Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0422

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2023.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:512

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fit‑22 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

    Kawża C‑422/22

    Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Toruniu

    vs

    TE

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 76 – Obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Ċertifikat A1 – Irtirar ex officio – Artikoli 6 u 16 – Assenza ta’ obbligu tal-istituzzjoni tal-ħruġ li tagħti bidu għal proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti – Artikoli 2 u 20 – Obbligu ta’ informazzjoni ta’ din l-awtorità fl-iqsar termini possibbli wara l-irtirar taċ-ċertifikat”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha bħala l-għan tagħha l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 ( 2 ) u tirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikoli 6 u 16 ta’ dan ir-regolament għal proċedura ta’ rtirar ta’ ċertifikat A1.

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TE u Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Toruniu (Organu tal-assigurazzjonijiet soċjali, uffiċċju ta’ Toruń, il-Polonja) (iktar ’il quddiem iż-“ZUS”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirtira ċ-ċertifikat A1 li jagħti prova, fuq talba ta’ dan ir-rikorrent, tas-sitwazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Pollakka fil-qasam tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Awwissu 2016 u l‑21 ta’ Awwissu 2017.

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar il-proċedura applikabbli f’tali każ ta’ rtirar ta’ ċertifikat A1 fuq inizjattiva tal-istituzzjoni li ħarġitu. Sejjer nesponi r-raġunijiet għaliex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 987/2009 marbuta mal-każijiet ta’ dubju dwar il-validità ta’ tali ċertifikat jew dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma humiex rilevanti f’sitwazzjoni bħal din. Fil-fatt, jiena tal-opinjoni li, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni f’każ ta’ rtirar ex officio ta’ ċertifikat A1, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom iwettqu skambju ta’ informazzjoni a posteriori, fuq il-bażi tal-kooperazzjoni organizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bil-għan li d-drittijiet tal-persuni kkonċernati ma jiġux affettwati.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Ir‑Regolament (KE) Nru 883/2004

    4.

    It-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 ( 3 ), intitolat “Determinazzjoni ta’ Liema Leġiżlazzjoni Tapplika”, jinkludi fih l-Artikoli 11 sa 16.

    5.

    Skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament:

    “1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

    […]

    3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

    (a)

    persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    […]”

    6.

    Taħt it-titolu “Twettiq ta’ attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar”, l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun suġġetta għal:

    (a)

    il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru;

    jew

    (b)

    il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jinstab il-qofol ta’ l-interess tagħha, jekk din il-persuna ma għandhiex il-post tar-residenza tagħha f’wieħed mill-Istati Membri fejn hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha.”

    7.

    Skont l-Artikolu 72(a) tar-Regolament Nru 883/2004, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta’ Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”) hija inkarigata tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew minn dawk tar-Regolament Nru 987/2009.

    8.

    L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Koperazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 3, 4 u 6 tiegħu:

    “3.   L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri jistgħu, għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

    4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandu jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lil xulxin u li jikkoperaw sabiex jassiguraw li dan ir-Regolament ikun implimentat kif suppost.

    L-istituzzjonijiet, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jirrispondu għall-mistoqsijiet kollha f’perjodu raġjonevoli u f’dan ir-rigward għandhom jagħtu lill-persuna konċernata l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-Regolament.

    […]

    6.   F’każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jew ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna konċernata għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni (jew istituzzjonijiet) ta’ l-Istat Membru (jew Stati Membri) konċernat (jew konċernati). Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perjodu raġjonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Amministrattiva biex tindaħal.”

    B.   Ir‑Regolament Nru 987/2009

    9.

    Il-premessi 1, 2, 8, u 10 tar-Regolament Nru 987/2009 jiddikjaraw:

    “(1)

    Ir-[Regolament Nru 883/2004] jimmodernizza r-regoli tal-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri waqt li jispeċifika l-miżuri u l-proċeduri għall-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni tagħhom għall-partijiet kollha kkonċernati. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ implimentazzjoni.

    (2)

    L-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni aktar effikaċi u aktar stretta bejn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali hija fattur essenzjali biex tippermetti lill-persuni koperti mir-[Regolament Nru 883/2004] li jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fl-aħjar żmien u kondizzjonijiet possibbli.

    […]

    (8)

    L-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali għandhom ikollhom il-possibbiltà li jiftiehmu bejniethom dwar proċeduri eħfef u strumenti ta’ ftehim amministrattivi li huma jikkunsidraw aktar effikaċi u adatti aħjar għall-kuntest tal-iskemi rispettivi tagħhom ta’ sigurtà soċjali. Madankollu dawn l-istrumenti ta’ ftehim m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet tal-persuni koperti mir-[Regolament Nru 883/2004].

    […]

    (10)

    Sabiex jiġi determinat liema tkun l-istituzzjoni kompetenti, jiġifieri dik li tagħha l-leġislazzjoni tkun applikabbli jew li taħtha taqa’ r-responsabbiltà tal-ħlas ta’ ċerti benefiċċji, iċ-ċirkostanzi tal-persuna assigurata u dawk dik tal-membri tal-familja iridu jiġu studjati mill-istituzzjonijiet ta’ iżjed minn Stat Membru wieħed. Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-persuna kkonċernata waqt li jsiru dawn l-iskambji indispensabbli bejn l-istituzzjonijiet, għandu jsir provvediment għall-affiljazzjoni b’mod provviżorju f’sistema ta’ sigurtà soċjali.”

    10.

    Il-Kapitlu II tat-Titolu I tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni u mal-iskambji ta’ data”, jinkludi fih l-Artikoli 2 sa 7.

    11.

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u regoli għal skambji bejn l-istituzzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-istituzzjonijiet għandhom mingħajr dewmien jipprovdu jew jiskambjaw id-data kollha meħtieġa biex jiġu stabbiliti u ddeterminati d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni koperti mir-Regolament bażiku. Data bħal din għandha tiġi trasferita bejn l-Istati Membri direttament mill-istituzzjonijiet infishom jew indirettament permezz tal-korpi ta’ kollegament.”

    12.

