Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0608

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2023.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:856

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid‑9 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawżi magħquda C608/22 u C609/22

AH (C608/22),

FN (C609/22)

fil-preżenza ta’

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Standards relatati mal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u mal-kontenut ta’ tali protezzjoni – Artikolu 9(1)(b) – Kunċett ta’ ‘atti ta’ persekuzzjoni’ – Akkumulazzjoni ta’ atti u ta’ miżuri diskriminatorji adottati fil-konfront tal-bniet u tan-nisa – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-livell ta’ gravità meħtieġ – Artikolu 4(3) – Evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ġeneru, b’eċċezzjoni ta’ elementi oħra speċifiċi għas-sitwazzjoni personali – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri”






I.      Introduzzjoni

1.        Minn meta rritorna r-reġim tat-Talibani fl-Afganistan, is-sitwazzjoni tal-bniet u tan-nisa f’dan il-pajjiż iddeterjorat rapidament sa tali punt li jista’ jingħad li dawn saħansitra qegħdin jiċċaħħdu mill-identità tagħhom. Sabiex ma jiġux issuġġettati għal din is-sitwazzjoni intollerabbli, bniet u nisa Afgani qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom jew jirrifjutaw li jirritornaw fih u jiġu jfittxu l-ażil b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea. Affaċċjati b’din is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jeżitaw bejn l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil dawn in-nisa unikament minħabba s-sess tagħhom u t-tfittxija individwali tal-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet.

2.        Din il-kawża ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika din is-sitwazzjoni.

3.        B’mod iktar speċifiku, permezz ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tispeċifika l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni relatati mal-eżistenza ta’ biża’ fondat li jiġġarrab “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95/UE (2) meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ssir minn mara minħabba li hija tirriskja li tiġi esposta, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, għal akkumulazzjoni ta’ atti u ta’ miżuri diskriminatorji li jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħha.

4.        B’mod partikolari, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk atti bħal dawk li ġew adottati mir-reġim tat-Talibani mill‑15 ta’ Awwissu 2021, li jirrestrinġu l-aċċess tal-bniet u tan-nisa għall-edukazzjoni, għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali u għall-kura tas-saħħa, li jillimitaw il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u politika kif ukoll il-libertà ta’ moviment tagħhom u l-prattika tagħhom ta’ attività sportiva, li jimponu fuqhom, barra minn hekk, li jgħattu t-totalità tal-persuna tagħhom u ta’ wiċċhom u li jċaħħduhom minn protezzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika, jistgħux jitqiesu, fid-dawl tal-effett akkumulat tagħhom u tal-intensità tagħhom, li huma “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk hija mistiedna tikkompleta l-prinċipji li hija diġà stabbilixxiet fis-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (3), u tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et (4), dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/83/KE (5), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/95, peress li l-Artikolu 9 huwa fformulat, f’dawn iż-żewġ direttivi, b’mod kważi identiku.

5.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-kuntest tal-eżami tal-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali tal-applikanta, meħtieġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità kompetenti tistax tikkonkludi li jeżisti biża’ fondat li hija ġġarrab tali att ta’ persekuzzjoni minħabba l-ġeneru tagħha, mingħajr ma jkollha għalfejn tfittex elementi oħra speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha.

6.        Din it-tieni domanda, li tirrigwarda l-portata tal-evalwazzjoni individwali meħtieġa mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, tidħol f’kuntest partikolari. Fil-fatt, ċerti Stati Membri, bħar-Renju tal-Isvezja (6) u r-Renju tad-Danimarka (7) jew ir-Repubblika tal-Finlandja (8), diġà ddeċidew li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat liċ-ċittadini Afgani b’mod kważi awtomatiku, unikament minħabba l-ġeneru tagħhom, u għalhekk dawn l-Istati jsegwu l-pożizzjoni ta’ dawk li, mix-xahar ta’ Awwissu 2021, ipprevedew l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni temporanja stabbilita mid-Direttiva 2001/55/KE (9). Min-naħa tagħha, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) tikkonkludi, fl-aħħar rapport ta’ informazzjoni tagħha dwar l-Afganistan (2023), li biża’ fondat ta’ persekuzzjoni ser ikun ġeneralment stabbilit għall-bniet u għan-nisa Afgani fid-dawl tal-miżuri adottati mir-reġim tat-Talibani (10), filwaqt li l-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) jenfasizza wkoll, fid-dikjarazzjoni tiegħu maħruġa fil-kuntest ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, li teżisti preżunzjoni ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-bniet u tan-nisa Afgani (11).

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li l-miżuri msemmija mill-qorti tar-rinviju jikkostitwixxu “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. Ser nispjega li d-diskriminazzjoni gravi, sistematika u istituzzjonalizzata mwettqa fil-konfront tal-bniet u tan-nisa Afgani għandha l-konsegwenza li ċċaħħad lil dawn tal-aħħar mill-iktar drittijiet essenzjali tagħhom f’ħajja fis-soċjetà u tippreġudika r-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem, kif stabbilit mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (12).

8.        Ser nesponi wkoll ir-raġunijiet li għalihom inqis li xejn ma jipprekludi li l-awtorità kompetenti tikkonkludi li jeżisti biża’ fondat ta’ persekuzzjoni unikament minħabba l-ġeneru tal-applikanta, mingħajr ma jkollha għalfejn tfittex elementi oħra speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IlKEDB

9.        L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (13), intitolat “Deroga fi żmienijiet ta’ emerġenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fi żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon kull Parti Għolja Kontraenti tista’ tieħu miżuri li jnaqqsu l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni safejn ikun rigorożament meħtieġ mill-esiġenzi tas-sitwazzjoni, basta li dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti ma’ l-obbligi l-oħra tagħha skont il-liġi internazzjonali.

2.      Ma għandha ssir bis-saħħa ta’ din id-disposizzjoni ebda deroga mill-Artikolu 2 [‘Id-dritt għall-ħajja’] ħlief dwar imwiet li jirriżultaw minn atti leġittimi ta’ gwerra, jew mill-Artikoli 3 [‘Il-projbizzjoni tat-tortura’], 4 (paragrafu 1) [‘Il-projbizzjoni tal-iskjavitù’] u 7 [‘L-ebda piena mingħajr liġi’].”

B.      IdDirettiva 2011/95

10.      Il-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95 tiddikjara:

“L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati (14), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati (15) (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Genève’)], jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.”

11.      L-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l- Artikolu 12 ma japplikax għaliha.”

12.      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

13.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad- dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]”

14.      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

(a)      ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB]; jew

(b)      ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

(a)      atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali;

(b)      miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;

(c)      prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

[…]

(f)      atti ta’ natura speċifika għas-sess jew għat-tfal.”

