodnoto sabranie ot 13.03.2020 i za preodolyavane na posleditsite (il-Liġi dwar il-Miżuri u l-Azzjonijiet Meħuda Waqt l-Istat ta’ Emerġenza Ddikjarat fid-Deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali tat‑13 ta’ Marzu 2020 u dwar il-Ġestjoni tal-Effetti, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Miżuri Waqt l-Istat ta’ Emerġenza”), applikabbli sal‑31 ta’ Mejju 2022, kien jipprovdi:

“Matul l-istat ta’ emerġenza jew matul il-perijodu tal-epidemija u għal xahrejn wara t-tneħħija ta’ dan l-istat ta’ emerġenza, is-seduti pubbliċi fil-qrati […] jistgħu jitmexxew mill-bogħod jekk tiġi żgurata parteċipazzjoni virtwali diretta tal-partijiet fil-proċess jew fil-proċedura. Traskrizzjoni tas-seduti miżmuma għandha tiġi prodotta u ppubblikata mingħajr dewmien, u l-proċess verbal tas-seduta għandu jinżamm sal-iskadenza tat-terminu sabiex tiġi rrettifikata u kkompletata t-traskrizzjoni, sakemm ir-regoli tal-proċedura jipprevedu mod ieħor. Il-qorti […] għandha tinnotifika lill-partijiet jekk is-seduta tkun ser titmexxa mill-bogħod.”

7.        L-Artikolu 55 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), jgħid:

“Il-persuna akkużata tgawdi d-drittijiet li ġejjin: […] li tipparteċipa fil-proċeduri kriminali.”

8.        L-Artikolu 269 tan-NPK jgħid:

“(1)      Fejn il-persuna akkużata tiġi akkużata b’reat kriminali serju, il-preżenza tagħha għas-seduta hija mandatorja.

(2)      Il-qorti tista’ tordna li l-persuna akkużata tidher ukoll fil-kawżi li fihom il-preżenza tagħha ma tkunx obbligatorja meta dan ikun neċessarju għall-iżvelar tal-verità oġġettiva.

(3)      Sakemm dan ma jipprekludix il-verifika oġġettiva tal-verità, il-kawża tista’ tinstema’ fl-assenza tal-persuna akkużata, jekk:

1.      hija ma tkunx tinstab fl-indirizz indikat minnha, jew tkun biddlitu mingħajr ma tkun informat lill-awtorità kompetenti;

2.      il-post ta’ residenza tagħha fil-Bulgarija ma jkunx magħruf u ma jkunx instab wara tfittxija fil-fond;

3.      wara li tkun ġiet debitament innotifikata, ma tkunx tat raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ dehra tagħha, u l-proċedura prevista fl-Artikolu 247c(1) tan-NPK tkun ġiet osservata;

4.      il-persuna akkużata tkun tinsab barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u:

(a)      il-post ta’ residenza tagħha ma jkunx magħruf;

(b)      ma tkunx tista’ tiġi mħarrka għal raġunijiet oħra;

(c)      tkun ġiet debitament innotifikata u ma tkunx tat raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ dehra tagħha.”

9.        L-Artikolu 115(2) tan-NPK jgħid:

“Il-persuna akkużata għandha tiġi interrogata minn imħallef delegat jew permezz ta’ videokonferenza biss jekk tkun tinsab barra mill-Bulgarija u dan ma jipprekludix li l-verità tiġi stabbilita oġġettivament.”

10.      L-Artikolu 474(1) tan-NPK jgħid:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat ieħor tista’ tinterroga individwu li jkun xhud jew perit fi proċeduri kriminali u li jinsab fir-Repubblika tal-Bulgarija permezz ta’ videokonferenza jew telekonferenza, jew tmexxi l-interrogatorju bil-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata, biss jekk dan ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt Bulgaru. L-interrogatorju permezz ta’ videokonferenza bil-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata jista’ jsir biss bil-kunsens ta’ din tal-aħħar u wara li l-awtorità ġudizzjarja Bulgara parteċipanti u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat l-ieħor ikunu qablu fuq il-mod ta’ kif ikollha titmexxa l-videokonferenza.”

III. Preżentazzjoni qasira talfatti u talproċedura filkawża prinċipali

11.      FP qiegħed jiġi akkużat li huwa membru ta’ organizzazzjoni kriminali għall-finijiet ta’ arrikkiment u ta’ twettiq miftiehem ta’ reati fiskali taħt l-Artikolu 255 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NK”). Dan huwa reat serju skont in-NK.

12.      FP ta mandat lil avukat difensur mill-bidu tal-proċeduri.

13.      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ April 2019, FP instab ħati mill-ex Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) u ġie kkundannat għal piena ta’ sitt xhur priġunerija sospiża għal tliet snin. Din is-sentenza ġiet annullata fl-appell. Il-kawża ntbagħtet għal smigħ tal-kawża mill-ġdid quddiem awla oħra tal-ex Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Is-smigħ mill-ġdid tal-kawża beda fit‑30 ta’ Ġunju 2021.

14.      Matul is-seduta pubblika preliminari tat‑12 ta’ Ottubru 2021, FP talab li jipparteċipa fil-proċedura mill-bogħod permezz ta’ link ta’ komunikazzjoni online li tipprovdi video u ħoss, peress li kien jgħix u jaħdem fir-Renju Unit. Huwa ddikjara li kien jaf x’kienu jgħidu l-atti proċedurali kollha u li d-drittijiet tiegħu ma kinux ser jinkisru minħabba parteċipazzjoni remota.

15.      L-avukat ta’ FP kien fiżikament preżenti fl-awla u ddikjara li kull materjal ġdid seta’ jintbagħat lil FP b’mod elettroniku sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżaminah mill-ġdid fi żmien xieraq. L-avukat ta’ FP qal ukoll li l-konsultazzjonijiet mal-klijent tiegħu setgħu jiġu organizzati permezz ta’ konnessjoni separata, li setgħet isseħħ b’interruzzjoni tat-trażmissjoni video u barra mill-awla.

