This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0535
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 14 March 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-14 ta’ Marzu 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-14 ta’ Marzu 2024.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:233
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2024 (1)
Kawża C‑535/22 P
Aeris Invest Sàrl
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea,
Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Artikolu 18 – Kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni – Artikolu 15 – Għanijiet tar-riżoluzzjoni – Artikolu 22 – Prinċipji ġenerali dwar għodda għar-riżoluzzjoni – Artikolu 296 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rikors għal annullament u rikors għad-danni – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular”
I. Introduzzjoni
1. Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRM”) inħoloq fl‑2014 (2). Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, dan intuża għall-ewwel darba, fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”).
2. L-appellanti, Aeris Invest Sàrl (iktar ’il quddiem “Aeris Invest”), hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt Lussemburgiż, u kienet azzjonista ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ dan il-bank (3). Ġew ippreżentati iktar minn 100 rikors dirett lill-Qorti Ġenerali minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li kellhom kapital f’Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni tiegħu fis‑7 ta’ Ġunju 2017.
3. Bir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Aeris Invest ikkontestat l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni Ewropea minħabba ċertu numru ta’ allegati żbalji kif ukoll il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM. Dan ir-rikors ġie miċħud fil-mertu fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑628/17, EU:T:2022:315, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
4. Fl-istess ħin, hemm appell ieħor pendenti fil-Kawża C‑541/22 P, García Fernández et vs Il‑Kummissjoni u SRB (4), li jikkontesta s-sentenza parallela tal-Qorti Ġenerali dwar l-istess skema ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“appell parallel”). Teżisti sovrappożizzjoni sinjifikattiva fl-argumenti mressqa. Il-konklużjonijiet tiegħi f’dan l-appell qegħdin jiġu ppreżentati fl-istess jum (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet paralleli”), u dawn iż-żewġ konklużjonijiet paralleli għandhom jinqraw flimkien.
5. Fid-dawl tal-istandard ta’ stħarriġ ippreżentat fil-punti 5 sa 7 tal-konklużjonijiet paralleli, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma ż-żewġ sentenzi appellati.
II. Avvenimenti li taw lok għall‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali
6. Il-fatti rilevanti għall-appell ineżami, li huma spjegati f’iktar dettall fil-punti 25 sa 83 tas-sentenza appellata, huma identiċi għal dawk tal-konklużjonijiet paralleli. Għalhekk nirreferi lill-qarrej għall-punti 9 sa 24 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
7. Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2017, Aeris Invest talbet l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
8. Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġew ammessi jintervjenu u, fit‑12 ta’ April 2019, l-istess sar għal Banco Santander. Kollha intervjenew insostenn tal-Kummissjoni u tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).
9. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutazzjoni 2, l-evalwazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas‑6 ta’ Ġunju 2017 li skontha kien qiegħed ifalli jew x’aktarx ifalli (iktar ’il quddiem “FOLTF”), l-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness għal din l-ittra, u l-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017.
10. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonsultat dawn id-dokumenti, iddeċidiet li dawn ma kinux neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża u neħħiethom mill-proċess, u bagħtet lill-appellanti (ir-rikorrenti fl-ewwel istanza), lill-Kummissjoni, lir-Renju ta’ Spanja, lill-Parlament, lill-Kunsill u lil Banco Santander l-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017 minn Banco Popular lill-BĊE, mingħajr l-anness għal din l-ittra.
11. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu bħala infondat.
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
12. Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fid‑9 ta’ Awwissu 2022, Aeris Invest titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tannulla s-sentenza appellata, u konformement mat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali:
– tannulla l-iskema ta’ riżoluzzjoni tas-SRB;
– tannulla l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Kummissjoni, u
– tiddikjara l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM inapplikabbli, skont l-Artikolu 277 TFUE;
– tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell;
– sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u, f’dak il-każ, tirriżerva l-ispejjeż.
13. Il-Kummissjoni, is-SRB, il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander isostnu li l-Qorti Ġenerali għandha:
– tiċħad l-appell kollu kemm hu;
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
14. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali għandha:
– fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi fuq ir-rikors skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija għandha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 15, 18, 20, 21, 22 u 24 tar-Regolament SRM.
15. Barra minn hekk, Banco Santander isostni li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tiddeċiedi, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tagħti deċiżjoni hija stess fuq ir-rikors għal annullament, hija għandha:
– konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sentenza tagħha billi tikkonferma l-effetti tal-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander.
V. Analiżi
16. L-appellanti tqajjem tmien aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, l-obbligu ta’ viġilanza u l-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont it-tieni aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament SRM, l-obbligu ta’ viġilanza u l-Artikolu 296 TFUE. It-tielet aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ viġilanza, l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 14 tar-Regolament SRM. Ir-raba’ aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 296 TFUE. Il-ħames aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE u d-dritt tad-difiża skont l-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-iskema tar-riżoluzzjoni u l-valutazzjoni 2. Is-sitt aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-KEDB) billi ċaħdet it-talba tal-appellanti għal dokumenti. Is-seba’ aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 17 u 52 tal-Karta billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM, sa fejn dawn jikkostitwixxu ndħil sproporzjonat fuq id-dritt għall-proprjetà. It-tmien aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 17 u 52 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 5(4) TUE.
17. L-appell ineżami jikkondividi numru ta’ aggravji mal-appell parallel. Minħabba r-rabtiet bejn it-tnejn, ser naqsam dawn il-konklużjonijiet f’żewġ partijiet: fit-Taqsima A, ser nindirizza l-aggravji komuni għaż-żewġ appelli, u fit-Taqsima B, ser nindirizza dawk speċifiċi għall-appell ineżami.
A. Aggravji komuni għall‑Kawżi C‑535/22 P u C‑541/22 P
18. Żewġ suġġetti huma komuni għaż-żewġ appelli. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM (5) li ser nindirizza fit-Taqsima 1.
19. It-tieni suġġett komuni għaż-żewġ appelli jikkonċerna l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 47 tal-Karta (6). Ser nindirizza dawn il-kwistjonijiet fit-Taqsima 2.
1. L‑Artikolu 18 tar‑Regolament SRM
a) L‑Artikolu 18(1)(a) tar‑Regolament SRM
20. Fl-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi (7) meta ddeċidiet li l-kwistjonijiet ta’ likwidità jistgħu jikkostitwixxu raġuni għalfejn bank jista’ jitqies FOLTF, għaliex il-bank, minkejja li kien qiegħed jesperjenza problemi ta’ likwidità, kien solventi. Fl-appell parallel, l-appellanti jsostnu wkoll, fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-insolvenza ma hijiex rekwiżit sabiex jiġi stabbilit li bank huwa FOLTF.