III. Ilfatti talkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

15.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑608/22, AH, hija ċittadina Afgana mwielda fl‑1995. Wara li daħlet fl-Awstrija fil‑31 ta’ Awwissu 2015, hija ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru. Insostenn tal-applikazzjoni tagħha, hija indikat, fost oħrajn, li hija kienet ħarbet minn żwieġ sfurzat ippjanat minn missierha. Ir-rikorrenti, li dak iż-żmien kellha madwar 14‑il sena, ħarbet ma’ ommha lejn l-Iran, fejn għexet ma’ żewġ ħutha bniet sal‑2015. Hija ressqet l-applikazzjoni tagħha fl-Awstrija għaliex żewġha, li żżewġet miegħu matul żjara fil-Greċja, kien diġà jgħix hemmhekk.

16.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑609/22, FN, hija wkoll ċittadina Afgana mwielda fl‑2007. Hija ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija fl‑2020. Hija qatt ma għexet fl-Afganistan. Hija għexet fl-aħħar lok ma’ ommha u żewġ ħutha bniet fl-Iran, pajjiż li hija ħarbet minnu minħabba li l-membri tal-familja tagħha ma kellhomx permess ta’ residenza fih u ma kinux awtorizzati jaħdmu u minħabba li hija stess ma setgħetx tmur l-iskola. Hija indikat li, fil-każ ta’ ritorn fl-Afganistan, hija tkun esposta, bħala mara, għal riskju ta’ ħtif, li ma tkunx tista’ tmur l-iskola u li tirriskja li ma tkunx tista’ tmantni lilha nnifisha fl-assenza ta’ familja fuq il-post. FN sostniet ukoll, insostenn tal-applikazzjoni tagħha, li hija xtaqet tgħix b’mod liberu u jkollha l-istess drittijiet bħall-irġiel.

17.      Il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil, l-Awstrija) qies li l-argumenti mressqa minn AH dwar ir-raġuni għall-ħarba ma kinux kredibbli u li FN ma kinitx esposta għal riskju reali ta’ persekuzzjoni fl-Afganistan, fid-dawl tar-rapporti disponibbli fil-mument tad-deċiżjoni, jiġifieri fix-xahar ta’ Ottubru 2020. Din l-awtorità għaldaqstant irrifjutat li tagħti l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95 fiż-żewġ każijiet. Hija madankollu tat lil AH u lil FN il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja għar-raġuni li, fl-assenza ta’ network soċjali fl-Afganistan, huma jkunu esposti għal diffikultajiet ta’ natura ekonomika u soċjali li kieku kellhom jirritornaw hemmhekk.

18.      AH u FN it-tnejn li huma ppreżentaw rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) kontra d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jagħtuhom l-istatus ta’ refuġjat, billi jsostnu b’mod partikolari li, wara t-teħid tal-poter mir-reġim tat-Talibani fis-sajf tal‑2021, is-sitwazzjoni fl-Afganistan kienet inbidlet b’tali mod li n-nisa issa kienu esposti għal persekuzzjonijiet ta’ portata kbira. FN tqis li s-sempliċi fatt li persuna tkun mara Afgana għandu jwassal għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, kif irrikonoxxiet il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) fil-ġurisprudenza tagħha ta’ żmien it-teħid tal-poter preċedenti mit-Talibani.

19.      Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ċaħdet dawn iż-żewġ rikorsi bħala infondati, filwaqt li rrilevat, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-rikorrenti fl-Awstrija, huma ma kinux adottaw “stil ta’ ħajja tal-Punent” li sar komponent tant essenzjali tal-identità tagħhom li jkun impossibbli għalihom li jirrinunzjaw għalih sabiex jaħarbu minn theddid ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

20.      AH u FN it-tnejn li huma ppreżentaw rikors għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), billi sostnew mill-ġdid li s-sitwazzjoni tan-nisa taħt ir-reġim il-ġdid tat-Talibani kienet tiġġustifika, waħedha, li huma jingħataw l-istatus ta’ refuġjat.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin, li huma identiċi fiż-żewġ kawżi, lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-akkumulazzjoni ta’ miżuri meħuda, sostnuti jew permessi fi Stat min-naħa ta’ attur li huwa de facto awtorità governattiva u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-fatt li n-nisa

–        ma jitħallewx jipparteċipaw f’pożizzjonijiet politiċi u fi proċessi politiċi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

–        ma jingħataw ebda rimedji legali sabiex jiksbu protezzjoni kontra vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika;

–        jinsabu, b’mod ġenerali, f’riskju ta’ żwieġ sfurzat f’sitwazzjoni fejn, minkejja li ġew ipprojbiti mill-attur li huwa de facto awtorità governattiva, in-nisa ma jgawdux minn protezzjoni effettiva kontra żwieġ sfurzat u tali żwiġijiet xi drabi jitwettqu bil-parteċipazzjoni ta’ atturi li huma de facto awtorità governattiva bl-għarfien tal-fatt li huma żwiġijiet sfurzati;

–        ma jistgħux jaqilgħu l-għajxien tagħhom bħala impjegati jew jitħallew jagħmlu dan b’mod limitat biss, prinċipalment fid-dar tagħhom;

–        għandhom diffikultajiet f’termini ta’ aċċess għal faċilitajiet tal-kura tas-saħħa;

–        huma mċaħħda kompletament jew sostanzjalment minn aċċess għal edukazzjoni (pereżempju minħabba li l-bniet huma permessi edukazzjoni fi skola primarja biss);

–        ma humiex permessi li jkunu jew li jiċċaqilqu fil-pubbliku mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn raġel (li jrid ikun membru partikolari tal-familja) jew, l-iktar l-iktar, jitħallew jagħmlu dan biss kemm-il darba ma jitbegħdux iktar minn ċerta distanza minn darhom;

–        huma obbligati jgħattu kompletament il-persuna tagħhom u jgħattu wiċċhom b’velu meta jkunu fil-pubbliku;

–        ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi,

fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva [2011/95], għandhom jitqiesu li huma serji biżżejjed sabiex jaffettwaw mara b’mod simili kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva?

2)      Għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ ażil, huwa biżżejjed li mara tkun affettwata minn dawn il-miżuri fil-pajjiż ta’ oriġini minħabba s-sempliċi raġuni li hija mara, jew huwa meħtieġ li s-sitwazzjoni individwali ta’ mara tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex affettwata minn dawn il-miżuri, meqjusa fl-intier tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95?”

22.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Ottubru 2022, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

24.      Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jimplika li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa affaċċjat b’biża’ fondat li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali.

25.      Sabiex tagħti l-istatus ta’ refuġjat, l-awtorità kompetenti għandha għalhekk tasal għall-konklużjoni li jeżistu persekuzzjoni jew riskju ta’ persekuzzjoni fil-konfront tal-persuna kkonċernata.

26.      Minn naħa, mill-kombinazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-kunċett ta’ “persekuzzjoni” huwa kompost minn żewġ elementi.

