EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0670

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2023.
Proċeduri kriminali kontra M.N.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Kisba ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-ħruġ – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet kriptati – EncroChat – Neċessità għad-deċiżjoni ta’ mħallef – Użu ta’ provi miksuba bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-670/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:817

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑26 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawża C670/22

Staatsanwaltschaft Berlin

vs

M.N.

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (Il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea – Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea – Trasferiment ta’ provi diġà fil-pussess ta’ Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ awtorità emittenti – Artikolu 2(c)(i) – Ammissibbiltà tal-provi)






I.      Introduzzjoni

1.        Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (OIE) hija strument tal-Unjoni Ewropea li jippermetti l-kooperazzjoni transkonfinali f’investigazzjonijiet kriminali. Dan l-istrument huwa rregolat mid-Direttiva dwar l-OIE (2). Dan ir-rinviju jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, sabiex tinterpreta din id-direttiva f’sitwazzjoni fejn OIE tkun inħarġet għall-finijiet tat-trasferiment ta’ provi diġà fil-pussess ta’ Stat ieħor.

2.        Għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali fil-Ġermanja, il-Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt, il-Ġermanja) ħareġ diversi OIE li talbu t-trasferiment ta’ provi miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali konġunta Franko-Olandiża dwar l-utenti ta’ EncroChat. EncroChat kien network ta’ telekomunikazzjonijiet kriptat li joffri lill-utenti tiegħu anonimità kważi perfetta (3).

3.        Dan ir-rinviju jirriżulta minn waħda mill-proċeduri kriminali mibdija quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) kontra M.N. ibbażata fuq data ta’ telekomunikazzjonijiet interċettata, ittrasferita abbażi tal-OIE imsemmija iktar ’il fuq. Il-kwistjoni li qamet quddiem il-qorti tar-rinviju hija dik dwar jekk l-OIE inħarġux bi ksur tad-Direttiva dwar l-OIE u, fl-affermattiv, liema huma l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnha għall-użu ta’ tali provi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

II.    Ilfatti, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

4.        Fl-oriġini tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, hemm investigazzjoni kriminali miftuħa fi Franza u li kompliet bħala operazzjoni konġunta bejn Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi, li matulha ġew interċettati d-data dwar il-post, it-traffiku u l-komunikazzjoni, inklużi t-testi u l-immaġni trażmessi fiċ-chats pendenti tal-utenti tan-network EncroChat.

5.        Din l-operazzjoni konġunta żviluppat software Trojan, li ġie applowdjat fuq is-server ta’ Roubaix (Franza) fir-rebbiegħa tal‑2020, u minn hemm ġie installat fuq l-apparat tat-terminals permezz ta’ aġġornament simulat. It-tribunal correctionnel de Lille (il-Qorti Kriminali ta’ Lille, Franza) awtorizzat l-operazzjoni ta’ ġbir ta’ data ta’ komunikazzjoni. L-utenti ta’ EncroChat fi 122 pajjiż ġew affettwati minn din l-interċettazzjoni, li minnhom madwar 4 600 utent fil-Ġermanja.

6.        Waqt vidjokonferenza, li saret fid‑9 ta’ Marzu 2020, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) ipprovdiet informazzjoni lil pajjiżi oħra dwar il-miżuri ta’ sorveljanza previsti mill-pulizija Franċiża u t-trasferiment tad-data ppjanat. Ir-rappreżentanti tal-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali, il-Ġermanja) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt urew l-interess tagħhom fil-ġbir tad-data tal-utenti Ġermaniżi.

7.        L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt fetaħ investigazzjoni preliminari kontra persuni mhux magħrufa fl‑20 ta’ Marzu 2020. Id-data miġbura mit-tim investigattiv Franċiż-Olandiż tqiegħdet, fost l-oħrajn, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi permezz ta’ server tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) mit‑3 ta’ April 2020.

8.        Fit‑2 ta’ Ġunju 2020, fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari Ġermaniża kontra persuni mhux magħrufa, il-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt talab, permezz ta’ OIE, l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi sabiex jużaw id-data EncroChat għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. Din it-talba kienet ibbażata fuq is-suspett ta’ traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi fi kwantitajiet kbar minn persuni li kienu għadhom ma ġewx identifikati. Madankollu, huma kienu ssuspettati li jifformaw parti minn grupp kriminali organizzat fil-Ġermanja, li kien juża telefowns tal-EncroChat. Il-Qorti Kriminali ta’ Lille (Franza) awtorizzat l-OIE għat-trażmissjoni u l-użu ġudizzjarju tad-data tal-EncroChat tal-utenti Ġermaniżi. Sussegwentement, ġiet trażmessa data addizzjonali abbażi ta’ żewġ OIE addizzjonali tad‑9 ta’ Settembru 2020 u tat‑2 ta’ Lulju 2021 rispettivament.

9.        Abbażi tal-provi rċevuti, l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt issepara l-investigazzjonijiet li kellhom jitwettqu fir-rigward tal-utenti individwalizzati ta’ EncroChat u assenjahom lill-uffiċċji tal-prosekuturi lokali. L-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, il-Ġermanja) sussegwentement akkuża lill-akkużati f’din il-kawża b’diversi fatti ta’ traffikar illegali ta’ kwantitajiet kbar ta’ drogi narkotiċi u pussess illegali ta’ kwantitajiet sostanzjali ta’ drogi narkotiċi fil-Ġermanja.

10.      Dawn il-proċeduri kriminali huma attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Anki jekk dan ma huwiex spjegat b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, qamet il-kwistjoni dwar jekk l-OIE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt sarux bi ksur tad-Direttiva dwar l-OIE u, fl-affermattiv, jekk għandhomx jiġu esklużi bħala provi fil-proċeduri kriminali kontra l-akkużati.

11.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju (Landgericht Berlin) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘awtorità emettenti’ skont l-Artikolu 6(1), flimkien mal-Artikolu 2(c), tad-[Direttiva dwar l-OIE] […]:

a)      [OIE] intiża għall-ksib ta’ provi li diġà jinsabu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (f’dan il-każ, Franza) għandha tinħareġ minn Imħallef meta fid-dritt nazzjonali tal-Istat emettenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja), il-ġbir tal-provi kien ikollu jiġi ordnat minn Imħallef f’każ nazzjonali paragunabbli?

b)      Sussidjarjament, dan ikun minn tal-inqas il-każ fejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun wettaq il-miżura inkwistjoni fit-territorju tal-Istat emettenti bil-għan li sussegwentement iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet investigattivi fl-Istat emettenti l-informazzjoni miġbura, liema awtoritajiet ikunu interessati f’tali informazzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali?

c)      Irrispettivament mir-regoli ġurisdizzjonali nazzjonali tal-Istat emettenti, OIE għall-ksib ta’ provi għandha għalhekk dejjem tinħareġ minn Imħallef (jew awtorità indipendenti li ma hijiex involuta f’investigazzjonijiet kriminali), meta l-miżura tkun timplika interferenza serja fi drittijiet fundamentali primordjali?

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) tad-[Direttiva dwar l-OIE]:

a)      L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41 jipprekludi OIE intiża għat-trażmissjoni ta’ data li diġà tinsab fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (f’dan il-każ, Franza), miksuba bl-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari data dwar it-traffiku u ta’ lokalizzazzjoni kif ukoll reġistrazzjonijiet tal-kontenut ta’ komunikazzjonijiet, meta l-interċettazzjoni imwettqa mill-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun kopriet l-utenti kollha tal-konnessjoni ta’ servizz ta’ kommunikazzjoni, l-OIE tkun talbet it-trażmissjoni tad-data li tikkonċerna l-konnessjonijiet kollha użati fit-territorju tal-Istat emettenti u ma kienx hemm indikazzjonijiet konkreti ta’ twettiq ta’ reati kriminali serji min-naħa ta’ dawn l-utenti individwali, la meta ġiet ordnata u twettqet il-miżura ta’ interċettazzjoni u lanqas meta nħarġet l-OIE?

b)      L-Artikolu 6(1)(a) tad-[Direttiva dwar l-OIE] jipprekludi tali OIE jekk l-integrità tad-data miġbura permezz tal-miżura ta’ interċettazzjoni ma tistax tiġi vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni minħabba kunfidenzjalità totali?

3.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tad-[Direttiva dwar l-OIE]:

a)      L-Artikolu 6(1)(b) tad-[Direttiva dwar l-OIE] jipprekludi OIE intiża għat-trażmissjoni ta’ data ta’ telekomunikazzjonijiet li diġà tinsab fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (f’dan il-każ, Franza), meta l-miżura ta’ interċettazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li ppermettiet il-ġbir tad-data kienet tkun illegali skont id-dritt nazzjonali tal-Istat emettenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja) f’każ nazzjonali paragunabbli?

b)      Sussidjarjament, dan japplika fi kwalunkwe każ meta l-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun wettaq l-interċettazzjoni fit-territorju tal-Istat emettenti u fl-interessi ta’ dan tal-aħħar?

4.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(1) u (3) tad-[Direttiva dwar l-OIE]:

a)      Miżura li tikkonċerna l-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali għall-finijiet ta’ estrazzjoni ta’ data ta’ traffiku, ta’ lokalizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet tikkostitwixxi interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 31 tad-[Direttiva dwar l-OIE]?

b)      In-notifika skont l-Artikolu 31(1) tad-[Direttiva dwar l-OIE] għandha dejjem tiġi indirizzata lil Imħallef, jew dan għandu jkun il-każ minn tal-inqas meta l-miżura prevista mill-Istat ta’ interċettazzjoni (Franza) tista’ biss tiġi ordnata skont id-dritt tal-Istat innotifikat (il-Ġermanja) minn Imħallef f’każ nazzjonali paragunabbli?

c)      Sa fejn l-Artikolu 31 tad-[Direttiva dwar l-OIE] iservi wkoll għall-protezzjoni tal-utenti tat-telekomunikazzjonijiet individwali ikkonċernati, tali protezzjoni testendi wkoll għall-użu ta’ data għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali fl-Istat innotifikat (il-Ġermanja) u, skont il-każ, din il-finalità hija ekwivalenti għall-finalità addizzjonali ta’ protezzjoni tas-sovranità tal-Istat Membru nnotifikat?