16.      Il-qorti tar-rinviju awtorizzat lil FP jipparteċipa mill-bogħod fis-seduta pubblika tat‑12 ta’ Ottubru 2021 abbażi tal-Artikolu 6a(2) tal-Liġi dwar il-Miżuri Waqt l-Istat ta’ Emerġenza, konformement mal-garanziji u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-qorti. Matul is-seduti ta’ wara, bl-eċċezzjoni ta’ dik tat‑28 ta’ Frar 2022, li fiha huwa kien fiżikament preżenti, FP ipparteċipa permezz ta’ videokonferenza.

17.      Waqt is-seduta prevista għat‑13 ta’ Ġunju 2022, FP xtaq ikompli jipparteċipa mill-bogħod fil-proċedura. Madankollu, il-qorti tar-rinviju kellha d-dubji dwar jekk din il-possibbiltà kinitx għadha teżisti taħt il-liġi Bulgara, peress li l-Artikolu 6a(2) tal-Liġi dwar il-Miżuri Waqt l-Istat ta’ Emerġenza kien waqaf ikun applikabbli mill‑31 ta’ Mejju 2022. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li n-NPK ma tipprovdix għall-possibbiltà għall-persuni akkużati li jipparteċipaw permezz ta’ videokonferenza fil-proċeduri legali, ħlief f’ċerti każijiet partikolari, li ebda waħda minnhom ma hija applikabbli għal din il-proċedura. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprojbixxix espliċitament l-użu tal-videokonferenzi.

18.      Minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali speċifika, il-konsulent ta’ FP issuġġerixxa li l-klijent tiegħu jkun jista’ jipparteċipa fis-seduta mill-bogħod filwaqt li jitqies li jkun assenti.

19.      Il-qorti tar-rinviju ma aċċettatx il-proposta li FP jitqies li jkun assenti. Hija qieset li, anki jekk FP ma kienx fiżikament preżenti fl-awla, huwa seta’ jipparteċipa fil-proċess b’mod effettiv.

20.      Fl-assenza ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali li tippermetti l-użu tal-videokonferenza, il-qorti tar-rinviju qieset neċessarju li tivverifika jekk ikunx kompatibbli mad-Direttiva 2016/343 li l-persuna akkużata tingħata l-possibbiltà li tiddeċiedi kif twettaq l-obbligu li tkun preżenti fil-proċeduri kriminali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk FP għandux jitqies li huwa preżenti sa fejn id-drittijiet tiegħu ma jkunux ġew miksura u sa fejn il-miżuri kollha jkunu ttieħdu sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm differenza sostanzjali bejn il-preżenza fiżika tiegħu fl-awla u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura permezz ta’ konnessjoni online.

21.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ikun hemm ksur tad-dritt tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li tkun preżenti waqt il-proċess ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-[Direttiva (UE) 2016/343], ikkunsidrat flimkien mal-premessi 33 u 44 tagħha, jekk din il-persuna tipparteċipa fis-seduti quddiem il-qorti fil-każ tagħha permezz ta’ konnessjoni online, fuq talba tagħha stess, jekk din il-persuna kienet difiża minn avukat imqabbad minnha u li kien preżenti fl-awla, jekk il-konnessjoni tippermettilha ssegwi l-iżvolġiment tal-proċess, tidentifika u tifhem il-provi, jekk setgħet tinstema’ mingħajr diffikultajiet tekniċi u jekk kellha l-garanzija ta’ komunikazzjoni effettiva u kunfidenzjali mal-avukat?”

22.      FP, il-Gvern Ungeriż u dak Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Fuq irriformulazzjoni taddomanda preliminari

23.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża li tkun infetħet quddiemha. Għal dan il-għan, fejn ikun hemm il-bżonn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha. (5)

24.      F’dan il-każ, id-domanda tal-qorti tar-rinviju toriġina mill-fatt li, filwaqt li n-NPK jeżiġi l-preżenza tal-persuna akkużata fil-proċedura kriminali meta din il-persuna tiġi akkużata b’reat kriminali serju, huwa ma jipprovdix għall-possibbiltà li jipparteċipa f’din il-proċedura permezz ta’ videokonferenza. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li jeżistu ċerti sitwazzjonijiet li fihom parteċipazzjoni online hija possibbli, jiġifieri matul il-fażi prekontenzjuża u fi proċeduri partikolari oħra. Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali (6).

25.      FP, il-persuna akkużata fil-kawża prinċipali, tħalliet tipparteċipa fil-proċess sa ċertu stadju tal-proċedura, sakemm il-Liġi dwar il-Miżuri Waqt l-Istat ta’ Emerġenza kienet applikabbli. Wara t-tmiem tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali oħra li kienet tipprevedi l-parteċipazzjoni online waqt is-seduta, FP talab li jkun jista’ jkompli jipparteċipa fil-proċess mill-bogħod filwaqt li jiġi ttrattat bħala assenti. Il-qorti tar-rinviju ma laqgħetx din it-talba, għaliex li qieset li l-fatt li FP jitqies li jkun assenti ma kienx konformi mal-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fil-proċedura. Il-qorti tar-rinviju qieset li hija setgħet tippermetti lil FP jiddeċiedi kif iwettaq id-dmir li jkun preżenti fil-proċeduri kriminali (stabbilit fl-Artikolu 269(1) tan-NPK) u li tippermetti lil din il-persuna tipparteċipa online bil-kundizzjoni li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuna akkużata fil-proċedura. Madankollu, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343.

