Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0399

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-21 ta’ Marzu 2024.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:262

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C399/22

Confédération paysanne

vs

Ministre de l’Agriculture et de la Souveraineté alimentaire,

Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Informazzjoni lill-konsumatur dwar il-prodotti tal-ikel – Rekwiżiti ta’ ttikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini – Frott u ħaxix maħsud fis-Saħara tal-Punent – Kompetenza tal-Istati Membri li unilateralment jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ prodotti li ma għandhomx tikketta ta’ ‘pajjiż ta’ oriġini’ korretta”






I.      Introduzzjoni

1.        “It-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jappartjenix lir-Renju tal-Marokk; għalhekk, tikketta li tindika li l-oriġini ta’ din il-merkanzija hija l-Marokk tikser ir-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel.”

2.        Fil-qosor, dan huwa l-argument tar-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali. Konsegwentement, ir-rikorrenti talbet deċiżjoni mill-ministère de l’agriculture et de la souveraineté alimentaire (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sovranità tal-Ikel, Franza) u mill-ministère de l’économie, des finances et de la souveraineté industrielle et numérique (il-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għas-Sovranità Industrijali u Diġitali, Franza) (iktar ’il quddiem il-“Ministeri”) sabiex jipprojbixxu l-importazzjoni tat-tadam cherry u tal-bettieħ tal-varjetà Charentais (iktar ’il quddiem il-“prodotti kontenzjużi”) li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent u ttikkettjati bħala li joriġinaw mir-Renju tal-Marokk.

3.        It-tilwima tqajjem żewġ kwistjonijiet distinti.

4.        L-ewwel waħda hija jekk l-Istati Membri jistgħux jaġixxu unilateralment fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ ċerta merkanzija minn pajjiżi terzi. Għalkemm ma hijiex kwistjoni ġdida, fid-dawl tal-miżuri meħuda reċentement mill-Istati Membri kontra l-importazzjonijiet mill-Ukraina, il-kwistjoni hija ċertament rilevanti minn perspettiva iktar wiesgħa (2).

5.        It-tieni kwistjoni li għandha tiġi solvuta tikkonċerna l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija jekk dawn il-prodotti jistgħux jiġu kkummerċjalizzati bħala li joriġinaw mir-Renju tal-Marokk. Din il-kwistjoni tista’ titqiegħed fil-kuntest tas-sentenzi ta’ Il‑Kunsill vs Front Polisario (3) u Western Sahara Campaign UK (4), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-istatus territorjali distint tat-territorju tas-Saħara tal-Punent (5).

II.    Il-kuntest ġuridiku u fattwali ta’ din il-kawża u d-domandi preliminari

6.        Is-Saħara tal-Punent huwa territorju li jinsab fil-Majjistral tal-Afrika. Dan ġie kkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja matul is-seklu 19. Fl‑1963, fil-kuntest tal-proċess ta’ dekolonizzazzjoni, dan it-territorju ġie miżjud min-Nazzjonijiet Uniti mal-lista ta’ territorji mhux awtonomi. Għadu fuq din il-lista sal-lum (6).

7.        Il-proċess ta’ dekolonizzazzjoni (għadu) ma ntemmx u s-Saħara tal-Punent għadu l-uniku territorju mhux awtonomu fl-Afrika. Spanja rrinunzjat għar-responsabbiltà tagħha bħala awtorità amministrattiva kolonjali fl‑1976. Minn dakinhar, għadu jippersisti kunflitt fit-territorju, inkluż ta’ natura militari, bejn ir-Renju tal-Marokk, li jikkontrolla madwar 80 % tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u jsostni s-sovranità fuqu kollu, u l-Front Populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (iktar ’il quddiem il-“Front Polisario”), li jikkontrolla l-bqija tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u li jsostni li jirrappreżenta lill-poplu tas-Saħara. Il-poplu tas-Saħara ġie rrikonoxxut bħala detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-Opinjoni Konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent (7).

8.        Il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent ma huwiex ġdid għall-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li rrikonoxxiet li d-dritt għall-awtodeterminazzjoni jorbot lill-Unjoni fit-tmexxija tagħha tar-relazzjonijiet esterni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Il‑Kunsill vs Front Polisario u f’Western Sahara Campaign UK, li t-territorju tas-Saħara tal-Punent għandu status separat u distint minn dak ta’ kull Stat, inkluż tar-Renju tal-Marokk (8).

9.        Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll il-Ftehim ta’ Sħubija u Sajd (9), li l-applikazzjoni territorjali tagħhom kienet limitata rispettivament għat-“territorju tar-Renju tal-Marokk” u għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, bħala li la jinkludu t-territorju tas-Saħara tal-Punent u lanqas l-ibħra li jmissu miegħu (10).

10.      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea inkariga lill-Kummissjoni tagħti segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il‑Kunsill vs Front Polisario u f’Western Sahara Campaign UK (11). L-eżitu tan-negozjati sussegwenti mar-Renju tal-Marokk huwa rifless, minn naħa, fi ftehim li jestendi l-preferenzi tariffarji għall-merkanzija li toriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent (12) u, min-naħa l-oħra, mill-ftehim u mill-protokoll ta’ implimentazzjoni dwar is-sajd sostenibbli fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent (13).

11.      Front Polisario kkontesta d-deċiżjonijiet li japprovaw dawn il-ftehimiet. L-appelli mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħhom hija annullat dawn id-deċiżjonijiet (14), huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod parallel ma’ dawn il-konklużjonijiet, ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dawk iż-żewġ settijiet ta’ appelli llum (15). Madankollu, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex ser issegwi l-konklużjonijiet tiegħi f’dawk il-kawżi, l-eżitu tagħhom ma jaffettwax is-soluzzjoni tal-kawża ineżami.

12.      Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti nazzjonali hija Confédération paysanne, unjoni agrikola Franċiża. Hija talbet mingħand il-Ministeri ordni li jipprojbixxi l-importazzjoni tal-prodotti kontenzjużi maħsuda fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Dawn il-prodotti huma importati u kkummerċjalizzati fi Franza b’tikketta li tindika r-Renju tal-Marokk bħala l-post tal-oriġini tagħhom (16). Ir-rikorrenti ssostni li dan imur kontra r-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel li jobbligaw l-ittikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini korrett ta’ prodott. Ir-rikorrenti ssostni li, meta l-prodotti inkwistjoni jiġu importati fi Franza, huma jindikaw b’mod żbaljat ir-Renju tal-Marokk minflok it-territorju tas-Saħara tal-Punent bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. L-importazzjoni tagħhom għandha għalhekk tkun ipprojbita.

13.      Peress li qieset li l-Ministeri kienu impliċitament ċaħdu din it-talba, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

14.      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-regoli applikabbli jeżiġu l-indikazzjoni tal-pajjiż jew tat-territorju ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel. Dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi element ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel, għandu, bħala prinċipju, jiġi ssodisfatt fil-mument tal-importazzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li r-regolamenti applikabbli ma jagħtux espressament lill-Istati Membri s-setgħa li jadottaw miżuri ta’ projbizzjoni ta’ importazzjoni ta’ prodotti li ma jikkonformawx ma’ dan l-obbligu ta’ ttikkettjar tal-oriġini. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il‑Kunsill vs Front Polisario u f’Western Sahara Campaign UK, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jeżiġu li l-prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jistgħux jirreferu għar-Renju tal-Marokk bħala pajjiż ta’ oriġini, iżda għandhom pjuttost jagħmlu riferiment għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lil Stat Membru li jadotta miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjonijiet, minn pajjiż speċifiku, ta’ frott u ħaxix li jiksru l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 u l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013 minħabba li ma jindikawx il-pajjiż jew it-territorju li minnu dawn effettivament joriġinaw, b’mod partikolari meta dan in-nuqqas ikun sinjifikattiv u meta jkun diffiċli li jiġi kkontrollat ladarba l-prodotti jkunu daħlu fit-territorju tal-Unjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2019, li temenda l-Protokolli 1 u 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju tas‑26 ta’ Frar 1996 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Marokk, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u tal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minn naħa, il-frott u l-ħaxix maħsud fit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom il-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Marokkini huma kompetenti sabiex joħorġu ċ-ċertifikati ta’ konformità previsti mir-Regolament Nru 543/2011 għall-frott u għall-ħaxix maħsud f’dan it-territorju?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2019 li tapprova dan il-ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri hija konformi mal-Artikolu 3(5) TUE, mal-Artikolu 21 TUE u mal-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti?