5.      Konsegwenzi legali tal-ksib ta’ provi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni

a)      Fil-każ li l-provi jkunu nkisbu permezz ta’ OIE bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-projbizzjoni li jintużaw provi tista’ tirriżulta direttament mill-prinċipju ta’ effettività skont id-dritt tal-Unjoni?

b)      Fil-każ li l-provi jkunu nkisbu permezz ta’ OIE bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza skont id-dritt tal-Unjoni jinkludi projbizzjoni li jintużaw provi jekk il-miżura li tkun ippermettiet il-ksib ta’ provi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ma setgħetx tiġi ordnata f’każ nazzjonali paragunabbli fl-Istat emettenti u li l-provi miksuba minn tali miżura nazzjonali ma setgħux jintużaw skont id-dritt tal-Istat emettenti?

c)      Huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, li l-użu fi proċeduri kriminali ta’ provi li l-ksib tagħhom kien kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni preċiżament minħabba n-nuqqas ta’ suspett li twettaq reat, jiġi ġġustifikat, fil-kuntest ta’ bbilanċjar tal-interessi, bil-gravità tal-fatti rrilevati għall-ewwel darba fl-evalwazzjoni tal-provi?

d)      Sussidjarjament: mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ effettività, jirriżulta li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jiżnatura l-ġbir ta’ provi fi proċeduri kriminali nazzjonali ma jistax jibqa’ kompletament mingħajr konsegwenza, anki fil-każ ta’ reati kriminali serji, u għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni favur l-imputat minn tal-inqas fl-evalwazzjoni tal-provi jew fl-iffissar tal-piena?”

12.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, mill-Gvern Ġermaniż u dak Estonjan, Franċiż, Olandiż, Pollakk u Svediż u mill-Irlanda, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

13.      Saret seduta fl‑4 ta’ Lulju 2023, fejn M.N., l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Ungeriż, Olandiż u Svediż u l-Irlanda, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

III. Analiżi

A.      Rimarki preliminari

14.      Il-kontestazzjonijiet kontra l-kundanni kriminali li jirriżultaw mid-data EncroChat interċettata qed iqajmu għagħa fl-ogħla qrati fl-Ewropa (4), u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex eċċezzjoni f’dan ir-rigward.

15.      Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kawżi jikkontestaw il-miżuri ta’ interċettazzjoni mwettqa minn Franza. Anki jekk tali kwistjoni hija manifestament rilevanti fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija abbażi ta’ provi miġbura permezz ta’ din l-interċettazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li dan ir-rinviju ma jirrigwardax il-validità tal-miżuri Franċiżi ta’ interċettazzjoni.

16.      Din il-kawża tirrigwarda pjuttost l-inkompatibbiltà eventwali tal-OIE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt mad-Direttiva dwar l-OIE u l-konsegwenzi ta’ tali konstatazzjoni. Dawn l-OIE ma kinux dak li skattaw il-miżuri Franċiżi ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet fost l-utenti ta’ EncroChat. L-interċettazzjonijiet seħħew indipendentement mill-OIE inkwistjoni. Ir-rikors legali kontra dawn il-miżuri ta’ interċettazzjoni huwa f’idejn il-qrati Franċiżi kompetenti.

17.      L-OIE inkwistjoni f’din il-kawża ma fittxewx li jiġbru d-data fi Franza permezz tal-interċettazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet, iżda talbu biss it-trasferiment tal-provi diġà miġbura waqt l-interċettazzjoni fi Franza.

18.      Dawn il-fatti kollha għandhom jiġu debitament ikkwalifikati fid-dawl tad-Direttiva dwar l-OIE. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar l-OIE jipprovdi li OIE tista’ tinħareġ, l-ewwel, “sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor” u t-tieni, “biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.” (5)

19.      Fi kliem sempliċi, OIE jista’ jinħareġ jew biex jinġabru provi ġodda jew għat-trasferiment ta’ provi eżistenti. Ser nuża din it-terminoloġija biex nirreferi għaż-żewġ tipi differenti ta’ OIE.

20.      Fil-kawża prinċipali, l-OIE nħarġu għal dan it-tieni għan: l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin talab it-trasferiment tal-provi li Franza diġà kellha fil-pussess tagħha.

21.      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju, l-ewwel, tqis li minkejja d-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi tal-OIE li jinsabu fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar l-OIE, OIE għat-trasferiment ta’ evidenza li diġà teżisti ma tistax tinħareġ mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni kif dawn il-provi ġew inizjalment miġbura. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-proporzjonalità, u għalhekk il-legalità, tal-miżuri inizjali ta’ ġbir tal-provi fi Franza li sussegwentement ġew ittrasferiti fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-Qorti Federali tal-Ġustizzja Ġermaniża (6), li qieset li d-data interċettata ta’ EncroChat setgħet tintuża bħala evidenza fil-Ġermanja (7).

22.      F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti jeħtiġux l-evalwazzjoni tal-miżuri sottostanti ta’ ġbir ta’ provi fl-istat ta’ eżekuzzjoni. Irrid nippreċiża mill-bidu, u ser nistabbilixxiha iktar tard, li, f’każ bħal dan, l-awtorità emittenti ma tistax tikkontesta l-legalità tal-miżuri li permezz tagħhom l-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun ġabar provi. Għalhekk, din il-kawża ma hijiex dwar il-proporzjonalità tal-miżura Franċiża li tordna l-interċettazzjoni tat-telefowns EncroChat.

B.      Riorganizzazzjoni taddomandi talqorti tar-rinviju u listruttura talkonklużjonijiet

23.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-OIE nħarġu bi ksur tad-Direttiva dwar l-OIE, għaliex (i) kisru l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tiegħu, u (ii) għaliex inħarġu minn prosekutur pubbliku u mhux minn qorti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom jinnotifikaw, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE, il-miżuri ta’ interċettazzjoni lill-qorti Ġermaniża kompetenti. Fl-aħħar, din il-qorti tqis li d-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar speċifiku, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat b’mod li jipprojbixxi l-użu, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, tal-provi miġbura bi ksur tad-Direttiva dwar l-OIE.

24.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fehim tagħha tad-Direttiva dwar l-OIE u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha humiex korretti. Huwa organizza l-mistoqsijiet tiegħu f’ħames gruppi, li jien organizzajt mill-ġdid għall-analiżi tiegħi kif ġej.

25.      L-ewwel tliet gruppi ta’ mistoqsijiet jiffokaw fuq l-interpretazzjoni tal-awtorità emittenti kompetenti ta’ OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE. Il-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-OIE, huma minsuġa ma’ dawk dwar l-awtorità kompetenti emittenti. Għalhekk ser nittrattahom flimkien taħt it-Titolu C.

26.      Ir-raba’ grupp ta’ domandi, intiżi sabiex tinkiseb l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva dwar l-OIE, jista’ jiġi trattat separatament, kif ser nagħmel taħt it-Titolu D.

27.      Fl-aħħar, ser nanalizza l-aħħar grupp ta’ domandi, relatati mal-konsegwenzi ta’ ksur possibbli tad-Direttiva dwar l-OIE, taħt it-Titolu E. Dawk id-domandi jistgħu jiġu karatterizzati bħala ipotetiċi jekk ma jirriżulta l-ebda ksur tad-Direttiva dwar l-OIE mir-risposti mogħtija lid-domandi preċedenti. Madankollu, peress li din il-konklużjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti, ħaġa li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi wkoll għal dawn id-domandi.

C.      Kundizzjonijiet għallħruġ ta’ OIE għattrasferiment ta’ provi diġà eżistenti u lawtorità kompetenti emittenti

28.      Il-kundizzjonijiet li l-awtorità emittenti għandha tivvaluta għall-ħruġ ta’ OIE (8) huma stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-OIE. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

(b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.”

29.      Id-Direttiva dwar l-OIE timponi għalhekk żewġ kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi li jiżguraw li OIE ma tinħariġx bi ksur tad-dritt tal-Istat emittenti (9). Peress li l-investigazzjoni kriminali jew il-proċedura kriminali sussegwenti jiżvolġu fl-Istat emittenti, dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-persuni akkużati jew issuspettati. Il-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet tista’, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar l-OIE, tkun sfidata esklussivament fl-Istat emittenti.

30.      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-OIE jitlob lill-awtorità emittenti evalwazzjoni astratta u konkreta.

31.      L-evalwazzjoni astratta hija prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE u tirrikjedi li l-awtorità emittenti tiddetermina jekk il-miżura investigattiva li ser tkun is-suġġett ta’ OIE teżistix fid-dritt nazzjonali tagħha u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi ordnata.

32.      L-evalwazzjoni konkreta msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva dwar l-OIE timponi fuq l-awtorità emittenti l-obbligu li tiddetermina jekk OIE partikolari hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-fini ta’ proċedimenti kriminali konkreti.

33.      Huwa biss wara li l-awtorità emittenti tkun stabbilixxiet, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE, li d-dritt nazzjonali jawtorizza, fil-prinċipju, ċerta miżura investigattiva, li tista’ ddur għall-każ konkret ippreżentat quddiemha u twettaq evalwazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva dwar l-OIE. Għalhekk jidhirli li huwa iktar loġiku li nispjega dawn iż-żewġ kundizzjonijiet fl-ordni invers.

34.      Kemm il-kundizzjonijiet astratti kif ukoll dawk konkreti huma marbuta mal-kwistjoni dwar kif għandu jiġi ddefinit liema awtorità hija kompetenti sabiex toħroġ OIE f’każ konkret. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-prosekutur pubbliku ta’ Berlin ma kienx, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ l-OIE għat-trasferiment, minn Franza, ta’ provi li jikkonsistu f’data ta’ telekomunikazzjonijiet interċettata.