26.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1), tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti kriminali tagħti lil persuna akkużata, li tkun meħtieġa tkun preżenti fil-proċess tagħha skont id-dritt nazzjonali, il-possibbiltà li tipparteċipa fil-proċedura permezz ta’ videokonferenza, minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni espressa fid-dritt nazzjonali li tippermetti tali metodu ta’ parteċipazzjoni.

B.      Fuq il-prinċipji ġenerali dwar iddritt talpersuni akkużati li jkunu preżenti filproċess

27.      L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

28.      Il-prinċipji ġenerali dwar l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu ġew stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

29.      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343, din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża (7).

30.      Kif jidher mill-premessa 33 ta’ din id-direttiva, id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, li jikkorrispondi, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, mat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 48 tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (8).

31.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dehra ta’ akkużat għandha importanza kbira fl-interess ta’ smigħ kriminali xieraq u li l-obbligu li din il-persuna tiġi ggarantita d-dritt li tkun preżenti fl-awla jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, wieħed mir-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (9).

32.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB jagħti lil kull persuna akkużata b’reat kriminali d-dritt li “tiddefendi ruħha personalment jew permezz ta’ assistenza legali [...]”, huwa ma jispeċifikax il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’hekk fakkret li l-KEDB “tħalli f’idejn l-Istati Kontraenti l-għażla tal-mezzi sabiex jiżguraw li [dan id-dritt] jiġi ggarantit fis-sistema ġudizzjarja tagħhom, filwaqt li l-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biss li tivverifika li l-metodu li huma jkunu għażlu jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq” (10).

33.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li, fid-dawl tal-fatt li d-drittijiet tad-difiża huma ggarantiti, inter alia, mill-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, id-dritt tal-persuna akkużata li tipparteċipa fis-smigħ jimplika d-dritt ta’ din il-persuna li tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess kriminali tagħha (11). Ġeneralment, dan jinkludi, inter alia, mhux biss id-dritt tagħha li tkun preżenti, iżda wkoll li tisma’ u ssegwi l-proċedura (12).

34.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, għandu jiġi ggarantit b’tali mod li jkun jista’ jiġi eżerċitat, matul l-istadju ġudizzjarju tal-proċeduri kriminali, skont modalitajiet li jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq. Għalhekk, dan id-dritt ma jfissirx biss li jiggarantixxi s-sempliċi preżenza tal-persuna akkużata waqt is-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li hija tkun is-suġġett tiegħu, iżda jeżiġi li din il-persuna tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa b’mod effettiv fih u li teżerċita, għal dan il-għan, id-drittijiet tad-difiża (13).

C.      Fuq lużu talvideokonferenzi fi proċeduri kriminali skont ilġurisprudenza talQorti Ewropea tad-Drittijiet talBniedem

35.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat ċerti kwistjonijiet dwar it-tmexxija ta’ seduti permezz ta’ videokonferenza mill-perspettiva tad-dritt għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Il-ġurisprudenza tagħha tipprovdi ċerti prinċipji gwida f’dan ir-rigward (14).

36.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fittxet li tistabbilixxi prinċipji għall-użu ta’ seduti online fis-sentenza ewlenija tagħha Marcello Viola vs L‑Italja (15).  Din il-kawża kienet tikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB fir-rigward tal-użu tal-videokonferenzi fi proċeduri kriminali kif previst mil-leġiżlazzjoni Taljana. Din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati tal-mafja. Hija tat il-possibbiltà lil qorti kriminali li tordna l-parteċipazzjoni mill-bogħod tal-persuna akkużata fis-seduti meta ċerti kundizzjonijiet restrittivi previsti mil-liġi kienu applikabbli.

37.      F’dik is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret, l-ewwel nett, il-prinċipji bażiċi b’rabta mal-importanza fundamentali tad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess u li tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess (16).

38.      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-każ inkwistjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat, imbagħad, li l-parteċipazzjoni permezz tal-videokonferenza fil-proċedura kienet espliċitament prevista mid-dritt Taljan, li kien jispeċifika l-każijiet li fihom setgħet tintuża l-videokonferenza, l-awtorità kompetenti sabiex tippermettiha u l-modalitajiet tekniċi ta’ installazzjoni ta’ konnessjoni awdjoviżiva. Hija osservat li l-Qorti Kostituzzjonali Taljana kienet qieset li dan kien kompatibbli mal-Kostituzzjoni (Taljana) u mal-KEDB.

39.      Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li, sakemm l-użu ta’ dan il-metodu ma jkunx ipprojbit mid-dritt intern u mill-istrumenti internazzjonali dwar il-kwistjoni, hija awtorizzata tiġbor il-provi minn xhieda jew periti, possibbilment bil-parteċipazzjoni ta’ persuna li tkun qiegħda tiġi pproċessata. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għal diversi strumenti tad-dritt internazzjonali minbarra l-KEDB (17).

40.      Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li “l-parteċipazzjoni tal-konvenut fil-proċeduri permezz ta’ videokonferenza ma tmurx, bħala tali, kontra l-[KEDB]”. Madankollu, hija qieset li kienet dik il-qorti li kellha tiżgura li l-użu ta’ tali miżura f’każ partikolari jissodisfa għan leġittimu u li l-modalitajiet tal-aġir tagħha jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti tar-rispett tas-smigħ xieraq, kif previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB (18).

41.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li, fil-każ konkret, il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fis-seduti tal-appell permezz ta’ videokonferenza kellha għanijiet leġittimi fir-rigward tal-KEDB, jiġifieri l-prevenzjoni tad-diżordni, il-prevenzjoni tal-kriminalità, il-protezzjoni tax-xhieda u tal-vittmi ta’ reati fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-ħajja, għal-libertà u għas-sigurtà, kif ukoll il-konformità mar-rekwiżit ta’ “terminu raġonevoli” fil-proċeduri ġudizzjarji (19). Wara li eżaminat jekk il-modalitajiet ta’ tmexxija tal-proċedura kinux jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża, hija kkonkludiet li d-dritt għal smigħ xieraq ma kienx inkiser.

