EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0646

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-25 ta’ April 2024.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:367

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 (1)

Kawża C646/22

Compass Banca SpA

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

partijiet magħquda:

Metlife Europe Dac,

Metlife Europe Insurance Dac,

Europ Assistance Italia SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il‑Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29 – Artikoli 2(d), (e) u (j), u Artikoli 5, 6, 8 u 9 – Prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju u mal-konsumatur – Projbizzjoni – Kunċett ta’ ‘prattika kummerċjali aggressiva’– Bejgħ abbinat ta’ prodotti ta’ finanzjament u prodotti ta’ assigurazzjoni li ma humiex konnessi – Assenza ta’ intervall bejn l-iffirmar taż-żewġ kuntratti – Evalwazzjoni każ b’każ tan-natura ‘aggressiva’ tal-prattika – Kunċett ta’ ‘konsumatur medju’ – Tifsira ta’ ‘normalment informat u raġonevolment attent u avżat’ – Direttiva (UE) 2016/97 – Artikolu 24 – Deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li timponi perijodu ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar taż-żewġ kuntratti – Assenza ta’ kwalunkwe kunflitt ma’ dik id-dispożizzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        “F’loġika pura liberali, in-nies huma ħielsa, ugwali, u kbar biżżejjed sabiex jiftiehmu mingħajr ma jindaħal l-Istat. Il-liġi, madankollu, tqis ir-realtà, u l-fatt li fir-realtà l-partijiet [f’kuntratt ta’ finanzjament] ma humiex ħielsa u ugwali bħal fit-teorija liberali” (2).

2.        Ħafna mit-testi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi joħorġu mill-istess osservazzjoni sempliċi: normalment ma hemmx opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’kuntratt tal-konsumatur, partikolarment dawk f’relazzjoni ta’ debitur-kreditur. Huwa għalhekk li huwa meħtieġ “grad għoli” ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

3.        Id-Direttiva 2005/29/KE (3), li l-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali “żleali” li huma “konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali [tagħhom] fir-rigward ta’ prodotti” (4) ma hijiex eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġenerali. Tabilħaqq, għandha l-għan li tipprovdi “livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur” (5), billi tipprojbixxi tali prattiċi kummerċjali “żleali”, b’mod partikolari fejn ikunu “qarrieqa” jew “aggressivi” (6).

4.        Il-kawża prinċipali tikkonċerna prattika kummerċjali adottata minn Compass Banca SpA (iktar ’il quddiem “Compass Banca”), ir-rikorrenti f’din il-kawża. Din il-prattika tikkonsisti fil-bejgħ ta’ polza tal-assigurazzjoni lil klijenti li jkunu diġà fil-proċess li jiffirmaw kuntratt ta’ finanzjament personali ma’ dik il-kumpanija. L-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u s-Suq, l-Italja, l-“AGCM”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija tal-fehma li l-klijenti huma essenzjalment “imġiegħla jissottoskrivu” polza tal-assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-prodott tal-finanzjament u l-polza tal-assigurazzjoni huma offruti fl-istess ħin u l-kuntratti għal dawk il-prodotti rispettivi huma ffirmati simultanjament mill-klijenti. Barra minn hekk, il-polza tal-assigurazzjoni tipprovdi kopertura għal avvenimenti personali, li, għalkemm ma humiex relatati mal-kuntratt tal-finanzjament innifsu, (kieku jkollhom isiru realtà), jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-klijenti li jħallsu lura l-finanzjament tagħhom – eventwalità li tinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom li jixtru l-polza tal-assigurazzjoni.

5.        Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-kundizzjonijiet li fihom tali prattika kummerċjali ta’ bejgħ abbinat tista’ tiġi kkunsidrata bħala “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Hija tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi xi riflessjonijiet usa’ dwar il-kunċett ta’ “konsumatur medju”, li l-Istati Membri u l-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom huma meħtieġa, taħt dak l-istrument, jużawh bħala punt ta’ riferiment.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(e)      ‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;

[…]

(j)      ‘influwenza mhux xierqa’ tfisser l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata;

[…]”

7.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, jgħid:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

(a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

(b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]”

8.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29, li huwa intitolat “Il-Prattiċi Kummerċjali Aggressivi”, jipprovdi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

9.        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “L-Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa”, jipprovdi kif ġej:

“Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

(a)      iż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza tagħha;

(b)      l-użu tal-lingwaġġ użat jew l-imġieba ta’ theddid jew abbużiv;

(c)      l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;

[…]”

B.      Id-dritt nazzjonali

10.      L-Artikolu 20 tad-Decreto legislativo del 6 settembre 2005, n. 206, Codice del consumo (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 tas‑6 ta’ Settembru 2005; iktar ’il quddiem “il-Kodiċi tal-Konsumatur”) huwa intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”. Dan jipprovdi:

“Prattika kummerċjali tkun żleali jekk hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi”.

11.      L-Artikolu 24 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jikkonċerna “Prattiċi kummerċjali aggressivi” u jittrasponi r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

12.      Bejn Jannar 2015 u Lulju 2018, Compass Banca offriet li tbigħ lill-klijenti tagħha, flimkien ma’ diversi tipi ta’ finanzjament personali, poloz tal-assigurazzjoni li kienu jipprovdu kopertura għal ċerti avvenimenti personali li ma kinux relatati mal-finanzjament. Is-sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni ma kinitx kundizzjoni preliminari għall-għoti tal-finanzjament, iżda kien offrut flimkien ma’ dan il-prodott. Barra minn hekk, il-kuntratti għaż-żewġ prodotti ġew iffirmati simultanjament.

13.      Fit‑13 ta’ Settembru 2018, l-AGCM fetħet investigazzjoni sabiex tiddetermina jekk din il-prattika kummerċjali kinitx “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

14.      Matul l-investigazzjoni, sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ multa, Compass Banca aċċettat xi wħud mill-miżuri proposti mill-AGCM. Dawn il-miżuri kienu jinkludu l-estensjoni, għall-klijenti kollha, ta’ dritt inkundizzjonat li jikkanċellaw il-kuntratt tal-polza tal-assigurazzjoni tagħhom (mingħajr ma dan jaffettwa l-kuntratt ta’ finanzjament tagħhom), li jirriżulta fit-terminazzjoni tal-polza tal-assigurazzjoni u r-rimbors tal-primjums tal-assigurazzjoni mhux użati.

15.      Fl-istess ħin, Compass Banca ċaħdet it-talba tal-AGCM li tissepara l-iffirmar taż-żewġ kuntratti b’intervall ta’ sebat ijiem. Fil-fatt, hija kkunsidrat dik il-miżura sproporzjonata. Madankollu, hija ipproponiet li tikkuntattja lill-klijenti tagħha sebat ijiem wara li jkunu ffirmaw il-kuntratt tal-polza tal-assigurazzjoni tagħhom sabiex tikkonferma li kien għadhom jixtiequ jżommu l-polza tal-assigurazzjoni, u żiedet li Compass Banca kienet ser tkopri l-ispiża tal-primjum tal-assigurazzjoni għall-perijodu li jikkorrispondi għal dawk is-sebat ijiem.

16.      L-AGCM qieset dawk l-impenji insuffiċjenti. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2019, hija indikat li Compass Banca kienet implimentat prattika kummerċjali “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, li tikkonsisti fil-“kombinament obbligatorju ta’ ftehimiet ta’ finanzi personali u prodotti tal-assigurazzjoni li ma humiex relatat mal-kreditu, li għalih dik l-istituzzjoni finanzjarja taġixxi bħala intermedjarju”. Hija pprojbixxiet it-tkomplija ta’ din il-prattika u tat multa ta’ EUR 4 700 000 lil Compass Banca.

17.      Compass Banca ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Lazio, l-Italja), fejn ikkontestat id-deċiżjoni tal-AGCM. Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors.

18.      Sussegwentement, Compass Banca ppreżentat appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

19.      Compass Banca ssostni li l-AGCM qieset il-prattika kummerċjali tagħha bħala “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, għas-sempliċi raġuni li tikkonsisti f’bejgħ abbinat ta’ finanzjament personali u poloz ta’ assigurazzjoni, mingħajr ma pprovdiet evidenza reali ta’ dik in-natura “aggressiva”, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dik il-prattika jew taċ-ċirkustanzi rilevanti.

20.      Compass Banca żżid li, minħabba l-approċċ tal-AGCM, l-oneru tal-prova huwa fuqha sabiex turi li l-prattika kummerċjali tagħha fil-fatt ma hijiex “aggressiva”. Tali inverżjoni tal-oneru tal-prova hija, skont Compass Banca, mhux iġġustifikata u inaċċettabbli.