27.      L-ewwel wieħed huwa l-element materjali. Dan huwa l-“att ta’ persekuzzjoni” iddefinit fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva. Dan l-element huwa determinanti peress li jiġġustifika l-biża’ tal-individwu u jispjega l-impossibbiltà jew ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jinvoka l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tfittex li tiddetermina jekk il-miżuri diskriminatorji adottati mir-reġim tat-Talibani fil-konfront tal-bniet u tan-nisa jilħqux il-livell ta’ gravità meħtieġ mill-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva sabiex jiġu kklassifikati bħala “atti ta’ persekuzzjoni”. It-tieni wieħed huwa l-element intellettwali. Dan huwa r-raġuni, prevista fl-Artikolu 10 tal-istess direttiva, li għaliha jitwettqu jew jiġu applikati l-att jew is-sensiela ta’ atti jew ta’ miżuri. Dan l-element tal-aħħar ma huwiex inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

28.      Min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti għandha teżamina, abbażi ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meħtieġa mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, jekk il-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat, ladarba jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwiex fondat. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, mara Afgana tistax tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali mingħajr ma jitwettaq eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħha, fid-dawl tal-fatt li ċerti nisa jistgħu ma jiċħdux, jew saħansitra japprovaw, il-miżuri adottati jew ittollerati mit-Talibani, li għaldaqstant jista’ ma jkollhomx effett fuq is-sitwazzjoni konkreta ta’ dawn in-nisa.

A.      Ilportata talkunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni” fissens talArtikolu 9(1)(b) tadDirettiva 2011/95 (lewwel domanda)

29.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-atti u l-miżuri diskriminatorji li jimponu fuq il-bniet u fuq in-nisa restrizzjonijiet severi għal-libertà ta’ moviment tagħhom, għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u politika, għall-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa, għall-eżerċizzju tagħhom ta’ attività professjonali u ta’ attività sportiva, li, barra minn hekk, iċaħħduhom minn protezzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika u li jimponu fuq dawn tal-aħħar kodiċi ta’ lbies li jgħatti t-totalità tal-persuna tagħhom u ta’ wiċċhom, jikkostitwixxu “att ta’ persekuzzjoni”.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

30.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, AH, il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni jesprimu dubji dwar il-portata ta’ din id-domanda.

31.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan jenfasizzaw li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, in abstracto, jekk l-akkumulazzjoni tal-miżuri msemmija espressament mill-qorti tar-rinviju jikkostitwixxux “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. Huwa minnu li, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32/UE (16), din l-evalwazzjoni taqa’ biss taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti, li għandha tevalwa l-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant wara eżami xieraq, komplet u aġġornat.

32.      Madankollu, ma naħsibx li l-ewwel domanda preliminari saret f’dawn it-termini. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tfittex biss li tifhem il-mod kif għandha tevalwa l-gravità ta’ dawn il-miżuri li tirriżulta mill-effett akkumulat tagħhom, meta mqabbla mal-livell ta’ gravità meħtieġ mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Kif jixhed l-użu tal-avverb “b’mod partikolari” fil-formulazzjoni ta’ din id-domanda, dik il-qorti ma kellhiex l-intenzjoni li telenka l-miżuri kollha li għalihom jistgħu jkunu esposti ċ-ċittadini nisa Afgani fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Il-portata ta’ dawn il-miżuri tiżdied regolarment kif juru l-aħħar rapport ta’ informazzjoni dwar l-Afganistan (2023) tal-EUAA (17) kif ukoll id-digriet reċenti adottat mir-reġim tat-Talibani li jordna l-għeluq tal-ħwienet ta’ sbuħija, li kienu l-uniku post “pubbliku” fejn in-nisa kienu għadhom awtorizzati jiltaqgħu flimkien. L-imsemmija qorti hija konxja li, għalkemm il-miżuri msemmija, meħuda waħedhom, għandhom jiġu kkundannati, huma ma jikkostitwixxux ksur ta’ dritt assolut bħal dak previst fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB u li minnu ebda deroga ma hija possibbli u li, meħuda flimkien, huma jistgħu ma jitqisux li jilħqu l-grad ta’ gravità meħtieġ skont l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva.

33.      It-tieni nett, AH issostni, fl-osservazzjonijiet tagħha, li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-miżuri diskriminatorji msemmija mill-qorti tar-rinviju mill-aspett tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, peress li l-bniet u n-nisa Afgani huma wkoll esposti għal atti li jaffettwaw b’mod gravi d-drittijiet fundamentali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, huwa evidenti li l-atti ta’ vjolenza bbażati fuq il-ġeneru u l-atti ta’ vjolenza domestika, li dawn tal-aħħar jirriskjaw li jġarrbu fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu, minħabba n-natura tagħhom, jew minħabba r-repetizzjoni tagħhom, “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”, u għalhekk att ta’ persekuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (18).

34.      Lanqas ma hemm dubju li l-proċeduri kriminali u s-sanzjonijiet li għalihom huma esposti ċ-ċittadini Afgani meta ma josservawx ir-rekwiżiti li huma imposti fuqhom jistgħu, waħedhom, jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 9(1)(a), sa fejn jistgħu jirriżultaw fi ħsara gravi u intollerabbli għall-persuna umana.

35.      Madankollu, nosserva li d-domandi preliminari jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-miżuri diskriminatorji adottati fil-konfront tal-bniet u tan-nisa Afgani fid-dawl tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 u li l-awtorità kompetenti hija obbligata twettaq karatterizzazzjoni kompleta tal-atti ta’ persekuzzjoni jew tal-ħsara gravi li l-applikanta tirriskja li ġġarrab jekk tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

36.      Minn naħa, mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata twettaq eżami xieraq u effettiv tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sabiex tiggarantixxi evalwazzjoni eżawrjenti tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni tal-persuna kkonċernata. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet, fis-sentenza Y u Z, “li, meta awtorità kompetenti twettaq, skont l-Artikolu 4(3) [ta’ din id-]Direttiva, l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-atti kollha li l-applikant kien f’riskju tagħhom jew qiegħed jirriskja li jiġi espost għalihom sabiex jiġi ddeterminat jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tiegħu, dawn l-atti jistgħux jitqiesu bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) [tal-imsemmija] Direttiva” (19).

37.      Min-naħa l-oħra, dan għandu jippermetti li jiġu evitati sitwazzjonijiet delikati li fihom il-persuna kkonċernata titqies, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, li waqfet milli tkun persuna li tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u għalhekk l-istatus tagħha jiġi rtirat b’mod prematur wara karatterizzazzjoni insuffiċjenti tar-riskji.

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa evidenti li ċerti miżuri diskriminatorji inkwistjoni jikkostitwixxu b’mod flagranti att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, huwa l-kompitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tistabbilixxi, wara l-evalwazzjoni tagħha tar-riskji, sa fejn l-applikanti nisa jistgħu wkoll iġarrbu atti ta’ persekuzzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(1)(b) ta’ din tal-aħħar (20).

2.      Fuq ilmertu

39.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li att jitqies li huwa persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (21).

40.      L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jirrigwarda r-rekwiżiti dwar in-natura u l-gravità tal-att, filwaqt li l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, il-forom li jista’ jieħu att ta’ persekuzzjoni.

