This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0726
Opinion of Advocate General Emiliou delivered on 27 June 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:562
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2024 (1)
Kawża C‑726/22 P
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Pollinis France
(Appell – Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rifjut ta’ aċċess – Dokument ta’ gwida dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal – Komitoloġija – Kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx – Proċess deċiżjonali – Pożizzjoni individwali tal-Istati Membri – Riskju li jiddgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali)
I. Introduzzjoni
1. Il-kollaborazzjoni tiffiltra l-oqsma kollha tal-ħajja u l-ispeċi, mill-bnedmin sal-kreaturi umli bħan-naħal bagħli.
2. Meta wieħed iħares minn din il-lenti, id-dinamika kumplessa tal-proċeduri tal-komitoloġija fl-Unjoni Ewropea għandha xebh qawwi ma’ dik li tinstab ġewwa kaxxa tan-naħal. Il-Kummissjoni Ewropea (tista’ tixxebbah mar-reġina tan-naħal għal din l-analoġija speċifika) għandha l-kompitu li teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha sabiex tadotta atti ta’ implimentazzjoni ġodda. Min-naħa tagħhom, il-kumitati tal-komitoloġija (in-naħal) jagħmlu sforz kollettiv sabiex jgħinu fid-“dakkir” tal-proċess deċiżjonali. Filwaqt li tali sinerġija normalment tgħin lill-Kummissjoni fil-kisba tal-għan tagħha, l-aqwa pjanijiet (tan-naħal u tal-bnedmin) mhux dejjem iwasslu għall-konklużjoni maħsuba tagħhom (2).
3. Din il-kawża hija bbażata fuq dawn ir-riflessjonijiet. Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Pollinis France vs Il‑Kummissjoni (3), li permezz tagħha annullat żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li rrifjutaw li jagħtu aċċess lil Pollinis France (4) għal dokumenti li jappartjenu għal dokument ta’ gwida mħejji mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida tal‑2013”). B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-kawża inkwistjoni, li d-dokumenti mitluba minn Pollinis France kienu jirrigwardaw kwistjoni li fiha kienet ittieħdet id-deċiżjoni, filwaqt li targumenta li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni kien għadu għaddej meta dawk id-deċiżjonijiet ġew adottati.
4. Għaldaqstant, dan l-appell joffri opportunità sabiex tiġi ċċarata l-portata tal-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti (5).
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament Nru 1049/2001
5. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (dwar “Eċċezzjonijiet”) huwa redatt kif ġej:
“Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”
B. Ir‑Regoli Standard ta’ Proċedura għall‑Kumitati
6. L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (6), jiddikjara:
“1. Kull kumitat għandu jadotta b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi ta’ regoli standard li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. […]
[…]
2. Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati.”
7. L-Artikolu 10(2) tar-Regoli Standard ta’ Proċedura għall-Kumitati ‑Regoli ta’ proċedura għall-kumitat [isem il-kumitat] (7) jiddikjara:
“[…] il-president għandu/ha j/tkun responsabbli għat-tfassil ta’ kitba fil-qosor li tagħti deskrizzjoni fuq fuq ta’ kull punt fuq l-aġenda u tar-riżultati tal-vot fuq kwalunkwe abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni mressaq quddiem il-kumitat. Din il-kitba fil-qosor m’għandhiex issemmi l-pożizzjoni individwali tal-membri waqt id-diskussjonijiet tal-kumitat.”
8. L-Artikolu 13 tar-Regoli Standard ta’ Proċedura jgħid dan li ġej:
“1. Talbiet għal aċċess għal dokumenti tal-kumitat għandhom jiġu ttrattati skont [ir-Regolament Nru 1049/2001] […]
2. Id-diskussjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.
3. Dokumenti mgħoddija lil membri tal-kumitat, lil esperti u lil rappreżentanti ta’ partijiet terzi għandhom ikunu kunfidenzjali, dment li ma jingħatax aċċess għal dawk id-dokumenti skont il-paragrafu 1 jew li ma jsirux pubbliċi b'mod ieħor mill-Kummissjoni.
[…]”
III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
9. Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati fid-dettall fil-punti 2 sa 14 u 48 sa 52 tas-sentenza appellata. Iċ-ċirkustanzi li huma rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
10. Fl‑2013, l-EFSA ħejjiet id-Dokument ta’ Gwida tal‑2013. Dan id-dokument ġie ppreżentat sussegwentement mill-Kummissjoni lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (iktar ’il quddiem l-“iSCoPAFF”), li huwa kumitat ta’ komitoloġija ppresedut mill-Kummissjoni, bil-għan li jiġi adottat. Madankollu, nuqqas ta’ kunsens fost l-Istati Membri dwar it-test ta’ dak id-dokument xekkel l-adozzjoni tiegħu.
11. Fl‑2018, il-Kummissjoni pproponiet li timplimenta ċerti partijiet tad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 billi temenda l-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 (8). Għaldaqstant, hija ppreżentat abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 546/2011 lill-iSCoPAFF għal opinjoni, bil-għan li jiġi adottat. Għalkemm l-iSCoPAFF ipprovda opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta dak l-att minħabba li l-Parlament Ewropew oppona l-adozzjoni tiegħu fl‑2019.
12. F’Marzu 2019, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA sabiex tirrevedi d-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 sabiex tqis l-iżviluppi xjentifiċi mill‑2013 ’l hawn.
13. Fis‑27 ta’ Jannar 2020, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (9), Pollinis France ressqet talba lill-Kummissjoni għal aċċess għal ċerti dokumenti relatati mad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4231 final tad‑19 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni tat aċċess parzjali għal dokument wieħed, iżda rrifjutat l-aċċess għall-oħrajn kollha msemmija f’dik it-talba, billi invokat l-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
14. Fit‑8 ta’ April 2020, Pollinis France ressqet it-tieni talba għal aċċess għal ċerti dokumenti dwar dan l-istess dokument ta’ gwida. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5120 final tal‑21 ta’ Lulju 2020 (“it-tieni deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni tat aċċess parzjali għal erba’ dokumenti, iżda rrifjutat l-aċċess għall-oħrajn kollha msemmija f’dik it-talba taħt l-istess eċċezzjoni prevista fir-Regolament Nru 1049/2001.
15. F’dawk id-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni ddikjarat li, sakemm tiġi ffinalizzata r-reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 mill-EFSA, l-eżami tiegħu fi ħdan l-iSCoPAFF kien “waqfet”. Hija ċċarat, barra minn hekk, li l-pjan sabiex jiġi adottat id-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 jerġa’ jibda ladarba l-EFSA tkun temmet ir-reviżjoni tagħha.
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
16. Pollinis France ressqet rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fir-rikors tagħha, hija qajmet erba’ motivi. Fl-ewwel u fit-tieni motiv tagħha, hija allegat ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fit-tielet motiv tagħha, Pollinis France allegat ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Ir-raba’ motiv tagħha allega applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001.
17. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv ta’ Pollinis France, filwaqt li qieset li ma kienx meħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv tagħha. Il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll fil-qosor ir-raba’ motiv iżda ċaħditu bħala ineffettiv. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi u ordnat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
V. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet
18. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, u tikkundanna lil Pollinis France għall-ispejjeż.
19. Min-naħa tagħha, Pollinis France titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
20. Fis‑26 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ppreżentat risposta u, fis‑27 ta’ Lulju 2023, Pollinis France ssottomettiet kontroreplika.
VI. Evalwazzjoni
21. Il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji, ibbażati fuq diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt taċ-ċittadini u tar-residenti tal-Unjoni li jkollhom aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni inkwistjoni”). Dan jipprovdi li “aċċess għad-dokument, miktub minn istituzzjoni għall-użu intern […], dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”
22. L-ewwel aggravju, li jindirizza l-punti 54 sa 61 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx”. It-tieni aggravju, li jindirizza l-punti 85 sa 138 ta’ dik is-sentenza, jallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat jekk l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kienx “serjament [idgħajjifx] il-proċess deċiżjonali ta’ l-istituzzjoni”.
