EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0540

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2023.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:937

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑30 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C540/22

SN et

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir‑rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il‑Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 56 u 57 TFUE – Kollokament ta’ ħaddiema – Kollokament ta’ ċittadini Ukraini minn impriża stabbilita fis-Slovakkja sabiex iwettqu xogħlijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi – Tul ta’ żmien ta’ iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum – Obbligu tal-ħaddiema kkollokati li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi – Limitazzjoni tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza – Ammont ta’ miżati marbuta mal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Xi ħaddiema Ukraini ġew ikkollokati minn fornitur ta’ servizzi Slovakk sabiex iwettqu attivitajiet fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-tul ta’ żmien ta’ dawn l-attivitajiet ġie estiż, b’tali mod li qabeż id‑90 jum f’perijodu ta’ 180 jum. F’tali sitwazzjoni, il-leġiżlazzjoni Olandiża tipprovdi li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom ikunu detenturi ta’ permess ta’ residenza, li jkun akkumpanjat mill-kundizzjonijiet dwar il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess u l-ispiża għall-kisba ta’ dan tal-aħħar.

2.        Tali leġiżlazzjoni hija konformi mal-Artikoli 56 u 57 TFUE? Din hija essenzjalment id-domanda magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi).

3.        Din id-domanda sejra twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika l-ġurisprudenza tagħha dwar is-sistema applikabbli għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fl-Unjoni Ewropea. Għalkemm ir-rekwiżit li l-persuna tkun detentriċi ta’ permess ta’ residenza jikkostitwixxi mingħajr ebda dubju restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat sa liema punt din ir-restrizzjoni tista’ tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u tkun proporzjonata.

II.    Ilkuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 2(1) tal-Wet arbeid vreemdelingen (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin”) (2), tal‑21 ta’ Diċembru 1994, jistabbilixxi:

“Huwa pprojbit li persuna li timpjega, tinkariga lil ċittadin barrani sabiex iwettaq xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma tkun detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ jew mingħajr ma dan iċ-ċittadin ikun detentur ta’ permess uniku sabiex jaħdem għal din il-persuna li timpjega.”

5.        L-Artikolu 1 tal-Besluit uitvoering Wet arbeid vreemdelingen (id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin ma tapplikax għal ċittadin barrani li, fil-kuntest ta’ provvista transkonfinali ta’ servizzi, iwettaq b’mod temporanju, xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi għal persuna li timpejga stabbilita barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fi Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Isvizzera, dment li:

a.      ċ-ċittadin barrani jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ residenza, tal-permess ta’ xogħol u ta’ sigurtà soċjali sabiex iwettaq xogħol bħala ħaddiem impjegat tal-persuna li timpjega fil-pajjiż li fih din tal-aħħar hija stabbilita;

b.      ċ-ċittadin barrani jwettaq xogħol analogu għal dak li huwa awtorizzat li jwettaq fil-pajjiż li fih hija stabbilita l-persuna li timpjega;

c.      ċ-ċittadin barrani ikun qiegħed sempliċement jissostitwixxi ċittadin barrani ieħor li wettaq xogħol analogu jekk ma jinqabiżx il-perijodu totali maqbul tal-provvista ta’ servizzi; u

d.      l-persuna li timpjega effettivament teżerċita attivitajiet sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 6(3)(a) tal-Wet arbeidsvoorwaarden gedetacheerde werknemers in de Europese Unie (il-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea) [(3)].”

6.        L-Artikolu 14 tal-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin) (4), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin tal‑2000”), fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Il-Ministru huwa awtorizzat:

a.      japprova, jiċħad jew li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni sabiex jingħata permess ta’ residenza għal żmien determinat;

[...]

3.      L-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat għandu jkun akkumpanjat minn restrizzjonijiet marbuta mal-għan li għalih tkun awtorizzata r-residenza. Jistgħu ikunu previsti wkoll kundizzjonijiet oħrajn marbuta mal-permess. [...]”

7.        L-Artikolu 3.31a(1) tal-Besluit tot uitvoering van de Vreemdelingenwet 2000 (Vreemdelingenbesluit 2000) (id-Digriet dwar il-Barranin tal‑2000) (5), tat‑23 ta’ Novembru 2000, huwa redatt kif ġej:

“Il-permess ta’ residenza ordinarju għal żmien determinat jista’ jingħata suġġett għal restrizzjoni marbuta mal-attività eżerċitata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali prevista fl-Artikolu 4.6 tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin tal‑2022, jekk tkun ingħatat in-notifika prevista fl-Artikolu 8 (tal-Besluit arbeidsvoorwaarden gedetacheerde werknemers in de Europese Unie (id-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea)), bl-għoti tal-informazzjoni prevista f’dak l-artikolu u fl-Artikolu 11(3), (tad-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea).”

8.        Skont il-punt (i) tal-Artikolu 3.4(1) tad-Digriet dwar il-Barranin tal‑2000:

“Ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(3) tal-(Liġi dwar il-Barranin tal‑2000) huma marbuta ma’:

[...]

i.      l-provvista ta’ servizzi transkonfinali.”

9.        L-Artikolu 8(1) sa (3) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea) jistabbilixxi:

“1.      Il-fornitur ta’ servizzi li jikkolloka ħaddiem fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat jinnotifika bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi lill-Ministru qabel il-bidu tal-attività. In-notifika tal-fornitur tas-servizzi għandha tinkludi fiha:

a.      l-identità tiegħu;

b.      l-identità tad-destinatarju tas-servizzi u dik tal-ħaddiem ikkollokat;

c.      il-persuna ta’ kuntatt prevista fl-Artikolu 7;

d.      l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ħlas tas-salarji;

e.      in-natura u t-tul ta’ żmien previst tal-attività;

f.      l-indirizz tal-post tax-xogħol; u

g.      il-kontribuzzjonijiet favur l-iskemi ta’ sigurtà soċjali applikabbli.

