Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0677

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2024.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:447

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑30 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C677/22

Przedsiębiorstwo Produkcyjno Handlowo - Usługowe A.

vs

P. S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali – Artikolu 3 – Tranżazzjonijiet bejn impriżi – Artikolu 3(5) – Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li t-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is‑60 jum kalendarju, ‘sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt’ – Kuntratti konklużi wara bejgħ bl-irkant jew sejħa għal offerti – Klawżola kuntrattwali li tistipula terminu għall-ħlas ta’ 120 jum kalendarju stabbilit unilateralment minn waħda mill-partijiet kontraenti”






I.      Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (2), li għandha l-għan li tiġġieled il-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali, tipprevedi fl-Artikolu 3(5) tagħha li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is-60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx “miftiehem” mod ieħor “b’mod espliċitu” b’kuntratt u sakemm dan ma jikkostitwixxix abbuż manifest fil-konfront tal-kreditur skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

2.        Fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi bejn impriżi, terminu għall-ħlas li jaqbeż is-60 jum kalendarju mid-data tal-kunsinna tal-fattura lid-debitur, stabbilit unilateralment minn waħda mill-partijiet kontraenti, jista’ jitqies li kien “miftiehem […] b’mod espliċitu” fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice).

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Przedsiębiorstwo Produkcyjno – Handlowo – Usługowe A., kumpannija b’responsabbiltà limitata fil-qasam tal-produzzjoni ta’ tagħmir użat għax-xogħol fil-minjieri (iktar ’il quddiem “A.” jew ir-“rikorrenti”), u P. S.A., kumpannija b’kapital azzjonarju fil-qasam tal-estrazzjoni u l-bejgħ tal-faħam (iktar ’il quddiem “P.” jew il-“konvenuta”), dwar talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji ta’ fatturi mhux imħallsa fid-data tal-iskadenza, minn P., fir-rigward tal-kuntratti konklużi bejn dawn il-kumpanniji u, b’mod iktar speċifiku, dwar il-validità ta’ terminu għall-ħlas ta’ 120 jum previst f’klawżola kuntrattwali fformulata bil-quddiem minn P.

4.        Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kunċett ta’ “indikazzjoni espliċita” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkoprix l-aċċettazzjoni ta’ terminu għall-ħlas li jirriżulta mill-użu ta’ dokumenti stabbiliti esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti, bħal mudelli ta’ kuntratti standard jew ta’ “kuntratti ta’ adeżjoni” li jipprevedu termini għall-ħlas li jaqbżu s-60 jum kalendarju permezz ta’ kundizzjonijiet ġenerali.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        Skont il-premessi 12, 13 u 28 tad-Direttiva 2011/7:

“(12)      Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ mgħax jew l-ebda mgħax u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

(13)      Għaldaqstant, għandu jiġi previst li l-perjodi ta’ ħlas ta’ kuntratti bejn negozju u ieħor, bħala regola ġenerali, jiġu limitati għal 60 jum kalendarju. Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn l-intrapriżi jirrikjedu perjodi ta’ ħlas aktar estensivi, pereżempju meta l-intrapriżi jixtiequ jagħtu kreditu kummerċjali lill-klijenti tagħhom. Għandu għalhekk jibqa’ possibbli li l-partijiet jiftehmu espliċitament dwar perjodi ta’ ħlas itwal minn 60 jum kalendarju, sakemm, madankollu, estensjoni ta’ dan it-tip ma tkunx inġusta għall-aħħar għall-kreditur.

[…]

(28)      Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà tal-kuntratti għall-iżvantaġġ tal-kreditur. Bħala riżultat, meta kondizzjoni f’kuntratt jew prassi relatat mad-data jew il-perjodu għall-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunx ġustifikat fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet mogħtija lid-debitur, jew iservi prinċipalment għall-għan li jikseb liwidità addizzjonali għad-debitur għad-detriment tal-kreditur, jista’ jitqies li jikkostitwixxi abbuż ta’ dan it-tip. […]”

6.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs)].

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

[…]”

7.        L-Artikolu 2 tal-imsemmija id-Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

2)      ‘awtorità pubblika’ tfisser kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE [(3)] [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali] u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE [(4)] [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi], indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt;

3)      ‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda;

4)      ‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;

5)      ‘imgħax għal ħlas tard’ tfisser imgħax statutorju għal ħlas tard jew imgħax b’rata miftehma bejn l-intrapriżi, soġġett għall-Artikolu 7;

6)      ‘imgħax statutorju għal ħlas tard’ tfisser imgħax sempliċi għal ħlas tard b’rata li hija ekwivalenti għas-somma tar-rata ta’ referenza u mill-inqas tmien punti perċentwali;

[…]”

8.        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 3 u 5 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

a)      il-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; kif ukoll

b)      il-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin u d-debitur ikun responsabbli għad-dewmien.

[…]

3.      Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

a)      li l-kreditur hu intitolat għal imgħax għall-ħlas tard mill-għada tad-data jew it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt;

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is‑60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.”

9.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, huwa, fil-paragrafu 1 tiegħu, ifformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali [...] ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard [...]jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

[…]

c)      jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5)[…]”

B.      Iddritt Pollakk

10.      L-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi Intiża sabiex Tiġġieled id-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat‑8 ta’ Marzu 2013 (5) li ttrasponiet id-Direttiva 2011/7 fid-dritt Pollakk, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013”), tipprovdi, fl-Artikolu 5 tagħha:

“Meta l-partijiet fi tranżazzjoni kummerċjali, bl-esklużjoni tal-entitajiet pubbliċi tas-settur mediku […], ikunu pprevedew fil-kuntratt terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 30 jum, il-kreditur jista’ jitlob interessi legali mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 30 jum, ikkalkolat mid-data tal-eżekuzzjoni tal-provvista tiegħu u tal-għoti lid-debitur ta’ fattura jew ta’ nota li tikkonferma l-kunsinna ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz, sad-data tal-ħlas, iżda din it-talba għal interessi legali ma tistax tikkonċerna perijodu li jmur lil hinn mid-data tal-eżekuzzjoni tal-ħlas.”

11.      L-Artikolu 7 tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur għandu d-dritt li jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi legali relatati mad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq interessi ogħla, għall-perijodu dekorribbli mill-jum li fih il-ħlas isir dovut sal-jum tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti kumulattivament:

1)      il-kreditur ikun wettaq is-servizz tiegħu;

2)      il-kreditur ma jkunx irċieva l-ħlas fit-terminu stabbilit fil-kuntratt.