21.      L-AGCM targumenta li, permezz ta’ bejgħ abbinat ta’ finanzjament personali u poloz tal-assigurazzjoni, Compass Banca influwenzat u llimitat b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-għażla tal-klijenti tagħha fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni tagħha. Hija tikkonstata li Compass Banca naqset, b’mod partikolari, milli tipprovdi informazzjoni lill-klijenti tagħha dwar in-natura fakultattiva tal-polza tal-assigurazzjoni. Skont l-AGCM, il-prattika adottata minn Compass Banca ma kinitx tkun “aggressiva” li kieku d-data tal-iffirmar taż-żewġ kuntratti kienet isseparata b’intervall ta’ sebat ijiem.

22.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li d-Direttiva 2005/29 teħtieġ li l-“konsumatur medju” jintuża bħala punt ta’ riferiment meta tiġi evalwata n-natura potenzjalment “żleali” ta’ prattika kummerċjali.

23.      F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk dan il-kunċett jagħtix biżżejjed importanza lit-teoriji li juru l-ħtieġa ta’ protezzjoni ikbar tal-konsumatur, b’mod partikolari t-teorija tar-“razzjonalità limitata”. Skont dik it-teorija, in-nies spiss jaġixxu mingħajr ma jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa, jieħdu deċiżjonijiet irrazzjonali (meta mqabbla ma’ dawk li jittieħdu minn persuna ipotetikament “normalment informata u raġonevolment attenta u avżata”) u jibdlu l-preferenzi tagħhom skont il-modi differenti li bihom l-informazzjoni materjali jew l-alternattivi għal azzjoni jew prodott partikolari jiġu ppreżentati lilhom mill-kummerċjant (7) (l-“effett ta’ tqegħid tal-informazzjoni f’qafas”).

24.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija tfakkar li, għalkemm l-avvenimenti personali koperti mill-polza tal-assigurazzjoni mibjugħa minn Compass Banca (pereżempju, kwistjonijiet ta’ saħħa) ma humiex relatati mal-finanzjament personali li din il-kumpannija tbigħ ukoll, l-offerti konġunti għal dawn iż-żewġ prodotti huma mqiegħda “f’qafas” minn Compass Banca b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jispiċċaw jaħsbu li ma huwiex possibbli li jidħlu fil-kuntratt ta’ finanzjament mingħajr ma jissottoskrivu wkoll polza tal-assigurazzjoni. Hija tistaqsi jekk din il-prattika għandhiex, konsegwentement, tiġi kkunsidrata bħala prattika kummerċjali “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

25.      Finalment, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-prattika kummerċjali adottata minn Compass Banca tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ prodott tal-assigurazzjoni (il-polza tal-assigurazzjoni) ma’ prodott ieħor (il-finanzjament personali) għandux implikazzjonijiet fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija tinnota li l-Artikolu 24(7) tad-Direttiva (UE) 2016/97 (8) (li jikkonċerna, speċifikament, id-“distribuzzjoni” ta’ prodotti tal-assigurazzjoni) fih regoli dwar il-bejgħ abbinat ta’ prodotti tal-assigurazzjoni ma’ prodotti oħra. Hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix lill-AGCM milli tipprojbixxi l-prattika kummerċjali ta’ Compass Banca fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

26.      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Il-kunċett ta’ konsumatur medju msemmi fid-Direttiva 2005/29/KE [...], mifhum bħala konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat – fid-dawl tan-natura malleabbli u impreċiża tiegħu – għandu jiġi fformulat b’riferiment għall-aqwa għarfien u esperjenza u konsegwentement ma jirreferix biss għall-kunċett klassiku ta’ homo oeconomicus iżda wkoll għall-kisbiet [...] [tat-teorija dwar] ir-razzjonalità limitata li [wriet] kif jaġixxu l-individwi fejn ta’ spiss jirriduċu l-informazzjoni neċessarja permezz ta’ deċiżjonijiet ‘irraġonevoli’ jekk jiġu mqabbla ma’ dawk li jittieħdu minn persuna ipotetikament attenta u avżata; liema konstatazzjonijiet jimponu rekwiżit ikbar ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-każ – dejjem iktar komuni fid-dinamiki moderni tas-suq – ta’ periklu ta’ influwenza konjittiva?

(2)      Prattika kummerċjali li fiha, minħabba t-tqegħid tal-informazzjoni f’qafas (framing), għażla tista’ tidher mandatorja u mingħajr alternattivi fid-dawl tal-Artikolu 6(1) [ta’ din id-direttiva], li tqis bħala qarrieqa prattika kummerċjali li bi kwalunkwe mod tqarraq jew tista’ tqarraq lill-konsumatur medju ‘anki bil-preżentazzjoni totali tagħha’, tista’ titqies fiha nnifisha bħala aggressiva?

(3)      [Id-Direttiva 2005/29] tiġġustifika s-setgħa [tal-AGCM] (ladarba jiġi kkonstatat il-periklu ta’ influwenza psikoloġika marbuta: 1) mal-qagħda ta’ bżonn li fih normalment ikun jinsab min jitlob finanzjament, 2) mal-kumplessità tal-kuntratti sottomessi għall-firma tal-konsumatur, 3) man-natura kuntestwali tal-offerta trażversali, 4) mal-qosor tat-termini mogħtija għas-sottoskrizzjoni tal-offerta), li tipprevedi deroga mill-prinċipju ta’ possibbiltà ta’ bejgħ trażversali ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni u ta’ prodotti finanzjarji mhux konnessi billi timponi perijodu ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar taż-żewġ kuntratti?

(4)      B’rabta ma’ tali setgħa ta’ ssanzjonar tal-prattiki kummerċjali aggressivi, id-Direttiva (UE) 2016/97 [...] u b’mod partikolari l-Artikolu 24(3) tagħha, tipprekludi l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni tal-[AGCM] fuq il-bażi tal-Artikoli 2(d) u (j), 4, 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni adottata [...] b’riżultat tar-rifjut ta’ kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment, fil-każ ta’ bejgħ abbinat ta’ prodott finanzjarju u ta’ prodott ta’ assigurazzjoni mhux konness ma’ tal-ewwel – u quddiem riskju, marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, li jistgħu jinsiltu wkoll mill-kumplessità tad-dokumentazzjoni li għandha tiġi eżaminata, li l-konsumatur jiġi influwenzat – li l-konsumatur jingħata spatium deliberandi ta’ sebat ijiem bejn il-formulazzjoni tal-proposta abbinat u l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni?

(5)      Il-qisien tas-sempliċi għaqda ta’ żewġ prodotti finanzjarji u ta’ assigurazzjoni bħala prattika aggressiva jista’ jirriżulta f’att regolatorju mhux permess u dan jista’ jirriżulta fit-tqegħid fuq il-kummerċjant (u mhux fuq l-AGCM, kif għandu jkun) tal-oneru (li diffiċilment jista’ jiġi mwettaq) li jintwera li ma huwiex każ ta’ prattika aggressiva bi ksur tad-Direttiva 2005/29 (speċjalment ladarba d-direttiva ċċitata ma tippermettix lill-Istati Membri jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti minnha, lanqas sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi) jew inkella tali inverżjoni tal-oneru tal-prova ma jissussistix minkejja li, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jitqies li, quddiem offerta trażversali kumplessa, hemm riskju konkret li l-konsumatur li jeħtieġ li jikseb finanzjament jiġi influwenzat?”

27.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tal‑10 ta’ Ottubru 2022, ġiet irreġistrata fit‑13 ta’ Ottubru 2022. Compass Banca, Europe Assistance Italia SpA (iktar ’il quddiem “Europe Assistance Italia”), il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammet l-ebda seduta.

IV.    Analiżi

28.      Il-ħames domandi tal-qorti tar-rinviju kollha jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29, li, kif spjegajt fl-introduzzjoni iktar ’il fuq, tipprojbixxi prattiċi kummerċjali “żleali”. Kif jindika l-Artikolu 5(2) ta’ dak l-istrument, prattika kummerċjali hija “żleali” jekk tkun “kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali” (l-ewwel rekwiżit) u “toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata” (it-tieni rekwiżit) (9).

29.      Minn din id-definizzjoni u mill-premessa 18 ta’ din id-direttiva jirriżulta li n-natura “żleali” ta’ prattika kummerċjali għandha tiġi evalwata billi jintuża bħala punt ta’ riferiment il-“konsumatur medju” li jkun “infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi” (10).

30.      F’dan l-isfond, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur medju” (A). L-erba’ domandi li jifdal għandhom fil-qalba tagħhom il-kwistjoni dwar jekk prattika ta’ bejgħ abbinat bħal dik stabbilita minn Compass Banca hijiex “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, u liema miżuri jistgħu jiġu ordnati mill-awtorità nazzjonali kompetenti f’sitwazzjoni bħal din. Jiena ser nindirizza t-tieni (B) u l-ħames domanda (C), qabel ma nagħti risposta għat-tielet (D) u r-raba’ domanda (E).