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

    “1.   Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

    2.   F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.

    3.   Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibbli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.

    4.   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”

    13.

    L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Applikazzjoni provviżorja tal-leġislazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji”, huwa redatt kif ġej:

    “1.   Sakemm mhux previst mod ieħor fir-Regolament implimentattiv, fejn ikun hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli, il-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta b’mod provviżorju għal-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri […]

    […]

    2.   F’każ ta’ differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar liema istituzzjoni għandha tipprovdi l-benefiċċji fi flus jew in natura, il-persuna kkonċernata li tista’ titlob benefiċċji jekk ma kienx hemm xi kontestazzjoni għandha tkun intitolata, fuq bażi provviżorja, għall-benefiċċji previsti mil-leġislazzjoni applikata mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tagħha jew, jekk dik il-persuna ma tirrisjedix fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għall-benefiċċji previsti mil-leġislazzjoni li tapplika l-istituzzjoni li lilha ġiet sottomessa t-talba l-ewwel;

    3.   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha tqajmet id-differenza ta’ fehmiet kif imsemmi fil-paragrafi 1 jew (2) Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.

    4.   Fejn jiġi stabbilit jew li l-leġislazzjoni applikabbli mhijiex dik tal-Istat Membru li fih seħħet l-isħubija provviżorja jonkella li l-istituzzjoni li tat il-benefiċċji fuq bażi provviżorja ma kinitx l-istituzzjoni kompetenti, l-istituzzjoni identifikata bħala kompetenti għandha tiġi kkunsidrata bħala kompetenti b’mod retroattiv daqslikieku dik id-differenza ta’ fehmiet ma kinitx teżisti, sa mhux aktar tard mid-data tal-isħubija provviżorja jew mill-ewwel għoti provviżorju tal-benefiċċji kkonċernati.

    5.   Jekk meħtieġ, l-istituzzjoni identifikata bħala kompetenti u l-istituzzjoni li provviżorjament ħallset il-benefiċċji fi flus jew provviżorjament irċeviet kontribuzzjonijiet għandhom jirregolaw is-sitwazzjoni fnanzjarja tal-persuna kkonċernata fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet u benefiċċji fi flus imħallsin provviżorjarment, fejn ikun il-każ, konformement mat-Titolu IV, Kapitolu III, tar-Regolament implimentattiv.

    Il-benefiċċji in natura mogħtija provviżorjament minn istituzzjoni taħt il-paragrafu 2 għandhom jitħallsu lura mill-istituzzjoni kompetenti konformement mat-Titolu IV tar-Regolament implimentattiv.”

    14.

    Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kalkolu provviżorju tal-benefiċċji u tal-kontribuzzjonijiet”:

    “1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament implimentattiv, fejn persuna tkun eliġibbli għal benefiċċju jew responsabbli biex tħallas kontribuzzjonijiet taħt ir-Regolament bażiku, u l-istituzzjoni kompetenti ma jkollhiex l-informazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni fi Stat Membru ieħor li tkun meħtieġa għall-kalkolu definittiv tal-ammont ta’ dak il-benefiċċju jew kontribuzzjoni, dik l-istituzzjoni għandha, fuq talba tal-persuna kkonċernata, tagħti dan il-benefiċċju jew tikkalkola din il-kontribuzzjoni fuq bażi provviżorja, jekk tali kalkolu hu possibbli abbażi tal-informazzjoni li hija disponibbli għal dik l-istituzzjoni.

    2.   Il-benefiċċju jew il-kontribuzzjoni kkonċernata għandha tiġi kkalkolata mill-ġdid ladarba l-evidenza jew id-dokumenti ta’ sostenn kollha meħtieġa jiġu pprovduti lill-istituzzjoni kkonċernata.”

    15.

    It-Titolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jinkludi fih l-Artikoli 14 sa 21.

    16.

    L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku”, jipprovdi:

    “1.   Persuna li twettaq attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tinforma b’dan lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija tirrisjedi.

    2.   L-istituzzjoni nominata tal-post ta’ residenza għandha, mingħajr dewmien, tiddetermina l-leġislazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata, b’kont meħud tal-miżuri tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 14 tar-Regolament implimentattiv. Dik id-determinazzjoni iniżjali għandha tkun provviżorja. L-istituzzjoni għandha tinforma lill-istituzzjonijiet nominati ta’ kull Stat Membru li fih qed titwettaq attività tad-determinazzjoni provviżorja tagħha.

    3.   Id-determinazzjoni provviżorja tal-leġislazzjoni applikabbli, kif previst fil-paragrafu 2, għandha ssir definittiva fi żmien xahrejn minn meta l-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun ġiet informata biha, taħt il-paragrafu 2, sakemm il-leġislazzjoni ma tkunx diġà ġiet determinata b’mod definittiv abbażi tal-paragrafu 4, jew tal-anqas waħda mill-istituzzjonijiet konċernati ma tinfurmax lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza sa tmiem dan il-perijodu ta’ xahrejn li hi għadha ma tistax taċċetta d-determinazzjoni jew li għandha fehma oħra dwar dan.

    4.   Meta xi inċertezza dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli teħtieġ kuntatti bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, għat-talba ta’ istituzzjoni jew aktar nominati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, il-leġislazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata għandha tiġi determinata minn ftehim komuni, b’kont meħud tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Artikolu 14 tar-Regolament implimentattiv.

    Fejn ikun hemm differenza fil-fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, dawk il-korpi għandhom ifittxu qbil taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament implimentattiv.

    […]”

    17.

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “L-għoti ta’ informazzjoni lil persuni kkonċernati u lil min iħaddem”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.”

    18.

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet”, jipprovdi:

    “1.   L-istituzzjonijiet relevanti għandhom jikkomunikaw lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru, li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita d-data li fiha din il-leġislazzjoni ssir applikabbli u l-kontribuzzjonijiet li dik il-persuna u l-prinċipal jew prinċipali tagħha jkunu obbligati jħallsu taħt din il-leġislazzjoni.

    2.   L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu ssir applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni li tindika d-data li fiha l-applikazzjoni ta’ dik il-leġislazzjoni tidħol b’effett lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li dik il-persuna kienet suġġetta l-aħħar għal-leġislazzjoni tiegħu.”

