This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0758
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 29 February 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fid-29 ta’ Frar 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fid-29 ta’ Frar 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:191
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fid‑29 ta’ Frar 2024 (1)
Kawżi magħquda C‑758/22 u C‑759/22
Bayerische Ärzteversorgung,
Bayerische Architektenversorgung,
Bayerische Apothekerversorgung,
Bayerische Rechtsanwalts- und Steuerberaterversorgung,
Bayerische Ingenieurversorgung-Bau m. Psychotherapeutenversorgung (C‑758/22)
Sächsische Ärzteversorgung (C‑759/22)
vs
Deutsche Bundesbank
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Regolament (UE) 2018/231 – Informazzjoni statistika lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Fondi professjonali – Regolament (UE) Nru 549/2013 – Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali fl-Unjoni Ewropea (SEK) – Rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni statistika applikabbli għal fondi tal-pensjoni – Sistemi speċjali ta’ pensjoni għall-professjonijiet liberi – Affiljazzjoni u kontribuzzjonijiet obbligatorji – Intermedjazzjoni finanzjarja mwettqa mill-fondi tal-pensjoni”
1. Dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta r-Regolament (UE) 2018/231 (2) li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”), fost l-oħrajn, il-possibbiltà li jikseb informazzjoni statistika dettaljata dwar il-fondi tal-pensjoni (iktar ’il quddiem il-“FP”) dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni finanzjarja.
2. Il-fondi professjonali ta’ previdenza soċjali (3) huma stabbiliti sew fil-Ġermanja. Sitt entitajiet ta’ dan it-tip (4) ma jaqblux mad-Deutsche Bundesbank (il-Bank Ċentrali, il-Ġermanja), minħabba li qiegħed jeżiġi mingħandhom it-trażmissjoni ta’ informazzjoni finanzjarja peress li jqishom suġġetti għar-Regolament 2018/231, fir-rigward tal-FP. Dawn iqisu lilhom innifishom, għall-kuntrarju, bħala fondi tas-sigurtà soċjali, kwalità li teżentahom milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba.
3. Id-dibattitu jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klassifikazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“SEK 2010”) adottata mir-Regolament (UE) Nru 549/2013 (5), li għaliha jirreferi r-Regolament (KE) Nru 2018/231. L-interpretazzjoni tagħha hija partikolarment kumplessa, peress li s-SEK 2010 fiha klassifikazzjoni statistika tal-ekonomija kollha abbażi ta’ kunċetti li s-sinjifikat legali tagħhom mhux dejjem huwa faċli li jiġi ddeterminat. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat ċerti problemi mqajma mis-SEK 2010 f’sentenzi reċenti (6).
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Ir‑Regolament 2018/231
4. L-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”) jistipula li:
“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
1) ‘fond tal-pensjoni (PF[FP])’ (subsettur S.129 tal-ESA [SEK] 2010) tfisser korporazzjoni finanzjarja jew kważi-korporazzjoni li hija prinċipalment imqabbda f'intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġabra ta’ riskji soċjali u bżonnijiet tal-persuni assigurati (assigurazzjoni soċjali). Fond tal-pensjoni bħala skema ta’ assigurazzjoni soċjali jipprovdi dħul fl-irtirar u jista’ jipprovdi benefiċċji għall-mewt u d-diżabilità.
Dawn li ġejjin mhumiex inklużi fid-definizzjoni:
[…]
f) fondi tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti fil-paragrafu 2.117 tal-ESA 2010;
[…]”
5. L-Artikolu 2 (“Popolazzjoni attwali li tirrapporta”) jistabbilixxi li:
“1. Il-popolazzjoni attwali li tirrapporta għandha tikkonsisti fil-PFs [FP] residenti fiż-żona tal-euro tal-Istati Membri parteċipanti.
2. Il-PFs fil-popolazzjoni attwali li tirrapporta għandhom ikunu soġġetti għal ħtiġijiet ta’ rappurtar statistiku sħiħ sakemm ma tkunx tapplika deroga mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 7.
[…]”
2. Ir‑Regolament Nru 549/2013
6. L-Artikolu 1 (“Suġġett”) jistipula li:
“1. Dan ir-regolament jistabbilixxi s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (‘is-SEK 2010’ jew ‘is-SEK’).
2. Is-SEK 2010 tipprevedi:
a) metodoloġija (Anness A) dwar standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà li għandhom jintużaw għat-tħejjija tal-kontijiet u t-tabelli fuq bażijiet li jistgħu jitqabblu għall-finijiet tal-Unjoni, flimkien mar-riżultati kif meħtieġ taħt l-Artikolu 3;
[…]”
7. Il-Kapitolu 1 (“Karatteristiċi Ġenerali u Prinċipji Bażiċi”) tal-Anness A tas-SEK 2010 jinkludi dawn il-punti:
“[…]
1.37 Id-diffrenzjar bejn tas-suq u mhux tas-suq, u għalhekk, għall-entitajiet tas-settur pubbliku, li jikklassifikawhom fis-settur tal-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] jew fis-settur tal-korporazzjonijiet, tiġi deċiża permezz tar-regola li ġejja:
Attività għandha titqies bħala attività tas-suq meta l-oġġetti u s-servizzi korrispondenti jiġu kkumerċjalizzati taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:
1) il-bejjiegħa jaġixxu sabiex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, u jagħmlu dan billi jbigħu l-oġġetti u s-servizzi liberament fis-suq, u lil min ikun lest li jħallas il-prezz mitlub;
2) ix-xerrejja jaġixxu sabiex jimmassimizzaw l-utilità tagħhom minħabba r-riżorsi limitati tagħhom, billi jixtru skont liema prodotti jaqdu bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tagħhom bil-prezz offrut;
3) jeżistu swieq effettivi fejn il-bejjiegħa u x-xerrejja għandhom aċċess għal informazzjoni dwar is-suq. Suq effettiv jista’ jopera anke jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux totalment.
[…]
1.57 L-unitajiet istituzzjonali huma entitajiet ekonomiċi li kapaċi jkunu proprjetarji ta’ oġġetti u assi, jidħlu għal passivi u jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ekonomiċi u transazzjonijiet ma’ unitajiet oħrajn fihom infushom. Għall-iskopijiet tas-sistema SEK 2010, l-unitajiet istituzzjonali huma raggruppati flimkien f’ħames setturi istituzzjonali domestiċi reċiprokament esklużivi:
a) korporazzjonijiet mhux finanzjarji;
b) korporazzjonijiet finanzjarji;
c) gvern ġenerali;
d) unitajiet domestiċi;
e) istituzzjonijiet mhux għal profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi.
Il-ħames setturi flimkien jagħmlu l-ekonomija domestika totali. Kull settur huwa maqsum ukoll f’sottosetturi. Is-sistema SEK 2010 tippermetti sett komplut ta’ kontijiet ta’ fluss u karti tal-bilanċ li għandhom jiġu kkompilati għal kull settur, u għal kull sottosettur, u għall-ekonomija totali. Unitajiet mhux residenti jistgħu jinteraġixxu ma’ dawn il-ħames setturi domestiċi, u l-interazzjonijiet jintwerew bejn il-ħames setturi domestiċi u s-sitt settur istituzzjonali: is-settur tal-bqija tad-dinja.
[…]”
8. Il-Kapitolu 2 (“Unitajiet u ragruppamenti ta’ unitajiet”) tal-Anness A tas-SEK 2010 jinkludi dawn il-punti:
“[…]
L-Unitajiet Istituzzjonali
2.12 Definizzjoni: unità istituzzjonali hija entità ekonomika kkaratterizzata minn awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-funzjoni prinċipali tagħha. Unità residenti titqies bħala unità istituzzjonali fit-territorju ekonomiku fejn għandha ċ-ċentru ta’ interess ekonomiku predominanti tagħha jekk ikollha awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u, jew iżżomm ġabra sħiħa ta’ kontijiet jew tkun tista’ tikkompila ġabra sħiħa ta’ kontijiet.
[…]
Is-Setturi Istituzzjonali
[…]
2.34 Dijagramma 2.1 turi kif l-unitajiet huma allokati fis-setturi ewlenin. Sabiex jiġi ddeterminat is-settur ta’ unità li hija residenti u mhux unità domestika, skont id-dijagramma, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-unità hijiex ikkontrollata mill-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] jew le, u jekk hijiex produttur għas-suq jew mhux għas-suq.
Istituzzjonijiet Finanzjarji (S.12)
[…]
Intermedjarji finanzjarji
[…]
2.59 Fil-funzjoni tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni huwa inkluż il-ġbir komuni tar-riskji. Il-passivi ta’ tali istituzzjonijiet huma l-assigurazzjoni, il-pensjoni u l-iskemi ta’ garanzija standardizzati (AF.6). Il-kontropartijiet tal-passivi huma l-investimenti mill-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni, li jaġixxu bħala intermedjarji finanzjarji.
[…]
Gvern ġenerali (S.13)
2.111 Definizzjoni: Is-settur tal-gvern ġenerali (S.13) jikkonsisti fl-unitajiet istituzzjonali kollha li huma produtturi mhux għas-suq li l-output tagħhom huwa maħsub għall-konsum individwali jew kollettiv, u li huma ffinanzjati minn pagamenti obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu lil setturi oħra, u l-unitajiet istituzzjonali li huma prinċipalment involuti fir-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid nazzjonali.
[…]
Il-fondi tas-sigurtà soċjali (S.1314)
2.117 Definizzjoni: Is-sottosettur tal-fondi tas-sigurtà soċjali jinkludi l-unitajiet istituzzjonali ċentrali, tal-istat, u lokali li l-attività prinċipali tagħhom hija li jipprovdu benefiċċji soċjali u li jissodisfaw iż-żewġ kriterji li ġejjin:
a) bil-liġi jew b’regolamentazzjoni, ċerti gruppi tal-popolazzjoni huma obbligati li jipparteċipaw fl-iskema jew li jħallsu kontribuzzjonijiet; u
b) il-gvern ġenerali huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-istituzzjoni fejn għandhom x’jaqsmu s-saldu jew l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji, indipendentement mir-rwol tiegħu bħala korp sorveljanti u bħala entità li tipprovdi l-impjieg.
Normalment, ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn individwu u r-riskju li għalih l-individwu huwa espost.”
9. Il-Kapitolu 3 (“Transazzjonijiet fi prodotti u assi mhux prodotti”) tal-Anness A tas-SEK 2010 jinkludi dawn il-punti:
“[…]
Output (P.1)
[…]
3.17 Definizzjoni: L-output tas-suq jikkonsisti minn output prodott li huwa disponibbli fis-suq jew maħsub biex ikun disponibbli fis-suq.
3.18 L-output tas-suq jinkludi:
a) prodotti mibjugħin bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti;
[…]
3.19 Definizzjoni: Prezzijiet ekonomikament sinifikanti huma prezzijiet li għandhom effett sostanzjali fuq l-ammonti tal-prodotti li l-produtturi huma lesti jipprovdu u fuq l-ammonti tal-prodotti li x-xerrejja jixtiequ jakkwistaw. Tali prezzijiet jirriżultaw meta japplikaw iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:
a) il-produttur għandu inċentiv biex jaġġusta l-provvista jew bil-għan li jagħmel profitt għall-perijodu fit-tul jew, bħala minimu, li jkopri l-kapital u spejjeż oħra; u
b) il-konsumaturi għandhom il-libertà li jixtru jew li ma jixtrux u jagħmlu l-għażla abbażi tal-prezzijiet li jintalbu.