42.      Fil-ġurisprudenza sussegwenti dwar l-użu tal-videokonferenzi fi proċeduri kriminali, il-Qorti Ewropea applikat il-prinċipji Marcello Viola, prinċipalment mill-perspettiva tal-effettività tar-rappreżentanza legali ta’ persuna akkużata li tidher permezz ta’ videokonferenza (20). Pereżempju, fis-sentenza tal-Awla Manja fil-kawża Sakhnovkiy vs Ir‑Russja (21), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tenniet li l-videokonferenzi bħala forma ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ma kinux, bħala tali, inkompatibbli mal-kunċett ta’ smigħ xieraq u pubbliku. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-persuna akkużata tkun tista’ ssegwi l-proċeduri u tinstema’ mingħajr ostakoli tekniċi u li tkun prevista komunikazzjoni effettiva u kunfidenzjali ma’ avukat (22).

43.      Il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-użu tal-videokonferenzi tikkonċerna prinċipalment sitwazzjonijiet fejn l-użu tal-videokonferenzi jkun pjuttost eċċezzjonali u fejn il-persuna akkużata tkun ilmentat dwar l-użu ta’ tali mod ta’ parteċipazzjoni fil-proċeduri. Sal-lum, ma hemm l-ebda każ f’sitwazzjoni fejn, għall-kuntrarju, il-persuna akkużata tilmenta dwar il-fatt li l-assenza ta’ kuntest ġuridiku li jippermetti parteċipazzjoni mill-bogħod fil-proċess tikkostitwixxi ksur tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess (23).

44.      Huwa interessanti li wieħed jinnota li fil-kawża Dijkhuizen vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrent ilmenta dwar il-fatt li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq kien inkiser minħabba li kien ġie prekluż milli jkun preżenti fiżikament jew permezz ta’ videokonferenza waqt il-proċess (24). F’din il-kawża, ir-rikorrent kien detenut f’pajjiż terz li kien jipprekludi l-estradizzjoni lejn setgħat barranin ta’ persuni detenuti bħala persuni ssuspettati f’dan il-pajjiż terz. Minkejja li d-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi kien jipprovdi għall-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni permezz ta’ videokonferenza fil-proċess, ir-rikorrent irrifjuta diversi drabi dan il-metodu ta’ parteċipazzjoni. Huwa talbu biss fi stadju avvanzat tal-proċeduri. F’dak iż-żmien, sabiex il-qorti nazzjonali tipprovdi għad-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa, kien jeħtieġ li l-kawża terġa’ tiġi posposta. Il-qorti tar-rinviju għalhekk qieset li l-persuna akkużata kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha għal smigħ permezz ta’ videokonferenza (25). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 6 fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ.

45.      Anki jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, Dijkhuizen vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi tibqa’ eżempju rilevanti. Hija turi li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-persuna akkużata tixtieq tkun preżenti permezz ta’ videokonferenza waqt il-proċess. Il-videokonferenza tista’ tintuża bħala għodda biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess f’sitwazzjonijiet fejn ikun impossibbli jew estremament diffiċli li l-persuna akkużata tkun fiżikament preżenti waqt il-proċess.

46.      Jidhirli li huwa wkoll rilevanti li jiġi nnotat li l-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa ppubblikat “Linji gwida dwar il-videokonferenzi fil-proċeduri ġudizzjarji” (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida taċ-CEPEJ”) (26). Il-Linji gwida taċ-CEPEJ jipprevedu sett ta’ miżuri ewlenin li l-Istati u l-qrati għandhom isegwu sabiex jiżguraw li l-użu ta’ videokonferenzi fi proċeduri ġudizzjarji ma jippreġudikax id-dritt għal smigħ xieraq kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Il-Linji gwida fihom erba’ prinċipji fundamentali, sett ta’ linji gwida għall-proċeduri ġudizzjarji kollha li jenfasizzaw l-ispeċifiċitajiet tal-proċeduri kriminali u sett ta’ linji gwida dwar kwistjonijiet organizzattivi u tekniċi tal-videokonferenzi.

47.      Il-prinċipji stabbiliti fil-Linji gwida taċ-CEPEJ jenfasizzaw l-importanza li jitħarsu f’kull mument id-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ legalità, l-ekwità fil-proċeduri u d-drittijiet tad-difiża. B’mod iktar preċiż, l-ewwel prinċipju tal-Linji gwida taċ-CEPEJ jindika li l-garanziji kollha għal smigħ xieraq taħt il-KEDB japplikaw għas-seduti mill-bogħod fil-proċeduri ġudizzjarji kollha. Skont it-tieni prinċipju, “L-istati għandhom jistabbilixxu kuntest ġuridiku li jipprovdi bażi ċara biex il-qrati jkunu jistgħu jorganizzaw seduti ta’ smigħ mill-bogħod fi proċeduri ġudizzjarji”. Skont it-tielet prinċipju, “hija l-qorti li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ġuridiku applikabbli, jekk ikunx hemm lok li tinżamm ċerta seduta mill-bogħod, bl-għan li tiġi ggarantita l-ekwità ġenerali tal-proċeduri”. Fl-aħħar nett, skont ir-raba’ prinċipju, “il-qorti għandha tissalvagwardja d-dritt ta’ parti li tkun effettivament assistita minn avukat fil-proċeduri ġudizzjarji kollha, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni tagħha”.

