EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0436

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-25 ta’ Jannar 2024.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:83

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C436/22

Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo ibérico (ASCEL)

vs

Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali msemmija fl-Anness IV(a) – Lupu (Canis lupus) – Limiti territorjali ta’ protezzjoni stretta – Teħid mis-selvaġġ u sfruttament ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna selvaġġa elenkati fl-Anness V(a) – Pjan reġjonali għall-isfruttament tal-ilpup fiż-żoni tal-kaċċa – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Konsegwenzi ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli”






I.      Introduzzjoni

1.        Id-diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-lupu (Canis lupus) bħalissa qiegħda tqanqal kontroversja. Huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew appella (2) għar-reviżjoni tal-istatus ta’ protezzjoni tiegħu u talab lill-Kummissjoni Ewropea tibgħat data lokali għal dan l-għan (3). Il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni tal-lupu għandhiex tiġi mnaqqsa hija diskussa wkoll fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Berna (4) (5).

2.        Madankollu, id-Direttiva dwar il-habitat (6) tkompli tipproteġi bis-sħiħ il-lupu: l-Istati Membri għandhom mhux biss jiddeżinjaw żoni speċjali ta’ protezzjoni għal din l-ispeċi ta’ annimali, iżda wkoll jipproteġu l-kampjuni individwali fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda din it-tieni sistema ta’ protezzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ispeċi.

3.        Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi, id-Direttiva dwar il-habitat tinkludi żewġ livelli ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi skont l-Artikolu 12 tagħha, li jipprojbixxi b’mod partikolari l-kaċċa, bħala prinċipju, u, min-naħa l-oħra, protezzjoni mnaqqsa mill-Artikolu 14 li jipprovdi li l-kaċċa awtorizzata, bħala prinċipju, għandha tiġi ristretta jekk dan ikun neċessarju għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi kkonċernata.

4.        Iż-żewġ forom ta’ protezzjoni tal-ispeċi huma applikabbli għal-lupu. Dak li huwa determinanti huwa l-post fejn il-lupu jinsab. Skont id-Direttiva dwar il-habitat, l-Artikolu 14 japplika għall-ilpup fi Spanja li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero u l-Artikolu 12 fin-Nofsinhar tagħha. Għaldaqstant, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León, li minnha tgħaddi din ix-xmara, tippermetti l-kaċċa għal-lupu fit-Tramuntana.

5.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn tilwima legali dwar jekk din il-leġiżlazzjoni reġjonali dwar il-kaċċa hijiex ammissibbli. Peress li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja huwa sfavorevoli, il-qorti nazzjonali tiddubita jekk huwiex aċċettabbli li l-protezzjoni stretta tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat ma tapplikax għat-Tramuntana ta’ Duero. Madankollu, jekk tinżamm id-delimitazzjoni territorjali taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni mid-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża jekk il-kaċċa għandhiex madankollu tiġi pprojbita minħabba l-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli skont l-Artikolu 14.

6.        S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Madankollu, dawn huma rilevanti mhux biss għal Spanja, iżda wkoll għall-Greċja, il-Finlandja, il-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, il-Polonja u s-Slovakkja, fejn il-lupu hawn ukoll huwa suġġett biss għall-protezzjoni iktar dgħajfa skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat fit-territorju nazzjonali kollu jew f’partijiet minnu.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IlKonvenzjoni ta’ Berna

7.        Fid-dritt internazzjonali, hija qabel kollox il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali li hija rilevanti. Il-Komunità Ekonomika Ewropea rratifikat din il-Konvenzjoni fl‑1982 (7). Spanja ffirmatha fl‑1979, iżda daħlet fis-seħħ fi Spanja biss fl‑1986 (8).

8.        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jistabbilixxi għanijiet ġenerali:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iżommu il-popolazzjoni tal-flora u l-fawna ferjali fi, jew li jadattawha għal, livell li jikkorrispondi partikolarment mal-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, waqt li jqisu l-ħtiġiet ekonomiċi u rekreazzjonali u l-bżonn tas-sub-speċje, varjetajiet jew għamliet f'riskju lokali.”

9.        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ispeċi:

“Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tassigura l-protezzjoni speċjali tal-ispeċje tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi II. Dan li ġej għandu partikolarment ikun ipprojbit għal dawn l-ispeċje:

(a)      l-għamliet tal-qabda u ż-żamma deliberata u l-qtil deliberat;

[…]”

10.      Il-lupu huwa msemmi fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Berna bħala speċi ta’ annimali partikolarment protetta. Madankollu, Spanja għandha riżerva u indikat li l-lupu għandu jiġi protett bħala speċi msemmija fl-Anness III, jiġifieri skont l-Artikolu 7 (9).

11.      L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi wkoll miżuri ta’ salvagwardja:

“1.      Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tassigura l-protezzjoni speċjali tal-ispeċje tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi III.

2.      Xi esplojtazzjoni ta’ fawna ferjali speċifikata fl-Appendiċi III għandha tkun irregolata sabiex iżżomm il-popolazzjonijiet lil hinn mill-perikolu, billi tqis il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 2.

3.      Miżuri li għandhom jittieħdu għandhom jinkludu:

(a)      staġuni magħluqa u/jew proċeduri oħrajn li jirregolaw l-esplojtazzjoni;

(b)      il-projbizzjoni ta’ l-esplojtazzjoni temporanja jew lokali, skond kif xieraq, sabiex ikunu restawrati l-livelli sodisfaċenti tal-popolazzjoni;

(c)      […]”

12.      L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi derogi mid-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

B.      IdDirettiva dwar ilhabitat

13.      Il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-habitat tikkonċerna l-protezzjoni tal-ispeċi:

“Billi hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna biex tikkumplimenta d-[Direttiva dwar l-għasafar (10)]; billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet.”

14.      L-Artikolu 1(b), (f), (g) u (i) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddefinixxi kunċetti differenti:

“[…]

(g)      l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità jfissru dawk l-ispeċi li, fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2, huma:

(i)      fil-periklu, ħlief dawk l-ispeċi li l-medda naturali tagħhom hi żgħira f’dak it-territorju u li mhumiex fil-periklu li jinqerdu jew vulnerabbli fir-reġjun paleartiku tal-punent; jew

(ii)      vulnerabbli, jiġifieri x’aktarx maħsuba li qed jersqu lejn il-kategorija fil-periklu fil-ġejjieni qrib jekk il-fatturi kawżattivi jibqgħu jaħdmu; jew

(iii)      rari, jiġifieri b’popolazzjonijiet żgħar li bħalissa mhumiex fil-periklu jew vulnerabbli, iżda li jinsabu f’riskju. L-ispeċi jinsabu f’żoni ġeografiċi ristretti jew huma mifruxa bil-ftit fuq medda aktar kbira; jew

(iv)      endemiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura speċifika ta’ l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt qawwi ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt potenzjali ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom.

Dawk l-ispeċi huma elenkati jew jistgħu jiġu elenkati fl-Anness II u/jew l-Anness IV jew V;

[…]

(i)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:

–        l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha, u

–        il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli, u

–        hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

[…]”

15.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-habitat jiddeskrivi l-għan tiegħu:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

16.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat jirregola l-għażla tas-siti protetti minn din id-direttiva u jirreferi, għall-adattament ta’ dawn is-siti, għas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

17.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jissorveljaw l-ispeċi u l-habitats:

“L-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità.”