4)      L-Artikoli 9 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fl-istadju tal-importazzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur, l-imballaġġ tal-frott u tal-ħaxix maħsud fit-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jistax isemmi l-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini iżda għandu jsemmi t-territorju tas-Saħara tal-Punent?”

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Confédération paysanne, mill-Gvern Franċiż, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll trattazzjoni fis-seduta li saret fl‑24 ta’ Ottubru 2023.

III. Analiżi

17.      Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ttrattat b’mod konkomitanti ma’ żewġ settijiet ta’ appelli li dwarhom ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum (17). Wieħed miż-żewġ appelli jirrigwarda l-validità tat-trattament preferenzjali mogħti, b’mod partikolari, lill-prodotti inkwistjoni importati fl-Unjoni mit-territorju tas-Saħara tal-Punent (18).

18.      Ikun xi jkun l-eżitu ta’ dawn l-appelli, iż-żewġ domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet li nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuqhom, jiġifieri l-ewwel u r-raba’ domanda kif magħmula, jibqgħu rilevanti (19).

19.      Jiena ser nindirizza dawn iż-żewġ domandi wara xulxin. Rigward l-ewwel domanda, ser nevalwa jekk l-Istati Membri għandhomx il-kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni li unilateralment jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ ċerta merkanzija fl-Unjoni li allegatament ma ġġorrx tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini korretta (20). Rigward ir-raba’ domanda, kif magħmula, ser nikkunsidra jekk il-prodotti inkwistjoni għandhomx jindikaw is-Saħara tal-Punent bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u jekk jistgħux jindikaw ukoll ir-Renju tal-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

A.      L-ewwel domanda

1.      Formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda

20.      Qabel nidħol fil-mertu tal-ewwel domanda, inqis li huwa neċessarju li nifformulaha mill-ġdid. Dan peress illi l-qorti tar-rinviju tispjega l-ħtieġa għal gwida dwar l-ewwel domanda b’riferiment għar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi (21), ir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli (22), ir-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix (23), u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (24) bħala bażijiet legali potenzjali għall-projbizzjoni unilaterali ta’ importazzjonijiet imfittxija mir-rikorrenti.

21.      Il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti hija miżura politika li tirregola l-kummerċ tal-merkanzija (25), suġġett li, skont l-Artikolu 207(1) TFUE, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Fil-fatt, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-miżura mitluba mir-rikorrenti ma tikkonċernax projbizzjoni ta’ bejgħ jew ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fi Franza. Minflok, ir-rikorrenti talbet lill-awtoritajiet Franċiżi jimponu unilateralment projbizzjoni ta’ importazzjoni ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent minħabba l-allegat ksur tar-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel.

22.      Peress li l-politika kummerċjali komuni hija politika esklużiva tal-Unjoni (26), Franza ma hijiex kompetenti biex timponi projbizzjoni fuq l-importazzjoni, sakemm ma tingħatax is-setgħa jew tintalab tagħmel dan mill-Unjoni.

23.      Bl-eċċezzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-regolamenti l-oħra kollha msemmija mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti ma ġewx adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u l-politika kummerċjali komuni (Artikoli 206 jew 207 TFUE), bl-eċċezzjoni mill-ġdid tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Minflok, dawn ġew adottati fuq il-bażi tal-artikoli li jirregolaw l-agrikoltura (l-Artikolu 43 TFUE) u s-suq intern (l-Artikolu 114 TFUE).

24.      Peress li ma jirregolawx il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, ir-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, ir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli u r-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix ma jistgħux jagħtu s-setgħa lil Franza biex tadotta l-miżura mitluba. Fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed minn dawn ir-regolamenti ma jawtorizza lill-Istati Membri jipprojbixxu unilateralment l-importazzjoni ta’ prodotti mhux konformi (27).

25.      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nipproponi għalhekk li tiġi fformulata mill-ġdid l-ewwel domanda sabiex pjuttost tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jawtorizzax lil Stat Membru jadotta miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ frott u ħaxix li ma jkollux tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini korretta.

2.      Evalwazzjoni

26.      Kif spjegajt fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kummerċ fil-merkanzija jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni. Din il-politika għandha tkun irregolata minn prinċipji uniformi (28).

27.      Skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Dan ifisser li l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti dwar il-kummerċ tal-merkanzija ma’ pajjiżi terzi (29).

28.      Dan it-tqassim ta’ kompetenzi għandu bħala korollarju li l-Istati Membri huma preklużi milli jaġixxu fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, sakemm l-Unjoni ma tagħtihomx setgħa speċifika jew meta jimplimentaw atti tal-Unjoni.

29.      Il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk dik dwar jekk id-dritt primarju jew id-dritt sekondarju tal-Unjoni jagħtux lill-Istati Membri kompetenzi awtonomi sabiex jistabbilixxu t-tip ta’ miżura unilaterali mitluba mir-rikorrenti.

30.      Fil-livell tad-dritt primarju tal-Unjoni, it-tweġiba hija le. It-Trattati ma jipprevedux dispożizzjoni li tagħti s-setgħa lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri unilaterali li jirrestrinġu jew jissospendu l-kummerċ ma’ Stat jew territorju terz (30).

31.      Inqis li l-loġika wara dan l-approċċ hija bbażata qabel kollox fuq il-perikolu li tiġi żnaturata n-natura essenzjali tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha, kif previsti mit-Trattat (31).

32.      It-tieni, tali miżuri jimminaw l-uniformità tal-politika kummerċjali esterna tal-Unjoni, u b’hekk jippreġudikaw wieħed mill-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-politika kummerċjali komuni (32).

33.      Finalment, lil hinn mill-apparenza esterna tal-Unjoni bħala sieħeb kummerċjali affidabbli, jeżisti riskju ta’ espożizzjoni għar-responsabbiltà quddiem il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO (33).

34.      Fil-livell tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, ir-risposta teħtieġ iktar preċiżazzjoni.

35.      Hemm mill-inqas preċedent wieħed għaċ-ċirkustanzi li fihom l-Unjoni tippermetti lill-Istati Membri jżommu, taħt ċerti kundizzjonijiet, miżuri nazzjonali speċifiċi li, strettament, jinterferixxu mat-tqassim tal-kompetenzi skont il-politika kummerċjali komuni (34). Madankollu, dan huwa rari.

36.      Dak li huwa iktar komuni, huma strumenti speċifiċi li jippermettu lill-Unjoni tadotta ċerti miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-kummerċ ma’ Stati jew territorji terzi (35). F’dawn il-każijiet, l-Unjoni tista’ tistabbilixxi ċerti miżuri biex tirregola r-rilaxx ta’ prodotti mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni u, jekk meħtieġ (36), f’parti minnu biss (37).