35.      Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar l-OIE tispeċifika liema awtoritajiet jistgħu joħorġu OIE. Id-dispożizzjoni rilevanti hija fformulata kif ġej:

“‘awtorità emittenti’ tfisser:

imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat;” (10)

36.      L-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva dwar l-OIE għalhekk jelenka awtoritajiet li jistgħu, b’mod awtonomu, mingħajr awtorizzazzjoni addizzjonali, joħorġu OIE. Għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE (11), id-Direttiva dwar l-OIE telenka b’mod espliċitu l-prosekuturi pubbliċi fost dawn l-awtoritajiet (12). Għalhekk, għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE, fil-kawża Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li prosekutur pubbliku jista’ jkun awtorità emittenti ta’ OIE, anki jekk ma jkunx totalment indipendenti mill-eżekuttiv (13).

37.      Madankollu, din l-awtorizzazzjoni bi prinċipju tal-prosekuturi pubbliċi ma tfissirx li huma l-awtorità emittenti kompetenti f’kull każ. Dan jiddependi pjuttost miċ-ċirkustanzi tal-każ u huwa marbut mal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-OIE. Konsegwentement, mhux biss ser neżamina dak li dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġu minn awtorità emittenti, iżda wkoll kif dawn jinfluwenzaw liema awtorità tista’ tkun.

1.      LArtikolu 6(1)(b) tadDirettiva dwar lOIE u każ domestiku simili

38.      L-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE teħtieġ li jinħareġ OIE dment li l-miżura investigattiva tkun disponibbli taħt l-istess kundizzjonijiet f’każ domestiku simili.

39.      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi interpretat x’jikkostitwixxi każ domestiku simili jekk jinħareġ OIE għat-trasferiment ta’ provi eżistenti.

40.      Qabel ma jiġi interpretat il-kliem “każ domestiku simili”, hija dovuta rimarka preliminari. Din il-kwistjoni qamet u ġiet diskussa mill-parteċipanti f’din il-proċedura minħabba l-pożizzjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) (14), li tgħid li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE ma tapplika xejn għal OIE għat-trasferiment ta’ provi eżistenti. Skont din il-qorti, it-trasferiment ta’ provi ma jikkostitwixxix miżura ta’ investigazzjoni bħala tali u għalhekk ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

41.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma: l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-OIE. Il-formulazzjoni tagħha ma teskludix miżuri investigattivi li jitolbu t-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE għalhekk japplika wkoll għal OIE maħruġa għall-finijiet tat-trasferiment ta’ provi eżistenti, bħal f’dan il-każ (15).

42.      Każ domestiku simili rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk OIE jistax jinħareġ huwa differenti skont jekk OIE jinħareġx biex jinġabru provi oħrajn ġodda jew biex jiġu ttrasferiti provi diġà eżistenti. Għalhekk, kif issuġġerew il-Kummissjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin u l-Gvern Ġermaniż, każ domestiku simili huwa wieħed fejn l-evidenza tiġi ttrasferita minn proċedura kriminali għal oħra fit-territorju Ġermaniż (pereżempju mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ München lill-kontroparti tiegħu f’Berlin).

43.      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE li jipprovdi li “l-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE” (16) huma dawk li l-awtorità għandha tkun f’pożizzjoni li tordna fil-livell nazzjonali. F’dan il-każ, il-miżura indikata fl-OIE hija t-trasferiment ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet Franċiżi.

44.      Il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġu ttrasferiti provi li jikkonsistu f’komunikazzjoni interċettata miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew proċedura kriminali lil oħra taqa’ taħt id-dritt Ġermaniż. Din ma hijiex kwistjoni solvuta mid-Direttiva dwar l-OIE innifisha; għall-kuntrarju, din id-direttiva tirreferi għad-dritt tal-Istat emittenti.

45.      Il-miżuri sottostanti li bihom inġabru l-provi fi Franza għandhom irwol f’din l-evalwazzjoni?

46.      Sa fejn id-dritt nazzjonali jistabbilixxi kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ evidenza bejn il-proċeduri kriminali, il-miżura sottostanti tista’ ssir rilevanti. Jekk, pereżempju, id-dritt Ġermaniż jipprojbixxi trasferiment nazzjonali ta’ telekomunikazzjonijiet interċettati minn kawża kriminali għal oħra, l-awtorità emittenti tkun ukoll prekluża milli tordna tali trasferiment transkonfinali.

47.      Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ f’din il-kawża. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li t-trasferiment ta’ provi bejn żewġ proċeduri kriminali huwa possibbli fid-dritt Ġermaniż, inklużi provi miġbura permezz ta’ interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni. Il-kundizzjonijiet ta’ tali trasferiment huma previsti mill-iStrafprozessordnung Ġermaniż (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem is-“StPO”). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt Ġermaniż sabiex tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (17).

48.      Madankollu, l-awtorità emittenti ma hijiex marbuta bid-Direttiva dwar l-OIE, iżda hija saħansitra prekluża, milli tevalwa jekk il-miżuri sottostanti li permezz tagħhom inġabret l-evidenza kinux meħuda legalment fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Meta toħroġ OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti, l-awtorità emittenti hija obbligata permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa l-bażi tal-kooperazzjoni f’materji kriminali fl-Unjoni Ewropea. Sakemm il-miżuri sottostanti ma jinstabux li huma illegali fi proċeduri ġudizzjarji fi Franza, li l-persuna kkonċernata għandha tkun kapaċi li tibda (18), l-awtorità emittenti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkontesta l-legalità tagħhom.

49.      M.N. sostna li d-distinzjoni bejn it-trasferiment tal-provi u l-miżuri li permezz tagħhom inġabru tippermetti li tiġi evitata l-protezzjoni tal-persuni ssuspettati jew akkużati skont id-dritt tal-Istat emittenti. Fil-fehma tiegħu, l-awtoritajiet Ġermaniżi indirizzaw lill-kontropartijiet Franċiżi tagħhom sabiex jiksbu provi li jmorru kontra d-dritt Ġermaniż.

50.      Iċ-ċirkustanzi tal-każ ma jippermettux li jiġi ssuspettat abbuż ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni transkonfinali. Franza kellha fil-pussess tagħha l-provi inkwistjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali tagħha stess. Anki jekk dawn il-provi kienu wkoll ta’ interess għall-Ġermanja, Franza ma bdietx tiġbor dawn il-provi għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali Ġermaniża. Għalhekk, anki jekk huwa minnu li qorti Ġermaniża ma tawtorizzax tali interċettazzjoni li kieku kellha sseħħ fil-Ġermanja, l-awtoritajiet Franċiżi ħadu tali miżuri skont id-dritt Franċiż u bl-awtorizzazzjoni ta’ qorti Franċiża kompetenti.

51.      Għalkemm is-sistemi tal-liġi kriminali tal-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti (19), dan ma jfissirx li sistema partikolari tipproteġi d-drittijiet fundamentali ta’ persuni ssuspettati u akkużati filwaqt li oħra tiksirhom. Għall-kuntrarju, il-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni f’materji kriminali hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-Istati Membri kollha jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Għalkemm din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfutata f’każ partikolari quddiem il-qorti kompetenti, dan ma jistax jikkontesta l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huma bbażati l-OIE u strumenti oħra ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali.

52.      Għalhekk, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE, l-awtorità emittenti għandha tivverifika jekk, fil-Ġermanja, id-data miġbura permezz ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet għall-finijiet ta’ proċedura kriminali tistax tiġi ttrasferita lejn proċedura kriminali oħra. Jekk dan ikun il-każ, dik l-awtorità tista’ toħroġ OIE għat-trasferiment ta’ evidenza miġbura permezz tal-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Meta toħroġ tali OIE, l-awtorità emittenti ma tistax tikkontesta l-legalità tal-miżuri li permezz tagħhom ikunu nġabru provi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

53.      Fl-aħħar, fid-domanda sussidjarja 3(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex rilevanti li l-interċettazzjoni mwettqa mill-Istat ta’ eżekuzzjoni inkludiet data dwar il-mobiles ta’ utenti fil-Ġermanja jew il-fatt li tali interċettazzjoni kienet fl-interess ta’ proċeduri kriminali f’ dak l-Istat. Jiena tal-fehma li dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk eżatti, ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b). tad-Direttiva dwar l-OIE.

54.      L-ewwel, il-fatt li l-interċettazzjoni seħħet fir-rigward tal-mobiles tal-utenti fit-territorju Ġermaniż ma jaffettwax l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE: irrispettivament minn fejn ikunu nġabru l-provi, sabiex jiġu ttrasferiti minn Franza lejn il-Ġermanja permezz ta’ OIE, huma għandhom neċessarjament jikkonformaw mar-regoli Ġermaniżi applikabbli għal każ domestiku simili.

55.      It-tieni, is-suppożizzjoni li l-awtoritajiet Franċiżi interċettaw il-komunikazzjoni fl-interess tal-Ġermanja hija suppożizzjoni fattwali mhux sostanzjata fid-deċiżjoni tar-rinviju u waħda li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tifformula konklużjonijiet fuqha; iktar importanti minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 6(1)(b) li jwassal għall-konklużjoni li l-interess tal-Istat emittenti huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha.

 Konklużjoni interim

56.      Meta OIE tinħareġ għat-trasferiment ta’ evidenza diġà fil-pussess ta’ Stat ieħor, ir-referenza għal każ domestiku simili skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE tirrikjedi li l-awtorità emittenti tistabbilixxi jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, id-dritt nazzjonali applikabbli jippermetti t-trasferiment tal-provi miġbura permezz ta’ interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn il-proċeduri kriminali fit-territorju nazzjonali.

57.      Meta tiddeċiedi jekk tistax toħroġ OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti, l-awtorità emittenti ma tistax tevalwa l-legalità tal-ġbir sottostanti ta’ provi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li t-trasferiment tagħhom tkun teħtieġ permezz ta’ OIE.

58.      Il-fatt li l-miżuri sottostanti ttieħdu fit-territorju tal-Istat emittenti, jew kienu fl-interess tal-Istat emittenti, ma jaffettwax ir-risposta preċedenti.