A.      Il-kunċett ta’ “konsumatur medju” (Domanda 1)

31.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “konsumatur medju”, li d-Direttiva 2005/29 teħtieġ li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali jużaw bħala punt ta’ riferiment meta jevalwaw in-natura “żleali” ta’ prattika kummerċjali fl-applikazzjoni ta’ dik id-direttiva, għandux jinftiehem b’riferiment għall-“kunċett klassiku” ta’ “homo economicus” biss, jew jekk jistgħux jitqiesu wkoll teoriji oħra li juru l-ħtieġa għal protezzjoni ikbar tal-konsumaturi, b’mod partikolari t-teorija tar-“razzjonalità limitata”.

32.      Sabiex niddeċifra t-tifsira preċiża ta’ din id-domanda, ser nibda billi nispjega xi tfisser din il-qorti bil-“kunċett klassiku” ta’ “homo economicus” u t-teorija tar-“razzjonalità limitata”.

33.      It-terminu “homo economicus” qatt ma ġie użat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Lanqas jidher imkien fid-Direttiva 2005/29. Il-frażi ġiet maħluqa minn ekonomisti neoklassiċi (11) li ppreżentaw l-eżistenza ta’ konsumatur li jġib ruħu b’mod razzjonali, bil-ħsieb li jimmassimizza l-“profitt” (12) jew l-“utilità personali” (13) tiegħu. Skont il-mudell tal-“homo economicus”, il-“konsumatur medju” huwa attur razzjonali li huwa kunfidenti u proattiv fil-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni qabel jieħu deċiżjonijiet tranżazzjonali (14) u li għandu għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-għażliet tiegħu.

34.      B’kuntrast ma’ dan, it-teorija tar-“razzjonalità limitata” tipprovdi li, b’mod ġenerali, in-nies huma limitati fil-kapaċità tagħhom li jassimilaw informazzjoni kumplessa, u li mhux dejjem jifhmu l-informazzjoni kollha pprovduta lilhom jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom. Din it-teorija ġiet introdotta minn ekonomisti komportamentali li kkonfutaw il-mit li l-konsumaturi jagħmlu l-aħjar għażliet għalihom infushom, anki meta jiġu ppreżentati bl-informazzjoni rilevanti kollha (15).

35.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nifhem li l-ewwel domanda għandha l-għeruq tagħha fl-argument, magħmul minn xi awturi (16), li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, il-kunċett ta’ “konsumatur medju” jirreferi għal individwu razzjonali li huwa proattiv fil-kisba tal-informazzjoni rilevanti kollha, jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni li tiġi pprovduta lilu u li, għalhekk, huwa kapaċi jieħu deċiżjonijiet infurmati (f’konformità mal-mudell tal-“homo economicus”). Dik l-interpretazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29 tindika li l-“konsumatur medju” għandu jitqies “li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt”.

36.      Barra minn hekk, nifhem ukoll li permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq fil-fatt tkun taf sa liema punt il-mod kif l-informazzjoni hija ppreżentata (jew “imqiegħda f’qafas”) minn Compass Banca lill-klijenti tagħha għandu rwol fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-prattika kummerċjali tal-din kumpannija hijiex “żleali”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Jekk il-“konsumatur medju” ikun individwu razzjonali li huwa proattiv sabiex jikseb l-informazzjoni rilevanti kollha u jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni li tiġi pprovduta lilu (bħal “homo economicus”), il-mod li bih tiġi ppreżentata l-informazzjoni lilu mill-kummerċjant ma jkunx kapaċi “joħloq distorsjoni sostanzjali” fl-imġiba ekonomika tiegħu daqskemm jagħmel li kieku kien individwu b’“razzjonalità limitata” li aġixxa mingħajr ma kiseb l-informazzjoni rilevanti kollha jew ma kienx kapaċi jipproċessa l-informazzjoni pprovduta lilu b’mod razzjonali.

37.      Dawn l-osservazzjonijiet preliminari jippermettuli niċħad l-allegazzjoni ta’ Compass Banca li l-ewwel domanda hija inammissibbli minħabba li hija ipotetika. F’dan ir-rigward, infakkar li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali għal deċiżjoni preliminari jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, li tista’ tiġi kkonfutata biss f’każijiet eċċezzjonali, inkluż fejn il-problema tkun ipotetika u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-fatti jew materjal legali meħtieġ sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula (17). Jidhirli li huwa ċar, fid-dawl tal-ispjegazzjoni li għadni kemm tajt u peress li l-perspettiva ta’ “konsumatur medju” hija dik li l-Consiglio deċiżjonijiet kontenzjużi Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu jadotta sabiex jiddetermina jekk il-prattika kummerċjali ta’ Compass Banca hijiex “aggressiva” u, għalhekk “żleali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, li l-problema ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel domanda ma hijiex ipotetika u, fil-fatt, hija direttament rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

38.      Wara li għamilt dawn il-kjarifiki, ser nispjega għaliex naqbel mal-fehma, espressa mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni, li l-“konsumatur medju”, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, ma huwiex neċessarjament individwu li jikkorrispondi għall-mudell ta’ “homo economicus”. Il-kunċett huwa flessibbli biżżejjed sabiex huwa jiġi pperċepit, f’xi sitwazzjonijiet, bħala individwu b’“razzjonalità limitata” li jaġixxi mingħajr ma jikseb l-informazzjoni rilevanti kollha jew ma jkunx jista’ jipproċessa l-informazzjoni pprovduta lilu b’mod razzjonali. Hemm diversi raġunijiet għalfejn wasalt għal din il-konklużjoni.

39.      L-ewwel, il-premessa 18 ta’ din id-direttiva tindika espressament li l-kunċett ta’ “konsumatur medju” jiddependi mill-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li “l-eżami tal-konsumatur medju ma huwiex eżami statistiku”. Barra minn hekk, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu “fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi” meta jiddefinixxu min hu l-“konsumatur medju” fir-rigward ta’ prattika kummerċjali partikolari. Din il-premessa tindika wkoll li dawk il-qrati u l-awtoritajiet għandhom jeżerċitaw “il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom” sabiex jiddeterminaw kif ser jirreaġixxi l-“konsumatur medju” meta jiffaċċja tali prattika.

40.      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-kunċett ta’ “konsumatur medju”, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, huwa kkunsidrat bħala kunċett flessibbli, li għandu jiġi adattat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti. Id-determinazzjoni ta’ min hu l-“konsumatur medju”, fir-rigward ta’ prattika kummerċjali partikolari, ma għandhiex tkun eżerċizzju sempliċiment teoretiku. Għandhom jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet li huma iktar realistiċi. Dawn jistgħu jkunu relatati, pereżempju, mal-kumplessità tal-qasam, l-għarfien li jkun mistenni mill-“konsumatur medju” fir-rigward ta’ prodott partikolari u l-probabbiltà li jkun suġġett għal preġudizzju konjittiv. Bħala tali, jidhirli li, filwaqt li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-“konsumatur medju” jista’ jitqies bħala kapaċi li jaġixxi b’mod razzjonali u jieħu deċiżjoni infurmata, f’sitwazzjonijiet oħra (pereżempju, fejn il-prodott ikun wieħed li l-“konsumatur medju” ikollu tendenza li jixtrih b’mod kompulsiv jew waqt li jkun taħt stress emozzjonali), huwa jista’ jitqies bħala mhux kapaċi jagħmel hekk.

41.      It-tieni, din il-premessa tindika li l-“konsumatur medju” huwa l-“konsumatur tipiku”. Barra minn hekk, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, fl-evalwazzjoni tagħhom tan-natura “żleali” ta’ prattika kummerċjali, jiddeterminaw “ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat”. Minn dawk it-termini nifhem li dawk il-qrati u l-awtoritajiet ma humiex meħtieġa jiddeterminaw xi tkun l-imġiba ekonomika ta’ konsumatur razzjonali li huwa proattiv sabiex jikseb l-informazzjoni rilevanti, jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni ppreżentata lilu u li huwa, għalhekk, kapaċi jagħmel deċiżjonijiet infurmati (ta’ “homo economicus”). Dawn huma biss mitluba li jikkunsidraw ir-“reazzjoni tipika” ta’ “konsumatur tipiku”. Din l-interpretazzjoni hija wkoll dik approvata mill-Kummissjoni fil-“Gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29” tagħha, li fiha tindika li “l-eżami huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità” u li “[l]-konsumatur medju skont [din id-direttiva] qatt ma huwa xi ħadd li jeħtieġ biss livell baxx ta’ protezzjoni għaliex dejjem ikun f’pożizzjoni li jikseb it-tagħrif disponibbli u jaġixxi kif xieraq abbażi tiegħu (18).