41.      F’dan il-każ, ma hemmx dubju li l-miżuri li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju jaqgħu taħt din il-lista, billi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2011/95 ma hijiex inkwistjoni hawnhekk. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jixtieqx jillimita l-atti ta’ persekuzzjoni għall-atti ta’ vjolenza fiżika, iżda jixtieq, permezz ta’ test suffiċjentement miftuħ u li jista’ jiġi adattat, jirrifletti forom ta’ persekuzzjoni estremament varjati u li jinbidlu l-ħin kollu (22). Għaldaqstant, skont l-Artikolu 9(2)(b), (c) u (f) ta’ din id-direttiva, l-atti ta’ persekuzzjoni jistgħu “b’mod partikolari” jieħdu l-forma ta’ “miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja”, ta’ “prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju” u ta’ “atti ta’ natura speċifika għas-sess jew għat-tfal”.

42.      Għall-kuntrarju, dawn il-miżuri jistgħu jilħqu l-livell ta’ gravità meħtieġ mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95?

43.      Dan l-artikolu jintroduċi distinzjoni skont jekk l-att inkwistjoni jiksirx id-drittijet fundamentali tal-bniedem (punt (a)) jew id-drittijiet tal-bniedem l-oħra (punt (b)).

44.      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, dan jistabbilixxi li l-att inkwistjoni għandu “ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB” (23).

45.      Att li jista’ ma jkunx suffiċjentement gravi, minħabba n-natura tiegħu, sabiex jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem jista’, minħabba n-natura rrepetuta tiegħu, jilħaq dan il-grad ta’ gravità u jikkostitwixxi tali ksur.

46.      Id-drittijiet previsti fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB huma d-drittijiet imsejħa “assoluti” jew “inaljenabbli” ta’ kull individwu. Ma jistgħu b’ebda mod jiġu llimitati, saħansitra fil-każ ta’ emerġenza pubblika eċċezzjonali “li thedded il-ħajja tan-nazzjon”. Dawn huma d-dritt għall-ħajja, id-dritt li individwu ma jiġix issuġġettat għal tortura jew għal pieni jew għal trattamenti inumani jew degradanti, id-dritt li individwu ma jiġix ridott għall-iskjavitù jew għas-servitù kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix arbitrarjament arrestat jew detenut (24). Fil-Pożizzjoni Konġunta 96/196/AĠI (25), il-Kunsill kien diġà ddefinixxa l-kunċett ta’ “persekuzzjoni” bħala li jkopri l-atti li jikkostitwixxu ksur essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma d-dritt għall-ħajja, id-dritt għal-libertà jew għall-integrità fiżika, jew li jipprekludu manifestament lill-persuna li tkun ġarrbithom milli tkompli tgħix fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (26). Skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-att ta’ persekuzzjoni għalhekk għandu jikkostitwixxi ħsara gravi u intollerabbli għall-persuna umana, u b’mod partikolari għall-iktar drittijiet essenzjali tagħha.

47.      Madankollu, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu jirreferi għall-Artikolu 15(2) tal-KEDB “b’mod indikattiv” sabiex jiġi stabbilit liema atti għandhom, b’mod partikolari, jitqiesu bħala persekuzzjoni (27). Minn dan jirriżulta li, meta l-applikant jibbaża l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fuq ksur ta’ dritt assolut previst f’din id-dispożizzjoni, l-eżistenza tal-persekuzzjoni tkun stabbilita ipso facto peress li dan il-ksur huwa ispirat minn raġunijiet marbuta mar-razza, mar-reliġjon, man-nazzjonalità, mal-opinjonijiet politiċi jew mal-appartenenza ta’ dan tal-aħħar għal ċertu grupp soċjali.

48.      Għall-kuntrarju, meta l-applikant jibbaża l-applikazzjoni tiegħu fuq ksur ta’ dritt fundamentali li ma huwiex dritt assolut, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali ksur ma jobbligax fih innifsu lill-awtorità kompetenti tagħtih l-istatus ta’ refuġjat (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan il-ksur għandu jilħaq “ċertu livell ta’ gravità” (29) li “[j]affettwa lill-persuna kkonċernata b’mod sinjifikattiv” (30). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dan il-ksur jikkostitwixxix limitazzjoni leġittima għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali inkwistjoni, f’liema każ il-klassifikazzjoni bħala “att ta’ persekuzzjoni” hija eskluża (31). Għandu wkoll jiġi ddeterminat sa fejn l-imsemmi ksur jista’ jikkostitwixxi ksur ta’ gravità tali li jista’ jiġi assimilat ma’ jew li jista’ jekwivali għal dak tal-ksur tad-drittijiet assoluti previsti fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB (32). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li wieħed imur lil hinn min-“nomenklatura” tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità intrinsika tal-att jew tal-miżura u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom għall-persuna affettwata, iżda wkoll in-natura u l-gravità tar-repressjoni eżerċitata fuq il-persuna kkonċernata (33). Fis-sentenzi Y u Z kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (34), il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li l-applikant kien espost għal att ta’ persekuzzjoni sa fejn, minħabba l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien qiegħed jesponi ruħu għal riskju reali, b’mod partikolari, li jittieħdu proċeduri kontrih jew li jiġi suġġett għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti li jirriżultaw minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95 (35).

49.      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, dan jispeċifika li att ta’ persekuzzjoni jista’ wkoll ikun akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li tkun suffiċjentement gravi sabiex taffettwa lil individwu b’mod paragunabbli għal dak li huwa indikat fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva.

50.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk jirreferi għal atti jew miżuri, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li, meħuda waħedhom, ma jikkostitwixxux ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikant. Kif jixhdu t-termini ta’ din id-dispożizzjoni, dawn l-atti jew dawn il-miżuri jistgħu biss jekwivalu għal persekuzzjoni sa fejn, minħabba l-“akkumulazzjoni” tagħhom, huma jaffettwaw lill-applikant b’mod paragunabbli għal ksur gravi ta’ dritt fundamentali tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tal-imsemmija direttiva (36).

51.      Dan l-element tal-aħħar huwa determinanti għaliex għandu jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni” u kwalunkwe miżura diskriminatorja oħra. Fil-fatt, l-għan tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil ma huwiex li tingħata protezzjoni kull darba li persuna ma tkunx tista’ teżerċita kompletament u effettivament, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, il-garanziji li jagħtuha l-Karta jew il-KEDB, iżda huwa li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat ikun ristrett għall-individwi li jirriskjaw li jkunu esposti għal ċaħda gravi jew għal ksur sistematiku tal-iktar drittijiet essenzjali tagħhom u li l-ħajja tagħhom, minħabba f’hekk, tkun saret intollerabbli f’dan il-pajjiż.

52.      Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ att materjali ta’ persekuzzjoni, huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat sa fejn ir-restrizzjonijiet jew id-diskriminazzjonijiet li minnhom isofri l-applikant fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, inkluż ta’ dritt fundamentali, iwasslu, minħabba l-effett akkumulat tagħhom, għal konsegwenzi gravi għal dan l-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li jilħqu livell ta’ gravità ekwivalenti għal ksur gravi ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħu (37). Fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-UNHCR jenfasizza li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita regola ġenerali dwar ir-raġunijiet kumulattivi li jistgħu jagħtu lok għal applikazzjoni valida għall-istatus ta’ refuġjat (38). Fil-fehma tiegħu, miżura diskriminatorja ser tikkostitwixxi persekuzzjoni biss jekk twassal għal konsegwenzi li jikkawżaw preġudizzju gravi għall-persuna affettwata, bħal restrizzjonijiet gravi għad-dritt li taqla’ l-għixien tagħha, għad-dritt li tipprattika r-reliġjon tagħha jew li jkollha aċċess għall-istabbilimenti ta’ tagħlim u ser tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-kuntest ġeografiku, storiku u etnoloġiku partikolari (39).

