EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0400

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati l-14 ta’ Novembru 2023.
VT u UR vs Conny GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 8(2) – Rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali – Kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ mezz elettroniku – Obbligi ta’ informazzjoni imposti fuq il-kummerċjant – Ordni li jimplika obbligu ta’ pagament – Ordni mwettaq bl-attivazzjoni ta’ buttuna jew ta’ funzjoni simili fuq sit internet – Obbligu għall-kummerċjant li jwaħħal fuq din il-buttuna jew din il-funzjoni simili l-kliem ‘ordni b’obbligu ta’ pagament’ jew formula analoga – Obbligu ta’ pagament kundizzjonali.
Kawża C-400/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:864

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑14 ta’ Novembru 2023(1)

Kawża C400/22

VT,

UR

vs

Conny GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 8(2) – Rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali – Rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod – Kuntratti konklużi permezz ta’ mezz elettroniku – Ordni mwettqa bl-attivazzjoni ta’ buttuna fuq sit internet – Obbligu għall-kummerċjant li jwaħħal fuq din il-buttuna l-kliem “ordni b’obbligu ta’ pagament” – Obbligu ta’ pagament kundizzjonali”






1.        Meta jiġi konkluż kuntratt mill-bogħod bejn konsumatur u kummerċjant, l-eventwali ordni ta’ pagament suġġetta għall-kundizzjoni li jseħħ avveniment li ma jaqax taħt l-influwenza tal-konsumatur għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti formali bħal dawk imposti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ ordni ta’ pagament immedjat u mingħajr kundizzjonijiet?

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

2.        Il-premessi 4, 5, 7 u 39 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64) jgħidu:

“(4)      Skont l-Artikolu 26(2) TFUE, is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, u l-libertà ta’ stabbiliment huma żgurati. L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)      [...] Għalhekk l-armonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f'kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

[...]

(7)      L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b'mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f'dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

[...]

(39)      Huwa importanti li jiġi garantit li, fil-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ siti web, il-konsumatur ikun jista’ jaqra u jifhem fit-totalità tagħhom l-elementi prinċipali tal-kuntratt qabel ma jagħmel l-ordni tiegħu. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġi previst f’ din id-Direttiva li dawn l-elementi ikunu murija fil-viċinanza immedjata tal-konferma meħtieġa biex issir l-ordni. Huwa wkoll importanti li jiġi garantit li, f'tali sitwazzjonijiet, il-konsumatur ikun jista’ jiddetermina l-mument li fih jassumi l-obbligu li jħallas lill-kummerċjant. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-attenzjoni tal-konsumatur tinġibed b'mod speċifiku, permezz ta’ formulazzjoni inekwivokabbli, dwar il-fatt li meta ssir l-ordni dan jissarraf fl-obbligu li jitħallas il-kummerċjant.”

3.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

4.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(7)      ‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

[...]”

5.        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“(1)      Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur.

[...]

(5)      Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali ġenerali nazzjonali, bħar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti relatati mal-liġi kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati minn din id-Direttiva.”

6.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprevedi:

“(1)      Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[...]”

7.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva, intitolat “Rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod”, jipprevedi:

“[...]

(2)      Jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż b’mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant jgħarrfu b'mod ċar u evidenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) punti (a), (e), (o) u (p), immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni.

Il-kummerċjant għandu jiggarantixxi li, meta ssir l-ordni, il-konsumatur jirrikonoxxi espliċitament li l-ordni timplika l-obbligu ta’ pagament. Jekk biex issir l-ordni jfisser li tiġi azzjonata buttuna jew funzjoni simili, il-buttuna jew il-funzjoni simili għandhom juru b’mod faċilment leġġibili l-kliem ‘ordni b’obbligu ta’ pagament’ biss jew formulazzjoni korrispondenti inekwivokabbli li tindika li l-fatt li saret l-ordni jimplika obbligu li jsir pagament lill-kummerċjant. Jekk il-kummerċjant ma osservax dan is-subparagrafu, il-konsumatur ma għandux ikun marbut bil-kuntratt jew bl-ordni.

[...]”

B.      Iddritt Ġermaniż

8.        Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 312 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili; iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Obbligi speċifiċi tal-kummerċ elettroniku fir-rigward tal-konsumaturi”, jipprevedu:

“(3)      Għal [kuntratti elettroniċi mal-konsumaturi għal servizz ipprovdut b’interess pekunjarju mill-kummerċjant], il-kummerċjant għandu jfassal l-ordni b’tali mod li l-konsumatur, meta jwettaq l-ordni, jirrikonoxxi b’mod espliċitu li huwa suġġett għal obbligu ta’ pagament. Jekk l-ordni ssir permezz ta’ buttuna, l-obbligu tal-kummerċjant imsemmi fl-ewwel sentenza jiġi ssodisfatt biss jekk il-buttuna jkollha l-kliem li jinqara faċilment ‘ordni b’obbligu ta’ pagament’ jew kliem simili mhux ambigwu.