48.      F’dak li jirrigwarda speċifikament il-proċeduri kriminali, il-Linji gwida taċ-CEPEJ jippreċiżaw li, f’ċirkustanzi li fihom “il-leġiżlazzjoni ma teħtieġx il-kunsens liberu u informat tal-persuna akkużata, id-deċiżjoni tal-qorti għall-parteċipazzjoni tagħha fis-smigħ mill-bogħod għandha sservi għan leġittimu”. Huma jenfasizzaw ukoll l-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni b’mod effettiv tal-konvenut u tar-rappreżentanza legali.

49.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mil-Linji gwida taċ-CEPEJ jirriżulta li l-parteċipazzjoni mill-bogħod fil-proċess tista’ tkun kompatibbli mal-KEDB, bil-kundizzjoni li japplikaw il-garanziji kollha għal smigħ xieraq. Il-kompatibbiltà tal-parteċipazzjoni remota mad-dritt għal smigħ xieraq għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-qafas legali speċifiku applikabbli u l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet previsti fih, li għalihom huwa suġġett l-użu tal-videokonferenza.

D.      Fuq lużu talvideokonferenzi fi proċeduri kriminali taħt illeġiżlazzjoni talUnjoni

50.      L-użu tal-videokonferenzi fi proċeduri kriminali nazzjonali ma huwiex armonizzat fil-livell tal-Unjoni. L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-użu tal-videokonferenzi tikkonċerna biss sitwazzjonijiet transkonfinali koperti minn leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni (27). L-iktar żvilupp reċenti f’dan ir-rigward huwa l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2844 (28).

51.      L-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament hija bla ħsara għad-drittijiet proċedurali kif minquxa fil-Karta u fil-liġi tal-Unjoni, bħad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali, inkluża d-Direttiva 2016/343, u b’mod partikolari, huma bla ħsara għad-dritt għall-preżenza waqt il-proċess (29). Barra minn hekk, ir-regoli li huwa jistabbilixxi dwar l-użu ta’ videokonferenza għal seduti fi proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ma humiex applikabbli għal seduti permezz ta’ videokonferenza għall-finijiet ta’ kumpilazzjonijiet ta’ xhieda jew ta’ żamma ta’ proċess li jkun jista’ jwassal għal deċiżjoni fuq il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna ssuspettata jew akkużata (30).

52.      Sa fejn ir-Regolament 2023/2844 ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, ma huwiex meħtieġ li jiġu diskussi iktar id-dispożizzjonijiet tiegħu. Huwa biżżejjed li jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirrikonoxxu l-importanza tat-tfittxija tal-kunsens tal-persuna akkużata jew ikkundannata għall-użu tal-videokonferenzi għal seduta fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (31). Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ għandhom jiġġustifikaw l-użu ta’ tali teknoloġija. Dan ir-regolament jipprovdi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi għall-konformità tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni mill-bogħod mal-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data u ta’ livell għoli ta’ ċibersigurtà (32).

E.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk lArtikolu 8(1) tadDirettiva 2016/343 jippermettix il-parteċipazzjoni permezz ta’ videokonferenza fil-proċess

53.      Din il-parti tal-analiżi ser tidħol fil-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu li d-dritt li wieħed ikun “preżenti” waqt il-proċess kontra tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/342, ikunx jista’ jitwettaq permezz ta’ videokonferenza, b’mod partikolari meta din il-preżenza tkun ġiet espressament mitluba mill-persuna akkużata u meta l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħha jkunu effettivi.

54.      Skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (33), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

55.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom (34).

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sentenza HN (Proċess ta’ akkużat li tneħħa mit-territorju) fil-kuntest tal-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx il-possibbiltà li jagħmlu tali preżenza obbligatorja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 sempliċement jipprovdi għal u jirregola d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom kif ukoll l-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt, mingħajr madankollu ma jimponi jew jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu obbligu għal kull persuna ssuspettata jew għal kull persuna akkużata li tkun preżenti għall-proċess tagħha (35).

57.      Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kif ukoll id-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, u mhux li titwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċedura kriminali (36).

58.      Konformement mal-premessa 10 tagħha, id-Direttiva 2016/343 sempliċement tistabbilixxi r-regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni ssuspettati jew akkużati sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u, konsegwentement tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali (37).

59.      Għandu jitfakkar ukoll li din id-direttiva ma tistax tiġi interpretata, fid-dawl tal-livell minimu ta’ armonizzazzjoni li hija ssegwi, li hija strument komplet u eżawrjenti (38).

60.      Fid-dawl tal-portata limitata tal-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva u tal-fatt li din ma tirregolax il-kwistjoni dwar jekk Stati Membri jistgħux jeżiġu li l-persuna ssuspettata jew akkużata tkun preżenti fil-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni tal-preżenza obbligatorja taqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali (39).

61.      Dan ir-raġunament jista’ jiġi applikat b’analoġija fir-rigward ta’ jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ikun jista’ jiġi eżerċitat permezz ta’ videokonferenza fuq talba tal-persuna akkużata. Din id-dispożizzjoni ma tgħid xejn dwar tali possibbiltà u, a fortiori, ma tirregolax iż-żamma ta’ proċess kriminali permezz ta’ videokonferenza. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jirrikonoxxi l-importanza kbira tad-dehra tal-persuna akkużata sabiex jiġi żgurat smigħ xieraq. Il-garanzija fundamentali tad-dritt li wieħed ikun preżenti tkopri, bħala standard minimu, id-dritt li wieħed ikun fiżikament preżenti fl-awla. Minħabba l-importanza tal-garanzija fundamentali marbuta mal-preżenza fiżika tal-persuni ssuspettati jew akkużati, dan id-dritt ma jistax jiġi mibdul jew issostitwit bi preżenza virtwali kontra r-rieda tal-persuna akkużata (40). Barra minn hekk, kull restrizzjoni għad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess għandha sservi għan leġittimu u tosserva l-Artikolu 52 tal-Karta.