18.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat jinkludi l-obbligi fundamentali marbuta mal-ħarsien tal-ispeċi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

2.      Għal dawn l-ispeċi, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu ż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva.

[…]”

19.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jistabbilixxi r-regoli dwar it-teħid ta’ ċerti speċi ta’ annimali mis-selvaġġ:

“1.      Jekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

2.      Fejn dawk il-miżuri huma meqjusa li huma meħtieġa, huma għandhom jinkludu l-issoktar tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll b’mod partikolari:

–        regolamenti marbuta ma’ l-aċċess għal ċerta proprjetà,

–        projbizzjoni temporanja jew lokali mit-teħid ta’ kampjuni fis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ ċerti popolazzjonijiet,

–        regolamentazzjoni dwar il-perjodi u/jew metodi ta’ teħid ta’ kampjuni,

–        l-applikazzjoni, meta jittieħdu l-kampjuni, ta’ regoli tal-kaċċa u tas-sajd li jieħdu kont tal-konservazzjoni ta’ dawk il-popolazzjonijiet,

–        l-istabbiliment ta’ sistema ta’ liċenzji biex jittieħdu l-kampjuni jew il-kwoti,

–        ir-regolamentazzjoni tax-xiri, bejgħ, offerta għall-bejgħ, żamma għall-bejgħ jew trasport għall-bejgħ ta’ kampjuni,

–        it-tgħammir fil-magħluq ta’ speċi ta’ annimali kif ukoll propagazzjoni artifiċjali ta’ speċi ta’ pjanti, f’kondizzjonijiet kontrollati b’mod strett, bil-ħsieb li jitnaqqas it-teħid ta’ kampjuni mis-selvaġġ,

–        l-evalwazzjoni ta’ l-effett tal-miżuri adottati.”

20.      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi derogi għall-Artikoli 12 u 14.

21.      L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jimponi fuq l-Istati Membri u fuq il-Kummissjoni l-obbligu li jirrapportaw perjodikament dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi:

“Kull sitt snin mid-data ta’ meta jiskadi l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom iħejju rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva. Dan ir-rapport irid ikun fih b’mod partikolari l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ l-habitat naturali ta’ l-Anness I u l-ispeċi ta’ l-Anness II u r-riżultati ewlenin tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Ir-rapport, magħmul skond l-għamla stabbilita mill-kumitat, irid jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni u jkun aċċessibbli għall-pubbliku.”

22.      L-Anness II(a) tad-Direttiva dwar il-habitat isemmi b’mod partikolari l-lupu bħala speċi ta’ prijorità li għaliha għandhom jiġu ddeżinjati ż-żoni ta’ protezzjoni, iżda jkopri biss, fi Spanja, il-popolazzjonijiet fin-Nofsinhar tax-xmara Duero (11). Il-lupu huwa msemmi wkoll fl-Anness IV(a), bħal speċi li għandha tkun suġġetta għal protezzjoni stretta skont l-Artikolu 12, iżda huma esklużi b’mod partikolari l-popolazzjonijiet Spanjoli fit-Tramuntana tad-Duero. Għall-kuntrarju, dawn il-popolazzjonijiet ta’ lpup huma msemmija fl-Anness V(a).

C.      Iddritt nazzjonali Spanjol

23.      Permezz tal-Artikolu 56 tal-Ley 42/2007, de 13 de diciembre, del Patrimonio Natural y de la Biodiversidad (il-Liġi 42/2007 tat‑13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Patrimonju Naturali u l-Bijodiversità, iktar ’il quddiem il-“Liġi 42/2007”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’din il-kawża, stabbilixxiet il-lista ta’ annimali selvaġġi partikolarment protetti, li fiha speċi, sottospeċi u popolazzjonijiet li jistħoqqilhom attenzjoni u protezzjoni partikolari minħabba l-valur xjentifiku, ekoloġiku jew kulturali tagħhom, minħabba s-singularità jew l-iskarsezza jew il-grad ta’ theddida tagħhom, bħal dawk l-ispeċi, is-sottospeċi u l-popolazzjonijiet indikati bħala protetti fl-annessi tad-Direttivi u l-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati minn Spanja. Skont l-Artikolu 65(1) ta’ din il-liġi, il-kaċċa u s-sajd fl-ilmijiet interni jistgħu jsiru biss fir-rigward ta’ speċi ddeterminati mill-Komunitajiet Awtonomi. Din id-determinazzjoni ma tista’ fl-ebda każ tikkonċerna l-ispeċi inklużi fil-lista ta’ annimali selvaġġi partikolarment protetti.

24.      Fl‑2021, il-Ministerio para la Transición Ecológica y el Reto Demográfico (il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u għall-Isfidi Demografiċi) adotta l-Orden TED/980/2021 [por la que se modifica el Anexo del Real Decreto 139/2011, de 4 de febrero, para el desarrollo del Listado de Especies Silvestres en Régimen de Protección Especial y del Catálogo Español de Especies Amenazadas] (id-Digriet TED/980/2021 li jemenda l-anness tad-Digriet Irjali 139/2011 tal‑4 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi l-lista ta’ annimali selvaġġi partikolarment protetti u r-reġistru Spanjol tal-ispeċi mhedda) tal‑20 ta’ Settembru 2021. Permezz ta’ din ir-regola, il-popolazzjonijiet Spanjoli kollha tal-ilpup ġew miżjuda ma’ din il-lista. Id-digriet fih l-ewwel dispożizzjoni addizzjonali dwar il-kompatibbiltà mal-miżuri fis-seħħ sa dak iż-żmien, li tipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-kaċċa u l-qbid ta’ kampjuni jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva.

D.      Illeġiżlazzjoni talKomunità Awtonoma ta’ Castilla u León

25.      L-Artikolu 7 tal-Ley 4/1996, de 12 de julio, de Caza de Castilla y León (il-Liġi 4/1996 tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León tat‑12 ta’ Lulju 1996 dwar il-Kaċċa, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/1996”), li fil-frattemp ġiet imħassra, iżda fis-seħħ fil-mument tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ kaċċa kontenzjuż, kienet tipprevedi li l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati kienu dawk iddefiniti bħala tali fl-Anness I ta’ din il-liġi. Dan l-anness I isemmi wkoll il-lupu fit-Tramuntana tax-xmara Duero.

26.      Bħalissa fis-seħħ hija l-Ley 4/2021, de 1 de julio, de Caza y de Gestión Sostenible de los Recursos Cinegéticos de Castilla y León (il-Liġi 4/2021 tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León tal‑1 ta’ Lulju 2021 dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/2021”), li l-Artikolu 6 tagħha jipprovdi li l-kaċċa tista’ ssir biss fuq speċi elenkati fl-Anness I bħala speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati. Fl-Anness I, il-“lupu (Canis lupus): fit-Tramuntana tax-xmara Duero” huwa elenkat bħala speċi selvaġġa ta’ kaċċa kbira. Il-Liġi 4/2021 tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni ta’ dawk l-ispeċi mill-Anness I li huma protetti taħt kwalunkwe forma skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali bażika, li jfisser li l-kaċċa tagħhom hija pprojbita, jew dwar meta l-esklużjoni hija kkunsidrata neċessarja sabiex tiġi żgurata b’mod xieraq il-konservazzjoni tal-ispeċi. Skont din il-liġi, l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe kaċċa fuq speċi ddikjarati li jistgħu jiġu kkaċċjati jista’ wkoll jiġi temporanjament eskluż jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat, b’mod xieraq, l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom. L-Artikolu 38 (qabel it-tħassir tiegħu mill-Qorti Kostituzzjonali Spanjola) ta’ din il-liġi jipprevedi li kull tip ta’ kaċċa għal-lupu huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għall-Komunità Awtonoma kompetenti fil-qasam tal-kaċċa, l-awtorità suprema kompetenti fit-territorju ta’ Castilla u León, u li l-valur ta’ lupu maqtul huwa ta’ EUR 6 000.