2.      LArtikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE u l-awtorità emittenti kompetenti

59.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-OIE f’din il-kawża kellhom jinħarġu minn qorti, u mhux minn prosekutur pubbliku. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk tali konklużjoni tirriżultax mill-qari flimkien tal-Artikolu 2(c)(i) u l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE u, it-tieni, jekk il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi interċettaw il-mobiles fuq it-territorju Ġermaniż jinfluwenzax ir-risposta għal din id-domanda.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE huwa fil-fatt rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-awtorità emittenti kompetenti f’każ partikolari. F’Spetsializirana Prokuratura (Data dwar it-traffiku u l-post), il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet b’mod espliċitu l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva dwar l-OIE mal-Artikolu 6(1)(b) tagħha (20). Hija ppreċiżat li OIE għandha tinħareġ minn qorti jekk id-dritt tal-Istat Membru emittenti jeżiġi dan fir-rigward tal-istess miżura f’kuntest nazzjonali (21). F’dan il-każ, qorti hija l-awtorità emittenti kompetenti minkejja li l-prosekutur pubbliku huwa msemmi fl-Artikolu 2(c)(i) ta’ dik id-direttiva (22).

61.      Fil-qosor, prosekutur pubbliku jista’ jkun awtorità emittenti fil-prinċipju, iżda d-dritt nazzjonali applikabbli f’każ domestiku simili jiddetermina l-awtorità emittenti kompetenti f’każ konkret.

62.      Meħud kont tal-analiżi preċedenti tiegħi ta’ dak li għandu jinftiehem bħala każ domestiku simili skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE, meta tinħareġ OIE għall-finijiet tat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti, l-OIE kellha tinħareġ minn qorti jekk id-dritt Ġermaniż jeżiġi dan fi trasferiment nazzjonali tad-data tat-telekomunikazzjonijiet interċettata.

63.      Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-awtorità emittenti kompetenti, huwa irrilevanti jekk, skont id-dritt Ġermaniż, qorti għandhiex tawtorizza l-miżuri ta’ interċettazzjoni. Huwa biżżejjed li wieħed jistaqsi jekk qorti jkollhiex bżonn tawtorizza trasferiment nazzjonali simili . Dan ma jidhirx li huwa l-każ fid-dritt Ġermaniż.

64.      Dan premess, għad hemm tħassib importanti. Li kieku t-trasferiment tal-provi diġà eżistenti seħħ internament, minn prosekutur pubbliku għal ieħor (pereżempju, minn München għal Berlin), il-miżura sottostanti ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet kienet tkun, skont id-dritt Ġermaniż, ordnata minn qorti. Għalhekk, il-proporzjonalità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali tkun ġiet mistħarrġa minn qorti. Dan jippermetti, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati, l-użu ta’ dawn il-provi fi proċeduri kriminali oħra mingħajr ma tiġi involuta għal darba oħra qorti.

65.      Madankollu, meta l-miżura sottostanti tkun irregolata minn sistema legali differenti, regola li ma teħtieġx stħarriġ ġudizzjarju tat-trasferiment tal-evidenza eżistenti topera f’kuntest differenti u mhux magħruf (23).

66.      Madankollu, f’dan il-każ, l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet ġiet awtorizzata mill-qrati Franċiżi (24). Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ OIE, jeżiġi li l-awtoritajiet Ġermaniżi jattribwixxu lil din il-fażi proċedurali l-istess valur bħal dak li huma kieku jagħtu fuq il-livell nazzjonali. Dan huwa l-każ, anki jekk, f’każ konkret, qorti Ġermaniża tiddeċiedi b’mod differenti.

67.      Iżda, x’jiġri jekk id-dritt Franċiż ma kienx jeħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżuri ta’ interċettazzjoni? Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li s-sitwazzjoni tkun differenti f’każ bħal dan, u b’hekk allegat li l-OIE li titlob it-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti tista’ titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jekk il-qrati Franċiżi ma jkunux awtorizzaw il-miżura sottostanti. Dan kieku jissuġġerixxi li l-Artikolu 6(1)(b) id-Direttiva dwar l-OIE ma huwiex kompletament irrilevanti għall-miżura sottostanti meta jinħareġ OIE għat-trasferiment ta’ evidenza eżistenti.

68.      Meta d-dritt nazzjonali jawtorizza lil prosekutur pubbliku li jitlob it-trasferiment ta’ provi minħabba li l-ġbir inizjali ta’ dawn il-provi jkun ġie awtorizzat minn qorti, din ir-regola nazzjonali, fil-fehma tiegħi, issir rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar l-OIE. Dan ifisser li l-awtorità emittenti jkollha tivverifika jekk il-miżura sottostanti rċevietx l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja meħtieġa mil-liġi nazzjonali. Madankollu, l-awtorità emittenti ma tkunx f’pożizzjoni li tikkontesta l-kwalità ta’ tali awtorizzazzjoni, iżda tkun pjuttost obbligata taċċetta l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni bl-istess mod kif tagħmel fit-territorju nazzjonali.

69.      Madankollu, jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkunx involva qorti fl-awtorizzazzjoni tal-miżura sottostanti, filwaqt li l-Istat emittenti jirrikjedi dan f’każ domestiku simili, l-Istat emittenti jista’ jitlob awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-ħruġ ta’ OIE għat-trasferiment ta’ evidenza diġà eżistenti. Dan huwa l-każ anki jekk ma jeżiġix tali awtorizzazzjoni fil-kuntest ta’ trasferiment intern ta’ provi.

70.      F’dan il-każ, il-passi kollha meħuda sabiex tinġabar id-data permezz tas-server EncroChat fi Franza ġew awtorizzati mill-qrati Franċiżi kompetenti (25). Għalhekk ma nara ebda raġuni għaliex prosekutur pubbliku Ġermaniż ma jkunx f’pożizzjoni li joħroġ OIE għat-trasferiment ta’ dawn il-provi.

71.      Il-qorti tar-rinviju għamlet domanda sussidjarja 1(b), li hija bbażata fuq il-premessa li l-awtoritajiet Ġermaniżi taw bidu għall-ġbir tad-data minn Franza fl-interess tal-Ġermanja, li seħħ fit-territorju Ġermaniż (26).

72.      Din il-kwistjoni hija parzjalment ipotetika, peress li l-ġbir ta’ provi kien inizjattiva Franċiża mwettqa għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha stess. L-iskoperta tal-utenti Ġermaniżi ta’ EncroChat kienet il-konsegwenza ta’, u mhux ir-raġuni għall-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet.

73.      Iċ-ċirkustanza li ċerti utenti ta’ EncroChat kienu jinsabu fit-territorju Ġermaniż, fil-fehma tiegħi, ma għandu l-ebda effett fuq il-kunċett ta’ awtorità emittenti. Peress li OIE tista’ tinħareġ biss għal miżuri li huma disponibbli f’każ domestiku simili, l-istess regoli nazzjonali dwar l-awtorità emittenti japplikaw irrispettivament minn fejn tkun ġiet eżegwita l-miżura investigattiva u minn min. L-unika differenza hija dik dwar jekk tintużax OIE jew ordni ta’ investigazzjoni domestika (27).

 Konklużjoni interim

74.      Meta miżura sottostanti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet awtorizzata minn imħallef, OIE għat-trasferiment ta’ tali evidenza ma għandhiex bżonn tinħareġ minn imħallef ukoll, anki jekk, skont id-dritt tal-Istat emittenti, il-ġbir tal-provi sottostanti għandu jiġi ordnat minn imħallef.

75.      Il-fatt li l-interċettazzjoni saret fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jaffettwax id-determinazzjoni tal-awtorità emittenti.

3.      LArtikolu 6(1) (a) tad-Direttiva dwar lOIE u lproporzjonalità

76.      Skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva dwar l-OIE, OIE għandha tkun meħtieġa u proporzjonata għall-finijiet tal-proċeduri kriminali, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata (28).

77.      Dik l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità hija ggwidata kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt tal-Istat emittenti (29).

78.      L-awtorità emittenti għandha tiżgura li l-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti fil-mument tal-ħruġ tal-OIE. F’dan ir-rigward, M.N. ġustament isostni li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ OIE, huwa ċertament irrilevanti jekk l-investigazzjoni kriminali kinitx ta’ suċċess kbir u wasslitx għal diversi kundanni għal reati serji.

79.      Id-domanda rilevanti hija, pjuttost, jekk il-livell ta’ intrużjoni fil-ħajja privata, involut fl-aċċess tal-prosekutur pubbliku għall-provi ttrasferiti, jistax jiġi ġġustifikat mill-importanza tal-interess pubbliku marbut mal-investigazzjoni jew proċedura kriminali inkwistjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari.

80.      F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data dwar it-traffiku u l-post jikkostitwixxi dejjem indħil serju fil-ħajja privata tal-persuni kkonċernati (31).

81.      Għalkemm id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika ma tapplikax bħala tali għal dan il-każ (32), il-konstatazzjonijiet li jikkonċernaw l-indħil serju fid-drittijiet fundamentali kkawżat mill-aċċess għad-data dwar it-traffiku u l-post huma rilevanti wkoll f’dan il-każ: l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi għad-data ta’ komunikazzjoni ttrasferita minn Franza jista’ jiġi kklassifikat bħala ndħil serju fid-drittijiet fundamentali. Madankollu, anki ndħil serju jista’ jiġi ġġustifikat minn interess pubbliku ta’ importanza proporzjonali (33).

82.      Dan l-interess jista’ jkun evalwat biss mill-awtorità emittenti (jew il-qorti nazzjonali adita skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar l-OIE) fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, li hija rregolata prinċipalment mid-dritt nazzjonali (34). Kif diġà spjegajt, id-dritt nazzjonali applikabbli huwa dak li jirregola t-trasferiment ta’ provi minn proċedura kriminali għal oħra.

83.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-awtorità emittenti jew il-qorti nazzjonali adita fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ OIE konkreta. Minbarra li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha għarfien sħiħ tad-dritt u fatti rilevanti kollha relatati ma’ investigazzjoni kriminali partikolari. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk huwiex sproporzjonat li tordna t-trasferiment tad-data tal-utenti kollha ta’ EncroChat fil-Ġermanja fin-nuqqas ta’ provi konkreti tal-ksur imwettaq.