2.      It-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jistax jaqbeż 60 jum mid-data tal-għoti lid-debitur tal-fattura jew tan-nota li tikkonferma l-kunsinna tal-oġġett jew il-provvista tas-servizz, sakemm ma jkunx espressament stipulat mod ieħor fil-kuntratt mill-partijiet u sakemm din l-istipulazzjoni ma tikkostitwixxix abbuż manifest fil-konfront tal-kreditur.

3.      Meta t-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ikun itwal minn 60 jum mid-data tal-għoti lid-debitur tal-fattura jew tan-nota li tikkonferma l-kunsinna tal-oġġett jew il-provvista tas-servizz u l-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tkunx issodisfatta, il-kreditur li jkun wettaq is-servizz tiegħu għandu dritt, mal-iskadenza tat-terminu ta’ 60 jum, għall-interessi msemmija fil-paragrafu 1.”

12.      L-Artikolu 11b ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-interessi legali fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, għandha tiġi applikata r-rata ta’ referenza tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja fis-seħħ:

1)      fl‑1 ta’ Jannar – għall-interessi dovuti għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sat‑30 ta’ Ġunju;

2)      fl‑1 ta’ Lulju – għall-interessi dovuti għall-perijodu mill‑1 ta’ Lulju sal‑31 ta’ Diċembru.”

III. Ilkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda tilwima bejn il-kumpannija A., kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Pollakk, li teżerċita attività ekonomika, b’mod partikolari, fil-qasam tal-produzzjoni ta’ tagħmir elettroniku użat għax-xogħol fil-minjieri, u l-kumpannija P., kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt Pollakk – waħda mill-ikbar kumpanniji tal-minjieri fl-Ewropa, li l-attività ekonomika tagħha tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-estrazzjoni u l-bejgħ ta’ faħam.

14.      Matul is-snin 2018 u 2019, P. ikkonkludiet ma’ A. diversi kuntratti ta’ provvista ta’ tagħmir użat għax-xogħol fil-minjieri (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”). Uħud minn dawn il-kuntratti ġew konklużi wara bejgħ bl-irkant (fil-forma ta’ rkant “spot”) organizzat fuq sit internet amministrat minn P. li fih kienet ippubblikata l-informazzjoni dwar is-suq ikkonċernat kif ukoll dwar il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tiegħu. Il-parteċipazzjoni fl-irkant li seħħ f’forma elettronika kienet timplika għalhekk l-aċċettazzjoni ta’ dawn il-modalitajiet. Kuntratti oħra ġew konklużi wara sejħa għal offerti, pubblika jew mhux pubblika, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti unilateralment fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ippreparati minn P. Dan id-dokument tfassal b’mod awtonomu minn din l-aħħar kumpannija mingħajr ma A. kellha xi influwenza fuq il-kontenut tiegħu. Sabiex tikkontesta dawn il-kundizzjonijiet, A. kellha l-possibbiltà li tippreżenta rikors (6), ħaġa li hija ma għamlitx f’dan il-każ.

15.      Fil-każ tal-irkant bħal fil-każ tas-sejħa għal offerti, it-terminu għall-ħlas ġie stabbilit minn P. għal 120 jum mid-data li fiha hija kienet tirċievi l-fattura, mingħajr il-possibbiltà għall-parti l-oħra li tbiddel dan it-terminu għall-ħlas. Il-kuntratti inkwistjoni setgħu jiġu konklużi biss wara li A. aċċettat il-kundizzjonijiet iddefiniti minn P., inkluż dawk tat-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum mid-data li fiha P. tirċievi l-fattura (7).

16.      Għalhekk, iż-żewġ partijiet ikkonkludew sensiela ta’ kuntratti li ġew eżegwiti minn A. u li għalihom din tal-aħħar bagħtet fatturi parzjali lil P., li ħallset 354 fattura maħruġa minn A. f’terminu ta’ 120 sa 122 jum mid-data meta ġew irċevuti l-fatturi. Sussegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-ħlas kien sar wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’120 jum prevista mill-kuntratti inkwistjoni, A. bagħtet lil P. nota ta’ kontabbiltà sommarja li tinkludi, minbarra l-ammonti prinċipali tad-djun, l-ammonti dovuti bħala interessi moratorji u ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa (f’dan il-każ, EUR 40 għal kull fattura).

17.      Fl‑31 ta’ Diċembru 2021, permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem is-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, A. ressqet azzjoni intiża għall-ħlas minn P. ta’ ammont ta’ 13 702.99 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 2 985), flimkien mal-interessi moratorji legali li akkumulaw fil-perijodu ta’ bejn il-preżentata tar-rikors u d-data tal-ħlas, kif ukoll, fl-ammont ta’ PLN 4 473.04 (madwar EUR 975) għal kumpens tal-ispejjeż tal-irkupru tad-djun. Għall-perijodu bejn il‑31 u s‑60 jum wara l-ħruġ tal-fattura, ir-rikorrenti kkalkolat l-interessi moratorji b’rata mnaqqsa skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013. Min-naħa l-oħra, għall-perijodu mill‑61 jum sad-data tal-ħlas, hija kkalkolat dawn l-interessi b’rata ogħla konformement mal-Artikolu 7 ta’ din il-liġi.

18.      Insostenn tat-talba tagħha għal interessi bbażata fuq l-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi, A. sostniet li hija kellha d-dritt tikkalkola l-interessi b’dan il-mod, peress li t-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum ma kienx ġie nnegozjat mill-partijiet iżda impost unilateralment minn P. fil-mudell ta’ kuntratt anness mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ippubblikat (8).

19.      Fis‑26 ta’ Jannar 2022, ir-referendarz sądowy (ir-Reġistratur, il-Polonja) tal-qorti tar-rinviju ħareġ ordni ta’ ħlas li tilqa’ t-talba ta’ A. fl-intier tagħha.