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

27.      Fis‑17 ta’ Frar 2020, l-Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo ibérico (l-Assoċjazzjoni għall-Konservazzjoni u l-Istudju tal-Lupu Iberiku, iktar ’il quddiem “ASCEL”) ippreżentat rikors amministrattiv kontenzjuż quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León, Spanja) kontra l-Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León (l-Amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León, Spanja). ASCEL titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Dirección General del Patrimonio Natural y Política Forestal [de la Junta de Castilla y León] (Direttorat Ġenerali tal-Patrimonju Naturali u tal-Politika Forestali (tal-Gvern ta’ Castilla u León), Spanja), tad‑9 ta’ Ottubru 2019, li approvat il-pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fiż-żoni ta’ kaċċa fit-Tramuntana tax-xmara Duero, f’Castilla u León, għall-istaġuni tal-kaċċa 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022 (iktar ’il quddiem il-“Pjan tal-kaċċa”). Hija titlob ukoll kumpens għad-danni kkawżati lill-annimali selvaġġi matul kull staġun tal-kaċċa.

28.      Skont l-espożizzjoni tal-motivi tiegħu, il-pjan tal-kaċċa huwa bbażat fuq għadd reġjonali ta’ lpup tal‑2012 u l‑2013, fuq għadd nazzjonali mwettaq bejn l‑2012 u l‑2014, kif ukoll fuq rapporti ta’ monitoraġġ annwali, li jinkludu sforz ta’ osservazzjoni u ta’ sorveljanza inqas minn dak magħmul għat-tfassil ta’ għadd. Abbażi tad-data disponibbli u b’applikazzjoni ta’ fatturi differenti, il-pjan jiddikjara li l-għadd stmat ta’ lpup li kienu jeżistu qabel il-kaċċa fit-Tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla u León huwa ta’ 1 051. Il-pjan tal-kaċċa jqassam it-territorju ta’ Castilla u León fit-Tramuntana tax-xmara Duero, fejn hemm ilpup, fi 28 firxa ta’ lpup. Huwa jikkalkola d-densità tal-ilpup f’kull waħda minnhom, jikklassifikahom skont id-densità tagħhom – għolja, baxxa jew medja – u jassenjahom livell perċentwali ta’ kaċċa abbażi ta’ din id-densità. Dan il-pjan jikkonkludi li mortalità annwali ta’ iktar minn 35 % tirriżulta fi tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi.

29.      It-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tfakkar li, matul dawn l-aħħar snin, hija eżaminat diversi rikorsi kontra diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal-lupu. Permezz tas-sentenzi korrispondenti, hija annullat dawn id-dispożizzjonijiet minħabba li ma kinux jeżistu, matul il-proċedura amministrattiva, studji xjentifiċi li juru l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw li l-ispeċi tiġi ddikjarata bħala speċi li tista’ tiġi kkaċċjata mingħajr ma jiġi affettwat l-istat ta’ konservazzjoni tagħha fil-firxa tagħha. Madankollu, dawn is-sentenzi kienu s-suġġett ta’ appell quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li min-naħa tagħha laqgħathom. Hija ddeċidiet li ma kienx neċessarju li tiġi ppreżentata minn qabel, għal kull staġun tal-kaċċa, għal kull qasam ta’ kompetenza u għal kull territorju għal kull speċi li tista’ tiġi kkaċċjata, talba għal kontroll territorjali u materjali, ad hoc, speċifiku tal-osservanza tar-rekwiżiti relatati mad-daqs tal-popolazzjoni, mad-distribuzzjoni ġeografika u mal-indiċi ta’ riproduzzjoni ta’ din l-ispeċi.

30.      Għaldaqstant, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“Sa fejn kull miżura meħuda minn Stat Membru abbażi tad-Direttiva [dwar il-habitat] għandu jkollha bħala għan, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jiġu żgurati ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju, bħalma huwa l-lupu (canis lupus),

1)      id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2), kif ukoll tal-Artikoli 4, 11, 12, 14, 16 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludu li, skont liġi ta’ komunità awtonoma (il-Ley 4/1996 de Caza de Castilla y León (il-Liġi Nru 4/1996 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa), tat‑12 ta’ Lulju 1996, u sussegwentement il-Ley 4/2021 de Caza y de Gestión Sostenible de los Recursos Cinegéticos de Castilla y León (il-Liġi Nru 4/2021 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa), tal‑1 ta’ Lulju 2021), il-lupu huwa identifikat bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa, b’tali mod li l-isfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa kien ġie awtorizzat matul l-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022, u dan filwaqt li, skont ir-rapport għall-perijodu ta’ sitt snin bejn l‑2013 u l‑2018, li r-Renju ta’ Spanja bagħat lill-Kummissjoni Ewropea fl‑2019, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu huwa ‘sfavorevoli u inadegwat’, li wassal lill-Istat (l-Istat Membru, Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat) sabiex jinkludi l-popolazzjonijiet Spanjoli kollha tal-lupu fil-lista tal-ispeċi selvaġġi li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ protezzjoni speċjali u fir-reġistru Spanjol ta’ speċi mhedda, b’mod li ta protezzjoni stretta anki lill-popolazzjoni li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero?

2)      huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-lupu jingħata protezzjoni differenti skont jekk jinsabx fit-Tramuntana jew fin-Nofsinhar tax-xmara Duero, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni

(i)      il-fatt li, minn perspettiva xjentifika, din id-distinzjoni llum il-ġurnata titqies li hija inadegwata,

(ii)      l-evalwazzjoni sfavorevoli tal-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fit-tliet reġjuni fejn jinsab fi Spanja, jiġifieri fir-reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, matul il-perijodu bejn l‑2013 u l‑2018,

(iii)      il-fatt li din hija speċi li tgawdi minn protezzjoni stretta prattikament fl-Istati Membri kollha u, b’mod partikolari, fil-Portugall, li miegħu huwa kondiviż wieħed minn dawn ir-reġjuni, u

(iv)      il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-firxa naturali u l-portata territorjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu, u dan filwaqt li jitqies li jkun iktar konformi mad-Direttiva dwar il-habitat u li ma jkunx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tagħha jekk il-lupu jiġi inkluż fl-Annessi II u IV mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tax-xmara Duero, b’tali mod li l-qbid u l-qtil tal-lupu jkunu possibbli biss meta ma jkun hemm ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 16 u konformement mar-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu?

Fil-każ li jitqies li din id-distinzjoni hija ġġustifikata,

3)      il-kelma ‘sfruttament’ li tinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat tinkludi l-isfruttament fil-kuntest tal-kaċċa tal-lupu fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ din l-ispeċi (li għandha prijorità fiż-żoni territorjali l-oħra), u fid-dawl tal-fatt li l-kaċċa għal-lupu kienet awtorizzata sal-lum il-ġurnata u tal-fatt li ġie kkonstatat li s-sitwazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l‑2013 u l‑2018 kienet sfavorevoli?