(4)      [Il-kuntratti elettroniċi tal-konsumaturi għal servizz ipprovdut b’interess pekunjarju mill-kummerċjant] huma kkostitwiti biss jekk il-kummerċjant jissodisfa l-obbligu msemmi fil-paragrafu 3.”

II.    Ilfatti, ilkawża u ddomanda preliminari

9.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Conny, iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), kumpannija b’responsabbiltà limitata li taġixxi bħala ċessjonarja tad-drittijiet tal-inkwilin ta’ appartament (iktar ’il quddiem l-“inkwilin”), tikkritika lis-sidien il-kera ta’ dan l-immobbli (VT u UR, iktar ’il quddiem il-“konvenuti”) li qabeż il-limitu tal-ammont tal-kera, kif jipprevedi l-Artikolu 556d tal-BGB.

10.      B’mod partikolari, ir-rikorrenti toffri lill-inkwilini ta’ appartamenti, permezz ta’ sit internet li hija stabbilixxiet, il-possibbiltà li jiġu nfurzati d-drittijiet marbuta mal-qbiż tal-kera massima fir-rigward ta’ sidien il-kera, billi tikklikkja fuq buttuna li għandha l-kliem “kompli” jew “itlob it-tnaqqis tal-kera” jew “irkupra l-iffrankar tal-kera ikkontrollata”. Ladarba r-reġistrazzjoni ssir fuq is-sit internet, l-inkwilini għandhom imbagħad jikkonfermaw li jridu jagħtu dan il-mandat lir-rikorrenti permezz ta’ formola għal dan l-għan.

11.      Fil-każ li t-tentattivi tar-rikorrenti sabiex tinvoka d-drittijiet tal-inkwilini jkunu ta’ suċċess u li, konsegwentement, l-ammonti li jaqbżu l-limitu massimu previst ikunu jistgħu jiġu rkuprati, dawn tal-aħħar ikollhom iħallsu bħala kumpens: ammont ugwali għal terz (33.33 %) tal-kera annwali mfaddla (iktar ’il quddiem il-“kummissjoni”), kif ukoll, meta n-notifika formali tintbagħat lil sid il-kera, (ii) l-ammont dovut lil avukat skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-onorarji tal-avukati.

12.      Fil-kawża prinċipali, l-inkwilin ilu jikri, mill‑15 ta’ Novembru 2018, appartament li jinsab f’Berlin, proprjetà tal-konvenuti. Il-kera miftiehma fix-xahar hija ogħla mil-limitu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (Artikolu 556 tal-BGB).

13.      L-inkwilin – billi jirreġistra ruħu fuq is-sit internet stabbilit mir-rikorrenti u billi jiffirma fuq il-formola prevista għal dan l-għan – jinkariga lir-rikorrenti sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-qbiż tal-kera massima kontra l-konvenuti. Madankollu, il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju ma kien jinkludi ebda indikazzjoni fih fir-rigward tal-obbligu ta’ pagament tal-inkwilin.

14.      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti kkritikat lill-konvenuti li kisru d-dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjoni tal-ammont tal-kera (Artikolu 556dl tal-BGB), billi ressqet talbiet għal informazzjoni u għal rimbors.

15.      Din l-azzjoni ntlaqgħet mill-Amtsgericht Berlin Mitte (il-Qorti Distrettwali ta’ Berlin Ċentru, il-Ġermanja) li kkonstatat li l-kera mitluba kienet ogħla mill-kera awtorizzata sal-ammont mitlub mir-rikorrenti.

16.      Fil-proċedura quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), il-konvenuti sostnew b’mod partikolari li r-rikorrenti ma kellhiex dritt tinvoka d-drittijiet tal-inkwilin, peress li l-inkarigu kien mogħti lilu abbażi ta’ kuntratt null. Din in-nullità kienet tirriżulta, b’mod iktar preċiż, mill-fatt li l-modalitajiet tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju bejn ir-rikorrenti u l-inkwilin ma kinux josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 312j(3) u (4) tal-BGB, li jittrasponi fid-dritt nazzjonali t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, peress li l-buttuna fuq is-sit internet tar-rikorrenti, li fuqha l-inkwilin kien ikklikkja sabiex jikkonkludi l-kuntratt, kellha tuża l-kliem “ordni b’obbligu ta’ pagament” jew formulazzjoni analoga li turi l-eżistenza tar-rabta kuntrattwali għall-pagament.