20.      P. ippreżentat rikors parzjali kontra din l-ordni, fejn ikkontestat b’mod partikolari l-parti tal-interessi kkalkolata skont l-Artikolu 7 tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013. Insostenn tar-rikors tagħha, hija kkontestat li t-terminu għall-ħlas tal-fatturi kellu jkun ta’ 60 jum u ssostniet li l-fatturi kienu tħallsu fl-iskadenza tagħhom, mingħajr dewmien, b’tali mod li r-rikorrenti ma kellhiex dritt għal ebda kumpens bħala spejjeż ta’ rkupru. Fil-fatt, skont P., A. aċċettat it-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum u l-fatturi li hija ħarġet kienu jsemmu wkoll dan it-terminu għall-ħlas. Fid-dawl tal-fatt li A. kienet ħadet konjizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u sussegwentement hija stess issottomettiet lil P., fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, offerti li fihom hija kienet tipprevedi terminu ta’ ħlas ta’ 120 jum u li, wara li ntgħażlet, hija kkonkludiet diversi kuntratti li fihom ikkonfermat dan it-terminu mingħajr ma kkontestat l-istipulazzjonijiet f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-partijiet ftehmu dwar terminu ta’ ħlas estiż. P. affermat ukoll li kkonkludiet, bħala bejjiegħ, diversi kuntratti ta’ provvista b’kundizzjonijiet finanzjarji identiċi, matul is-snin 2018 sa 2020, b’tali mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li t-terminu indikat jippreġudika lill-kreditur, peress li r-rikorrenti kienet ċerta li tbigħ is-servizzi tagħha, li tirċievi dħul u li żżomm likwidità (9).

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk it-terminu għall-ħlas previst fil-kuntratti inkwistjoni , li jaqbeż 60 jum mid-data tal-għoti tal-fattura lid-debitur, ġiex stabbilit b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2) tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013, li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Pollakk l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7.

22.      F’dan ir-rigward, din il-qorti hija inklinata b’mod partikolari sabiex tikkunsidra li l-kuntratti li l-klawżoli tagħhom huma ddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet la jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni, jiġifieri l-“indikazzjoni espliċita”, fil-kuntratt, ta’ terminu ta’ ħlas li jaqbeż 60 jum (10), u lanqas it-tieni kundizzjoni, jiġifieri li terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt li jaqbeż 60 jum ma għandux jikkostitwixxi abbuż manifest fir-rigward tal-kreditur (11).

23.      Huwa f’dan il-kuntest li s-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva [2011/7/UE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni espliċita, min-naħa ta’ impriżi, ta’ terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum tista’ tikkonċerna biss kuntratti li l-klawżoli tagħhom ma jkunux iddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti?”

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn P., mill-Gvern Pollakk u dak Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lammissibbiltà taddomanda preliminari

25.      Qabel ma tibda l-analiżi tal-unika domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.

26.      Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma hijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li d-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju ser tagħti tiddependi wkoll minn kwistjoni oħra, li ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u li dik il-qorti għadha ma ddeċidietx dwarha, jiġifieri jekk it-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratti inkwistjoni, li jmur lil hinn mit-terminu ġenerali ta’ 60 jum, ikunx “[inġust] għall-aħħar għall-kreditur”.

27.      Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Għalhekk, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (12).

28.      Issa, f’dan il-każ, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrispondi b’mod ċar għal bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni effettiva tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-domanda dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà, għall-partijiet kontraenti, li jiftiehmu espliċitament dwar termini ta’ ħlas ta’ iktar minn 60 jum biss f’ każijiet ta’ kuntratti li l-klawżoli tagħhom ma humiex iddefiniti minn waħda mill-partijiet kontraenti, hija neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Il-fatt li, għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija ser tagħti, din il-qorti ser ikollha, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi kwistjonijiet oħra li hija ma ttrattatx fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jfissirx li d-domanda preliminari ma tibqax rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

29.      Għaldaqstant, inqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq ilmertu

30.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġi konkluż kuntratt bejn impriżi, l-aċċettazzjoni ta’ terminu għall-ħlas li jirriżulta mill-użu ta’ dokumenti mfassla unilateralment mid-debitur tistax tiġi assimilata ma’ “indikazzjoni espliċita”, jew jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tinftiehem fis-sens li dan il-kunċett jikkonċerna biss il-kuntratti nnegozjati individwalment mill-partijiet, fejn terminu ta’ ħlas ta’ iktar minn 60 jum jista’ jiġi miftiehem biss f’kuntratti ta’ dan it-tip.

1.      Fuq iddispożizzjonijiet applikabbli f’dan ilkaż

31.      L-analiżi ġuridika tad-domanda preliminari ppreżentata mill-qorti tar-rinviju teħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, li jsiru, minn qabel, xi osservazzjonijiet fir-rigward ta d-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7 li huma applikabbli f’dan il-każ.

32.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li skont l-Artikolu 1(2) tagħha, id-Direttiva 2011/7 tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal “transazzjonijiet kummerċjali” u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett huwa ddefinit, b’mod wiesa’, fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”. Għalhekk, din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “transazzjoni kummerċjali”. L-ewwel nett, din għandha ssir jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi, u, it-tieni nett, hija għandha twassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (13).

33.      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-tieni kundizzjoni hija ssodisfatta. Fil-fatt, A. pprovdiet inkontestabbilment merkanzija lil P. (jiġifieri, “tagħmir ta’ awtomatizzazzjoni u ta’ kontroll tal-makkinarji użati minn P. sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tal-installazzjoni tal-minjieri u l-kontinwità tal-funzjonament tal-makkinarji”) bħala korrispettiv għal remunerazzjoni speċifika.

34.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, ma jistax, prima facie, jiġi ekluż li wħud mill-kuntratti inkwistjoni, b’mod partikolari dawk li ġew konklużi wara s-sejħa għal offerti pubblika, jiġu kklassifikati bħala tranżazzjonijiet bejn “impriża” (jiġifieri A.) u “awtorità pubblika” (jiġifieri P.). Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn naħa, it-Teżor Pubbliku Pollakk huwa l-uniku azzjonist ta’ P. u, min-naħa l-oħra, l-attività ekonomika ta’ P. hija l-estrazzjoni minerarja, attività li tista’ tiġi assimilata mal-attività li tikkonsisti fl-“esplorazzjoni għal, jew estrazzjoni ta’, faħam u karburanti solidi oħra” fis-sens tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2014/25/UE (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE.

35.      Issa, tali klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn it-tranżazzjonijiet hija determinanti f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 2011/17, peress li t-tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi ma humiex suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 tagħha (intitolat “      Transazzjonijiet bejn intrapriżi”) iżda għal dawk tal-Artikolu 4 tagħha (intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”), li jipprevedi kundizzjonijiet iktar stretti kemm, għall-osservanza tat-termini għall-ħlas (15) kif ukoll għall-possibbiltà li jiġu stipulati kuntrattwalment b’mod espress termini għall-ħlas itwal (16), kwistjoni ċentrali f’dan il-każ.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal informazzjoni sabiex l-istess qorti tar-rinviju tiċċara l-istatus ġuridiku ta’ P.