A. L‑ewwel aggravju
1. L‑argumenti tal‑partijiet
23. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat interpretazzjoni dejqa tal-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għal kwistjonijiet li jiġu sottomessi għal deliberazzjoni b’mod imminenti, u għal sitwazzjonijiet li fihom l-istituzzjoni inkwistjoni hija immedjatament mitluba tadotta abbozz ta’ att identifikabbli.
24. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset il-kontenut iddefinit tad-dokument ta’ gwida li qiegħed jiġi rivedut mill-EFSA u l-forom tal-adozzjoni eventwali tiegħu bħala rilevanti għal dan il-kunċett, iżda naqset milli tevalwa l-importanza tal-għan imfittex mill-istituzzjoni kkonċernata.
25. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-eżerċizzju minn dik l-istituzzjoni tal-kompetenza tagħha u r-riżultat previst tar-rikors tagħha. Din l-interpretazzjoni għalhekk tinkludi emendi tal-kontenut jew tal-istrateġija adottati sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, inklużi bidliet fil-proċedura ta’ adozzjoni. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni li titlob lill-EFSA tirrevedi d-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 turi l-għan tagħha li timplimenta dokument ta’ gwida dwar in-naħal u tirrappreżenta l-eżerċizzju tal-awtorità tagħha f’din il-kwistjoni.
26. Il-Kummissjoni ssostni, għalhekk, li tali azzjoni kienet tammonta għal pass wieħed fl-istess proċess deċiżjonali li għaddej, immirat li jiffinalizza test li l-iSCoPAFF jista’ jaqbel miegħu bħala parti mill-proċedura ta’ komitoloġija għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ dak id-dokument. Dan juri li kien hemm “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma [kinitx ittieħdet]” fiż-żmien meta ġew adottati d-deċiżjonijiet kontenzjużi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma legalment żbaljati u kontradittorji.
27. Min-naħa tagħha, Pollinis France tiddefendi r-raġunament segwit, u l-konstatazzjonijiet magħmula, mill-Qorti Ġenerali. Hija ssostni li l-interpretazzjoni ta’ dik il-qorti ta’ dan il-kunċett, kif ukoll il-fehim tagħha tat-terminu “proċess deċiżjonali”, huma interpretati korrettament fid-dawl tal-obbligu ta’ interpretazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) Regolament Nru 1049/2001 b’mod restrittiv.
2. Analiżi
28. Il-punt fokali tal-ewwel aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-espressjonijiet “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx” u “proċess deċiżjonali.
a) “Kwistjoni fejn id‑deċiżjoni ma ttiħditx”
29. It-terminu “kwistjoni” ma huwiex iddefinit fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan it-terminu lanqas ma huwa espressament iddefinit mill-Artikolu 3 tiegħu, li jinkludi d-definizzjonijiet. Madankollu, meta wieħed iqis it-tifsira ordinarja ta’ dan it-terminu u t-termini korrispondenti inklużi fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament (10), jidher li t-terminu “kwistjoni” jirreferi għal problema, mistoqsija jew sitwazzjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata minn istituzzjoni tal-Unjoni.
30. It-terminu “kwistjoni” inkluż fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jindika ċerta speċifiċità li tista’ ma tkunx immedjatament evidenti meta tinqara l-verżjoni Ingliża ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, f’din il-verżjoni lingwistika, it-terminu “kwistjoni” jintuża wkoll fl-Artikolu 3 tiegħu li, għall-finijiet tar-regolament, jiddefinixxi “dokument” bħala “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu […] dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni” (11). Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament jużaw żewġ termini differenti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-regolament: filwaqt li l-ewwel wieħed juża terminu b’tifsira kemxejn usa’ (bħal qasam, suġġett jew tema) (12), it-tieni wieħed juża terminu b’portata idjaq u konnotazzjoni iktar speċifika (13).
31. Għalhekk, ma iniex konvint mill-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li fuqha huma bbażati ħafna mill-argumenti tagħha, li t-terminu “kwistjoni” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.
32. F’dan ir-rigward, inżid ukoll li, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dan l-istrument jinkorpora l-prinċipju ta’ ftuħ fir-rigward tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (14), u huwa intiż li jagħti lill-pubbliku l-ikbar dritt possibbli ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (15). Għal din ir-raġuni, il-limiti imposti fuq dak id-dritt għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (16). Minn dan isegwi li – kif essenzjalment indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 35 sa 38 tas-sentenza appellata – it-termini użati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.
33. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha fil-kawża Saint-Gobain, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li t-terminu “kwistjoni” jista’ jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jagħti kunfidenzjalità mhux biss lil dokumenti mfassla bħala parti minn proċess deċiżjonali, iżda ukoll lil deċiżjonijiet “marbuta direttament mal-kwistjonijiet ittrattati f’dan il-proċess” (17). Minn din is-sentenza jirriżulta wkoll li, sabiex tinftiehem sew it-tifsira tat-terminu “kwistjoni”, huwa utli li jiġi interpretat fil-kuntest proprju tiegħu u fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni (18).
34. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tapplika l-eċċezzjoni, ma huwiex biżżejjed li l-kwistjoni tiġi eżaminata għal kwalunkwe raġuni jew għan (19). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirreferi espressament għal kwistjonijiet eżaminati fil-kuntest ta’ sensiela ta’ azzjonijiet interrelatati (“il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni”), imwettqa bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni definittiva f’dak ir-rigward (it-teħid ta’ “deċiżjoni”).
35. Ir-rabta inseparabbli bejn it-termini “kwistjoni”, “proċess deċiżjonali” u “deċiżjoni” hija importanti ħafna għall-identifikazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni inkwistjoni. Tabilħaqq, din tirrifletti l-għan ġenerali ta’ din l-eċċezzjoni: li tippreserva l-effettività tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, u b’hekk il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom (20).
36. Għal din ir-raġuni, issa ser ngħaddi għat-tifsira tat-termini “proċess deċiżjonali” u “deċiżjoni” għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
b) “Proċess deċiżjonali” u “deċiżjoni”
37. L-ewwel, għandi nfakkar li dawn iż-żewġ espressjonijiet għandhom jinftiehmu b’mod ġenerali u li ma huwiex tekniku. L-espressjoni “il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni” tinkludi l-proċeduri formali u informali kollha li permezz tagħhom istituzzjoni tasal għal deċiżjoni fir-rigward ta’ kwistjoni partikolari. Bl-istess mod, “deċiżjoni” taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex limitata għal “deċiżjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, iżda tinkludi kwalunkwe riżoluzzjoni sabiex tittieħed forma speċifika ta’ azzjoni.
38. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li dawn l-espressjonijiet lanqas ma jistgħu jiġu interpretati b’mod wiesa’ żżejjed, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni.
39. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-istatus ta’ proċess deċiżjonali partikolari (kemm jekk għaddej jew magħluq) jidher loġikament li jiddependi fuq jekk l-attività li tkun qiegħda titwettaq tkunx għadha għaddejja, jew jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni tkunx ħadet riżoluzzjoni speċifika fir-rigward ta’ “kwistjoni” partikolari. F’dan l-isfond, żewġ domandi jidhru immedjatament rilevanti. L-ewwel, x’jifforma parti leġittimament minn “proċess deċiżjonali”? It-tieni, x’jikkostitwixxi sitwazzjoni fejn “deċiżjoni” ttieħdet jew ma ttiħditx, sabiex b’hekk jiġi ddeterminat jekk il-proċess deċiżjonali ikunx intemm?
40. Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Qrati tal-Unjoni indikaw li xogħol preparatorju – irrispettivament min-natura preliminari tal-informazzjoni mħejjija f’dokumenti istituzzjonali, jew min-natura preliminari tad-diskussjonijiet immirati lejn il-kisba ta’ kunsens – jista’ jifforma parti minn proċess deċiżjonali partikolari (21). Dan għaliex l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħmel ebda distinzjoni skont l-istat ta’ progress tal-attività inkwistjoni (22).