    III. Il‑fatti li taw lok għall‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    19.

    TE, imprenditur irreġistrat fir-Reġistru tal-kumpanniji Pollakk li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha li d-dħul tiegħu huwa intaxxat fil-Polonja, fil‑11 ta’ Awwissu 2016, iffirma kuntratt ma’ kumpannija stabbilita f’Varsavja (il-Polonja) li skontu huwa kellu jipprovdi fi Franza, fil-kuntest ta’ proġett partikolari, servizzi li abitwalment jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ “second site manager”, mit‑22 ta’ Awwissu 2016 sa tmiem dan il-proġett.

    20.

    Fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt, inħareġ ċertifikat A1 ( 4 ) miż-ZUS ( 5 ), li jagħti prova tal-fatt li TE kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Awwissu 2016 u l‑21 ta’ Awwissu 2017 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

    21.

    Wara eżami mill-ġdid ex officio, iż-ZUS ikkonstata li, matul il-perijodu kontenzjuż, TE kien jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru wieħed, jiġifieri fi Franza. Għaldaqstant, b’deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), iż-ZUS irtira dan iċ-ċertifikat A1 ( 6 ) u kkunsidra li TE ma kienx suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka matul il-perijodu kontenzjuż. Ġaladarba kkunsidra li d-dispożizzjoni rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal TE kienet dik tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, iż-ZUS adotta dik id-deċiżjoni mingħajr ma segwa minn qabel il-proċedura prevista fl-Artikolu 16 ( 7 ) tar-Regolament Nru 987/2009 bil-ħsieb ta’ koordinazzjoni mal-istituzzjoni Franċiża kompetenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    22.

    TE ippreżenta rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń, il-Polonja) kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. B’sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2019, dik il-qorti qieset li, minn naħa, matul il-perijodu kontenzjuż, TE ma kienx jaħdem fi Stat Membru wieħed, b’tali mod li kien suġġett għall-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u, min-naħa l-oħra, iż-ZUS ma kienx eżawrixxa l-proċedura ta’ koordinazzjoni prevista fl-Artikoli 6, 15 ( 8 ) u 16 tar-Regolament Nru 987/2009, minkejja li din il-proċedura hija obbligatorja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. B’hekk, matul il-proċedura ġudizzjarja, l-imsemmija qorti talbet liż-ZUS jibda l-imsemmija proċedura ta’ kooperazzjoni mal-istituzzjoni Franċiża kompetenti, ħaġa li ż-ZUS irrifjuta li jagħmel, billi kkunsidra li dan ma kienx iġġustifikat. Bil-għan li tevita sitwazzjoni li fiha TE ma jkun kopert minn ebda skema ta’ sigurtà soċjali, is-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń) iddeċidiet li, matul il-perijodu kontenzjuż, TE kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka u konsegwentement, żammet fis-seħħ iċ-ċertifikat A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    23.

    B’sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, is-Sąd Apelacyjny w Gdańsku (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdansk, il-Polonja) ċaħdet l-appell ippreżentat miż-ZUS kontra dik is-sentenza.

    24.

    Iż-ZUS ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Huwa jsostni li, ġaladarba l-irtirar taċ-ċertifikat A1 inkwistjoni kien jeżiġi l-eżawriment minn qabel tal-proċedura ta’ koordinazzjoni prevista mir-Regolament Nru 987/2009, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn irregolarità li setgħet tiġi rrimedjata biss fil-kuntest tal-proċedura quddiem iż-ZUS innifsu. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija mis-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń) u mis-Sąd Apelacyjny w Gdańsku (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdansk) kienu żbaljati peress li dawn il-qrati kien imisshom bagħtu l-kawża lura quddiem iż-ZUS sabiex dan tal-aħħar iwettaq eżami mill-ġdid ta’ dan iċ-ċertifikat A1 b’kollaborazzjoni mal-istituzzjoni Franċiża kompetenti minflok jiddeċiedu dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli.

    25.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-istituzzjoni ta’ Stat [Membru] li tkun ħarġet il-formularju A1 u li ex officio – mingħajr talba mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat – ikollha l-intenzjoni li tannulla, tirrevoka jew tinvalida l-formularju maħruġ, hija obbligata twettaq proċedura ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor abbażi tar-regoli analogi għal dawk li japplikaw skont l-Artikoli 6 u 16 tar-Regolament [Nru 987/2009]?

    2)

    Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha titwettaq qabel l-annullament, ir-revoka jew l-invalidar tal-formularju maħruġ, jew inkella dan l-annullament, revoka jew invalidar huwa [konformement mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 987/2009] ta’ natura preliminari u provviżorja […], li jsir finali fil-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata tal-Istat Membru [l-ieħor] ma tesprimix oġġezzjoni jew l-opinjoni differenti tagħha dwar din il-kwistjoni?”

    26.

    Iż-ZUS, il-Gvern Pollakk, Belġjan, Ċek u Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV. Analiżi

    27.

    Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-Artikoli 6 u 16 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li istituzzjoni, li kkonstatat, wara verifiki li wettqet fuq inizjattiva tagħha stess, li ħarġet ċertifikat A1 bi żball, tistax tirtirah mingħajr ma tagħti bidu minn qabel għal proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-ħsieb li tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli.

    28.

    Qabel xejn, hemm lok li jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 883/2004 u lanqas ir-Regolament Nru 987/2009 ma jinkludu fihom dispożizzjoni direttament applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ li fihom ikun ġie rtirat ċertifikat A1.

    29.

    L-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 sempliċiment jistabbilixxi l-kuntest ġenerali ta’ proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, fejn l-ewwel waħda tiġi qabel it-tieni waħda ( 9 ). Ir-Regolament Nru 987/2009 jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom għandha tiġi implimentata din il-proċedura.

    30.

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-irtirar ta’ ċertifikat A1, huwa biss l-Artikolu 5 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament li jiddetermina proċedura partikolari “[f]’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument [li jagħti prova dwar is-sitwazzjoni ta’ persuna] jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih” ( 10 ).