37.      Fir-risposta tagħha li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju kkonfermat, abbażi tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, li P. kellha titqies bħala “intrapriża” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2011/7 u mhux bħala li taġixxi bħala “awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tagħha. Fil-fehma tagħha, minkejja li t-Teżor Pubbliku Pollakk huwa l-uniku azzjonist ta’ P., din l-impriża nħolqot prinċipalment sabiex tagħmel profitt mid-depożiti minerali tagħha u mhux sabiex tissodisfa bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali.

38.      Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, li l-evalwazzjonijiet fattwali marbuta ma’ klassifikazzjoni ġuridika ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu kkontestati mill-Qorti tal-Ġustizzja (17), nipproponi li tiġi eskluża eventwali formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda preliminari sabiex jiġi inkluż fiha wkoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 u li b’hekk tiġi analizzata d-domanda preliminari kif ifformulata minn dik il-qorti.

2.      Fuq iddomanda preliminari

39.      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 ma jinkludix definizzjoni jew preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt”, u lanqas ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali kunċett għandu jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Tali interpretazzjoni għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem ta’ din id- dispożizzjoni, il-kuntest li tinsab fih u l-għanijiet li hija ssegwi, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (18).

a)      Fuq l-interpretazzjoni testwali

40.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju (19), din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-validità ta’ terminu għall-ħlas miftiehem li jaqbeż 60 jum kalendarju għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri kundizzjoni formali (dan it-terminu għandu jkun “miftiehem […] b’mod espliċitu fil-kuntratt”) u kundizzjoni sostantiva (li dan “ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7”).

41.      Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din ma tirregolax direttament il-kwistjoni dwar jekk “indikazzjoni espliċita” tistax tidher f’kuntratti li l-kontenut tagħhom ikun ġie mfassal unilateralment minn waħda mill-partijiet. Fil-fatt, il-kundizzjoni formali marbuta ma’ “indikazzjoni espliċita” (fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7), jew ma’ “ftehim b’mod espliċitu” (fis-sens tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva) (20), tagħmel referenza mhux għall-mod kif il-kuntratt ġie miftiehem (21), iżda, għall-kuntrarju, għar-rekwiżit li dan il-kuntratt għandu jirriżulta “b’mod espliċitu” mill-klawżola dwar it-terminu għall-ħlas, jiġifieri b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kontraenti għandhom għarfien sħiħ mingħajr ma jkollhom jiddeduċu estensjoni eventwali tat-terminu għall-ħlas tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra jew mill-aġir effettiv tal-partijiet kontraenti (22).

42.      A fortiori, u kuntrarjament għall-analiżi tal-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi dedott mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, li ma hemmx “indikazzjoni espliċita” ħlief meta din l-indikazzjoni kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali. Fil-fatt, il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu tipprekludi tali interpretazzjoni, sa fejn, bl-użu tal-formulazzjoni “miftiehem […] b’mod espliċitu”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jippreċiżax liema parti kontraenti inkludiet il-klawżola dwar it-terminu għall-ħlas fil-kuntratt u l-istess leġiżlatur ma jagħmel ebda distinzjoni skont jekk il-klawżola kinitx jew le s-suġġett ta’ negozjati individwali. Bl-istess mod, huwa ma jagħmel ebda distinzjoni bejn “ftehim individwali” u “kuntratt standard imfassal minn qabel”. Kif josserva ġustament il-Gvern Ġermaniż, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel tali distinzjoni sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li klawżola kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali, huwa kien jagħżel formulazzjoni differenti li teżiġi l-obbligu ta’ tali negozjati (23).

43.      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li, fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, il-partijiet kontraenti huma awtorizzati, jestendu t-terminu legali ta’ 60 jum, sakemm il-kontenut tal-klawżola li tipprevedi tali estensjoni jkun suffiċjentement ċar u inekwivoku għall-parti kontraenti meqjusa bħala l-iktar dgħajfa.

44.      Din il-konklużjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi kkontestata mill-argument imressaq b’mod partikolari mill-Kummissjoni li, essenzjalment, it-termini “miftiehem […] b’mod espliċitu” (użat fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva) jew “jiftehmu espliċitament” (imsemmija fil-premessa 13 tal-imsemmija direttiva) neċessarjament jirreferu għal parteċipazzjoni attiva tal-kreditur waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li jeżerċitaw influwenza reali fuq il-kontenut tiegħu. Il-fatt li għandu jibqa’ possibbli, għall-partijiet kontraenti, li “jiftiehmu b’mod espliċitu” dwar termini għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum ma jistax jinqara bħala rekwiżit li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet kontraenti kollha fit-tfassil tal-klawżola. Effettivament, il-fatt li t-termini ta’ kuntratt ikunu mfassla biss minn waħda mill-partijiet kontraenti ma jistax, ħlief fil-każ ta’ abbuż (24), jiġi assimilat ma’ nuqqas ta’ ftehim, jew ta’ “ftehim” mhux validu, bejn il-partijiet kontraenti. Meta jiġi sostnut il-kuntrarju dan iwassal għall-konklużjoni paradossali li teżisti preżunzjoni li l-kuntratti standard, bħall-kuntratti ta’ adeżjoni, ma jistgħux jirriflettu r-rieda komuni tal-partijiet kontraenti, sakemm kull klawżola inkluża fihom ma tkunx is-suġġett ta’ negozjati individwalizzati (25).

b)      Fuq linterpretazzjoni kuntestwali

45.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, jidhirli li l-interpretazzjoni kuntestwali tikkorrobora l-interpretazzjoni testwali żviluppata preċedentement.

46.      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minbarra l-kundizzjoni formali dwar l-inklużjoni ta’ “indikazzjoni espliċita”, ir-rekwiżit sostantiv jeżiġi li din il-klawżola ma għandhiex “[tkun] inġust[a] għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7 [tad-Direttiva 2011/7]”. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni, li tinkludi l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk klawżola kuntrattwali tikkostitwixxix abbuż manifest fir-rigward tal-kreditur, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija limitata għall-klawżoli li kienu s-suġġett ta’ “negozjati individwali”. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2011/17 jindika li, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola hijiex tan-natura abbużiva, “għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ”, inkluż “jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, [b’mod partikolari] mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5) […] [ta’ din id-direttiva]”. Minn dan isegwi li l-fatt li klawżola dwar it-terminu għall-ħlas ġiet stabbilita minn waħda mill-partijiet kontraenti jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-każ li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-abbuż manifest fir-rigward tal-kreditur tiggarantixxi għalhekk protezzjoni globali tal-imsemmi kreditur, li t-termini għall-ħlas ikunu ġew innegozjati individwalment jew li jkunu ġew iddefiniti minn waħda mill-partijiet. Għaldaqstant, jidher koerenti li ż-żewġ tipi ta’ klawżoli jistgħu jitqiesu bħala “indikazzjonijiet espliċiti”.