41. Madankollu, il-Qrati tal-Unjoni wissew ukoll li t-terminu “proċess deċiżjonali” ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’ wisq sabiex ikopri proċedura amministrattiva sħiħa jew kull dokument li jirrigwarda “kwistjoni” partikolari. Minflok, huma sostnew li proċess deċiżjonali għandu jiġi interpretat bħala relatat mat-“teħid ta’ deċiżjonijiet” (23), fejn l-istituzzjoni kkonċernata jkollha marġni ta’ manuvra għal, fost affarijiet oħra, deliberazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-għażliet li għandhom isiru u, skont it-tip ta’ proċess, il-proposti potenzjali li għandhom jiġu sottomessi (24).
42. Għalhekk, filwaqt li l-istadju li fih jirriżulta t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qafas tal-proċess speċifiku inkwistjoni jidher li ma huwiex fattur determinanti, il-karattru sostantiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifsu jidher li huwa hekk. Għaldaqstant, mhux dak kollu assoċjat mat-teħid ta’ “deċiżjoni” jista’ jiġi kopert mit-terminu “proċess deċiżjonali”. Dak li huwa importanti huwa l-eżistenza ta’ attività ġenwina ta’ “teħid ta’ deċiżjonijiet” li fil-kuntest tagħha jkunu tfasslu jew ġew irċevuti d-dokumenti inkwistjoni.
43. Ċertament, dak li jammonta għal attività ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jiġi ddeterminat każ b’każ fid-dawl tal-kuntest u tal-passi proċedurali involuti. Wara kollox, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita regola waħda għal kulħadd li tkun applikabbli għal kull proċess deċiżjonali fil-livelli kollha, u li tkopri l-interventi jew l-attivitajiet kollha.
44. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ manuvra tenfasizza b’mod inerenti l-fatt li jridu jsiru diskussjonijiet, evalwazzjonijiet jew attivitajiet oħra sabiex jippermettu lill-istituzzjoni rilevanti tasal f’punt fejn tkun tista’ tittieħed deċiżjoni (25). Mingħajr tali attivitajiet orjentati lejn ir-riżultati, proċess deċiżjonali bilkemm jikkwalifika bħala li jkun hekk biss fi kwalunkwe għamla jew forma sinjifikattiva.
45. Fl-istess ħin, tali attività ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tippreżupponi kwistjoni speċifika li jkollha xi tip ta’ kontenut identifikabbli u indikazzjoni tal-metodi li permezz tagħhom tista’ tittieħed id-deċiżjoni relatata. Inkella, fuq liema bażi huwa maħsub li jsir it-“teħid ta’ deċiżjonijiet, u fir-rigward ta’ xiex eżattament suppost tittieħed “deċiżjoni”? Kieku tkun qisek qiegħed tipprova ssolvi problema mingħajr ma l-ewwel tkun taf x’inhi l-problema.
46. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi identifikat it-teħid ta’ deċiżjonijiet attwali, l-attivitajiet relatati għandhom jappartjenu għal kwistjoni speċifika u juru sforz sabiex jintlaħaq l-għan tal-proċess rilevanti.
47. Naturalment, dan ma jimplikax li l-kontenut tal-kwistjoni ineżami, jew il-metodu u l-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni tad-deċiżjoni relatata, għandhom jibqgħu l-istess matul il-proċess deċiżjonali. Kif għadni kif spjegajt, l-istituzzjoni rilevanti għandu jkollha spazju għal manuvra fi ħdan proċess deċiżjonali sabiex temenda s-sustanza tal-miżura oriġinarjament prevista, tibdel il-proċess jew iż-żmien għall-adozzjoni tagħha, jew twettaq azzjonijiet oħra li tqis meħtieġa, fid-diskrezzjoni tagħha jew b’risposta għall-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra involuti fil-proċess. Fil-fatt, dik il-flessibbiltà ħafna drabi hija vitali sabiex jinkiseb kunsens, partikolarment fejn ikunu involuti kumitati tal-komitoloġija, u hija essenzjali sabiex jintlaħaq l-istadju li fih tista’ tittieħed deċiżjoni finali.
48. Madankollu, il-marġni ta’ manuvra tal-istituzzjoni ma għandux jibdel b’mod fundamentali n-natura tal-kwistjoni diskussa. Tabilħaqq, il-kwistjoni oriġinali, anki jekk tiġi diskussa u riveduta f’diversi stadji matul il-kors ta’ proċess partikolari, għandu jkollha, fil-bidu u tul il-proċess kollu, element ċentrali li jservi bħala l-pedament għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fi kliem ieħor, għandha teżisti relazzjoni raġonevoli ta’ prossimità – f’termini mhux biss ta’ kontenut, iżda possibbilment ukoll ta’ metodu ta’ adozzjoni u ta’ għan segwit – bejn il-kwistjoni, kif prevista oriġinarjament, u dik li sussegwentement tkun qiegħda tiġi kkunsidrata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-korpi involuti.
49. F’dan ir-rigward, kull manuvra li tikkostitwixxi devjazzjoni sinjifikattiva mill-kwistjoni oriġinali tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tindika li proċess deċiżjonali huwa magħluq, u li beda wieħed ġdid.
50. Dan iwassalni għat-tieni domanda interrelatata: meta jintemm proċess deċiżjonali minħabba li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-kwistjoni rilevanti?
51. Diversi sentenzi tal-qrati tal-Unjoni jidhru li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda. L-ewwel, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Toland vs Il‑Parlament (26) u fil-kawża PAN Europe vs Il‑Kummissjoni (27) jagħmluha ċara li “deċiżjoni” ma titteħidx qabel ma l-kwistjoni speċifika tal-proċess deċiżjonali – ħafna drabi fil-forma ta’ att jew miżura – tkun definittivament indirizzata, iktar milli tkun għadha tifforma parti minn diskussjonijiet, evalwazzjonijiet, reviżjonijiet jew forom oħra ta’ attività li huma komponenti tal-proċess.
52. Barra minn hekk, il-proċessi deċiżjonali li jeżistu f’ċerti kuntesti proċedurali joffru għarfien addizzjonali dwar l-identifikazzjoni tal-istadju li fih tkun ittieħdet “deċiżjoni”, u l-proċess relatat ikkunsidrat magħluq. Eżempju notevoli huwa l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposti ta’ inizjattivi leġiżlattivi.
53. Il-Kummissjoni tgawdi s-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva, li jfisser li tiddeċiedi dwar jekk tissottomettix proposta leġiżlattiva jew le, ħlief fejn tkun obbligata tagħmel dan skont id-dritt tal-Unjoni. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ twettaq sensiela ta’ passi matul it-tħejjija ta’ proposta leġiżlattiva.
54. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li attivitajiet bħat-tħejjija ta’ rapporti ta’ valutazzjoni tal-impatt jagħmlu parti mill-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, li jseħħ qabel il-proċedura leġiżlattiva sensu stricto(28). Tabilħaqq, azzjonijiet bħal dawn, li għandhom l-għan li joħolqu kunsens sabiex tiġi ffinalizzata proposta uffiċjali, jikkostitwixxu preċiżament l-element ta’ “teħid ta’ deċiżjonijiet” ta’ dak il-proċess. Ladarba l-proposta tiġi approvata, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissottomettiha lil-leġiżlatur tal-Unjoni, u b’hekk ittemm il-fażi ta’ inizjattiva u tibda l-fażi leġiżlattiva. Huwa f’dan l-istadju, għalhekk, li “d-deċiżjoni” tista’ titqies li ttieħdet, li effettivament iġib il-proċess deċiżjonali dwar inizjattiva leġiżlattiva partikolari fi tmiemu (29).
55. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tabbanduna inizjattiva leġiżlattiva prevista ttemm b’mod definittiv l-azzjoni leġiżlattiva ppjanata, li ma tistax terġa’ tibda sakemm din l-istituzzjoni ma tirtirax din id-deċiżjoni. B’konsegwenza ta’ dan, id-deċiżjoni li ma titressaqx proposta timmarka wkoll b’mod ċar mument deċiżiv – din tfisser li ttieħdet deċiżjoni fin-negattiv, li, bħala riżultat, ittemm ukoll il-proċess deċiżjonali (30).
56. F’dan ir-rigward, it-tranżizzjoni mill-proċess deċiżjonali għall-teħid ta’ deċiżjoni hija deskritta mill-mument li fih il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni li tippreżenta l-proposta leġiżlattiva tagħha lil-leġiżlatur tal-Unjoni jew tiddeċiedi li tirtira inizjattiva leġiżlattiva għalkollox (31).
57. Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet ta’ hawn fuq huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, li fir-rigward tagħhom ir-regoli proċedurali rilevanti ġeneralment jirrikjedu li l-Kummissjoni tidħol f’konsultazzjonijiet ma’ kumitat ta’ komitoloġija. Tali azzjonijiet spiss jistgħu jinvolvu r-reviżjoni ta’ abbozzi ta’ testi għall-finijiet li tingħata opinjoni favorevoli minn dak il-kumitat. Hawnhekk ukoll, dawk il-passi stess jitwettqu bil-ħsieb tal-adozzjoni b’suċċess ta’ miżura, u jikkostitwixxu l-element “deċiżjonali” tal-proċess inkwistjoni.
58. Għalhekk, wieħed jista’ raġonevolment jikkonkludi li l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni jintemm meta l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni definittivament, b’xi mod jew ieħor, fuq il-kwistjoni speċifika inkwistjoni, billi tadotta l-miżura prevista (kif oriġinarjament proposta jew kif sussegwentement emendata) jew billi tabbandunaha. Ladarba ssir għażla definittiva fir-rigward ta’ kwistjoni partikolari, il-fatt li, fil-futur, jistgħu jinbdew proċeduri amministrattivi simili li fihom id-dokumenti inkwistjoni jistgħu jerġgħu jintużaw ma jipprekludix il-proċess deċiżjonali fir-rigward ta’ dawk id-dokumenti milli jingħalaq (32).
59. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa ser neżamina l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi.
c) L‑evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza appellata
60. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar jekk il-proċess deċiżjonali inkwistjoni kienx magħluq ikkonċentra fuq jekk kinitx għadha għaddejja xi attività ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-adozzjoni tad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013, jew jekk ittiħditx id-deċiżjoni dwar l-adozzjoni (jew in-nuqqas ta’ adozzjoni) tiegħu, fiż-żmien meta ġew adottati d-deċiżjonijiet kontenzjużi.
61. Billi tat attenzjoni partikolari lid-deliberazzjonijiet dwar id-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 fi ħdan l-iSCoPAFF, u t-tentattiv sussegwenti tal-Kummissjoni sabiex timplimenta partijiet minn dak id-dokument billi daħħlet emendi għall-prinċipji uniformi fir-Regolament Nru 546/2011, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proċess deċiżjonali fir-rigward ta’ dak id-dokument ta’ gwida jista’ jitqies bħala li kien għaddej bejn l‑2013 u l‑2019.
62. Madankollu, is-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 53 sa 57 tagħha, indikat li r-reviżjoni ta’ dak id-dokument mill-EFSA ma kinitx tagħmel parti mill-istess proċess deċiżjonali. Il-Qorti Ġenerali osservat li kwalunkwe eżami fi ħdan l-iSCoPAFF kien intemm, u ffokat fuq il-fatt li kemm il-kontenut tad-dokument li qiegħed jiġi rrivedut kif ukoll il-metodu ta’ adozzjoni potenzjali tiegħu, inkluża l-proċedura rilevanti, kienu ferm inċerti. Peress li r-reviżjoni kienet f’tali stadju preparatorju, ma kinitx tirrifletti proċess deċiżjonali reali, iżda pjuttost tħejjijiet ta’ wieħed li kien għad irid jiġi.
63. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma indikatx biss li, fil-fehma tagħha, il-proċess deċiżjonali fir-rigward tad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 kien intemm, iżda, iktar importanti, li l-Kummissjoni ma kellhiex iktar l-għan li timplimenta dak id-dokument ta’ gwida u kienet ħadet id-deċiżjoni impliċita kontra l-implimentazzjoni tiegħu meta talbet lill-EFSA sabiex tirrevedi l-kontenut tiegħu. Fuq dik il-bażi, hija ddeċidiet li l-proċess deċiżjonali ma kienx għadu għaddej minħabba li “id-deċiżjoni” kienet ittieħdet.
64. Il-Kummissjoni tikkontesta din l-evalwazzjoni. Madankollu, l-argumenti tagħha ma naħsibx li huma konvinċenti.
65. L-ewwel, għar-raġunijiet li ġew spjegati fil-punt 32 iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-kritika ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ristretta, mill-Qorti Ġenerali, tat-termini inklużi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija infondata. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa wkoll konformi mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni aċċettat sew skont liema l-eċċezzjonijiet għal, u d-derogi minn, l-iskema ġenerali jew ir-regoli ġenerali ta’ strument legali għandhom jiġu interpretati b’mod strett (33).
66. It-tieni, ma naqbilx li l-Qorti Ġenerali rrestrinġiet il-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx” għal kwistjonijiet li jiġu sottomessi għal deliberazzjoni b’mod imminenti, u għal sitwazzjonijiet li fihom l-istituzzjoni inkwistjoni hija immedjatament mitluba tadotta abbozz ta’ att identifikabbli.
67. Ma hemm xejn fil-punti 54 sa 61 tas-sentenza appellata li jissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ deliberazzjoni imminenti fir-rigward ta’ abbozz ta’ miżura partikolari jeskludi l-eżistenza ta’ attivitajiet attwali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod ċar li proċess deċiżjonali jista’ jippersisti fuq perijodu estiż, li matulu istituzzjoni tista’ tkun qiegħda timmanuvra b’mod attiv lejn kunsens, iżda tibqa’ relattivament ’il bogħod milli tiffinalizza dak li ser eventwalment joħroġ bħala l-att jew miżura definittiva.
68. Dawn is-siltiet tas-sentenza appellata sempliċement jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju li proċess deċiżjonali jeħtieġ l-eżistenza ta’ kwistjoni speċifika li fir-rigward tagħha jkunu qegħdin iseħħu attivitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. It-tmiem tal-punt 56 tas-sentenza appellata huwa partikolarment indikattiv f’dan ir-rigward. Fih, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-inċertezza sinjifikattiva dwar il-kontenut, il-forma u ż-żmien possibbli tal-miżura riveduta, din timplika “l-assenza stess tas-suġġett ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi” (34).
69. It-tielet, ma naqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-“kwistjoni” u l-“proċess deċiżjonali” relatat abbażi ta’ kriterji żbaljati.
70. Kif imsemmi fil-punt 45 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali tippreżupponi ċertu kontenut minimu identifikabbli tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata u l-metodi possibbli għall-adozzjoni tagħha. In-nuqqas ta’ xi elementi ċentrali tal-proċess deċiżjonali huwa, fil-fehma tiegħi, partikolarment problematiku fejn miżuri speċifiċi ħafna kienu tressqu għall-adozzjoni iżda, minkejja diversi tentattivi fuq perijodu ta’ żmien twil, l-adozzjoni tagħhom ġiet finalment abbandunata.
71. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali korrettament ikkunsidrat il-kontenut u l-forma possibbli tal-miżura/miżuri proposti għall-adozzjoni bħala elementi li huma rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-preżenza, fil-każ inkwistjoni, ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma tttiħditx”.
72. Barra minn hekk, ma naqbilx li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-importanza tal-għan imfittex mill-istituzzjoni kkonċernata. Il-punt 57 tas-sentenza appellata ma jeskludix il-pertinenza ta’ tali element, iżda biss il-karattru deċiżiv tiegħu (35).