2.      Jekk il-fornitur ta’ servizzi li jikkolloka ħaddiem fil-Pajjiżi l-Baxxi jipprovdi, qabel il-bidu tal-attività, kopja bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi tan-notifika prevista fil-paragrafu 1 lid-destinatarju tas-servizzi, din għandha tinkludi fiha tal-inqas l-informazzjoni dwar l-identità tiegħu u dik tal-ħaddiem ikkollokat, l-indirizz tal-post tax-xogħol kif ukoll in-natura u tul ta’ żmien tal-attività.

3.      Id-destinatarju tas-servizz għandu jivverifika jekk il-kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 2 tinkludix fiha l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu 2 u jinnotifika kull ineżattezza jew il-fatt li ma tkunx waslet il-kopja lill-Ministru, bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi, tal-inqas ħames jiem tax-xogħol wara l-bidu tal-attività.”

10.      L-Artikolu 3(2) tad-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea jipprovdi:

“Il-Ministru huwa awtorizzat u obbligat, fuq talba, li jipprovdi mingħajr ħlas lid-dipartiment tal-immigrazzjoni u ta’ naturalizzazzjonijiet, id-data marbuta tal-fornituri ta’ servizzi, lid-destinatarji ta’ servizzi, lill-persuni ta’ kuntatt, lill-persuni responsabbli għall-ħlas tas-salarji u lill-ħaddiema kkollokati, li ġew ipproċessati skont l-Artikolu 8 tal-liġi, inkluż in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, sa fejn din id-data tkun neċessarja għall-finijiet tal-kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000.”

11.      L-Artikolu 11(3) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Il-fornitur ta’ servizzi li jikkolloka ċittadin barrani fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin għandu jipprovdi, minbarra d-data msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi, id-data ta’ tmiem il-perijodu ta’ impjieg regolari msemmi fid-dokument li fuq il-bażi tiegħu l-imsemmi ċittadin barrani huwa awtorizzat li jwettaq xogħol bħala ħaddiem impjegat fl-Istat Membru tal-ħruġ.”

12.      Skont il-punt (i) tal-Artikolu 3.58(1) tad-Digriet dwar il-Barranin tal‑2000 u l-parti B5/3.1 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin) (6), tat‑2 ta’ Marzu 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Immigratie- en Naturalisatiedienst (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem id-“DIN”) għandu joħroġ il-permess ta’ residenza marbut ma’ provvista ta’ servizzi transkonfinali għal perijodu ta’ validità ekwivalenti għat-tul ta’ żmien tal-attività previst fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin.

13.      L-Artikolu 3.34 tal-Voorschrift Vreemdelingen 2000 (ir-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin) (7), tat‑18 ta’ Diċembru 2000, jistabbilixxi li ċittadin barrani li ma huwiex detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja valida għall-għan previst mill-applikazzjoni għal residenza huwa responsabbli għall-ħlas ta’ miżati għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-għoti, il-modifika jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali.

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

14.      Ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Ukraina, huma detenturi ta’ permess ta’ residenza temporanja Slovakka għal finijiet ta’ impjieg. Huma jaħdmu għall-kumpannija Slovakka ROBI spol s. r. o., li kkollokathom għand klijent Olandiż, jiġifieri l-kumpannija Ivens N.V., sabiex jeżegwixxu attivitajiet fil-qasam metallurġiku fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). ROBI, qabelxejn, innotifikat lill-Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (l-Istitut tal-Ġestjoni tal-Assikurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati, il-Pajjiżi l-Baxxi) bl-attivitajiet li kellhom jeżerċitaw ir-rikorrenti u bil-perijodu li matulu dawn kellhom ilestuhom (8). Sussegwentement, ROBI innotifikat lill-awtoritajiet Olandiżi li dawn l-attivitajiet kienu sejrin ikunu mifruxa fuq perijodu itwal minn dak previst fl-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (9), li skontu “[p]ersuni aljeni detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ dak il-permess u ta’ dokument validu tal-ivvjaġġar, jiċċaqilqu liberament sa perijodu massimu ta’ tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri l-oħra, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e) tar-Regolament 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (10) u li m’humiex fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Istat Membru kkonċernat”.

15.      F’dan il-kuntest, ROBI ippreżentat quddiem id-DIN applikazzjonijiet sabiex kull wieħed mir-rikorrenti jingħata permess ta’ residenza għal din il-provvista ta’ servizzi transkonfinali u li għall-ipproċessar tagħhom inġabru l-miżati. Id-DIN, f’isem is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), iddeċieda li joħroġ favur ir-rikorrenti permessi ta’ residenza ordinarji għal żmien determinat akkumpanjati mir-restrizzjoni marbuta mal-provvista ta’ servizzi transkonfinali, fejn ġie speċifikat li x-xogħol li kien marbut ma’ dawn it-talbiet ma kienx issuġġettat għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ. Barra minn hekk, il-perijodu ta’ validità ta’ dawn il-permessi ta’ residenza ġie limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza temporanja Slovakki għall-finijiet ta’ impjieg, bil-konsegwenza li dan kien iqsar mit-tul ta’ żmien tal-attivitajiet li għalihom ir-rikorrenti kienu ġew ikkollokati.

16.      Ir-rikorrenti ressqu ilmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem id-DIN, li eżaminahom f’isem is-Segretarju tal-Istat. Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw l-obbligu, bħala tali, tal-applikant għal permess ta’ residenza għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali, il-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza maħruġa kif ukoll il-miżati dovuti għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal dawn il-permessi. Fis‑16 ta’ Marzu 2021, l-imsemmija ilmenti ġew eżaminati mill-kumitat tas-smigħ amministrattiv tad-DIN. Fis‑7 ta’ April 2021, permezz ta’ 44 deċiżjoni separati minn xulxin, is-Segretarju tal-Istat iddikjara l-ilmenti tar-rikorrenti bħala infondati.