 ċ)      Fuq linterpretazzjoni teleoloġika

47.      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan imfittex mid-Direttiva 2011/7, din jidhirli wkoll li tikkorrobora din l-interpretazzjoni.

48.      L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, kif jirriżulta mill-premessa 12 tagħha, jaqa’ taħt l-għan iktar ġenerali li jiġi stabbilit “tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin […]. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas […]” (26). Għaldaqstant, skont il-premessa 13 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjoni imsemmija hawn fuq għandha l-għan li timplimenta l-intenzjoni tal-leġiżlatur li “l-perjodi ta’ ħlas ta’ kuntratti bejn negozju u ieħor, bħala regola ġenerali, jiġu limitati għal 60 jum kalendarju”. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jaċċetta li, “jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn l-intrapriżi jirrikjedu perjodi ta’ ħlas aktar estensivi, pereżempju meta l-intrapriżi jixtiequ jagħtu kreditu kummerċjali lill-klijenti tagħhom. Għandu għalhekk jibqa’ possibbli li l-partijiet jiftehmu espliċitament dwar perjodi ta’ ħlas itwal minn 60 jum kalendarju, sakemm, madankollu, estensjoni ta’ dan it-tip ma tkunx inġusta għall-aħħar għall-kreditur”. L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 għalhekk jikkodifika l-qafas mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi ammessa tali estensjoni konvenzjonali tat-terminu legali ta’ 60 jum (27).

49.      Inqis li dan l-għan ma jistax jiġi kompromess mill-fatt li waħda mill-partijiet kontraenti tiddefinixxi esklużivament il-klawżola li tipprevedi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum, pereżempju, bl-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti minn qabel. L-għażla ta’ dan it-tip ta’ klawżola ma teżentax lill-partijiet kontraenti milli josservaw il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7. Terminu għall-ħlas iddefinit esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti u li jaqbeż l-limitu ta’ 60 jum għandu, huwa wkoll, jirriżulta “b’mod espliċitu” –jiġifieri b’mod suffiċjentement ċar –mid-dokumenti kuntrattwali u ma għandux jikkostitwixxi abbuż manifest fir-rigward tal-kreditur. Fuq dan il-punt, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mekkaniżmi ta’ sanzjoni previsti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li skont dawn l-Istati Membri jikkonstataw li l-klawżoli kuntrattwali inġusti huma jew inapplikabbli jew jagħtu lok għal azzjoni għal kumpens, japplikaw ukoll f’dawn is-sitwazzjonijiet.

50.      Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ “indikazzjoni espliċita” għandu l-għan li jippermetti lill-parti meqjusa bħala l-iktar dgħajfa mill-partijiet kontraenti (bħala prinċipju, il-kreditur) li tiddetermina b’mod suffiċjentement ċar, jiġifieri qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jekk hija taċċettax klawżola li tista’ tippreġudika l-interessi tagħha fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7. Din il-parti msejħa “dgħajfa” teħtieġ din il-protezzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-klawżola li tikkawża preġudizzju fir-rigward tagħha tinsabx f’kuntratt li kien is-suġġett ta’ negozjati individwali jew inkella taħt kundizzjonijiet kuntrattwali fformulati minn qabel.

51.      Fl-aħħar nett, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument imressaq, b’mod partikolari, mill-qorti tar-rinviju, li din id-dispożizzjoni hija intiża biex tipproteġi lill-kreditur kontra termini eċċessivi. Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kreditur ma tiġġustifikax li jiġu ddikjarati awtomatikament illegali t-termini għall-ħlas miftiehma li ġew esklużivament iddefiniti mid-debitur. Tali interpretazzjoni tmur lil hinn mill-għan imfittex mid-Direttiva 2011/7. Għalhekk, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva ma jipprevedix li t-termini ta’ ħlas li jaqbżu 60 jum li ġew iddefiniti biss minn waħda mill-partijiet kontraenti fihom innifishom, huma “inġust[i] għall-aħħar”, iżda l-Artikolu 7 jindika, min-naħa l-oħra, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi jelenka l-kriterji prinċipali ta’ evalwazzjoni (28). Għaldaqstant, ma huwiex eskluż, mill-bidu nett, li terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum, stabbilit minn waħda mill-partijiet kontraenti, jissodisfa wkoll il-kriterji ta’ eċċezzjoni aċċettata.

52.      Bl-istess mod, għalkemm il-loġika li jagħmel parti minnha l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 hija dik li jiġi limitat l-użu ta’ termini għall-ħlas itwal minn 60 jum għas-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom l-impriżi “jirrikjedu perjodi ta’ ħlas iktar estensivi”, dan ma jfissirx li l-fatt li tiġi aċċettata l-possibbiltà, għal impriża, li timponi unilateralment klawżola ta’ estensjoni tat-terminu għall-ħlas fih innifsu, juri l-assenza ta’ tali “rekwiżit ta’ perjodi ta’ ħlas iktar estensivi”. Fi kwalunkwe każ, jekk kreditur iqis li tali “rekwiżit” ma huwiex preżenti jew iġġustifikat, dan għandu jkun kapaċi jikkontesta l-validità tal-klawżola inkwistjoni billi jsostni li, pereżempju, minħabba t-tul eċċessiv tagħha jew permezz tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni tagħha, din il-klawżola ma tissodisfax it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva sa fejn din ma hijiex “inġust[a] għall-aħħar” fir-rigward tiegħu. Fil-fatt, hija din it-tieni kundizzjoni sostantiva li, fil-fehma tiegħi, hija rilevanti u li tiggarantixxi l-użu ta’ termini ta’ ħlas estiżi biss meta tali termini jkunu ġġustifikati, b’mod partikolari, fil-każ ta’ “indikazzjoni espliċita” imposta fuq impriżi ekonomikament iktar dgħajfa, bħal SMEs (29). Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu “mezzi adegwati u effettivi” biex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli manifestament inġusti. Għaldaqstant, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma nqisx li jeżisti riskju reali ta’ “żieda drastika” tal-użu ta’ formoli li jimponu termini ta’ ħlas ta’ iktar minn 60 jum biss minħabba l-aċċettazzjoni li klawżola kuntrattwali unilateralment stabbilita minn waħda mill-partijiet kontraenti li tista’ tissodisfa l-kriterju tal-“indikazzjoni espliċita” fis-sens tal-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva (30).