73. Huwa minnu li l-għan ta’ proċess speċifiku – ir-raison d’être tiegħu sabiex ngħidu hekk – jista’ jkun indikatur affidabbli tal-istatus quo tiegħu: meta l-għan ikun intlaħaq, il-proċess x’aktarx jintemm. Jekk le, il-proċess possibbilment ikun għadu għaddej. Madankollu, dak l-approċċ ibbażat fuq is-sens komun għandu l-limiti loġiċi tiegħu. Fil-fatt, huwa jonqos milli jagħti rendikont tal-fatt li proċess deċiżjonali jista’ wkoll jingħalaq anki jekk l-għan tiegħu ma jkunx intlaħaq, bħal meta kwistjoni partikolari tiġi abbandunata u ma tiġix segwita iktar. Kif imsemmi fl-introduzzjoni, xi pjanijiet imorru ħażin u għalhekk jistgħu jiġu sostitwiti bi pjanijiet ġodda jew, skont il-każ, ma jiġu sostitwiti xejn.
74. Dan huwa a fortiori minnu fir-rigward ta’ kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom jistgħu, iżda ma għandhomx għalfejn, jiġu adottati miżuri. Fil-fatt, dan huwa b’mod partikolari l-każ tad-dokumenti ta’ gwida taħt l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009. Din id-dispożizzjoni tiddikjara: “il-Kummissjoni tista’, skont il-proċedura konsultattiva […] tadotta jew temenda dokumenti ta’ gwida tekniċi jew oħrajn […] għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Awtorità biex tipprepara jew tikkontribwixxi għal dokumenti ta’ gwida bħal dawn” (36).
75. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, mhux biss ma naqsitx milli tikkunsidra l-għan imfittex mill-Kummissjoni, imma waslet għal din il-konklużjoni billi għamlet distinzjoni bejn l-għan wiesa’ tal-adozzjoni minn din l-istituzzjoni ta’ dokument ta’ gwida dwar in-naħal u l-għan iktar speċifiku u mmirat ta’ adozzjoni jew implimentazzjoni (kompletament jew parzjalment) tad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013 li kien ġie sottomess lill-iSCoPAFF.
76. Dan jidher li huwa konformi mad-definizzjoni tal-“kwistjoni” tal-Qorti Ġenerali fil-kawża inkwistjoni li, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, nemmen li huma raġonevoli.
77. Ir-raba’ u finalment, ma nsib ebda żball ta’ liġi ieħor fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx”.
78. Mill-bidu, għandi nistqarr li jiena nqis li t-test propost mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddefinit dan il-kunċett – jiġifieri, l-eżerċizzju attwali mill-istituzzjoni tal-kompetenza tagħha u l-għan korrispondenti tar-rikors tagħha – huwa wiesa’ wisq u vag wisq.
79. Ejja nieħdu din il-kawża bħala eżempju. Kieku l-Kummissjoni kienet korretta, sakemm ma jiġix adottat dokument ta’ gwida (fil-fatt, kwalunkwe dokument ta’ gwida) dwar in-naħal skont l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009, il-proċess deċiżjonali jitqies li għadu għaddej. Dan ikun ifisser li hemm biss proċess deċiżjonali wieħed, irrispettivament miż-żmien li jkun għadda, in-numru u n-natura tal-passi proċedurali meħuda tul iż-żmien, il-perijodi li fihom jista’ jkun li ma seħħet ebda attività, u – l-iktar sinjifikattiv – il-kontenut stess taż-żewġ dokumenti.
80. Minħabba l-importanza tiegħu, ser nieqaf ftit fuq dan l-aħħar element (il-kontenut tal-miżura prevista). Fil-fehma tiegħi, huwa awtoevidenti li żewġ dokumenti ta’ gwida dwar l-istess suġġett jistgħu, fir-rigward tal-kontenut, ikunu pjuttost differenti. Tabilħaqq, dokument ta’ gwida għandu jirrifletti l-iktar qafas regolatorju reċenti u jkun ibbażat fuq l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali (37). Minħabba t-tul tal-proċess sal-mument meta ġew adottati d-deċiżjonijiet kontenzjużi, u l-fatt li l-metodu ta’ tħejjija tad-dokument rivedut huwa differenti (38), jidher li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li d-dokument li l-ESFA kellha tirrevedi fl‑2019 jista’ jkun differenti (possibbilment b’mod sinjifikattiv) minn dak li l-istess awtorità kienet ipproduċiet fl‑2013.
81. Tali element għandu jitqies, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, li huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi legali?
82. Ma naħsibx li dan huwa l-każ. Il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi fir-risposta tagħha li “l-kontenut ta’ proposta normalment ikun il-qofol tad-dibattitu”. Tabilħaqq, insibha ferm artifiċjali li jiġi kkunsidrat li proċess deċiżjonali partikolari jista’ jibqa’ l-istess anki meta l-għan, il-proċedura u l-iskeda tiegħu jinbidlu profondament. Dan jgħodd b’mod speċjali meta, kif diġà sostnejt, istituzzjoni tiddeċiedi li tirrevoka proposta waħda u tagħmel valutazzjoni mill-ġdid.
83. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, id-domanda ewlenija f’dan il-kuntest hija din li ġejja: x’kienet il-kwistjoni (mifhuma bħala d-domanda, il-kwistjoni jew is-sitwazzjoni speċifika) li l-Kummissjoni kienet qiegħda tikkunsidra, u li fir-rigward tagħha kellha l-intenzjoni li tieħu “deċiżjoni”, u b’hekk tagħlaq il-“proċess deċiżjonali” attwali?
84. Il-Qorti Ġenerali, fuq il-bażi taċ-“ċirkustanzi partikolari tal-kawżi preżenti” (39), waslet għall-konklużjoni li l-għan tad-diskussjonijiet u n-negozjati, matul il-perijodu kollu tal‑2013 sal‑2019, kien l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni parzjali tad-Dokument ta’ Gwida tal‑2013. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, jew għall-inqas mhux ikkontestata, mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, wara proċess partikolarment twil, (i) l-eżami tal-miżura proposta għall-adozzjoni fi ħdan l-iSCoPAFF kien (definittivament) “imwaqqaf”; (ii) l-implimentazzjoni parzjali ta’ dik il-miżura permezz tal-adozzjoni ta’ miżura alternattiva kienet falliet ukoll; (iii) kienet qiegħda titħejja miżura ġdida; u (iv) f’dak l-istadju, kwalunkwe kunsiderazzjoni relatata mal-kontenut possibbli, in-natura, il-forma ta’ adozzjoni u l-proċedura li tista’ tiġi segwita għal dak il-għan kienet “ipotetika”.
85. Jiena lest naċċetta li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, sempliċi “reviżjoni” ta’ dokument li jiġi ppreżentat għall-adozzjoni hija, b’mod ġenerali, pass addizzjonali li jappartjeni għall-istess proċess deċiżjonali. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li dak li hu mmarkat bħala “reviżjoni” jista’, f’ċerti ċirkustanzi mhux tas-soltu, imur lil hinn ħafna minn sempliċi adattament, titjib jew aġġornament tad-dokument oriġinali.
86. Dan huwa dak li, skont il-Qorti Ġenerali, seħħ f’din il-kawża, fid-dawl taċ-“ċirkustanzi partikolari” msemmija iktar ’il fuq. F’dan l-isfond, ma nsibx li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dak li fil-fatt kien jikkostitwixxi l-“kwistjoni”, il-“proċess deċiżjonali” u d-“deċiżjoni” fil-każ inkwistjoni huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. B’mod partikolari, sa fejn il-Qorti Ġenerali (i) ma wettqitx żball fl-interpretazzjoni tal-kunċetti inkwistjoni, (ii) ikkunsidrat punti ta’ liġi u ta’ fatt li huma, bħala prinċipju, pertinenti għall-evalwazzjoni, u (iii) wettqet evalwazzjoni ġenerali ta’ dawk l-elementi li tidher plawżibbli, niddubita jekk huwiex xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni komprensiva ġdida f’dan ir-rigward f’dan l-appell.