37.      Ċertament, kif isostni l-Gvern Franċiż, kemm ir-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni kif ukoll il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu miżuri kummerċjali unilaterali f’każijiet eċċezzjonali. Għalhekk, l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni jipprevedi li “dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-adozzjoni jew l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ [...] projbizzjonijiet, restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri tas-sorveljanza għal raġunijiet ta’ moralità pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika”. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 134(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “Merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni [...] tista’ tkun soġġetta għal kontrolli doganali” u “[fejn] applikabbli, huma għandhom ikunu soġġetti għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ġustifikati skont, inter alia, il-moralità pubblika, il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika”.

38.      Madankollu, huwa ċar li dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux awtorizzazzjoni permanenti, fil-livell tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, sabiex jiġu introdotti miżuri unilaterali ta’ sospensjoni tal-importazzjonijiet għal allegat ksur tar-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-ikel.

39.      L-ewwel, it-tip ta’ miżuri previsti mill-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni għandhom jiġu applikati erga omnes sa fejn huma diretti kontra l-membri tal-WTO u għalhekk jikkonċernaw l-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat, irrispettivament mill-oriġini tagħhom (38). Għaldaqstant, it-tip ta’ miżura mitluba minn Franza kontra prodotti li joriġinaw biss mir-Renju tal-Marokk, membru tal-WTO, ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

40.      Barra minn hekk, il-miżuri previsti fl-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, “għal raġunijiet ta’ moralità pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika”. Din id-dispożizzjoni tippermetti għalhekk indħil fil-libertà tal-kummerċ (39) għal raġunijiet speċifiċi ta’ interess ġenerali paragunabbli ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE (40).

41.      Jiena ma neskludix li l-kunċett ta’ “moralità pubblika” b’mod partikolari, li jindika twemmin ta’ tajjeb u ħażin minn komunità partikolari, jista’ jkopri ttikkettjar falz jew qarrieqi tal-prodotti tal-ikel.

42.      Madankollu, fid-dawl tal-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata għat-tipi ta’ derogi previsti mill-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni (41), ma ninsabx konvint li ksur tal-istandards armonizzati tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni jista’ jikkostitwixxi raġuni biex tiġi ristretta l-importazzjoni ta’ tip partikolari ta’ prodott fi Stat Membru wieħed.

43.      Fil-fatt, kif spjega l-Gvern Franċiż, huwa ċar li l-liberalizzazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi permezz tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni u tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma tistax titqies li għandha wkoll l-għan jew l-effett li tilliberalizza l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ dawn l-importazzjonijiet.

44.      Dan huwa kompletament loġiku peress li, fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott importat għall-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, l-istadju tal-importazzjoni jseħħ qabel l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni.

45.      Huwa minnu li dawn iż-żewġ fażijiet jistgħu “jikkompletaw lil xulxin” (42).

46.      Madankollu, l-iżdoganar b’suċċess ta’ prodott mhux neċessarjament jimplika konformità mar-regoli dwar l-ittikkettjar tal-konsumatur; u viċe versa: kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Expo Casa Manta, “bħalma prodott legalment immanifatturat fil-Komunità ma jistax jitqiegħed fis-suq għal din ir-raġuni biss, l-importazzjoni legali ta’ prodott ma timplikax li dan ser jiġi awtomatikament ammess fis-suq” (43).

47.      Iżda anki li kieku kellu jitqies (b’mod żbaljat) li l-iżdoganar ta’ prodott jimplika l-osservanza tar-regoli dwar l-ittikkettjar għall-konsumatur, il-miżura prevista mir-rikorrenti tkun, fi kwalunkwe każ, ineffettiva, peress li l-prodotti inkwistjoni, meta jiġu importati minn Stati Membri oħra, xorta jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lill-konsumatur Franċiż.

48.      F’dan il-kuntest, inqis li ma huwiex iġġustifikat li Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-motiv tal-moralità pubblika sabiex jirrestrinġi unilateralment l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti minn Stati terzi (u b’hekk ifixkel iċ-ċirkulazzjoni fi ħdan l-Unjoni ta’ dan il-prodott) bil-pretest li jirrimedja allegat ksur tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni armonizzati tal-Unjoni.

49.      It-tieni, is-superviżjoni doganali prevista mill-Artikolu 134(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma taġixxix bħala setgħa awtonoma li tawtorizza lill-Istati Membri jintroduċu, b’mod partikolari, projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti.

50.      Pjuttost, il-kunċett ta’ sorveljanza doganali jipprevedi ċertu tip ta’ status legali għall-prodotti importati fl-Unjoni. Huwa fuq il-bażi ta’ dan l-istatus li l-awtoritajiet doganali nazzjonali sussegwentement iwettqu kontrolli doganali (44). Dawn il-kontrolli jinkludu l-verifika tat-trattament impost fuq il-merkanzija inkwistjoni (pereżempju t-trattament tariffarju preferenzjali tagħha) u l-konformità mal-obbligi imposti fuq l-importatur ikkonċernat (pereżempju, il-ħlas tad-dazji doganali u tad-dazji tal-importazzjoni).

51.      Barra minn hekk, it-tip ta’ miżura kkontrollata mis-superviżjoni doganali għandu huwa stess jiġi stabbilit mid-dritt tal-Unjoni jew mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta. Dawn huma tipi ta’ projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li għalihom tirreferi t-tieni sentenza tal-Artikolu 134(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (45).

52.      Madankollu, fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ Stat Membru li tagħti s-setgħa lil Franza tadotta l-miżuri mitluba mingħand il-Ministeri (46).

53.      Għalhekk, minn dan isegwi li fihom innifishom, la l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u lanqas ir-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni ma jistgħu jiġu invokati sabiex il-Gvern Franċiż jiġi awtorizzat jistabbilixxi projbizzjoni unilaterali ta’ importazzjoni fuq ċerti prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent talli ma jurux tikketta ta’ pajjiż ta’ oriġini korretta.

54.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda fin-negattiv.

B.      Ir-raba’ domanda

55.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli rilevanti dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-istadji tal-importazzjoni u tal-bejgħ lill-konsumatur, l-imballaġġ tal-frott u tal-ħaxix maħsud fis-Saħara tal-Punent ma għandux jindika l-Marokk bħala pajjiż ta’ oriġini, iżda għandu pjuttost jindika t-territorju tas-Saħara tal-Punent.

1.      Ammissibbiltà

56.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. It-tnejn li huma jsostnu li s-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju hija limitata għad-determinazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni impliċita tal-Ministeri li ma jipprojbixxux unilateralment l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni mit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima għalhekk ma teħtieġx li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk prodotti importati mis-Saħara tal-Punent għandhomx jindikaw dan it-territorju bħala l-oriġini tagħhom.

57.      Fil-fehma tiegħi, mit-talba tal-qorti tar-rinviju ma jirriżultax b’mod manifest li interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel għall-prodotti inkwistjoni ma għandha l-ebda rabta mal-fatti attwali jew mal-għan tal-kawża prinċipali.

58.      L-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi l-proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri (47). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li hija għandha bżonn għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkollha quddiemha, peress li din il-qorti hija wkoll l-unika waħda responsabbli mid-deċiżjoni li għandha tittieħed (48). Id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jibbenefikaw għalhekk minn preżunzjoni ta’ rilevanza, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni (49).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (50).