 Fuq loriġini tadDirettiva 2011/7

53.      Fir-rigward, fir-raba’ u l-aħħar lok, tal-oriġini tad-Direttiva 2011/7, għandu jiġi rrilevat li din tippermetti li wieħed jasal għall-istess konklużjoni. Fil-fatt, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma kinitx tipprevedi rekwiżiti partikolari dwar stipulazzjonijiet kuntrattwali fil-qasam tat-terminu għall-ħlas li jaqbżu ċerti limiti, iżda kienet tipprevedi biss kundizzjoni ta’ natura ġenerali li skont dan it-terminu għall-ħlas miftiehem ma għandux jikkostitwixxi abbuż manifest fil-konfront tal-kreditur (31). Bl-istess mod, għalkemm il-Parlament Ewropew talab modifika fis-sens li l-istipulazzjoni ta’ termini itwal minn 60 jum għandha tkun suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, ma jidhirx li din l-istituzzjoni xtaqet tipprojbixxi l-iffissar ta’ termini ta’ iktar minn 60 jum fi klawżoli standard, imfassla minn qabel (32).

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“indikazzjoni espliċita” ta’ terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju hija valida f’kuntratti bejn impriżi li l-klawżoli tagħhom huma ddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti, sakemm din l-indikazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku minn dawn il-kuntratti, b’mod li jiġi ggarantit li l-partijiet kontraenti kienu kompletament konxji tagħha, peress li estensjoni possibbli ta’ terminu ta’ ħlas ma tistax tiġi dedotta sempliċement mill-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra jew mill-aġir effettiv tal-partijiet kontraenti.

V.      Konklużjoni

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-“indikazzjoni espliċita” ta’ terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju hija valida f’kuntratti bejn impriżi li l-klawżoli tagħhom huma ddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti, sakemm din l-indikazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku minn dawn il-kuntratti, b’mod li jiġi ggarantit li l-partijiet kontraenti kienu kompletament konxji tagħha, peress li estensjoni possibbli ta’ terminu ta’ ħlas ma tistax tiġi dedotta sempliċement mill-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra jew mill-aġir effettiv tal-partijiet kontraenti.


1      Linwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2011, L 48, p. 1.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.


5      Dz. U. tal‑2013, pożizzjoni 403.


6      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-mod għal A. biex tintervjeni fuq il-kundizzjonijiet essenzjali tal-kuntratti inkwistjoni kien jikkonsisti fil-preżentata ta’ rikors quddiem il-President tal-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appelli, il-Polonja), fejn id-deċiżjoni tagħha tista’ tkun suġġetta għal kawża, quddiem is-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja).


7      Skont il-qorti tar-rinviju, P. issostni li minn kuntratti oħra konklużi bejn il-partijiet, li ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura iżda li sommarju tagħhom ġie prodott fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, jirriżulta li t-terminu għall-ħlas għal kull wieħed minn dawn il-kuntratti kien ukoll ta’ 120 jum.


8      Skont A., dan it-terminu ma ġie fl-ebda mument innegozjat iżda ġie stabbilit unilateralment minn P. minħabba l-pożizzjoni dominanti li hija kienet tokkupa f’dan is-suq. Fil-fatt, għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt organizzata minn P., kien ikun neċessarju li tiġi żgurata l-kunsinna skont it-termini u l-kundizzjonijiet speċifikati minnha u mhux suġġett għan-negozjati. Skont ir-rikorrenti, minkejja d-diversi tentattivi magħmula matul is-snin sabiex jiġu emendati, permezz ta’ mistoqsijiet dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-klawżoli kuntrattwali dwar it-terminu għall-ħlas, dawn ma ġewx emendati b’mod li dan it-terminu jitnaqqas għal 60 jum.


9      Barra minn hekk, P. qieset li għandha dritt tiddefinixxi t-termini tal-kuntratt skont il-kapaċitajiet finanzjarji tagħha stess, speċifiċi għas-suq, li jkunu adattati għas-sitwazzjoni tal-kumpanniji li jisfruttaw il-faħam fil-Polonja. Hija ssostniet wkoll li t-terminu ta’ ħlas ta’ 120 jum huwa terminu twil, iżda li l-parti kontraenti saret taf b’din l-informazzjoni suffiċjentement minn qabel, jiġifieri fl-istadju tat-tnedija tas-sejħa għal offerti, li kien jippermettilha tikkalkola konsegwentement l-offerta tagħha.


10      Fil-fatt, il-qorti tar-rinvju tfakkar li, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kuntratti huma spiss konklużi permezz tal-aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet ippreparati minn qabel minn waħda mill-partijiet. Fil-kuntest ta’ tali kuntratti, numru kunsiderevoli ta’ dispożizzjonijiet, jiġifieri dawk li ma ġewx ippreparati jew innegozjati flimkien, ma jistgħux jinbidlu. L-istipulazzjonijiet jieħdu għalhekk il-forma ta’ aċċettazzjoni tal-kuntratt kif ippreżentat minn kontraent. Għaldaqstant, skont l-imsemmija qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“indikazzjoni espliċata”, minn impriżi, ta’ terminu ta’ ħlas ta’ iktar minn 60 jum ma jikkonċernax dan it-tip ta’ kuntratti li l-klawżoli tagħhom huma ddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġġieled kontra l-ħlas tardiv fis-suq intern kif ukoll li ttejjeb il-likwidità u l-kompetittività tal-impriżi. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, għall-impriżi privati, it-terminu għall-ħlas ma kellux ikun ta’ iktar minn 60 jum. Madankollu, dan ma jkunx terminu riġidu peress li, skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2011/7, dan it-terminu jista’ jiġi estiż meta ċ-ċirkustanzi jiġġustifikawh, u sakemm ikun espressament stipulat bejn l-impriżi. Għalhekk, kemm il-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll il-leġiżlatur nazzjonali jużaw il-kunċett ta’ “indikazzjoni espliċata” fis-sens ta’ “karatterizzat”. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, estensjoni tat-terminu għandha tibqa’ eċċezzjonali u l-kreditur għandu tal-inqas ikun jaf ir-raġunijiet li għalihom il-parti l-oħra tixtieq tagħmel użu minn din l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, peress li taf b’dawn ir-raġunijiet, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa jekk it-terminu propost mill-parti l-oħra, anki jekk jiġi raġonevolment estiż għal iktar minn 60 jum, huwiex eċċessiv u possibbilment, li ssostni l-argumenti tagħha stess li jiġġustifikaw li tiġi aċċettata din l-estensjoni skont modalitajiet differenti. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ għall-kuntratti li huma konklużi permezz ta’ sejħa għal offerti jew ta’ rkant, iżda wkoll għal kuntratti oħra standard ta’ adeżjoni. F’każijiet bħal dawn, il-partijiet jistgħu jew jaċċettaw it-termini tal-kuntratt futur stabbilit minn waħda mill-partijiet, jew ma jikkonkludux dan il-kuntratt. Huwa biss fil-każ ta’ sejħa għal offerti pubblika li jkun possibbli li jiġu kkontestati ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, din ma hijiex stipulazzjoni tal-partijiet, iżda deċiżjoni sovrana ta’ entità esterna għall-kuntratt stess.