    31.

    L-istadji differenti ta’ din il-proċedura, deskritti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 5, huma intiżi, minn naħa, sabiex jiġbru l-elementi ta’ informazzjoni utli sabiex tiġi jew ma tiġix ikkonfermata l-validità taċ-ċertifikat A1, fil-kuntest ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, u, min-naħa l-oħra, sabiex jingħeleb kull nuqqas ta’ qbil possibbli li jista’ jkun hemm bejniethom ( 11 ).

    32.

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li huwa fuq l-inizjattiva ta’ “l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument” ( 12 ) li tiġi implimentata l-imsemmija proċedura. Konsegwentement, l-ebda dispożizzjoni ma tirregola s-sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni tal-ħruġ, wara li tkun wettqet verifiki ex officio, ma jkollha l-ebda dubju dwar il-fatt li ċ-ċertifikat A1 għandu jiġi rtirat ( 13 ).

    33.

    Għaldaqstant, id-domandi preliminari jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009 kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom fil-ġurisprudenza tagħha, jekk ċertifikat A1 jistax jiġi rtirat biss wara ftehim minn qabel bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-ħsieb li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuna inkwistjoni.

    34.

    Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv li minnu jifformaw parti l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, minn naħa, ir-Regolament Nru 987/2009 ikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-portata u l-effetti legali taċ-ċertifikat E 101 ( 14 ) kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġu solvuti eventwali tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati li jirrigwardaw il-validità jew l-eżattezza ta’ dan iċ-ċertifikat ( 15 ).

    35.

    Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament b’hekk naqqax il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, jiġifieri:

    in-natura vinkolanti ta’ tali ċertifikat, li hija msejsa fuq ir-regoli imperattivi ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali, li lilhom ingħatat importanza partikolari wkoll fir-Regolament Nru 883/2004 ( 16 );

    il-kompetenza esklużiva tal-istituzzjoni tal-ħruġ fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità tagħhom ( 17 ), kif ukoll

    l-użu, sabiex jiġi solvut in-nuqqas ta’ qbil bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, kemm dwar l-eżattezza tad-dokumenti stabbiliti kif ukoll dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiem ikkonċernat, tal-proċedura ta’ djalogu bejn dawn l-istituzzjonijiet u ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva ( 18 ).

    36.

    Għaldaqstant, fit-tieni lok, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ għal din il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, u rriżervaha għal ħtiġijiet speċifiċi ta’ kooperazzjoni leali ( 19 ).

    37.

    Nirrileva wkoll li fil-gwida prattika tal-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Iżvizzera ( 20 ), hemm previsti każijiet ta’ eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna interessata, fuq l-inizjattiva tal-istituzzjoni tal-ħruġ, segwit, fejn xieraq, mill-irtirar. Madankollu, fiha ma hemm l-ebda rakkomandazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni. L-istess jgħodd għad-Deċiżjoni A1 ( 21 ), li tittratta esklużivament is-sitwazzjoni li fiha jew istituzzjoni tesprimi dubji dwar il-validità ta’ dokument maħruġ minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jew inkella teżisti diverġenza fl-opinjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ( 22 ).

    38.

    Din il-konstatazzjoni, kondiviża mill-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, fl-opinjoni tiegħi, hija l-konsegwenza loġika u imperattiva tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ( 23 ). Din tiġġustifika li tiġi rikonoxxuta l-fondatezza tad-deċiżjoni adottata mill-istituzzjoni tal-ħruġ li toħroġ ċertifikat ( 24 ), mingħajr ebda formalità oħra. Għaldaqstant, dan il-prinċipju għandu wkoll jiġi applikat għad-deċiżjoni tal-irtirar, unilateralment, fl-assenza ta’ dubju dwar is-sitwazzjoni oġġettiva ( 25 ) tal-persuna kkonċernata ( 26 ). Fi kliem ieħor, huwa diffiċilment konċepibbli, minħabba s-sistema implimentata bir-Regolament Nru 987/2009, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Nru 883/2004, li l-irtirar taċ-ċertifikat ikun suġġett għal qbil ta’ istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk mhux saħansitra għal ftehim minn qabel, a fortiori f’każ ipotetiku bħal dan ( 27 ). Barra minn hekk, jekk jirriżulta li kien hemm frodi, dan l-irtirar isir obbligatorju għall-istituzzjoni tal-ħruġ ( 28 ).

    39.

    Fit-tielet lok, l-assenza ta’ volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta dispożizzjonijiet partikolari f’sitwazzjoni bħal din hija kkorroborata minn żewġ konstatazzjonijiet oħra. Minn naħa, huwa biss fil-każ ta’ “inċertezza dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli” ( 29 ) u fil-każ partikolari tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004 li huma previsti, fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 987/2009 ( 30 ), kuntatti bejn istituzzjonijiet jew awtoritajiet kompetenti.

    40.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprevedi soluzzjonijiet provviżorji protettivi tal-persuna kkonċernata marbuta mal-liġi applikabbli kif ukoll mal-għoti ta’ benefiċċji biss f’każ ta’ “differenza ta’ fehmiet” ( 31 ) ta’ dawn l-istituzzjonijiet jew awtoritajiet. Din ir-restrizzjoni ta’ każijiet ta’ ftehim jidhirli li hija adatta għar-rekwiżit tal-ħeffa ( 32 ) li jimponi d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u l-ħtieġa li ma jkunx hemm multiplikazzjoni tal-każijiet li jinġiebu quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva, previsti fl-Artikolu 5(4), kif ukoll fl-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament ( 33 ).

    41.

    Għaldaqstant, il-fatt li l-irtirar taċ-ċertifikat A1 jiġi suġġett għall-opinjoni jew għad-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor dwar id-determinazzjoni tal-iskema tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-ħaddiem ikkonċernat, minkejja li l-irtirar isir b’mod tardiv wara l-ħruġ tiegħu ( 34 ), dma jidhirlix li jista’ jirriżulta minn interpretazzjoni esklużivament teleoloġika tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tagħhom limitati għas-sitwazzjonijiet li fihom jirriżultaw xi diffikultajiet għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.