53.      B’rifless tal-prinċipji li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtorità kompetenti għandha teżamina, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, is-sitwazzjoni konkreta li din tesponi ruħha għaliha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-natura u l-gravità tal-miżuri diskriminatorji li hija tirriskja li ġġarrab u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom għaliha, iżda wkoll in-natura u l-gravità tas-sanzjonijiet li hija tesponi ruħha għalihom meta ma tosservax il-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet li huma imposti fuqha b’dan il-mod. Infakkar, fil-fatt, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-atti li jistgħu jitqiesu li huma persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu identifikati skont il-gravità tal-miżuri u tas-sanzjonijiet meħuda jew li jistgħu jittieħdu fil-konfront tal-persuna kkonċernata (40).

54.      F’dan il-każ, ma hemm ebda dubju li, indipendentement min-natura tar-repressjoni li għaliha huma esposti l-bniet u n-nisa Afgani fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti adottati mir-reġim tat-Talibani – li waħedhom jistgħu jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, sa fejn jistgħu jirriżultaw fi ħsara gravi u intollerabbli għall-persuna umana –, l-atti u l-miżuri diskriminatorji inkwistjoni jilħqu grad ta’ gravità ekwivalenti għal dak li jimplika l-ksur tad-drittijiet assoluti previsti fl-Artikolu 15(2) tal-KEDB kemm minħabba l-intensità tagħhom u l-effett akkumulat tagħhom kif ukoll minħabba l-konsegwenzi li jikkawżaw għall-persuna affettwata.

55.      Ir-restrizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa huma ta’ severità tali li jippreġudikaw id-dritt fundamentali dwar il-protezzjoni tas-saħħa stabbilit fl-Artikolu 35 tal-Karta u jesponu lill-bniet u lin-nisa Afgani għal riskju ta’ trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fin-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi tas-saħħa kompetenti. Ir-restrizzjonijiet għall-aċċess għall-edukazzjoni, għat-taħriġ professjonali u għas-suq tax-xogħol jiksru d-drittijiet tan-nisa li jaċċedu għall-edukazzjoni u li jaħdmu, irrikonoxxuti b’mod partikolari fl-Artikoli 14 u 15 tal-Karta, billi jesponuhom għar-riskju li ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-iktar ħtiġijiet bażiċi tagħhom u dawk ta’ wliedhom, bħalma huma dawk li jieklu, li jinħaslu u li jkollhom fejn jgħixu (41). Tali restrizzjonijiet, minħabba l-gravità tal-privazzjonijiet li dawn jinvolvu, jistgħu jikkompromettu l-integrità fiżika jew mentali tagħhom, daqs it-theddid iktar dirett għall-ħajja. F’dan ir-rigward, dawn il-bniet u dawn in-nisa huma wkoll imċaħħda minn protezzjoni ġuridika kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika, ħaġa li, lil hinn mill-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u tad-dritt għal rimedju effettiv, tista’ tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-ħajja u għall-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew tat-trattamenti inumani jew degradanti (42).

56.      Ma’ dawn il-miżuri jiżdiedu l-miżuri diskriminatorji l-oħra adottati fil-konfront tal-bniet u tan-nisa Afgani li huma intiżi li jillimitaw, jew saħansitra jipprojbixxu, il-libertà ta’ moviment tagħhom fl-ispazju pubbliku, il-libertajiet ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni tagħhom jew il-libertà tagħhom li jipparteċipaw f’pożizzjonijiet politiċi u fil-proċess politiku għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dawn il-miżuri kollha jirriflettu r-rieda manifesta tal-atturi tal-persekuzzjoni li jeskludu l-bniet u n-nisa mill-ħajja fis-soċjetà billi jċaħħduhom mid-drittijiet tagħhom, kemm ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali. Minħabba l-effett akkumulat tagħhom u l-applikazzjoni deliberata u sistematika tagħhom, l-imsemmija miżuri jirriflettu l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni soċjali bbażata fuq sistema ta’ segregazzjoni u ta’ oppressjoni fil-konfront tal-bniet u tan-nisa, li fiha dawn tal-aħħar huma esklużi mis-soċjetà ċivili u mċaħħda mid-dritt li jgħixu ħajja dinjituża u deċenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

57.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Y u Z, l-Avukat Ġenerali Bot enfasizza li “il-persekuzzjoni hija att ta’ serjetà estrema, għaliex hija tikkonsisti fiċ-ċaħda b’mod flagranti u b’mod persistenti tad-drittijiet l-iktar essenzjali tal-persuna umana, minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sess tagħha u l-orjentazzjonijiet sesswali tagħha, il-konvinzjonijiet politiċi tagħha jew it-twemmin reliġjuż tagħha. Tkun xi tkun il-forma li hija tieħu u lil hinn mid-diskriminazzjoni li hija twettaq, il-persekuzzjoni tkun akkumpanjata miċ-ċaħda tal-persuna umana u timpenja ruħha sabiex teskludiha mis-soċjetà. Wara l-persekuzzjoni hemm l-idea ta’ projbizzjoni, il-projbizzjoni li wieħed jgħix f’soċjetà flimkien ma’ oħrajn minħabba s-sess tiegħu, il-projbizzjoni li huwa jiġi ttrattat b’mod ugwali minħabba t-twemmin tiegħu jew li jkollu aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni minħabba r-razza tiegħu. Dawn l-interdizzjonijiet jinkludu fihom infushom sanzjoni, sanzjoni tal-individwu għal dak li hu jew għal dak li huwa jirrapreżenta” (43).

58.      F’dan il-każ, ma hemmx dubju li, tkun xi tkun il-forma li jieħdu l-miżuri diskriminatorji, kemm jekk ikunu digrieti adottati mir-reġim stabbilit kemm jekk ikunu atti ttollerati minn dan tal-aħħar, dawn jinvolvu fihom infushom sanzjoni, sanzjoni tal-mara għal dak li hi jew għal dak li hija tirrappreżenta f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, dawn il-miżuri jwasslu għaċ-ċaħda b’mod flagranti u b’mod persistenti tal-iktar drittijiet essenzjali tal-bniet u tan-nisa, minħabba l-ġeneru tagħhom, billi jċaħħduhom mill-identità tagħhom u billi jagħmlulhom ħajjithom ta’ kuljum intollerabbli.