62.      Madankollu, kif diġà ġie indikat, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jirregola d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom. Sa fejn hija ma tippreċiżax il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hija tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-mezzi sabiex jiżguraw il-garanzija ta’ dan id-dritt fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom, li jippermettilhom jipprevedu mezzi addizzjonali sabiex jiżguraw il-preżenza fil-proċess. Kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jestendu d-drittijiet previsti minn din id-direttiva sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla (41). Din il-premessa tippreċiża wkoll li l-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

63.      Għaldaqstant, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma jipprekludix li l-Istati Membri jippermettu li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess jiġi eżerċitat permezz ta’ videokonferenza jew permezz ta’ teknoloġiji oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fuq talba espressa tal-persuna akkużata.

64.      Madankollu, meta l-Istati Membri jippermettu lill-persuna akkużata teżerċita d-dritt li tkun preżenti mill-bogħod fil-proċess, ir-regoli li huma jipprevedu ma jistgħux jippreġudikaw l-għan imfittex mid-Direttiva 2016/343 (42). F’dan ir-rigward, il-premessa 9 tagħha tistabbilixxi li din id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb id-dritt ta’ smigħ xieraq fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt tal-persuna ssuspettata jew akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess, kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jiġi ggarantit b’mod li jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, konformement mat-tieni u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 48 tagħha. B’mod iktar partikolari, din il-persuna għandha tkun tista’ tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess u teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża.

65.      Il-Gvern Latvjan irrefera speċifikament għall-eżempju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li tagħti lill-persuni akkużati l-possibbiltà li jipparteċipaw permezz ta’ videokonferenza fil-proċess, bil-kunsens sħiħ u informat tagħhom, sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal smigħ xieraq.

66.      F’ċirkustanzi fejn il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali rilevanti jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, li fihom il-persuna ssuspettata jew akkużata titlob l-applikazzjoni ta’ dan il-mod ta’ parteċipazzjoni u tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess tagħha, ma jistax jitqies li din il-persuna tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha li tkun preżenti fil-proċess iggarantit mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343.

67.      Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-armonizzazzjoni tad-Direttiva 2016/343 u tal-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-domanda magħmula fil-kawża prinċipali, ma jkunx opportun li nipprova nagħti gwida eżawrjenti fuq ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq fil-preżenza mill-bogħod. Ser nillimita ruħi għall-osservazzjoni li ġejja. L-użu tal-videokonferenzi fi proċeduri kriminali u b’mod usa’, id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ma huwiex għan awtonomu, iżda mod kif tissaħħaħ il-ġustizzja tal-proċeduri kriminali (43) fil-kuntest ta’ approċċ “uman” għall-ġustizzja (44). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà tal-preżenza mill-bogħod tal-persuni ssuspettati jew akkużati fil-proċess, sakemm dawn jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq.

F.      Fuq l-applikazzjoni għallkawża preżenti

68.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq jekk huwiex possibbli li jiġi rrikonoxxut lill-persuna akkużata d-dritt li tipparteċipa fil-proċeduri permezz ta’ videokonferenza minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni legali speċifika fid-dritt Bulgaru li tippermetti tali metodu ta’ parteċipazzjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ persuna akkużata b’reat kriminali serju (45). Fil-fatt, id-dispożizzjoni leġiżlattiva li kienet tippermetti tali metodu ta’ parteċipazzjoni matul l-istat ta’ emerġenza minħabba l-pandemija tal-COVID 19 ma baqgħetx tapplika fil-mument tas-seduta fil-kawża prinċipali.

69.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċentraw, għaldaqstant, fuq il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ din il-qorti li tippermetti l-parteċipazzjoni permezz tal-videokonferenza fil-proċeduri mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 minkejja n-nuqqas ta’ bażi legali speċifika.

70.      Ir-risposta għal dawn id-dubji tirriżulta mill-analiżi tat-taqsima preċedenti. Sa fejn l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma tirregolax l-użu tal-videokonferenza fil-proċeduri kriminali, hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-dritt Bulgaru, li tipprevedi l-preżenza fiżika obbligatorja għar-reati kklassifikati bħala serji u li ma tipprevedix il-parteċipazzjoni online bħala regola ġenerali ta’ proċedura. Fl-istadju attwali tal-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jipprevedux il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni mill-bogħod fil-proċeduri kriminali u f’liema sitwazzjonijiet (46).

71.      A fortiori, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma jistabbilixxix id-dritt tal-persuni akkużati jew tal-persuni ssuspettati li jagħżlu bejn il-preżenza fiżika jew il-preżenza permezz ta’ videokonferenza.

72.      Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li FP ġie mċaħħad minn possibbiltà reali li jeżerċita d-dritt tiegħu li jkun preżenti waqt il-proċess minħabba n-nuqqas ta’ mezzi tekniċi li jippermettu parteċipazzjoni mill-bogħod (47).

73.      Kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma jistax jitqies li jirregola s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, li fiha qorti kriminali tiddeċiedi li tawtorizza l-użu tal-videokonferenza minkejja l-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti tali metodu ta’ parteċipazzjoni. Il-fatt li l-qorti tar-rinviju tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-videokonferenza tiġi organizzata b’mod li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ xieraq ma jbiddel xejn mill-konklużjoni preċedenti, peress li ma hemmx armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni u lanqas ta’ bażi legali speċifika. Għalhekk, il-legalità ta’ deċiżjoni rilevanti adottata mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt nazzjonali.

74.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jirregolax l-użu tal-videokonferenzi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, fatt li għandu jiġi deċiż mill-Istati Membri. B’mod iktar partikolari, din id-dispożizzjoni ma tirregolax is-sitwazzjoni li fiha qorti kriminali tagħti lil persuna akkużata, obbligata li tkun preżenti fil-proċess tagħha skont id-dritt nazzjonali, il-possibbiltà li tipparteċipa fil-proċedura permezz ta’ videokonferenza, minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fid-dritt nazzjonali li tippermetti tali metodu ta’ parteċipazzjoni.