    42.

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kopertura soċjali, jiena tal-opinjoni li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju li jgħid li ċ-ċertifikat A1 joħloq preżunzjoni ta’ legalità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mad skema ta’ sigurtà soċjali ( 35 ) ibbażata fuq sitwazzjoni li tagħha dan id-dokument jagħti prova ( 36 ). Bl-istess mod bħall-Kummissjoni u bħall-Gvern Franċiż, nenfasizza li ċ-ċertifikat ma joħloqx drittijiet ( 37 ). Konsegwentement, l-irtirar tiegħu għandu biss l-effett li jeħles lill-awtoritajiet kompetenti mill-effetti vinkolanti tal-imsemmi ċertifikat.

    43.

    Barra minn hekk, ir-riskju ta’ kontribuzzjoni doppja ma jeżistix f’każ ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-istituzzjoni tal-ħruġ ( 38 ).

    44.

    Konsegwentement, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jimmilitaw favur l-assenza ta’ obbligu ta’ ftehim jew ta’ konċiljazzjoni minn qabel bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f’każ ta’ rtirar ex officio ta’ ċertifikat A1.

    45.

    Madankollu, jiena inklinat li nikkunsidra li l-analiżi ma tkunx kompluta jekk ma tiħux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni li għandha ssir bejn l-irtirar ta’ ċertifikat u l-ħruġ tiegħu, sa fejn dan l-irtirar neċessarjament jirreka ħsara lill-ħaddiem u sa fejn jista’ jipproduċi konsegwenzi konkreti sostanzjali, jekk mhux saħansitra li jikkawżaw preġudizzju, minħabba li titpoġġa f’dubju l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar ( 39 ).

    46.

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċertifikat A1 huwa intiż li jiffaċilita l-moviment tal-ħaddiem ( 40 ) u jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, kemm għalih kif ukoll għall-istituzzjonijiet ikkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet b’mod partikolari fuq dan l-aspett fil-ġurisprudenza tagħha marbuta mal-effetti vinkolanti ta’ dan iċ-ċertifikat u, fl-aħħar lok, ma’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-effetti tiegħu ( 41 ).

    47.

    Huwa proprju minħabba dan kollu li, fl-opinjoni tiegħi, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tal-irtirar taċ-Ċertifikat A1 ( 42 ), jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, żewġ sorsi ta’ kumplessità, jiġifieri:

    dan iċ-ċertifikat jista’ jkollu, bħaċ-ċertifikat E 101, effett retroattiv ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, “jekk huwiex [għalkemm huwa] preferibbli li l-ħruġ ta’ tali ċertifikat isir qabel il-bidu tal-perijodu kkonċernat, jista’ wkoll jitwettaq matul dan il-perijodu, jew saħansitra wara l-iskadenza tiegħu ( 44 ), u

    ir-regoli ta’ preskrizzjoni, b’mod partikolari, li jkollhom konsegwenzi fuq ir-rimbors tal-kontribuzzjonijiet soċjali ( 45 ).

    48.

    Barra minn hekk, il-Gvern Pollakk ġibed, b’mod iktar partikolari, l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riskju tal-assenza ta’ kopertura soċjali għall-ħaddiem.

    49.

    Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, prevista fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 46 ), ma tikkostitwixxix l-uniku qafas previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema permezz tal-protezzjoni soċjali ( 47 ).

    50.

    Fil-fatt, diversi dispożizzjonijiet oħra jipprovdu għal skambji ta’ informazzjoni għall-ħtiġijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni kkonċernati.

    51.

    L-ewwel, fil-kuntest tal-kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 15, l-Artikolu 16(2) u (3), u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdu għall-iskambju ta’ informazzjoni direttament bejn istituzzjonijiet u korpi ta’ kollegament, konformement mal-għanijiet espressi fil-premessi 1 u 2 ta’ dan ir-regolament.

    52.

    It-tieni, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-Artikoli 11 sa 15”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li “[ż]ewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri jew l-organi indikati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu, permezz ta’ ftehim komuni, jaħsbu għal eċċezzjonijiet għall-Artikoli 11 sa 15 fl-interess ta’ ċerti persuni jew kategoriji ta’ persuni.” ( 48 ).

    53.

    Konsegwentement, jiena tal-opinjoni, fl-ewwel lok, bl-istess mod bħall-Gvern Ċek, Belġjan u Franċiż, abbażi tal-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll tal-Artikoli 2 u 20 tar-Regolament Nru 987/2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li, f’każ ta’ rtirar taċ-ċertifikat A1 fuq l-inizjattiva tal-istituzzjoni tal-ħruġ, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu qafas legali, li jipproteġi b’mod suffiċjenti lill-ħaddiema ( 49 ), lill-proċedura li tinvolvi l-istadji li ġejjin:

    id-deċiżjoni unilaterali tal-irtirar taċ-ċertifikat A1 sa minn meta tinkiseb il-konoxxenza ta’ elementi li jinvalidawh manifestament ( 50 ), u

    l-informazzjoni tal-persuna kkonċernata u tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ospitanti ( 51 ), fl-iqsar termini possibbli ( 52 ).

    54.

    Fit-tieni lok, f’dan l-istadju, il-protezzjoni tal-ħaddiem tista’ wkoll tiġi implimentata permezz ta’ tliet mezzi. Qabel xejn, dan tal-aħħar jew il-persuna li tħaddmu jistgħu jitolbu lill-istituzzjoni tal-Istat Membru ospitanti ċertifikat A1 ( 53 ).

    55.

    Sussegwentement, f’każ ta’ diverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjoni informata bl-irtirar taċ-ċertifikat A1 u dik li ddeċidietu, l-ewwel waħda tista’ tagħti, fuq bażi provviżorja, benefiċċji skont il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ( 54 ). Fir-rigward tat-tħassib dwar in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni fil-pront tal-istituzzjoni kompetenti, espress mill-Gvern Pollakk, nosserva li mill-osservazzjonijiet bil-miktub trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li d-diffikultajiet konkreti li għandhom jingħelbu fl-interess tal-ħaddiem ikkonċernat ( 55 ) huma differenti minn dawk li jirriżultaw mill-irtirar ta’ ċertifikat A1 fuq talba ta’ istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor ( 56 ).