Probabbli li jiġu mitluba prezzijiet li mhumiex ekonomikament sinifikanti sabiex jinġabar xi dħul jew jinkiseb xi tnaqqis fid-domanda żejda li tista’ sseħħ meta s-servizzi jiġu provduti kompletament b’xejn.
Il-prezz ekonomikament sinifikanti ta’ prodott huwa definit f’relazzjoni mal-unità istituzzjonali u l-KAU lokali li pproduċiet l-output. Pereżempju, l-output kollu ta’ intrapriżi mhux inkorporati posseduti mill-unitajiet domestiċi mibjugħin lil unitajiet istituzzjonali oħra jinbiegħ bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti; għalhekk irid jitqies bħala output tas-suq. Fil-każ ta’ output ta’ unitajiet istituzzjonali oħra, il-ħila li titwettaq attività tas-suq bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti tiġi kkontrollata notevolment permezz ta’ kriterju kwantitattiv (il-kriterju tal-50 %), bl-użu tal-proporzjoni tal-bejgħ kontra l-ispejjeż tal-produzzjoni. Biex tkun produttur tas-suq, l-unità għandha tkopri talanqas 50 % tal-ispejjeż tagħha permezz tal-bejgħ tagħha tul perijodu sostnut ta’ għadd ta’ snin.
[…]
3.24 Definizzjoni: Il-produtturi tas-suq huma KAUs lokali jew unitajiet istituzzjonali li l-maġġoranza tal-output tagħhom hija output tas-suq.
Jekk KAU lokali jew unità istituzzjonali hija produttur tas-suq, l-output prinċipali tagħha hija b’definizzjoni output tas-suq, peress li l-kunċett ta’ output tas-suq jiġi definit wara li tkun ġiet applikata d-distinzjoni tas-suq, għal użu finali proprju u output mhux tas-suq, lill-KAU lokali u l-unità istituzzjonali li pproduċew dak l-output.
[…]
3.26 Definizzjoni: Produtturi mhux tas-suq huma KAUs lokali jew unitajiet istituzzjonali li l-parti l-kbira tal-output tagħhom hija pprovduta mingħajr ħlas jew bi prezzijiet mhux ekonomikament sinifikanti.”
10. Il-Kapitolu 17, intitolat “Assigurazzjoni soċjali inkluż il-pensjonijiet”, tal-Anness A tas-SEK 2010 fih dawn il-punti:
“[...]
Pensjonijiet
[...]
L-iskemi tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali
17.43 Definizzjoni: L-iskemi tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali huma skemi tal-assigurazzjoni kuntrattwali fejn il-benefiċjarji bħala parteċipanti ta’ skema tal-assigurazzjoni soċjali huma obbligati mill-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] jassiguraw kontra x-xjuħija u riskji oħra relatati mal-età bħal diżabbiltà, saħħa, eċċ. Il-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali huma pprovduti lill-benefiċjarji mill-gvern ġenerali.
[…]”
11. Fil-Kapitolu 20 (“Kontijiet tal-gvern [amministrazzjonijiet pubbliċi]”) tal-Anness A tas-SEK 2010, jinqara:
“[…]
Unitajiet tal-gvern [amministrazzjonijiet pubbliċi]
[…]
20.10 Minbarra din l-unità primarja, hemm entitajiet tal-gvern li għandhom identitajiet legali separati u awtonomija sostanzjali, inkluża diskrezzjoni fuq il-volum u l-kompożizzjoni tal-infiq tagħhom u sors dirett ta’ dħul, bħal taxxi dedikati. Entitajiet bħal dawn ħafna drabi jiġu stabbiliti biex iwettqu funzjonijiet speċifiċi, bħall-kostruzzjoni ta’ toroq jew il-produzzjoni mhux tas-suq tas-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni jew tar-riċerka. Dawn l-entitajiet huma meqjusa bħala unitajiet tal-gvern separati fejn iżommu settijiet sħaħ ta’ kontijiet, oġġetti proprji jew assi bħala dritt tagħhom, jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet mhux tas-suq li jinżammu responsabbli għalihom bil-liġi, u jista’ jkollhom passivi u jidħlu f’kuntratti. Tali entitajiet (flimkien mal-istituzzjonijiet li jaħdmu mingħajr skop ta’ qligħ li huma kkontrollati mill-gvern) huma magħrufa bħala ‘unitajiet extra-baġitarji’ għaliex għandhom baġits separati, jirċievu trasferimenti sostanzjali mill-baġit ewlieni, u s-sorsi primarji tal-finanzjament tagħhom huma ssupplimentati bis-sorsi proprji ta’ dħul li jaqgħu barra mill-baġit ewlieni. Dawn l-unitajiet extra-baġitarji huma klassifikati għas-settur tal-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] sakemm mhumiex fil-parti l-kbira tagħhom produtturi tas-suq ikkontrollati minn unità oħra tal-gvern.
[…]
20.12 Il-fondi tas-sigurtà soċjali huma unitajiet tal-gvern li huma dedikati għall-operazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali. L-iskemi tas-sigurtà soċjali huma skemi tal-assigurazzjoni soċjali li jkopru l-komunità kollha jew parti kbira minnha, li huma imposti u kkontrollati mill-gvern. Fond tas-sigurtà soċjali huwa unità istituzzjonali jekk ikun organizzat separatament mill-attivitajiet l-oħra tal-unitajiet tal-gvern, iżomm l-assi u l-passivi tiegħu separatament, u jinvolvi ruħu fi transazzjonijiet finanzjarji fuq akkont proprju.
[…]
Fondi tal-pensjonijiet
20.38 L-iskemi tal-pensjoni ta’ min iħaddem huma arranġamenti stabbiliti biex jipprovdu benefiċċji tal-irtirar lill-parteċipanti, abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn min iħaddem u l-impjegat. Dawn jinkludu skemi iffinanzjati, mhux iffinanzjati u parzjalment iffinanzjati.
20.39 Skema ffinanzjata ta’ kontribuzzjoni definita, stabbilita minn unità tal-gvern, mhijiex trattata bħala skema tas-sigurtà soċjali, fejn ma hemm l-ebda garanzija tal-gvern dwar il-livell tal-pensjonijiet dovuti u l-livell tal-pensjonijiet huwa inċert għaliex jiddependi mill-prestazzjoni tal-assi. Bħala konsegwenza, l-unità identifikata bħala li tiġġestixxi l-iskema – kif ukoll il-fond stess jekk hija unità istituzzjonali separata – hija kkunsidrata bħala korporazzjoni finanzjarja, klassifikata taħt is-sottosettur tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet.
[…]”
B. Id-dritt nazzjonali
12. Fil-Freistaat Bayern hija fis-seħħ il-Gesetz über das öffentliche Versorgungswesen (7).Skontha, il-fondi professjonali ta’ previdenza:
– Huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku u li għandhom kapaċità ġuridika.
– Għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-affiljati tagħhom ikunu eżentati mill-affiljazzjoni obbligatorja mal-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni għal pensjoni (it-tielet sentenza tal-Artikolu 28 tal-VersoG).
– Jistgħu joperaw mingħajr skop ta’ lukru, billi jallokaw il-fondi u l-assi tagħhom biss għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ previdenza tagħhom (l-Artikolu 9(1) u (3) tal-VersoG).
— Għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom ta’ ġestjoni, inklużi r-remunerazzjonijiet tal-impjegati u l-benefiċċji pagabbli lill-benefiċjarji, mill-fondi tagħhom stess (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VersoG).
– Il-maġġoranza tal-affiljati tagħhom huma suġġetti għal obbligu legali ta’ affiljazzjoni, peress li huma jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Federali ta’ Bayern (8). L-eżenzjoni mill-affiljazzjoni obbligatorja hija awtorizzata biss f’każijiet eċċezzjonali (9).
– L-affiljati b’mod obbligatorju li jkunu rtiraw bil-pensjoni jistgħu jibqgħu bħala affiljati b’mod volontarju (10), skont il-kundizzjonijiet tar-regoli interni tal-entità, sabiex iżommu d-dritt tagħhom li jiksbu pensjonijiet futuri permezz tal-ħlas tal-istess kontribuzzjonijiet bħala affiljati b’mod obbligatorju.
– Huma jirregolaw, permezz tar-regoli tagħhom stess, fil-kuntest tal-kriterji legali, il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet jew trasferimenti sabiex jiffinanzjaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom, kif ukoll il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet, l-ammont u l-estinzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni (11).
– Ir-regoli interni tagħhom jistgħu jippermettu li l-affiljati jagħmlu pagamenti volontarji addizzjonali sabiex iżidu d-drittijiet tagħhom għal pensjonijiet futuri, sakemm is-somma tal-pagamenti addizzjonali u tal-kontribuzzjoni obbligatorja ma taqbiżx il-limitu massimu stabbilit mil-liġi (12).
13. Fil-Freistaat Sachsen huma applikabbli s-Sächsisches Heilberufekammergesetz (13) u s-Satzung über die Sächsische Ärzteversorgung(14). Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑759/22, il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex differenti, essenzjalment u fir-rigward tal-fondi professjonali ta’ previdenza, minn dak li japplika fil-Kawża C‑758/22.
14. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-karatteristiċi li ġejjin tas-Säschische Ärtzeversorgung (il-Fond Professjonali ta’ Previdenza Soċjali tat-Tobba tal-Freistaat Sachsen):
– Huwa korp li għandu l-kapaċità parzjali li jaġixxi, integrat fis-Sächsische Landesärztekammer (il-Kamra tat-Tobba tal-Freistaat Sachsen), li jħallas benefiċċji lill-affiljati ta’ din il-kamra u tal-Landestierärztekammer (il-Kamra tal-Veterinarji tal-Freistaat Sachsen) (15).
– Skont il-Liġi, dan għandu jkollu miegħu membri li huma affiljati b’mod obbligatorju mal-Kamra tat-Tobba u mal-Kamra tal-Veterinarji ta’ dan il-Land (16).
– Fost l-affiljati b’mod obbligatorju hemm, bħala prinċipju, it-tobba u l-veterinarji kollha awtorizzati li jeżerċitaw fil-Freistaat Sachsen u li jipprattikaw il-professjoni tagħhom jew li għandhom id-domiċilju prinċipali tagħhom f’dan il-Land.
– Prinċipalment, dan jaġixxi fl-intermedjazzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-attivitajiet deskritti fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2018/231, billi jipprovdi lill-affiljati tiegħu pensjonijiet tax-xjuħija, tas-superstiti u tal-invalidità, iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet.
– Għandu sett sħiħ ta’ kontijiet (l-Artikolu 8 tal-Istatuti). Għalkemm ma għandux personalità ġuridika proprja, huwa indipendenti mill-Kamra tat-Tobba fil-livell organizzattiv u ekonomiku u jgawdi minn awtonomija wiesgħa. Huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi u l-Istatuti permezz tal-korpi tiegħu stess, taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u bil-fondi tiegħu stess (li huma distinti minn dawk tal-Kamra). F’dan ir-rigward, huwa jeżerċita attività ekonomika, jista’ jkollu drittijiet u obbligi, jista’ jipparteċipa f’relazzjonijiet ġuridiċi u jassumi obbligi li jissodisfa bl-assi tiegħu stess.