60.      Fil-kawża ineżami, anki jekk l-ewwel domanda tirrigwarda biss il-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet, ma jidhirx b’mod ċar li l-miżura mfittxija quddiem il-qorti tar-rinviju ma kinitx intiża li tkopri kemm l-istadju tal-importazzjoni kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-konsumatur tal-prodotti kkonċernati fis-suq Franċiż. Ir-raba’ domanda saret ukoll fid-digriet tar-rinviju b’mod li tirreferi għal dawn iż-żewġ stadji.

61.      Għalkemm jiena tal-fehma li dawn iż-żewġ stadji ma jistgħux jiġu konfużi (ara wkoll il-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet), huwa ċar li t-talba tar-rikorrenti, kemm jekk fondata u kemm jekk le, tirrigwarda wkoll is-sodisfazzjon tar-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-ittekkettjar tal-prodotti tal-ikel għall-prodotti inkwistjoni. Dan l-element jidher għalhekk utli għall-kompitu tal-qorti tar-rinviju li jikkonsisti f’li tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni impliċita inkwistjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha s-setgħa, skont id-dritt nazzjonali, li tippreskrivi ex officio l-miżura mitluba mir-rikorrenti, mingħajr ma tikkwalifika iktar is-sitwazzjonijiet li fihom din il-miżura tista’ tiġi ordnata. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tevalwa l-merti tal-każ tar-rikorrenti, li jestendi għad-domandi mqajma fir-raba’ domanda.

62.      Ir-raba’ domanda hija għalhekk ammissibbli.

2.      Fuq il‑mertu

63.      Ir-raba’ domanda hija fformulata b’tali mod li tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix obbligi kemm negattivi kif ukoll pożittivi għall-ittikkettjar korrett tal-prodotti inkwistjoni meta dawn joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel jipprojbixxux tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini li tinkludi/tindika r-Renju tal-Marokk u jekk dawn jeżiġux, minflok, l-indikazzjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent bħala l-pajjiż ta’ oriġini.

64.      Nipproponi li r-regoli rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel jirrikjedu fil-fatt li l-prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent jindikaw dan it-territorju bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (l-obbligu pożittiv), bl-esklużjoni ta’ riferimenti territorjali oħra (l-obbligu negattiv). Għaldaqstant, dawn il-prodotti ma jistgħu jagħmlu l-ebda riferiment għar-Renju tal-Marokk.

65.      L-analiżi li ser twassalni għal din il-konklużjoni hija strutturata kif ġej: l-ewwel, ser nistabbilixxi li r-regoli ġenerali u/jew speċifiċi dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel tal-Unjoni, kif japplikaw għall-prodotti inkwistjoni, jobbligaw, fl-ewwel lok, tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini (a). Sussegwentement, ser nippreċiża li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jista’ jiġi kkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini fis-sens ta’ dawn ir-regoli (b). It-tielet, ser nispjega għaliex l-ommissjoni tas-Saħara tal-Punent bħala pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni tirriskja li tqarraq bil-konsumaturi tal-Unjoni fl-għażliet tagħhom (c). Finalment, ser nikkunsidra jekk ir-regoli tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel jipprojbixxux riferiment addizzjonali għar-Renju tal-Marokk (d).

a)      Il-leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel tal-Unjoni

1)      Regoli ġenerali applikabbli għall-prodotti tal-ikel

66.      Ir-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi għandu l-għan li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi permezz ta’ informazzjoni “korretta, newtrali u oġġettiva” li “tippermetti lil dawn tal-aħħar jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni” fir-rigward tal-prodotti tal-ikel li huma jikkonsmaw (51), u biex jipprevjeni kwalunkwe prattika li tista’ tqarraq bil-konsumaturi (52). Għal dan l-għan, huwa jirrikjedi “tikkettar ċar, komprensibbli u leġġibbli ta’ prodotti tal-ikel” (53).

67.      Parti mill-informazzjoni li (ġeneralment) trid tiġi pprovduta lill-konsumatur hija l-“pajjiż tal-oriġini” jew il-“post ta’ provenjenza” (54). Dan huwa l-post ta’ provenjenza tal-prodott tal-ikel inkwistjoni (55).

68.      Dan ir-rekwiżit huwa l-espressjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ informazzjoni qarrieqa dwar l-ikel (56).

69.      Ir-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi għalhekk jiffoka speċifikament fuq il-protezzjoni tal-konsumatur minn assenza ta’ informazzjoni jew informazzjoni żbaljata li tirriskja li tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott (57).

70.      Ser nerġa’ lura għall-importanza tal-element ta’ riskju li l-konsumatur jitqarraq iktar ’il quddiem (punti 102 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet); madankollu, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat liema rekwiżiti speċifiċi jirriżultaw mil-liġi dwar l-ittikkettjar tal-frott u tal-ħaxix għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża ineżami.

2)      Rekwiżiti speċifiċi għall-frott u l-ħaxix

71.      Adottati bħala regoli addizzjonali għar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi (58), ir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli u r-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix jistabbilixxu rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix (59).

72.      Ir-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli għandhom jiġu osservati sabiex prodott ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat lill-konsumaturi fis-suq tal-Unjoni (60). Il-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li l-osservanza ta’ dawn l-istandards “hija [...] fl-interess tal-produtturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi” (61).

73.      Waħda mir-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli hija l-indikazzjoni tal-post tal-biedja u/jew l-oriġini (62).

74.      Din l-indikazzjoni hija meħtieġa għall-frott u l-ħaxix li huma maħsuba għall-bejgħ frisk lill-konsumatur (63).

75.      Ir-rekwiżit li tiġi indikata l-oriġini tal-frott u l-ħaxix japplika fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluża l-importazzjoni tal-frott u l-ħaxix (64). Negozjant tal-frott u tal-ħaxix ma jistax “joffrihom għall-bejgħ, jew iqassamhom jew jikkummerċjalizzahom bi kwalunkwe mod ieħor fl-Unjoni ħlief f’konformità ma’ dawk l-istandards” (65).

76.      Ir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli huwa sussegwentement implimentat bir-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix (66), li jistabbilixxi fid-dettall l-istandards ġenerali u speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix (67).

77.      It-tadam cherry huwa suġġett għal standards speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni (68). Dawn jinkludu tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini obbligatorja (69). Din it-tikketta tista’ tiġi kkomplementata minn speċifikazzjoni fakultattiva tad-“distrett fejn [it-tadam] ikun tkabbar, jew isem il-post nazzjonali, reġjonali jew lokali” (70).

78.      Il-bettieħ tal-varjetà Charentais huwa suġġett għall-istandards ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix (71). Dan, ukoll, jeħtieġ tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini obbligatorja (72). Madankollu, għall-kuntrarju tal-każ tat-tadam cherry, dan ir-regolament ma jirreferix għaż-żieda ta’ speċifikazzjoni iktar iddettaljata.

79.      Dawn ir-rekwiżiti huma suġġetti għal kontrolli tal-konformità, li għandhom japplikaw fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni (73).

80.      Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità twassal għall-projbizzjoni tal-moviment ta’ prodotti mhux konformi mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-korp ta’ kontroll kompetenti. Dawn il-prodotti mbagħad għandhom jinġiebu f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. Jekk dan ma jkunx possibbli, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jirrikjedu li l-prodotti jintbagħtu għall-għalf, l-ipproċessar industrijali, kwalunkwe użu ieħor mhux tal-ikel, jew saħansitra għal skopijiet ta’ qerda (74).