4)      l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludi l-identifikazzjoni, permezz ta’ leġiżlazzjoni, tal-lupu fit-Tramuntana tax-xmara Duero bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa (Artikolu 7 u Anness I tal-Liġi Nru 4/1996 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa, tat‑12 ta’ Lulju 1996, u Artikolu 6 u Anness I tal-Liġi Nru 4/2021 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa, tal‑1 ta’ Lulju 2021), kif ukoll l-adozzjoni ta’ pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji territorji miftuħa għall-kaċċa li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero fir-rigward tal-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022 mingħajr ma tkun ippreżentata d-data li tippermetti li jiġi evalwat jekk is-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva kinitx ġiet implimentata, mingħajr it-twettiq, sa mill‑2012/2013, ta’ ċensimenti u mingħajr ma tingħata informazzjoni suffiċjenti, oġġettiva, xjentifika u aġġornata fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-lupu fil-fajl li fuqu kienet ibbażata l-adozzjoni tal-pjan ta’ sfruttament lokali, u dan filwaqt li, għall-perijodu bejn l‑2013 u l‑2018, fit-tliet reġjuni fejn il-lupu jinsab fi Spanja, jiġifieri fir-reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tiegħu hija sfavorevoli?

5)      skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 11 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat, ir-rapporti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu (il-livelli ta’ popolazzjoni attwali u reali, it-tqassim ġeografiku attwali, ir-rata ta’ riproduzzjoni, eċċ), jiġu stabbiliti mill-Istat Membru kull sitt snin jew, jekk ikun meħtieġ, f’perijodu iqsar, permezz ta’ kumitat xjentifiku bħalma huwa dak maħluq permezz tar-Real Decreto 139/2011 (id-Digriet Irjali Nru 139/2011), fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata jinsabu fit-territorju ta’ diversi komunitajiet awtonomi u tal-ħtieġa li jiġu evalwati ‘fuq livell ikbar’ il-miżuri li jikkonċernaw popolazzjoni lokali, konformement mas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola?”

31.      ASCEL, ir-Reġjun ta’ Castilla u León, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, billi qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi.

IV.    Lanaliżi legali

32.      Id-Direttiva dwar il-habitat tagħti valur għoli lill-protezzjoni tal-lupu u timponi għalhekk l-indikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ protezzjoni għal din l-ispeċi (Artikolu 4) kif ukoll barra minn dawn iż-żoni (12) l-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni stretti (Artikolu 12). Madankollu, ċerti reġjuni tal-Unjoni, fosthom fit-Tramuntana tax-xmara Duero ta’ Spanja kollha, huma esklużi miż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni. Huwa għalhekk li l-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León adottat pjanijiet tal-kaċċa għat-territorji tagħha li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero, li huma kkontestati fil-kawża prinċipali.

33.      Din il-proċedura tqajjem il-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk id-delimitazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni stretti previsti mid-Direttiva dwar il-habitat tul ix-xmara kollha tistax tinżamm fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi fiż-żewġ territorji (it-tieni domanda u, parzjalment, l-ewwel domanda, ara taħt B), u, min-naħa l-oħra, sa fejn, ladarba din id-delimitazzjoni ġeografika tiġi rrikonoxxuta, ir-regoli tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat dwar il-qbid tal-ilpup mis-selvaġġ jirrestrinġu l-kaċċa (l-ewwel domanda, barra minn hekk, ukoll it-tielet sal-ħames domanda, ara taħt C). Madankollu, għandhom jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet imqajma kontra l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

A.      Oġġezzjonijiet imqajma kontra lammissibbiltà

34.      Bħala prinċipju, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li d-deċiżjoni li għandha tingħata taqa’ fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħha, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Domandi bħal dawn jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (13).

35.      Spanja ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex iktar rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, peress li l-Qorti Kostituzzjonali Spanjola ddikjarat antikostituzzjonali d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León minħabba l-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Komunità Awtonoma ssostni li hija informat lill-kaċċaturi tal-ilpup li ma setgħux jeżerċitaw id-dritt tal-kaċċa tagħhom.

36.      Madankollu, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León issostni fl-istess ħin li hija kkontestat il-leġiżlazzjonijiet statali li jipprekludu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjonijiet reġjonali jistgħu jerġgħu jiġu applikabbli wara deċiżjoni fuq din il-kontestazzjoni jekk ir-rikors ikollu jintlaqa’.

37.      Barra minn hekk, il-kawża prinċipali tirrigwarda wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-ħsara lill-popolazzjoni tal-ilpup permezz tal-kaċċa matul l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali għandhiex tiġi kkumpensata qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola. Peress li din id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-perijodu ta’ wara s-sena 2021, filwaqt li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-perijodi tal-kaċċa sa mill‑2019, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali mad-dritt tal-Unjoni tibqa’ rilevanti.

38.      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex, fi kwalunkwe każ, manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

39.      Ftit li xejn konvinċenti hija l-oġġezzjoni addizzjonali tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León li t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem esklużivament kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-provi. Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-provi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament intiża sabiex tiċċara l-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-validità tad-delimitazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ilpup tul id-Duero u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat.

40.      Madankollu, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León ġustament tikkritika l-fatt li parti mill-ewwel domanda tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali Spanjola dwar il-protezzjoni tal-lupu u l-leġiżlazzjonijiet reġjonali dwar il-kaċċa għal-lupu. Din ir-relazzjoni hija kwistjoni ta’ dritt intern Spanjol li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għaliha. Għaldaqstant, din il-parti tal-ewwel domanda hija inammissibbli.

41.      Għall-bqija, l-oġġezzjonijiet ta’ ammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja u mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León għandhom jiġu miċħuda.

B.      Applikazzjoni territorjali tassistemi ta’ protezzjoni stretti

42.      Bit-tieni domanda u bl-ewwel domanda tagħha, sa fejn tirreferi għall-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tistaqsi jekk, fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja, huwiex kompatibbli mal-għan ta’ din id-direttiva li jinżamm jew li jiġi rripristinat stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi protetti li l-lupu jaqa’, fin-Nofsinhar tad-Duero fi Spanja, taħt il-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12, filwaqt li, fit-Tramuntana ta’ Duero, huwa jibbenefika biss mill-protezzjoni iktar dgħajfa tal-Artikolu 14.

43.      Il-portata territorjali rispettiva tal-Artikoli 12 u 14 tad-Direttiva dwar il-habitat tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Annessi IV u V, anki jekk jitqies li din is-sistema tmur kontra l-għan trasversali tad-Direttiva, din il-kontradizzjoni ma tistax tbiddel id-delimitazzjoni territorjali ċara taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni (14).

44.      Barra minn hekk, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, huwa l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi tal-Anness V li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod determinanti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14. Din hija r-raġuni għaliex anki l-ipoteżi ta’ kontradizzjoni mal-għan tad-Direttiva hija dubjuża.

45.      Madankollu, id-delimitazzjoni territorjali taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva tista’ tiġi kkontestata jekk din tmur kontra d-dritt ta’ livell superjuri. Għalkemm jidher li ma hemm ebda kontradizzjoni mat-Trattati jew mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, wieħed jista’ jikkunsidra jekk id-delimitazzjoni hijiex kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Berna. Bħala ftehim internazzjonali tal-Unjoni, huwa jgawdi s-supremazija fuq id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (15).