    56.

    Għall-kuntrarju, is-sempliċi rakkomandazzjoni, b’analoġija ma’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 987/2009, ta’ termini raġonevoli ta’ ftehim qabel id-deċiżjoni ta’ rtirar taċ-ċertifikat A1 jidhirli li ma hijiex suffiċjenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni hija dik li jinġiebu fi tmiemhom l-effetti ta’ ċertifikat li n-natura żbaljata tiegħu ma hijiex dubjuża, sa fejn dawn ma jistgħux jinżammu fis-seħħ b’mod provviżorju ( 57 ). Barra minn hekk, nosserva, minn naħa, li fil-prattika jistgħu jiġu implimentati soluzzjonijiet fl-interess tal-ħaddiema skont l-istituzzjonijiet, kif dawn ġew enfasizzati mill-Gvern Ċek, Belġjan ( 58 ) u Franċiż. Min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi kkonkretizzata f’qafas bilaterali fl-osservanza tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati mir-Regolament Nru 883/2004 ( 59 ).

    57.

    Barra minn hekk, nuqqas ta’ qbil jew diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, prevista mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 f’dawn il-każijiet speċifiċi ( 60 ).

    58.

    Fl-aħħar, b’mod parallel, fl-assenza ta’ ċertifikat, il-ħaddiem ikkonċernat jew il-persuna li tħaddmu dejjem għandhom il-fakultà li jadixxu qorti sabiex tiddeċiedi dwar l-affiljazzjoni ta’ dan il-ħaddiem, kif turi l-kwistjoni fil-kawża prinċipali ( 61 ).

    59.

    Fit-tielet lok, nirrileva li r-riskju ta’ konsegwenzi li jikkawżaw preġudizzju għall-ħaddiem huwa limitat f’sitwazzjonijiet mhux frawdolenti ( 62 ).

    60.

    Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fl-assenza ta’ proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, prevista mir-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/2009, f’każ ta’ rtirar ex officio ta’ ċertifikat A1 mill-istituzzjoni li ħarġitu bi żball, din tal-aħħar għandha tinforma l-istituzzjoni tal-Istat Membru ospitanti, fl-iqsar termini possibbli, mingħajr ma tkun obbligata li tilħaq ftehim magħha minn qabel.

    V. Konklużjoni

    61.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja):

    L-Artikoli 5, 6 u 16, minn naħa, kif ukoll l-Artikoli 2 u 20, min-naħa l-oħra, tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 987/2009 tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    istituzzjoni, li kkonstatat, wara verifiki mwettqa fuq inizjattiva tagħha stess, li hija ħarġet ċertifikat A1 bi żball, tista’ tirtirah mingħajr ma tibda minn qabel proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-ħsieb li tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli.

    Madankollu, din l-istituzzjoni hija obbligata li fl-iqsar termini possibbli, tinforma bid-deċiżjoni tal-irtirar lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il-quddiem ir-“Regolament Nru 987/2009” jew ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”).

    ( 3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72 u rettifika fil-ĠU 2004, L 200, p. 1), kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004” jew ir-“Regolament bażiku”).

    ( 4 ) Kif huwa mfakkar fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, DRV Intertrans u Verbraeken J. en Zonen (C‑410/21 u C‑661/21, iktar ’il quddiem is-sentenza DRV Intertrans, EU:C:2023:138, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), “[i]ċ-ċertifikat A 1, li ssostitwixxa ċ-ċertifikat E 101 previst mir-Regolament (tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83)), jikkorrispondi għal formola standard maħruġa, skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 987/2009, mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija applikabbli, sabiex, skont il-kliem, b’mod partikolari, tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, jagħti prova li l-ħaddiema li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru”. Ara, bħala eżempju, l-ispjegazzjonijiet prattiċi u l-formola stampata disponibbli fuq is-sit internet tas-Centre des liaisons européennes et internationales de sécurité sociale (Ċentru ta’ Koordinament Ewropew u Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali) (Franza): https://www.cleiss.fr/reglements/a1.html.

    ( 5 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, iż-ZUS speċifika li dan iċ-ċertifikat kien inħareġ fid‑19 ta’ Awwissu 2016, li kien ibbażat fuq l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004, peress li jirregola s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li kienet teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew iktar, u li kien intbagħat lill-istituzzjoni Franċiża kompetenti.

    ( 6 ) Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, tindika li din id-deċiżjoni ġiet adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 83a(1) tal-ustawa o systemie ubezpieczeń społecznych (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali), tat‑13 ta’ Ottubru 1998 (Dz. U. 2021, pożizzjoni 430).

    ( 7 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 8 ) Skont it-titolu tiegħu, dan l-artikolu jiddetermina l-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(b) u (d), tal-Artikolu 11(4), u tal-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku (dwar il-provvista ta’ informazzjoni lill-istituzzjonijiet ikkonċernati).

    ( 9 ) Ara, ukoll, il-premessi 10 u 11, kif ukoll il-punti 1, 2 u 17 tad-Deċiżjoni Nru A1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2010, C 106, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni A1”). Ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff (C‑620/15, iktar ’il quddiem is-sentenza A-Rosa Flussschiff, EU:C:2017:309, punt 58, li tikkonċerna l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004).

    ( 10 ) Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Korsiv miżjud minni.

    ( 11 ) Ara s-sentenza DRV Intertrans (punt 46).

    ( 12 ) Il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 5.

    ( 13 ) Ara, f’dan il-każ, fir-rigward tar-raġuni għall-irtirar li tirriżulta mill-fatt li l-persuna kkonċernata ma kinitx taħdem f’żewġ Stati Membri differenti, il-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Iċ-ċertifikat E 101 ġie ssostitwit biċ-ċertifikat A1. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 ) Ara s-sentenza DRV Intertrans (punti 43 u 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et (C‑610/18, EU:C:2020:565, punti 7274), kif ukoll DRV Intertrans (punti 43 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, l-effetti ta’ ċertifikat A1 kienu ġew provviżorjament sospiżi b’deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-ħruġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, huwa biss l-irtirar ta’ dan iċ-ċertifikat li jista’ jċaħħdu mill-effetti vinkolanti tiegħu (punti 48, 49, 51 u 59).