81.      Minn dan isegwi li l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni ġenerali u speċifiċi applikabbli għall-prodotti inkwistjoni jobbligaw l-ittikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-prodotti.

b)      Is-Saħara tal-Punent bħala l-pajjiż ta’ oriġini tal-frott u tal-ħaxix imkabbra f’dan it-territorju

82.      L-ispjegazzjoni msemmija iktar ’il fuq dwar ir-regoli ġenerali u speċifiċi applikabbli għall-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel tal-Unjoni tagħmilha ċara li l-leġiżlatur tal-Unjoni jobbliga li l-prodotti inkwistjoni jindikaw il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

83.      Għall-finijiet tal-kawża ineżami, dan naturalment iqajjem il-kwistjoni dwar jekk it-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent jikkostitwixxix pajjiż ta’ oriġini fis-sens ta’ dawn ir-regoli.

84.      F’dan ir-rigward, nosserva li, bħal fir-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi u r-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix ma jistabbilixxix definizzjoni ta’ “pajjiż tal-oriġini” (75).

85.      Madankollu, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jinkludi regoli speċifiċi dwar id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, jestendi espressament ir-regoli tiegħu dwar dan l-aspett għal miżuri oħra tal-Unjoni li jirreferu għall-oriġini tal-merkanzija (76).

86.      Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli, dan jinkludi r-rekwiżit tal-kummerċjalizzazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini (77).

87.      Inqis li l-istess japplika għar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi u għar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. Wara kollox, dan huwa dak li jeħtieġ qari uniformi, effettiv u konsistenti tal-indikazzjoni tar-rekwiżit tal-pajjiż ta’ oriġini fil-qasam tal-ittikkettjar (78).

88.      Minn dan isegwi li l-ittikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini fid-diversi regolamenti tal-Unjoni dwar il-prodotti tal-ikel applikabbli fil-kawża ineżami għandu jiġi interpretat b’riferiment għar-regoli u għad-denominazzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

89.      Skont l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-merkanzija miksuba kollha kemm hi f’“pajjiż” jew f’“territorju” speċifiku titqies li toriġina minn dan il-pajjiż jew territorju.

90.      Il-prodotti tal-ħaxix maħsuda f’“pajjiż” jew “territorju” jitqiesu li nkisbu kompletament minn hemm (79). Għaldaqstant huma kkunsidrati bħala li joriġinaw minn dan it-territorju (80).

91.      Fis-sentenza Vignoble Psagot, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “territorju” bħala li jinkludi kull entità li ma taqax taħt il-kategorija ta’ “pajjiż” jew “Stat” (81), bħal “spazji ġeografiċi li, filwaqt li jinsabu taħt il-ġurisdizzjoni jew taħt ir-responsabbiltà internazzjonali ta’ Stat, ikollhom xorta waħda, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, status individwali u distint minn dak ta’ dan l-Istat” (82).

92.      Fis-sentenzi tagħha Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jikkostitwixxi territorju distint għall-għanijiet tad-dritt internazzjonali pubbliku, u huwa distint mit-territorju tar-Renju tal-Marokk (83).

93.      It-territorju tas-Saħara tal-Punent għandu għalhekk jiġi ttrattat bħala territorju doganali distint għall-għanijiet tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

94.      Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan l-istatus huwa diġà rrikonoxxut fir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-istatistika tal-kummerċ barrani billi huwa attribwit lit-territorju tas-Saħara tal-Punent il-kodiċi ta’ oriġini tiegħu stess (EH) (84). Huwa dan il-kodiċi li tadotta t-tariffa doganali tal-Unjoni (TARIC) (85), li l-importaturi ta’ prodotti li joriġinaw fit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom jelenkaw fid-dikjarazzjoni doganali tagħhom u li insostenn tiegħu għandhom jipprovdu dikjarazzjoni tal-oriġini.

95.      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini, kif jinsab fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel, jinkludi wkoll it-territorju tas-Saħara tal-Punent.

96.      Il-prodotti inkwistjoni fil-kawża ineżami, peress li nkisbu kompletament mit-territorju tas-Saħara tal-Punent, għandhom għalhekk jiġu ttikkettjati bħala tali.

97.      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li, fil-prattika, Stat terz – f’dan il-każ ir-Renju tal-Marokk – huwa kkunsidrat mill-Unjoni bħala li assuma r-responsabbiltà ( de facto) li jamministra t-territorju tas-Saħara tal-Punent (jew tal-inqas il-partijiet li fuqhom huwa għandu l-kontroll). Għall-finijiet tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, huma għalhekk l-awtoritajiet Marokkini li jivverifikaw u jiċċertifikaw l-oriġini tal-prodotti li jiddikjaraw l-oriġini tagħhom mit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

98.      Kif spjegat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, dan l-arranġament ġie stabbilit peress li t-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent ma għandux awtoritajiet doganali (irrikonoxxuti) tiegħu stess għall-kontroll tal-istatus tal-oriġini tal-prodotti mmanifatturati jew ikkultivati f’dan it-territorju  (86).

99.      Kif nispjega fil-konklużjonijiet tiegħi tal-lum f’Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, l-involviment ma’ territorju mhux awtonomu jirrispetta kemm l-istatus attwali tad-dritt internazzjonali kif ukoll ir-realtà prattika, mingħajr, madankollu, ma jidħol fil-kwistjoni (politika) tar-rikonoxximent tal-Istat (87). Dan, madankollu, ma jbiddel xejn fir-rigward tal-konklużjoni li s-Saħara tal-Punent jikkostitwixxi territorju distint għal finijiet doganali.

100. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-prodotti inkwistjoni mkabbra fit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-prodotti tal-ikel applikabbli, jiġu ttikkettjati bħala li joriġinaw minn dan it-territorju.

c)      L-ommissjoni ta’ riferiment għat-territorju tas-Saħara tal-Punent tqarraq bil-konsumatur

101. Wara li ġie stabbilit li r-regoli tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel għall-frott u l-ħaxix jobbligaw li l-prodotti inkwistjoni jindikaw il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u wara li ġie kkonfermat li l-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini jinkludi wkoll it-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, jista’ jiġi konkluż li dawn il-prodotti għandu jkollhom l-indikazzjoni tas-Saħara tal-Punent bħala pajjiż ta’ oriġini. Il-kwistjoni addizzjonali li għandha tiġi riżolta hija għalhekk dik dwar jekk l-ommissjoni ta’ riferiment għal dan it-territorju tistax tqarraq bil-konsumatur tal-Unjoni.

102. Kif irrilevajt fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan tad-dettalji informattivi li jinsabu fuq il-prodotti tal-ikel tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini huwa li jipproteġu lill-konsumatur, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jkunx (f’riskju li jiġi) “żgwidat” dwar l-oriġini vera tal-prodott (88).

103. Għalkemm ma hijiex il-mutur prinċipali tal-imġiba tal-konsumatur (89), it-tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tinfluwenza d-deċiżjonijiet tax-xiri (90).

104. L-ebda żewġ konsumaturi ma huma l-istess. Xi wħud jistgħu jkunu kkonċernati ħafna dwar l-oriġini tal-prodotti tagħhom. Xi wħud jistgħu lanqas biss jagħtu daqqa t’għajn lejn il-provenjenza tax-xiri tagħhom.

105. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tar-riskju li l-konsumatur jiġi żgwidat tieħu inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju, jiġifieri, dak “normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-oriġini, il-provenjenza, il-kwalità marbuta mal-prodott tal-ikel” (91).

106. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, jipprevedi li l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumatur, inkluża informazzjoni dwar l-oriġini ta’ prodott, għandha tippermetti lil dan il-konsumatur “[jagħmel] għażliet infurmati” influwenzati, inter alia, minn “konsiderazzjonijiet [...] etiċi” (92).