11      Skont il-qorti tar-rinviju, din il-kundizzjoni tirreferi għall-persuna tal-kreditur u għall-fatt li dan ma huwiex manifestament ippreġudikat. Issa, is-sitwazzjoni tal-kreditur, minbarra l-elementi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-iffissar tat-tul tat-terminu għall-ħlas. Fil-fatt, dan huwa l-mument xieraq sabiex tiġi evalwata din is-sitwazzjoni u l-effett reali tal-estensjoni tat-terminu fuq ir-riskju li l-kreditur ikun manifestament ippreġudikat. Dan ikun possibbli biss meta l-persuna tal-kreditur tkun magħrufa. Fil-fatt, skont din il-qorti, ma huwiex eskluż li, fil-każ ta’ kreditur partikolari, estensjoni sostanzjali tat-terminu tista’ tiġi analizzata bħala “abbuż ikkaratterizzat u manifest”, filwaqt li fil-każ ta’ kreditur ieħor, dan ikun “sempliċi abbuż”. Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jittratta b’mod differenti s-sitwazzjoni li fiha tranżazzjoni kummerċjali tiġi konkluża bejn impriża u awtoritajiet pubbliċi, billi jindika li l-iffissar ta’ terminu ta’ iktar minn 30 jum għandu wkoll jiġi stipulat b’mod espress, iżda li huwa biżżejjed li dan ikun oġġettivament iġġustifikat min-natura speċifika jew mill-elementi partikolari tal-kuntratt, u mhux mis-sitwazzjoni tal-kreditur. Fl-istess ħin, huwa speċifikat li, fil-każijiet kollha, it-terminu ma jistax jaqbeż 60 jum. Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tippreċiża li l-interpretazzjoni esposta tippermetti wkoll li jintlaħqu aħjar l-għanijiet tad-Direttiva 2011/7. Fil-fatt, għalkemm huwa baxx ir-riskju li l-impriżi japplikaw unilateralment u b’mod mhux iġġustifikat termini itwal għall-ħlas lill-kuntratturi tagħhom sabiex jikkreditaw l-operazzjonijiet kurrenti tagħhom, ma huwiex rari li dan ikollu effett negattiv fuq il-likwidità u l-kompetittività tal-kontraenti tagħhom.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punti 33 u 34).


13      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Kunsinni ta’ materjal mediku) (C‑419/21, EU:C:2022:948, punti 20 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


14      (ĠU 2014, L 94, p. 243).


15      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tard) (C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 43).


16      Ara l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2011/7, li, kuntrarjament għall-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, jipprevedi li t-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt “fl-ebda każ m’għandu jaqbeż is-60 jum kalendarju” (il-korsiv miżjud minni). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi, fi kwalunkwe każ, li P., sa fejn tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità pubblika”, tistabbilixxi klawżola li tipprevedi terminu ta’ ħlas ta’ 120 jum. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BFF Finance Iberia (C‑585/20, EU:C:2022:329, punti 36 sa 54).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Instituto do Cinema e do Audiovisual (C‑411/21, EU:C:2022:836, punti 16 u 17).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv) (C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27), u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Techbau (C‑299/19, EU:C:2020:937, punt 38).


19      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Nosserva, li fil-verżjoni tal-lingwa Franċiża tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, il-verb użat, jiġifieri “stipuler” – li, mid-definizzjoni tiegħu, jitfisser b’mod newtrali bħala “énoncer une clause, une conditions dans un contrat” (jistabbilixxi klawżola, kundizzjonijiet f’kuntratt) (ara d-definizzjoni li tinsab fid-dizzjunarju Larousse, disponibbli fl-indirizz li ġej: https://www.larousse.fr/dictionnaires/francais/stipuler/74741) – ma jikkorrispondix mal-verb “convenir” (ftiehem), li jintuża fil-premessa 13 ta’ din id-direttiva, fis-sens ta’ “tomber d’accord sur quelque chose” (li jkun hemm qbil fuq xi ħaġa) (https://www.larousse.fr/dictionnaires/francais/convenir/18968). Min-naħa l-oħra, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, hemm koerenza bejn l-użu tal-verb fil-premessa 13 u fl-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva (ara, rispettivament, il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża “possible for the parties to expressly agree” / “unless otherwise expressly agreed in the contract”, fil-lingwa Ġermaniża “die Vertragsparteien sollten daher […] ausdrücklich vereinbaren können” / “es sei denn im Vertrag wurde ausdrücklich etwas anderes vereinbart”, fil-lingwa Taljana “la possibilità per le parti di concordare espressamente” / “se non diversamente concordato espressamente nel contratto”, fil-lingwa Spanjola “la posibilidad de acordar expresamente” / “salvo acuerdo expreso en contrario recogido en el contrato”, u fil-lingwa Ġriega “ δυνατότητα των μερών να συμφωνούν ρητά” / “εκτός εάν ρητά συμφωνήθηκε διαφορετικά στο κείμενο της σύμβασης” (il-korsiv miżjud minni). Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ disparità bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et. (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


21      Jew ukoll, fir-rigward tal-mod kif il-klawżola stipulata ġiet konkluża u mingħajr ma ġie ppreċiżat, b’mod partikolari, jekk din tistax tidher f’kundizzjonijiet kuntrattwali fformulati minn qabel. Nixtieq ninnota li, bħad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226), id-Direttiva 2011/7 ma kinitx ddisinjata sabiex “taffettwa id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-metodi ta’ konklużjoni ta’ kuntratti” (ara l-premessa 19 tad-Direttiva 2000/35 u l-premessa 28 tad-Direttiva 2011/7).