42.      Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni,

naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li t-terminu “raġonevolment” fl-espressjoni “infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt” użat fil-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29 ma jfissirx “perfettament” jew saħansitra “partikolarment”. F’dan ir-rigward, infakkar li, kif sostniet l-Avukata Ġenerali Medina, “il-kunċett ta’ konsumatur medju huwa fictio juris”, li l-għan tiegħu huwa li “jnaqqas għal denominatur komuni sitwazzjonijiet li huma varjati ħafna” (19). Dan il-kunċett joriġina minn kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet obbligata tikkontempla r-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa kontra r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija (20). Huwa punt ta’ riferiment oġġettiv, li ma jintużax biss fil-kuntest tad-Direttiva 2005/29, iżda wkoll f’ħafna strumenti oħra tad-dritt tal-konsumatur tal-Unjoni, kif ukoll f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (21). Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (22), li l-istandard tal-“konsumatur medju” ma jistax jitqies li jikkorrispondi, b’mod partikolari, la għall-konsumatur inqas attent u avżat minn dan il-konsumatur medju, u lanqas għall-konsumatur iktar attent u avżat minn dan tal-aħħar (23) Ma narax għalfejn dan l-istandard għandu jiġi interpretat b’mod differenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

43.      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest usa’, nifhem li l-għan tat-termini “infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt” fil-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29 ma huwiex li “jgħollu l-livell” f’dak li jirrigwarda x’jista’ jkun mistenni minn konsumatur tipiku fir-rigward ta’ prattika kummerċjali partikolari, billi jeħtieġu li dan ikun, ad minima, sistematikament individwu razzjonali li jkun proattiv sabiex jikseb l-informazzjoni rilevanti, li jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni ppreżentata lilu u li jkun, għalhekk, kapaċi jieħu deċiżjonijiet infurmati (b’mod simili għal “homo economicus”). Anzi, dawn it-termini huma intiżi sabiex jiżguraw li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali ma jadottawx il-perspettiva ta’ konsumatur li tant ma jkunx infurmat, attent u kawt li jkun irraġonevoli jew sproporzjonat li jiġi protett. F’dan ir-rigward, ninnota li, fil-“Gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29” (24) tagħha, il-Kummissjoni eskludiet b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni biss lill-“konsumatur li jemmen kollox, inesperjenzat jew mgħaġġel”, li l-protezzjoni tiegħu hija kkunsidrata li tkun “sproporzjonata u toħloq ostakolu mhux iġġustifikat għall-kummerċ”. Dan huwa livell minimu pjuttost baxx.

44.      Għal dik ir-raġuni, ma naqbilx mal-argument ta’ Compass Banca li sempliċement minħabba li d-Direttiva 2005/29 fiha dispożizzjoni speċifika dwar il-protezzjoni ta’ gruppi ta’ konsumaturi “partikolarment vulnerabbli” (jiġifieri, l-Artikolu 5(3) tagħha), il-“konsumatur medju” li jirreferi għalih l-Artikolu 5(2) ta’ dan l-istrument, huwa, min-naħa tiegħu, individwu li jista’ jaġixxi b’mod razzjonali, taħt kwalunkwe ċirkustanza. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti protezzjoni ikbar lil “gruppi ta’ konsumaturi partikolarment vulnerabbli” ma jfissirx li ma kellux l-intenzjoni li jipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi li ma jagħmlux parti minn dawn il-gruppi jew li jqishom bħala individwi invulnerabbli u perfettament razzjonali taħt kull ċirkustanza.

45.      It-tielet, l-għan tad-Direttiva 2005/29, li huwa li tipprovdi “livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”, jikkonferma, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, din il-funzjoni protettiva – li, kif osservajt fl-introduzzjoni, hija s-sinsla mhux biss ta’ din id-direttiva iżda ta’ ħafna mit-testi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur – ma tkunx meħtieġa jekk il-“konsumatur medju” kellu jinftiehem dejjem skont il-mudell “homo economicus”. Bir-riskju li ngħid dak li huwa ovvju, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx jadotta d-Direttiva 2005/29 (li l-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiki li jistgħu “joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika tagħhom”), kieku kien ikkunsidra li l-konsumaturi huma dejjem kapaċi jaġixxu b’mod razzjonali.

46.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet espressament li l-imġiba ekonomika tal-konsumaturi tista’ tiġi mfixkla minn prattiċi kummerċjali li jisfruttaw il-preġudizzji konjittivi tagħhom (25). Barra minn hekk, id-Direttiva 2005/29 fiha diversi termini u espressjonijiet li jimplikaw li l-konsumaturi jistgħu jiġu mmanipulati u jsofru minn tali preġudizzji (pereżempju, it-termini “tiġi applikata pressjoni” fl-Artikolu 2(j), “il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali” fl-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 5(2), “tqarraq” fl-Artikolu 6 jew “influwenza” fl-Artikoli 8 u 9).

47.      Ir-raba’, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza fil-kawża Deroo-Blanquart (26) (kawża li kienet tikkonċerna prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’software installat minn qabel), li r-rekwiżiti ta’ lealtà imposti mid-Direttiva 2005/29 jistgħu jitqiesu bħala ssodisfatti “permezz b’mod partikolari ta’ informazzjoni korretta lill-konsumatur”. Madankollu, ma nemminx li din id-dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq l-idea li l-konsumaturi bilfors jaġixxu b’mod razzjonali jekk fil-fatt jiġu ppreżentati (jew ikollhom aċċess għal) l-informazzjoni rilevanti kollha (f’konformità mal-mudell ta’ “homo economicus”). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement identifikat il-fatt li l-konsumatur ġie infurmat korrettament bħala waħda miċ-ċirkustanzi li setgħu jistabbilixxu li r-rekwiżit ta’ prattiċi onesti tas-suq jew tal-prinċipju ta’ bona fide kienu ssodisfatti (27).

48.      Finalment, naqbel li wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttiva 2005/29 huwa li tipproteġi l-kapaċità tal-konsumaturi li jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Dan l-għan huwa muri, pereżempju, mill-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għall-prattika kummerċjali użata sabiex “tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra” (28). L-Artikolu 2(j)) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “influwenza mhux xierqa”, jirreferi wkoll għall-“kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata”. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 (li huwa intitolat “L-Ommissjonijiet Qarrieqa”) huwa bbażat fuq ir-ratio legis li iktar ma tingħata informazzjoni lill-konsumaturi, inqas huwa probabbli li jiġu żgwidati. Madankollu, jiena ma ninterpretax dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li l-“konsumatur medju” huwa individwu li, kieku mhux għad-distorsjoni sostanzjali tal-imġiba ekonomika tiegħu kkawżata mill-prattika kummerċjali “żleali”, neċessarjament kien jieħu tali deċiżjoni infurmata (kif kien jagħmel “homo economicus”. Fil-fatt, l-Artikolu 2(e) u (j) tad-Direttiva 2005/29 sempliċement jindika li prattika hija “żleali” jekk idgħajjef materjalment il-kapaċità (jew il-potenzjal) tal-konsumatur li jieħu tali deċiżjoni.

49.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-“konsumatur medju”, li d-Direttiva 2005/29 teħtieġ li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali jużawh bħala “punt ta’ riferiment”, ma huwiex neċessarjament individwu razzjonali li jkun proattiv sabiex jikseb l-informazzjoni rilevanti, jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni ppreżentata lilu u huwa, għalhekk, kapaċi jieħu deċiżjonijiet infurmati. Billi, f’xi sitwazzjonijiet, il-“konsumatur medju” jista’ jkun tali individwu, il-kunċett huwa flessibbli biżżejjed sabiex ikun ipperċepit, f’sitwazzjonijiet oħra, bħala individwu b’“razzjonalità limitata”, li jaġixxi mingħajr ma jikseb l-informazzjoni rilevanti jew ma jkunx jista’ jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni pprovduta lilu (inkluża l-informazzjoni li tiġi ppreżentata lilu mill-kummerċjant).

50.      Fit-taqsima li jmiss, ser nesplora, b’mod partikolari, l-importanza ta’ dan l-element imsemmi l-aħħar (kif l-informazzjoni tiġi ppreżentata lill-konsumatur mill-kummerċjant) fil-kuntest speċifiku tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29.

B.      L-evalwazzjoni tan-natura “aggressiva” ta’ prattika kummerċjali fejn il-kummerċjant mhux biss jagħmel bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li għandhom neċessarjament jixtru ż-żewġ prodotti flimkien (Domanda 2)

51.      It-tieni domanda tikkonċerna jekk prattika kummerċjali li permezz tagħha l-kummerċjant mhux biss jagħmel bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li għandhom neċessarjament jixtru ż-żewġ prodotti flimkien hijiex intrinsikament “aggressiva”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

52.      L-ewwel, ninnota li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura “aggressiva” ta’ tali prattika, hija tirreferi għal dispożizzjoni waħda, jiġifieri l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, li jelenka l-kundizzjonijiet li fihom prattika kummerċjali tista’ titqies bħala “qarrieqa” (mhux “aggressiva”). L-Artikolu 5(4) ta’ dik id-direttiva jagħmilha ċara li prattiċi kummerċjali “qarrieqa” u “aggressivi” huma żewġ tipi differenti ta’ prattiċi kummerċjali “żleali” (29). Kif irrilevaw il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati kollha fl-osservazzjonijiet tagħhom, prattiċi kummerċjali “aggressivi” ma humiex koperti mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 (30), iżda mill-Artikoli 8 u 9 tagħha. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula t-tieni domanda mill-ġdid sabiex tinkludi riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet biss.