107. Wieħed jista’ jaħseb li konsumatur raġonevolment informat u avżat jista’ jqis importanti li jkun jaf li prodott joriġina mis-Saħara tal-Punent. Madankollu, il-kwistjoni dwar kif l-informazzjoni dwar l-oriġini ta’ prodott li joriġina mis-Saħara tal-Punent tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni ta’ xiri ta’ konsumatur hija suġġettiva għal dan il-konsumatur biss (93).

108. Din id-deċiżjoni ma hijiex neċessarjament marbuta mal-pożizzjoni newtrali tal-Unjoni fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-istatus futur tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

109. Fl-istess ħin, mingħajr l-informazzjoni li prodott joriġina mis-Saħara tal-Punent, konsumatur raġonevolment informat u avżat jista’ jiġi mqarraq fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott li huwa jiddeċiedi li jixtri.

110. Kif jistgħu jiġu rrikonċiljati dawn il-pożizzjonijiet legali u politiċi?

111. Huwa ċar li, fil-kuntest tal-kwistjoni dwar jekk jeżistix riskju li konsumatur jista’ jiġi mqarraq b’dettalji informattivi skorretti dwar il-pajjiż ta’ oriġini, il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi din il-kwistjoni ma għandhiex bżonn, peress li fil-fatt ma tkunx tista’, tieħu inkunsiderazzjoni l-preferenzi etiċi differenti possibbli tal-konsumaturi.

112. Fil-fehma tiegħi, l-eżami li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi huwa ħafna iktar oġġettiv.

113. Il-mistoqsija li għandha tistaqsi qorti hija sempliċiment: jeżisti riskju li tista’ tirriżulta deċiżjoni ta’ xiri informata ħażin minn prodott li fuqu tidher tikketta ta’ pajjiż ta’ oriġini li tirreferi għat-Territorju X, meta, fil-fatt, dan il-prodott joriġina mit-territorju Y (94)?

114. It-tweġiba hija iva: tikketta li tissuġġerixxi li l-ikel joriġina minn post li ma jkunx il-post tal-oriġini vera tiegħu tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar (dak li d-dritt tal-Unjoni jqis bħala) l-oriġini oġġettivament korretta ta’ dak il-prodott (95).

115. Fil-kawża ineżami, tikketta li tissuġġerixxi li prodott huwa ta’ oriġini Marokkina, filwaqt li dan il-prodott pjuttost joriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent, hija għalhekk qarrieqa għall-konsumatur.

116. Tali tikketta ma tkunx konformi mar-rekwiżit ġenerali ta’ għajnuna lill-konsumatur biex “jagħżel b’mod informat” ix-xiri tiegħu, li jista’ jkun relatat ma’ elementi ta’ natura etika, u lanqas ma jirrifletti b’mod adegwat il-pożizzjoni politika attwali tal-Unjoni.

117. Fuq din il-bażi, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-parti tar-raba’ domanda dwar l-obbligu pożittiv fil-qasam tal-ittikkettjar għandha tispjega li r-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, ir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli u r-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix jeħtieġu li l-prodotti inkwistjoni jkollhom tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini li tirrifletti l-provenjenza tagħhom mit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

d)      Huwa possibbli li jsir riferiment għar-Renju tal-Marokk?

118. Il-konklużjoni preċedenti tħalli xi spazju għal riferiment addizzjonali għar-Renju tal-Marokk?

119. F’Vignoble Psagot, invokata fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tispjega jekk l-indikazzjoni korretta tat-territorju ta’ oriġini (f’dik il-kawża, l-Għoljiet tal-Golan, jew ix-Xatt tal-Punent) tistax titqies bħala insuffiċjenti fiha nnifisha biex tipprovdi dettalji informattivi korretti lill-konsumatur dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti li joriġinaw minn dak it-territorju.

120. Għalhekk wieħed jista’ jistaqsi jekk iż-żieda tar-“Renju tal-Marokk” mal-ittikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent tipprovdix ukoll informazzjoni oġġettivament korretta lill-konsumatur tal-Unjoni.

121. Is-sitwazzjoni speċifika fiż-żona ġeografika li fuqha hija bbażata s-sentenza Vignoble Psagot, li fiha ċerti partijiet tar-Repubblika Għarbija Sirjana (l-Għoljiet tal-Golan) jew tat-territorju Palestinjan (ix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalem tal-Lvant) li minnhom joriġinaw il-prodotti inkwistjoni f’dik il-kawża kienu okkupati minn “insedjamenti Iżraeljani”, wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li l-ommissjoni ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-post hija ta’ natura li tqarraq bil-konsumatur (96).

122. Għalhekk, mingħajr indikazzjoni tal-post ta’ provenjenza vera, il-konsumaturi jistgħu jingħataw x’jifhmu (jiġu mqarrqa) li, fil-każ tax-Xatt tal-Punent (inkluża Ġerusalem tal-Lvant), prodott ikun ġej minn produttur Palestinjan jew, fil-każ tal-Għoljiet tal-Golan, minn produttur Sirjan (97).

123. Sempliċi riferiment għall-“insedjament Iżraeljan” ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat dan it-tip ta’ nuqqas (98).

124. Iċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt, kif ukoll il-kwistjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, huma differenti fil-kawża ineżami.

125. It-territorju tas-Saħara tal-Punent huwa territorju distint għall-finijiet tal-indikazzjoni tal-oriġini għal finijiet doganali u ta’ ttikkettjar.

126. Huwa minnu li, attwalment, huma biss l-awtoritajiet Marokkini li jistgħu – u huma rrikonoxxuti mill-Unjoni li għandhom l-awtorità biex – jivverifikaw l-oriġini ta’ prodott bħala li joriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent (ara l-punti 97 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

127. Madankollu, dan ma jfissirx li l-oriġini ta’ prodott li ġej mis-Saħara tal-Punent tinbidel meta sseħħ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni.

128. F’Vignoble Psagot, il-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx jekk setgħux jiġu indikati żewġ pajjiżi jew territorji, iżda pjuttost jekk l-indikazzjoni tal-“post ta’ provenjenza” iktar iddettaljata tistax tiżdied mal-informazzjoni dwar il-pajjiż/territorju ta’ oriġini – minkejja l-konġunzjoni “jew” bejn it-termini “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza” fir-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi.

129. Fid-dawl tal-fatt li l-komunità internazzjonali u l-Unjoni kienu oġġezzjonaw għall-insedjamenti Iżraeljani f’dawn it-territorji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-provenjenza reali tal-merkanzija li toriġina minn dawn l-insedjamenti jċaħħad lill-konsumaturi milli jieħdu deċiżjoni informata dwar ix-xiri (99).

130. Fil-kawża ineżami, madankollu, iż-żieda tal-indikazzjoni “Renju tal-Marokk” mal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni ma tispjegax b’mod iktar ċar il-post ta’ provenjenza tagħhom.

131. L-ewwel, informazzjoni ta’ dan it-tip ma hijiex oġġettivament korretta.

132. It-tieni, konsumatur informat tajjeb u avżat jista’ jiddeduċi l-informazzjoni neċessarja dwar l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni jekk tissemma’ biss is-Saħara tal-Punent bħala pajjiż ta’ oriġini.

133. Tkun xi tkun il-pożizzjoni suġġettiva ta’ konsumatur fir-rigward tal-preżenza tar-Renju tal-Marokk fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, iż-żieda tal-indikazzjoni “Renju tal-Marokk” ma’ prodotti li ma joriġinawx minnu tista’ għalhekk tqarraq bil-konsumatur preċiżament “għaliex ma tirriflettix il-verità kollha” (100) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

134. Finalment, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini, kif mifhum fl-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni ġenerali u speċifiċi applikabbli għall-prodotti inkwistjoni (101), jeħtieġ denominazzjoni unika tal-pajjiż ta’ oriġini (102).