84.      Permezz tad-domanda 2(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-segretezza tal-metodu ta’ interċettazzjoni tad-data għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, meta l-integrità tad-data miġbura ma tkunx tista’ tiġi vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat emittenti.

85.      Fil-fehma tiegħi, is-segretezza tista’ effettivament tinfluwenza l-possibbiltà ta’ difiża tal-persuni ssuspettati jew akkużati. Madankollu, dan huwa rilevanti għall-ammissibbiltà tal-provi, indirizzata fil-kuntest tal-ħames grupp ta’ domandi tal-qorti tar-rinviju.

 Konklużjoni interim

86.      L-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ OIE li titlob it-trasferiment tal-provi diġà eżistenti taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità emittenti, bil-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-qorti nazzjonali kompetenti. Tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aċċess tal-awtorità nazzjonali għad-data ta’ komunikazzjoni interċettata jikkostitwixxi ndħil serju fil-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Dan l-indħil għandu jiġi bbilanċjat minn interess pubbliku serju marbut mal-investigazzjoni u mal-prosekuzzjoni ta’ reati.

4.      Iddritt talUnjoni jeżiġi li qorti tevalwa lproporzjonalità filkaż ta’ ndħil serju fiddrittijiet fundamentali?

87.      Permezz tad-domanda 1(c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, minkejja d-dritt nazzjonali applikabbli, jimponix fuq il-qorti l-obbligu li tawtorizza l-aċċess ta’ prosekutur pubbliku għall-provi miksuba mill-interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni.

88.      Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-ħruġ ta’ OIE għat-trasferiment ta’ provi li jikkonsistu f’telekomunikazzjonijiet interċettati dejjem jeħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Din il-qorti rreferiet għas-sentenza f’Prokuratuur.

89.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-fatt li jiġi permess l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ korp imparzjali ieħor (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-argument konvinċenti tal-Avukat Ġenerali tagħha (36), li l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, li huwa parti fil-proċedura kriminali, ma jistax jitqies li huwa imparzjali. Għal din ir-raġuni, hemm dubju jekk tali korp jistax iwettaq l-analiżi tal-proporzjonalità mingħajr ma jqiegħed l-interessi tal-akkuża favur l-interessi tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data tal-persuni ssuspettati u akkużati.

90.      Peress li l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva dwar l-OIE teżiġi wkoll li OIE jkun proporzjonat, wieħed jista’ jistaqsi jekk, fil-loġika ta’ Prokuratuur, prosekutur pubbliku jistax qatt ikun responsabbli għat-twettiq ta’ tali analiżi ta’ proporzjonalità.

91.      Id-Direttiva dwar l-OIE ħalliet il-kwistjoni dwar jekk prosekutur pubbliku jistax joħroġ OIE lill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Dan jagħmel sens fid-dawl tad-differenzi fl-organizzazzjoni tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali timplika l-kwistjoni dwar jekk il-prosekutur pubbliku jistax iwettaq evalwazzjoni imparzjali tal-proporzjonalità. Jekk il-prosekutur pubbliku, bħala parti fil-proċedimenti kriminali, jagħmel il-ħruġ ta’ OIE minnu mhux xieraq għal prosekutur pubbliku, l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva dwar l-OIE jitlef is-sens tiegħu.

92.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju riedet tissuġġerixxi li d-dritt tal-Unjoni għandu jintervjeni u jeżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja biss meta miżuri jinvolvu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali. Dan fil-fatt kien il-każ f’Prokuratuur u f’kawżi oħra relatati mad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

93.      It-tweġiba qasira hija li d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u l-ġurisprudenza rilevanti ma japplikawx għas-sitwazzjoni preżenti. Dawn huma rilevanti biss meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet huma obbligati, skont id-dritt nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku u l-post marbuta mat-telekomunikazzjonijiet u meta l-awtoritajiet pubbliċi jeżiġu l-aċċess għad-data hekk miżmuma. Meta l-interċettazzjoni titwettaq direttament mill-Istati Membri mingħajr ma jiġi impost ebda obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika ma tapplikax, iżda l-liġi nazzjonali tapplika (37).

94.      Madankollu, jekk nidħlu iktar fil-loġika tas-sentenza Prokuratuur, kif issuġġerit mill-qorti tar-rinviju, nistgħu madankollu nistaqsu għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, min-natura tal-funzjonijiet tiegħu, prosekutur pubbliku ma huwiex f’pożizzjoni li jwettaq evalwazzjoni imparzjali tal-proporzjonalità meta jitlob aċċess għat-telekomunikazzjonijiet mingħand fornituri ta’ servizzi fuq network.

95.      Fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, id-data li għaliha għandu aċċess prosekutur pubbliku hija dejjem dik fil-pussess tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li, skont id-dritt nazzjonali, huma obbligati jżommu d-data dwar it-traffiku u l-post tal-popolazzjoni ġenerali. Id-data hekk miżmuma ma taqax taħt każ speċifiku, iżda pjuttost taħt sorveljanza tal-massa. It-talba għal aċċess ta’ prosekutur pubbliku għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali konkreta hija l-ewwel okkażjoni li fiha jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi individwali. Għaldaqstant, kien iġġustifikat li qorti tintalab tevalwa l-proporzjonalità ta’ dan l-aċċess, peress li l-involviment ta’ qorti huwa neċessarju sabiex jiġi evitat l-abbuż ta’ possibbiltà ta’ aċċess għad-data miżmuma bi kwantità kbira u b’mod ġenerali.

96.      Dan jiddistingwi l-konstatazzjonijiet tas-sentenza Prokuratuur mis-sitwazzjoni f’dan il-każ. Hawnhekk, id-data li għandha tiġi ttrasferita ma tinġabarx mingħajr distinzjoni mill-popolazzjoni kollha, iżda għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali konkreta fi Franza. Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju li għamel din id-data disponibbli, il-ġbir ta’ din id-data kien taħt il-kontroll ta’ qorti.

97.      Għalhekk, il-livell ta’ intrużjoni fid-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data, li wasslet għas-sentenza Prokuratuur, ma huwiex l-istess bħal-livell ta’ intrużjoni fl-iskema ta’ din il-kawża. Id-data, li t-trasferiment tagħha ntalab mit-tliet OIE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt, ġiet limitata biss għall-utenti ta’ EncroChat fil-Ġermanja fil-kuntest li fih kien hemm suspett li dan is-servizz huwa prinċipalment użat għat-twettiq ta’ reati kriminali.

98.      Dan ma jfissirx li l-intrużjoni fil-ħajja privata ta’ dawn l-individwi ma hijiex waħda importanti. Madankollu, din xorta ma hijiex komparabbli mas-sorveljanza tal-massa tal-popolazzjoni ġenerali.

99.      Minbarra l-obbligu għall-awtorità emittenti li twettaq u tispjega l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità, id-Direttiva dwar l-OIE tipprevedi salvagwardji addizzjonali. Jekk il-prosekuturi pubbliċi jiksru d-drittijiet fundamentali, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-OIE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili. Għalhekk, il-persuna suspettata jew akkużata għandha tkun tista’ tikkontesta l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mwettqa mill-prosekutur pubbliku meta toħroġ OIE għat-trasferiment ta’ provi (38). Dan ma huwiex il-każ fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika

100. Fl-aħħar, nixtieq niddiskuti fil-qosor ir-rilevanza tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (39) biex tiġi ddeterminata l-awtorità emittenti. Din id-domanda qamet għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha f’La Quadrature du Net, spjegat li d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika ma tapplikax għall-interċettazzjoni diretta tad-data; għall-kuntrarju, id-dritt nazzjonali japplika, “mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-[Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi]” (40). Il-kwistjoni hija għalhekk jekk l-obbligu għal qorti li toħroġ OIE għat-trasferiment tal-provi diġà eżistenti, meta dawn jikkonsistu f’data interċettata, jirriżultax mid-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi.

101. Id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, li tipproteġi d-data personali fil-qasam tal-investigazzjonijiet kriminali, hija fil-fatt trasponibbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ (41). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din id-direttiva ma fiha ebda regola li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għall-aċċess dirett tal-prosekutur pubbliku għad-data miksuba permezz tal-interċettazzjoni tal-komunikazzjoni.

102. Din id-direttiva tirregola l-obbligi tal-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu bħala kontrolluri tad-data, li huma obbligati, inter alia, li jwettqu evalwazzjoni tal-proporzjonalità (42), iżda ma tiddeterminax liema awtoritajiet jistgħu jkunu.

 Konklużjoni interim

103. Id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti miġbura permezz tal-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet tinħareġ minn qorti, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi li prosekutur pubbliku jista’ jordna tali trasferiment f’każ domestiku simili.

D.      LArtikolu 31 tadDirettiva dwar lOIE u lobbligu tannotifika

104. Permezz tar-raba’ grupp ta’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Franċiżi kellhiex tkun suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk tali notifika missiex ġiet indirizzata lil imħallef, peress li imħallef biss setgħa jawtorizza l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni skont id-dritt Ġermaniż.

105. Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE jipprovdu kif ġej:

“1.      Fejn, għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva, l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed (l-‘Istat Membru ta’ interċettazzjoni’) u l-indirizz ta’ komunikazzjoni tal-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni li jkun speċifikat fl-ordni tal-interċettazzjoni jkun qed jintuża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (l-‘Istat notifikat’) li minnu ma tinħtieġ l-ebda assistenza teknika biex issir l-interċettazzjoni, l-Istat Membru ta’ interċettazzjoni għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru notifikat bl-interċettazzjoni:

(a)      qabel l-interċettazzjoni f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ interċettazzjoni tkun taf meta tordna l-interċettazzjoni li l-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni tinsab jew ser tkun fit-territorju tal-Istat Membru notifikat;

(b)      matul l-interċettazzjoni jew wara li tkun saret l-interċettazzjoni, minnufih hekk kif isir jaf li l-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni tinsab jew kienet tinsab, matul l-interċettazzjoni, fit-territorju tal-Istat Membru notifikat.