17.      Dawn tal-aħħar ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi), jiġifieri quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrenti u s-Segretarju tal-Istat iddiskutew l-obbligu, impost fuq il-ħaddiema ċittadini ta’ stati terzi impjegati minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru li jkunu detenturi, minbarra ta’ permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, ukoll ta’ permess ta’ residenza sabiex jirrisjedu fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali wara l-iskadenza tat-tul ta’ żmien ta’ 90 jum previst fl-Artikolu 21(1) tal-KIFS. Huma ddiskutew ukoll iċ-ċirkustanza li skontha t-tul tal-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Pajjiżi l-Baxxi jkun limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza Slovakki, sa fejn tali perijodu huwa barra minn hekk, ta’ mhux iktar minn sentejn, kif ukoll il-kwistjoni tal-ammont ta’ miżati li għandhom jitħallsu għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, IlKummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punti 31 u 32), il-Kummissjoni Ewropea sostniet li, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kull fornitur ta’ servizzi jittrażmetti lill-impjegati d-“dritt idderivat” li jirċievu permess ta’ residenza għaż-żmien neċessarju għas-servizz u li d-deċiżjoni marbuta mad-dritt ta’ residenza (jiġifieri, f’din il-kawża, l-għoti ta’ viża) hija ta’ natura purament formali u għandha tiġi rikonoxxuta b’mod awtomatiku.

19.      Dik il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif previst fl-Artikoli 56 u 57 TFUE, jikkonferixxix ukoll dritt ta’ residenza dderivat lill-ħaddiema kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali. Mill-punt 59 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li dan ma kienx il-każ sa fejn il-qasam marbut mad-dħul u mar-residenza ta’ ċittadini ta’ Stati terzi fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-kuntest ta’ kollokament ġestit minn impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma huwiex armonizzat fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE li jiġi eliminat kull ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jippermetti li jiġi sostnut li r-reklutaġġ, fi Stat Membru, ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi impjegati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor, sa fejn dan ir-reklutaġġ ikun awtorizzat fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi, ma jistax ikun issuġġettat għall-pussess ta’ permess ta’ residenza individwali, peress li tali obbligu jikkomplika inutilment il-provvista ta’ servizzi permezz tal-kollokament ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi.

20.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, IlKummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 20), il-Kummissjoni sostniet, barra minn hekk, li l-eżistenza ta’ proċedura doppja (jiġifieri, f’din il-kawża, dik tal-viża u dik tal-konferma ta’ kollokament) kienet tikkostitwixxi, fiha nnifisha, restrizzjoni sproporzjonata għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Olandiża kienet ikkaratterizzata wkoll mill-eżistenza ta’ proċedura doppja sa fejn, minn naħa, l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fil-Pajjiżi l-Baxxi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn dan il-fornitur, filwaqt li, min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema għandhom jitolbu b’mod separat, abbażi tal-istess informazzjoni bħal dik ipprovduta għal din in-notifika, permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21.      Barra minn hekk, skont dik il-qorti, minkejja li r-rekwiżit ta’ permess ta’ residenza huwa rilevanti biss wara l-iskadenza ta’ tul ta’ żmien ta’ 90 jum, tali rekwiżit ikollu l-effett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fil-każ li fih il-provvista ta’ servizzi taqbeż dan il-perijodu. Il-fatt li d-DIN sempliċement jivverifika jekk saritx notifika konformement mal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea u ma jimponix kundizzjonijiet addizzjonali ma jfissirx madankollu li din il-proċedura doppja ma twassalx, effettivament, għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-fatt li, fil-prattika, id-deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza tingħata f’terminu qasir ma jbiddel xejn minn dan kollu.

22.      L-imsemmija qorti żżid tgħid li n-natura restrittiva tal-proċedura separata għall-kisba ta’ permess ta’ residenza għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali hija kkonfermata mill-fatt li l-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess huwa limitat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għat-tul ta’ żmien tal-attività, mingħajr ma jista’ jaqbeż is-sentejn. Jekk it-tul ta’ żmien tal-provvista ta’ servizzi jkun itwal minn dak inizjalment previst jew mill-massimu stabbilit, ikun hemm lok għalhekk li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għall-għoti ta’ permess ta’ residenza jew għall-estensjoni tal-perijodu ta’ validità ta’ dan tal-aħħar.

23.      Fl-aħħar, għal kull applikazzjoni għal permess ta’ residenza, l-applikant huwa obbligat iħallas il-miżati stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-ammont tagħhom huwa ugwali għall-miżati dovuti sabiex jinkiseb permess ta’ residenza għal finijiet ta’ impjieg li jista’ jingħata liċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Għall-kuntrarju, dan l-ammont huwa ħames darbiet ogħla mill-miżati dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari favur ċittadin tal-Unjoni. L-ammonti ta’ dawn il-miżati jiġu aġġustati perjodikament u, għar-rikorrenti, skont is-sitwazzjoni tagħhom, għolew għal EUR 290 jew għal EUR 320, filwaqt li l-ammont ta’ dawn tal-aħħar huwa stabbilit fil-preżent għal EUR 345.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE tinkludi dritt ta’ residenza fi Stat Membru dderivat minn dan id-dritt għall-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jiġu impjegati f’dan l-Istat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi, fil-każ fejn it-tul ta’ żmien tal-provvista ta’ servizzi jaqbeż it-tliet xhur, l-obbligu li jintalab permess ta’ residenza għal kull ħaddiem individwali minbarra s-sempliċi obbligu ta’ notifika impost fuq il-fornitur ta’ servizzi?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi:

a)      dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-perijodu ta’ validità ta’ tali permess ta’ residenza ma jistax jaqbeż is-sentejn, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-provvista ta’ servizzi?

b)      li l-perijodu ta’ validità ta’ tali permess ta’ residenza jkun limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza fl-Istat Membru li fih il-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit?

c)      il-ġbir ta’ dazji [miżati] għal kull applikazzjoni (jew kull applikazzjoni għal tiġdid) li l-ammont tagħhom ikun ekwivalenti għal dak ta’ dazji dovuti għal permess ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda ħames darbiet ogħla mill-ammont tad-dazji dovuti għal ċertifikat ta’ residenza regolari għal ċittadin tal-Unjoni?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern Olandiż, Belġjan u Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Belġjan, ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fil‑21 ta’ Settembru 2023.