    ( 17 ) Fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-istituzzjoni tal-ħruġ twettaq evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli marbuta mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali u, għaldaqstant, li tiggarantixxi l-eżattezza tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq iċ-ċertifikat E 101 (li sar iċ-ċertifikat A1), ara s-sentenza A-Rosa Flussschiff (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan il-prinċipju japplika, minkejja li l-Kummissjoni Amministrattiva kkonkludiet li ċ-ċertifikat kien inħareġ bi żball (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alpenrind et”, EU:C:2018:669, punt 64)), fejn qrati ta’ Stat Membru jkunu ġew aditi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ppreżentata kontra persuna li timpjega għal fatti ta’ natura li jiżvelaw kisba jew użu frawdolenti ta’ ċertifikati (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, iktar ’il quddiem is-sentenza Vueling, EU:C:2020:260, punt 86)).

    ( 18 ) Ara s-sentenza DRV Intertrans (punti 43 u 55). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istituzzjoni tal-ħruġ taċ-ċertifikati A1 inkwistjoni, li quddiemha titressaq talba għall-irtirar fil-kuntest tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, ma setgħetx tiddeċiedi li tipposponi l-eżami mill-ġdid tal-validità ta’ dawn iċ-ċertifikati u l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati sal-għeluq tal-proċedura kriminali pendenti quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol (punti 27, 53, 55 u 63).

    ( 19 ) L-għażla leġiżlattiva tista’ wkoll tkun iġġustifikata min-numru żgħir ta’ każijiet li għandhom jiġu ttrattati. Ara l-istatistika fir-rapport tal-Kummissjoni intitolat “Posting of workers, Report on A1 Portable Documents issued in 2020”, Ottubru 2021, b’mod partikolari, il-kummentarju fil-punt 5 u t-tabella 20, li taħtha hemm speċifikat li l-każijiet ta’ żbalji jirrappreżentaw inqas minn 0.1 % tan-numru ta’ ċertifikati maħruġa mill-Istati Membri kompetenti. Ara, wkoll, it-tabella 22 dwar in-numru ta’ ċertifikati rtirati. L-analiżi hija din li ġejja (taħt it-tabella 21): “F’termini assoluti, l-ikbar numru ta’ ċertifikati A1 li ġew irtirati kien mill-Polonja (528 […]) u s-Slovakkja (766 […]). F’termini relattivi (jiġifieri f’perċentwal tan-numru totali ta’ ċertifikati maħruġa), l-Istati Membri kollha li pprovdew iċ-ċifri rtiraw inqas minn 1 % tan-numru totali ta’ ċertifikati A1 maħruġa fl‑2020. Pereżempju, il-Polonja u s-Slovakkja rtiraw rispettivament 0.1% u 0.7 % tan-numru totali ta’ ċertifikati A1 maħruġa fl‑2020. Madankollu, jeħtieġ li jiġi nnotat li […] iċ-ċertifikati A1 maħruġa fl‑2019 jew anki qabel setgħu jiġu rtirati fl‑2020. Fir-rigward tal-Polonja, in-numru ta’ ċertifikati A1 irtirati naqas b’mod kunsiderevoli meta mqabbel mal‑2019 (minn 1197 […] fl‑2019 għal “biss” 528 […] fl‑2020)” [traduzzjoni libera].

    ( 20 ) Gwida prattika żviluppata u approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva, disponibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=11366&langId=en (iktar ’il quddiem il-“gwida prattika”), b’mod partikolari l-ewwel paragrafu ta’ paġna 27 u l-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar ta’ paġna 36.

    ( 21 ) Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 111), id-Deċiżjoni A1 ma hijiex ta’ natura normattiva. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, din id-deċiżjoni tista’ tipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkarigati japplikaw id-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam (ara l-istess sentenza, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Ara l-punt 1 ta’ din id-deċiżjoni.

    ( 23 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Bouygues travaux publics et (C‑17/19, EU:C:2020:379, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati ma huwiex affettwat minn irregolaritajiet eventwali. Ara s-sentenza Alpenrind et (punt 76).

    ( 25 ) Ara l-premessa 10 tar-Regolament Nru 987/2009 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 26 ) Fil-każ ineżami, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ż-ZUS enfasizza li l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ attività ta’ TE fil-Polonja matul il-perijodu msemmi fiċ-ċertifikat A1 li huwa kien ħareġ ma tat lok għal ebda dubju dwar l-obbligu li jirtirah, peress li kien ibbażat fuq l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, dan il-każ ipotetiku huwa differenti ħafna minn dak li fih jinqalgħu diffikultajiet waqt l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata. Għal spjegazzjonijiet u illustrazzjonijiet konkreti, ara l-gwida prattika, p. 22 et seq.

    ( 27 ) Għall-kuntrarju, jeħtieġ li jkun previst li ssir diskussjoni fuq ir-realtà tal-fatti kkonstatati mill-istituzzjoni li tixtieq tirtira ċ-ċertifikat li hija ħarġet b’mod żbaljat, filwaqt li tiggarantixxi l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża fiċ-ċertifikat. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 28 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata, li għandu jiġi pparagunat mal-punt 98).

    ( 29 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 30 ) F’każ ta’ opinjonijiet diverġenti dwar il-liġi applikabbli, it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jagħmel riferiment għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009. Ara wkoll, il-premessa 8 u l-punt 1(b) tad-Deċiżjoni A1.

    ( 31 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 32 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-premessa 2 tar-Regolament Nru 987/2009. Fir-rigward tal-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet dwar il-ħeffa tal-azzjonijiet ta’ kull istituzzjoni jew awtorità kkonċernata u s-sitwazzjonijiet li fihom it-termini ma kinux raġonevoli, ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 55, 5960), kif ukoll Vueling (punti 80 u 81, kif ukoll il-punti 85 u 86).