2.      In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness C.

[…]”

106. L-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jwettaq l-interċettazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed jirrikorri għal kwalunkwe assistenza teknika minn dan l-aħħar Stat (43).

107. Din id-dispożizzjoni għandha żewġ għanijiet. L-ewwel, bħala kontinwazzjoni tal-korteżija internazzjonali permezz tal-arranġamenti preċedenti dwar l-assistenza legali reċiproka (44), fejn ir-rwol tal-obbligu ta’ notifika huwa li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-parteċipanti fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (45). It-tieni, ir-rwol tan-notifika huwa li tippermetti lill-Istat Membru notifikat jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-individwi fit-territorju tiegħu (46).

108. L-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE japplika għal sitwazzjoni fejn miżura transkonfinali tkun operattiva, minkejja li fl-assenza ta’ OIE, minħabba li titwettaq unilateralment minn Stat Membru wieħed (47).

109. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31, li bl-ebda mod ma jsemmi l-ħruġ ta’ OIE, b’differenza mill-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar l-OIE. Bl-istess mod, l-Artikolu 31 ma jużax, meta jitkellem dwar l-Istati Membri, l-espressjonijiet “emittenti” u ta’ “eżekuzzjoni”, iżda pjuttost “ta’ interċettazzjoni” u “notifikati” (48).

110. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tirrigwarda preċiżament sitwazzjonijiet bħall-interċettazzjoni minn Franza ta’ data dwar it-telekomunikazzjonijiet fuq mobiles fil-Ġermanja fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali Franċiża. Konsegwentement, Franza kellha tinforma lill-awtoritajiet Ġermaniżi hekk kif indunat li parti mid-data interċettata kienet ġejja minn mobiles fil-Ġermanja (49).

111. Liema awtorità Ġermaniża kellha Franza tinnotifika? Id-Direttiva dwar l-OIE ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnominaw l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirċievi tali notifiki, kif tagħmel f’ċerti sitwazzjonijiet oħra (50). Għalhekk, l-Istat ta’ interċettazzjoni ma jistax ikun jaf liema korp huwa kompetenti biex jirċievi tali notifika fl-Istat Membru nnotifikat.

112. Għalhekk, Franza ma kinitx obbligata tinnotifika qorti Ġermaniża kompetenti, iżda setgħet ukoll tinnotifika, pereżempju, prosekutur pubbliku. Huwa f’idejn l-Istati Membri notifikati li jirċievu din in-notifika u jittrażmettuha lill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali.

 Konklużjoni interim

113. Stat Membru li, fil-kuntest tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti kriminali unilaterali tiegħu, jinterċetta t-telekomunikazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jinnotifika lil dak l-istat l-ieħor bl-interċettazzjoni.

114. Din in-notifika tista’ tiġi ppreżentata lil kwalunkwe awtorità li l-Istat Membru ta’ interċettazzjoni jqis xieraq, peress li dak l-Istat ma jistax ikun jaf liema awtorità hija kompetenti f’każ domestiku simili.

115. L-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE għandu bħala għan li jipproteġi kemm lill-utenti individwali ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati kif ukoll is-sovranità tal-Istat Membru nnotifikat.

E.      Lammissibbiltà ta’ provi

116. Permezz tal-ħames grupp ta’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-konstatazzjoni li OIE nħarġet bi ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-OIE twassalx għall-inammissibbiltà ta’ dawn il-provi fil-proċeduri kriminali fl-Istat Membru emittenti. Din il-qorti tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Dan l-aħħar prinċipju huwa invokat b’mod li, jekk il-provi miksuba bi ksur tad-Direttiva dwar l-OIE jintużaw xorta waħda fl-Istat emittenti, dan ikun ta’ ħsara għall-effettività ta’ din id-direttiva.

117. It-tweġiba għal dan il-grupp ta’ mistoqsijiet tista’ tkun qasira: Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri kriminali.

118. Għalkemm l-Unjoni għandha s-setgħa, skont l-Artikolu 82(2)(a) tat-TFUE, li tintroduċi armonizzazzjoni minima tal-ammissibbiltà reċiproka tal-provi, dan għadu ma seħħx (51).

119. L-uniku riferiment għall-evalwazzjoni tal-provi miksuba permezz ta’ OIE jsir fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(7) tad-Direttiva dwar l-OIE: “Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti kriminali fl-Istat emittenti jkunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir il-valutazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-OIE.” (52)

120. Waqt is-seduta, mistoqsija dwar l-effett eventwali ta’ din id-dispożizzjoni fuq ir-regoli ta’ ammissibbiltà tal-provi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni indikat li tali konklużjoni kienet ser tmur wisq ’il bogħod. Hija spjegat li din il-frażi sempliċement tfakkar li d-drittijiet protetti mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu rrispettati. Nista’ naqbel ma’ tali interpretazzjoni, li tirrikonoxxi li l-proċess politiku tal-Unjoni attwalment ma huwiex mixi ’l quddiem fir-rigward tar-regolazzjoni tal-ammissibbiltà tal-provi.

121. Sa fejn naf jien, l-eqreb li d-dritt tal-Unjoni wasal sabiex jirregola l-ammissibbiltà tal-provi huwa l-Artikolu 37(1) tar-Regolament dwar l-UPPE (53): “L-evidenza ppreżentata mill-prosekuturi tal-UPPE jew mill-konvenut lil qorti ma tistax tiġi eskluża sempliċiment abbażi tal-fatt li l-evidenza nġabret fi Stat Membru ieħor jew f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru ieħor.”

122. Madankollu, din id-dispożizzjoni tindikalna sempliċement li l-provi ma għandhomx jiġu skartati minħabba li nġabru barra mill-pajjiż jew skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor; hija ma toħloqx restrizzjonijiet addizzjonali għall-imħallef nazzjonali fil-mod kif għandu jevalwa l-ammissibbiltà tal-provi.

123. L-istess approċċ jista’ jinstab fil-ġurisprudenza tal-QEDB. Din il-qorti indikat b’mod ċar li l-ammissibbiltà tal-provi taqa’ taħt id-dritt nazzjonali (54), filwaqt li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ eventwali ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, “il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina l-proċedura fl-intier tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tad-difiża, iżda wkoll l-interessi tal-pubbliku u tal-vittmi fil-kuntest tal-prosekuzzjoni adegwata tar-reat u, jekk ikun il-każ, tad-drittijiet tax-xhieda” (55). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

124. Għalkemm il-letteratura tikkritika l-insuffiċjenza ta’ tali regola, b’mod partikolari fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn il-liġi proċedurali tal-Istati Membri (56), dan ma jbiddel xejn mill-fatt li l-ammissibbiltà attwali tal-provi ma hijiex irregolata fil-livell tal-Unjoni.

125. Fil-qosor, fl-istat attwali ta’ żvilupp tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-provi miksuba bi ksur tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni humiex ammissibbli hija rregolata mil-liġi tal-Istati Membri.

126. Il-konsegwenzi tan-nuqqas possibbli ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE fid-Direttiva dwar l-OIE ma tantx huma numerużi: L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-OIE jipprovdi li jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tqis li l-Artikolu 6(1) tagħha ma kienx osservat, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li jeżegwixxi OIE u, wara din il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.

127. Bħala konklużjoni, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-provi taqa’, sa issa, taħt id-dritt nazzjonali. Madankollu, f’materji fejn japplika d-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma għandhomx jiksru l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (57).

128. Il-prinċipji proċedurali ta’ ekwivalenza u ta’ effettività japplikaw għas-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni jagħti drittijiet lill-individwi mingħajr rikors. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun jista’ jinkiseb dritt tal-Unjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dritt nazzjonali komparabbli, u r-regoli proċedurali applikabbli ma għandhomx jagħmluha prattikament impossibbli li jiġu infurzati dawk id-drittijiet (58).

129. Madankollu, ma hemm l-ebda dritt għall-(in)ammissibbiltà tal-provi mogħtija lill-individwi abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma japplikawx.

130. Fl-aħħar, anki jekk l-inammissibbiltà tal-provi wara ksur tad-Direttiva dwar l-OIE tista’ (possibilment) iżżid l-effettività tagħha, dan ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja toħloq tali regola.

 Konklużjoni interim

131. Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tiegħu, l-ammissibbiltà tal-provi miġbura permezz ta’ OIE maħruġa bi ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-OIE. L-ammissibbiltà tal-provi taqa’ taħt id-dritt nazzjonali li għandu, madankollu, josserva r-rekwiżiti tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

IV.    Konklużjoni

132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      B’risposta għall-ewwel grupp ta’ domandi preliminari:

Meta miżura sottostanti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet awtorizzata minn imħallef, Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (OIE) għat-trasferiment ta’ tali evidenza ma għandhiex bżonn tinħareġ minn imħallef ukoll, anki jekk, skont id-dritt tal-Istat emittenti, il-ġbir tal-provi sottostanti għandu jiġi ordnat minn imħallef.

Il-fatt li l-interċettazzjoni tkun saret fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jaffettwax id-determinazzjoni tal-awtorità emittenti.

Id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti miġbura permezz tal-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet tinħareġ minn qorti, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi li prosekutur pubbliku jista’ jordna tali trasferiment f’każ domestiku simili.

(2)      B’risposta għat-tieni grupp ta’ domandi preliminari:

L-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ OIE li titlob it-trasferiment tal-provi diġà eżistenti taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità emittenti, bil-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-qorti nazzjonali kompetenti. Tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aċċess tal-awtorità nazzjonali għad-data ta’ komunikazzjoni interċettata jikkostitwixxi ndħil serju fil-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Dan l-indħil għandu jiġi bbilanċjat minn interess pubbliku serju marbut mal-investigazzjoni u mal-prosekuzzjoni ta’ reati.