II. Il‑fatti, it‑tilwimiet u d‑domandi preliminari
A. Kawża C‑758/22
15. Permezz tal-ittri tas‑7 ta’ Settembru 2018 u tal‑25 ta’ Marzu 2019, id-Deutsche Bundesbank (il-Bank Ċentrali Ġermaniż) innotifika lil erba’ entitajiet ta’ Bayern li, skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament 2018/231, huma kienu suġġetti għal obbligi ta’ informazzjoni statistika fil-kwalità tagħhom ta’ FP u kellhom jipprovdulu, kull tliet xhur, mit‑30 ta’ Settembru 2019, diversa informazzjoni, li huwa indika individwalment, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.
16. Huwa stieden lil entità oħra rikorrenti, permezz ta’ ittri b’kontenut kważi identiku, tat‑12 ta’ Novembru 2018 u tas‑17 ta’ Lulju 2019, sabiex kull sena tipprovdi informazzjoni fi kwantità inqas.
17. L-entitajiet ippreżentaw rikorsi kontenzjużi amministrattivi, li fihom huma talbu r-revoka tal-komunikazzjonijiet li jikkonċernawhom u, sussidjarjament, id-dikjarazzjoni li huma ma kinux suġġetti għall-obbligu ta’ rapportar.
18. Fis-sentenza tal‑4 ta’ Novembru 2021, il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikorsi billi ddeċidiet li r-rikorrenti kienu FP fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/231 u li, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, huma kienu suġġetti għall-obbligu ta’ rapportar.
19. Il-fondi rikorrenti ppreżentaw rikorsi għal reviżjoni per saltum kontra s-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).
20. Fir-rikorsi tagħhom, huma sostnew li huma ma humiex produtturi tas-suq, li l-benefiċċji obbligatorji tagħhom jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produzzjoni tagħhom u li ma jinbiegħux bi prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi. F’tali miżura, il-persuni li huma affiljati miegħu b’mod obbligatorju ma humiex liberi li jiddeċiedu, kif jipprevedi il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, dwar l-akkwist tal-benefiċċji ta’ previdenza abbażi tal-kontribuzzjonijiet applikati. Ir-regola tal-50 % ta’ dan l-aħħar subparagrafu ta’ dan il-punt hija irrilevanti, peress li hija intiża biss għad-determinazzjoni tal-produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, dawn il-fondi jifformaw parti mis-sigurtà soċjali.
B. Kawża C‑759/22
21. Il-fatti u l-iżvilupp tat-tilwima oriġinali jikkoinċidu, essenzjalment u għajr għall-aspetti partikolari ta’ kull waħda, ma’ dawk tal-Kawża C‑758/22.
C. Id-domandi preliminari
22. Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi preliminari, li huma identiċi fiż-żewġ proċeduri:
“1) a) Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jeżiġi li l-konsumaturi kollha tal-prodotti ipprovduti mill-produtturi jkunu liberi li jixtru jew li ma jixtrux u li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-prezzijiet iffatturati?
Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda:
b) Fil-każ li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-konsumaturi, mingħajr ma jkollhom tali libertà ta’ deċiżjoni, jirċievu mingħand il-produttur, skont affiljazzjoni legali obbligatorja miegħu, prodotti li jammontaw għal iktar min-nofs il-produzzjoni tal-imsemmi produttur u jkunu obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ ammont stabbilit mill-istess produttur, ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti meta minorità tal-imsemmija konsumaturi kellha l-possibbiltà li taderixxi volontarjament mal-imsemmi produttur u għamlet użu minn din il-possibbiltà sabiex tirċievi prodotti billi ħallset l-istess kontribuzzjonijiet bħall-affiljati obbligatorji [b’mod obbligatorju]?
2) Ikun hemm dejjem produzzjoni [output] tas-suq bi prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi, fis-sens tal-punti 3.17 sa 3.19 tal-Anness tar-Regolament Nru 549/2013, bil-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt il-‘kriterju ta’ 50 %’ iddefinit fit-tielet u fir-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-punt 3.19 tal-imsemmi anness, li jikkonsisti f’kopertura ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni għal bejgħ fuq diversi snin, jew għandu jitqies li dan il-kriterju ma huwiex kundizzjoni suffiċjenti (waħda li hija suffiċjenti fiha nnifisha) iżda pjuttost neċessarja li tapplika flimkien maż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti taħt (a) u (b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-imsemmi anness?
3) Għall-evalwazzjoni dwar jekk unitajiet istituzzjonali humiex produtturi tas-suq kif iddefinit fil-punt 3.24 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jsir mhux biss riferiment għall-punti 3.17, 3.19 u 3.26 tal-Anness A iżda wkoll għar-rekwiżit addizzjonali stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-punt 1.37 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?
4) a) Sabiex unità istituzzjonali tiġi kklassifikata fis-sottosettur S.129, il-punt 2.107 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jeżiġi neċessarjament li l-benefiċċji kollha ta’ din l-unità jiġu pprovduti lill-parteċipanti kollha abbażi ta’ ftehim kuntrattwali?
Jekk dan ikun il-każ:
b) Ir-rekwiżit għall-provvista ta’ benefiċċji fuq bażi kuntrattwali huwa diġà ssodisfatt f’dan ir-rigward jekk, minkejja l-fatt li l-affiljazzjoni obbligatorja, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji u l-benefiċċji obbligatorji tal-unità istituzzjonali huma rregolati minn korp pubbliku skont l-istatut tiegħu, membri obbligatorji [affiljati b’mod obbligatorju] għandhom ukoll il-possibbiltà li jiksbu drittijiet għal benefiċċji addizzjonali permezz tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali?
5) Il-punt (f) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kunċett ta’ ‘fondi ta’ pensjoni’, kif iddefinit fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, biss dawk l-unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw iż-żewġ kriterji stabbiliti fil-punt 2.117 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jew din l-eċċezzjoni tkopri wkoll unitajiet istituzzjonali oħra li, skont il-punt 17.43 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-punt 2.117 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?
6) a) Il-kunċett ta’ ‘gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi]’ fil-punt 2.117(b) u fil-punt 17.43 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jirreferi biss għall-unità prinċipali rispettiva, jew jinkludi wkoll istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali stabbiliti mil-liġi, organizzati skont affiljazzjoni obbligatorja u ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet, u li għandhom id-dritt għall-awtogovernanza u għal kontabbiltà proprja?
F’dan il-każ tal-aħħar:
b) L-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji, kif hemm riferiment għalihom fil-punt 2.117(b) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, ifissru l-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-ammont, jew huwa biżżejjed jekk il-liġi tippreskrivi r-riskji minimi li għandhom jiġu koperti u l-livell minimu ta’ kopertura, u tirregola wkoll il-prinċipji u l-limiti għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li tħalli l-evalwazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji f’dan il-qafas f’idejn il-fondi ta’ pensjoni?
c) Il-kunċett ta’ ‘unità tal-gvern’ fis-sens tal-punt 20.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jinkludi biss unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 20.10 u 20.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?”
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
23. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2022. Minħabba x-xebh tagħhom, iż-żewġ kawżi ġew magħquda.
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-BĊE, mid-Deutsche Bundesbank (il-Bank Ċentrali), mill-Bayerische Ärzteversorgung, li tirrappreżenta l-ħames fondi tal-pensjoni ta’ Bayern, mis-Sächsische Ärzteversorgung, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Diċembru 2023.
IV. Evalwazzjoni
25. Qabel ma nirrispondi, b’mod konkret, għad-domandi preliminari magħmula, nemmen li huwa xieraq li nesponi għaliex, minħabba l-importanza tagħhom għall-politika ekonomika u monetarja tal-Istati Membri, l-FP huma suġġetti għal ċerti obbligi ta’ rapportar. Fl-istess ordni preliminari, ser nindirizza l-karatteristiċi tas-sistema ta’ pensjonijiet eżistenti fil-Ġermanja, f’dak li jirrigwarda dawn ir-rinviji, kif ukoll il-karatteristiċi essenzjali tas-SEK 2010.
A. Importanza ekonomika tal‑FP
26. Il-FP għandhom rwol importanti fl-ekonomija taż-żona tal-euro u tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hija, peress li joffru lill-unitajiet domestiċi opportunità ta’ tfaddil għall-pensjoni u, fl-istess ħin, jikkontribwixxu għall-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital fit-tul.
27. Mill-kriżi finanzjarja tal‑2008, l-assi ta’ FP żdiedu u, skont ċerti stimi, jammontaw għal iktar minn EUR 3 biljun. Dawn l-istimi jindikaw li l-perċentwali tal-PDG taż-żona tal-euro kważi rdoppja minn 13 % fl‑2008 għal iktar minn 25 % llum (17).
28. L-assi li fihom il-FP jinvestu l-iktar huma parteċipazzjonijiet f’fondi ta’ investiment u titoli ta’ dejn rappreżentattivi. Investimenti oħra fuq skala iżgħar jinkludu azzjonijiet u parteċipazzjonijiet azzjonarji, derivattivi finanzjarji, flus kontanti u self (18).
29. Il-lakuni eżistenti fl-informazzjoni disponibbli u l-assenza ta’ komparabbiltà bejn il-pajjiżi kienu jagħmluha diffiċli li jsir magħruf kemm l-impatt tal-FP fuq it-trażmissjoni tal-politika monetarja, kif ukoll ir-riskji marbuta mal-imġiba ta’ investiment tal-FP stess u l-interkonnessjoni tagħhom mal-bqija tas-sistema finanzjarja u mal-ekonomija reali.
30. Huwa għalhekk li l-BĊE qies li huwa essenzjali li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu statistika armonizzata u ta’ kwalità għolja dwar il-FP taż-żona tal-euro, u dan jispjega l-itinerarju leġiżlattiv segwit f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni statistika ddettaljata.
31. Oriġinarjament, l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 (19) eskluda lill-FP minn dak li kien jissejjaħ “[p]opolazzjoni li tirraporta dwar riferenzi” (20). Madankollu, il-BĊE rrakkomanda (21) l-inklużjoni tagħhom, li twettqet fir-Regolament (KE) Nru 951/2009 (22).
32. L-argumenti mressqa favur din il-bidla kienu li:
– Il-popolazzjoni li tirrapporta ta’ riferiment kellha tinkludi s-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji kollu kemm huwa, b’mod partikolari l-impriżi tal-assigurazzjoni u l-FP, li jikkostitwixxu t-tieni l-akbar sottosettur ta’ dan is-settur f’termini ta’ assi finanzjarji.
– Kien probabbli li l-għarfien dejjem jikber tal-impatt finanzjarju tal-lonġevità, kif ukoll it-tendenza għall-iskemi tal-pensjoni bbażati fuq il-kapitalizzazzjoni, iżidu l-importanza ta’ dan is-sottosettur għad-determinazzjoni tal-politiki tal-BĊE.
– L-entitajiet ta’ dan is-sottosettur kienu jimmaniġġjaw il-portafolli tagħhom b’mod ħafna iktar attiv milli fil-passat, u dan kien iżid l-importanza tagħhom rigward il-politika monetarja.
33. Wara l-inklużjoni tagħhom fil-popolazzjoni li tirrapporta ta’ riferiment, ir-Regolament (KE) Nru 2018/231 impona obbligi fuq il-FP biex jissottomettu dikjarazzjonijiet statistiċi lill-banek ċentrali taż-żona tal-euro (23). Il-BĊE b’dan il-mod għandu għarfien ċert tar-rwol tal-FP fil-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja.
34. Waqt is-seduta, il-BĊE kkonferma li, biex jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu, ir-Regolament 2018/231 issa jippermettilu li jkollu l-istatistika ddettaljata ta’ kull tliet xhur essenzjali dwar l-attività finanzjarja tal-FP. Qabel, dan seta’ jiksibha biss, indirettament u fuq bażi annwali, dwar l-assi tagħhom iżda mhux dwar l-obbligazzjonijiet tagħhom.