17.      F’dan il-kuntest, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari li kellha dubji dwar l-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, kif traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-BGB, li jipprevedi li l-buttuna sabiex tiġi ffinalizzata l-ordni fuq is-sit internet tar-rikorrenti għandha tinkludi riferiment espliċitu għall-obbligu ta’ pagament tal-inkwilin. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li dan l-obbligu ma jinħoloqx biss minħabba l-ordni tal-inkwilin fuq is-sit internet tar-rikorrenti, iżda jeħtieġ li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet ulterjuri u eventwali.

18.      Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) tosserva, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 fl-ordinament ġuridiku intern – jiġifieri l-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-BGB – ma hijiex interpretata b’mod uniformi mill-qrati nazzjonali (2).

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li dispożizzjoni nazzjonali (f’dan il-każ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Ġunju 2014 sas‑27 ta’ Mejju 2022) tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bħal dak tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE, ikopri wkoll każ li fih il-konsumatur ma huwiex obbligat b’mod inkundizzjonat li jħallas lil kummerċjant fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt b’mezz elettroniku, iżda biss taħt ċerti kundizzjonijiet ulterjuri – pereżempju, esklużivament fil-każ li tintlaqa’ azzjoni legali li l-kummerċjant ingħata struzzjonijiet sabiex jibda, jew fil-każ li notifika formali tingħata sussegwentement lil terz?”

III. Analiżi ġuridika

20.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sitwazzjoni li fiha, fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod b’mezz elettroniku, dan il-kuntratt ma jwassalx awtomatikament għal obbligu ta’ pagament min-naħa tal-konsumatur, iżda li dan l-obbligu huwa suġġett li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet suċċessivi u eventwali (f’dan il-każ, jekk l-irkupru ta’ kreditu mill-intermedjarju jirnexxi).

21.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-dritt nazzjonali tagħha (l-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-BGB), kuntratt konkluż mill-bogħod minn konsumatur b’mezz elettroniku jistax jitqies li huwa validu, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, meta, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, il-kummerċjant ma jagħmilx riferiment espliċitu għat-teħid ta’ responsabbiltà mill-konsumatur tal-obbligu li jħallas remunerazzjoni għall-provvista kuntrattwali inkwistjoni.

22.      Fil-każ li dan il-kuntratt ikun invalidu, ikun meħtieġ, barra minn hekk, li jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (l-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-BGB), konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, tippermettix lill-qorti tissalvagwardja l-effetti tal-kuntratt, meta l-konsumatur jopponi n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola kontenzjuża.

23.      Is-sitwazzjoni fattwali hija għalhekk pjuttost partikolari: l-inkwilin ta’ proprjetà immobbli jiffirma mill-bogħod kuntratt li permezz tiegħu jagħti mandat lil intermedjarju professjonali sabiex jirkupra kreditu li jikkonsisti f’ammont ogħla mħallas lil sid il-kera bħala kera. Matul it-tilwima mibdija mill-intermedjarju fil-konfront tas-sid il-kera għall-irkupru tas-somom, is-sid il-kera oppona n-nullità tal-kuntratt bejn l-intermedjarju u l-inkwilin minħabba ksur tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jimplimenta d-Direttiva 2011/83. Din id-dispożizzjoni timponi li, fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt mill-bogħod, il-buttuna li permezz tagħha jiġi ffinalizzat il-kuntratt ikollha l-kliem inekwivoku li l-konsumatur qiegħed jassumi l-obbligu li jħallas. Din il-kawża hija madankollu kkaratterizzata mill-fatt li l-obbligu ta’ pagament assunt mill-konsumatur huwa possibbli għaliex huwa kkundizzjonat mill-irkupru effettiv tas-somom dovuti mill-intermedjarju.

24.      Apparti l-kwistjoni tal-ammissibbiltà, li dwarha ser nesponi fil-qosor fil-punt li ġej, id-domandi ġuridiċi li għandhom jiġu eżaminati sabiex tingħata risposta utli għat-talba għal deċiżjoni preliminari huma dawn li ġejjin: a) jekk il-“pagament kundizzjonali” jaqax taħt dak previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83; b) fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-effetti tal-ksur tal-obbligu previst fih fuq il-kuntratt iffirmat, b’mod partikolari fir-rigward tar-rieda tal-konsumatur u l-awtorizzazzjoni ta’ terz sabiex jinvoka l-eventwali invalidità.

A.      Fuq lammissibbiltà

25.      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari billi tikkunsidra li terz, f’dan il-każ is-sid il-kera, ma jistax validament jinvoka l-invalidità tar-rabta ġuridika konkluża bejn iċ-ċedent (l-inkwilin) u ċ-ċessjonarju. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/83 mitluba mill-qorti nazzjonali hija, skont ir-rikorrenti, irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha.