(3)      B’risposta għat-tielet grupp ta’ domandi preliminari:

Meta OIE tinħareġ għat-trasferiment ta’ evidenza diġà fil-pussess ta’ stat ieħor, ir-referenza għal każ domestiku simili skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali tirrikjedi li l-awtorità emittenti tistabbilixxi jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, id-dritt nazzjonali applikabbli jippermetti t-trasferiment tal-provi miġbura permezz ta’ interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn il-proċeduri kriminali fit-territorju nazzjonali.

Meta tiddeċiedi jekk tistax toħroġ OIE għat-trasferiment ta’ provi diġà eżistenti, l-awtorità emittenti ma tistax tevalwa l-legalità tal-ġbir sottostanti ta’ provi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li t-trasferiment tagħhom tkun teħtieġ permezz ta’ OIE.

Il-fatt li l-miżuri sottostanti ttieħdu fit-territorju tal-Istat emittenti, jew kienu fl-interess tal-Istat emittenti, ma jaffettwax ir-risposta preċedenti.

(4)      B’risposta għar-raba’ grupp ta’ domandi preliminari:

Stat Membru li, fil-kuntest tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti kriminali unilaterali tiegħu, jinterċetta t-telekomunikazzjonijiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jinnotifika lil dak l-Istat l-ieħor bl-interċettazzjoni.

Din in-notifika tista’ tiġi ppreżentata lil kwalunkwe awtorità li l-Istat Membru ta’ interċettazzjoni jqis xieraq, peress li dak l-Istat ma jistax ikun jaf liema awtorità hija kompetenti f’każ domestiku simili.

L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 għandu bħala għan li jipproteġi kemm lill-utenti individwali ta’ telekomunikazzjonijiet kkonċernati kif ukoll is-sovranità tal-Istat Membru nnotifikat.

(5)      B’risposta għall-ħames grupp ta’ domandi preliminari:

Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tiegħu, l-ammissibbiltà tal-provi miġbura permezz ta’ OIE maħruġa bi ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/41. L-ammissibbiltà tal-provi taqa’ taħt id-dritt nazzjonali li għandu, madankollu, josserva r-rekwiżiti tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, u rettifika fil- ĠU 2015, L 143, p. 16) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-OIE”).


3      Din kienet sistema operattiva doppja (b’interfaċċja kriptata li ma tistax tiġi skoperta), li fiha l-apparat ma kellux kamera, mikrofonu, GPS jew port USB. Il-messaġġi setgħu jitħassru awtomatikament u l-utenti setgħu, wara li jkunu użaw kodiċi PIN speċjali jew wara entrati konsekuttivi ta’ password żbaljata, jħassru immedjatament id-data kollha tal-apparat. Fl-aħħar, servizz ta’ assistenza jew ta’ rivenditur mill-bogħod seta’ wkoll, jekk ikun il-każ, iħassar id-data kollha fuq l-apparat. Ara, għal iktar informazzjoni, https://www.europol.europa.eu/media-press/newsroom/news/dismantling-of-encrypted-network-sends-shockwaves-through-organised-crime-groups-across-europe.


4      Pereżempju, il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) kkonstata f’April 2022 li d-dritt Franċiż, li abbażi tiegħu ġiet ordnata l-miżura sottostanti ta’ interċettazzjoni tal-komunikazzjoni f’dan il-każ, huwa konformi mal-Kostituzzjoni Franċiża fid-Deċiżjoni Nru 2022-987 QPC tat‑8 ta’ April 2022; il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) qieset li l-interċettazzjoni kienet legali skont id-dritt Ġermaniż fis-sentenza 5 StR 457/21 tat‑2 ta’ Marzu 2022; fl-aħħar, rikors kontra l-użu tad-data EncroChat provenjenti minn Franza quddiem il-qrati tar-Renju Unit huwa attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-Kawżi Nru 44715/20 (A.L vs Franza) u Nru 47930/21 (E.J. vs Franza). Fit‑3 ta’ Jannar 2022, il-QEDB għamlet mistoqsijiet lill-partijiet fejn staqsiet, inter alia, jekk kellhomx (iżda ma użawx) l-opportunità li jikkontestaw il-miżuri ta’ interċettazzjoni quddiem il-qrati Franċiżi kompetenti.


5      Qabel id-Direttiva dwar l-OIE, it-trasferiment ta’ provi diġà fil-pussess ta’ Stat Membru ieħor kien irregolat mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72). Skont il-premessi 4 sa 7 tad-Direttiva dwar l-OIE, is-sistema preċedenti kienet frammentata u kkumplikata wisq, għaldaqstant, l-OIE kien iddisinjat bħala strument singolu għall-finijiet ta’ ġbir ta’ provi ġodda u li diġà jeżistu.


6      Ara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


7      Dan ir-rinviju jikkostitwixxi għalhekk eżempju tal-espożizzjoni klassika li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari wasslet għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tal-qrati nazzjonali ordinarji fil-konfront tal-qrati superjuri tagħhom, artikolata bl-iktar mod magħruf minn Alter, K.J., “The European Court’s Political Power”, West European Politics, Vol. 19(3), 1996, p. 452. Għall-prova empirika tad-dinamika inversa, meta l-qrati nazzjonali superjuri jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jantiċipaw il-kontropartijiet tagħhom ta’ grad iktar baxxi milli jagħmlu dan, ara Pavone, T. u Kelemen, D.R., “The Evolving Judicial Politics of European Integration: The European Court of Justice and national courts revisited” European Law Journal, Vol. 25(4), 2019, p. 352.


8      Ara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-EIO.


9      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u l-post) (C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 44). Ara, ukoll, Csúri, A., “Towards an Inconsistent European Regime of Cross-Border Evidence: The EPPO and the European Investigation Order” f’Geelhoed, W., et al., Shifting Perspectives on the European Public Prosecutor’s Office, T.M.C. Asser Press, Den Haag, 2018, p. 146.


10      Skont l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva dwar l-OIE, awtorità kompetenti oħra skont id-dritt nazzjonali tista’ ukoll toħroġ OIE, fejn tali ordni mbagħad tiġi vvalidata minn waħda mill-awtoritajiet elenkati fl-Artikolu 2(c)(i) tagħha.


11      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6 p. 34 u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawżali (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE”).


12      Fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Staatsanwaltschaft Graz (Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Düsseldorf għall-materji kriminali tat-taxxa) (C‑16/22, EU:C:2023:148, punti 33 sa 36), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar l-OIE jeskludu lil xulxin b’mod reċiproku.


13      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 57 sa 63). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċji tal-Prosekutur Pubbliku, Lübeck u Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 88 sa 90), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prosekutur pubbliku Ġermaniż f’dak il-każ ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza meħtieġa għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”). Minn dan isegwi li prosekutur pubbliku li ma huwiex totalment indipendenti mill-eżekuttiv ma jistax joħroġ MAE, iżda jista’ xorta waħda joħroġ OIE. Għandu jiġi enfasizzat li, f’dawn iż-żewġ sentenzi, rimedju legali kontra l-prosekutur pubbliku tqies suffiċjenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-ħruġ ta’ OIE, iżda insuffiċjenti fil-kuntest tal-ħruġ ta’ MAE.


14      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja li għaliha sar riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


15      Għandu jingħad ukoll li, waqt is-seduta, qamet il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-Ġermanja ngħatat, permezz tal-Europol, aċċess f’ħin reali għall-komunikazzjoni interċettata (tal-inqas mit‑3 ta’ April 2020) għandux ifisser li l-Ġermanja kellha toħroġ OIE li titlob il-ġbir ta’ din id-data. Kif spjegaw l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin u l-Gvern Ġermaniż, dan l-aċċess dirett ma sarx possibbli għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, iżda biss għal finijiet ta’ xogħol preventiv tal-pulizija. Huma sostnew li l-OIE kienu sussegwentement meħtieġa għall-użu ta’ dawn il-provi fil-proċedura kriminali Ġermaniża. Għall-kuntrarju, OIE biex tinġabar id-data li saret aċċessibbli f’ħin reali permezz tal-Europol ma kinitx meħtieġa (jew saħansitra possibbli), peress li dan l-aċċess għad-data ma seħħx fil-kuntest tal-proċeduri elenkati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-OIE. Għalhekk, din id-direttiva ma kinitx tapplika għall-aċċess tal-pulizija għad-data f’ħin reali.


16      Enfasi miżjuda minni.


17      Skont it-tfittxija tiegħi stess, li hija neċessarjament superfiċjali, tas-StPO, l-Artikolu 477(2) jipprovdi għal trażmissjoni ex officio ta’ data personali minn proċeduri kriminali għal oħrajn, u l-Artikolu 480(1) jipprovdi li dan għandu jiġi ordnat minn prosekutur pubbliku fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji u wara l-għeluq definittiv ta’ dawk il-proċeduri; fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra, huwa l-imħallef li jkun qed jippresjedi l-qorti adita bil-kawża li għandu jordna dan. Dmir ta’ trażmissjoni tal-provi jista’ jirriżulta mill-prinċipju ta’ prosekuzzjoni mandatorja stabbilit fl-Artikolu 152(2). Bħala prinċipju, it-trażmissjoni hija possibbli biss jekk il-provi rilevanti jikkonċernaw reat kriminali li għat-twettiq tiegħu tali miżura setgħet tiġi ordnata, inkella jkun meħtieġ il-kunsens tal-persuna kkonċernata. Vogel, B., Köppen, P., u Wahl, T., “Access to Telecommunication Data in Criminal Justice: Germany” f’Sieber, U., u von zur Mühlen, N., (ed.), Access to Telecommunication Data in Criminal Justice. A Comparative Analysis of European Legal Orders, Duncker & Humblot, Berlin, 2016, p. 518; Gieg, G f’Barthe, C. u Gericke, J. (ed..), Karlsruher Kommentar zur Strafprozessordnung, Artikolu 477(1), Artikolu 479(3), C.H. Beck, München, 2023.