B. Il‑pensjonijiet tal‑irtirar fil‑Ġermanja
35. L-iskema tal-irtirar hija assigurata fil-Ġermanja permezz ta’ diversi sistemi (pilastri). L-iskema ġenerali hija l-assigurazzjoni għall-irtirar stabbilita bħala qasam tas-sigurtà soċjali, iżda jeżistu skemi oħra (24), fosthom dik tal-fondi ta’ previdenza soċjali ta’ ċerti professjonisti (25).
36. Il-fondi professjonali huma rregolati mir-regoli fis-seħħ f’kull Land. Dawn ġeneralment jiġu awtorizzati fuq talba tal-kmamar tal-professjonisti, billi jiġu kkostitwiti fil-forom ta’ korpi awtonomi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ patrimonji li jaqgħu taħt il-kmamar tal-professjonisti li jamministrawhom. Il-professjonijiet li jkopru ma humiex identiċi għal kull Land.
37. Il-fondi professjonali huma ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-membri tagħhom, li huma eżentati milli jikkontribwixxu għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali. Bil-fondi miġbura permezz ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, huma jagħmlu qligħ addizzjonali, billi jinvestuhom fis-swieq kapitali, bħal kwalunkwe intermedjarju finanzjarju ieħor.
38. Il-membri ta’ professjoni huma obbligati jaffiljaw ruħhom mal-fond, sa mill-ħolqien tiegħu fil-Land fejn jaħdmu, u jridu iħallsu kontribuzzjoni obbligatorja, li magħha jistgħu jżidu kontribuzzjoni volontarja. Il-persuni li jieqfu mill-attività tagħhom jistgħu jibqgħu affiljati b’mod volontarju mal-fond. Fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet, il-fondi ma jagħmlux distinzjoni bejn l-affiljazzjoni obbligatorja jew volontarja.
39. Il-fondi professjonali jiffinanzjaw il-pensjonijiet permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-affiljati. B’konsegwenza ta’ dan, abbażi tal-prinċipju tal-mutwalizzazzjoni tar-riskji: il-bordijiet tad-diretturi tagħhom jiddeċiedu dwar l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u l-parametri tal-kalkolu tal-pensjonijiet li huma għandhom iħallsu lill-affiljati.
40. L-ispejjeż ta’ ġestjoni huma ffinanzjati mill-fondi professjonali stess, li la jirċievu finanzjament u lanqas appoġġ pubbliku. Dan il-fattur, fost l-oħrajn, jiddistingwihom mill-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tal-irtirar tas-sigurtà soċjali, li l-iżbilanċi tagħha huma kkumpensati mill-baġit tal-Istat.
41. L-importanza ta’ FP ikkostitwiti mill-fondi professjonali Ġermaniżi hija kunsiderevoli. B’mod konkret, skont ċerti stimi, l-investimenti tal-ħames fondi ta’ Bayern fil-Kawża C‑758/22 ammontaw għal EUR 106 800 miljun fl‑2022 u dawk tal-fond ta’ Sachsen (Kawża C‑759/22) għal EUR 4 700 miljun (26).
42. Waqt is-seduta, il-Bundesbank informa li s-sitt fondi rikorrenti kienu l-uniċi fondi li rrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni statistika ta’ kull tliet xhur iddettaljata lill-BĊE, skont ir-Regolament 2018/231. Entitajiet simili Ġermaniżi oħra aċċettaw il-klassifikazzjoni tagħhom bħala FP u pprovdew din l-informazzjoni.
C. L‑interpretazzjoni tal‑klassifikazzjoni tas‑SEK 2010
43. Sabiex jiġi ddeterminat liema FP għandhom jipprovdu informazzjoni statistika ddettaljata lill-BĊE, ir-Regolament 2018/231 jirreferi għall-kunċetti stabbiliti mir-Regolament Nru 549/2013 fis-SEK 2010.
44. Is-SEK 2010 hija klassifikazzjoni statistika li tinsab fl-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Dan “huwa qafas ta’ kontabbiltà internazzjonalment kompatibbli għal deskrizzjoni sistematika u dettaljata ta’ ekonomija totali (jiġifieri reġjun, pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi), il-komponenti tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ ekonomiji totali oħrajn” (27).
45. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar is-SEK 2010 billi ddikjarat li:
– “[is-SEK] 2010 tistabbilixxi qafas ta’ referenza intiż, għall-bżonnijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari għad-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni, għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, skont il-premessa 3 tal-imsemmi regolament, l-elaborazzjoni ta’ dawn il-kontijiet għandha ssir abbażi ta’ prinċipji uniċi u mhux ta’ interpretazzjoni differenti, b’mod li tippermetti l-kisba ta’ riżultati komparabbli” (28).
– “Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ dan l-istess regolament, [is-SEK] 2010 tipprevedi metodoloġija, li tinsab fl-Anness A, dwar, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet u r-regoli tal-kontabbiltà komuni, intiża sabiex tippermetti l-elaborazzjoni ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll ta’ tabelli fuq bażijiet paragunabbli għall-bżonnijiet tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 549/2013, dawn il-kontijiet għandhom jintbagħtu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat)” (29).
46. Peress li s-SEK hija strument statistiku, l-interpretazzjoni tagħha għandha tqis il-fatt li l-kunċetti li tuża mhux dejjem jikkorrispondu mal-kunċetti amministrattivi korrispondenti. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 549/2013 jindika li “[i]l-kunċetti fis-SEK normalment ivarjaw mill-kontropartijiet amministrattivi tagħhom f’dan li ġej […] d) il-kunċetti amministrattivi ġeneralment mhumiex ottimali għall-analiżi ekonomika u l-evalwazzjoni tal-politika ekonomika” (30).
47. Il-kunċetti u t-termini tas-SEK 2010 jirriflettu approċċ ekonomiku globali u ma jistgħux jinqraw b’mod iżolat u letterali. Hija biss l-interpretazzjoni tagħhom skont kriterji sistematiċi u finalisti li tippermetti li tiġi ddeċifrata l-loġika li fuqha huma bbażati (31). Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li d-definizzjonijiet tas-SEK huma kkomplementati minn indikaturi, li jservu bħala għajnuna biex jiġi vverifikat jekk l-elementi tagħha humiex issodisfatti, u b’dijagrammi li joħolqu rabtiet bejn l-istadji tal-eżami li jirriżultaw minn definizzjonijiet individwali.
48. B’mod partikolari, meta l-punti ta’ kapitoli differenti jittrattaw l-istess kwistjoni u jkollhom l-istess għan, anki jekk ikun hemm varjazzjonijiet fil-formulazzjoni tagħhom, għandhom “jiġu interpretati b’mod reċiproku u jitqiesu bħala li jifformaw l-istess dispożizzjoni unika” (32).
49. Għall-iskopijiet tas-sistema SEK 2010, l-unità istituzzjonali (33) għandha tkun marbuta ma waħda mill-ħames setturi nazzjonali reċiprokament esklużivi (korporazzjonijiet mhux finanzjarji; korporazzjonijiet finanzjarji; amministrazzjonijiet pubbliċi; unitajiet domestiċi; u istituzzjonijiet mhux għal profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi) (34).
50. Id-domandi preliminari jikkonċernaw tnejn minn dawn il-ħames setturi msemmija fl-Anness A (35):
– Is-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji (S.12), li għandu bħala sottosettur l-intermedjarji finanzjarji bħall-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (S.128) u l-fondi tal-pensjoni (S.129).
– Is-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (S.13), li jinkludi, fost l-oħrajn, is-sottosettur tal-fondi tas-sigurtà soċjali (S.1314).
D. Fuq ir‑raba’, il‑ħames u s‑sitt domanda preliminari
51. Inqis li l-iktar ordni xieraq sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju huwa li jiġu indirizzati, fl-ewwel lok u b’mod konġunt, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fondi rikorrenti humiex FP jew fondi ta’ sigurtà soċjali. Id-dibattitu jiffoka fuq l-għażla ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ għażliet, bl-esklużjoni tal-oħrajn kollha (36).
52. Il-klassifikazzjoni tal-unitajiet istituzzjonali fis-SEK 2010 għandha ssir permezz ta’ evalwazzjoni globali tal-karatteristiċi tagħhom skont l-attività ekonomika li huma jwettqu (37). Interpretazzjoni stretta tad-definizzjonijiet u tal-kriterji tas-SEK 2010 li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-attività ekonomika prinċipali tal-unità istituzzjonali kkonċernata ma hijiex xierqa. L-imsemmija siġar tad-deċiżjonijiet (bħad-dijagramma 2.1 tas-SEK 2010) għandhom jintużaw b’mod flessibbli, mingħajr ma jkun indispensabbli li wieħed iżomm ma’ ordni stretta u li ma tistax tinbidel li tinjora l-attività ekonomika tal-unità istituzzjonali. Nirrepeti, hija din tal-aħħar li hija l-fattur gwida tal-klassifikazzjoni.
53. Il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar kif il-kunċett ta’ FP li jinsab fir-Regolament 2018/231 għandu jiġi artikolat mad-definizzjonijiet u l-kriterji użati fis-SEK 2010 biex jikkaratterizzaw dan it-tip ta’ unitajiet istituzzjonali.
54. Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2018/231, il-popolazzjoni attwali li tirrapporta suġġetta għal obbligu ta’ rapportar statistiku eżawrjenti fir-rigward tal-BĊE hija magħmula minn FP residenti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro.
55. Fid-determinazzjoni tat-tifsira tat-terminu FP, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2018/231 jirreferi għas-sottosettur S.129 tas-SEK 2010, li ma jipprekludihx milli jżomm id-definizzjoni (38) tiegħu stess u li jeskludi minn dan il-kunċett “fondi tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti fil-paragrafu 2.117 tas-SEK 2010”. Il-kunċett ta’ FP tar-Regolament 2018/231 jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-punt 2.105 tas-SEK 2010.
56. Bħala prinċipju, il-fondi rikorrenti jaqgħu, minħabba l-għan tagħhom, taħt id-definizzjonijiet ta’ FP tar-Regolament 2018/231 u tas-SEK 2010, peress li dawn huma prinċipalment iddedikati għall-intermedjazzjoni finanzjarja [fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2018/231] u jipprovdu dħul għall-iskemi tal-irtirar, tal-invalidità u tal-mewt.
57. L-analiżi tiegħi ser tindirizza a) il-klassifikazzjoni tal-fondi rikorrenti bħala FP; (b) ir-raġunijiet biex ma jiġux inklużi fil-kategorija tal-fondi tas-sigurtà soċjali; u (ċ) ir-relazzjoni tagħhom mal-kunċett ta’ “amministrazzjonijiet pubbliċi”.
1. Il‑fondi rikorrenti jirrispettaw il‑kriterji tas‑SEK 2010 dwar il‑FP?
58. Il-punti 2.107 sa 2.110 tas-SEK 2010 fihom kriterji biex jikkaratterizzaw lill-FP, li sejjer nelenka skont ir-relazzjoni tagħhom mal-fondi rikorrenti.
59. Fl-ewwel lok, il-parteċipanti fil-FP “jinkludu impjegati ta’ intrapriża unika jew grupp ta’ intrapriżi, impjegati ta’ fergħa jew industrija, u persuni li huma tal-istess professjoni” (39). Il-fondi rikorrenti jiġbru fihom, preċiżament, persuni li jeżerċitaw professjonijiet irregolati f’żewġ Länder fil-Ġermanja.