IV.    Analiżi

26.      Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, fis-sitwazzjoni li fiha fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru jikkolloka ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi fi Stat Membru ieħor għal tul ta’ żmien li jaqbeż id-90 jum f’perijodu ta’ 180 jum, dawn il-ħaddiema jkunu obbligati li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza individwali f’dan it-tieni Stat Membru, li t-tul ta’ żmien tiegħu huwa limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza u tax-xogħol mogħti fl-ewwel Stat Membru u, fi kwalunkwe każ, għal sentejn, u li l-għoti tiegħu huwa suġġett għall-ħlas ta’ miżati ekwivalenti għal dawk dovuti għal permess ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ Stat terz.

27.      Fil-kawża prinċipali, ħaddiema Ukraini ġew ikkollokati minn kumpannija Slovakka sabiex iwettqu attivitajiet metallurġiċi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-leġiżlazzjoni Olandiża tirrikjedi li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza meta l-attivitajiet jaqbżu t-tul ta’ żmien previst fl-Artikolu 21(1) tal-KIFS, jiġifieri 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din il-leġiżlazzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet previsti minnha, marbuta mat-tul tal-permess ta’ residenza u mal-ammont tal-miżati li għandhom jitħallsu, humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

28.      Preliminarjament, nirrileva li, skont il-premessa 20 tad-Direttiva 96/71/KE (11), din tal-aħħar “ma tippreġudikax il-liġijiet nazzjonali dwar id-dħul, ir-residenza u aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-Trattat FUE.

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività li tikkonsisti fil-prattika ta’ impriża li tpoġġi għad-dispożizzjoni, bi ħlas, manodopera li jibqa’ impjegat ma’ din l-impriża mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-utent tikkostitwixxi attività professjonali li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE u għandha, għaldaqstant, titqies li hija servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (12). Barra minn hekk, minn naħa, provvista ta’ servizzi bejn żewġ impriżi stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 TFUE u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-manodopera inkwistjoni jikkonċerna ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi hija rrilevanti f’dan ir-rigward (13).

30.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, prevista fl-Artikolu 56 TFUE, teħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-eliminazzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika bla distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tostakola jew li tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jforni legalment servizzi simili (14). Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-qasam marbut mal-kollokament ta’ ħaddiema impjegati ċittadini ta’ Stati terzi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali sal-lum għadu mhux armonizzat fil-livell tal-Unjoni (15). Minn dan jirriżulta li f’dan il-qasam, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għal tali kollokament. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontroll li jeżerċita Stat Membru għal dak li jikkonċerna dan is-suġġett ma jistax jaffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-impriża li timpjega l-imsemmija ċittadini (16).

31.      F’dan il-każ, billi l-kawża prinċipali tikkonċerna ħaddiema Ukraini kkollokati, jidhirli li huwa utli li jiġi eżaminat qabel xejn id-dritt tagħhom ta’ dħul u ta’ residenza fl-Unjoni fis-sitwazzjoni attwali. F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (17), din tal-aħħar tapplika għal “persuni spostati mill-Ukrajna fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data, b’riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet f’dik id-data”, li fosthom hemm iċ-ċittadini Ukraini li kienu jirrisjedu fl-Ukraina qabel l‑24 ta’ Frar 2022, li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja. Madankollu, hemm lok li jiġi osservat li, minn naħa, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti daħlu fl-Unjoni qabel id-data tal‑24 ta’ Frar 2022 u li, min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ma humiex jitolbu protezzjoni temporanja.

32.      Barra minn hekk, mill-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 (18) jirriżulta li l-Ukraina tinsab fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-obbligu ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal tul ta’ żmien ta’ residenza li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum. Madankollu, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-obbligu tal-persuna li tkun detentriċi ta’ permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi wara dan it-tul ta’ żmien ta’ 90 jum. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn l-istrumenti legali ma humiex ta’ natura li jikkonferixxu sitwazzjoni speċifika lir-rikorrenti fir-rigward ta’ dan l-obbligu li jkunu detenturi ta’ tali permess ta’ residenza.

33.      Sabiex nagħti risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, sejjer neżamina l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ “dritt idderivat ta’ residenza” għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fi Stat Membru u sussegwentement dik tal-konformità mal-Artikolu 56 TFUE tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza meta t-tul ta’ żmien tal-provvista tas-servizzi jkun jaqbeż id‑90 jum fuq perijodu ta’ 180 jum, fiċ-ċirkustanzi previsti minn din il-leġiżlazzjoni.

A.      Fuq leżistenza ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” għallħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fi Stat Membru

34.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE tinkludix fiha l-għoti ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi meta dawn ikunu impjegati fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor.

35.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’ċerti każijiet, li ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma setgħux jibbenefikaw, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE (19), minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu, setgħu madankollu jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom tali dritt abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, li skontu kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq (20). Din il-kunsiderazzjoni hija bbażata fuq ġurisprudenza stabbilita, li skontha, essenzjalment, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat favur tali ċittadin ta’ Stat terz, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li ma għandux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ħajja tal-familja żviluppata jew ikkonsolidata maċ-ċittadin ta’ Stat terz fl-Istat Membru ospitanti matul residenza effettiva (21).

36.      Din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika b’analoġija fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, qabelxejn, id-dritt ta’ residenza dderivat mogħti abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE għandu bħala l-bażi tiegħu, id-dritt ta’ persuna fiżika, ċittadina tal-Unjoni, li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Issa, fil-kawża preżenti, il-fornitur ta’ servizzi hija persuna ġuridika, li ma għandhiex dritt li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, li minnu huwa dderivat id-dritt ta’ residenza tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi impjegati minnha.

37.      Sussegwentement, id-dritt ta’ residenza dderivat mid-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkonċerna persuni ddeterminati sewwa, jiġifieri l-membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar, li miegħu huma għandhom relazzjoni personali u unika. Għall-kuntrarju, fornitur ta’ servizzi fil-forma ta’ persuna ġuridika ma huwiex marbut ma’ persuni speċifiċi sabiex iwettaq il-provvista ta’ servizzi. B’hekk huwa jista’ jimpjega ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi sabiex jibda t-twettiq tal-provvista ta’ servizzi, u sussegwentement ħaddiema oħrajn minn tali Stati sabiex jikkompleta din il-provvista, b’tali mod li dawn il-ħaddiema kollha jirritornaw lura fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ residenza tagħhom wara li jkunu wettqu l-operat tagħhom (22).