53.      Fit-tieni lok, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-offerti konġunti, li huma bbażati fuq li jgħaqqdu flimkien mill-inqas żewġ offerti differenti ta’ prodotti jew servizzi f’offerta unika, jikkostitwixxu atti kummerċjali li jagħmlu parti b’mod ċar mill-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma direttament relatati mal-promozzjoni tagħha u l-iżvilupp tal-bejgħ tagħha. Minn dan isegwi li huma tabilħaqq jikkostitwixxu “prattiċi kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29, u, konsegwentement, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument (31). L-istess jgħodd, loġikament, għall-prattiċi kummerċjali li jikkonsistu fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti (fejn mhux biss jiġu offruti żewġ prodotti mill-kummerċjant lill-klijent fl-istess ħin, iżda l-bejgħ relatat ma’ dawn iż-żewġ prodotti jiġi konkluż simultanjament). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ prattiċi kummerċjali (32).

54.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi projbizzjoni ġenerali u preventiva ta’ offerti konġunti indipendentement minn kull verifika tan-natura żleali tagħhom fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija direttiva (33). Fil-fehma tiegħi, l-istess raġunament jista’ jerġa’, mingħajr diffikultà, jiġi applikat għal prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti. Tali prassi ma tistax tiġi pprojbita b’mod ġenerali u ma tistax tiġi kkunsidrata li hija intrinsikament “żleali”.

55.      Wara li għamilt dawn il-kjarifiki, ninnota li, permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk prattika kummerċjali li permezz tagħha l-kummerċjant mhux biss ibigħ żewġ prodotti iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jixtru ż-żewġ prodotti flimkien hijiex intrinsikament “aggressiva”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Nifhem li bit-terminu “inerenti”, il-qorti tar-rinviju tfisser “fiċ-ċirkustanzi kollha”, irrispettivament minn karatteristiċi oħra tal-prattika kummerċjali u l-kuntest rilevanti.

56.      F’dak li jirrigwarda l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29, ninnota li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tagħmilha ċara li l-evalwazzjoni ta’ jekk prattika kummerċjali hijiex “aggressiva”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tkun ibbażata fuq “[i]l-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom janalizzaw, fid-dawl ta’ dawn l-elementi varji, jekk il-prattika kummerċjali inkwistjoni “[tfixkilx] b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jinvolvi obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tal-imġiba tal-kummerċjant fil-kuntest fattwali kkonċernat (34).

57.      Barra minn hekk, il-prattika għandha tuża “il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż fl-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva (35). Din id-dispożizzjoni fiha lista ta’ ċirkustanzi (bħaż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza tal-prattika) li huma rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk dan l-aħħar rekwiżit huwiex issodisfatt.

58.      Fil-fehma tiegħi, il-kliem tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29 diġà jindika li jekk prattika kummerċjali hijiex “aggressiva” jew le ġeneralment jiddependi minn evalwazzjoni kuntestwali. Naturalment, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li ċerti prattiċi kummerċjali jistgħu jiġu kkunsidrati intrinsikament “aggressivi” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Madankollu, huwa ċar għalija li, jekk jeżistu, tali prattiċi jikkostitwixxu eċċezzjoni, iktar milli regola.

59.      Din l-interpretazzjoni hija mbagħad ikkonfermata mill-Anness I għad-Direttiva 2005/29, li fih speċi ta’ “lista sewda” ta’ ċerti prattiċi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “żleali” fi kwalunkwe ċirkustanza. Dan jelenka, minn naħa waħda, fil-punti 1 sa 24, il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “qarrieqa” fi kwalunkwe ċirkustanza u, min-naħa l-oħra, fil-punti 24 sa 31 tiegħu, il-prattiċi li għandhom jitqiesu bħala “aggressivi” (għal darba oħra, taħt kwalunkwe ċirkustanza). L-ebda waħda mill-prattiċi kummerċjali elenkati f’dawn il-punti u li jirrigwardaw din it-tieni kategorija ma tirreferi jew tinkludi prattika li permezz tagħha l-kummerċjant mhux biss ibigħ żewġ prodotti, iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li għandhom neċessarjament jaċċettaw iż-żewġ prodotti flimkien.

60.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li “[f]l-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali” u li “[l]-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva”. Barra minn hekk, il-premessa 17 ta’ dan l-istrument tipprovdi li l-Anness I tiegħu “fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha” u li “[d]awn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9”. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nifhem li l-lista ta’ prattiċi kummerċjali prevista f’dan l-anness hija eżawrjenti (36).

61.      Inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-Direttiva 2005/29 “twettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli rigward il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi u li l-Istati Membri ma jistgħux, għaldaqstant, jadottaw, kif jipprevedi b’mod espliċitu l-Artikolu 4 ta’ din, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti minn din id-direttiva, anki meta dan isir sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi” (37).

62.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għalija huwa ċar li prattika kummerċjali li permezz tagħha l-kummerċjant mhux biss ibigħ żewġ prodotti, iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li għandhom neċessarjament jixtru ż-żewġ prodotti flimkien ma tistax titqies bħala intrinsikament “aggressiva”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, din il-prattika ma hijiex elenkata fl-Anness I għal din id-direttiva. Għalhekk, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom janalizzaw in-natura “aggressiva” ta’ tali prattika, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti f’dawn l-artikoli – li minnhom jirriżulta, b’mod partikolari, li l-prattika kummerċjali għandha tiġi eżaminata “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”.

63.      Il-partijiet u l-partijiet interessati kollha f’din il-kawża jaqblu ma’ din il-konklużjoni.

64.      Nixtieq nagħmel kumment ieħor.

65.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari nifhem li r-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju ssemmi, fit-tieni domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, minflok l-Artikoli 8 u 9 tagħha, hija li l-Artikolu 6(1) jirreferi espliċitament għall-“preżentazzjoni totali” tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi bħala rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kummerċjali hijiex “qarrieqa”. Kif diġà osservajt fil-punt 50 iktar ’il fuq, din il-qorti jidhirli li qiegħda tistaqsi jekk il-mod kif l-informazzjoni hija ppreżentata (jew “imqiegħda f’qafas”) mill-kummerċjant huwiex rilevanti wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29.

66.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda sottostanti tista’ faċilment tiġi dedotta mill-elementi li elenkajt fil-punti 52 sa 62 iktar ’il fuq.

67.      Fil-fatt, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jeżiġi, kif għadni kif spjegajt, li, meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jevalwaw in-natura “aggressiva” ta’ prattika kummerċjali, huma jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-“karatteristiċi” kollha ta’ tali prattika. Jiena nikkunsidra, kif jagħmel ukoll il-Gvern Taljan, li l-mod li bih tiġi ppreżentata jew “imqiegħda f’qafas” l-informazzjoni mill-kummerċjant lill-klijenti tiegħu hija tali “karatteristika” rilevanti.

68.      F’dan ir-rigward, inżid li “influwenza mhux xierqa” hija ddefinita, taħt l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2005/29, bħala l-att ta’ “l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata”. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li “influwenza mhux xierqa” tista’ tiġi eżerċitata permezz ta’ diversi mezzi, inkluż kif l-offerta tiġi ppreżentata (jew “imqiegħda f’qafas”) lill-konsumatur mill-kummerċjant.

69.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, fil-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari fis-sentenza Orange Polska (38), l-importanza tal-mod li bih l-informazzjoni tiġi ppreżentata lill-konsumatur fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li prattiċi addizzjonali li jirrigwardaw kif l-informazzjoni tiġi ppreżentata mill-kummerċjant lill-konsumatur fil-kuntest tal-proċess għall-konklużjoni jew l-emendar ta’ kuntratt (pereżempju, prattika li biha l-kummerċjant jew il-messaġġier tiegħu jinsistu dwar il-ħtieġa li jiġi ffirmat il-kuntratt billi jiġi ddikjarat li kwalunkwe dewmien fl-iffirmar tal-kuntratt ikun possibbli biss taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli) tista’ twassal għall-konklużjoni li prattika kummerċjali, li ma hijiex intrinsikament “aggressiva”, titqies bħala “aggressiva” f’sitwazzjoni bħal din (39).

70.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ċar għalija li l-mod li bih tiġi ppreżentata (jew “imqiegħda f’qafas”) informazzjoni lill-konsumatur mill-kummerċjant jikkostitwixxi “karatteristika” ta’ prattika kummerċjali, li għandha tiġi kkunsidrata bħala parti mill-evalwazzjoni jekk tali prattika hijiex “aggressiva” u, għalhekk, “żleali” fis-sens tad-Direttiva 20005/29.