135. L-ewwel, inqis li dan jirriżulta mill-użu tat-terminu “pajjiż” fis-singular fit-test u fil-premessi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix (103).

136. It-tieni, dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-loġika ġenerali li fuqha hija bbażata d-determinazzjoni tal-“oriġini” skont l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Skont din id-dispożizzjoni, “[merkanzija] ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed” (104) tista’ toriġina biss minn pajjiż jew territorju wieħed (105).

137. Minn din il-perspettiva, l-istess raġunijiet ta’ interpretazzjoni konsistenti li jappoġġjaw allinjament tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “oriġini” fid-dritt tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel mar-regoli applikabbli għall-istatistika doganali u tal-kummerċ barrani għandhom ukoll jimmilitaw favur l-adozzjoni ta’ fehim simili fir-rigward tas-singularità tal-oriġini fil-qasam tal-ittikkettjar.

138. Jekk dawn ir-regoli jiġu segwiti, il-prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom jiġu ttikkettjati bħala tali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe provenjenza oħra.

139. Dan ir-raġunament huwa appoġġjat mill-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li aċċettat li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli twassal għall-konklużjoni li huwa żbaljat li l-prodotti inkwistjoni jiġu ttikkettjati bħala li joriġinaw mir-Renju tal-Marokk.

140. Madankollu, kif spjegat ukoll il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni li għaddej f’dan it-territorju, ma għandu jiġi eskluż l-ebda eżitu, peress li l-Unjoni adottat pożizzjoni newtrali fuq il-futur tat-territorju tas-Saħara tal-Punent (106).

141. L-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott li joriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent bħala “Renju tal-Marokk” ħdejn riferiment għas-“Saħara tal-Punent” għalhekk tmur kontra l-pożizzjoni espressa mill-Unjoni dwar it-territorju tas-Saħara tal-Punent, tikser ir-rekwiżit li tiġi stabbilita informazzjoni “korretta, newtrali u oġġettiva” (107) dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni u tikser l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżiġi oriġini singulari għal finijiet ta’ ttikkettjar.

142. Bħala konklużjoni, it-tikketta tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni ma għandhiex tinkludi indikazzjoni territorjali ħlief dik tas-Saħara tal-Punent.

IV.    Konklużjoni

143. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

“(1)      L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 134(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx, fihom innifishom, lil Stat Membru jadotta unilateralment miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ frott u ħaxix minn pajjiż terz minħabba nuqqas ta’ turija ta’ tikketta ta’ “pajjiż ta’ oriġini” korretta.

(2)      L-Artikoli 5(1) u 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, l-Artikoli 9 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, u l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, moqri fid-dawl tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 952/2013 u l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat‑12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju,

għandhom jiġi interpretati fis-sens li jeżiġu li l-imballaġġ tat-tadam cherry u tal-bettieħ tal-varjetà Charentais li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandu jġorr tikketta ta’ “pajjiż ta’ oriġini” li tirrifletti l-oriġini tagħhom minn dan it-territorju.

Fl-istat attwali tad-dritt u tal-politika tal-Unjoni Ewropea, tikketta ta’ dan it-tip ma għandhiex tirreferi għar-Renju tal-Marokk.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Minn Marzu 2023, il-Gvernijiet tal-Bulgarija, tal-Ungerija, tal-Polonja, tar-Rumanija u tas-Slovakkja heddew li jipprojbixxu unilateralment l-importazzjoni taċ-ċereali u tal-prodotti agrikoli Ukreni mingħajr tariffa (miżura imposta b’reazzjoni għall-fatt li l-Gvern Russu kellu fil-mira l-esportazzjonijiet ta’ ċereali mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukraina). Bi tweġiba, il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment sal‑5 ta’ Ġunju 2023 (Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/903 tat‑2 ta’ Mejju 2023 li jintroduċi miżuri preventivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 114I, p. 1)), imbagħad sal‑15 ta’ Settembru 2023 (Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1100 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 li jintroduċi miżuri preventivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 144I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 149, p. 91)), introduċiet miżuri preventivi temporanji li jipprojbixxu r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera jew it-tqegħid taħt ċerti proċeduri doganali ta’ qamħ, qamħirrum, kolza u żerriegħa tal-ġirasol mill-Ukraina, sakemm dik il-merkanzija ma tiġix imċaqalqa lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż jew territorju barra t-territorju doganali tal-Unjoni.


3      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973; iktar ’il quddiem “Il‑Kunsill vs Front Polisario”).


4      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118; iktar ’il quddiem il-“Western Sahara Campaign UK”).


5      Il‑Kunsill vs Front Polisario, punt 108, u Western Sahara Campaign UK, punt 64.


6      In-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tal-Kumitat ta’ Informazzjoni mit-Territorji Mhux Awtonomi, Suppliment Nru 14 (A/5514) (1963), Anness III “Lista ta’ Territorji Mhux Awtonomi skont il-Kapitolu XI tal-Karta fil‑31 ta’ Diċembru 1962 ikklassifikati skont ir-reġjun ġeografiku”.


7      Ara l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ottubru 1975, Saħara tal-Punent (Rapporti tal-QIĠ 1975, p. 12, punt 162). Għal deskrizzjoni iktar iddettaljata tal-avvenimenti li wasslu għas-sitwazzjoni politika attwali tas-Saħara tal-Punent, ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-lum fil-Kawżi magħquda C‑778/21 P u C‑798/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 5 sa 15, kif ukoll fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 8 sa 28.


8      Il‑Kunsill vs Front Polisario, punt 92, u Western Sahara Campaign UK, punt 69.


9      Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2000, L 70, p. 2; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), li kien inkwistjoni f’Il‑Kunsill vs Front Polisario, u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 294M, p. 134; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd”), li kien inkwistjoni f’Western Sahara Campaign UK.


10      Il‑Kunsill vs Front Polisario, punt 92, u Western Sahara Campaign UK, punti 64 u 69.


11      Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat‑28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441 tal‑4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4).


12      Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 4; iktar ’il quddiem il-“Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”).


13      Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2019, L 77, p. 8), u l-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2019, L 77, p. 18).


14      Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑344/19 u T‑356/19, EU:T:2021:640).


15      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Ara, f’dan ir-rigward, is-sottomissjonijiet fil-kawża mressqa quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tar-relatur pubbliku Bokdam-Tognetti, li jispjega li “des melons et tomates produits dans la région de Dakhla, c’est-à-dire au Sahara occidental, sont effectivement importés et commercialisés en France en mentionnant le Maroc comme pays d’origine, sans indication faisant état du Sahara occidental” (“il-bettieħ u t-tadam prodotti fir-reġjun ta’ Dakhla, jiġifieri fis-Saħara tal-Punent, huma effettivament importati u kkummerċjalizzati fi Franza u jsemmu lill-Marokk bħala l-pajjiż ta’ oriġini, mingħajr ebda indikazzjoni tas-Saħara tal-Punent”): sottomissjonijiet ta’ Emilie Bokdam-Tognetti, relatur pubbliku, Nru 445088 – Confédération paysanne (9 ta’ Ġunju 2022).


17      Kawżi magħquda C‑778/21 P u C‑798/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario u Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario.


18      Fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw, rispettivament, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), li fiha din il-qorti kkonkludiet li l-Kunsill kien kiser il-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario.