    ( 33 ) Fuq ir-rwol ta’ din il-Kummissjoni Amministrattiva, ara s-sentenza Alpenrind et (punti 58 et seq, b’mod partikolari l-punti 59 u 60, kif ukoll il-punt 62, fir-rigward tal-limitazzjoni tar-rwol tagħha għat-tfittxija ta’ konċiljazzjoni tal-perspettivi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li ppreżentaw il-każ tagħhom quddiemha).

    ( 34 ) F’dan il-każ, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub taż-ZUS, iċ-ċertifikat, maħruġ fid‑19 ta’ Awwissu 2016, ġie rtirat fl‑1 ta’ Diċembru 2017, inqas minn xahar wara l-ewwel konstatazzjonijiet li jiżvelaw elementi ġodda marbuta mas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

    ( 35 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 3639).

    ( 36 ) Ara l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll is-sentenza Alpenrind et (punt 75). Ara, wkoll, fuq it-tfakkira li l-fatti jikkostitwixxu l-bażi għall-ħruġ ta’ ċertifikat, is-sentenza A-Rosa Flussschiff (punt 57).

    ( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza A-Rosa Flussschiff (punt 38). Fuq it-tfakkira li r- regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 883/2004 għandhom l-għan waħdieni li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuni li jsibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dawn ir-regoli u li, bħala tali, ma għandhomx l-għan li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ affiljazzjoni fi skema partikolari tas-sigurtà, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Rechtsanwaltskammer Wien (C‑58/21, EU:C:2022:691, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan kollu jirriżulta mill-premessa 17a tar-Regolament Nru 883/2004 u mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tfakkar li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stabbilita minn dan ir-regolament tiddependi biss mis-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab il-ħaddiem ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et (C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 54)).

    ( 38 ) Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni għandha tinżamm distinta minn dik li fiha l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tinjora unilateralment iċ-ċertifikati E 101 jew A1 maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, esklużivament minħabba l-preżenza ta’ indizji konkreti tal-eżistenza ta’ frodi. Ara s-sentenza Vueling (punt 68).

    ( 39 ) Dwar il-konsegwenzi konkreti li għandhom ikunu previsti, ara, bħala eżempju, Morsa, M., “Retrait des documents A1 dans le cadre d’une procédure pénale et recours introduit par le prévenu devant une juridiction administrative dans l’État membre d’établissement”, Droit pénal de l’entreprise, Larcier, Bruxelles, 2021, Nru 4, p. 352 sa 362, b’mod partikolari p. 361, punt 23. Fir-rigward tad-diffikultajiet amministrattivi marbuta mar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet diġà mħallsa u mal-irkupru ta’ kull benefiċċju diġà mogħti lill-ħaddiema kkonċernati, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-Kawża Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:52, punt 20 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13). Ara, dwar l-obbligu li jiġi evitat kull riskju li persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li hija applikabbli għalihom, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 32).

    ( 40 ) Ara l-premessi 1 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 u 23 tar-Regolament Nru 987/2009. Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2021TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 58, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u DRV Intertrans (punt 58).

    ( 41 ) Ara s-sentenza DRV Intertrans (punti 56 u 57).

    ( 42 ) Minbarra ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 14(10) tar-Regolament Nru 987/2009, li skontha, f’ċerti każijiet, sabiex jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli, l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni futura prevista għat-tnax-il xahar kalendarju sussegwenti, tiffavorixxi l-ħruġ ta’ raġunijiet għal reviżjoni. Ara l-gwida prattika, p. 28 (b’analoġija mal-każ qabel l-eżempju 3) u p. 36.

    ( 43 ) Dwar dan l-effett, f’każ ta’ affiljazzjoni provviżorja, ara l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 987/2009.

    ( 44 ) Ara s-sentenza Alpenrind et (punti 70 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 45 ) Ara s-sentenza Vueling (punt 69). Fir-rigward, fil-każ ta’ frodi, tad-diffikultajiet ta’ rkupru tal-ammonti dovuti u ta’ dawk inerenti għall-istennija tad-deċiżjoni tal-irtirar taċ-ċertifikat A1, f’każ ta’ frodi, ara Emeriau, A., “Le travail détaché en Europe: concurrence sociale déloyale ou garantie d’un socle minimal de protection?”, Informations sociales, Caisse nationale d’allocations familiales, Paris, 2021, no 203-204, p. 144 sa 152, b’mod partikolari p. 150.

    ( 46 ) Ara l-punti 30 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 48 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 49 ) Dwar il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ħaddiem u ta’ ċertezza legali fil-kuntest tal-moviment liberu, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 50 ) Infakkar, minħabba l-obbligu tal-awtorità tal-ħruġ li twettaq evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti sabiex tapplika r-Regolament Nru 883/2004 u Nru 987/2009 u li tiggarantixxi l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża fiċ-ċertifikat, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dwar l-assenza ta’ nuqqas ta’ qbil potenzjali li jirriżulta min-natura manifestament żbaljata tas-sitwazzjoni kkonfermata, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 51 ) Minħabba l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 52 ) Ara, fuq il-prinċipju ta’ effettività u ta’ ħeffa, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, dwar il-fluss ta’ talbiet għal verifika, ir-rapport tal-Kummissjoni ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari, taħt it-tabella 22.

    ( 53 ) Ara l-Artikolu 5 u l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpenrind et (punt 76), minħabba l-irtirar taċ-ċertifikat A1.

    ( 55 ) Ara l-punti 45 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, ninnota li ma ġiet ipprovduta l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-każ ineżami.

    ( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 51, tabella 23. Ara wkoll, Morsa, M., op. cit., p. 362, punt 25.

    ( 57 ) Ara s-sentenza DRV Intertrans (punti 27 u 57).

    ( 58 ) Ara wkoll ir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 51, it-tabella 23.

    ( 59 ) Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll il-premessa 8 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament. Ara, bħala eżempju tal-kooperazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi, Emeriau, A., op. cit., p. 149, u Morsa, M., op. cit., p. 361, punt 24.

    ( 60 ) Ara l-punti 29 u 34 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpenrind et (punt 61).

    ( 62 ) Ara l-gwida prattika, p. 36, in fine, u 37.

    Top