71.      Minn dan isegwi li, meta titwettaq din l-evalwazzjoni fir-rigward ta’ prattika kummerċjali li biha l-kummerċjant mhux biss ibigħ żewġ prodotti b’mod abbinat iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li għandhom neċessarjament jixtru ż-żewġ prodotti flimkien, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iqisu dak il-fatt. Billi norbot mal-elementi li semmejt fil-qosor fit-taqsima preċedenti, jiena tal-fehma li dan il-fatt għandu jingħata importanza partikolari f’sitwazzjoni fejn il-“konsumatur medju” huwa (għal raġunijiet relatati, pereżempju, mal-kumplessità tal-qasam relatat mal-prodott jew il-pressjoni ekonomika li jkun taħtha fiż-żmien meta jixtri l-prodotti) sabiex jinftiehem bħala individwu b’“razzjonalità limitata”, li jaġixxi mingħajr ma jikseb l-informazzjoni rilevanti jew ma jkunx jista’ jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni pprovduta lilu (inkluża l-informazzjoni li tiġi ppreżentata lilu mill-kummerċjant).

C.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-oneru tal-prova (Domanda 5)

72.      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tirrispondi għall-argument ta’ Compass Banca li l-konstatazzjoni tal-AGCM li l-prattika kummerċjali tagħha hija “aggressiva”, għas-sempliċi raġuni li tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti, twassal għal treġġiegħ lura mhux ġustifikat u inaċċettabbli tal-oneru tal-prova minn AGCM għal Compass Banca.

73.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ħames domanda ma hijiex diffiċli. Fil-fatt, diġà spjegajt, fir-risposta tiegħi għat-tieni domanda, li prattika kummerċjali ma tistax titqies bħala intrinsikament “aggressiva”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, u tiġi pprojbita, sempliċement għaliex tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti. Minflok, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom janalizzaw in-natura “aggressiva” ta’ tali prattika fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva (jiġifieri, “fuq bażi ta’ prattika bi prattika”, fejn kull prattika tiġi evalwata “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”).

74.      Jidhirli ċar li, f’sitwazzjoni bħal din, il-kummerċjant ma jiffaċċjax oneru tal-prova (mreġġa’ lura) inaċċettabbli. Fil-fatt, l-oneru tal-prova ma jgħaddix fuq il-kummerċjant, peress li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jistabbilixxu n-natura “aggressiva” u, għalhekk, “żleali” tal-prattika kummerċjali inkwistjoni. Ninnota li Europe Assistance Italia, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan ilkoll jaqsmu din il-fehma.

D.      Il-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jimponu intervall ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar tal-kuntratti għal prodotti li huma mibjugħa b’mod abbinat (Domanda 3)

75.      Fit-taqsimiet preċedenti, stabbilixxejt li prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti ma tistax titqies bħala intrinsikament “aggressiva”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29, u li l-istess huwa minnu għal prattika kummerċjali li biha l-kummerċjant mhux biss ibigħ żewġ prodotti iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li għandhom neċessarjament jixtru ż-żewġ prodotti flimkien.

76.      Madankollu, dan ma jfissirx li tali prattiki qatt ma jistgħu jitqiesu bħala “aggressivi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Kollox jiddependi fuq jekk il-prattika kummerċjali inkwistjoni hijiex, “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”, waħda li tuża “il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa” u “tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

77.      It-tielet domanda għandha bħala premessa li l-prattika kummerċjali implimentata minn Compass Banca – li tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti – hija “aggressiva”, fid-dawl tal-elementi li ġejjin: (i) il-fatt li min jitlob finanzjament jagħmel dan għaliex normalment ikun fil-bżonn; (ii) il-kumplessità tal-kuntratti ppreżentati minn Compass Banca għall-iffirmar mill-klijenti tagħha; (iii) in-natura konkorrenti tal-offerti għall-kuntratti ta’ finanzjament personali u polza tal-assigurazzjoni; u (iv) il-perijodu qasir mogħti sabiex jittieħdu dawk l-offerti.

78.      Jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju li dawn l-elementi varji (flimkien mal-fatt li, kif nifhem jien, Compass Banca tippreżenta jew “tqiegħed l-informazzjoni f’qafas” lill-klijenti tagħha b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li ma għandhomx għażla ħlief li jaċċettaw il-kuntratt tal-polza tal-assigurazzjoni flimkien mal-kuntratt ta’ finanzjament) huma rilevanti sabiex juru “influwenza mhux xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/29.

79.      Fil-fatt, l-elementi elenkati f’din id-dispożizzjoni jinkludu “iż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza” tal-prattika, kif ukoll “l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna […]. li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott”. Fil-fehma tiegħi, sitwazzjoni bħal dik fil-proċedura prinċipali, dan l-aħħar element jista’ jinkludi, pereżempju, il-fatt li l-kummerċjant isemmi lill-konsumatur avvenimenti personali (relatati, pereżempju, mas-saħħa tiegħu) li – li kieku kellhom iseħħu – jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tiegħu li jħallas lura l-finanzjament li jkun iffirma l-kuntratt dwaru mal-kummerċjant.

80.      Fir-rigward ta’ jekk dawn l-elementi humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-prattika implimentata minn Compass Banca ma tużax biss “influwenza mhux xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/29, iżda wkoll “tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott”, u b’hekk iġġiegħlu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li “ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra” (skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29), jiena tal-fehma li r-risposta għal din id-domanda tiddependi minn jekk din il-prattika tippreżentax karatteristiċi oħra u jekk hemmx ċirkustanzi rilevanti oħra li jew itaffu jew, għall-kuntrarju, jaggravaw l-impatt ta’ dawk l-elementi fuq il-“libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dan.

81.      F’dan l-isfond, nifhem li t-tielet domanda tikkonċerna, essenzjalment, il-miżuri li awtorità nazzjonali bħall-AGCM tista’ tieħu f’sitwazzjoni fejn tikkonkludi li prattika kummerċjali bħal dik implimentata minn Compass Banca tissodisfa dawk ir-rekwiżiti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali awtorità tista’ timponi perijodu ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar tal-kuntratti għaż-żewġ prodotti?

82.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda hija, għal darba oħra, ovvja fid-dawl tal-elementi kollha li semmejt fil-qosor fit-taqsimiet preċedenti.

83.      Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi, f’termini inekwivokabbli, li “[i]l-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti”. Ma nara ebda raġuni għaliex – jekk prattika li tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ żewġ prodotti tkun, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tagħha u taċ-ċirkustanzi rilevanti, “aggressiva” u, għalhekk, “żleali” fis-sens ta’ dan direttiva – din il-projbizzjoni ma tistax tinkiseb billi jkun meħtieġ li l-iffirmar taż-żewġ kuntratti jiġi sseparat b’intervall ta’ sebat ijiem, sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ avvenimenti ta’ bejgħ fil-fatt iseħħu f’dati differenti li jkollhom distanza raġonevoli minn xulxin.

E.      Il-konsegwenza tal-fatt li l-prodotti huma prodotti finanzjarji u ta’ assigurazzjoni (Domanda 4)

84.      Ir-raba’ domanda hija marbuta mal-fatt li l-prodotti mibjugħa b’mod abbinat minn Compass Banca fil-kawża prinċipali jikkonsistu, parzjalment, minn prodotti ta’ assigurazzjoni. Il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar jekk, minħabba n-natura ta’ dawn il-prodotti, għadux possibbli għall-AGCM li timponi intervall ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar tal-kuntratt ta’ finanzjament u l-kuntratt tal-polza tal-assigurazzjoni offrut minn din il-kumpannija, b’applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Hija tinnota li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2016/97 jissuġġetta lid-“distributuri” (40) ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni li jinbiegħu b’mod abbinat ma’ prodotti oħra għal ċerti obbligi speċifiċi (41). Dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk jeżistix kunflitt bejn din id-dispożizzjoni u d-Direttiva 2005/29.

85.      Ninnota li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss l-Artikolu 24(3) u (7) tad-Direttiva 2016/97. Madankollu, ser nikkunsidra l-Artikolu 24 fl-intier tiegħu fl-analiżi tiegħi ta’ dik id-domanda.

86.      Fir-rigward ta’ jekk jeżistix kunflitt bejn id-Direttiva 2005/29 u dik id-dispożizzjoni, nosserva, l-ewwel, li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi” (42).

87.      It-tieni, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li t-terminu “kunflitt” f’din id-dispożizzjoni jirreferi għar-“relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ikkonċernati li tmur lil hinn minn sempliċi disparità jew sempliċi differenza, li juru li diverġenza impossibbli li tingħeleb permezz ta’ formula inklużiva li tippermetti l-koeżistenza taż-żewġ sitwazzjonijiet, mingħajr il-bżonn li jiġu żnaturati”. Hija sostniet li “kunflitt bħal dak imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jeżisti biss meta dispożizzjonijiet barranin għal din [id-direttiva] li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali jimponu fuq il-professjonisti, mingħajr ebda marġni għal manuvra, obbligi inkompatibbli ma’ dawk stabbiliti mid-Direttiva 2005/29” (43).