60. Fit-tieni lok, “[i]l-benefiċċji inklużi fil-kuntratt tal-assigurazzjoni [ta’ dawn il-FP] jistgħu jkunu: jitħallsu wara l-mewt tal-assigurat lill-armel jew l-armla u t-tfal; jitħallsu wara l-irtirar; jew mħallsa wara li l-assigurat jibda jbati minn diżabbiltà” (40). Il-fondi rikorrenti għandhom ikopru l-iskemi ta’ rtirar u, jekk ikun il-każ, ta’ mewt u ta’ diżabbiltà.
61. Fit-tielet lok, “[f]’kuntrast mal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, il-fondi tal-pensjonijiet huma ristretti bil-liġi għal gruppi speċifiċi ta’ impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom” (41). L-affiljati tal-fondi rikorrenti huma biss ta’ tip wieħed ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jiġifieri dawk li jeżerċitaw ċerti professjonijiet irregolati.
62. Fir-raba’ lok, “[l-is]kemi tal-fondi tal-pensjonijiet jistgħu jiġu organizzati minn min iħaddem jew mill-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi]. Dawn jistgħu jiġu organizzati wkoll minn korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni f’isem l-impjegati; jew unitajiet istituzzjonali separati jistgħu jiġu stabbiliti biex iżommu u jamministraw l-assi għall-użu ta’ ssodisfar tal-intitolamenti tal-pensjoni u tad-distribuzzjonijiet tal-pensjonijiet” (42). Fil-każ Ġermaniż, huma l-kmamar tal-professjonisti, li huma kkunsidrati bħala entitajiet pubbliċi u li jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ fondi, li huma awtonomament ġestiti minnhom innifishom (43).
2. Ir‑raġunijiet għall‑esklużjoni tal‑fondi rikorrenti mill‑kategorija tal‑fondi ta’ sigurtà soċjali
63. L-istess entità ma tistax tiġi kkwalifikata bħala FP u taqa’ taħt is-sottosettur S.1314 (Fondi tas-Sigurtà Soċjali), li jaqa’ taħt is-Settur 13 tas-SEK 2010 (amministrazzjonijiet pubbliċi). Dawn huma kategoriji li jeskludu lil xulxin reċiprokament.
64. F’konformità mal-punt 2.117 tas-SEK 2010, is-sottosettur “Fondi tas-sigurtà soċjali”, jinkludi l-unitajiet: a) li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fil-provvista ta’ benefiċċji soċjali lil gruppi tal-popolazzjoni li huma obbligati jipparteċipaw fis-sistema jew li jħallsu kontribuzzjonijiet, skont dispożizzjonijiet legali jew regolamentari; u (b) li l-ġestjoni tagħhom, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment jew l-approvazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ benefiċċji, hija r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (44).
65. Issa, għalkemm il-fondi rikorrenti jissodisfaw, fil-parti l-kbira, l-ewwel kriterju (affiljazzjoni obbligatorja) (45), sabiex jiġu kklassifikati bħala fondi ta’ sigurtà soċjali (46), ma jidhirx li l-istess jgħodd għat-tieni kriterju (responsabbiltà tal-ġestjoni attribwita lill-amministrazzjonijiet pubbliċi).
66. Fil-fatt, il-fondi rikorrenti għandhom josservaw ir-rekwiżiti minimi imposti mil-liġi (47), madankollu, l-istabbiliment jew l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tagħhom ma hijiex deċiża mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-kuntrarju tal-fondi ta’ sigurtà soċjali.
67. Skont l-informazzjoni pprovduta fil-fajls, il-fondi rikorrenti:
– Jirregolaw permezz ta’ regoli rispettivi, adottati mill-korpi rappreżentattivi tagħhom, il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet jew trasferimenti sabiex jiffinanzjaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom.
– Jistabbilixxu l-kundizzjonijiet, il-modalitajiet, l-ammont u l-estinzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-benefiċċji fil-każ ta’ mewt u ta’ diżabbiltà.
– Iwettqu intermedjazzjoni finanzjarja b’riskju tagħhom stess, peress li jinvestu l-fondi li jirċievu mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji u volontarji mill-affiljati tagħhom sabiex jagħmlu profitti u jħallsu d-drittijiet għal pensjoni, mewt u diżabbiltà lill-affiljati tagħhom, kif ukoll sabiex jiffinanzjaw l-ispejjeż operattivi tagħhom.
– Jimmaniġġjaw lilhom innifishom u għandhom il-kontabbiltà tagħhom stess peress li huma awtonomi fir-rigward tal-kmamar tal-professjonisti li joħolquhom.
– Huma responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja tagħhom u, għall-kuntrarju tal-fondi tas-sigurtà soċjali, ma jibbenefikawx mill-appoġġ tal-Istat Ġermaniż f’każ ta’ żbilanċ: dan huwa espressament indikat mill-qorti tar-rinviju (48). L-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali, b’kuntrast ma’ dan, għandha l-kwalità ta’ fondi ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-punt 2.117 tas-SEK 2010, li lilha l-Istat jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji kunsiderevoli sabiex inaqqas l-iżbilanċi tagħha.
68. Il-punt 20.39 tas-SEK 2010 jikkonferma, fil-fehma tiegħi, b’mod eżawrjenti, li l-fondi bħal dawk rikorrenti ma jagħmlux parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali. Skont dan il-punt, wieħed ma jistax jitkellem dwar sistema ta’ sigurtà soċjali meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jagħtux garanzija dwar il-livelli tal-pensjonijiet dovuti, u dan il-livell jiddependi mill-prestazzjoni tal-assi mutwi.
69. Issa, fil-kawża ineżami, il-livelli tal-pensjonijiet li għandhom jiġu sostnuti mill-fondi rikorrenti jiddependi mir-riżultati tal-attività ta’ intermedjazzjoni li huma jwettqu, jiġifieri fuq il-prestazzjoni tal-assi mutwi. Jekk l-investimenti tagħhom jiksbu riżultati tajbin, huma jkunu jistgħu jħallsu benefiċċji aħjar u viċi versa, jekk dan ma jkunx il-każ. Ma hemm l-ebda garanzija mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fuq il-livelli tal-pensjonijiet dovuti.
70. Il-punt 17.43 tas-SEK 2010 (49) ma jinterferixxix ma’ dak li ntqal sa issa, għall-kuntrarju ta’ dak li tidher qed tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju. Għal din il-qorti, id-definizzjoni tal-iskemi ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali mogħtija fil-punt 17.43 jista’ jkollha natura awtonoma u eżawrjenti, b’tali mod li l-kunċett ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi jista’ jinkludi l-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li huma awtonomi mill-unità prinċipali. Hekk jiġri fil-każ tal-fondi rikorrenti: huma jiġu inklużi fis-sistemi tal-irtirar tas-sigurtà soċjali għaliex il-liġi teżiġi li dawk li huma affiljati magħha b’mod obbligatorju jipparteċipaw fil-fond ta’ pensjoni tagħhom u jħallsu l-benefiċċji tagħhom bħala unitajiet istituzzjonali b’personalità ġuridika speċifika ta’ Stat Federali.
71. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-punti 2.117 u 17.43 tas-SEK 2010 huma komplementari u għandhom jiġu applikati flimkien ma’ interpretazzjoni armonizzata u koerenti (50).
72. Il-punt 17.43 jagħmel parti mill-Kapitolu 17 tas-SEK 2010 u jikkonċerna l-assigurazzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet, iżda għandu jinqara, nirrepeti, flimkien (u b’koerenza) mal-punt 2.117, li jservi sabiex jiġu identifikati, preċiżament, l-unitajiet istituzzjonali kklassifikati bħala fondi tas-sigurtà soċjali (51).
73. Il-kundizzjonijiet tal-punt 2.117 ma jistgħux jiġu eliminati għall-applikazzjoni tal-kriterji tal-punt 17.43. Il-klassifikazzjoni tal-unitajiet istituzzjonali ma tistax issir barra mill-punti tal-Kapitolu 2 tas-SEK 2010.
74. Il-punt 2.117 tas-SEK 2010 jiddefinixxi s-sottosettur tal-fondi tas-sigurtà soċjali, filwaqt li l-punt 17.43 huwa dispożizzjoni speċifika intiża sabiex tistabbilixxi distinzjoni fi ħdan dan is-sottosettur. Il-punt 17.43 jippresupponi l-osservanza tal-elementi kollha tad-definizzjoni tal-punt 2.117 u jikkompletah permezz ta’ diversi karatteristiċi sabiex issir distinzjoni bejn l-iskemi tal-pensjoni tal-irtirar tas-sigurtà soċjali.
75. Għalhekk, minn dan niddeduċi li l-fondi bħal dawk rikorrenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala fondi ta’ sigurtà soċjali.
3. Amministrazzjonijiet pubbliċi u fondi professjonali ta’ previdenza
76. Permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “amministrazzjonijiet pubbliċi”, li jinsab fil-punti 2.117(b) u 17.43 tas-SEK 2010, jindikax biss “l-unità prinċipali rispettiva” jew l-“istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali stabbiliti mil-liġi, organizzati skont affiljazzjoni obbligatorja u ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijeit, u li għandhom id-dritt għall-awtogovernanza u għal kontabbiltà proprja” (52).
77. Fil-fehma tiegħi, il-punti 2.117(b), 17.43 u 20.39 tas-SEK 2010 ma jippermettux li l-fondi rikorrenti, li jaġixxu bħala korporazzjonijiet finanzjarji li jiġġestixxu FP, jiġu kkwalifikati bħala amministrazzjonijiet pubbliċi.
78. Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Bundesbank (il-Bank Ċentrali) li l-awtorità li tirregola l-qafas legali tal-fondi professjonali tista’ tiġi kkunsidrata bħala amministrazzjonijiet pubbliċi, iżda mhux meta dawn tal-aħħar ikollhom awtonomija totali u responsabbiltà fil-konfront tal-affiljati u li jaġixxu bħala intermedjarji finanzjarji fil-ġestjoni tal-FP tagħhom.
79. Barra minn hekk, kif diġà indikajt, il-punt 20.39 tas-SEK 2010 jindika li fond, anki jekk stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi, ma huwiex sistema ta’ sigurtà soċjali meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jiżgurawx il-livell tal-pensjonijiet dovuti.
80. Il-punt 20.10 tas-SEK 2010 lanqas ma jostakola s-soluzzjoni li jiena nirrakkomanda, għaliex, skont l-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fondi rikorrenti ma jirċevux trasferimenti mill-baġit tal-Istat. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala unitajiet ekstrabaġitarji.
81. L-istess japplika għall-punt 20.12 tas-SEK 2010, fil-parti li tindika li “[l]-iskemi tas-sigurtà soċjali [...] jkopru l-komunità kollha jew parti kbira minnha, li huma imposti u kkontrollati mill-gvern [amministrazzjonijiet pubbliċi]” (53). Għall-kuntrarju, il-fondi rikorrenti jkopru parti limitata u ristretta ta’ impjegati (professjonijiet liberi) u ma hemmx, nirrepeti, kontroll tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fuqhom.
82. Fil-qosor, niddikjara ruħi favur klassifikazzjoni ta’ dawn il-fondi bħala FP, u mhux bħala fondi ta’ sigurtà soċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2018/231 u tal-punti 2.105 sa 2.110 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.
E. L‑ewwel, it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari
83. L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-unitajiet istituzzjonali skont jekk dawn jeżerċitawx jew ma jeżerċitawx attività kummerċjali.