46.      Ċertament, bir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Berna, Spanja rriżervat il-protezzjoni tal-lupu fit-territorju kollu tagħha mhux skont l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, iżda biss skont l-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. Il-limitazzjoni tal-protezzjoni għal parti mit-territorju Spanjol għalhekk ma tiksirx l-obbligi internazzjonali ta’ Spanja skont il-Konvenzjoni.

47.      Madankollu, l-Unjoni ma esprimiet l-ebda riżervi fir-rigward tal-Konvenzjoni. Għalhekk, illum tista’ tkun obbligata, skont id-dritt internazzjonali, li tiżgura l-protezzjoni stretta tal-lupu fit-territorju kollu tagħha, inkluż fit-Tramuntana tad-Duero ta’ Spanja. Il-limitazzjoni territorjali tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat hija għalhekk inkompatibbli.

48.      Barra minn hekk, bħala parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, il-Konvenzjoni torbot lill-Istati Membri (16), inkluża wkoll Spanja. Mill-inqas ma huwiex ċar, jekk ir-riżerva tad-dritt internazzjonali ta’ Spanja għandhiex tinżamm ukoll fir-rigward ta’ dan l-effett.

49.      Madankollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tħalli din il-kwistjoni miftuħa, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjimx espressament dan u l-partijiet ma ressqu l-ebda osservazzjoni dwar dan il-punt.

50.      Finalment, din id-domanda preliminari tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li, minħabba l-informazzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja, l-Unjoni kellha fil-frattemp tbiddel l-entrata tagħha fl-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, mifhuma b’dan il-mod, il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, peress li l-obbligi ta’ azzjoni tal-Unjoni huma separabbli mill-obbligi ta’ azzjoni tal-Istati Membri. Anki jekk jitqies li l-Unjoni hija obbligata testendi l-protezzjoni tal-lupu skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat għat-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero, minn dan l-obbligu ma jirriżultax li Spanja jew il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León huma diġà obbligati li jantiċipaw dan l-att tal-Unjoni u li japplikaw l-Artikolu 12 f’dawn it-territorji.

51.      Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma toħloqx dubju li l-lupu (Canis lupus) għandu jkun protett fi Spanja biss fin-Nofsinhar tax-xmara Duero skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, filwaqt li l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva japplika għal din l-ispeċi ta’ annimali fit-Tramuntana tax-xmara.

C.      Regoli dwar ilqbid u lisfruttament talilpup

52.      Id-domandi l-oħra jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludix l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal-lupu meta l-Istat Membru jqis l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi bħala sfavorevoli.

53.      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi ddeterminat jekk il-kaċċa għal-lupu għandhiex tiġi kkunsidrata bħala sfruttament fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat (ara taħt punt 1) u, sussegwentement, liema huma l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14 meta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ikun sfavorevoli (ara taħt punt 2).

1.      Kaċċa bħala sfruttament

54.      It-tielet domanda tistaqsi primarjament jekk il-kunċett ta’ “esplojtazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat ikoprix l-isfruttament permezz tal-kaċċa għal-lupu, jiġifieri l-kaċċa għal-lupu.

55.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jobbliga lill-Istati Membri li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu miżuri sabiex it-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-lupu fit-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero u l-isfruttament tiegħu jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

56.      F’dan ir-rigward, minn tal-inqas it-teħid jirrigwarda wkoll il-kaċċa (17), peress li r-regoli tal-kaċċa waqt it-teħid ta’ kampjuni jikkostitwixxu, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-habitat, miżura ta’ protezzjoni possibbli intiża sabiex jinżamm stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Ir-regoli tal-kaċċa jirrigwardaw neċessarjament il-kaċċa.

57.      Iżda t-terminu tal-isfruttament jista’ jinkludi wkoll il-kaċċa, peress li l-premessa 10 tad-Direttiva dwar l-għasafar tindirizza espressament l-issuġġettar tal-għasafar għall-kaċċa. Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kaċċa għall-għasafar tista’ tikkostitwixxi użu meqjus fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar (18). Ma narax għalfejn bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-habitat is-sitwazzjoni tkun differenti għall-ilpup.

58.      Għalhekk, il-kaċċa tista’ tikkostitwixxi teħid u sfruttament ta’ kampjuni tal-lupu, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

2.      Obbligi li jirriżultaw millArtikolu 14 tadDirettiva dwar ilhabitat

59.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludix il-kaċċa ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli tal-lupu.

60.      Skont din id-dispożizzjoni, meta jqisu li dan huwa neċessarju wara s-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi elenkati fl-Anness V, jiġifieri, b’mod partikolari, il-lupu fit-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero, kif ukoll l-isfruttament tagħhom, ikunu kompatibbli maż-żamma tagħhom fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

61.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa tippreżumix ċerti provi (ara taħt a) u, sussegwentement, kif għandha ssir l-evalwazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward (ara taħt b).

a)      Ħtieġa ta’ provi

62.      ASCEL tqis li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat, il-kaċċa għal speċi ta’ annimali msemmija fl-Anness V tista’ tiġi awtorizzata biss jekk ikun xjentifikament ipprovat li hija kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. L-argument tal-Kummissjoni huwa fl-istess sens. Skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, fil-każ ta’ inċertezza xjentifika dwar il-kompatibbiltà tal-isfruttament tal-ispeċi msemmija fl-Anness V mal-istat ta’ konservazzjoni tagħhom, huwa imperattiv li jiġu adottati miżuri sabiex jiġi żgurat stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

63.      Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li l-Unjoni adottat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE fil-qasam tal-ambjent. Għaldaqstant, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat (19).

64.      Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, kull pjan jew proġett li jista’ jaffettwa sit Natura 2000 jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku ta’ effetti dannużi għall-integrità ta’ dan is-sit (20). Bl-istess mod, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, deroga mill-protezzjoni tal-ispeċi ma tistax tingħata skont l-Artikolu 16, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk tali deroga hijiex ser tkun ta’ ħsara jew le għaż-żamma jew għall-irripristinar tal-popolazzjonijiet ta’ speċi f’perikolu ta’ estinzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli (21).

65.      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli mingħajr kwalifika għall-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat.

66.      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat jissuġġetta l-pjanijiet u l-proġetti msemmija għal riżerva ta’ awtorizzazzjoni. Jekk il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma jiġux issodisfatti, dawn ma jistgħux jiġu implimentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 huwa dispożizzjoni derogatorja li l-applikazzjoni tagħha hija, min-natura tagħha, prova – li għandha tiġi interpretata b’mod strett (22) (23).

67.      B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, limitazzjoni tat-teħid u tal-isfruttament ta’ kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness V tagħha. Minn dan isegwi, a contrario, li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix it-teħid u l-isfruttament meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament ikkunsidra li l-ispeċi li jinsabu fl-Anness V jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li, bħala prinċipju, ma humiex affettwati mit-teħid u mill-isfruttament tal-kampjuni. Sakemm din l-ipoteżi hija korretta, it-teħid u l-isfruttament huma wkoll kompatibbli mal-għan tad-Direttiva, stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (2), li jinżammu l-ispeċi selvaġġi u, b’mod partikolari, li jinżammu jew jiġu rripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità.