88.      It-tielet, nifhem, kif tagħmel ukoll Compass Banca, li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2016/97 jimponi obbligi fuq id-“distributuri tal-assigurazzjoni” f’żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel sitwazzjoni hija fejn “prodott tal-assigurazzjoni” jiġi offrut “flimkien ma’ prodott anċillari jew servizz li mhuwiex assigurazzjoni, bħala parti minn pakkett jew mill-istess ftehim” (44). Is-sub-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għal dik is-sitwazzjoni huma dawn li ġejjin:

–        id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jinforma lill-klijent jekk huwiex possibbli li dan jixtri l-komponenti differenti b’mod separat, u jekk iva, għandu jipprovdi deskrizzjoni adegwata tal-komponenti differenti tal-ftehim jew pakkett kif ukoll evidenza separata tal-ispejjeż u t-tariffi ta’ kull komponent (l-Artikolu 24(1));

–        id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jispeċifika d-domandi u l-ħtiġijiet tal-klijent fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jiffurmaw parti mill-pakkett globali jew l-istess ftehim (l-Artikolu 24(6)); u

–        l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri addizzjonali iktar rigorużi jew jintervjenu fuq bażi ta’ każ b’każ biex jipprojbixxu l-bejgħ ta’ assigurazzjoni flimkien ma’ servizz jew prodott anċillari li ma humiex assigurazzjoni bħala parti minn pakkett jew l-istess ftehim meta jkunu jistgħu juru li tali prattiki huma ta’ detriment għall-konsumaturi (l-Artikolu 24(7)).

89.      Mit-tliet sub-dispożizzjonijiet li għadni kif semmejt, l-aħħar waħda biss (l-Artikolu 24(7)) jidhirli li hija potenzjalment inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, kif diġà spjegajt fit-taqsima preċedenti, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li, jekk prattika kummerċjali ma tkunx espressament elenkata fl-Anness I tagħha, din ma tistax tiġi pprojbita għar-raġuni li hija intrinsikament “żleali” (jiġifieri, “żleali” taħt kwalunkwe ċirkustanza).

90.      Fid-dawl ta’ dan, inqis li l-Artikolu 24(7) ma jeħtieġx, u lanqas ma jawtorizza, lill-Istati Membri jintroduċu tali projbizzjoni ġenerali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprovdi li l-bejgħ abbinat ta’ prodotti tal-assigurazzjoni u ta’ prodotti jew servizzi anċillari “jista’” jiġi pprojbit fuq “bażi ta’ każ b’każ” mill-Istati Membri, meta jkunu jistgħu juru li prattika tkun ta’ detriment għall-konsumaturi.

91.      Inżid li din l-interpretazzjoni stretta hija sostnuta, fil-fehma tiegħi, mill-premessa 53 tad-Direttiva 2016/97, li tipprovdi li “[il]-prattiki ta’ bejgħ inkroċjat huma strateġija komuni użata mid-distributuri tal-assigurazzjoni madwar l-Unjoni [Ewropea]” u tirrikonoxxi li, filwaqt li prattiċi bħal dawn jistgħu “jirrappreżentaw prattiki fejn l-interessi tal-klijenti mhumiex meqjusa kif xieraq”, jistgħu wkoll “jipprovdu benefiċċji lill-klijenti”.

92.      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 24(7) tad-Direttiva 2016/97 japplika biss jekk (i) il-prodott tal-assigurazzjoni jista’ jitqies bħala l-prodott “ewlieni” jew “prinċipali” u l-prodott jew is-servizz l-ieħor ikun “anċillari” jew “aċċessorju” għalih; u (ii) iż-żewġ prodotti jiġu “offruti bħala parti mill-istess pakkett jew ftehim”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-prodotti offruti minn Compass Banca jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, niddubita li l-finanzjament personali li din il-kumpannija toffri lill-klijenti tagħha jista’ jitqies bħala “anċillari” għall-polza tal-assigurazzjoni li hija tipproponi li jixtruhom flimkien. Jekk xejn, jidhirli li l-oppost jikkorrispondi iktar mar-realtà, peress li l-prattika kummerċjali ta’ Compass Banca tikkonsisti fil-bejgħ ta’ polza tal-assigurazzjoni lil klijenti li diġà jkunu fil-proċess li jiffirmaw kuntratt ta’ finanzjament personali ma’ dik il-kumpannija.

93.      It-tieni sett ta’ obbligi elenkati fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2016/97, japplika meta “prodott tal-assigurazzjoni jkun anċillari għal prodott jew servizz li mhumiex assigurazzjoni, bħala parti minn pakkett jew l-istess ftehim” (xenarju li, kif għadni kif spjegajt, jidher li jixraq aħjar mal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali). Is-sub-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn li ġejjin:

–        id-distributur tal-assigurazzjoni għandu joffri lill-klijent il-possibilità li jixtri l-prodott jew is-servizz separatament (sakemm il-prodott jew is-servizz li għalih il-prodott tal-assigurazzjoni huwa anċillari ma jaqax fil-portata ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ċerti direttivi oħra) (l-Artikolu 24(3)); u

–        id-distributur tal-assigurazzjoni għandu jispeċifika d-domandi u l-ħtiġijiet tal-klijent fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jiffurmaw parti mill-pakkett globali jew l-istess ftehim (l-Artikolu 24(6)).

94.      Għal darba oħra, ma nara ebda inkompatibbiltà bejn l-obbligi li jinsabu f’dawn is-sub-dispożizzjonijiet u r-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2005/29. B’mod partikolari, nikkunsidra li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2016/97 ma jobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jmorru lil hinn minn dak li teħtieġ id-Direttiva 2005/29, pereżempju, billi jobbligahom jipprojbixxu b’mod ġenerali il-bejgħ abbinat ta’ prodotti tal-assigurazzjoni li huma anċillari għal prodotti jew servizzi oħra (inklużi prodotti finanzjarji). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement tirrikjedi li, jekk tali prodotti u/jew servizzi “jinbigħu b’mod abbinat” lill-klijenti, il-klijenti jkollhom ukoll l-għażla li jixtruhom separatament.

95.      Din id-dispożizzjoni lanqas ma teħtieġ li dawn l-awtoritajiet jagħmlu xi ħaġa inqas minn dak li huma intitolati jagħmlu taħt id-Direttiva 2005/29. B’mod konkret, jiena tal-fehma li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2016/97 ma jipprekludix awtorità nazzjonali kompetenti bħall-AGCM milli timponi intervall ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar ta’ żewġ kuntratti, relatati, rispettivament, ma’ finanzjament personali u polza tal-assigurazzjoni li huma offruti b’mod konġunt mill-istess kummerċjant, fejn tali prattika tintwera, “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”, li hija “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29.

96.      F’dawn il-kundizzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi r-raba’ domanda fis-sens li ma hemm ebda kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 u dawk tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2016/97. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jmorru lil hinn minn dak li teħtieġ id-Direttiva 2005/29, pereżempju billi jipprojbixxu b’mod ġenerali prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ abbinat ta’ finanzjament personali u polza tal-assigurazzjoni. Lanqas ma tipprekludi lil dawn l-awtoritajiet milli jimponu intervall ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar taż-żewġ kuntratti relatati ma’ dawn il-prodotti, jekk il-prattika kummerċjali inkwistjoni tiġi murija, “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”, li tkun “aggressiva” u, għalhekk, “żleali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29.

97.      Ser ntemm din it-taqsima billi ngħid ftit kelmiet dwar il-fatt li l-prodotti li Compass Banca tbigħ b’mod abbinat lill-klijenti tagħha ma humiex biss “prodotti tal-assigurazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2016/97, iżda wkoll prodotti finanzjarji. Id-dispożizzjoni rilevanti f’dan ir-rigward hija l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29. Dik id-dispożizzjoni tiddikjara li “[f]ir-rigward ta’ ‘servizzi finanzjarji’ kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE (45), […] [-]Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi [mid-Direttiva 2005/29] f’dak il-qasam li hija tapprossima”. “Servizzi finanzjarji” huma definiti, taħt l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65, bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”. Dawk is-servizzi jinkludu l-bejgħ kemm ta’ finanzjament personali kif ukoll ta’ polza tal-assigurazzjoni, bħal dawk li Compass Banca toffri lill-klijenti tagħha.

98.      Minn dawn l-elementi nifhem li kieku l-leġiżlatur Taljan iddeċieda, abbażi tal-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 3(9) ta’ dik id-direttiva, li jadotta miżura li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ abbinat ta’ finanzjament personali u polza tal-assigurazzjoni (element li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju), tali miżura kienet tkun kompatibbli ma’ dak l-istrument.

99.      Ninnota li Compass Banca u Europe Assistance Italia jsostnu, madankollu, li tali miżura ma ġietx adottata mil-leġiżlatur Taljan (46). Fuq dik il-bażi, jidhirli li l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29, għalhekk, ma jaffettwax il-konklużjonijiet li wasalt għalihom fit-taqsimiet preċedenti.