18      Il-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati mill-interċettazzjonijiet EncroChat setgħux jikkontestaw din is-sitwazzjoni fi Franza hija kwistjoni pendenti quddiem il-QEDB. Ara in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


19      Il-proċeduri kriminali nazzjonali jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, mhux biss f’termini ta’ miżuri investigattivi disponibbli (Armada, I., “The European Investigation order and the lack of European Standards for Gathering Evidence”, Is a Fundamental Rights-Based Refusal the Solution? New Journal of European Criminal Law, Vol. 6(1), 2015, p. 9), iżda wkoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet marbuta mal-użu tagħhom (Bachmaier, L., “Mutual Recognition and Cross-Border Interception of Communications: The Way Ahead for the European Investigation order” f’Brière, C., u Weyembergh, A., (ed.), The Needed Balances in EU Criminal Law: Past, Present and Future, Hart Publishing, Oxford, 2018, f’p. 317). Pereżempju, fir-rigward tal-interċettazzjoni tal-komunikazzjoni, xi Stati Membri jipprovdu lista ta’ reati kriminali għall-investigazzjoni li għalihom tista’ tiġi preskritta tali miżura (pereżempju, il-Ġermanja); oħrajn jiffokaw fuq ir-rekwiżit ta’ sanzjoni minima (pereżempju, Franza); oħrajn għadhom jużaw taħlita taż-żewġ approċċi. Barra minn hekk, liġijiet nazzjonali differenti jippermettu miżura investigattiva bħal din bil-kundizzjoni li jkun hemm ċertu livell ta’ suspett; jew fuq evalwazzjoni obbligatorja tan-neċessità (jekk miżura inqas intrużiva tistax tikseb l-istess riżultat). Fl-aħħar, Stati Membri ma jaqblux dwar it-tul massimu tal-ordni ta’ interċezzjoni u l-possibbiltà tal-proroga tagħha. (ara Tropina, T., “Comparative Analysis” f’Sieber, U., u von zur Mühlen, N., (ed.), Access to Telecommunication Data in Criminal Justice. A Comparative Analysis of European Legal Orders, Duncker & Humblot, Berlin, 2016, f’p. 67-72 u 77-79).


20      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u l-post) (C‑724/19, EU:C:2021:1020, punti 35 u 44). Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 52).


21      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u l-post) (C‑724/19, EU:C:2021:1020, punti 35 u 45).


22      Dan jagħmel sens ukoll mill-perspettiva tal-prevenzjoni tal-forum shopping: jekk id-dritt nazzjonali jirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ qorti nazzjonali, l-użu ta’ OIE ma għandux ineħħi dak ir-rekwiżit. Mangiaracina, A., “A New and Controversial Scenario in the Gathering of Evidence at the European Level: The Proposal for a Directive on the European Investigation Order”, Utrecht Law Review, Vol. 10(1), 2014, p. 126.


23      Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-isforzi biex tiġi żgurata armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-liġi tal-proċedura kriminali għandhom rwol importanti fil-“familjarizzazzjoni” tas-sistemi legali differenti tal-Istati Membri. Hawnhekk għandi f’moħħi strumenti bħad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1); jew id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).


24      F’dan il-kuntest, diġà semmejt li l-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż ikkonstata, f’April 2022, li l-leġiżlazzjoni Franċiża li permezz tagħha ġiet ordnata l-interċettazzjoni ta’ EncroChat, hija konformi mal-Kostituzzjoni Franċiża. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


25      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti Kriminali f’Lille (Franza) awtorizzat dan.


26      Peress li l-mobiles tal-utenti Ġermaniżi li fuqhom kienet maħżuna d-data kienu jinsabu fil-Ġermanja.


27      Ir-rilevanza tal-interċettazzjoni mwettqa fit-territorju tal-Istat emittenti ser tiġi ttrattata fil-kuntest tar-raba’ grupp ta’ domandi, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE. Ara t-Taqsima D iktar ’l isfel.


28      Il-premessa  11 tad-Direttiva dwar l-OIE tikkjarifika iktar din id-dispożizzjoni billi tindika li l-“awtorità emittenti għandha għalhekk taċċerta jekk il-provi mfittxija humiex meħtieġa u proporzjonati għall-fini tal-proċedimenti, jekk il-miżura investigattiva magħżula hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-ġbir ta’ dawn il-provi, u jekk, permezz tal-ħruġ ta’ OIE, Stat Membru ieħor għandux ikun involut fil-ġbir tal-prova konċernata.” Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din il-premessa hija prinċipalment iffokata fuq l-ewwel tip ta’ OIE, jiġifieri dik tal-ġbir ta’ provi ġodda.


29      Il-formola li permezz tagħha tinħareġ OIE tipprovdi spazju biex l-awtorità emittenti tispjega fid-dettall għaliex l-OIE huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari (Anness A tad-Direttiva dwar l-OIE, Taqsima G). Dwar ir-rilevanza ta’ dik il-formola għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, ara Bachmaier Winter L., “The Role of the Proportionality Principle in Cross-Border Investigations Involving Fundamental Rights”, f’Ruggeri S., (ed.), Transnational Inquiries and the Protection of Fundamental Rights in Criminal Proceedings. A Study in Memory of Vittorio Grevi and Giovanni Tranchina, Springer, Berlin, 2013, f’p. 318.


30      Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika”).


31      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 39); u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 44).


32      Din id-direttiva tapplika biss għas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet ta’ Stat jaċċessa d-data dwar it-traffiku u l-post miżmuma mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet. Għall-kuntrarju, ma tapplikax meta dawk l-awtoritajiet jinterċettaw direttament id-data tat-telekomunikazzjonijiet, id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika ma tapplikax. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791) punt 103.


33      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 122).


34      Pereżempju, fir-rigward tal-livell ta’ suspett meħtieġ biex tiġi ordnata ċerta miżura investigattiva.


35      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 51, 53 u 54).


36      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2020:18, punti 103 sa 123).


37      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 103).


38      Il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tiggarantixxi dritt għar-rispett tal-ħajja privata, ikkonstatat ksur meta l-liġi ma kinitx teħtieġ evalwazzjoni tal-proporzjonalità u ma kinitx tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L-Ungerija (CE:ECHR:2016:0112JUD003713814), punt 89.


39      Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU  2016, L 119, p. 89 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi”).


40      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 103).


41      Meta jiġi evalwat fid-dawl tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, dan il-każ jista’ jiġi deskritt bħala żewġ każijiet ta’ pproċessar ta’ data personali: l-ewwel, l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti kienu l-kontrollur meta interċettew u ġabru data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detenzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali; it-tieni, bit-trasferiment ta’ din id-data lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt, li talabha għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali fil-Ġermanja bbażata fuq l-OIE, dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku sar il-kontrollur.


42      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fil-kuntest tal-adattament għal skop differenti skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha ssir kull darba li d-data tiġi pproċessata b’mod speċifiku u distint (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni kriminali) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 56).


43      F’sitwazzjonijiet fejn tkun meħtieġa assistenza teknika mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir l-interċettazzjoni, għandu japplika l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar l-OIE.


44      It-test tal-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE jikkorrispondi fil-parti l-kbira tiegħu għall-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, C 197, p. 3).


45      Bachmaier, L., nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 330.


46      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar l-OIE tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat notifikat tivverifika jekk tali interċettazzjoni tkunx awtorizzata f’każ domestiku simili u tinnotifika, fi żmien 96 siegħa minn meta tirċievi n-notifika, lill-Istat Membru ta’ interċettazzjoni li l-interċettazzjoni ma tistax issir; għandha tiġi terminata; jew li d-data miksuba ma tistax tintuża b’xi mod jew sempliċement taħt ċerti kundizzjonijiet.


47      Għalhekk ma naqbilx mal-Gvern Franċiż, li sostna li l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE ma japplikax għal din il-kawża għaliex l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni ma saritx għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ OIE, iżda seħħet qabel il-ħruġ ta’ kwalunkwe OIE.


48      Bachmaier, L., nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 331.


49      Sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu ta’ notifika impost mill-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar l-OIE, Franza kellha tuża l-formola li tinsab fl-Anness C ta’ din id-Direttiva.


50      Ara l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar l-OIE.


51      Ligeti, K. et al. isemmu li l-Istati Membri jirrifjutaw li jieħdu din l-azzjoni minħabba tħassib dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u li dan jaffettwa s-sistemi ta’ kontroll u bilanċ fil-livell nazzjonali (Ligeti, K., Garamvölgy, B., Ondrejová, A., u von Galen, M., “Admissibility of Evidence in Criminal Proceedings in the EU”, eucrim, Vol. 3, 2020, p. 201, u nota ta’ qiegħ il-paġna 14.


52      Il-premessa 34 tad-Direttiva dwar l-OIE tipprovdi wkoll: “Barra minn hekk, għall-istess raġuni, il-valutazzjoni ta’ jekk punt għandux jintuża fil-provi u għalhekk ikun l-oġġett ta’ OIE għandha titħalla għall-awtorità emittenti.”


53      Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-UPPE”).


54      Sentenzi tal-Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 1988, Schenk vs L-Isvizzera (CE:ECHR:1988:0712JUD001086284, punti 45 u 46; 11 ta’ Lulju 2017, Moreira Ferreira vs Il-Portugall (Nru 2), (CE:ECHR:2017:0711JUD001986712, punt 83; u tal‑1 ta’ Marzu 2007, Heglas vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2007:0301JUD000593502), punt 84.


55      Sentenza tal-Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2017, Habran u Dalem vs Il-Belġju, (CE:ECHR:2017:0117JUD004300011, punt 96.


56      Hecker, B., “Mutual Recognition and Transfer of Evidence. European Evidence Warrant’, f’Ruggeri, S., (ed.) Transnational Inquiries and the Protection of Fundamental Rights in Criminal Proceedings: A Study in Memory of Vittorio Grevi and Giovanni Tranchina, Springer, Berlin, 2013, f’p. 277; Armada, I., in-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 30.


57      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura (Tfittxija fiżika) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punti 58 u 61).


58      Stabbilita fis-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), u tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, EU:C:1976:191, punt 13). Iktar reċentement, ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, CAJASUR Banco (C‑35/22, EU:C:2023:569, punt 23).

Top