22      Kif jirrileva l-Gvern Ġermaniż, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-użu ta’ dan il-kunċett f’atti ġuridiċi oħra tal-Unjoni. Pereżempju, l‑Artikolu 7(4)(a), l-Artikolu 13(1), kif ukoll l-Artikolu 14(4)(a)(ii) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar id-drittijiet tal-konsumatur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093) jissuġġettaw ċerti derogi għas-sistema ġenerali ta’ din id-direttiva għal ftehim espliċitu jew kunsens espliċitu tal-konsumatur. Skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU 2019, L 136, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 60), ir-rimbors għandu jsir bl-użu tal-istess mezz ta’ ħlas bħal dak użat sabiex isir il-ħlas, ħlief jekk il-konsumatur ikun ta l-kunsens espliċitu mod ieħor. Skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2011/83, ċerta informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tifforma parti integrali minn kuntratt mill-bogħod, sakemm il-partijiet kontraenti ma jiddeċidux mod ieħor “b’mod espliċitu” (korsiv miżjud minni). L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/770 huwa fformulat f’termini analogi fir-rigward ta’ “perjodu addizzjonali ta’ żmien kif miftiehem espressament mill-partijiet”. Barra minn hekk, meta jkun jixtieq jimponi rekwiżiti iktar stretti fir-rigward ta’ klawżola u jeskludi stipulazzjoni f’kundizzjonijiet ġenerali, il-leġiżlatur tal-Unjoni normalment jesprimi din ir-rieda, kif juri, pereżempju, l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2019/770. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-konsumatur ikun mhux biss espressament iżda wkoll separatament aċċetta li prodott diġitali jiddevja mill-kriterji oġġettivi (“espressament u separatament aċċetta dik id-devjazzjoni meta jiġi konkluż il-kuntratt”). It-terminu “separatament” ifisser li l-konsumatur jaċċetta d-differenza “b’mod separat minn dikjarazzjonijiet jew ftehimiet oħra”, li jeskludi li tali differenza tiġi prevista f’diversi kundizzjonijiet ġenerali fformulati minn qabel (ara l-premessa 49 tad-Direttiva 2019/770).


23      Bħala eżempju, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p 100),) jiddefinixxi s-sitwazzjoni fejn klawżola ta’ kuntratt “li ma tkunx ġiet negozjata individwalment” titqies bħala inġusta (korsiv miżjud minni). Konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, klawżola għandha dejjem titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur, minħabba f’hekk, ma setax jinfluwenza l-kontenut tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ adeżjoni.


24      Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-unika preżunzjoni li tinkludi d-Direttiva 2011/7 hija dik li hemm fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li “kondizzjoni kuntrattwali [...] li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar”.


26      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BFF Finance Iberia (C‑585/20, EU:C:2022:329, punt 48).


27      Estensjoni konvenzjonali ta’ terminu legali tkun iġġustifikata ukoll meta l-proċedura ta’ verifikazzjoni ta’ merkanziji jew ta’ servizzi flimkien mar-rekwiżiti kuntrattwali oġġettivament tieħu iktar ħin.


28      Għalhekk, l-elementi msemmija f’dan l-artikolu juru li għandha titqies mhux biss il-portata tad-dannu mġarrab mill-kreditur, iżda wkoll elementi oħra, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu jiddevjax mill-“prassi kummerċjali tajba” (Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2011/7), in-natura tal-prodott jew tas-servizz li huwa l-oġġett tal-kuntratt (Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-Direttiva) u l-kwistjoni dwar jekk id-debitur għandux raġuni oġġettiva, jiġifieri interess leġittimu, sabiex jibbenefika minn terminu ta’ iktar minn 60 jum (Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmija direttiva: ara, f’dan ir-rigward, l-eżempju msemmi fil-premessa 13 tal-istess direttiva).


29      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/7.


30      Dwar dan is-suġġett, nixtieq nirrimarka li l-qafas tar-reviżjoni attwali tad-Direttiva 2011/7 u, b’mod partikolari, tal-proposta tar-Regolament tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Settembru 2023 (COM(2023 533 final), jipprovdi li “[i]l-kawża ewlenija tal-ħlasijiet tard hija l-asimmetriji fis-saħħa tan-negozjar bejn klijent kbir (debitur) u fornitur iżgħar (kreditur)” u li “[d]an spiss iwassal biex il-fornitur ikollu jaċċetta termini [...] tal-ħlas inġusti”. Huwa preċiżament sabiex jiġi evitat dan it-tip ta’ abbuż li “fost il-miżuri fit-tul rakkomandati hemm li jiġu limitati l-perjodi kuntrattwali tal-ħlas għal massimu ta’ 30 jum għall-ħlasijiet lil SME mingħand kumpanija kbira”. Fil-fatt, l-Artikolu 3 il-ġdid tal-proposta tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa “aktar strett mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva [2011/7] għax jillimita l-perjodu tal-ħlas u t-tul tal-proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika għal massimu ta’ 30 jum, u billi jneħħi kull referenza għall-kunċett ta’ prattiki u klawżoli inġusti għall-aħħar”.


31      Ara l-Artikolu 6 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali L-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (COM (2009) 126 final) li jieħu post u jaġġusta l-Artikoli 3(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2000/35. Dwar dan il-punt, ara wkoll, il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/35 li tillimita ruħha sabiex tirrikonoxxi “l-eżistenza ta’ ċerti kategoriji ta’ kuntratti fejn perjodu itwal ta’ ħlas flimkien mar-restrizzjoni ta’ ħelsien tal-kuntratt jew rata għola ta’ imgħax tista’ tkun iġġustifikata”.


32      Ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew tal‑4 ta’ Mejju 2010 (A7–0136/2010), dwar din il-proposta, b’mod partikolari l-emendi 3 u 24. Fil-fatt, il-modifika proposta kienet tipprevedi li l-qbiż tal-limitu massimu ta’ 60 jum kien aċċettat bil-kundizzjoni li l-partijiet ikunu ftehmu b’mod espliċitu hekk (“specifically agree[d]”) u li dan il-qbiż ma jwassalx għal danni mhux iġġustifikati lil xi waħda mill-partijiet kontraenti (“does not lead to unjustified damages”).

Top