38.      Fl-aħħar, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju (23), il-Kummissjoni diġà invokat l-eżistenza ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fi Stat Membru fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595). Madankollu, dan l-approċċ ma ġiex adottat f’dik is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ir-raġunament li jikkonsisti fl-eżami dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata kinitx konformi mal-Artikolu 56 TFUE fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha fil-qasam tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (24), mingħajr ebda riferiment għall-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat.

39.      Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE ma tinkludix fiha l-għoti ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi meta dawn jiġu impjegati fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor. Madankollu, il-fatt li dawn il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi ma għandhomx tali dritt ta’ residenza dderivat ma jeskludix li fuq bażi legali oħra, dawn jista’ jkollhom permess ta’ residenza fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali.

B.      Fuq ilkonformità malArtikolu 56 TFUE talleġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li lħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza meta lprovvista tasservizzi taqbeż tul ta’ żmien ta’ 90 jum fuq perijodu ta’ 180 jum, fiċċirkustanzi previsti minn din illeġiżlazzjoni

40.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ proċedura doppja sa fejn, minn naħa, l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fil-Pajjiżi l-Baxxi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu s-suġġett ta’ notifika minn dan il-fornitur, filwaqt li, min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema għandhom b’mod separat jippreżentaw applikazzjoni, abbażi tal-istess informazzjoni bħal dik ipprovduta għan-notifika, għal permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-qorti tesprimi dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din il-proċedura doppja fid-dawl tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligu ta’ notifika mill-fornitur ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, l-obbligu tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ kollokament.

1.      Fuq lobbligu ta’ notifika millfornitur ta’ servizzi

41.      Fir-rigward tal-obbligu ta’ notifika mill-fornitur ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-każ tal-kollokament ta’ ħaddiema ta’ Stat terzi minn impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (25).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-obbligu impost fuq impriża fornitriċi ta’ servizzi li tipprovdi lill-Istat Membru ta’ kollokament l-indikazzjonijiet li jixhdu li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema ċittadini tal-istati terzi hija legali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ residenza, ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ u ta’ kopertura soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegahom, joffri lil dawn l-awtoritajiet, b’mod inqas restrittiv u daqstant effikaċi bħar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ, garanziji fir-rigward tal-legalità tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema u tal-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi servizzi (26). F’dan ir-rigward, huwa ċertament fl-interess kemm tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll tal-impriża li tipprovdi s-servizzi li jkollhom, qabel il-kollokazzjoni, l-assigurazzjoni li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz ikunu kkollokati f’kundizzjonijiet legali (27).

43.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jiġu pprovduti dawn l-indikazzjonijiet jista’ jkun jikkonsisti f’sempliċi dikjarazzjoni minn qabel, li tkun tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ kollokament li jikkontrolla l-imsemmija indikazzjonijiet u li jadotta l-miżuri neċessarji f’każ ta’ illegalità fis-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati. Barra minn hekk, dan l-obbligu jista’ jkun fil-forma ta’ notifika fil-qosor tad-dokumenti rikjesti, b’mod partikolari meta t-tul ta’ żmien tal-kollokament ma jkunx jippermetti li jiġi eżerċitat tali kontroll b’mod effiċjenti (28). Bl-istess mod, l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi li tinforma minn qabel, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ kollokament, dwar il-preżenza ta’ ħaddiem impjegat wieħed jew iktar ikkollokati, dwar it-tul previst ta’ din il-preżenza u dwar il-provvisti ta’ servizzi li jiġġustifikaw il-kollokament, jikkostitwixxi miżura daqstant effikaċi u inqas restrittiva mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ. Din tkun miżura li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru matul il-kollokament billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li diġà hija suġġetta għalihom din l-impriża skont ir-regoli tad-dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini. Tali obbligu jippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jadottaw, jekk ikun il-każ, il-miżuri meħtieġa fi tmiem il-perijodu previst ta’ kollokament (29).

44.      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li l-obbligu ta’ notifika previst mil-leġiżlazzjoni Olandiża josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan is-sens, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ROBI nnotifikat minn qabel lill-awtoritajiet Olandiżi dwar l-attivitajiet li kellhom iwettqu r-rikorrenti u l-perijodu li matulu dawn kellhom iwettquhom. Il-qorti tar-rinviju speċifikat ukoll li d-DIN sempliċement jivverifika jekk notifika twettqitx konformement mal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jimponi kundizzjonijiet addizzjonali (30). Konsegwentement, bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-obbligu ta’ notifika mill-fornitur ta’ servizzi ma jidhirx li jmur kontra l-Artikolu 56 TFUE.

2.      Fuq lobbligu talħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza flIstat Membru ta’ kollokament

45.      Fir-rigward tal-obbligu tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ kollokament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fid-data tan-notifika mwettqa mill-fornitur ta’ servizzi, kien previst li t-tul tal-attivitajiet fil-Pajjiżi l-Baxxi ikun iqsar minn dak previst fl-Artikolu 21(1) tal-KIFS. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, ġaladarba detenturi ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ impjieg maħruġ mir-Repubblika Slovakka, dawn il-ħaddiema setgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles għal perijodu li ma jaqbiżx 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn, b’mod partikolari fil-Pajjiżi l-Baxxi (31).

46.      Madankollu, il-fornitur ta’ servizzi sussegwentement informa lill-awtoritajiet Olandiżi li t-tul ta’ dawn l-attivitajiet kien ġie estiż, b’tali mod li qabeż id‑90 jum, u dan il-fornitur ippreżenta applikazzjoni għal kull wieħed mir-rikorrenti sabiex jingħataw permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Segretarju tal-Istat laqa’ dawn l-applikazzjonijiet, filwaqt li llimita l-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza għall-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza Slovakki, jiġifieri għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-attivitajiet li għalihom ġew ikkollokati r-rikorrenti, u ġabar il-miżati għal kull waħda mill-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza. Ir-rikorrenti kkontestaw, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kemm il-prinċipju li skontu huma kienu obbligati japplikaw għal permess ta’ residenza, kemm il-perijodu ta’ validità ta’ dawn il-permessi kif ukoll l-ammont tal-miżati li kellhom jitħallsu.