21. It-tieni, l-appellanti fl-appell parallel isostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta aċċettat il-passività tas-SRB fir-rigward tan-neċessità li tingħata provvista ta’ likwidità b’urġenza (iktar ’il quddiem “ELA”) lil Banco Popular, peress li s-SRB għandu obbligu ta’ viġilanza, inkluż obbligu li jiżgura ELA qabel ma l-bank ikun FOLTF (8).
22. Dwar l-ewwel pretensjoni, skont iż-żewġ sentenzi appellati, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ FOLTF huma rregolati f’iktar dettall mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament SRM (9) u ma jeħtiġux li bank ikun insolventi, lanqas ma dawn il-kundizzjonijiet jeskludu konstatazzjoni ta’ FOLTF milli ssir meta bank ikun qiegħed jesperjenza problemi ta’ likwidità mhux temporanji.
23. Il-Qorti Ġenerali mbagħad evalwat id-diversi sorsi u spjegazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-BĊE (fl-evalwazzjoni FOLTF tiegħu) u s-SRB (fl-iskema ta’ riżoluzzjoni) kienu konformi mal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM, li dawn għamlu fid-dawl tal-problemi ta’ likwidità akuti ta’ Banco Popular.
24. Dan kien jinkludi r-rapport annwali ta’ Banco Popular tal‑2016, id-degradazzjoni ta’ Banco Popular minn diversi aġenziji ta’ klassifikazzjoni, il-pubbliċità negattiva tal-istampa, il-kopertura tal-likwidità tal-bank (li kienet waqgħet taħt il-livell minimu ta’ 80 %), il-Linji Gwida tal-EBA (10) li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal evalwazzjoni FOLTF, u l-ittra tal-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular stess (11).
25. Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-premessa 57 tar-Regolament SRM, li skontha deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tkun fis-seħħ qabel ma l-entità ssir insolventi u qabel ma l-ekwità kollha tintilef. Għalhekk, hija ġustament ikkonkludiet li l-insolvenza ma hijiex l-uniku xenarju li fih tista’ tittieħed deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni (12).
26. Xejn fit-test tar-Regolament SRM jew fil-Linji Gwida tal-EBA ma jissuġġerixxi li kwistjonijiet ta’ likwidità li ma humiex temporanji ma jistgħux iwasslu għal konklużjoni ta’ FOLTF. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ġustament interpretat l-Artikolu 18(1) u (4) tar-Regolament SRM u kkonkludiet li l-konstatazzjoni li Banco Popular kien FOLTF issodisfat il-konklużjoni stabbilita fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament SRM, li skontha “l-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti”.
27. Fir-rigward tat-tieni talba, l-appellanti, fl-appell parallel, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li s-SRB ma kienx ikkontribwixxa għall-falliment ta’ Banco Popular. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-kawżi ta’ bank FOLTF huma distinti mill-istabbiliment tal-konformità tar-riżoluzzjoni mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM (13).
28. Fl-appell parallel, l-appellanti jsostnu li l-premessa 52 tar-Regolament SRM (14) timponi fuq is-SRB l-obbligu sabiex jiżgura li bank jirċievi ELA qabel ma jiddeċiedi dwar ir-riżoluzzjoni. Bħala risposta, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ċaħdet dan l-argument billi ddikjarat li ELA taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali (15). Fil-fatt, kif ġustament irrimarkaw il-Kummissjoni u s-SRB fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-premessa 52 tar-Regolament SRM ma tistax tinqara bħala bażi legali sabiex jiġi stabbilit obbligu li “jiġi salvat il-bank” qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.
29. Fl-appell parallel, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju nemo auditor propriam turpitudinem allegans, li skontu persuna ma tistax tinvoka n-nuqqas tagħha stess sabiex tikseb vantaġġ (16). F’dan il-kuntest, l-appellanti fl-appell parallel isostnu li l-Qorti Ġenerali sseparat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mil-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni (17).
30. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament iffokat fuq il-kompiti tas-SRB skont ir-Regolament SRM u l-kundizzjonijiet li jimponi sabiex jiddeċiedi dwar riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(1) tiegħu. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball meta ddeċidiet li tittratta l-allegat aġir żbaljat tas-SRB fil-kuntest tat-talba għad-danni tal-appellanti fl-appell parallel, pjuttost milli fir-rigward tal-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni (18).
31. Fil-qosor, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-aggravji kollha relatati mal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM.
b) L-Artikolu 18(1)(b) tar‑Regolament SRM
32. Fl-ewwel lok, Aeris Invest targumenta li kien hemm miżuri alternattivi għar-riżoluzzjoni u li, għalhekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM (19). B’mod iktar speċifiku, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma eżiġietx li s-SRB jeżamina b’mod iddettaljat u imparzjali r-raġunijiet li għalihom ma ngħatatx ELA addizzjonali lil Banco Popular. Bl-istess mod, l-appellanti fl-appell parallel isostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, evalwat b’mod żbaljat il-provi u interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM (20).
33. Il-Qorti Ġenerali eżaminat (i) il-fatt li s-SRB kien ħa inkunsiderazzjoni ELA mogħtija lil Banco Popular, (ii) l-approvazzjoni ta’ dan mill-BĊE, u (iii) l-assenza ta’ kwalunkwe effett ta’ tali assistenza fuq l-“eżawriment tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular” (21). Hija kienet eżaminat ukoll l-ittri skambjati bejn il-BĊE u l‑Banco de España (il-Bank ta’ Spanja) dwar l-ELA, li, skont il-Qorti Ġenerali, urew il-ħeffa tad-deterjorament ta’ Banco Popular (22). Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għall-konstatazzjoni tal-BĊE li, anki li kieku kienet ġiet approvata ELA fil‑5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ma kienx ikun f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu sa mhux iktar tard mis‑7 ta’ Ġunju 2017 (23). Finalment, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l‑provvista ta’ ELA ma hijiex kompitu tas-SRB skont ir-Regolament SRM (24).
34. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali stħarrġet b’mod korrett l-obbligi tas-SRB skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM.