87. Jekk isir dan, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja jinbidel mill-verifika tal-interpretazzjoni korretta tal-liġi u l-kwalifika legali tal-fatti għal forma ta’ stħarriġ iktar orjentata lejn il-fatti. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha teżamina, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin: il-Kummissjoni, impliċitament iżda neċessarjament, abbandunat definittivament l-adozzjoni possibbli tad-dokument kif kien previst oriġinarjament? Huwa probabbli li d-dokument rivedut jista’ jkollu relazzjoni raġonevoli ta’ affinità ma’ dak oriġinarjament propost għall-adozzjoni?
88. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nikkonkludi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
89. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi, ma tkunx teħtieġ li teżamina t-tieni aggravju sabiex tiċħad l-appell tal-Kummissjoni, peress li dan l-aggravju jkun ineffettiv. Fil-fatt, kieku d-dokumenti inkwistjoni ma kinux jappartjenu għal proċess deċiżjonali li kien għadu għaddej, l-eċċezzjoni inkwistjoni ma kienet tkun applikabbli bl-ebda mod. Għaldaqstant, jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx ħażin jew le l-kunċett ta’ jekk “serjament [idgħajjifx] il-proċess deċiżjonali ta’ l-istituzzjoni”, kif issostni l-Kummissjoni fit-tieni aggravju tagħha, ikun immaterjali u ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi tal-ewwel aggravju, ser nispjega fil-qosor għaliex jiena tal-fehma li t-tieni aggravju wkoll jista’ jiġi miċħud bħala infondat.
B. It‑tieni aggravju
90. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat jekk l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jdgħajjifx serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
91. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. It-tieni parti hija magħmula minn tliet ilmenti.
1. L‑ewwel parti
92. L-ewwel parti tat-tieni aggravju tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.
93. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ssostitwiet il-motivazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi bl-interpretazzjoni tagħha stess. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li din l-istituzzjoni ma kinitx invokat ir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, iżda biss fuq ir-Regoli Standard tal-Proċedura. Fil-fehma tagħha, din il-konstatazzjoni hija ekwivalenti għal żnaturament tal-fatti peress li timmodifika b’mod sinjifikattiv l-argumenti mressqa fid-deċiżjonijiet kontenzjużi u twassal għal motivazzjoni kontradittorja fis-sentenza appellata.
94. Bħal Pollinis France, jiena wkoll tal-fehma li l-argument tal-Kummissjoni juri fehim ħażin tas-sentenza appellata.
95. F’diversi każijiet, b’mod partikolari fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni kienet invokat l-eċċezzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa tagħhom, il-punti 85 sa 90 tas-sentenza appellata, jikkonċernaw il-mod kif il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-ħtieġa li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regoli Standard tal-Proċedura, mingħajr madankollu ma stabbiliet rabta ċara bejn dawn id-dispożizzjonijiet u dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001.
96. Abbażi ta’ dan, il-punt 90 tas-sentenza appellata, li b’mod partikolari jgħid li “[l]-Kummissjoni [ma bbażatx] ruħha fuq dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/200”, għandu jinftiehem li jirreferi għall-punti preċedenti li fihom il-Qorti Ġenerali ċċarat ir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi. Ma għandux jiġi interpretat b’mod żbaljat bħala li jfisser li l-Kummissjoni naqset għalkollox milli tinvoka r-Regolament Nru 1049/2001.
97. Fil-fatt, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-evalwazzjoni tagħha dwar jekk ir-Regoli Standard tal-Proċedura jippermettux iċ-ċaħda ta’ aċċess għal dokumenti li juru l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Din il-konklużjoni ma hijiex ibbażata fuq nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Pjuttost, hija bbażata fuq il-qari flimkien taż-żewġ settijiet ta’ regoli.
98. Għalhekk, ma nara l-ebda sostituzzjoni ta’ raġunament, u lanqas ma nsib li hemm kontradizzjonijiet f’dan ir-rigward. L-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
2. It‑tieni parti, l‑ewwel ilment
99. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li r-Regoli Standard ta’ Proċedura ma kinux japplikaw għall-iSCoPAFF peress li ma kienx adotta formalment ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
100. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa ineffettiv. Jekk ir-Regoli Standard ta’ Proċedura kinux applikabbli jew le għall-proċedura mwettqa fi ħdan l-iSCoPAFF ma huwiex rilevanti.
101. Kif iddeċidiet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali – b’repetizzjoni tal-kunsiderazzjonijiet simili żviluppati mill-Ombudsman Ewropew fid-deċiżjoni tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2019 b’risposta għall-ilment ippreżentat minn Pollinis France (40) – ir-Regoli Standard ta’ Proċedura ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jagħtu protezzjoni lid-dokumenti li tmur lil hinn minn dak previst mir-Regolament Nru 1049/2001 (41).
3. It‑tieni parti, it‑tieni lment
102. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li ċaħdet ir-rilevanza tar-regoli tal-komitoloġija fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tistqarr li r-regoli tal-komitoloġija huma rilevanti meta jiġi evalwat ir-riskju li l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreżenta għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx titbiegħed mill-ġurisprudenza eżistenti li tenfasizza l-applikabbiltà ta’ dan il-qafas legali, u lanqas tinjora l-fatt li r-regoli dwar il-kunfidenzjalità fir-Regoli Standard ta’ Proċedura jirriflettu l-importanza mogħtija lill-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fi ħdan kumitati bħall-iSCoPAFF (42).
103. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li interpretat ħażin ir-regoli tal-komitoloġija invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi. B’mod iktar speċifiku, hija ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 101 sa 107 tas-sentenza appellata naqset milli tirrikonoxxi li l-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fil-proċeduri ta’ komitoloġija, u l-informazzjoni skambjata fi ħdan il-kumitati, huma kkunsidrati bħala sensittivi taħt dawn ir-regoli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-importanza tal-kunfidenzjalità stabbiliti f’dawn ir-regoli ma għandhiex tkun limitata minn interpretazzjoni dejqa tat-terminu “diskussjonijiet tal-kumitat” fl-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(2) tar-Regoli Standard ta’ Proċedura. L-Artikolu 13(3) tagħhom jikkonferma dan il-punt – issostni l-Kummissjoni – peress li jindika li dokumenti mgħoddija lill-membri ta’ kumitat partikolari matul proċedura sħiħa huma kunfidenzjali.
104. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat ħażin il-bażi tar-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi fir-rigward tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4 TUE.
105. Pollinis France tikkontesta dawn l-ilmenti kollha.
106. Jiena ma iniex konvint mill-argumenti tal-Kummissjoni.
107. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ma injoratx ir-rilevanza tar-regoli tal-komitoloġija għall-finijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, fil-punti 100 sa 105 tas-sentenza appellata, hija eżaminat espressament ir-Regoli Standard ta’ Proċedura invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi sabiex tiddetermina n-natura tagħhom u l-impatt fuq l-aċċess għad-dokumenti taħt dan ir-regolament. Fuq din il-bażi, hija kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jirrigwardaw l-aċċess pubbliku għal dokumenti ta’ kumitati, u huma stess ma kinux jeħtieġu li tali aċċess jiġi rrifjutat taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, hija ma naqsitx milli tikkunsidra l-qafas legali li jirregola l-proċeduri ta’ komitoloġija jew li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
108. It-tieni, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx ħażin ir-Regoli Standard tal-Proċedura invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, l-argumenti tal-Kummissjoni jidhru li jimplikaw li ċerti dokumenti, bħalma huma dawk relatati mal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri espressi waqt il-proċeduri tal-kumitati, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2) tar-Regoli ta’ Standard Proċedura, għandhom essenzjalment igawdu minn preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar fid-dawl tal-kunfidenzjalità msemmija fid-dispożizzjonijiet iċċitati.
109. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, jekk istituzzjoni tal-Unjoni tiddeċiedi li tirrifjuta li tagħti aċċess għal dokument ibbażat fuq waħda mill-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 – kif jidher f’dan il-każ – hija għandha tispjega kif l-aċċess għal dak id-dokument jista’ speċifikament u effettivament idgħajjef l-interess protett minn dik l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju li l-interess jiddgħajjef għandu jkun raġonevolment prevedibbli u ma għandux ikun purament ipotetiku (43). Madankollu, f’ċerti każijiet, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jiddependu fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar sabiex jirrifjutaw tali aċċess (44).
110. Madankollu, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali fir-rigward ta’ kategorija ta’ dokumenti jippreżupponi li l-ewwel intwera li huwa raġonevolment prevedibbli li l-iżvelar tat-tip ta’ dokument li jaqa’ taħt din il-kategorija fil-fatt ikun jista’ jdgħajjef l-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, peress li l-preżunzjonijiet ġenerali jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regoli tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata li twettaq eżami speċifiku u individwali ta’ kull dokument li jkun suġġett għal talba għal aċċess u, barra minn hekk, għall-prinċipju li l-pubbliku għandu jkollu l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu interpretati u applikat b’mod strett (45).
111. Għaldaqstant, il-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fil-proċeduri ta’ komitoloġija ma humiex koperti mill-kategoriji ta’ dokumenti li jgawdu minn preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 13 tar-Regoli Standard ta’ Proċedura, meta kkunsidrat fl-intier tiegħu, jistabbilixxi li t-talbiet għal aċċess għad-dokumenti tal-kumitat għandhom jiġu ttrattati skont ir-Regolament Nru 1049/2001, u li n-natura tad-diskussjonijiet jew tad-dokumenti tal-kumitat ppreżentati, inter alia lill-membri tal-kumitat, tibqa’ kunfidenzjali sakemm ma jingħatax aċċess għal dawn id-dokumenti mill-Kummissjoni. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-kliem tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 182/2011 li, wara li stabbilixxa l-prinċipji li skonthom il-kumitati jadottaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom, iżid li “[l]-prinċipji u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti […] applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati”.
112. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kienet fid-dritt tagħha li tqis li r-Regoli Standard ta’ Proċedura invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi ma eskludewx id-dokumenti mitluba mill-portata tar-Regolament Nru 1049/2001. Għal din ir-raġuni, din l-istituzzjoni kellha tispjega kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien idgħajjef l-interess protett mill-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. Dik il-konstatazzjoni tibqa’ l-istess anki kieku t-terminu “diskussjonijiet tal-kumitat” fl-Artikolu 13(2) tar-Regoli Standard ta’ Proċedura jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jinkludi stadji ta’ proċedura ta’ komitoloġija minbarra l-fażi finali li matulha jsiru d-diskussjonijiet.
113. It-tielet, mill-punti 111 sa 113 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatt li r-referenza għall-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka fid-deċiżjonijiet kontenzjużi kienet tikkonċerna lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Fil-fatt, hija kkunsidrat dan espressament fl-evalwazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-osservazzjonijiet f’dawn il-punti huma bbażati fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tipprovdi l-ispjegazzjonijiet li jistgħu juru kif dawn il-prinċipji jiġu ppreġudikati mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma ntlaħqux fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (46).
114. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni lment tat-tieni parti għandu jiġi miċħud bħala infondat.
4. It‑tieni parti, it‑tielet ilment
115. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tagħha, eżaminat b’mod iżolat id-diversi raġunijiet li din l-istituzzjoni kienet invokat fid-deċiżjonijiet kontenzjużi. Din is-separazzjoni kienet artifiċjali u rriżultat f’distorsjoni tal-argumenti tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-qsim tal-valutazzjoni fi tliet taqsimiet separati fisser li argumenti interrelatati li appoġġjaw it-talbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riskji tal-iżvelar ma ġewx ikkunsidrati kif xieraq.
116. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni żbaljata bejn il-pressjonijiet esterni eżerċitati fuq il-Kummissjoni u dawk eżerċitati fuq l-Istati Membri. Din id-distinzjoni, skont il-Kummissjoni, kienet difettuża minħabba li naqset milli tirrikonoxxi li t-tnejn jipparteċipaw fi proċess deċiżjonali uniku fil-qafas tal-proċeduri tal-komitoloġija. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-terminu “kumitati permanenti” fid-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jinkludi l-iSCoPAFF. Għalhekk żbaljat meta ddeċidiet li r-referenza għal pressjonijiet esterni fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tikkonċerna l-proċess deċiżjonali fl-iSCoPAFF.
117. Finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 119 u 130 tas-sentenza appellata, applikat standard legali żbaljat skont liema, il-Kummissjoni kienet obbligata tistabbilixxi fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-ewwel, li n-nuqqas tal-proċess deċiżjonali li jilħaq l-għan tiegħu kien dovut għal pressjonijiet esterni u, it-tieni, li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba kien jippermetti li dak il-proċess jilħaq l-għan tiegħu. Il-Kummissjoni tistqarr li l-istandard applikabbli jeħtieġ biss li turi riskju raġonevolment prevedibbli li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tkun sostanzjalment affettwata minn din il-pressjoni esterna.
118. L-argumenti tal-Kummissjoni ma humiex konvinċenti.
119. Fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha “essenzjalment, fuq grupp ta’ tliet raġunijiet marbuta sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001” (47). Dawk ir-raġunijiet huma deskritti kif ġej:
“Skont il-Kummissjoni, l-ewwel, il-proċeduri ta’ komitoloġija jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. It-tieni, l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri skambjati f’kuntest ta’ kunfidenzjalità jikkomprometti l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. […] It-tielet, il-Kummissjoni kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna li ġejja minn diversi partijiet ikkonċernati li għandhom interessi kontradittorji, b’tali mod li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jesponi proċess deċiżjonali twil u kumpless għal iktar pressjoni esterna. L-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra u l-flessibbiltà tal-Istati Membri, li għandhom ikunu liberi li jesploraw, mingħajr pressjoni esterna, l-għażliet kollha fi ħdan il-kumitati permanenti”.
120. Barra minn hekk, fil-punt 110 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni kienet enfasizzat li “l-elementi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu kkunsidrati mhux individwalment, iżda meħuda flimkien”.
121. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tevalwax dawn il-motivi kompletament iżolati minn xulxin (48). L-eżami separat ta’ dawn il-motivi relatati jidher li sempliċement iwieġeb għal loġika ta’ evalwazzjoni ordnata tal-argumenti tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, jidhirli li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li, fis-sentenza appellata, l-argumenti tagħha kienu żnaturati tidher li hija infondata.
122. F’dan il-kuntest, inżid ukoll li, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni naqset milli tispjega sew kif il-metodu ta’ eżami tal-Qorti Ġenerali, kieku kkunsidrat it-tliet motivi relatati flimkien, kien iwassal għal riżultat differenti. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali, f’kull stadju, tiffoka fuq eżami ta’ jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu tagħha li turi b’mod adegwat – fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedimenti tal-ewwel istanza – riskju li l-proċess deċiżjonali jiddgħajjef serjament fid-dawl tar-raġunijiet speċifiċi invokati u l-evidenza rilevanti mressqa (49).
123. Barra minn hekk, l-argument li s-sentenza appellata injorat fatturi rilevanti f’dan il-kuntest lanqas ma huwa konvinċenti.
124. L-ewwel, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod konsistenti li pressjoni esterna tista’ tikkostitwixxi raġuni leġittima sabiex l-aċċess għad-dokumenti jiġi ristrett (50).