26.      Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu, peress li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni hija marbuta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Kif inhu magħruf, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (3).

27.      F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, ikkonfermata wkoll mill-kjarifiki msemmija mitluba, tidher li hija tali li tikkonkludi li d-domanda hija rilevanti, peress li sussegwentement hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-kawża prinċipali.

28.      Il-fatt, żvelat waqt is-seduta, li l-inkwilin wera r-rieda tiegħu li jibqa’ marbut bil-kuntratt, jekk jiġi kkonfermat, huwa ċertament rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, inkluż fid-dawl tal-argumenti li ser jiġu żviluppati iktar ’il quddiem, iżda huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti għall-ammissibbiltà tad-domanda, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’dan ir-rigward, tibbaża ruħha fuq l-elementi tal-proċess u fuq l-argumenti mressqa mill-qorti nazzjonali fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk fi kwalunkwe każ, il-fatt li, f’sitwazzjoni konkreta, individwu jiddeċiedi li ma jinvokax in-nullità prevista mil-leġiżlazzjoni ma jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjonijiet dwar ir-rabta tal-obbligu ta’ pagament suġġett għall-obbligu ta’ pagament li ma għandu l-ebda preċiżazzjoni.

B.      Fuq ilmertu

1.      Rekwiżiti formali għal kuntratti millbogħod u pagament “kundizzjonali”

29.      L-għan prinċipali tad-Direttiva 2011/83 huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7, li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti. Il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-politiki tal-Unjoni hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4).

30.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2011/83 tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kuntratti bejn kummerċjanti u konsumaturi konklużi mill-bogħod, li d-definizzjoni tagħhom hija espressament stabbilita fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tagħha.

31.      Kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju konkluż bejn inkwilin ta’ immobbli (konsumatur) u kummerċjant permezz ta’ sit internet iddedikat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ fil-fatt jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

32.      Sabiex tiġi protetta s-sigurtà tal-konsumaturi fi tranżazzjonijiet ma’ kummerċjanti, l-Artikolu 6 jimponi fuq il-kummerċjant, għall-konklużjoni valida ta’ kuntratti mill-bogħod, l-obbligu li jipprovdi serje ta’ informazzjoni essenzjali lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem.

33.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8, moqri fid-dawl tal-premessa 39, jirreferi, barra minn hekk, għal ċertu numru ta’ rekwiżiti formali li għandhom jiġu osservati.

34.      B’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) jinkludi, fost l-oħrajn, l-obbligu prinċipali tal-kummerċjant li jikkomunika lill-konsumatur, b’mod ċar u evidenti, qabel ma dan tal-aħħar jiffirma l-ordni, li l-konklużjoni tal-kuntratt timplika obbligu ta’ pagament.

35.      Barra minn hekk, meta t-tqegħid tal-ordni teħtieġ it-tħaddim ta’ buttuna jew l-attivazzjoni ta’ funzjoni simili, il-buttuna jew il-funzjoni simili għandha jkollha “b’mod faċilment leġġibili l-kliem ‘ordni b’obbligu ta’ pagament’ biss jew formulazzjoni korrispondenti inekwivokabbli li tindika li l-fatt li saret l-ordni jimplika obbligu li jsir pagament lill-kummerċjant”. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-kummerċjant ta’ dawn il-formalitajiet, il-konsumatur ma jkunx marbut bil-kuntratt jew bl-ordni.

36.      Dawn id-dispożizzjonijiet, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (5), jenfasizzaw in-neċessità li l-kummerċjant, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod b’mezz elettroniku, jindika b’mod ċar lill-konsumatur l-obbligu li jħallas is-servizz kuntrattwali. Minn dan isegwi li l-obbligu li jiġu pprovduti tali indikazzjonijiet preċiżi huwa marbut mal-aċċettazzjoni tal-obbligu kuntrattwali.

37.      Għandhom jiġu evalwati n-natura u l-karatteristiċi tal-kuntratti konklużi mill-bogħod b’mezz elettroniku li jinkludu obbligu ta’ pagament kundizzjonali — tal-istess tip bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali — sabiex jiġi ddeterminat jekk l-indikazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-kuntratti humiex tali li jippermettu lill-konsumatur jirrikonoxxi espressament, meta jiffirma l-kuntratt, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-obbligu ta’ pagament impost fuqu.

38.      L-interpretazzjoni testwali, l-interpretazzjoni sistematika u l-għanijiet tad-Direttiva 2011/83 iwasslu, fil-fehma tiegħi, għall-istess soluzzjoni: ir-rekwiżiti formali imposti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 japplikaw ukoll fil-każ fejn il-pagament li għalih huwa obbligat il-konsumatur ikun suġġett għat-twettiq ta’ kundizzjoni partikolari li ma tkunx marbuta mal-isfera ta’ influwenza tal-konsumatur stess.