35. Fit-tieni lok, l-appellanti jiddiskutu l-ammonti li huma jqisu li kienu effettivament disponibbli bħala ELA, mingħajr ma jsostnu, madankollu, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. L-appellanti fl-appell parallel jikkontestaw ukoll l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammonti ta’ ELA li setgħu jingħataw, iż-żieda fil-kapital, is-separazzjoni tal-assi, il-bejgħ privat lil parti terza, u l-għajnuna mill-Istat li kienet possibbli u l-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF).
36. Inqis li dawn l-argumenti huma inammissibbli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti jew teżamina l-provi, ħlief fejn l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u li tali żnaturament huwa ovvju mill-atti tal-proċess (25).
37. Barra minn hekk, il-parti li tinvoka żnaturament għandha tindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u turi l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma ta’ din il-parti, wasslu għal tali żnaturament (26).
38. L-appellanti fiż-żewġ appelli sempliċement isostnu mill-ġdid il-fatti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma juru li din il-qorti żnaturat il-provi.
39. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sa fejn huma ammissibbli, l-argumenti tal-appellanti dwar l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM għandhom jiġu miċħuda.
c) L-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM
40. Fit-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti fl-appell parallel isostnu, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-mod kif kellu jitwettaq l-ibbilanċjar tal-interessi skont l-Artikolu 18(1)(c) u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM.
41. It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li t-trattament tal-banek Taljani li kienu FOLTF, iżda li għalihom ma seħħet ebda riżoluzzjoni, ma kienx diskriminatorju (27).
42. It-tielet, huma jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonstata l-inammissibbiltà tal-argumenti l-ġodda peress li dawn ġew invokati tardivament matul il-proċedura fl-ewwel istanza (28).
43. Fir-rigward tal-ewwel argument, l-appellanti fl-appell parallel isostnu li s-SRB u l-Kummissjoni kellhom jibbilanċjaw l-interess pubbliku u l-interess tal-azzjonisti.
44. Filwaqt li ċaħdet dan l-argument, ġustament fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 246 tas-sentenza appellata parallela, li, fid-deċiżjoni dwar l-interess pubbliku tar-riżoluzzjoni, għandhom rwol mhux biss l-interessi tal-azzjonisti, iżda wkoll dawk tad-depożitanti, tal-impjegati u ta’ kredituri oħra tal-bank, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali analizzat il-benefiċċji (29) li jikkumpensaw it-telf subit mill-azzjonisti ta’ Banco Popular, meta mqabbla ma’ sitwazzjoni li fiha l-bank kien jiġi llikwidat skont proċeduri normali ta’ insolvenza.
45. Fir-rigward tat-tieni punt, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet li l-assenza ta’ riżoluzzjoni tal-banek Taljani ma hijiex sitwazzjoni paragunabbli li tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għall-fatt li dawk il-banek ma kinux jeżerċitaw, skont is-SRB, funzjonijiet kritiċi u li l-likwidazzjoni tagħhom (għall-kuntrarju ta’ riżoluzzjoni) ma jkollhiex effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-Qorti Ġenerali ġustament sostniet ukoll li komparatur xieraq f’din is-sitwazzjoni jkun bank li wkoll għadda minn proċedura ta’ riżoluzzjoni.
46. Finalment, inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argument il-ġdid tal-appellanti fl-appell parallel minħabba d-dewmien tagħhom. Fil-punt 261 tas-sentenza appellata parallela, il-Qorti Ġenerali spjegat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ressqu tardivament argument dwar l-Artikolu 24 tar-Regolament SRM, filwaqt li ġġustifikaw it-tressiq tardiv ta’ dan l-argument billi sostnew li d-dokumenti ma kinux disponibbli fil-mument tal-preżentata tar-rikors.
47. Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, id-dokumenti jirreferu għal fatti li kienu magħrufa lir-rikorrenti fl-ewwel istanza, u li l-introduzzjoni tardiva ta’ argumenti ġodda ma kinitx għalhekk ibbażata fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux jafu bihom.
48. Għaldaqstant jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argumenti tal-appellanti fl-appell parallel dwar l-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM bħala infondati.
2. Obbligu ta’ motivazzjoni u l‑Artikolu 47 tal‑Karta
49. Fir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravju tal-proċedura ineżami, kif ukoll fil-ħames u s-sitt parti tat-tieni aggravju fl-appell parallel, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward, l-ewwel, tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjoni 2 u, it-tieni, il-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tordnax miżuri istruttorji fl-ewwel istanza.
50. Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, liema obbligi għandhom jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja?
51. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, sabiex il-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha” (30). Madankollu, dan ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali għandha ssegwi b’mod eżawrjenti, wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża, jiġifieri l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, sakemm “tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha” (31).
52. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[il]-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tintervjeni” (32).
53. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, hija għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha taċċerta jekk il-Qorti Ġenerali spjegatx suffiċjentement il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjonijiet invokati fl-ewwel istanza.
a) Valutazzjonijiet u l‑iskema ta’ riżoluzzjoni
54. L-appellanti ssostni, bir-raba’ aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali mmotivat l-istħarriġ tagħha tal-iskema ta’ riżoluzzjoni b’mod insuffiċjenti u kontradittorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni 2 (33) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll il-premessi 23, 24 u 26 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-gravità tal-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Fl-appell parallel, l-appellanti jsostnu, fis-sitt parti tat-tieni aggravju tagħhom, li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-SRB.
55. Għandu jingħad ukoll li l-appellanti, fl-appell ineżami, tikkontesta l-fatti (34) li l-Qorti Ġenerali aċċettat bħala stabbiliti, mingħajr ma tinvokaw żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali (35). Barra minn hekk, eċċezzjoni hija inammissibbli meta “appell li [...] sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ċirkustanza li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja” (36).
56. Inqis li r-raba’ aggravju sempliċement isostni mill-ġdid l-argumenti tal-ewwel istanza, mingħajr ma jindirizza l-argumenti mressqa mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet fattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjarahom inammissibbli.
57. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx, inqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, iddeċidiet li ma kien hemm ebda kontradizzjoni bejn il-konstatazzjonijiet fil-valutazzjoni 2, peress li dawn il-konstatazzjonijiet kienu jservu għanijiet differenti: il-konstatazzjoni tas-SRB li Banco Popular kien solventi kienet espressjoni tal-valur kontabbli tal-bank, filwaqt li l-istimi differenti tal-valur tal-bank (37) kienu jesprimu l-valur tiegħu fis-suq.