V.      Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax l-użu tal-videokonferenzi fi proċeduri kriminali, fatt li għandu jiġi deċiż mill-Istati Membri. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tirregolax is-sitwazzjoni fejn qorti kriminali tagħti lil persuna akkużata, li tkun meħtieġa tkun preżenti waqt il-proċess skont il-liġi nazzjonali, il-possibbiltà li tipparteċipa fil-proċeduri permezz ta’ videokonferenza, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali li tippermetti tali metodu ta’ parteċipazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, The Functioning of Courts in the Covid19 Pandemic: A Primer, 2 ta’ Novembru 2020 (disponibbli fuq https://www.osce.org/odihr/469170); Sanders, A. “Video-hearings in Europe before, during and after the Covid‑19 Pandemic”, International Journal for Court Administration, Vol. 12, 2021, p. 1 sa 21.


3      Ara Poulin, A.B., “Criminal Justice and Videoconferencing Technology: The Remote Defendant”, Tulane Law Review, Vol. 78, 2004, p. 1089.


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).


5      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia „Natsionalna politsia“ pri MVR - Sofia (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li n-NPK jipprovdi għall-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni online fil-każ ta’ prova mogħtija mill-persuna akkużata, ta’ digriet għal arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża, ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-detenzjoni jew ta’ proċedura ta’ assistenza reċiproka internazzjonali f’materji kriminali.


7      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati xhieda kontra tal-prosekuzzjoni) (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 39).


8      Ibid., punt 40.


9      Ibid., punt 41, li jikkwota, għal dan il-għan, Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, punt 58.


10      Qorti EDB, 2 ta’ Novembru 2010, Sakhnovskiy vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2010:1102JUD002127203, punt 95.


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati xhieda tal-prosekuzzjoni) (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 42), kif ukoll Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Marcello Viola vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, punti 52 u 53; Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, kif ukoll Al-Khawaja u Tahery vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punt 142).


12      Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Marcello Viola vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, punt 53.


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati xhieda tal-prosekuzzjoni) (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 44).


14      Ara, Key Theme – Article 6 (criminal limb), Hearings via video link, Reġistru tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (disponibbli fuq https://ks.echr.coe.int/web/echr-ks/article-6-criminal).


15      Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, punt 65.


16      Ibid., punti 49‑62. Ara l-punti 31 sa 33 iktar 'il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Ibid., punt 66, li jsemmi b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali u l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Mejju 2000.


18      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru, 2006, Marcello Viola vs L‑Italja, 5 ta’ Ottubru 2006, CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, punt 67, u Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Asciutto vs L‑Italja, 27 ta’ Novembru 2007, CE:ECHR:2007:1127JUD003579502, punt 64.


19      Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Marcello Viola vs L‑Italja, 5 ta’ Ottubru 2006, CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, punt 72.


20      Dawn il-każijiet jikkonċernaw prinċipalment lir-Russja. Ara Kamer, K. “The Right to a Fair Online Hearing”, Human Rights Law Review 2022 (22), p. 1‑21, fid-19.


21      Qorti EDB, 2 ta’ Novembru 2010, CE:ECHR:2010:1102JUD002127203.


22      Ibid., punt 98.


23      Barra minn hekk, sa fejn naf jien, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għadha ma tatx deċiżjoni speċifikament dwar talba għall-użu mifrux tal-videokonferenzi matul il-pandemija, bħala mezz biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ġustizzja matul l-impożizzjoni ta’ stat ta’ emerġenza. Hemm kawża pendenti, Stephan Kucera vs L‑Awstrija,  Rikors Nru 13810/22, li tirrigwarda d-deċiżjoni ta’ qorti Awstrijaka li żżomm seduta orali f’kawża amministrattiva kriminali permezz ta’ videokonferenza, ibbażata fuq regoli proċedurali li jfittxu l-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID-19.


24      Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 2021, ECHR:2021:0608JUD006159116.


25      Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, “fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri inkwistjoni kienu parti minn proċess kriminali sostanzjali u kumpless li fih seba’ persuni ssuspettati kienu involuti li kienu kollha residenti f’pajjiżi differenti f’dak iż-żmien” u tar-“rifjut ripetut u inekwivoku tar-rikorrent” li jikkoopera f’kull smigħ permezz ta’ videokonferenza, il-Qorti EDB qieset li l-Qorti tal-Appell tal-Pajjiżi l-Baxxi “kellha d-dritt tinjora t-talba magħmula mill-avukat tar-rikorrent fid-diskors ta’ għeluq tiegħu intiż li jiġu estiżi mill-ġdid il-proċeduri sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jipparteċipa permezz ta’ videokonferenza” (ara l-punti 56, 60 u 61 tas-sentenza f’Dijkhuizen vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi).


26      CEPEJ, Linji gwida dwar il-videokonferenzi fil-proċeduri ġudizzjarji, dokument adottat miċ-CEPEJ fis‑36 laqgħa plenarja tiegħu, Ġunju 2021 (disponibbli fuq https://edoc.coe.int/en/efficiency-of-justice/10706-guidelines-on-videoconferencing-in-judicial-proceedings.html).


27      Ara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1), u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skond Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, C 197, p. 3).


28      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2023 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntieri, u li jemenda ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (ĠU L 2023/2844, 27.12.2023).