68.      Madankollu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat lanqas ma joħloq dritt għat-teħid u għall-isfruttament ta’ kampjuni tal-Anness V. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri jistgħu, minkejja stat ta’ konservazzjoni favorevoli, jimponu limitazzjonijiet, jew projbizzjonijiet totali. Dan ikun ammissibbli bħala miżura ta’ protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 193 TFUE.

69.      B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jippreċiża dak li għandu jseħħ meta l-ipoteżi ta’ teħid u ta’ sfruttament li ma jagħmlux ħsara tiġi kkonfutata. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawk l-attivitajiet ikunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma humiex liberi li jiddeċiedu jekk jadottawx jew le dawn il-miżuri, iżda huma suġġetti għal obbligu li għandu wkoll jiġi rifless fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 (24).

70.      Għalhekk, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri huma obbligati jillimitaw it-teħid u l-isfruttament tal-kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness V meta tkun ġiet ikkonfutata l-ipoteżi li l-eżerċizzju mingħajr restrizzjonijiet tal-attività kkonċernata huwa kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

b)      Evalwazzjoni talmiżuri meħtieġa

71.      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmija ipoteżi hijiex ikkonfutata u, b’mod partikolari, jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jimplikax il-ħtieġa li tiġi ristretta l-kaċċa. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mill-għan taż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli (25).

72.      Sabiex tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dan l-obbligu, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, l-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, sussegwentement, il-livell tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli li għandu jiġi applikat f’dan ir-rigward u l-obbligu ta’ rappurtar previst fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u, finalment, il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli.

–       LArtikolu 11 tadDirettiva dwar ilhabitat

73.      L-analiżi u l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat ma taqax taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. B’kuntrast ma’ dan, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa meta jqisu li dan ikun meħtieġ wara s-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 11 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni partikolari għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità.

74.      Madankollu, dan l-obbligu ta’ sorveljanza ma huwiex limitat għall-ispeċi u l-habitats ta’ prijorità. Għall-kuntrarju, peress li d-Direttiva dwar il-habitat għandha l-għan, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, josservaw il-habitats naturali kollha kif ukoll l-ispeċi kollha ta’ fawna u flora selvaġġi fit-territorju Ewropew tagħhom. Din is-sorveljanza għandha tkun orjentata lejn it-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva, jiġifieri li tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi u habitats kollha (26).

75.      Għalkemm skont il-formulazzjoni u l-għan tiegħu dan l-obbligu japplika bis-sħiħ, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, għall-inqas fir-rigward tal-mod li bih titwettaq is-sorveljanza. Sakemm ma jirriżulta ebda tħassib dwar l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi, ikun biżżejjed għal ħafna speċi li ġeneralment jiġi ssorveljat l-istat tal-habitats tagħhom u li tintuża l-informazzjoni hekk miksuba sabiex jiġu żviluppati ipoteżijiet dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi li jkunu mistennija hemmhekk. Madankollu, ma huwiex neċessarju li b’mod speċifiku l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

76.      B’kuntrast ma’ dan, l-ispeċi li huma individwalment protetti mid-Direttiva dwar il-habitat jeħtieġu miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi. Dan huwa partikolarment il-każ għal-lupu fit-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana ta’ Duero. Ċertament, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fil-parti l-kbira tat-territorji tal-Unjoni, il-lupu ma huwiex speċi prijoritarja hemmhekk, għalhekk ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 11. Madankollu, l-ispeċi elenkati fl-Anness V huma wkoll ta’ interess komunitarju skont l-Artikolu 1(g). B’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tiddependi direttament fuq is-sorveljanza tal-ispeċi elenkati fl-Anness V. Ikun inkompatibbli ma’ dan li dawn l-ispeċi ma jiġux issorveljati bir-reqqa.

77.      Barra minn hekk, il-popolazzjonijiet jew is-sottopopolazzjonijiet ta’ speċi protetti ma għandhomx jiġu kkunsidrati waħedhom, iżda, kif ġustament tispjega ASCEL, biss b’rabta ġenerali ma’ popolazzjonijiet jew sottopopolazzjonijiet oħra (27). B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li hemm ċertu skambju bejn it-territorji Spanjoli fit-Tramuntana tad-Duero u t-territorji fin-Nofsinhar ta’ din ix-xmara u fil-Portugall, peress li f’każijiet iżolati l-ilpup jaqsmu x-xmara jew il-fruntiera. Il-problemi tat-Tramuntana jistgħu għalhekk normalment jaffettwaw ukoll in-Nofsinhar u l-Portugall, fejn il-lupu huwa speċi ta’ prijorità skont l-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitat.

78.      Is-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali li taqa’ taħt l-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, meħtieġa mill-Artikolu 11 tagħha, għandha għalhekk tkun is-suġġett ta’ attenzjoni partikolari, b’mod partikolari meta din tkun, bħal-lupu, inkluża fl-Annessi II u IV u anki kklassifikata bħala prijoritarja għal bosta territorji ġirien.

–       Irrapport imsemmi flArtikolu 17 tadDirettiva dwar ilhabitat, bħala rappreżentazzjoni talaħjar għarfien xjentifiku disponibbli

79.      Bħal evalwazzjonijiet oħra fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura, din is-sorveljanza u l-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minnha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 għandhom ukoll ikunu bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli (28).

80.      Dan jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mill-prinċipju ta’ prekawzjoni diġà msemmi.

81.      L-Istati Membri jridu josservaw il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (29). Huwa jeżiġi b’mod partikolari li awtorità amministrattiva twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-aspetti rilevanti kollha, sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli (30).

82.      Barra minn hekk, miżuri bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, jeħtieġu ġeneralment evalwazzjoni globali tar-riskju bbażata fuq l-għarfien xjentifiku disponibbli l-iktar affidabbli u fuq ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali (31).

83.      Il-Kummissjoni tikkwota artiklu xjentifiku (32), bħala eżempju ta’ għarfien xjentifiku reċenti li għandu jitqies waqt is-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni.

84.      Madankollu, ir-raba’ u l-ħames domanda ma jirrigwardawx direttament ir-riżultati tas-sorveljanza skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, iżda saħansitra jqiegħdu f’dubju n-natura suffiċjenti tagħha għal-lupu. B’kuntrast ma’ dan, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tibbaża fuq ir-rapport mibgħut minn Spanja lill-Kummissjoni fl‑2019 skont l-Artikolu 17. Skont din id-dispożizzjoni, tali rapport għandu jinkludi b’mod partikolari r-riżultati prinċipali tas-sorveljanza msemmija fl-imsemmi artikolu 11. Fih, Spanja indikat li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja kien sfavorevoli bejn l‑2013 u l‑2018.

85.      Jekk, minbarra dan ir-rapport, effettivament ma jeżisti ebda għarfien xjentifiku komparabbli dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata, tal-inqas ir-riżultat li jinsab fih għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat.

86.      Ikun possibbli li ssir deroga minnu biss fuq il-bażi ta’ għarfien xjentifiku kuntrarju li, minn perspettiva xjentifika, huwa iktar rilevanti mir-rapport. Għarfien bħal dan jista’ b’mod partikolari jirriżulta minn studji iktar reċenti, li madankollu għandhom ikunu minn tal-inqas xjentifikament fondati daqs l-għarfien li fuqu huwa bbażat ir-rapport.