47.      F’dan ir-rigward, kif jirrikonoxxi l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi tikkostitwixxi restrizzjoni għal din il-libertà fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma jkunx ġie armonizzat fil-livell tal-Unjoni u li tapplika bla distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun iġġustifikata sa fejn tkun taqdi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u dan l-interess ma jkunx diġà ssalvagwardjat mir-regoli li huwa suġġett għalihom il-fornitur fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit, sa fejn hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan segwit minnha u sa fejn ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (32).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, filwaqt li x-xewqa li jiġu evitati perturbazzjonijiet fuq is-suq tal-impjieg tikkostitwixxi, ċertament, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru u li huma kkollokati fi Stat Membru ieħor bil-għan li jwettqu provvista ta’ servizzi madankollu ma jippretendux li għandhom jaċċedu għas-suq tal-impjieg ta’ dan it-tieni Stat, hekk kif jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom wara li jtemmu l-operat tagħhom. Madankollu, Stat Membru jista’ jivverifika jekk l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka ħaddiema ta’ Stat terz fit-territorju tiegħu, ma tinqediex bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal għan differenti mit-twettiq tas-servizz ikkonċernat. Madankollu, dawn il-verifiki għandhom josservaw il-limiti li jimponi d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ma tistax issir fittizja u li l-eżerċizzju tagħha ma jistax jiġi ssuġġettat għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni (33).

49.      Konsegwentement, għalkemm għandhom jiġu rikonoxxuti lil Stat Membru kemm il-possibbiltà li jivverifika jekk impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tipprovdi lil impriża utenti stabbilita fl-ewwel Stat Membru servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, tagħmilx użu mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal skop li ma huwiex dak tal-provvista tas-servizz ikkonċernat, kif ukoll il-possibbiltà li jadotta l-miżuri ta’ kontroll neċessarji f’dan ir-rigward, l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà madankollu ma jistax jippermetti lil dan l-Istat Membru li jimponi rekwiżiti sproporzjonati (34). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ta’ kollokament għandhom dritt jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali matul il-kollokament filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li din l-impriża hija diġà suġġetta għalihom skont regoli tad-dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini.

50.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni kienet ikkaratterizzata minn proċedura doppja, jiġifieri l-obbligu ta’ notifika, minn naħa, u l-obbligu li l-persuna tkun detentriċi ta’ permess ta’ residenza, min-naħa l-oħra. Jiena ma nikkondividix din il-kunsiderazzjoni, sa fejn in-notifika u r-rekwiżit li persuna tkun detentriċi ta’ permess ta’ residenza huma applikabbli fi stadji differenti tal-kollokament u għandhom ukoll għanijiet differenti. Fil-fatt, jekk it-tul tal-attivitajiet ikun inqas minn 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum, tkun neċessarja biss in-notifika minn qabel mill-fornitur ta’ servizzi, li tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ kollokament tal-indikazzjonijiet li jixhdu li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi huma f’sitwazzjoni legali, b’mod partikolari f’termini ta’ residenza, ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ u ta’ kopertura soċjali, fl-Istat Membru li fih din l-impriża timpjegahom (35). L-obbligu ta’ kull ħaddiem ċittadin ta’ Stati terzi li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza huwa marbut unikament mal-każ li fih jinqabeż dan il-perijodu ta’ 90 jum. F’dan is-sens, l-obbligu li jinkiseb tali permess ta’ residenza ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ma jistax ikun sors ta’ dewmien li jikkawża ħsara lill-fornitur ta’ servizzi (36).

51.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż sostna li l-obbligu ta’ notifika mill-fornitur ta’ servizzi jippermetti lill-awtoritajiet Olandiżi jivverifikaw li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tintużax għal għanijiet li ma humiex dawk tal-provvista tas-servizz ikkonċernat u li l-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali tkun osservata matul il-kollokament. Madankollu, dan l-obbligu ta’ notifika ma jirregolax id-dritt ta’ residenza tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi.

52.      Nirrileva li, fl-assenza ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” mogħti lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati u fil-każ ta’ residenza li t-tul tagħha jaqbeż id‑90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum, dawn il-ħaddiema ma jibqgħux igawdu minn dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-Artikolu 21(1) tal-KIFS. Skont il-Gvern Olandiż, l-obbligu li persuna tikseb permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi wara tul ta’ żmien li jaqbeż id‑90 jum f’kull perijodi ta’ 180 jum huwa intiż li jiġi evitat li dawn il-ħaddiema jirrisjedu illegalment f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, il-premessa 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 (37) tiddikjara li “[i]l-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta kull theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri” (38). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu biss jirrisjedu fit-territorju taż-żona Schengen għal tul massimu ta’ 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum (39).

53.      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-prevenzjoni tad-dħul u tar-residenza illegali jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (41). Fl-opinjoni tiegħi din il-ġurisprudenza tista’ tapplika b’analoġija għall-qasam marbut mal-kollokament ta’ ħaddiema impjegati ċittadini ta’ Stati terzi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, li sal-lum għadu ma ġiex armonizzat fil-livell tal-Unjoni (42).

54.      Skont il-Kummissjoni, l-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati fi Stat Membru għandu jikkostitwixxi att dikjaratorju u mhux strument li joħloq drittijiet. Madankollu, inqis li, peress li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw id-dritt ta’ residenza ta’ dawn il-ħaddiema, l-Istat Membri kkonċernat jista’ jwettaq verifiki qabel ma jagħti permess ta’ residenza individwali lill-imsemmija ħaddiema.