29      Premessa 55 tar-Regolament 2023/2844.


30      Premessa 43 tar-Regolament 2023/2844.


31      Ara l-premessa 44 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 2023/2844. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, il-kunsens għandu jingħata volontarjament u b’mod inekwivoku. Teżisti eċċezzjoni għar-rekwiżit tal-kunsens meta, “mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ proċess ġust [smigħ xieraq] u d-dritt għal rimedju legali skont il-liġi proċedurali nazzjonali”, il-parteċipazzjoni f’seduta ta’ smigħ wiċċ imb’wiċċ “tkun ta’ theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika li jirriżulta li hija ġenwina u preżenti jew prevedibbli”.


32      Ara l-premessi 21 u 22 tar-Regolament 2023/2844.


33      Punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat li tneħħa mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 32).


35      Ibid., punt 40.


36      Ibid., punt 41.


37      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 46).


38      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 30).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 42).


40      Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-European Criminal Bar Association, Statement of Principles on the use of Video-conferencing in Criminal Cases in a Post-Covid19 World, 6 ta’ Settembru 2020 (disponibbli fuq https:// www.ecba.org/extdocserv/20200906_ECBAStatement_videolink.pdf). Dwar l-importanza tal-kunsens, jista’ jiġi nnotat li l-Conseil Constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza), fid-deċiżjoni eminenti tiegħu Nru 2020‑872 QPC tal‑15 ta’ Jannar 2021, Krzystof B. (disponibbli fl-indirizz https://www.conseil-constitutionnel.fr/decision/2021/2020872QPC.htm), iddikjara mhux kostituzzjonali ordni governattiva adottata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 li kienet tippermetti l-użu tal-videokonferenza mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata quddiem il-qrati kriminali kollha, bl-eċċezzjoni tal-ġurisdizzjonijiet kriminali. Il-Conseil Constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) enfasizza li l-użu tal-videokonferenzi f’għadd kbir ta’ każijiet kien sempliċi possibbiltà għall-qorti mingħajr ma jkun suġġett għal xi kundizzjonijiet legali. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod indikattiv, Danet, A., “Visioconférence dans le procès pénal: ‘jeu du chat et de la souris’?” Gazette du Palais, Nru 11, 2021, p. 21 sa 24.


41      Din id-dispożizzjoni tirrifletti essenzjalment ir-regola stabbilita fl-Artikolu 82(2) TFUE li jgħid li l-adozzjoni ta’ regoli minimi dwar id-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu livell ogħla ta’ protezzjoni għall-individwi.


42      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni) (C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 77).


43      Ara l-punt 47 iktar ’il fuq.


44      Ara l-punt 5 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Aċċess għall-ġustizzja – nisfruttaw l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni”, (ĠU 2020/C 342 I, p. 1), li jafferma mill-ġdid li “l-iżvilupp diġitali tas-settur tal-ġustizzja jenħtieġ li jkun iċċentrat fuq il-bniedem u għandu jkun iggwidat b’mod kostanti u allinjat mal-prinċipji fundamentali tas-sistemi ġudizzjarji, jiġifieri l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati/tribunali, il-garanzija ta’ protezzjoni legali effettiva, u d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli”. F’postijiet oħrajn fil-kapaċitajiet akkademiċi tiegħi, jiena ddefendejt il-pożizzjoni li d-diġitalizzazzjoni ma hijiex għan awtonomu, iżda taqa’ fil-kuntest ta’ approċċ “uman” għall-ġustizzja intiż li jippromwovi d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Eżempju f’dan ir-rigward jista’ jkun is-sitwazzjoni ta’ persuna akkużata li ma tistax tkun fiżikament preżenti fl-awla minħabba l-istat ta’ saħħa jew l-età tagħha: Medina, L., “People-centred Justice and the European Court of  Justice”, Lex & Forum,Vol. 1, 2023, p. 5 sa 10, f’p. 7. Ara wkoll Peristeridou, C., u de Vocht, D., “I’m Not a Cat! Remote Criminal Justice and a Human-Centred Approach to the Legitimacy of the Trial”, Maastricht journal of European and comparative law,Vol. 30, 2023, p. 97 sa 106.  


45      Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      F’dan ir-rigward, hemm firxa ta’ approċċi li jirriflettu d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri. Ara, b’mod indikattiv, l-OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, The Functioning of Courts in the Covid19 Pandemic: A Primer, op. cit. Nota ta’ qiegħ il-paġna 2; Carrera, S., Mitsilegas V. u Stefan, M., Criminal Justice, Fundamental Rights and the Rule of Law in the Digital Age, Report of CEPS and QMUL Task Force, CEPS, Queen Mary University of London, Brussell, Mejju 2021, p. 36‑45. Il-letteratura akkademika tiddiskuti wkoll ir-riskju li l-ġustizzja tiġi “deumanizzata” jew ir-riskju ta’ “desolennizzazzjoni tal-proċess ġudizzjarju”: ara Kamber, K. “The Right to a Fair Online Hearing” Human Rights Law Review, Vol. 22, 2022, p. 1 sa 21; Leborne, J., “La vidéojustice: la justice pénale à l’ère de la vidéo” Cahiers Droit, Sciences & Technologies, 2021, p. 93 sa 109; Funck, J.F., “La vidéoconférence en matière pénale: approche critique, pratique et prospective” Journal des Tribunaux, 2021, p. 257 sa 264, li jirrifletti dwar il-futur tal-ġustizzja kriminali wara l-pandemija u josserva “Dans un monde d’après, qu’il nous appartient de rendre meilleur, veillons à l’humanité de la justice” (“Fid-dinja ta’ wara [il-pandemija], li għandna ntejbu, għandna niżguraw l-umanità tal-ġustizzja”).


47      FP ma sostniex, pereżempju, li huwa kien detenut fir-Renju Unit mingħajr ma kien awtorizzat imur il-Bulgarija jew li l-istat ta’ saħħa tiegħu jew l-età tiegħu kienu jipprojbixxuh milli jmur il-Bulgarija.

Top