87.      B’kuntrast ma’ dan, l-Istati Membri ma jistgħux jargumentaw kontra tali rapport li huwa skadut fl-assenza ta’ evidenza xjentifika oħra. Peress li l-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat jaqa’ fuqhom, huma stess għandu jkollhom għarfien xjentifiku attwali li huma jistgħu eventwalment jinvokaw. Fl-assenza ta’ tali għarfien, huma ma jistgħux jieħdu vantaġġ mill-assenza ta’ investigazzjoni neċessarja. Barra minn hekk, il-perijodu ta’ riferiment ta’ sitt snin imsemmi fl-Artikolu 17 jindika li tali rapport jista’ jipprovdi l-bażi għall-miżuri sar-rapport li jmiss.

88.      Għaldaqstant, għandu jingħad li l-evalwazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat għandha tkun ibbażata fuq ir-rapport innotifikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitat jekk ma jkunx ikkontradett minn għarfien li, minn perspettiva xjentifika, huwa iktar rilevanti.

–       Konsegwenzi ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli

89.      Fil-prattika, f’każ ta’ dubji dwar iż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ speċi li taqa’ taħt l-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk humiex neċessarji miżuri għat-teħid u għall-isfruttament ta’ kampjuni, inkluż għalhekk f’dak li jikkonċerna l-kaċċa.

90.      Meta, bħal fil-kawża ineżami, l-Istat Membru jkun saħansitra informa lill-Kummissjoni li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat huwa sfavorevoli, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni hija neċessarjament ristretta. Fil-fatt, fil-kawża ineżami, il-miżuri meħuda sal-lum ma humiex manifestament suffiċjenti sabiex jiggarantixxu stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-istokk tal-ispeċi.

91.      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk jittiħdux miżuri jew le mill-awtoritajiet kompetenti ma jaqax iktar taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħhom f’każ ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli. Fil-kawża ineżami, huma għandhom pjuttost jieħdu miżuri addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, sabiex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi b’tali mod li l-istokk ikkonċernat jilħaq, fil-futur, stat ta’ konservazzjoni favorevoli b’mod permanenti.

92.      Madankollu, għadu ma huwiex iddeterminat liema miżuri addizzjonali l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu u, b’mod partikolari, jekk għandhomx jipprojbixxu l-kaċċa. Dan huwa dak li diġà turi l-lista ta’ eżempji ta’ miżuri possibbli li tinsab fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. Skont din id-dispożizzjoni, hija biss it-tkomplija tas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 li hija obbligatorja, filwaqt li l-Istat Membru jew l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu” jieħdu l-miżuri l-oħra msemmija, iżda ma għandhomx preċiżament, bħala regola, jiħduhom.

93.      Peress li miżuri taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-habitat huma neċessarji biss fil-każ ta’ dubju dwar iż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, din id-dispożizzjoni ma ssemmi ebda projbizzjoni totali u permanenti tal-kaċċa bħala miżura possibbli. Madankollu, tissemma l-possibbiltà li jiġu pprojbiti b’mod limitat fiż-żmien jew lokalment it-teħid ta’ kampjuni mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ ċerti popolazzjonijiet (it-tieni inċiż), sakemm il-projbizzjoni tkun meħtieġa. Jissemmew ukoll regoli tal-kaċċa li jieħdu kont tal-bżonnijiet ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni kkonċernata (ir-raba’ inċiż) u ta’ sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ teħid ta’ kampjuni jew ta’ kwoti (il-ħames inċiż).

94.      Madankollu, fil-każ ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli l-marġni ta’ diskrezzjoni sussegwenti fir-rigward tal-miżuri huwa limitat ukoll mill-għan taż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

95.      Fil-verżjoni Ġermaniża, dan jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-teħid u l-isfruttament ikunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

96.      F’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Ingliża, Franċiża jew Spanjola, huwa minnu li l-klassifikazzjoni diretta tal-miżuri li għandhom jittieħdu bħala “neċessarja” hija nieqsa. Skont dawn il-verżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jieħdu biss miżuri sabiex jiżguraw li t-teħid u l-isfruttament ikunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Madankollu, il-ħtieġa tal-miżuri hija impliċita għal din l-istruzzjoni. Barra minn hekk, il-ħtieġa tal-miżuri tissemma wkoll indirettament b’mod espliċitu wkoll, peress li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha jipprevedu li għandhom jittieħdu miżuri jekk l-Istati Membri jikkunsidrawhom meħtieġa.

97.      Il-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjoni li speċi tinsab fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli tiġġustifikax il-ħtieġa li l-kaċċa tiġi ristretta jew ipprojbita tiddependi mir-raġunijiet għal din il-konstatazzjoni.

98.      Skont l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni jitqies li huwa favorevoli meta, minn naħa, id-data dwar id-dinamika tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tippermetti li jiġi preżunt li din tikkostitwixxi u ser tkompli tikkostitwixxi element vijabbli tal-habitat naturali li għalih din l-ispeċi tappartjeni. Barra minn hekk, il-firxa naturali tal-ispeċi la għandha tonqos u lanqas għandha xejra li ser titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli. Fl-aħħar nett, hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjonijiet tiegħu fit-tul (33).

99.      In-neċessità ta’ limitazzjoni tal-kaċċa hija b’mod partikolari konċepibbli meta l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ma jkunx favorevoli minħabba, b’mod partikolari, it-telf ta’ kampjuni. Anki jekk dan it-telf huwa prinċipalment dovut għal raġunijiet oħra, peress li fil-każ tal-ilpup għandu jiġi kkunsidrat, pereżempju, it-traffiku fit-toroq, il-mard jew il-kaċċa illegali, jista’ jkun neċessarju li jiġi evitat telf addizzjonali minħabba l-kaċċa.

100. Madankollu, jekk il-problemi tal-ispeċi huma prinċipalment marbuta mal-habitat tagħha, xi ħaġa li tista’ tiġi preżunta (34), pereżempju fi Franza, fil-każ tal-ħamster (Cricetus cricetus), jista’ jkun li l-kaċċa jew il-limitazzjoni tagħha jkollhom biss impatt limitat ħafna fuq l-istat ta’ konservazzjoni.

101. Ma’ dan jiżdied li konstatazzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi fir-reġjuni bijoġeografiċi ta’ Stat Membru tippermetti biss li jinsiltu konklużjonijiet limitati għall-istat ta’ konservazzjoni f’ċerti territorji. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti territorji, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi huwa tant tajjeb li l-kaċċa tibqa’ possibbli hemmhekk, anki jekk jitqiesu r-relazzjonijiet ma’ territorji oħra fejn l-istat ta’ konservazzjoni huwa sfavorevoli. Iżda l-kuntrarju huwa possibbli wkoll meta l-popolazzjonijiet fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli jiddependu mill-preżenza ta’ kampjuni li ġejjin minn territorji bi stat ta’ konservazzjoni partikolarment tajjeb. Din l-evalwazzjoni għandha ssir l-ewwel nett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b’kunsiderazzjoni tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u abbażi ta’ sorveljanza xierqa tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat.