39.      Fir-rigward tat-test tad-Direttiva 2011/83, l-espressjoni użata li skontha l-“kummerċjant għandu jiggarantixxi li, meta ssir l-ordni, il-konsumatur jirrikonoxxi espliċitament li l-ordni timplika l-obbligu ta’ pagament” ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn pagamenti ċerti jew dawk “kundizzjonali”.

40.      Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-obbligu ta’ informazzjoni għall-każ biss ta’ obbligu ta’ pagament inkundizzjonat, huwa kien jagħmel dan b’mod espliċitu. Dan ma sarx (6). Il-konklużjoni ta’ kuntratt b’mezz elettroniku “timplika” diġà fiha nnifisha obbligu ta’ pagament, anki meta dan l-obbligu ma jinħoloqx neċessarjament, iżda huwa possibbli biss. Il-kundizzjoni li fuqha tiddependi l-implimentazzjoni konkreta tal-obbligu ta’ pagament ma hijiex, fil-fatt, fl-isfera ta’ influwenza tal-konsumatur u, sussegwentement, għall-konklużjoni tal-kuntratt, ma jkunx hemm mument ġdid meta l-konsumatur jintalab jagħti l-kunsens tiegħu għall-pagament innifsu.

41.      Konsumatur medju, mingħajr għarfien tekniku u legali estensiv, ma jistax jifhem jekk kuntratt huwiex soġġett għal kundizzjonijiet jew le. Għalhekk, id-drittijiet ta’ konsumatur li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod b’mezz elettroniku, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu protetti b’mod xieraq biss jekk dan tal-aħħar ikun espressament informat, fil-mument li jikklikkja fuq il-buttuna sabiex jiffirma l-kuntratt, bil-fatt li huwa jikkuntratta obbligu ta’ pagament mingħajr ma jkun meħtieġ li juri sussegwentement ir-rieda tiegħu.

42.      F’dak li jirrigwarda d-distinzjonijiet proposti prinċipalment mir-rikorrenti li jgħidu li dan ma huwiex “pagament ta’ remunerazzjoni” reali minħabba l-partikolarità tas-sitwazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-metodu ta’ remunerazzjoni permezz tas-success fee huwa pjuttost komuni fid-dinja tal-kummerċjanti u jikkostitwixxi modalità reali ta’ remunerazzjoni tas-servizz ipprovdut. Fil-fatt, huwa l-kummerċjant li jagħżel unilateralment li jiġi rremunerat biss f’każ ta’ suċċess fis-servizz professjonali offrut u l-konsumatur ma għandu l-ebda rwol f’dan. Ir-raġunijiet għal din il-modalità ta’ remunerazzjoni jistgħu jkunu l-iktar diversi, iżda huma fil-biċċa l-kbira ta’ natura purament kummerċjali, sabiex iħajru lill-konsumatur jiffirma l-kuntratt u ma jaġixxix f’ismu stess. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni tas-success fee bħala remunerazzjoni jew bħala kumpens.

43.      L-interpretazzjoni sistematika u l-għanijiet tad-direttiva jimmilitaw fl-istess sens. Kif indikat b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fuhrmann‑2 (7), il-mument tal-aċċettazzjoni huwa mument deċiżiv għall-għoti tal-informazzjoni lill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-tmiem ta’ proċess ta’ ordni li jimplika obbligu ta’ pagament għall-konsumatur huwa stadju fundamentali, sa fejn dan jimplika li l-konsumatur jaċċetta li jkun marbut mhux biss bil-kuntratt mill-bogħod, iżda wkoll mill-obbligu ta’ pagament. Konsegwentement, li jitqies li, bl-attivazzjoni ta’ buttuna jew ta’ funzjoni simili, il-konsumatur għandu jiddeduċi miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-proċess li huwa jieħu impenn vinkolanti ta’ pagament, filwaqt li l-formulazzjoni ta’ din il-buttuna jew funzjoni ma tippermettilux li jidentifika dawn il-konsegwenzi b’ċertezza assoluta, iwassal sabiex jikkomprometti dan l-għan.

44.      Ir-relazzjoni kuntrattwali li tikkostitwixxi l-kundizzjoni legali tal-obbligu ta’ pagament tinħoloq pjuttost fil-mument meta l-konsumatur juri r-rieda tiegħu, jiġifieri meta jikklikkja fuq il-buttuna sabiex jiffirma l-ordni.