58. Il-valur kontabbli jista’ jiġi deskritt bl-iktar mod faċli bħala l-valur tal-kumpannija kif irreġistrat fuq il-karta tal-bilanċ tagħha. Il-valur fis-suq huwa l-prezz attwali li l-bank jikseb fis-suq (38). Fid-dawl ta’ din l-ispjegazzjoni, jiena għalhekk tal-fehma li meta l-Qorti Ġenerali spjegat id-differenza bejn it-tnejn, hija ġustament iddeċidiet li ma kienx hemm kontradizzjoni fil-valutazzjoni 2 meta semmiet li Banco Popular kien solventi, filwaqt li l-valur tas-suq tiegħu kien stmat, fl-agħar ipoteżi, bħala li huwa EUR 8.2 biljun fin-negattiv.
59. Bit-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn aċċettat li l-premessi 23, 24 u 26 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huma suffiċjenti sabiex jinftiehem id-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular u n-neċessità ta’ riżoluzzjoni. Huma jsostnu li l-informazzjoni hija ġenerika u tista’ tiġi applikata għal kwalunkwe kriżi ta’ likwidità.
60. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad dawn l-argumenti. Kif ġustament jenfasizza s-SRB fir-replika tiegħu, l-appellanti ma turix għalfejn l-informazzjoni dwar id-deterjorament ta’ Banco Popular hija ġenerika u ma tispeċifikax dak li huwa nieqes sabiex tinftiehem tajjeb il-kriżi ta’ likwidità tiegħu u n-neċessità ta’ riżoluzzjoni.
61. Fis-sitt parti tat-tieni aggravju mressaq mill-appellanti fl-appell parallel, diversi argumenti (39) għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Minkejja li jindikaw il-punt rilevanti tas-sentenza appellata parallela, l-appellanti fl-appell parallel jirreferu biss għal nuqqas ġenerali ta’ motivazzjoni, mingħajr ma jippreċiżaw l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali (40). Barra minn hekk, huma jqajmu wkoll argumenti ġodda dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2 fl-istadju tal-appell, li ma humiex ammissibbli. (41)
62. Fir-rigward tal-mertu, jifdal żewġ argumenti li jiġu indirizzati. L-ewwel, fl-appell parallel, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni (42). It-tieni, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-argument tagħhom kien tardiv, li permezz tiegħu huma bbażaw ruħhom fuq il-ksur tad-duttrina Meroni fir-rigward tal-punt sa fejn il-Kummissjoni tipparteċipa fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni (43).
63. Fir-rigward tal-ewwel argument, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni u tispjega r-riferimenti li hija tagħmel għall-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM, li skontu l-Kummissjoni tista’ jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali tagħha. Dan ifisser, skont il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni fil-fatt ma għandhiex issostni mill-ġdid ir-raġunament tas-SRB wara l-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda sempliċement tapprovah.
64. Għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni dwar jekk l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kinitx suffiċjenti, jew jekk din kinitx sempliċi ttimbrar tad-deċiżjoni tas-SRB, diġà ġiet indirizzata mill-Qorti Ġenerali f’waħda mill-kawżi pilota, Algebris (44), li ma ġietx appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-motivazzjonijiet inklużi fih kienu jirrispettaw b’mod suffiċjenti l-obbligu ta’ motivazzjoni. Hija qieset li “l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-motivazzjoni tagħha jiffurmaw parti mill-kuntest” (45) li fih ġiet adottata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
65. Jiena naqbel ma’ din il-konstatazzjoni (46). Sakemm l-iskema ta’ riżoluzzjoni nnifisha hija suffiċjentement motivata, il-Kummissjoni tapprova wkoll li s-SRB ikun osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, jekk il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tissodisfax dan l-obbligu, hija jkollha topponi għaliha u teżiġi li s-SRB jemenda l-iskema ta’ riżoluzzjoni.
66. Għaldaqstant ma nara l-ebda nuqqas fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
67. Finalment, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti fil-appell parallel ressqu argument ibbażat fuq Meroni (47) għall-ewwel darba fir-replika tagħhom, u għalhekk qisitu inammissibbli.
68. Il-Qorti Ġenerali spjegat li fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, meta dan kien l-obbligu tagħha skont id-duttrina Meroni. Fir-replika tagħhom fl-ewwel istanza, huma sostnew ukoll li r-rwol tal-Kummissjoni fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni, b’mod iktar ġenerali, jikser il-prinċipju ta’ delega previst fl-Artikolu 291 TFUE u d-duttrina Meroni.
69. Fil-fatt, dawn huma żewġ argumenti differenti, li l-aħħar wieħed minnhom jista’ impliċitament jinqara bħala eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, li jikkjarifika r-rwol tal-Kummissjoni meta miżura ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata.
70. Għaldaqstant inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet li dan l-argument kien tardiv u għalhekk inammissibbli.
b) Fuq il‑kunfidenzjalità tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni u ta’ dokumenti oħra
71. Fil-ħames aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball (48) meta ddeċidiet li l-appellanti ma kellhiex dritt tirċievi l-verżjoni sħiħa (kunfidenzjali) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, huma jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx tikser l-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM.
72. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li hija setgħet tippreżenta rikors dirett kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni u meta ddeċidiet li huma setgħu jikkummentaw dwar il-pubblikazzjoni sussegwenti ta’ verżjoni inqas kunfidenzjali li seħħet matul il-proċedura fl-ewwel istanza, qabel il-preżentata tar-replika tagħhom. Finalment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-verżjonijiet sħaħ (li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjonijiet 1 u 2, kif ukoll ta’ dokumenti oħra relatati mar-riżoluzzjoni, ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima (49).
73. L-appellanti fl-appell parallel isostnu, fil-ħames parti tat-tieni aggravju tagħhom, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punti 503 u 504 tas-sentenza appellata parallela, meta ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ma ġewx miksura minħabba l-assenza ta’ aċċess tagħhom għall-fajls kollha fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni.
74. Essenzjalment, fiż-żewġ sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod korrett il-ħtieġa li r-rikorrenti fl-ewwel istanza jkollhom aċċess għall-verżjonijiet kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u għad-dokumenti relatati? Jiena nqis li dan kien il-każ.
75. Il-Qorti Ġenerali l-ewwel stabbilixxiet l-istandard ta’ stħarriġ fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, speċifikament billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest tar-Regolament SRM, li, fl-Artikolu 88(5), jistipula l-obbligu tas-SRB li jiżgura li kwalunkwe żvelar li huwa jagħmel ma jinkludix informazzjoni kunfidenzjali (50), u l-Artikolu 88(1) tiegħu, li skontu “informazzjoni soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil entità pubblika jew privata oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċess legali.”
76. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti tal-appellanti li skonthom hija kellha tiġi nnotifikata bil-verżjoni sħiħa tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ta’ dokumenti oħra, li insostenn tagħhom hija invokat il-ġurisprudenza dwar miżuri restrittivi. Dik il-qorti ddeċidiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex miżura individwali meħuda kontra l-azzjonisti ta’ bank, kuntrarjament għal miżura restrittiva li tiffriża fondi individwali (51).
77. L-istess loġika wasslet ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fis-sentenza parallela, li skontu huma kellu jkollhom aċċess għall-proċess skont l-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM. Skont il-Qorti Ġenerali, tali aċċess huwa rriżervat għall-entità li hija s-suġġett tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri Banco Popular, u mhux għall-azzjonisti jew għall-kredituri tagħha (52).
78. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li għandu s-SRB skont ir-Regolament SRM u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (53) invokat mill-appellanti. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-paragun, peress li r-Regolament SRM stabbilixxa regola ġenerali li l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mis-SRB huwa pprojbit (54).
79. Minflok, billi stabbilixxiet analoġija mad-Direttiva 2004/39 (55), li l-Artikolu 54(1) tagħha huwa ekwivalenti għall-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ġustament iddeċidiet li l-għan ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma huwiex l-għoti lill-pubbliku tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.
80. Il-Qorti Ġenerali mbagħad analizzat fid-dettall ħafna l-obbligi ta’ segretezza li jikkonċernaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutazzjoni 2, u d-dokumenti li invoka s-SRB fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu. Hija ddeskriviet id-diversi konsegwenzi negattivi li seta’ jkollu żvelar sħiħ (56).
81. Din il-qorti spjegat ukoll li l-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM jikkonċerna l-possibbiltà li qorti tordna l-iżvelar jekk ikun neċessarju għall-għanijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji, pjuttost milli, kif sostniet ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, l-iżvelar ikun mandatorju kull darba li jinbdew proċeduri ġudizzjarji kontra deċiżjoni (57).
82. Fir-rigward tal-argument li s-SRB irrestrinġa l-aċċess għall-iskema ta’ riżoluzzjoni mingħajr ġustifikazzjoni, peress li ppubblika verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas redatti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-mogħdija taż-żmien (f’dan il-każ, tmien xhur) hija ċirkustanza li x’aktarx tinfluwenza jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kunfidenzjalità humiex issodisfatti f’mument partikolari (58). Hija spjegat, f’dettall suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, li l-pubblikazzjoni sussegwenti ta’ informazzjoni addizzjonali ma influwenzatx id-dritt tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li tippreżenta rikors dirett, u li tirrispondi għall-informazzjoni addizzjonali fir-replika tagħha.
83. Fis-sitt aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet, fil-punti 721 sa 728 tas-sentenza appellata, it-talba tagħhom għal miżuri istruttorji, inkluż digriet għall-produzzjoni ta’ diversi dokumenti u sabiex isiru mistoqsijiet bil-miktub lir-Renju ta’ Spanja.
84. Il-Qorti Ġenerali, wara li ordnat lis-SRB jipproduċi verżjonijiet kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kif ukoll diversi dokumenti oħra (59), iddeċidiet li dawn ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima (60). L-appellanti ssostni li dan kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li l-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti kienu disponibbli mhux biss għas-SRB u għall-Kummissjoni, iżda wkoll għall-Qorti Ġenerali. Bil-maqlub, l-appellanti tallega li ma setgħetx tressaq argumenti ġodda jew tbiddel il-fehmiet tagħha dwar l-argumenti eżistenti mingħajr aċċess għal din l-informazzjoni.
85. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità li tiġi kkompletata l-informazzjoni disponibbli għaliha dwar il-kawżi quddiemha. Għaldaqstant, hija setgħet tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ dawn it-talbiet (61).
86. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad il-ħames u s-sitt aggravju kif ukoll il-ħames u s-sitt parti tat-tieni aggravju tal-appell parallel bħala infondati.
B. Aggravji speċifiċi għall‑Kawża C‑535/22 P
87. Fil-kawża ineżami, l-appellanti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-allegati irregolaritajiet fil-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular (Taqsima 1), kif ukoll il-ksur tad-dritt għall-proprjetà fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM (Taqsima 2) u tal-iskema ta’ riżoluzzjoni (Taqsima 3).
1. Il‑proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular
88. L-appellanti ssostni (62) li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 14 tar-Regolament SRM (63) fir-rigward tal-massimizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ. Hija ssostni li din hija waħda mill-għanijiet ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament SRM, li għandu jinqara b’rabta mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Fl-aħħar nett, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat li s-SRB ma kienx meħtieġ li jipprova miżuri alternattivi qabel ir-riżoluzzjoni (64).
89. Bit-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli: (i) kisret l-obbligu ta’ viġilanza tagħha meta ċaħdet bħala inammissibbli l-argumenti tagħha dwar l-allegati żbalji fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016, u (ii) kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.
90. Fir-rigward tal-allegazzjonijiet deskritti fil-punt 88 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-massimizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ma hijiex fost l-għanijiet tar-riżoluzzjoni inklużi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-Artikolu 39(2)(f) tad-Direttiva 2014/59 huwa rilevanti għall-bejgħ ta’ Banco Popular. Dan l-artikolu jistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali għall-għodda tal-bejgħ ta’ operat, u jistabbilixxi li l-proċedura ta’ kummerċjalizzazzjoni “[għandha timmira] lejn il-massimizzazzjoni, safejn possibbli, tal-prezz tal-bejgħ tal-ishma jew strumenti oħra ta’ sjieda, l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijet involuti”.
91. Il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall kull stadju tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet tas-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu. Fattur importanti meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali kien in-neċessità li l-proċedura ta’ kummerċjalizzazzjoni tibqa’ sigrieta kemm jista’ jkun, sabiex jiġi evitat żvelar li jista’ jwassal għal inċertezza addizzjonali u telf ta’ fiduċja fis-suq, b’mod li jippreġudika l-istabbiltà finanzjarja (65).
92. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali analizzat l-allegat obbligu tas-SRB li juża miżuri alternattivi qabel ir-riżoluzzjoni, billi interpretat l-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti interpretat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat, li tiddikjara li l-partijiet involuti fir-riżoluzzjoni “għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni” (66). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-ibbilanċjar ta’ interessi u l-proporzjonalità tar-riżoluzzjoni ma jistgħux jiġu evalwati unikament fid-dawl tal-ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti (67).
93. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali stħarrġet il-motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ għalfejn għodod oħra ta’ riżoluzzjoni ma jiksbux l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, għalfejn is-SRB iddevja mill-pjan ta’ riżoluzzjoni tiegħu tal‑2016 u għalfejn l-użu tas‑SRF ma kienx għażla (68).
94. Jiena nqis li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM b’mod korrett fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi differenti li neċessarjament jiġu affettwati minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Hija stħarrġet ukoll fid-dettall il-motivi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni dwar alternattivi oħra li ma tteħdux.
95. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju, esposti fil-punt 89, jiena tal-fehma li dawn huma inammissibbli. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li argumenti diretti kontra l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 (69), li ma ġewx inklużi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni finali ta’ Banco Popular, ġew introdotti biss fir-replika u għalhekk kienu inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali żiedet li dawn kienu, fi kwalunkwe każ, irrilevanti għad-determinazzjoni tal-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li finalment ġiet adottata (70).
96. Jiena naqbel. L-ewwel, jidher li, fl-ewwel istanza, l-appellanti sostniet, fir-replika tagħha, li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 ma tfassalx korrettament (71), iżda, fil-frattemp, l-argument inbidel sabiex jiġi sostnut li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 kellu jiġi aġġornat. Peress li dan huwa argument ġdid fl-istadju tal-appell, dan huwa inammissibbli (72).
97. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx u tqis li dawn l-argumenti huma ammissibbli, jiena nqishom infondati. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament SRM jistabbilixxi: “Meta jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw u jsegwu l-pjan ta’ riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 8 sakemm il-Bord ma jivvalutax, b’konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jinkisbu b’mod aktar effikaċi bit-teħid ta’ azzjonijiet li ma hemmx provvediment għalihom fil-pjan ta’ riżoluzzjoni.”
98. Il-Qorti Ġenerali spjegat li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 ma setax jieħu inkunsiderazzjoni l-kriżi ta’ likwidità li affaċċja Banco Popular minn April 2017 ’il quddiem (73). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li fihom is-SRB spjega “għaliex l-għodda ta’ riżoluzzjoni prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 ma kinitx xierqa għaċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tar-riżoluzzjoni” (74). Konsegwentement, is-SRB biddel l-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandha tiġi implimentata fir-rigward ta’ Banco Popular mill-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-għodda tal-bejgħ ta’ operat (75).
99. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet din l-allegazzjoni bħala irrilevanti.
100. Bit-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li ddeċidiet li l-osservazzjonijiet tal-appellanti u r-rapport ta’ espert li hija ppreżentat ma jipprovawx kif alternattivi oħra jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni.
101. Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dawn it-talbiet huma manifestament inammissibbli, peress li, kuntrarjament għall-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (76), huma ma jispeċifikawx il-partijiet tas-sentenza appellata li huma jfittxu li jikkontestaw.
102. Bħala konklużjoni, sa fejn huma ammissibbli, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni u t-tielet aggravju.
2. Fuq l‑eċċezzjoni ta’ illegalità tal‑Artikoli 15 u 22 tar‑Regolament SRM
103. L-appellanti, fis-seba’ aggravju tagħha, ikkontestat ukoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-validità tal-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM.
104. Hija ssostni, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali (77) applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-banek li jkunu insolventi; it-tieni, li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM jiksru r-rekwiżit ta’ neċessità, peress li huma fformulati b’mod wiesa’ wisq, li għalhekk jippermetti azzjoni arbitrarja; it-tielet, li dawn l-istess dispożizzjonijiet huma kuntrarji għall-Artikolu 5(4) TUE peress li ma jipprevedux soluzzjonijiet differenti għal banek li għandhom problemi ta’ likwidità minn naħa, u dawk li għandhom problemi ta’ insolvenza min-naħa l-oħra; ir-raba’, dawn l-istess dispożizzjonijiet huma kuntrarji għall-Artikolu 52 tal-Karta u l-Artikolu 5(4) TUE peress li ma jipprevedux il-possibbiltà li jiġi kkorreġut l-iżvalutar tal-ishma wara l-valutazzjoni finali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM; u fl-aħħar, l-appellanti ssostni li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM huma sproporzjonati peress li ma jipprevedux kumpens adegwat, u l-għażla bejn l-għodod ta’ riżoluzzjoni differenti tirriżulta f’diskriminazzjoni bejn il-banek li għandhom problemi ta’ likwidità u banek li huma insolventi.
105. Preliminarjament, għandu jingħad li r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju hija inammissibbli, peress li ma tirreferix għall-partijiet tas-sentenza appellata li hija qiegħda tikkontesta (78). Barra minn hekk, sa fejn din tirreferi għal diskriminazzjoni li tirriżulta mill-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni, il-ħames parti ta’ dan l-aggravju hija inammissibbli, peress li dan huwa argument ġdid imqajjem fl-istadju tal-appell (79).
106. Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali, b’reazzjoni għall-eċċezzjoni ta’ illegalità, segwiet il-passi neċessarji sabiex tiddetermina jekk limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 52 tagħha (80).
107. Billi bdiet bl-għan ta’ interess ġenerali li minħabba fih id-dritt għall-proprjetà ġie llimitat, il-Qorti Ġenerali eżaminat mill-ġdid il-ġurisprudenza estensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, bi spjegazzjoni tar-riskji li falliment bankarju joħloq għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u bankarja taż-żona tal-euro, kif ukoll ir-riskju ta’ telf tad-depożitanti (81).
108. L-għażliet magħmula fl-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM, kif spjegati b’mod iddettaljat ħafna mill-Qorti Ġenerali, jirriżultaw mit-tagħlimiet meħuda wara l-kriżi finanzjarja tal‑2008 u huma bbażati fuq il-prinċipju li l-azzjonisti huma l-ewwel li jġarrbu t-telf ta’ bank li jfalli. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, billi bbażat ruħha preċiżament fuq il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kotnik, li l-azzjonisti għandhom iġorru r-riskju sħiħ tal-investimenti tagħhom, inklużi l-konsegwenzi ekonomiċi ta’ falliment bankarju, li għalhekk ma jistax jitqies bħala ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom (82).