55.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont is-Segretarju tal-Istat, il-proċedura tal-kisba ta’ permess ta’ residenza hija sempliċi fis-sens li l-fornitur ta’ servizz diġà għandu għad-dispożizzjoni tiegħu d-dokumenti neċessarji u li l-kontroll jikkonsisti fil-verifika dwar jekk saritx notifika u jekk jeżistix permess ta’ xogħol, permess ta’ residenza u kuntratt ta’ xogħol fl-Istat Membru l-ieħor. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż isostni li, barra minn hekk, l-identità tal-ħaddiem ċittadin ta’ Stat terz tiġi vverifikata bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-ħaddiem imsemmi fil-kuntratt ta’ xogħol huwiex l-istess persuna li applikat għall-permess ta’ residenza. L-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw ukoll jekk dan il-ħaddiem huwiex ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

56.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dawn il-verifiki josservawx il-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ma tistax issir fittizja u li l-eżerċizzju tagħha ma jistax jiġi ssuġġettat għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni (43). B’mod partikolari, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġunijiet ta’ ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, u ma jistgħux, barra minn hekk, jintużaw għal għanijiet purament ekonomiċi (44).

57.      Fil-każ li fih dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, jiġifieri li l-verifiki mwettqa mill-Istat Membru ta’ kollokament josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiena tal-opinjoni li l-Artikoli 56 u 57 TFUE ma jipprekludux li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta’ residenza individwali għal kull ħaddiem ċittadin ta’ Stati terzi kkollokat fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizz transkonfinali meta din il-provvista taqbeż perijodu ta’ 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum u l-fornitur ta’ servizzi jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ notifika.

3.      Fuq ilperijodu ta’ validità talpermess ta’ residenza

58.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni, il-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza maħruġ favur ħaddiem ċittadin ta’ Stat terz ikkollokat fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza mogħti fl-Istat Membru li fih il-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit u li, fi kwalunkwe każ, il-perijodu ta’ validità ta’ tali permess ta’ residenza ma jistax jaqbeż il-perijodu ta’ sentejn, irrispettivament mit-tul tal-provvista ta’ servizzi.

59.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tul tal-validità massimu ta’ sentejn li, bħalma kkonferma l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, huwa bbażat fuq il-fatt li ħaddiem ikkollokat jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, huwa sproporzjonat u li miżura inqas restrittiva u xorta waħda effettiva kieku tkun li t-tul tal-permess ta’ residenza jikkorrispondi mat-tul tal-operat, mingħajr ma jiġi impost tul massimu. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, il-validità tal-permess ta’ residenza tista’ wkoll tiġi limitata għat-tul tal-validità tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza li dawn il-ħaddiema jkunu detenturi tagħhom fl-Istat Membru tal-oriġini.

60.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “servizz”, fis-sens tat-Trattat FUE, jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inklużi servizzi li operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru jipprovdi b’mod ftit jew wisq frekwenti jew regolari, anki fuq perijodu twil, lil persuni stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew iktar. Ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li minnha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz fi Stat Membru ieħor ma tistax titqies iktar bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tat-Trattat FUE (45).

61.      Konsegwentement, provvista ta’ servizzi transkonfinali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, tista’ tkun għal diversi snin (46). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-provvista ta’ servizzi, fiha nnifisha, u l-persuni li jeżegwixxuhom, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (47), fejn dawn tal-aħħar ma jippretendux li jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ kollokament, billi dawn jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom malli jkunu wettqu l-operat tagħhom. Huwa minnu li, fil-kuntest tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa importanti li l-impriżi jħaddmu persuni kompetenti sabiex iwettqu x-xogħol, li jista’ jinvolvi s-sejħa għal ċittadini ta’ Stat terz. Madankollu, dan ikun “ċaqliq temporanju” tal-ħaddiema li jintbagħtu lejn Stat Membru sabiex iwettqu x-xogħlijiet fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tal-persuna li timpjegahom (48).

62.      F’dan is-sens, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (49) jistabbilixxi li “[il-p]ersuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem min iħaddem, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat minn dak li jħaddem fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem minn iħaddem, għandha tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, sakemm ix-xogħol mhux maħsub li jdum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna stazzjonata oħra”.

63.      Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evitat li impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ma tkunx obbligata li taffilja lill-ħaddiema tagħha, normalment suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor fejn huma jintbagħtu sabiex iwettqu xogħlijiet għal perijodu limitat ta’ żmien, din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jippermetti lill-impriża li żżomm l-affiljazzjoni tal-ħaddiema tagħha fl-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru (50). Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jadotta bħala riferiment, it-tul ta’ żmien ta’ sentejn, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni (mingħajr ma jkun obbligu) minn Stat Membru sabiex jiddetermina t-tul massimu ta’ permess ta’ residenza.

64.      Fil-fatt, meta l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi jiġu impjegati għal provvista ta’ servizzi għal żmien twil fl-Istat Membru tal-kollokament jew impjegati mill-ġdid għal provvista ta’ servizzi oħra f’dan l-Istat, hemm lok li jitqies li ċ-ċaqliq ta’ dawn il-ħaddiema ma huwiex iktar temporanju u li huma jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-imsemmi Stat Membru. Min dan jirriżulta li, fil-każ li fih it-tul tal-provvista ta’ servizzi jaqbeż is-sentejn, l-Istat Membru kkonċernat ikun intitolat jimponi fuq il-fornitur tas-servizzi li jirrikorri għal ħaddiema oħrajn, li joriġinaw mill-Unjoni jew minn Stat terz.

65.      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kollokament transkonfinali, huwa l-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi li għandu jiddetermina t-tul tad-dritt ta’ residenza li bis-saħħa tiegħu, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat terz jikseb aċċess għat-territorju tal-Unjoni. Normalment, dan l-Istat Membru għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/399 humiex issodisfatti. Huwa biss meta dan il-ħaddiem ikollu d-dritt li jirrisjedi u li jaħdem f’dan l-Istat Membru li jkun jista’ jiġi legalment ikkollokat fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, l-Istat Membru ta’ kollokament għandu dritt jillimita l-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza maħruġ favur ħaddiem ċittadin ta’ Stat terz ikkollokat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza mogħti fl-Istat Membru li fih il-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit. Hekk kif irrileva l-Gvern Olandiż, jekk dan it-tul ta’ żmien jinqabeż, l-Istat Membru ta’ kollokament ma jkunx jista’ iktar jibbaża ruħu fuq il-kontroll imwettaq mill-Istat Membru ta’ oriġini u jkollu mbagħad huwa stess jipproċedi għall-kontroll previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/399, li huwa inkonsistenti mal-kunċett ta’ “kollokament”.