45.      Naqbel mal-Kummissjoni (8) li, anki interpretazzjoni bbażata fuq l-effettività tad-dispożizzjoni twassal għall-istess riżultat: l-obbligu li jiġu osservati r-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2011/83 anki fil-każ ta’ pagament “kundizzjonali” huwa, fil-fatt, l-uniku mod sabiex jiġu żgurati b’mod suffiċjenti l-informazzjoni u s-sigurtà tal-konsumaturi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mal-kummerċjanti. F’ħafna każijiet, l-obbligu effettiv ta’ pagament tal-konsumatur jiddependi fuq avvenimenti sussegwenti li għalihom ma għandu l-ebda kontroll u l-esklużjoni ta’ dawn il-każijiet kollha mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni jipperikola b’mod inaċċettabbli l-kamp ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva 2011/83.

46.      Ir-rikorrenti ssostni li soluzzjoni bħal dik proposta tista’ toħloq ambigwità għall-konsumatur għaliex is-sempliċi eventwalità tal-obbligu ta’ pagament, suġġett għall-kundizzjoni tal-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, ma hijiex ċara. Inqis li, fid-dawl tal-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tad-Direttiva 2011/83, il-kjarifika tal-portata effettiva tal-obbligu tista’ tingħata fil-kundizzjonijiet kuntrattwali ppreżentati lill-konsumatur qabel l-aċċettazzjoni tal-obbligu tal-pagament. Is-soluzzjoni kuntrarja, jiġifieri l-ispjegazzjoni fil-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-impenn ta’ obbligu ta’ pagament (għalkemm kundizzjonali) mingħajr ebda riferiment espliċitu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, tmur kontra l-objettivi tad-Direttiva.

47.      Sussegwentement, għandu jingħad ukoll, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni r-rikorrenti, li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni, ma jeżisti ebda rekwiżit tal-impriża li magħha dan l-għan jista’ jiġi bbilanċjat. Fi kliem ieħor, wieħed ma jifhimx liema piż ta’ spejjeż jew ta’ dannu tissubixxi l-impriża billi tadatta l-buttuna għall-obbligi previsti mid-Direttiva (9).

48.      Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ obbligi ta’ pagament kundizzjonali, it-test fuq il-buttuna nnifisha jistax jiġi estiż sabiex jiġi affermat li l-obbligu ta’ pagament jitnissel biss meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Fuq dan il-punt ukoll, naqbel mal-Kummissjoni (10) li l-formulazzjoni inekwivoka tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 teskludi tali estensjoni tat-test fuq il-buttuna. Fil-fatt, wieħed jista’ jaqra li l-buttuna għandha tinkludi b’mod li jinqara faċilment biss il-kliem “ordni b’obbligu ta’ pagament” jew formulazzjoni korrispondenti Dan huwa konformi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li jinforma lill-konsumatur, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, billi jindika l-obbligu ta’ pagament tiegħu b’mod ċar u mhux ambigwu, u ż-żieda ta’ informazzjoni addizzjonali mal-buttuna tista’ taffettwa ċ-ċarezza.

2.      Leffetti talksur tarrekwiżiti formali fuq ilvalidità talkuntratt: irrieda tal-konsumatur u lleġittimazzjoni ta’ terzi 

49.      Kif fakkret ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha (11), skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/83, id-direttiva ma taffettwax id-dritt nazzjonali tal-kuntratti, bħad-dispożizzjonijiet dwar il-validità, it-tfassil jew l-effetti ta’ kuntratt, sa fejn dawn l-aspetti ma humiex espressament irregolati minn din id-direttiva.

50.      Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha, f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jiġi indikat b’mod ċar l-obbligu ta’ pagament meta ssir l-ordni, id-Direttiva tillimita ruħha sabiex tistabbilixxi li jekk il-kummerċjant ma josservax ir-rekwiżiti previsti fiha, “il-konsumatur ma għandux ikun marbut bil-kuntratt jew bl-ordni”.

51.      Madankollu, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, in-nullità tal-kuntratt bejn il-kummerċjant u l-konsumatur ma hijiex invokata mill-konsumatur (l-inkwilin), iżda minn terz (sid il-kera) li għandu interess ċert fl-annullament tal-kuntratt peress li jneħħi l-pretensjoni mqajma mill-kummerċjant kontra tiegħu.

52.      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (12), il-klawżoli inġusti għandhom jiġu esklużi, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan. B’hekk, meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu sabiex il-klawżoli inġusti jinżammu, is-sistema ta’ protezzjoni kontra l-imsemmija klawżoli ma tapplikax. Fil-fatt, dan iwassal għal effetti ta’ distorsjoni u li ma humiex relatati mal-ispirtu tad-Direttiva 2011/83, sa fejn l-aspetti ta’ protezzjoni tal-interess individwali tal-konsumatur huma identifikati bħala assolutament prijoritarji.