84. Jekk jiġi aċċettat li l-fondi rikorrenti ma jagħmlux parti mis-sottosettur tal-fondi ta’ sigurtà soċjali (S.1314), li jaqgħu taħt is-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (S.13), u li huma jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja bħala FP, ikun jimplika, impliċitament, li huma jeżerċitaw attività tas-suq.
85. Madankollu, sabiex jiġu ċċarati d-dubji espressi fl-ewwel tliet domandi preliminari, jidhirli li jkun utli li jiġu kkorroborati r-raġunijiet li għalihom dawn il-fondi jeżerċitaw attività tas-suq, skont it-terminoloġija tas-SEK 2010. Barra minn hekk, dan huwa dak li jitlob l-approċċ li għandu jirregola l-implimentazzjoni tas-SEK 2010.
86. It-test binarju (suq/mhux tas-suq) adottat mis-SEK 2010 huwa applikabbli mingħajr diffikultajiet kbar għall-produzzjoni li ser insejħu “klassika” ta’ oġġetti u servizzi. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tagħha għall-korpi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja teħtieġ evalwazzjoni ġenerali tal-indikaturi tas-SEK 2010.
87. Skont il-punt 2.55 tas-SEK 2010, “[i]s-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji (S.12) jikkonsisti fl-unitajiet istituzzjonali li huma entitajiet legali indipendenti u li huma produtturi tas-suq u li l-attività prinċipali tagħhom hija l-produzzjoni ta’ servizzi finanzjarji” (54).
88. Skont il-qorti tar-rinviju, minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma hemmx dubju li l-fondi rikorrenti jissodisfaw l-ewwel u t-tielet: huma istituzzjonijiet irregolati mil-liġi pubblika u jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, li jirriżultaw mill-mutwalizzazzjoni tar-riskji u tal-ħtiġijiet soċjali tal-membri assigurati tagħhom (55).
89. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju għalhekk jikkonċernaw it-tieni kundizzjoni, jiġifieri li l-fondi rikorrenti huma produtturi tas-suq. Hija ssemmi, sabiex tesponi dawn id-dubji, il-preżenza jew l-assenza ta’ ċerti indikaturi kwantitattivi (l-ewwel u t-tieni domanda preliminari) jew kwalitattivi (it-tielet domanda) li jiddeterminaw l-output tas-suq fis-SEK 2010.
90. Madankollu, bħal ma jenfasizza l-BĊE (56), dan l-approċċ ma huwiex komplut: l-indikaturi msemmija iktar ’il fuq ma jiddeterminawx il-klassifikazzjoni tal-unitajiet istituzzjonali bħala produtturi tas-suq, peress li din il-kundizzjoni tirriżulta, essenzjalment, mill-attività prinċipali li dawn l-unitajiet iwettqu. Hija biss evalwazzjoni globali tal-attività tagħhom li tippermetti li jinkisbu riżultati aċċettabbli fil-kuntest tas-SEK 2010.
1. L‑output tas‑suq fis‑SEK 2010
91. Il-kriterji ġenerali li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-produtturi u l-output tas-suq u mhux tas-suq jinsabu fil-punti 3.16 sa 3.26 tas-SEK 2010. Il-qorti tar-rinviju tikkonċentra d-domandi tagħha, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal-punt 3.19.
92. Skont il-punt 1.37 tas-SEK 2010, attività hija kkunsidrata bħala suq jekk l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni jiġu nnegozjati fil-kundizzjonijiet li dan il-punt jindika, fir-rigward tal-bejjiegħa, ix-xerrejja u l-eżistenza ta’ swieq li fihom dawn jikkonverġu (57).
93. L-output tas-suq tinkludi b’mod partikolari “prodotti mibjugħin bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti”, imsemmija fil-punt 3.18 tas-SEK 2010 (58). Tali prezzijiet huma dawk il-prezzijiet “li għandhom effett sostanzjali fuq l-ammonti tal-prodotti li l-produtturi huma lesti jipprovdu u fuq l-ammonti tal-prodotti li x-xerrejja jixtiequ jakkwistaw”.
94. Il-prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi huma, min-naħa tagħhom, ir-riżultat tat-twettiq ta’ żewġ kundizzjonijiet: a) il-produttur għandu inċentiv biex jaġġusta l-offerta biex jikseb profitt għall-perijodu fit-tul jew, minn tal-inqas, biex ikopri n-nefqa kapitali u spejjeż oħra; u b) il-konsumaturi għandhom il-libertà li jixtru jew li ma jixtrux u jagħmlu l-għażla abbażi tal-prezzijiet li jintalbu.
95. Peress li mhux dejjem ikun possibbli li tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-punt 3.19 in fine tas-SEK 2010 jippermetti kriterju kwantitattiv skont il-kopertura ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż permezz tal-bejgħ tal-unità istituzzjonali rispettiva (59).
96. Skont il-punt 2.40 tas-SEK 2010, “[i]d-differenzjar bejn l-entitajiet tas-suq u dawk li mhumiex tas-suq, u allura fil-każ tal-entitajiet tas-settur pubbliku l-klassifika tagħhom bejn is-settur tal-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] u s-settur tal-korporazzjonijiet, jiddependi fuq il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.37”.
97. Dan l-aħħar punt 1.37 innifsu, jagħmel parti mill-Kapitolu 1 tal-Anness A, li jinkludi ħarsa ġenerali lejn il-kunċetti u l-prinċipji tas-SEK 2010. Għal din ir-raġuni, il-kundizzjonijiet meħtieġa fil-punt 1.37 għandhom jiġu kkompletati bl-indikaturi li jinsabu fil-kapitoli speċjali tas-SEK 2010.
2. L‑applikazzjoni ta’ dawn il‑kriterji għal fondi rikorrenti
98. Nirrikonoxxi li l-kriterji għad-differenzjar tal-output tas-suq u mhux tas-suq imsemmija fil-punti 3.16 sa 3.26 u 1.37 tas-SEK 2010 ma humiex faċli li jiġu applikati għal korporazzjonijiet finanzjarji bħall-fondi rikorrenti.
99. Il-qorti tar-rinviju hija konxja minn din id-diffikultà (60) billi tenfasizza l-punt 3.19 tas-SEK 2010. Għalkemm hija taċċetta li l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet tiegħu hija ssodisfatta fil-kawża ineżami (huwa fl-interess tal-produttur li jaġġusta l-offerta, minn tal-inqas sabiex ikopri l-ispejjeż), dan ma jgħoddx għat-tieni waħda (il-konsumaturi huma liberi li jixtru jew li ma jixtrux u jagħżlu skont il-prezzijiet mitluba).
100. Skont il-qari tagħha tal-punt 3.19 tas-SEK 2010, din id-dispożizzjoni teżiġi, bħala prinċipju, li l-konsumaturi kollha jkunu liberi li jixtru jew li ma jixtrux il-prodotti kollha li jiġu offruti lilhom u li jagħżlu skont il-prezzijiet mitluba. Dan ma huwiex il-każ fil-każ tal-fondi rikorrenti li l-benefiċċji tagħhom huma disponibbli biss għall-professjonisti obbligati li jaffiljaw ruħhom magħhom u għal dawk li, f’kundizzjonijiet restrittivi, jistgħu jaffiljaw ruħhom volontarjament. Lanqas il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn dawn tal-aħħar ma jirriżultaw mill-kompetizzjoni bejn l-offerta u d-domanda f’kundizzjonijiet tas-suq (61).
101. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tidher li hija inklinata tiċħad (kuntrarjament għall-qorti tal-ewwel istanza) (62) li l-kriterju kwantitattiv ta’ 50 % (punt 3.19 in fine tas-SEK 2010) huwa biżżejjed sabiex produttur jiġi kklassifikat bħala produttur tas-suq. Tali kwalifika tippresupponi, fi kwalunkwe każ, l-għaqda taż-żewġ elementi tad-definizzjoni tal-prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi (punt 3.19(a) u (b) tas-SEK 2010) (63).
102. Fl-aħħar mill-aħħar, għall-qorti tar-rinviju, il-punt 1.37 isegwi l-linja tal-punt 3.19(b) tas-SEK 2010, billi jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ negozjar bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja kif ukoll l-eżistenza neċessarja ta’ swieq effikaċi li għalihom dawn għandhom aċċess u li dwarhom huma għandhom informazzjoni. Madankollu, il-punt 1.37 jippermetti li suq effikaċi jista’ jiffunzjona anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti b’mod sħiħ, dikjarazzjoni li twassal sabiex il-qorti tar-rinviju ma jkollhiex idea ċara ta’ “x’inhi n-natura u l-intensità tar-restrizzjonijiet ta’ aċċess jew tal-obbligi ta’ xiri sabiex teskludi attività tas-suq u prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi” (64).
103. Min-naħa tiegħi, jiena tal-fehma li interpretazzjoni iżolata taż-żewġ punti inkwistjoni (3.19 u 1.37 tas-SEK 2010), bħal dik imwettqa mill-qorti tar-rinviju, tkun probabbilment korretta jekk ma jittieħdux inkunsiderazzjoni r-regoli l-oħra li jinsabu fis-SEK 2010 nnifisha. Dawn tal-aħħar jippermettu li tinqabeż l-antinomija apparenti bejn dawn iż-żewġ punti u oħrajn, inqas rilevanti, tat-termini normattivi tagħhom.
104. Fil-fatt, l-applikazzjoni iżolata u stretta tal-fattur “prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi” jew tal-kundizzjonijiet tal-punt 1.37 tas-SEK 2010 għall-entitajiet li jwettqu intermedjazzjoni finanzjarja ma jidhirlix li hija xierqa. Sabiex dawn l-entitajiet jiġu kklassifikati bħala produtturi tas-suq, hija, nirrepeti, l-evalwazzjoni globali (65) tal-attività prinċipali tagħhom, li tirrifletti l-aġir ekonomiku tagħhom, li hija determinanti.
105. Diġà rrilevajt li l-fondi rikorrenti huma unitajiet istituzzjonali li jaqgħu, skont il-punt 2.55 tas-SEK 2010, taħt is-settur “Korporazzjonijiet finanzjarji”, li l-attività prinċipali tagħhom hija l-produzzjoni ta’ servizzi finanzjarji. Il-punt 2.69 tas-SEK 2010 jidentifika, b’mod partikolari, bħala intermedjarji finanzjarji l-impriżi tal-assigurazzjoni u l-FP.
106. B’hekk, l-evalwazzjoni finali intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fondi rikorrenti humiex produtturi tas-suq għandha ssir billi l-kriterji ġenerali msemmija fil-punti 3.16 sa 3.26 u 1.37 tas-SEK 2010 jiġu ssintonizzati, sa fejn huwa possibbli, mal-punti 2.55 sa 2.62, 20.32 sa 20.34 u 20.38 tas-SEK 2010 relatati, speċifikament, mal-attività ta’ intermedjazzjoni finanzjarja u mal-FP bħala intermedjarji finanzjarji.
107. Sabiex tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika lill-qorti tar-rinviju sensiela ta’ gwidi interpretattivi, li ser nelenka.
108. Fl-ewwel lok, ir-relazzjoni ġuridika (volontarja jew obbligatorja) bejn l-unità istituzzjonali u l-assigurati ma hijiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk l-intermedjazzjoni finanzjarja tal-fondi rikorrenti hijiex attività tas-suq. Dak li huwa importanti ma huwiex l-obbligu tax-xiri tas-servizzi ta’ dawn il-fondi għall-biċċa l-kbira tal-kontribwenti tagħhom, iżda l-attività prinċipali li huma jeżerċitaw, li hija ta’ intermedjazzjoni finanzjarja (66).