59.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni” akkumulazzjoni ta’ atti u ta’ miżuri diskriminatorji adottati f’pajjiż fil-konfront tal-bniet u tan-nisa li jirrestrinġu, jew saħansitra jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa, l-eżerċizzju tagħhom ta’ attività professjonali, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u politika, il-libertà ta’ moviment tagħhom u l-libertà li jipprattikaw attività sportiva, li jċaħħduhom minn protezzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika u jimponulhom li jgħattu kompletament il-persuna tagħhom u wiċċhom, sa fejn dawn l-atti u dawn il-miżuri, minħabba l-effett akkumulat tagħhom, ikollhom il-konsegwenza li jċaħħdu lil dawn il-bniet u lil dawn in-nisa mill-iktar drittijiet essenzjali tagħhom f’ħajja fis-soċjetà u għaldaqstant jippreġudikaw ir-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem, kif stabbilit mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-Karta.

B.      Ilportata talevalwazzjoni individwali li lawtorità kompetenti hija obbligata twettaq skont lArtikolu 4(3) tadDirettiva 2011/95 (ittieni domanda)

60.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tal-applikanta, minbarra l-ġeneru tagħha, sabiex tiddetermina jekk il-miżuri diskriminatorji li għalihom hija kienet jew tirriskja li tkun esposta fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha jikkostitwixxux persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) ta’ din id-direttiva.

61.      B’mod partikolari, dik il-qorti tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti li jiġi stabbilit li l-applikanta hija mara jew jekk huwiex neċessarju li jiġi pprovat li din il-mara hija affettwata speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha.

62.      Din id-domanda hija bbażata fuq żewġ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet.

63.      Minn naħa, l-oriġini tagħha tinsab fil-ġurisprudenza li stabbilixxiet il-qorti tar-rinviju dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn bniet u nisa Afgani li ħarbu mir-reġim preċedenti tat-Talibani fl-Afganistan. Skont din il-ġurisprudenza, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/95, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-bniet u dawn in-nisa kellha, fit-totalità tagħha, tiġi kklassifikata bħala suffiċjentement gravi sabiex jitqies li l-miżuri diskriminatorji li kienu jaffettwawhom kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Għalhekk, applikanta kienet tingħata l-istatus ta’ refuġjat sempliċement minħabba l-kwalità tagħha ta’ tifla jew ta’ mara Afgana. Wara l-waqgħa tar-reġim tat-Talibani, il-qorti tar-rinviju biddlet il-ġurisprudenza tagħha u qieset li kienu biss il-bniet u n-nisa li kienu qegħdin jirriskjaw li jiġu ppersegwitati minħabba l-adozzjoni ta’ “stil ta’ ħajja ispirat mill-Punent” li sar tant essenzjali għall-identità tagħhom li ma setgħux jintalbu li jirrinunzjaw għalih sabiex jaħarbu minn theddida ta’ persekuzzjoni, li setgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali, liema evalwazzjoni kienet ibbażata fuq l-eżami in concreto taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

64.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm il-miżuri adottati mir-reġim tat-Talibani jaffettwaw lill-bniet u lin-nisa kollha kemm huma, jista’ jiġri li, f’każ partikolari, waħda minnhom ma tkunx konkretament esposta għal waħda jew iktar minn dawn il-miżuri, b’mod li l-miżuri diskriminatorji li għalihom tkun esposta ma jilħqux, minħabba l-effett akkumulat tagħhom, livell ta’ gravità paragunabbli għal dak li huwa previst fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

65.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi r-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat l-eżami tal-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu huwa applikabbli għall-applikazzjonijiiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, indipendentement mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet (44).

66.      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jimponi fuq l-awtorità kompetenti li twettaq evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni. Din tal-aħħar għandha tippermetti lil din l-awtorità tidentifika l-persuna li realment għandha bżonn protezzjoni internazzjonali u tevalwa l-kredibbiltà tagħha (45). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija awtorità hija obbligata, skont l-Artikolu 4(3)(c) ta’ din id-direttiva, tieħu inkunsiderazzjoni “il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali [ta’ dan tal-aħħar], l-atti li għalihom [huwa] kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni” (46). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli partikolari dwar il-piż jew l-importanza li għandhom jingħataw lill-elementi speċifiċi għall-istatus individwali jew lis-sitwazzjoni individwali tal-applikant.

67.      Billi jeżiġi fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2013/32 li l-awtorità kompetenti twettaq eżami tal-applikazzjoni li jkun xieraq u eżawrjenti (47), il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lil din l-awtorità marġni ta’ evalwazzjoni suffiċjenti sabiex tiddetermina, każ b’każ u fid-dawl tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-element rilevanti tal-applikazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant. Fil-fatt, l-imsemmija awtorità tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni (48).

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni fil-ġurisprudenza tagħha.

69.      Għaldaqstant, fis-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (49), u tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (50), dwar biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 huma applikabbli għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, indipendentement mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tagħhom tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali jew oħrajn skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan b’osservanza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma eskludietx li ċerti forom ta’ perizja huma utli għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, sakemm jitwettqu b’osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali (52).

70.      Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (53), dwar biża’ li jiġġarrab theddid gravi u individwali minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-eżistenza ta’ tali theddid tista’ eċċezzjonalment titqies li hija stabbilita meta l-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li jkun għaddej, evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jilħaq livell tant għoli li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat jew, jekk ikun il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju, jesponi ruħu għal riskju reali li jġarrab dan it-theddid, u dan mingħajr ma jkun obbligat jipproduċi l-prova li huwa speċifikament affettwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu (54).

71.      Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit innifsu li titwettaq evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jippreżupponi li l-awtorità kompetenti tadatta l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull waħda mill-applikazzjonijiet.

72.      Issa, fil-fehma tiegħi, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa mill-bniet u min-nisa li joriġinaw mill-Afganistan għandhom karatteristiċi speċifiċi li jawtorizzaw adattament tal-modalitajiet ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

73.      Fil-fatt, il-miżuri diskriminatorji li l-bniet u n-nisa Afgani jirriskjaw li jiġu esposti għalihom jaqgħu taħt sistema ta’ segregazzjoni u ta’ oppressjoni li hija implimentata fil-konfront tagħhom bis-sempliċi fatt tal-preżenza tagħhom fit-territorju, indipendentement mill-identità tagħhom jew mis-sitwazzjoni personali tagħhom (55). Huwa minnu li, għalkemm huwa possibbli li applikanta ma tkunx affettwata minn waħda jew iktar mill-miżuri inkwistjoni minħabba karatteristiċi partikolari, hija tibqa’ esposta għal restrizzjonijiet u privazzjonijiet li, meħuda individwalment jew meqjusa flimkien, jilħqu grad ta’ gravità ekwivalenti għal-livell ta’ gravità meħtieġ mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Din is-sistema, iddokumentata b’mod estensiv, hija barra minn hekk deskritta bħala li ma tixbah lil ebda sistema oħra (56). Kemm ir-rapporti stabbiliti mill-EUAA, mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll ir-rapporti maħruġa min-NGOs internazzjonali jistabbilixxu li t-trattament mogħti lill-bniet u lin-nisa fl-Afganistan huwa ta’ natura li joħloq bżonn ġenerali ta’ protezzjoni internazzjonali għall-applikanti nisa.