53.      Il-portata tal-Artikolu 8 fil-parti li tipprevedi li l-konsumatur ma jkunx marbut mal-ordni għalhekk ma hijiex inkundizzjonata, iżda, b’mod konformi ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, issib limitu fir-rieda tal-konsumatur.

54.      Dan ifisser, f’dan il-każ, li l-konstatazzjoni tal-invalidità u l-annullament sussegwenti tal-klawżola kontenzjuża u, fil-każ tal-kuntratt kollu, bejn il-konsumatur u l-kummerċjant jitħallew għar-rieda tal-konsumatur, li għall-protezzjoni tiegħu l-invalidità tal-klawżola hija mfassla speċifikament.

55.      Dan jimplika, fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji fid-dritt nazzjonali (minħabba l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri), li terz jista’ leġittimament jinvoka l-invalidità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur meta jkun hemm interess li din tiġi miftiehma abbażi ta’ dan il-kuntratt. Madankollu, il-qorti għandha tevalwa jekk l-interess tat-terz u dak tal-konsumatur jikkoinċidux (jew, fi kwalunkwe każ, dawk tat-terz jistgħux isostnu l-protezzjoni tal-konsumatur) jew jekk dawn ivarjawx. Fit-tieni każ, minħabba l-imputazzjoni tal-invaliditajiet previsti fid-direttivi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għall-kategorija ta’ “nullità tal-protezzjoni”, indipendentement mill-klassifikazzjoni eżatta fid-dritt nazzjonali, il-qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha skont ir-rieda tal-konsumatur. Fil-każ fejn il-konsumatur jesprimi b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jżomm l-effetti tal-klawżola u tal-kuntratt, il-konsegwenza tista’ tkun biss iċ-ċaħda tat-talba għal annullament min-naħa tat terz (13).

56.      Jekk id-dritt nazzjonali ma jipprojbixxix dan, inqis li terz għandu d-dritt li jinvoka l-eventwali invalidità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur jew kummerċjant jekk ikun hemm interess, iżda, meta l-invalidità prevista fl-Artikolu 8 tkun “ta’ protezzjoni”, huwa dejjem il-konsumatur li jkollu l-aħħar kelma dwar ir-rieda li jibbenefika jew le mill-invalidità jew jekk, sussegwentement, jivvalida l-effetti ta’ klawżola invalida (nullità relattiva). Għalhekk huwa eskluż li t-terz jista’ jinvalida klawżola ta’ kuntratt bejn konsumatur u kummerċjant minħabba li din tkun ivvizzjata kontra r-rieda u l-interess tal-konsumatur, suġġett għall-protezzjoni tal-miżura leġiżlattiva.

57.      L-aħħar domanda, dwar l-effetti tal-ksur, hija dik dwar id-differenzi testwali bejn id-dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-BGB) u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2011/83.

58.      Fil-fatt, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 2011/83 tipprevedi, essenzjalment, li l-kuntratt jista’ jiġi kkunsidrat bħala ffurmat biss jekk il-kummerċjant josserva l-obbligi previsti fih. Ma hemm l-ebda dubju li d-differenza fit-tifsira meta mqabbla mat-test tad-Direttiva 2011/83 ma hijiex irrilevanti, peress li kull riferiment għar-rieda tal-konsumatur huwa nieqes. Minn dan jista’ jiġi dedott li, skont id-dritt nazzjonali, l-invalidità tal-kuntratt, fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti formali previsti, hija assoluta.

59.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk huwiex possibbli li ssir interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi, fil-fatt, li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha. Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi preċiżament l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, tqis b’mod validu li hija fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt biss li din id-dispożizzjoni tkun ġiet interpretata b’mod konsistenti f’sens li ma jkunx kompatibbli ma’ dan id-dritt (14). Madankollu, l-obbligu tal-interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għadu ċerti limiti u ma jistax, b’mod partikolari, iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (15).

60.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu, inkluż il-prinċipju ta’ bona fide, sabiex tevalwa jekk interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mal-formulazzjoni mal-ispirtu tad-direttiva hijiex possibbli.

61.      B’mod partikolari, f’din it-tilwima, fejn tidher ir-rieda tal-inkwilin li jibqa’ marbut bl-ordni magħmula fuq is-sit internet tar-rikorrenti, il-qorti nazzjonali tista’ tinterpreta l-Artikolu 312j(3) u (4) fis-sens li ma jeskludix l-applikazzjoni tal-klawżola inġusta, bla ħsara għalhekk għall-effetti tar-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-inkwilin inkwistjoni fil-kawża prinċipali (16).