109. L-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat il-ġurisprudenza dwar il-banek insolventi għas-sitwazzjoni attwali ma jistax, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’. Is-sentenza Kotnik u s-sentenzi l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interess pubbliku fl-istabbiltà finanzjarja ntużaw biex juru li l-azzjonisti jridu jġorru r-riskju tal-investiment tagħhom f’każ li bank ifalli. Madankollu, il-Qorti Ġenerali wriet ukoll li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM jimponu kundizzjonijiet fuq is-SRB u l-Kummissjoni meta jiddeċiedu jekk u kif jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni. B’riferiment għall-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li azzjoni ta’ riżoluzzjoni tintuża biss jekk miżuri oħra, bħall-insolvenza normali, għajnuna mill-Istat jew self, ma jkunux disponibbli f’każ speċifiku (83).
110. Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà tkun ġġustifikata fejn il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jkunu ssodisfatti (84). Madankollu, il-Qorti Ġenerali spjegat ukoll il-kundizzjonijiet addizzjonali imposti mill-Artikoli 18 u 21 tar-Regolament SRM, li jillimitaw il-libertà tas-SRB u tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-parametri ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni partikolari (85).
111. It-tielet u l-ħames argument tal-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, billi jsostnu li wettqet żball meta ddeċidiet li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament SRM huma proporzjonati, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlux distinzjoni bejn il-banek li jbatu minn problemi ta’ likwidità, u dawk li huma insolventi, f’termini tal-għodda ta’ riżoluzzjoni użata u t-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri.
112. Fid-dawl tal-analiżi dwar il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, ma hemm l-ebda raġuni għaliex ir-Regolament SRM kellu jimponi regoli ta’ riżoluzzjoni differenti fuq il-banek insolventi u fuq dawk bi problemi ta’ likwidità.
113. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-seba’ aggravju.
3. Fuq id‑dritt għall‑proprjetà u l‑prinċipju ta’ proporzjonalità fl‑iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular
114. Fit-tmien aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-Regolament SRM jippreżumi l-insolvenza, u għalhekk, li l-proċedura normali ta’ insolvenza hija l-unika alternattiva għar-riżoluzzjoni; it-tieni, li hija wettqet żball meta ddeċidiet li l-proċedura li wasslet għall-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx arbitrarja fuq il-bażi tal-valutazzjoni 2; u t-tielet, li hija wettqet żball meta ddeċidiet li l-assenza ta’ kumpens ġust hija proporzjonata.
115. Fir-rigward tal-ewwel argument, dan huwa parzjalment inammissibbli, peress li, kuntrarjament għall-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jispeċifikax il-parti tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li r-Regolament SRM huwa bbażat fuq il-preżunzjoni tal-insolvenza.
116. L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar banek insolventi għas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular (86). Konsegwentement, għall-istess raġunijiet esposti preċedentement fir-rigward tas-seba’ aggravju (87), dan l-argument għandu jiġi miċħud.
117. It-tieni u t-tielet argument, li skonthom il-Qorti Ġenerali wettqet żball peress li ma ddeċidietx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet arbitrarja peress li bbażat ruħha fuq il-valutazzjoni 2 u li kienet sproporzjonata peress li ma pprovdietx kumpens ġust, huma inammissibbli, sa fejn dawn tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell (88). Speċifikament, il-punti tas-sentenza appellata (89) li għalihom tirreferi l-appellanti la jittrattaw il-valutazzjoni 2 u lanqas il-kumpens ġust. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx dawn l-argumenti fl-ewwel istanza.
118. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn huwa ammissibbli, tiċħad it-tmien aggravju.
VI. Konklużjoni
119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”).
3 Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB SRB/EES/2017/08 tas‑7 ta’ Ġunju 2017, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, S.A. (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”). L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15) (iktar ’il quddiem l-“approvazzjoni tal-Kummissjoni”).
4 Li jikkontesta s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Eleveté Invest Group et vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑523/17, EU:T:2022:313) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata parallela”).
5 Dawn il-pretensjonijiet jinsabu fl-ewwel aggravju fil-Kawża C‑535/22 P u fl-ewwel aggravju fil-Kawża C‑541/22 P.
6 Dawn il-pretensjonijiet jinsabu fir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravju fil-Kawża C‑535/22 P, u fil-ħames u s-sitt parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑541/22 P.
7 Sentenza appellata, punti 275 sa 304.
8 Sentenza appellata parallela, punti 118 sa 177.
9 Sentenza appellata, punt 288; sentenza appellata parallela, punt 130.
10 Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (l-EBA) tas‑6 ta’ Awwissu 2015 dwar l-interpretazzjoni taċ-ċirkustanzi differenti li fihom l-istituzzjoni titqies li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59/UE (EBA/GL/2015/07).
11 Sentenza appellata, punti 291, 292, 297 u 298. Ara wkoll is-sentenza appellata parallela, punti 118 sa 145.
12 Sentenza appellata, punt 286; sentenza appellata parallela, punt 132.
13 Sentenza appellata parallela, punt 166.
14 “L-SRM għandu jkun ibbażat fuq l-oqfsa tar-Regolament [tal-Kunsill] (UE) Nru 1024/2013 [tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63)] u tad-Direttiva 2014/59/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190)]. Għalhekk, il-Bord għandu jingħata s-setgħa li jintervjeni fi stadju bikri fejn is-sitwazzjoni finanzjarja jew is-solvenza ta’ entità tkun qiegħda tiddeterjora. L-informazzjoni li l-Bord jirċievi mingħand l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew il-BĊE f’dan l-istadju hija strumentali sabiex issir determinazzjoni dwar l-azzjoni li jista’ jieħu sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-entità kkonċernata.”
15 Sentenza appellata parallela, punt 175.
16 Sentenza appellata parallela, punti 167 sa 168.
17 Sentenza appellata, punt 173.
18 Ser niddiskuti l-aggravju dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea fil-konklużjonijiet paralleli, bħala parti mir-raba’ aggravju tal-appell parallel (punti 63 sa 87).
19 Dan l-aggravju jikkonċerna s-sentenza appellata, punti 305 sa 327.
20 Dawn l-allegazzjonijiet jikkonċernaw is-sentenza appellata parallela, punti 178 sa 231.
21 Sentenza appellata, punt 308.
22 Ibid., punt 310.
23 Sentenza appellata, punt 308; sentenza appellata parallela, punt 184.
24 Minflok, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dokumenti li fuqhom ibbaża ruħu s-SRB biex iddeċieda li ma hija possibbli l-ebda alternattiva għal riżoluzzjoni (l-ELA addizzjonali approvata, li ma għenitx is-sitwazzjoni; u l-assenza ta’ ELA addizzjonali mill-Bank ta’ Spanja). Sentenza appellata, punti 314 u 315.