66.      Għaldaqstant, l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix li l-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza fl-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi jkun limitat għat-tul tal-permess ta’ residenza tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi u, fi kwalunkwe każ, għal sentejn.

4.      Fuq lammont talmiżati li għandhom jitħallsu

67.      Fir-rigward tal-ammont tal-miżati li għandhom jitħallsu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa ekwivalenti għal dak tal-miżati dovuti għal permess ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ Stat terz. Dan l-ammont huwa ħames darbiet ogħla mill-ammont tal-miżati dovuti għal ċertifikat ta’ residenza legali għal ċittadin tal-Unjoni (51).

68.      Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li l-miżati dovuti sabiex jinkiseb il-permess ta’ residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi huma għoljin ħafna u li jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

69.      F’dan ir-rigward nirrileva li, b’mod ġenerali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, jew il-persuna li timpjegahom, iħallsu miżati għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tagħhom għal permess ta’ residenza. Madankollu, konformement mal-Artikolu 56 TFUE, it-tariffi amministrattivi ma għandhomx jostakolaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi (52).

70.      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, qabel xejn, il-grupp tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li jeżerċitaw impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi jidher li huwa l-iktar grupp faċilment paragunabbli ma’ dak tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-ammont tal-miżati li għandhom jitħallsu għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ħaddiem ċittadin ta’ Stat terz ikkollokat jikkostitwixxix restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sanċit fl-Artikolu 56 TFUE.

71.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, inqis li l-Artikoli 56 u 57 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, f’sitwazzjoni li fiha fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru jikkolloka ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi fi Stat Membru ieħor għal tul ta’ żmien li jaqbeż id‑90 jum f’perijodu ta’ 180 jum, dawn il-ħaddiema jkunu obbligati li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza individwali f’dan it-tieni Stat Membru, li t-tul tiegħu huwa limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza u ta’ xogħol mogħti fl-ewwel Stat Membru u, fi kwalunkwe każ, għal sentejn, u li l-ħruġ tiegħu huwa suġġett għall-ħlas ta’ miżati ekwivalenti għal dawk dovuti għal permess ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ Stat terz, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma timponix rekwiżiti sproporzjonati.

V.      Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

L-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, f’sitwazzjoni li fiha fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru jikkolloka ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi fi Stat Membru ieħor għal tul ta’ żmien li jaqbeż id‑90 jum f’perijodu ta’ 180 jum, dawn il-ħaddiema jkunu obbligati li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza individwali f’dan it-tieni Stat Membru, li t-tul tiegħu huwa limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza u ta’ xogħol mogħti fl-ewwel Stat Membru u, fi kwalunkwe każ, għal sentejn, u li l-ħruġ tiegħu huwa suġġett għall-ħlas ta’ miżati ekwivalenti għal dawk dovuti għal permess ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ Stat terz, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma timponix rekwiżiti sproporzjonati.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Stb. 1994, Nru 959.


3      Stb. 2016, Nru 219.


4      Stb. 2000, Nru 495.


5      Stb. 2000, Nru 497.


6      Stcrt. 2001, Nru 64.


7      Stcrt. 2001, Nru 10.


8      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż indika li fl‑4 ta’ Diċembru 2019, ROBI innotifikati lill-awtoritajiet Olandiżi li dawn l-attivitajiet kienu sejrin jiġu eżegwiti bejn is‑6 ta’ Diċembru 2019 u l‑4 ta’ Marzu 2020.


9      Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul (ĠU 2010, L 85, p. 1) kif ukoll bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 182, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p.  91) (iktar ’il quddiem il-“KIFS”)


10      ĠU 2006, L 105, p. 1.


11      Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431 u rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66).


12      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 39), u tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 43).


14      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020, Stanleyparma u Stanleybet Malta (C‑788/18, EU:C:2020:110, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 49), u tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 47). Ara l-proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għal-kollokament ta’ impjegati ċittadini ta’ Stat terz fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali [COM (99) 3 final], li ġiet irtirata mill-Kummissjoni.


16      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, L 71, p. 1).


18      Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU 2018, L 303, p. 39).


19      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara, għal sentenza iktar preċedenti, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑445/03, EU:C:2004:655), li tirrigwarda r-rekwiżiti imposti mill-Istat Membru ospitanti fuq l-impriżi li jikkollokaw fuq it-territorju tagħhom ħaddiema impjegati ċittadini ta’ Stati terzi.


25      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑244/04, EU:C:2006:49, punt 49).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, (C‑168/04, EU:C:2006:135, punt 114), li skonthom il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li kienu kkollokati fl-Awstrija, għal perijodu massimu ta’ tliet xhur, minn impriża fornitriċi ta’ servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor li hija parti kontraenti fil-KIFS, ma kienu obbligati jiksbu, mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi, l-ebda viża jew permess ta’ residenza sabiex iwettqu l-operat tagħhom fil-kuntest tal-imsemmi kollokament.


32      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punti 51 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 55).


35      Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu(C‑445/03, EU:C:2004:655, punt 43).


37      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).


38      Enfasi miżjud minni.


39      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 58).


40      Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ġie stabbilit bil-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).


41      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punti 51 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et (C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 62).


45      Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Institut des Experts en Automobiles (C‑502/20, EU:C:2021:678, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti taw l-eżempju tal-bini ta’ ċentru nukleari.


47      Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa (C‑113/89, EU:C:1990:142, punt 15).


49      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4).


50      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż iddikajara li, fl‑1 ta’ Jannar 2019, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi allinja l-ammont tal-miżati li għandhom jitħallsu għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza mat-tariffa għal karta tal-identità nazzjonali u li, konsegwentement, il-Kummissjoni temmet il-proċedura ta’ ksur li kienet bdiet.


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 47).

Top