102. Fl-aħħar nett, fit-teħid tad-deċiżjoni dwar liema miżuri huma meħtieġa għandu jitqies ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan il-prinċipju jippermetti li meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji, b’mod partikolari għall-ambjent, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni qabel mar-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbiliti kompletament (35). Miżuri ta’ protezzjoni huma għalhekk possibbli wkoll meta, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, ikun hemm inċertezza dwar ir-riskji marbuta maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

103. Fil-qosor, għandu jingħad li, anki wara li jiġi kkonstatat l-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ta’ speċi inkluża fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, il-kaċċa ta’ din l-ispeċi għandha tiġi pprojbita biss jekk, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, inkluż sorveljanza xierqa tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi skont l-Artikolu 11 u fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, din il-projbizzjoni hija neċessarja sabiex jiġi rripristinat stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ din l-ispeċi.

D.      Osservazzjoni finali

104. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-ilpup fis-siti Natura 2000 tista’ tkun importanti wkoll għall-awtorizzazzjoni tal-kaċċa. Peress li Spanja kklassifikat (36) direttament diversi siti fin-Nofsinhar ta’ Duero sabiex tipproteġi l-lupu u peress li din l-ispeċi tuża territorji kbar ħafna (37), wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk pjanijiet ta’ kaċċa għal siti li jinsabu fit-Tramuntana ta’ Duero għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat (38). Xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li l-ilpup li jinsabu f’dawn iż-żoni ta’ protezzjoni jaqsmu x-xmara u jinqatlu hemmhekk. Jista’ jkun importanti wkoll għad-diversità ġenetika tal-popolazzjonijiet ta’ dawn iż-żoni ta’ protezzjoni jekk jiġux f’kuntatt suffiċjenti mal-popolazzjonijiet fit-Tramuntana tax-xmara. Madankollu, din il-kwistjoni ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura.

V.      Konklużjoni

105. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula:

“1)      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tagħti lok għall-ebda dubju li l-lupu (Canis lupus) għandu jiġi protett fi Spanja fin-Nofsinhar tax-xmara Duero biss skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013, filwaqt li l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal din l-ispeċi ta’ annimali fit-Tramuntana tax-xmara.

2)      Il-kaċċa tista’ tikkostitwixxi teħid u sfruttament ta’ kampjuni tal-lupu, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/43.

3)      L-Artikoli 11, 14 u 17 tad-Direttiva 92/43 għandhom jiġu interpretati fis-sens:

li:

–      l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu t-teħid u l-isfruttament ta’ kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness V skont l-Artikolu 14 meta tkun ġiet ikkonfutata l-ipoteżi li l-eżerċizzju mingħajr restrizzjonijiet tal-attività kkonċernata huwa kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli,

–      is-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi msemmija fl-Anness V, bħal-lupu, għandu jkun suġġett għal attenzjoni partikolari, b’mod partikolari meta, għal ċerti territorji ġirien, tali speċi tkun inkluża fl-Annessi II u IV u tkun ukoll ikklassifikata bħala prijoritarja hemmhekk;

–      l-evalwazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat għandha tkun ibbażata fuq ir-rapport innotifikat skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jekk ma jkunx ikkontradett minn għarfien li, mill-perspettiva xjentifika, huwa iktar rilevanti, u

–      anki wara l-konstatazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ta’ speċi elenkata fl-Anness V, il-kaċċa għal din l-ispeċi għandha tiġi pprojbita biss jekk, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, inkluż sorveljanza xierqa tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi skont l-Artikolu 11 u fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, din il-projbizzjoni hija neċessarja għar-ripristinar ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.”


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022 dwar il-protezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem u ta’ karnivori kbar fl-Ewropa (2022/2952(RSP)).


3      Stqarrija għall-istampa ip_23_4330 tal‑4 ta’ Settembru 2023.


4      Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali, miftuħa għall-firem fid‑19 ta’ Settembru 1979 f’Berna (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 282) irratifikata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38).


5      Ara, pereżempju, ir-rapport tat‑42 laqgħa tal-Kumitat Permanenti mit‑28 ta’ Novembru sat‑2 ta’ Diċembru 2022, T‑PVS(2022)31, punt 5.2., 2., u iktar reċentement l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2023, “Il-Kummissjoni tipproponi li l-istatus internazzjonali tal-ilpup jinbidel minn ‘strettament protetti’għal ‘protetti’ abbażi ta’ data ġdida dwar iż-żieda fil-popolazzjonijiet u l-impatti”, IP/23/6752.


6      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


7      Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38).


8      https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=signatures-by-treaty&treatynum=104.


9      https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=declarations-by-treaty&numSte=104&codeNature=2&codePays=SPA. Ara wkoll Salvatori u Linnell, Report on the conservation status and threats for wolf (Canis lupus) in Europe għall‑25 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni (IT‑PVS/Inf (2005) 16, p. 6), Michel Prieur, Report on the implementation of the Bern Convention in Spain, għas‑26 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni (IT‑PVS/Inf (2006) 7, p. 3).


10      Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet applikabbli d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


11      Ix-xmara Duero tinsab fuq tul ta’ 572 km li tgħaddi mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León qabel ma tgħaddi mill-Portugall sal-estwarju tagħha ta’ Porto.


12      Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor (C‑88/19, EU:C:2020:458).


13      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 27 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑743/19, EU:C:2022:569, punt 58).


15      F’dan is-sens is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42), u tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping (C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44).


16      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre (C‑213/03, EU:C:2004:464, punt 39).


17      Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 32), dwar il-kaċċa bħala teħid fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat.


18      Sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21); tas‑16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux sauvages et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 10); u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 65).


19      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44); tat‑13 ta’ Diċembri 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 254); kif ukoll f’dan is-sens is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 66); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118).


20      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 117).


21      Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 66).


22      Sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 111), u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 30).


23      Sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 51), u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 66).


24      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑75/01, EU:C:2008:95, punti 80 u 81).


25      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑75/01, EU:C:2002:58, punt 79). Ara dwar limitazzjonijiet simili tal-marġni ta’ evalwazzjoni s-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 56); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66); tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 46); tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punti 100 sa 103); tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 25); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 44); kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 31).


26      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2013:420, punt 59).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 58, 59 u 61).


28      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 54); tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 51); u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 70).


29      Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50); tal‑14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ (C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 43); u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendeszeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 35).


30      Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ (C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 44), u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, CHEP Equipment Pooling (C‑396/20, EU:C:2021:867, punt 48).


31      F’dan is-sens is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 92); tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 46, ara wkoll il-punti 93 u 94); kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs Il‑Kummissjoni et (C‑558/21 P, EU:C:2023:839, punt 66).


32      Prieto et, “Field work effort to evaluate biological parameters of interest for decision-making on the wolf (Canis lupus)”, Hystrix, the Italian Journal of Mammalogy, Volume 33 (1): p. 65 sa 72, 2022.


33      Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 56).


34      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑383/09, EU:C:2011:23).


35      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80).


36      Fit‑18 ta’ Jannar 2024, Natura 2000 Viewer indikat, fost oħrajn, is-siti ta’ Riberas del Río Duero y afluentes (ES4170083), Hoces del Río Riaza (ES4160104), Altos de Barahona (ES4170148), El Carrascal (ES4180130), Riberas de Castronuño (ES4180017), Cañones del Duero (ES4190102) u Arribes del Duero (ES4150096).


37      Boitani, Action Plan for the conservation of the wolves (Canis lupus) in Europe, (Council of Europe, T‑PVS [2000] 23, p. 16).


38      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, punti 29 u 30).

Top