109. Fit-tieni lok, sabiex l-attività tagħhom ta’ intermedjazzjoni finanzjarja tiġi kklassifikata bħala suq ma huwiex rilevanti li l-fondi rikorrenti ma jkunux awtorizzati jiddistribwixxu profitti, li huma għandhom jallokaw għall-ħlas tal-benefiċċji lill-affiljati tagħhom. Il-punt 2.107 jikkaratterizza preċiżament il-FP bħala korporazzjonijiet finanzjarji għall-ħlas ta’ benefiċċji tal-irtirar, tal-mewt u tad-diżabbiltà lill-assigurati tagħhom.
110. Fit-tielet lok, l-intermedjazzjoni finanzjarja hija attività tas-suq meta l-FP ifittxu li jimmassimizzaw l-utilità tagħhom, fid-dawl tar-riżorsi limitati tagħhom, u jixtru għal dan l-għan il-prodotti li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom bil-prezz propost (punt 1.37(2) tas-SEK 2010). Dan l-indikatur jiġi ssodisfatt meta intermedjarju finanzjarju, bħall-fondi rikorrenti, jieħu riskju billi jikkonkludi obbligazzjonijiet għalih innifsu (il-punt 20.33 tas-SEK 2010), mingħajr ma l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiggarantixxi l-ammont tal-pensjonijiet dovuti, ammont li jiddependi fuq ir-rendiment tal-assi (punt 20.39) (67).
111. Ir-raba’ nett, skont il-punt 1.37(3) tas-SEK 2010, l-intermedjazzjoni finanzjarja tkun attività tas-suq jekk ikun hemm swieq effikaċi li għalihom għandhom aċċess ix-xerrejja u l-bejjiegħa u li dwarhom għandhom informazzjoni; suq effiċjenti jista’ jiffunzjona anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti bis-sħiħ.
112. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, huwa għal darba oħra irrilevanti li l-intermedjarju finanzjarju jista’ jikseb biss bħala konsumatur tas-servizzi tiegħu grupp definit ta’ klijenti (fil-każ tal-fondi, dawk li jeżerċitaw il-professjoni koperta) u li ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi s-servizzi tagħhom lil kull konsumatur li jkun lest li jħallas il-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, il-punt 2.107 tas-SEK 2010 jistipula li l-parteċipanti fi skemi ta’ FP huma l-impjegati ta’ impriża unika jew grupp ta’ impriżi, impjegati ta’ fergħa jew industrija, u persuni li huma tal-istess professjoni.
113. Il-kriterju kwantitattiv tal-50 % (punt 3.19 in fine tas-SEK 2010) ma jiddeterminax jekk il-FP iwettqux jew ma jwettqux attività kummerċjali. Dan jirriżulta mill-punt 20.34 tas-SEK 2010: “[l]-applikazzjoni tal-kriterju kwantitattiv tat-test tas-suq/mhux tas-suq għal korporazzjonijiet pubbliċi involuti fl-intermedjazzjoni finanzjarja jew fil-ġestjoni tal-assi ġeneralment ma hijiex rilevanti, minħabba li l-qligħ tagħhom jiġi kemm minn introjtu minn proprjetà kif ukoll minn qligħ nominali”. It-test ta’ 50 % tal-punt 3.19 in fine tas-SEK 2010 ma jidhirx konvinċenti fil-kawża ineżami (68).
114. Il-punt 2.55 in fine tas-SEK 2010 jipprovdi li, fis-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji (S.12), “[h]uma inklużi wkoll l-unitajiet istituzzjonali li jipprovdu s-servizzi finanzjarji, li fil-każ tagħhom il-biċċa l-kbira tal-assi jew tal-passivi tagħhom mhumiex soġġetti għal transazzjonijiet fis-swieq miftuħa”. Dan huwa l-każ tal-FP tal-fondi rikorrenti, li ġeneralment joperaw fi swieq legalment magħluqa.
115. Fl-aħħar nett, l-intermedjazzjoni finanzjarja mwettqa mill-fondi rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala output mhux tas-suq ipprovduta mingħajr ħlas jew bi prezzijiet ekonomikament mhux sinjifikattivi.
116. Kif jindika l-punt 3.23 tas-SEK 2010, l-output mhux tas-suq teżisti minħabba li huwa teknikament impossibbli li jsiru ħlasijiet individwali għal servizzi kollettivi, peress li huwa impossibbli li dawn is-servizzi jiġu mmonitorjati u kkontrollati. L-output ta’ servizzi kollettivi tiġi organizzata mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u ffinanzjata bil-fondi separati minn dawk irċevuti mill-bejgħ, jiġifieri d-dħul mit-taxxa jew dħul ieħor tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-intermedjazzjoni finanzjarja tal-fondi rikorrenti hija intiża, għall-kuntrarju, sabiex tiggarantixxi lill-persuni assigurati l-irkupru tal-benefiċċji tagħhom (irtirar, mewt u diżabbiltà), billi jinvestu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f’assi finanzjarji sabiex jagħmlu profitti li bihom jitħallsu dawn il-benefiċċji, minbarra l-ispejjeż operattivi tagħhom. Il-benefiċċji ma jitħallsux permezz ta’ taxxi u dħul ieħor tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.
117. Fil-qosor, sabiex jiġi ddeterminat jekk fondi bħal dawk rikorrenti humiex produtturi tas-suq jew mhux tas-suq, għandha ssir evalwazzjoni globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ġenerali stabbiliti fil-punti 3.16 sa 3.26 u 1.37 tas-SEK 2010 kif ukoll il-punti 2.55 sa 2.62, 20.32 sa 20.34 u 20.38 tas-SEK 2010 dwar l-attività ta’ intermedjazzjoni finanzjarja.
V. Konklużjoni
118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej.
Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑26 ta’ Jannar 2018 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni u l-punti kollha li jinsabu fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li
jikkostitwixxu fondi ta’ pensjoni suġġetti għall-obbligu ta’ rapportar statistiku, u mhux fondi ta’ sigurtà soċjali, il-fondi professjonali ta’ previdenza soċjali stabbiliti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku b’sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja għall-membri ta’ ċerti professjonijiet liberi, meta dawn il-korpi jwettqu intermedjazzjoni finanzjarja sabiex iħallsu d-drittijiet għal pensjoni, mewt u diżabbiltà tal-affiljati tagħhom, jiffinanzjaw l-ispejjeż operattivi tagħhom bil-kontribuzzjonijiet tagħhom, iddeterminati mill-entitajiet innifishom, huma responsabbli mill-amministrazzjoni finanzjarja tagħhom stess u ma jibbenefikawx mill-appoġġ tal-Istat għall-ħlas tal-benefiċċji lill-affiljati tagħhom”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑26 ta’ Jannar 2018 dwar rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni (BĊE/2018/2) (ĠU 2018, L 45, p. 3, u r-rettifika fil-ĠU 2019, L 132, p. 47).
3 Huma entitajiet li jipprovdu lill-affiljati (professjonisti) tagħhom b’benefiċċji ta’ inkapaċità għax-xogħol, ta’ rtirar u ta’ mewt.
4 Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għalihom bħala il-“fondi rikorrenti”.
5 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 174, p. 1).
6 Ara, dwar kollha, dawk tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE (C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, iktar ’il quddiem is-“sentenza FIG u FISE”); u tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord (C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2013:563, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ferrovienord”).
7 Il-Liġi dwar is-Sistema Pubblika ta’ Previdenza tal-Freistaat Bayern (iktar ’il quddiem il-“VersoG”), fil-verżjoni ppubblikata fis‑16 ta’ Ġunju 2008 (BayGVBl. p. 371), emendata l-aħħar bl-Artikolu 32a(18) tal-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2022 (BayGVBl. p. 182).
8 Artikolu 30(1), moqri flimkien mal-Artikoli 33 et seq. tal-VersoG.
9 Stabbiliti fl-Artikolu 30(2) tal-VersoG. Fost dawn il-każijiet hemm jew l-eżerċizzju ta’ impjieg b’mod temporanju jew b’numru minimu ta’ sigħat ta’ xogħol, jew is-sħubija f’korp ta’ previdenza ieħor.
10 Artikolu 30(3) tal-VersoG,
11 Artikolu 10(2) u (3) tal-VersoG.
12 Artikolu 31(4) tal-VersoG. Huwa paċifiku li kull wieħed mill-korpi jħallas iktar minn 50 % tal-benefiċċji tiegħu bħala benefiċċji obbligatorji lil affiljati b’mod obbligatorju.
13 Il-Liġi dwar il-Kmamar tal-Professjonisti tas-Saħħa tal-Freistaat Sachsen, tal‑24 ta’ Mejju 1994 (SächsGVBl., p. 935), emendata l-aħħar bl-Artikolu 18 tal-Liġi tal‑21 ta’ Mejju 2021 (SächsGVBl., p. 578). Iktar ’il quddiem is-“SächsHKaG”.
14 L-Istatuti tal-Fond ta’ Pensjoni tal-Professjonijiet Mediċi tal-Freistaat Sachsen, fil-verżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2008 (ÄBS 10/2008, p. 515), emendati l-aħħar mis-6 emenda statutorja, tad‑19 ta’ Ġunju 2021 (ÄBS 09/2021, p. 18). Iktar ’il quddiem l-“Istatuti”.
15 Ara l-Artikolu 6(1) moqri flimkien mal-Artikolu 1 tas- tas-SächsHKaG u l-Artikolu 1 tal-Istatuti.
16 Ara l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tas-SächsHKaG, flimkien mal-Artikoli 1 u 9 et seq. tal-Istatuti.
17 ECB, Assets and liabilities of pension funds, disponibbli fuq https://data.ecb.europa.eu/publications/financial-corporations/3030657.
18 L-FP huma wieħed mill-akbar investituri fis-swieq internazzjonali tal-kapital. L-investimenti tagħhom huma diversifikati f’termini ta’ strumenti finanzjarji, setturi u postijiet ġeografiċi. Ir-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji taż-żona tal-euro, permezz ta’ investimenti f’titoli ta’ dejn rappreżentattivi u azzjonijiet u parteċipazzjonijiet azzjonarji, huwa wkoll kunsiderevoli.
19 Regolament tal-Kunsill tat‑23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23).
20 Fil-lingwaġġ speċjalizzat tal-istatistika, dawn huma persuni jew entitajiet meħtieġa jipprovdu ċerta informazzjoni.
21 Rakkomandazzjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/9) (ĠU 2008, C 251, p. 1).
22 Regolament tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2009, L 269, p. 1).
23 L-istess obbligi kienu ġew imposti qabel fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat‑28 ta’ Novembru 2014 dwar rekwiżiti ta’ rapportar statistiku għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (BĊE/2014/50) (ĠU 2015, L 366, p. 36).
24 Pereżempju, l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-pensjoni privata; l-iskema tal-pensjoni tal-uffiċjali, stabbilita mill-Istat: u l-iskemi tal-pensjoni mmaniġġjati mill-persuni li jimpjegaw.
25 Fost dawn, it-tobba, l-ispiżjara, il-periti, in-nutara, l-avukati, il-konsulenti fiskali, il-veterinarji, il-kontabilisti, id-dentisti u l-inġiniera.