25 Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 63); sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO (C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 54).
26 Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol (C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 55).
27 Sentenza appellata parallela, punt 254.
28 Dawn l-allegati żbalji jinsabu fis-sentenza appellata parallela, punti 243 sa 247, 254 u 261.
29 Prinċipalment, fil-forma taż-żamma ta’ funzjonijiet kritiċi, tal-limitazzjoni tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-istabbiltà finanzjarja, kif ukoll tal-prevenzjoni ta’ telf tal-kredituri. Sentenza appellata parallela, punt 247.
30 Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et (C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 131).
32 Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Għall-preżentazzjoni tal-valutazzjonijiet differenti, ara l-punti 16, 19 u 23 tal-konklużjonijiet paralleli.
34 Dawn jikkonċernaw l-ammonti li jinsabu fil-valutazzjoni 1 u fil-valutazzjoni 2.
35 Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 25 u 26 iktar ’il fuq.
36 Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Din il-valutazzjoni, inter alia, stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular għal EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, għal EUR 8.2 biljun fin-negattiv fl-agħar xenarju u għal EUR 2 biljun fin-negattiv għall-aħjar stima.
38 Ara s-sentenza appellata, punt 343. Għal spjegazzjoni tad-differenzi li ż-żewġ metodi jistgħu joffru, ara Macit, F., u Topaloğlu, Z., “Why bank market value to book ratios are so different: evidence from Turkish banking sector”, Economic and Business Review, Vol. 14(2), 2012, p. 169. Għal analiżi tad-differenzi fiż-żewġ metodi ta’ kalkolu tad-dejn, ara Bowman, R.G., “The Importance of a Market-Value Measurement of Debt in Assessing Leverage”, Journal of Accounting Research, Vol. 18(1), 1980, p. 242, b’mod partikolari f’p. 245 sa 246.
39 Dawn jikkonċernaw argumenti diretti kontra s-SRB u l-allegat ksur tiegħu tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ Deloitte bħala evalwatur indipendenti. Uħud mill-argumenti f’din il-parti huma wkoll repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rigward tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, ittrattati iktar ’il fuq (il-kwistjoni dwar jekk kriżi serja ta’ likwidità tikkostitwixxix bażi sabiex jiġi konkluż li bank huwa FOLTF; jekk is-SRB għandux xi rwol fl-għoti ta’ ELA).
40 Li għandu jitqies bħala inammissibbli skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punti 187 sa 189). Barra minn hekk, “appell li ma jinkludi ebda argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit”. Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW. Bank vs SRB (C‑662/19 P, EU:C:2021:846, punt 36).
41 Skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax jinbidel fl-appell. Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 95).
42 Sentenza appellata parallela, punti 570 sa 578.
43 Sentenza appellata parallela, punti 579 sa 581. Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni v Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).
44 Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anhorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni (T‑570/17, EU:T:2022:314).
45 Ibid, punt 151.
46 Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta f’Il‑Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2023:846, punti 123 sa 128).
47 Id-duttrina tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Għal spjegazzjoni tad-duttrina u l-fehmiet tiegħi dwar l-applikabbiltà tagħha fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta f’Il‑Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2023:846, punti 75 sa 97).
48 Fis-sentenza appellata, punti 356 sa 402.
49 Ibid., punt 723.
50 Ibid., punti 356, 363 sa 365.
51 Ibid., punti 358 u 359.
52 Sentenza appellata parallela, punti 503 u 504.
53 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
54 Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister (C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 38 u 39), fis-sentenza appellata, punti 383 u 384.
55 Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).
56 Bħal li seta’ “[jinkoraġġixxi] lill-azzjonisti jbiegħu t-titoli tagħhom fis-swieq u [jwassal] ukoll għal irtirar massiv ta’ depożiti, fatt li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u b’hekk jimmina l-effettività tal-azzjoni tas-SRB kif ukoll il-funzjonament tas-suq”. Sentenza appellata, punt 373.
57 Enfasi miżjuda minni. Sentenza appellata, punti 376 u 377.
58 Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister (C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 48 u 9), fis-sentenza appellata, punt 390.
59 Elenkati fil-punt 95 tas-sentenza appellata.
60 Bl-eċċezzjoni tal-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, li ġiet ikkomunikata lill-partijiet. Il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Ara s-sentenza appellata, punti 380 u 723.
61 Sentenza appellata, punti 725 sa 727.
62 It-tieni aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju.
63 Sentenza appellata, punti 520 sa 569.
64 Sentenza appellata, punti 669 sa 697.
65 Sentenza appellata, punti 545 sa 552.
66 Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll is-sentenza appellata, punti 671 u 672.
67 Sentenza appellata, punti 486, 487, 673 u 674. Il-Qorti Ġenerali stħarrġet ukoll il-motivazzjoni li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li tindirizza l-ibbilanċjar tal-interessi (punti 675 sa 679).
68 Sentenza appellata, punti 680 sa 697.
69 Ara l-punt 10 tal-konklużjonijiet paralleli.
70 Sentenza appellata, punti 490 u 491.
71 Sentenza appellata, punt 688.
72 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq.
73 Sentenza appellata, punt 689.
74 Sentenza appellata, punt 691.
75 Is-SRB sostna li “ma kienx iggarantit li l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, prevista f’dak il-pjan, kienet ser tippermetti li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco tiġi rrimedjata b’mod immedjat u effettiv”. Sentenza appellata, punt 691.
76 Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group (C‑396/19 P, EU:C:2020:845, punt 24).
77 Sentenza appellata, punti 150 sa 219.
78 Ara l-punt 101 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 77 iktar ’il fuq.
79 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq.
80 Sentenza appellata, punti 159 u 160.
81 Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata, tirreferi għall-corpus magħruf ħafna ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ wara l-kriżi: sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570); tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836); u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249).
82 Sentenza appellata, punti 172 sa 174.
83 Sentenza appellata, punti 180 sa 188.
84 Sentenza appellata, punt 169.
85 Sentenza appellata, punti 170, 171, 179 u 180.
86 Sentenza appellata, punti 198 sa 208.
87 Punti 111 u 112 iktar ’il fuq.
88 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq.
89 Sentenza appellata, punti 466, 467, 474 sa 476, u 481.