125. Jiena naqbel ma’ dan. Madankollu, għandha tingħata evidenza li turi li hemm riskju raġonevolment prevedibbli li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata sostanzjalment minħabba tali pressjonijiet esterni. L-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 129 u 134 tas-sentenza appellata jindirizzaw in-nuqqas ta’ evidenza pprovduta sabiex issostni l-allegazzjoni li pressjoni esterna taffettwa l-proċess deċiżjonali. Il-konstatazzjonijiet tagħha ma kinux ibbażati fuq jekk il-pressjoni esterna inkwistjoni kinitx diretta lejn il-Kummissjoni jew lejn l-Istati Membri separatament. Minflok, huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ evidenza li tippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn il-pressjoni esterna u l-ħsara potenzjali kkawżata mill-iżvelar. F’dan ir-rigward, lanqas ma nara xi fattur rilevanti addizzjonali li l-Qorti Ġenerali setgħet injoratu fl-analiżi tagħha u li, jekk ttieħed inkunsiderazzjoni, kien ipoġġi f’dubju l-konklużjoni milħuqa fil-punt 136 tas-sentenza appellata.
126. B’mod simili, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi rreferewx speċifikament għall-proċess deċiżjonali fl-iSCoPAFF jew b’mod iktar ġenerali għall-“kumitati permanenti”, sabiex jikkonkludu li dawn id-deċiżjonijiet ma kellhomx l-evidenza meħtieġa tar-riskji invokati mill-Kummissjoni. Irrispettivament minn jekk it-terminu “kumitati permanenti” jinkludix l-iSCoPAFF jew le, id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kien fihom ebda evidenza konkreta speċifikament marbuta mal-proċess deċiżjonali inkwistjoni.
127. Finalment, il-Qorti Ġenerali ma applikatx l-istandard/standard legali żbaljat fir-rigward tal-eċċezzjoni inkwistjoni. Jiena jidhirli li l-Kummissjoni qiegħda taqra l-punti 119 u 130 tas-sentenza appellata barra mill-kuntest. Dawn is-siltiet jirreferu għall-fatt li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni, li dam għaddej għal diversi snin, kien naqas milli jilħaq l-għan allegat tiegħu, minkejja t-trattament kunfidenzjali mogħti lid-dokumenti inkwistjoni. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxiet ebda standard taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, iżda sempliċement evalwat il-valur probatorju ta’ ċerti elementi fattwali allegati mill-Kummissjoni.
128. Bħala konklużjoni, f’dawk il-punti, il-Qorti Ġenerali ma tbegħditx mir-rekwiżit stabbilit sew li għandha tingħata evidenza sabiex turi li hemm riskju raġonevolment prevedibbli li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata b’mod sostanzjali minħabba l-pressjoni esterna. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa dan l-istandard legali.
129. Għaldaqstant, it-tielet ilment tat-tieni parti għandu jiġi miċħud bħala infondat ukoll u, miegħu, l-appell kollu.
VII. Spejjeż
130. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.
131. Peress li Pollinis France talbet għall-ispejjeż u peress li l-Kummissjoni tilfet, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura ta’ appell.
VIII. Konklużjoni
132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Kif kiteb Robert Burns fil-poeżija tiegħu tal‑1785 “To a Mouse” (“Lil Ġurdien”): “The best laid schemes o’ Mice an’ Men / Gang aft agley” (“The best laid plans of mice and men / Often go awry”) (“L-aqwa pjanijiet tal-ġrieden u tal-bnedmin / Spiss jisfaxxaw”) [traduzzjoni libera].
3 Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2022 (T‑371/20 u T‑554/20, EU:T:2022:556) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
4 Organizzazzjoni mhux governattiva Franċiża li l-attivitajiet tagħha jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, il-protezzjoni tan-naħal.
5 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
6 ĠU 2011, L 55, p. 13.
7 ĠU 2011 C 206, p. 11 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Standard ta’ Proċedura”).
8 Regolament tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 127).
9 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).
10 Ara, pereżempju, Sager (Daniż), Angelegenheit (Ġermaniż), θέμα (Grieg), asunto (Spanjol), question (Franċiż), pitanje (Kroat), questione (Taljan), klausimas (Litwan), kwistjoni (Malti), spraw (Pollakk), chestiune (Rumen), zadevo (Sloven) u fråga (Svediż).
11 Enfasi miżjuda minni. Xi verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħaċ-Ċek, l-Ungeriż u l-Malti wkoll jużaw l-istess terminu fiż-żewġ dispożizzjonijiet.
12 Ara, inter alia, l-Artikolu 3 fil-verżjonijiet bid-Daniż (Emner), Ġermaniż (Sachverhalt), Spanjol (temas), Franċiż (matière), Taljan (aspetti), Pollakk (kwestii), Rumen (subiect) u Sloven (vprašanju) tar-regolament. Għandu jintqal ukoll illi ebda terminu li jikkorrispondi għal “kwistjoni” ma jidher f’xi verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, bħall-Grieg, Finlandiż, Litwan u Svediż.
13 Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 10 hawn fuq.
14 Dan il-prinċipju huwa espress ukoll fl-Artikolu 10(3) TUE, l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 298(1) TFUE.
15 Dritt li jinsab ukoll minqux fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
16 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Breyer vs REA (C‑135/22 P, EU:C:2023:640, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’referenza speċifika għall-eċċezzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-regolament, ara inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kunsill vs Pech (C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punti 73 sa 77).
18 Ibid., punti 75 sa 77.
19 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża De Masi u Varoufakis vs BĊE (C‑342/19 P, EU:C:2020:549, punti 81 sa 84).
20 Ara, f’dan is-sens, il-premessi 6 u 11 tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan il-kuntest, ara wkoll il-punt 60 tas-sentenza appellata.
21 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑851/16, EU:T:2018:69, punti 90 sa 94).
22 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2023, De Capitani vs Il‑Kunsill (T‑163/21, EU:T:2023:15, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni (T‑144/05, EU:T:2008:596, punt 80).
23 Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2016:540, punti 75 sa 77).
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2016:778, punti 60 u 76).
25 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża De Masi u Varoufakis vs BĊE (C‑342/19 P, EU:C:2020:549, punti 85 u 86).
26 Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, (T‑471/08, EU:T:2011:252, punti 3 sa 12 u 73 sa 76).
27 Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, (T‑51/15, EU:T:2016:519, punti 26 u 27).
28 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 86). Ara wkoll, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 77 u 78).
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punti 92 sa 112). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2017:909, punt 68).
30 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 87).
31 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 74 sa 77).
32 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet International vs EMA (C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 126 u 127).
33 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punti 119 u 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Enfasi miżjuda minni.
35 Dan il-punt jgħid: “[…] anki jekk jitqies li tali għan huwa kkonfermat, dan bl-ebda mod ma jimplika, fih innifsu, li proċess deċiżjonali li għandu tali dokument bħala suġġett kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi”. Enfasi miżjuda minni.
36 Enfasi miżjuda minni.
37 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Għal dan il-għan, ara wkoll il-punt 57 tas-sentenza appellata.
38 Ara l-punt 53 tas-sentenza appellata: “il-Kummissjoni [...] indikat li hija [talbet lill-EFSA] sabiex tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perspettivi kollha, li għandu jippermetti aċċettazzjoni rapida tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal Rivedut”.
39 Ara l-punt 59 tas-sentenza appellata.
40 Deċiżjoni fil-kawża 2142/2018/EWM dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar dokument ta’ gwida li jikkonċerna l-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi fuq in-naħal. Ara, b’mod speċjali, il-punti 13, 14, 21, 34 u 35 tagħha.
41 Ara, b’mod speċjali, il-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata.
42 Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, ViaSat vs Il‑Kummissjoni (T‑649/17, EU:T:2020:235).
43 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kunsill vs Pech (C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Għal ħarsa ġenerali lejn dawn il-każijiet, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ibid. punt 80.
46 Ara, b’mod partikolari, il-punt 113 tas-sentenza appellata.
47 Enfasi miżjuda minni.
48 Ara, pereżempju, il-punt 111 tagħha.
49 Ara, b’mod partikolari, il-punti 91, 106, 111, 114, 119, 126, u 129 tas-sentenza appellata.
50 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2023, De Capitani vs Il‑Kunsill (T‑163/21, EU:T:2023:15, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).