26 Rapport Annwali tal-Bayerische Versorgungskammer 2022, p. 12, disponibbli fuq BVK_2022_JB_EN_www_240523.pdf u fuq is-sit web tas-Sächsische Ärzteversorgung https://www.saev.de/en/index.html. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-BĊE jindika li l-baġit tal-FP kollha taż-żona tal-euro huwa ta’ EUR 3 123 biljun.
27 Punt 1.01 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.
28 Sentenza Ferrovienord, punt 64.
29 Sentenza Ferrovienord, punt 65.
30 Punt 1.25 tal-Anness A tar-Regolament 549/2013.
31 Sentenza FIG u FISE (punti 58 u 97).
32 Sentenzi FIG u FISE, punt 37; u tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et (C‑277/21, EU:C:2022:318), punt 28.
33 Essenzjalment, dan ġie ddefinit fil-punti 1.57 u 2.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. L-unitajiet istituzzjonali, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-punt 2.01 tal-Anness A, huma entitajiet ekonomiċi li jistgħu jippossjedu assi, jassumu obbligazzjonijiet u jipparteċipaw f’attivitajiet jew tranżazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet oħra. Unità istituzzjonali hija kkaratterizzata minn awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-funzjoni prinċipali tagħha u mill-fatt li żżomm ġabra sħiħa ta’ kontijiet jew tkun tista’ tikkompila ġabra sħiħa ta’ kontijiet (l-Anness A, punt 2.12).
34 Ma’ dawn is-setturi, li jagħmlu parti mill-ekonomija nazzjonali kollha, jiżdied is-sitt settur istituzzjonali, dak tal-bqija tad-dinja, li jirrifletti r-relazzjoni tal-unitajiet mhux residenti mal-ħames setturi nazzjonali.
35 Ir-riferimenti individwali għat-taqsimiet tas-SEK 2010 għandhom, min issa l-quddiem, jinftiehmu bħala riferimenti għall-Anness A tagħha (li mhux sejjer inżid, sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni).
36 Waqt is-seduta, ġiet diskussa l-kwistjoni dwar jekk il-fondi jistgħux jiġu kklassifikati bħala istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jservu l-unitajiet domestiċi (NPISH) (S.15), klassifikazzjoni li huma stess (u l-BĊE) skartaw. Sakemm iwettqu intermedjazzjoni finanzjarja fis-swieq tal-kapital sabiex jagħmlu profitti, li sussegwentement japplikaw għall-ħlas tal-benefiċċji tal-assigurati u għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ ġestjoni tagħhom, dawn ma jaqgħux taħt is-settur NPISH. Dan is-settur jinkludi t-trade unions, l-assoċjazzjonijiet professjonali jew xjentifiċi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-partiti politiċi, il-knejjes jew l-assoċjazzjonijiet reliġjużi u l-klabbs soċjali, kulturali, rekreattivi u sportivi; kif ukoll l-assoċjazzjonijiet ta’ karità, ta’ għajnuna u ta’ assistenza ffinanzjati permezz ta’ trasferimenti volontarji, fi flus jew in natura, ta’ unitajiet istituzzjonali oħra.
37 Sentenza FIG u FISE, punt 34.
38 “korporazzjoni finanzjarja jew kważi-korporazzjoni li hija prinċipalment imqabbda f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġabra ta’ riskji soċjali u bżonnijiet tal-persuni assigurati (assigurazzjoni soċjali). Fond tal-pensjoni bħala skema ta’ assigurazzjoni soċjali jipprovdi dħul fl-irtirar u jista’ jipprovdi benefiċċji għall-mewt u d-diżabilità”.
39 L-ewwel sentenza tal-punt 2.107 tas-SEK 2010.
40 It-tieni sentenza tal-punt 2.107 tas-SEK 2010.
41 Punt 2.108 tas-SEK 2010.
42 Punt 2.109 tas-SEK 2010.
43 Il-fatt li l-fondi professjonali huma persuni ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika ma għandux jimpedixxi li jiġu meqjusa bħala FP: il-punt 2.109 tas-SEK 2010 jipprevedi dan. Ma huwiex meħtieġ li l-PF ikun entità privata. Jista’ jkun ta’ natura pubblika, iżda huwa indispensabbli li jkollu awtonomija organizzattiva u ta’ ġestjoni biex iwettaq l-intermedjazzjoni finanzjarja.
44 L-aħħar sentenza tal-punt 2.117 tas-SEK 2010 żżid li normalment ma teżistix rabta diretta bejn l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-affiljati u r-riskji li għalihom huma esposti.
45 Il-parti l-kbira tal-professjonisti inkorporati f’kull waħda mill-fondi rikorrenti huma suġġetti għal obbligu legali ta’ affiljazzjoni, minħabba l-fatt li jeżerċitaw il-professjonijiet tagħhom fil-Land ta’ Bayern jew ta’ Sachsen.
46 Sabiex unità istituzzjonali taqa’ taħt is-sottosettur S.129 bħala FP, ma huwiex neċessarju li l-benefiċċji kollha li hija tipprovdi lill-parteċipanti tagħha jkunu bbażati fuq obbligu kuntrattwali ta’ assigurazzjoni. Skont il-punt 2.117 tas-SEK 2010, entità istituzzjonali tista’ tkun FP, anki jekk il-affiljati tagħha jkunu ex lege u mhux skont obbligu kuntrattwali ta’ assigurazzjoni. Jista’ jkun hemm ukoll parti ta’ affiljazzjoni obbligatorja u parti oħra ta’ affiljazzjoni volontarja. Dawk li kienu affiljati b’mod obbligatorju u li waqqfu l-abbonament mal-fond professjonali jistgħu jibqgħu affiljati b’mod volontarju, fis-sens tar-regoli interni tal-korp innifsu, sabiex iżommu d-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn pensjonijiet futuri permezz tal-ħlas tal-istess kontribuzzjonijiet bħall-affiljati b’mod obbligatorju.
47 B’mod partikolari, huma għandhom joperaw mingħajr skop ta’ lukru u jallokaw il-fondi u l-assi tagħhom biss għat-twettiq tal-kompiti tagħhom ta’ previdenza u għandhom ibatu l-ispejjeż ta’ ġestjoni tagħhom, inklużi r-remunerazzjonijiet tal-impjegati u l-benefiċċji pagabbli lill-benefiċjarji, mill-fondi tagħhom stess.
48 Digriet tar-rinviju, punt 30.
49 Riprodott fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
50 Ara, mutatis mutandis, is-sentenza FIG u FISE, punti 37 u 38.
51 Il-punt 2.117 jagħmel parti mill-Kapitolu 2 tas-SEK 2010, li jiddeskrivi l-unitajiet istituzzjonali użati għall-kejl tal-ekonomija u kif dawn l-unitajiet huma kklassifikati f’setturi u gruppi oħra għall-finijiet tal-analiżi tagħhom (punt 1.03 tas-SEK 2010).
52 Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett jista’ jinkludi unitajiet oħra tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jew anki korpi amministrattivi ta’ ġestjoni awtonoma meta mqabbla mal-unità prinċipali, li jaġixxu bħala garanziji tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-pensjonijiet, li jippermettu lill-affiljati tagħhom jevitaw l-assigurazzjoni tal-pensjoni obbligatorja u li għandhom jiggarantixxu sistema ta’ pensjonijiet tal-irtirar ġestita minnhom innifishom ibbażata fuq kontribuzzjonijiet u benefiċċji għal ċerti gruppi ta’ professjonisti, mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kontroll tal-gvern ġenerali. Din it-teorija tista’ tiġi enfasizzata mill-punt 20.39 tas-SEK 2010, meta tippreżupponi li l-benefiċċji jistgħu wkoll jiġu amministrati minn “unità istituzzjonali separata”.
53 Huwa jżid li “[f]ond tas-sigurtà soċjali huwa unità istituzzjonali jekk ikun organizzat separatament mill-attivitajiet l-oħra tal-unitajiet tal-gvern [amministrazzjonijiet pubbliċi], iżomm l-assi u l-passivi tiegħu separatament, u jinvolvi ruħu fi transazzjonijiet finanzjarji fuq akkont proprju”.
54 Il-punt 2.55 tas-SEK 2010 jżid li “[t]ali unitajiet istituzzjonali jikkonsistu fil-korporazzjonijiet u l-entitajiet kważi korporazzjonijiet li huma involuti prinċipalment f’dan li ġej: a) l-intermedjazzjoni finanzjarja (intermedjarji finanzjarji); u/jew b) attivitajiet finanzjarji awżiljarji (awżiljarji finanzjarji). Huma inklużi wkoll l-unitajiet istituzzjonali li jipprovdu s-servizzi finanzjarji, li fil-każ tagħhom il-biċċa l-kbira tal-assi jew tal-passivi tagħhom mhumiex soġġetti għal transazzjonijiet fis-swieq miftuħa”. Għall-punt 2.56 tas-SEK 2010, “[l]-intermedjazzjoni finanzjarja hija l-attività li fiha unità istituzzjonali takkwista assi finanzjarji u ġġarrab passivi fil-kont proprju tagħha bl-involviment ta’ transazzjonijiet fis-suq”.
55 Digriet tar-rinviju, punti 11 u 12.
56 Punt 33 tal-osservazzjonijiet bil-miktub.
57 “[I]l-bejjiegħa jaġixxu sabiex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, u jagħmlu dan billi jbigħu l-oġġetti u s-servizzi liberament fis-suq, u lil min ikun lest li jħallas il-prezz mitlub; ix-xerrejja jaġixxu sabiex jimmassimizzaw l-utilità tagħhom minħabba r-riżorsi limitati tagħhom, billi jixtru skont liema prodotti jaqdu bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tagħhom bil-prezz offrut; jeżistu swieq effettivi fejn il-bejjiegħa u x-xerrejja għandhom aċċess għal informazzjoni dwar is-suq. Suq effettiv jista’ jopera anke jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux totalment”.
58 Punt 3.19 tas-SEK 2010.
59 “[…] Biex tkun produttur tas-suq, l-unità għandha tkopri talanqas 50 % tal-ispejjeż tagħha permezz tal-bejgħ tagħha tul perijodu sostnut ta’ għadd ta’ snin”.
60 Digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑758/22, punt 14.
61 Digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑758/22, punt 16.
62 Il-qorti tal-ewwel istanza qieset suffiċjenti li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi (u għalhekk il-kwalità ta’ produtturi tas-suq tal-fondi rikorrenti) il-fatt li dawn tal-aħħar ikopru mill-inqas nofs l-ispejjeż tagħhom billi jiġbru kontribuzzjonijiet, minkejja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.19(a) u (b) tas-SEK 2010.
63 Digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑758/22, punti 17, 18 u 19.
64 Digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑758/22, punt 15.
65 Sentenzi FIG u FISE, punti 34, 65 u 70; u tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et (C‑277/21, EU:C:2022:318), punt 26.
66 Skont il-punt 2.33 tas-SEK 2010, “[l]-unitajiet istituzzjonali huma miġburin f’setturi fuq il-bażi tat-tip ta’ produttur li huma u skont l-attività u l-funzjoni prinċipali tagħhom – elementi li huma kkunsidrati bħala indikattivi tal-imġieba ekonomika tagħhom”.
67 Jekk unità finanzjarja pubblika tiġġestixxi assi iżda ma tpoġġix ruħha fir-riskju li teħel passivi akkont proprju, din ma hijiex intermedjarju finanzjarju u l-unità tiġi kklassifikata fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi aktar milli fis-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji (punt 20.33 tas-SEK 2010).
68 Digriet tar-rinviju, punt 19.