74.      Fil-fehma tiegħi, f’tali ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi li awtorità kompetenti tqis, fid-dawl tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, li ma huwiex neċessarju li tistabbilixxi li l-applikanta hija affettwata minħabba karatteristiċi distintivi differenti mill-ġeneru tagħha.

75.      Huwa wkoll f’dan is-sens li tiddeċiedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, din tal-aħħar ittaffi r-rekwiżit li l-applikant għandu jkun jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament ħażin minħabba ċirkustanzi li huma speċifiċi għalih jew minħabba karatteristiċi partikolari fil-kawżi li fihom ikun stabbilit li l-applikant jagħmel parti minn grupp sistematikament immirat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li s-sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza f’dan il-pajjiż ser tesponih, sempliċement minħabba r-ritorn tiegħu, għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti li jmur kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB (57).

76.      Jidhirli li tali modalitajiet ta’ evalwazzjoni wkoll jaqgħu taħt il-marġni ta’ manuvra li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu standards iktar favorevoli b’mod partikolari sabiex jiddeċiedu liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, bil-kundizzjoni madankollu li dawn l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-direttiva. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (58), l-imsemmija standards jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’attenwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u ma għandhomx jippreġudikaw l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet tal-imsemmija direttiva (59).

77.      Issa, fil-fehma tiegħi, tali modalitajiet ta’ evalwazzjoni ma jistgħux jippreġudikaw l-istruttura ġenerali u l-iskop tad-Direttiva 2011/95, mill-mument li l-istatus ta’ refuġjat jingħata wara eżami xieraq u eżawrjenti tal-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikanta, konformement mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

78.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li l-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest tal-eżami tal-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali tal-applikanta, meħtieġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonkludu li jeżisti biża’ fondat li hija ġġarrab atti ta’ persekuzzjoni minħabba l-ġeneru tagħha, mingħajr ma jkollhom għalfejn ifittxu elementi oħra speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha.

V.      Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija):

1)      L-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

taqa’ taħt il-kunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni” akkumulazzjoni ta’ atti u ta’ miżuri diskriminatorji adottati f’pajjiż fil-konfront tal-bniet u tan-nisa li jirrestrinġu, jew saħansitra jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa, l-eżerċizzju tagħhom ta’ attività professjonali, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u politika, il-libertà ta’ moviment tagħhom u l-libertà li jipprattikaw attività sportiva, li jċaħħduhom minn protezzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika u jimponulhom li jgħattu kompletament il-persuna tagħhom u wiċċhom, sa fejn dawn l-atti u dawn il-miżuri, minħabba l-effett akkumulat tagħhom, ikollhom il-konsegwenza li jċaħħdu lil dawn il-bniet u lil dawn in-nisa mill-iktar drittijiet essenzjali tagħhom f’ħajja fis-soċjetà u għaldaqstant jippreġudikaw ir-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem, kif stabbilit mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2)      L-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2011/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li, fil-kuntest tal-eżami tal-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali tal-applikanta, meħtieġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonkludu li jeżisti biża’ fondat li hija ġġarrab atti ta’ persekuzzjoni minħabba l-ġeneru tagħha, mingħajr ma jkollhom għalfejn ifittxu elementi oħra speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (GU 2011, L 337, p. 9).


3      C‑71/11 u C‑99/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Y u Z”, EU:C:2012:518. Din is-sentenza tirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq riskju ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tal-applikant. Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:803).


4      C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720. Din is-sentenza tirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq riskju ta’ persekuzzjoni minħabba l-omosesswalità tal-applikant.


5      Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


6      Ara l-istqarrijiet tal-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, l-Isvezja), tas‑7 ta’ Diċembru 2022, intitolati “Women from Afghanistan to be granted asylum in Sweden” u “Being a woman from Afghanistan is enough to get protection”.


7      Ara l-istqarrija tal-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Refuġjati, id-Danimarka), tat‑30 ta’ Jannar 2023, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: Flygtningenævnet giver asyl til kvinder og piger fra Afghanistan - Fln.


8      Ara l-istqarrija tal-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja), tal‑15 ta’ Frar 2023, intitolat “Refugee Status to Afghan Women and Girls”.


9      Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162). Ara, wara r-rimarka fformulata fid‑19 ta’ Awwissu 2021 minn Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Viċi President tal-Kummissjoni, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas‑16 ta’ Settembru 2021, dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2021/2877(RSP), punt 41).


10      Ara EUAA, Country guidance: Afghanistan, Jannar 2023, b’mod partikolari, punt 3.15 (p. 23) kif ukoll p. 86 et seq.


11      Ara UNHCR, Statement on the concept of persecution on cumulative grounds in light of the current situation for women and girls in Afghanistan, issued in the context of the preliminary ruling reference to the Court of Justice of the European Union in the cases of AH and FN v. Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (C608/22 and C609/22), punt 5.1.11.


12      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


13      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


14      Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.


15      Konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.


16      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


17      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2023:314, nota ta’ qiegħ il-paġna 17).


19      Ara l-punt 68 ta’ din is-sentenza. Enfasi miżjuda minni.


20      Ma naħsibx li l-użu tal-konġunzjoni “jew” fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95 jipprekludi tali interpretazzjoni.


21      Din il-konvenzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “atti ta’ persekuzzjoni”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tagħha biss jistabbilixxi li t-terminu “refuġjat” għandu jkopri kull persuna li, “minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda minni).


22      Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, il-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 11, intitolat “In-natura tal-persekuzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (li sar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83), fil-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill, ippreżentata fit‑12 ta’ Settembru 2001, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuna li nkella teħtieġ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (COM(2001) 510 final).


23      Ara s-sentenza Y u Z (punt 57).


24      Dawn id-drittijiet huma previsti rispettivament fl-Artikoli 2 u 3, fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 7 tal-KEDB, kif ukoll fl-Artikolu 2 u 4, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 49 tal-Karta.


25      Pożizzjoni Konġunta tal‑4 ta’ Marzu 1996 definita mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rigward l-applikazzjoni armonizzata tad-definizzjoni tat-terminu “refuġjat” fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat‑28 ta’ Lulju 1951 li tirrigwardja l-istatus tar-refuġjati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 20).


26      Ara l-punt 4 ta’ din il-pożizzjoni konġunta. Nosserva li, fl‑2001, fil-kuntest tax-xogħol tal-Kunsill dwar il-proposta għal direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem billi insista qabel kollox fuq “il-ħajja, il-libertà jew […] l-integrità fiżika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], qabel ma semma, wara r-riżervi espressi minn ċerti Stati Membri, id-drittijiet li ma tista’ ssir ebda deroga minnhom abbażi tal-Artikolu 15(2) tal-KEDB (ara d-dokumenti disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill bir-referenzi 13620/01, 11356/02, 12620/02 u 13648/02).


27      Ara s-sentenza Y u Z (punt 57).


28      Ara s-sentenza Y u Z (punt 58).


29      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 53), kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara s-sentenza Y u Z, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, indikat li “huma esklużi immedjatament l-atti li jikkostitwixxu limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà tar-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, li huma previsti mil-liġi, mingħajr madankollu ma jinkiser dan id-dritt, peress li huma koperti bl-Artikolu 52(1) tal-Karta” (punt 60).