IV.    Konklużjoni

62.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta segwenti għad-domanda preliminari magħmula:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-kuntest ta’ ordni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod b’mezz elettroniku u li tinvolvi l-attivazzjoni ta’ buttuna jew ta’ funzjoni simili, il-kliem indikat fuq din il-buttuna għandu jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni meta l-konsumatur ikun suġġett, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għal obbligu ta’ pagament li jiddependi mit-twettiq ta’ avveniment futur barrani għall-isfera ta’ influwenza tal-konsumatur, u dan sakemm ma jkun hemm l-ebda mument iktar tard meta l-konsumatur ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-pagament.”


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Minn banda, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li l-għan ta’ protezzjoni msemmi fl-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-BGB ma huwiex kompromess meta, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż mill-bogħod, (a) il-konsumatur jitlob l-irkupru ta’ kreditu eżistenti, (b) ir-remunerazzjoni hija dovuta lill-kummerċjant biss taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri biss f’każ ta’ suċċess, u (c) ir-remunerazzjoni tikkonsisti biss fl-involviment tal-kummerċjant fl-irkupru tal-kreditu (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2022, VIII ZR 123/21, DE:BGH:2022:190122UVIIIZR123.21.0, punt 55, u tat‑30 ta’ Marzu 2022, VIII ZR 358/20, DE:BGH:2022:300322UVIIIZR358.20.0, punt 58). Skont din l-interpretazzjoni, il-kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u l-inkwilin f’dan il-każ għandu jiġi kkunsidrat bħala validu. Min-naħa l-oħra, il-Bundesgerichtshof eskludiet espressament interpretazzjoni restrittiva abbażi tal-għan protettiv tad-dispożizzjonijiet stess tal-BGB (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2022, VIII ZR 122/21, DE:BGH:2022:190122UVIIIZR122.21.0, punt 52), li jwasslu għan-nullità tal-kuntratt mill-bogħod.


3      Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa (C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU (C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 39) u tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann‑2 (C‑249/21, EU:C:2022:269, punt 21).


5      Ara, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet reċenti dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann‑2 (C‑249/21, EU:C:2022:269).


6      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 16.


7      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann‑2 (C‑249/21, EU:C:2022:269, punt 30).


8      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 21.


9      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann‑2 (C‑249/21, EU:C:2022:269, punt 31), li skontha, għalkemm huwa minnu li, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi żgurat, kif tiddikjara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, bilanċ ġust bejn livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiġi osservata l-libertà tal-impriża tal-imprenditur, għandu madankollu jiġi kkonstatat li tali bbilanċjar ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-istabbiliment jew il-modifika ta’ kliem li jinsab fuq buttuna jew fuq funzjoni ta’ tqegħid elettroniku ta’ ordni ma jimplika ebda piż sinjifikattiv tali li jippreġudika l-kompetittività jew il-libertà kummerċjali tal-kummerċjanti kkonċernati.


10      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 24.


11      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 27.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350); is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792); u s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819). Ara wkoll Freda, A. “Riflessioni sulle c.d. nullità di protezione sul potere-dovere di rilevazione officiosa”, Ricerche giuridiche, 2013, II, p. 583; Milanesi, S. “Le pronunce Pannon ed Eva Martin Martin sulla rilevabilità d’ufficio delle nullità di protezione”, Giurisprudenza Commerciale, 2010, II, p. 801; Pagliantini, S. “La nullità di protezione tra rilevabilità d’ufficio e convalida”, Persona e Mercato, 2009, I, p. 26; Alessi, R. “Nullità di protezione e poteri del giudice tra Corte di Giustizia e sezioni unite della Cassazione”, Europa e Diritto Privato, 2014, IV, p. 1173.


13      Kif osservat ir-rikorrenti fir-risposti tagħha fis-seduta tas‑27 ta’ Settembru 2023, l-inkwilin ikkonferma li xtaq iżomm il-kuntratt fis-seħħ minkejja l-klawżola inġusta. B’mod partikolari, wara d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-validità tal-klawżola kontenzjuża, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-inkwilin u staqsietu espressament jekk xtaqx madankollu jikkonkludi l-kuntratt u dan tal-aħħar irrisponda fl-affermattiv.


14      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 59 u 60).


15      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Soluzzjoni simili ġiet adottata mill-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), Awli Magħquda, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Novembru 2019, Nru 28314. F’dan ir-rigward ara Febbrajo,T., Uso selettivo della nullità di protezione tra buona fede e principi rimediali di effettività, proporzionalità e dissuasività, Persona e Mercato, 2021, II, p. 345; Vettori, G., Nullità selettive e riequilibrio effettivo. L’evoluzione della buona fede, Persona e Mercato, 2019, IV, p. 21; Sartoris, C., La sentenza delle seziono unite sulla nullità selettiva: tra protezione e buona fede, Persona e Mercato, 2019, IV, p. 69.

Top