V.      Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

(1)      Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)

għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li l-“konsumatur medju” ma huwiex neċessarjament individwu razzjonali li huwa proattiv sabiex jikseb l-informazzjoni rilevanti, li jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni ppreżentata lilu u li jkun, għalhekk, kapaċi jieħu deċiżjonijiet infurmati. Billi, f’xi sitwazzjonijiet, il-“konsumatur medju” jista’ jitqies bħala kapaċi jaġixxi b’mod razzjonali u jieħu deċiżjoni infurmata, il-kunċett huwa flessibbli biżżejjed sabiex huwa jiġi pperċepit, f’sitwazzjonijiet oħra, bħala individwu b’“razzjonalità limitata”, li jaġixxi mingħajr ma jikseb l-informazzjoni rilevanti jew ma jkunx jista’ jipproċessa b’mod razzjonali l-informazzjoni pprovduta lilu (inkluża l-informazzjoni li tiġi ppreżentata lilu mill-kummerċjant).

(2)      L-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva

għandhom jiġu interpretati fis-sens li prattika kummerċjali li permezz tagħha kummerċjant mhux biss ibigħ żewġ prodotti iżda wkoll jippreżenta informazzjoni lill-klijenti tiegħu b’mod li jġiegħelhom jaħsbu li jridu neċessarjament jixtru ż-żewġ prodotti flimkien ma hijiex intrinsikament “aggressiva”, fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jevalwaw tali prattika kummerċjali “fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha”, sabiex jiddeterminaw jekk tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet. L-oneru tal-prova ma jaqax fuq il-kummerċjant. Madankollu, jekk, fil-konklużjoni ta’ din l-evalwazzjoni, dawn l-awtoritajiet jikkonkludu li l-prattika kummerċjali hija “aggressiva” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jipprojbixxuha. F’dan ir-rigward, huma jistgħu, pereżempju, jeħtieġu li l-iffirmar tal-kuntratti għaż-żewġ prodotti jiġi sseparat b’intervall ta’ sebat ijiem. Barra minn hekk, jekk iż-żewġ prodotti jirrigwardaw “servizzi finanzjarji”, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli li jipprojbixxu l-bejgħ abbinat ta’ dawn il-prodotti b’applikazzjoni tal-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 3(9) tal-istess direttiva.

(3)      L-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri milli jimponu intervall ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar ta’ żewġ kuntratti, relatati, rispettivament, ma’ finanzjament personali u polza tal-assigurazzjoni li huma offruti b’mod konġunt mill-istess kummerċjant, fejn tali prattika kummerċjali tintwera, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha, bħala “aggressiva” u, għalhekk, “żleali” fis-sens tad-Direttiva 2005/29.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Carrère, E., D’autres vies que la mienne (Folio, 2010), p. 194‑195 (traduzzjoni libera). F’dan ir-rumanz, l-awtur jirrakkonta l-ħajja tal-imħallef Franċiż li għamel it-talba għal deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705), li kienet tikkonċerna l-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumatur.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


4      Ara l-premessa 7 ta’ din id-direttiva.


5      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 11, 23 u 24 tad-Direttiva 2005/29, kif ukoll l-Artikolu 1 tagħha.


6      Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29.


7      Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29, “‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn [dik] id-[d]irettiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha”.


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU 2016, L 26, p. 19).


9      Prattika kummerċjali tista’ tinstab li hija żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29 biss meta tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni doppja (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart, C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Inżid li t-terminu “konsumatur” huwa ddefinit taħt l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2005/29 bħala “kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn [dik] id-[d]irettiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha.


11      Ara Siciliani, P., Riefa, C., and Gamper H., Consumer Theories of Harm: An Economic Approach to Consumer Law Enforcement and Policy Making, l-ewwel edizzjoni, Hart Publishing, (2019), p. 25.


12      Lobel, O., “A behavioural law and economics perspective: Between methodology and ideology when behavioural sciences meet law”, in: van Gestel, R, Micklitz, H-W. u Rubin, E.L., Rethinking Legal Scholarship: A Transatlantic Dialogue, Cambridge University Press, 2017, p. 476.


13      Ara Wheeler, G., “Bounded rationality”, f’Zalta, E.N. (ed.), The Stanford Encyclopedia of Philosophy, 2020, disponibbli fl-indirizz li ġej: <https://plato.stanford.edu/archives/fall2020/entries/bounded-rationality/>.


14      Ara van Boom, W. and Garde, A., The European Unfair Commercial Practices Directive: Impact, Enforcement Strategies and National Legal Systems, l-ewwel edizzjoni, Routledge, 2014, p. 6.


15      Ara Siciliani, P., Riefa, C., and Gamper, H. (nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq), p. 21.


16      Ara, pereżempju, van Boom, W. and Garde, A., The European Unfair Commercial Practices Directive: Impact, Enforcement Strategies and National Legal Systems, Routledge (nota f’qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq), p. 6.


17      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius (C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      “Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern” (ĠU 2021 C 526, p. 33).


19      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fis-sentenza Caixabank et (Stħarriġ ta’ trasparenza f’azzjonijiet kollettivi) (C‑450/22, EU:C:2024:64, punt 46).


20      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, EU:C:2000:8, punti 27 sa 31).


21      Sabiex tagħti eżempju kemxejn “divertenti”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li l-punt ta’ riferiment tal-“konsumatur medju” użat fid-Direttiva 2005/29 japplika wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ żball jew ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 59, p. 40) (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 56)).


22      Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).


23      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk ta’ klawżoli illegali) (C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 66).


24      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.


25      Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-fatt li konsumatur jiġi infurmat li rebaħ premju kien japprofitta minn effett psikoloġiku u jħeġġeġ lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni li ma kinitx neċessarjament razzjonali (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 38)).


26      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016 (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 36).


27      Ibid., punt 37. Iċ-ċirkustanzi l-oħra msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward kienu jinkludu l-fatti li l-offerta konġunta kienet tissodisfa l-aspettattivi ta’ proporzjon sinjifikattiv ta’ konsumaturi u li kien possibbli għall-konsumatur li jaċċetta l-elementi kollha ta’ din l-offerta jew li jikkanċella l-bejgħ.


28      Enfasi miżjuda.


29      Inżid li l-premessa 13 ta’ din id-direttiva tindika li l-prattiċi kummerċjali “qarrieqa” u “aggressivi” huma ż-“żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni” (enfasi miżjuda minni).


30      Fil-fatt, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29 ikopru “prattiċi qarrieqa”.


31      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Fis-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament użat it-termini “offerti konġunti” sabiex tindika prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’software installat minn qabel mingħajr il-possibbiltà għall-konsumatur li jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter li ma jkunx mgħammar b’software installat minn qabel.


33      Ara, f’dan ir-rigward, għal darba oħra, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Orange Polska (C‑628/17, EU:C:2019:480, punt 30).


35      Ara wkoll, għal dan il-għan, il-premessa 16 tad-Direttiva 2005/29, li tgħid li prattiċi kummerċjali “aggressivi” huma “prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa”.


36      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 50), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, essenzjalment, li, jekk prattika kummerċjali ma hijiex koperta mill-Anness I tad-Direttiva 2005/29, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha hija stess tevalwa n-natura żleali tagħha skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva u hija prekluża milli tipprojbixxi b’mod ġenerali tali prattika, u s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Orange Polska (C‑628/17, EU:C:2019:480, punt 25).


37      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Europamur Alimentación (C‑295/16, EU:C:2017:782, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019 (C‑628/17, EU:C:2019:480, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ibid., punti 46 sa 49.


40      It-terminu “distributur tal-assigurazzjoni” huwa ddefinit, skont l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 2016/97 bħala “kull intermedjarju tar-riassigurazzjoni, intermedjarju tar-riassigurazzjoni anċillari jew impriża tal-assigurazzjoni”.


41      F’dan ir-rigward, ninnota li d-Direttiva 2016/97 tapplika, kif tindika l-premessa 7 tagħha, għal “kull bejgħ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni” (ara, ukoll, għal dan il-għan, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, TC Medical Air Ambulance Agency (C‑633/20, EU:C:2022:733, punt 48)). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24 ta’ dan l-istrument jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, il-bejgħ abbinat ta’ tali prodotti ma’ prodotti oħra.


42      Barra minn hekk, il-premessa 10 tad-Direttiva 2005/29 tindika li dan l-istrument “[jipprovdi] [...] ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju […]” u, għaldaqstant, “[jikkomplimenta] l-acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.


43      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punti 60 u 61).


44      Enfasi miżjuda.


45      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321).


46      F’dan ir-rigward, ninnota li Compass Banca u Europe Assistance Italia jsostnu li l-leġiżlatur Taljan uża l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 biss sabiex jimponi ċerti obbligi fuq “kummerċjanti” li jwettqu tali prattika (b’mod partikolari, billi jitlob li ċerta informazzjoni tiġi pprovduta lill-konsumatur u li dan tal-aħħar jiġi ppreżentat ukoll bl-għażla li jixtri dawk il-prodotti separatament).

Top