32      Ara s-sentenza Y u Z, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li “[l]-atti li, ċertament, jiksru d-dritt rikonoxxut fl-Artikolu 10(1) tal-Karta iżda li s-serjetà tagħhom ma tkunx daqs dik tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2004/83] u l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ Genève” (punt 61, enfasi miżjuda minni).


33      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Y u Z, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-atti li, minħabba l-gravità intrinsika tagħhom kif ukoll dik tal-konsegwenza tagħhom għall-persuna affettwata, jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni, għandhom jiġu identifikati mhux skont l-element tal-libertà tar-reliġjon li qiegħed jiġi ppreġudikat, iżda skont in-natura tar-repressjoni eżerċitata fuq il-persuna kkonċernata u skont il-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar (punti 65 u 66).


34      C‑56/17, EU:C:2018:803.


35      Ara s-sentenzi Y u Z (punt 67), kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      F’dan ir-rigward, ara EUAA, Qualification for International Protection, Judicial analysis, second edition, Jannar 2023 (b’mod partikolari l-punt 1.4.3, dwar l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95).


37      Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi ġuridika ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fiha l-EUAA tirrileva li “trattament inqas favorevoli li jirriżulta minn differenzi fit-trattament ta’ gruppi differenti ma jikkostitwixxix fih innifsu persekuzzjoni. Leġiżlazzjoni diskriminatorja jew applikazzjoni diskriminatorja tal-liġi tista’ titqies li hija att ta’ persekuzzjoni biss jekk jeżistu ċirkustanzi aggravanti gravi ħafna, bħal konsegwenzi li jikkawżaw preġudizzju gravi għall-applikant”. L-EUAA tqis li “restrizzjonijiet serji għad-dritt li wieħed jeżerċita xogħol, li jipprattika r-reliġjon tiegħu jew li jkollu aċċess għall-istabbilimenti ta’ tagħlim jistgħu – skont iċ-ċirkustanzi –, jew fihom infushom, jew minħabba l-effett akkumulat tagħhom ma’ restrizzjonijiet oħra, jekwivalu għal persekuzzjoni jekk jaffettwaw lil individwu b’mod paragunabbli għal ksur gravi ta’ dritt fundamentali tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali kollha u, b’mod partikolari, l-effett tal-akkumulazzjoni ta’ atti u/jew ta’ miżuri diskriminatorji fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ persuna” [traduzzjonijiet liberi] (punt 1.4.4.3).


38      Ara UNHCR, Handbook on Procedures and Criteria for Determining Refugee Status and Guidelines on International Protection under the 1951 Convention [ta’ Genève], Frar 2019 (punti 53 sa 55).


39      Ara UNHCR, Handbook and Guidelines on Procedures and Criteria for Determining Refugee Status under the 1951 Convention [ta’ Genève], Diċembru 2011 (punti 53 sa 55), kif ukoll il-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 1: Il-Persekuzzjoni Relatata mal-Ġeneru fil-Kuntest tal-Artikolu 1A(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], tat‑8 ta’ Lulju 2008 (punt 14).


40      Fis-sentenza Y u Z, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ksur tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jista’ jikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 meta l-applikant għal ażil, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jinsab f’riskju reali, b’mod partikolari, li jittieħdu proċeduri kontrih jew li jiġi suġġett għal trattamenti jew għal pieni inumani jew degradanti li jirriżultaw minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva (punt 67). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 95).


41      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-livell ta’ gravità partikolarment għoli previst fl-Artikolu 4 tal-Karta jintlaħaq f’sitwazzjonijiet li huma kkaratterizzati minn deprivazzjoni materjali estrema tal-persuna kkonċernata, li ma tippermettix lil din tal-aħħar tissodisfa l-iktar ħtiġijiet bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92), tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 252 sa 263).


42      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Opuz vs It-Turkija (CE:ECHR:2009:0609JUD003340102, punt 176).


43      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:224, punt 56).


44      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 36).


45      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 33); tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 37); tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 34); u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ “theddid serju u individwali”) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 44). Infakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tal-applikant għandu barra minn hekk jippermetti lill-awtorità kompetenti tevalwa jekk applikant jeħtieġx garanziji proċedurali speċjali skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/32 u tidentifika l-vantaġġi li għandhom jingħataw lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 20(3) u (4) tad-Direttiva 2011/95.


46      Enfasi miżjuda minni. F’dan ir-rigward, ara EUAA, Judicial analysis, Evidence and credibility assessment in the context of the Common European Asylum System, 2018, li fih l-EUAA tirrileva li l-effett ikkombinat tal-miżuri diskriminatorji għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti kollha li għalihom ġie espost jew jirriskja li jiġi espost l-applikant (punt 4.3.1, p. 67).


47      Ara l-premessi 18 u 20 tad-Direttiva 2013/32.


48      Għaldaqstant, mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li jekk l-awtorità kompetenti tqis li huwa rilevanti għat-twettiq tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, hija tista’ tieħu l-miżuri neċessarji, suġġett għall-kunsens tal-applikant, sabiex l-applikant ikun suġġett għal eżami mediku li jirrigwarda sinjali ta’ persekuzzjonijiet jew ta’ ħsara gravi li ġarrab fil-passat.


49      C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406.


50      C‑473/16, EU:C:2018:36.


51      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 54), u tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 36).


52      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 37). Il-metodi użati għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, kif ukoll, kif jirriżulta, rispettivament, mill-premessi 16 u 60 ta’ dawn id-direttivi, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta, kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 tagħha. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 53).


53      C‑465/07, EU:C:2009:94.


54      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 43), u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ “theddid serju u individwali”) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 28).


55      Din hija wkoll l-opinjoni espressa mill-UNHCR fid-dikjarazzjoni tiegħu maħruġa fil-kuntest ta’ dawn ir-rinviji: “Filwaqt li, fil-kuntest ta’ ċerti applikazzjonijiet relatati mal-appartenenza sesswali, l-applikanti ser ikunu esposti għal riskju ta’ persekuzzjoni minħabba ċirkustanzi partikolari – pereżempju s-sanzjoni għal ksur tad-drawwiet soċjali, vjolenza domestika – oħrajn ser jesponu ruħhom għal tali riskju minħabba s-sitwazzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni u ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru f’pajjiż” [traduzzjoni libera] (punt 5.2.4).


56      Ara Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, Situation of human rights in Afghanistan, Report of the Special Rapporteur on the situaion of human rights in Afghanistan, 9 ta’ Settembru 2022: “F’ebda pajjiż ieħor in-nisa u l-bniet ma għebu daqshekk malajr mill-isferi kollha tal-ħajja pubblika u ma huma daqstant żvantaġġati fl-aspetti kollha tal-ħajja tagħhom” [traduzzjoni libera] (punt 21).


57      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB, tal‑25 ta’ Frar 2020, A.S.N. et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2020:0225JUD006837717, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      C‑91/20, EU:C:2021:898.


59      Ara l-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li huma partikolarment ipprojbiti standards intiżi biex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top