19      It-tielet domanda tad-deċiżjoni tar-rinviju, li mhux ser nittratta f’dawn il-konklużjonijiet, tqajjem il-kwistjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2019/217; din hija kwistjoni li ser neżamina separatament fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario.


20      Kif ser jidher mill-konklużjonijiet tiegħi, fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux ser ikollha għalfejn tirrispondi għat-tieni u t-tielet domanda (peress li dawn id-domandi, kif ifformulati, huma kontinġenti fuq risposta affermattiva għall-ewwel domanda). Kif ser nispjega wkoll fil-punt 56 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, fid-dawl tar-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda, hemm ukoll argument li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għar-raba’ domanda.


21      Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, fil-ĠU 2023, L 142, p. 41 u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi”).


22      Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, fil-ĠU 2022, L 195, p. 106 u fil-ĠU 2023, L 200, p. 51 (ĠU 2013, L 347, p. 671, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli”).


23      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix”).


24      Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni), (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).


25      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 990/93 tas‑26 ta’ April 1993 dwar il-kummerċ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (is-Serbja u l-Montenegro) (ĠU 1993, L 102, p. 14), li stabbilixxa embargo kummerċjali fuq ċerti prodotti li ġejjin minn jew li kienu fi tranżitu mir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (is-Serbja u l-Montenegro), u li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (li sar l-Artikolu 207 TFUE).


26      Artikolu 3(1)(e) TFEU.


27      Kif jispjega l-Gvern Franċiż, għalkemm ir-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jimponi fuq l-operaturi l-obbligu li jittikkettjaw b’mod korrett il-prodotti tal-ikel li huma jikkummerċjalizzaw (l-Artikolu 8(2)), dan ma jipprojbixxihomx milli jimportaw dawn l-istess prodotti jekk it-tikketta ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 38(1) tal-istess regolament jipprojbixxi speċifikament lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu miżuri mhux awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, filwaqt li l-Artikolu 33(3)(f) tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli jipprevedi l-possibbiltà tal-irtirar mis-suq, din is-setgħa, li fi kwalunkwe każ tista’ tiġi limitata mill-Kummissjoni (l-Artikolu 37(d)), ma testendix għal-limitazzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti mhux konformi. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ emerġenza, li jidher li jestendu għal miżuri relatati mal-kummerċ, jistgħu jiġu adottati biss mill-Kummissjoni (premessi 189 u 201, u l-Artikolu 221). Dan japplika wkoll għar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix, li, filwaqt li jippreċiża li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jivverifikaw l-applikazzjoni korretta tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ kontrolli ta’ konformità (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(1)), ma jawtorizzax lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ prodotti mhux konformi.


28      Fil-fatt, il-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 207(1) TFUE tirreferi għall-politika kummerċjali komuni bħala bbażata fuq “prinċipji uniformi”.


29      Ara l-Artikolu 2(1) TFUE.


30      Ma hemmx għalfejn jingħad li l-Artikolu 207 TFUE jista’ dejjem iservi bħala bażi legali għall-introduzzjoni ta’ miżura tal-Unjoni biex jiġi sospiż il-kummerċ ma’ Stat jew territorju terz: ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1432/92, tal‑1 ta’ Ġunju 1992, li jipprojbixxi l-kummerċ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubbliki tas-Serbja u ta’ Montenegro (ĠU 1992, L 151, p. 4), li jistabbilixxi embargo kummerċjali li jkopri l-importazzjonijiet kollha fit-territorju tal-Komunità (dak iż-żmien) tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja kif ukoll l-esportazzjonijiet kollha mill-Komunità lejn dan il-pajjiż.


31      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/00 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Spazju tal-Ajru Komuni Ewropew), tat‑18 ta’ April 2002 (EU:C:2002:231, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara l-Artikolu 207(1) TFUE, li jippreċiża li “[il]-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment [...] il-kisba ta’ l-uniformità fil-miżuri ta’ liberalizzazzjoni”. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et (C‑432/92, EU:C:1994:277, punt 53) (li tispjega li l-eżistenza ta’ prattiki differenti bejn l-Istati Membri toħloq “inċertezza ta’ natura li x’aktarx tikkomprometti l-eżistenza ta’ politika kummerċjali komuni”).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 84).


34      Ara r-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU 2012, L 351, p. 40), li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-Istati Membri li jżommu fis-seħħ u jemendaw it-trattati bilaterali ta’ investiment eżistenti tagħhom (iktar ’il quddiem it-“TBI”), kif ukoll li jikkonkludu TBI ġodda, filwaqt li ġeneralment jimponilhom li jeliminaw l-inkompatibbiltajiet bejn dawn it-TBI u d-dritt tal-Unjoni.


35      Ara, pereżempju, il-miżuri ta’ salvagwardja previsti mill-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU 2015, L 83, p. 16; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni”) (li jkopri l-importazzjonijiet għal pajjiżi u t-territorji li huma membri tal-WTO), kif ukoll tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU 2015, L 123, p. 33) (li jkopri l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma humiex membri tal-WTO).


36      Ara, pereżempju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal‑31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU 2019, L 31, p. 27) (li jistabbilixxi kwota tariffarja ta’ 25 % meta ċerti kategoriji ta’ prodotti tal-azzar jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni għal perijodu ta’ tliet snin).


37      Ara l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2015/755. Għal eżempju reċenti ta’ tali miżura ta’ salvagwardja “reġjonalizzata”, ara l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/1100 (li jillimita r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-importazzjonijiet tal-qamħ, tal-qamħirrum, tal-kolza u taż-ż-żerriegħa tal-ġirasol li joriġinaw fl-Ukraina fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija jew fis-Slovakkja).


38      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji, li jipprevedi dan ir-rekwiżit u li għalhekk għandu jinforma l-qari tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li tispjega li l-prinċipju ta’ pacta sunt servanda jeħtieġ interpretazzjoni f’konformità mad-dritt sekondarju tal-Unjoni stabbilit fid-dawl ta’ wieħed mill-ftehimiet tal-WTO).


39      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma rrikonoxxiet il-libertà tal-kummerċ internazzjonali, wieħed jista’ tal-inqas jargumenta li t-Trattati jintroduċu wkoll fil-kuntest tal-politika kummerċjali esterna tal-Unjoni l-idea tal-istess tip ta’ liberalizzazzjoni tal-ordinament tas-suq li beda l-proġett Ewropew ab initio. Insostenn ta’ din it-teżi, ara Petersmann, E.-U., “National constitutions and international economic law”, f’Hilf, M., and Petersmann, E.-U. (edituri), National constitutions and international economic law, Kluwer, Bielefeld, 1993, p. 24. Għal fehma opposta, ara Peers, S., “Fundamental right or political whim? WTO law and the European Court of Justice”, f’de Burca, G., u Scott, J. (edituri), The EU and the WTO: Legal and Constitutional Issues, Bloomsbury Publishing, 2001, p. 129.


40      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2002, Expo Casa Manta (C‑296/00, EU:C:2002:316, punt 34) (li għamlet analoġija ma’ dispożizzjoni preċedenti għall-Artikolu 24 tar-Regolament Bażiku dwar l-Importazzjoni u għall-Artikolu 36 TFUE).


41      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 1985, Association des Centres distributeurs Leclerc u Thouars Distribution (229/83, EU:C:1985:1, punt 30) (li tispjega li d-derogi għall-attwali Artikolu 36 TFUE għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv).


42      Sabiex nuża l-formulazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’Expo Casa Manta (C‑296/00, EU:C:2002:28, punt 27).


43      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2002, Expo Casa Manta (C‑296/00, EU:C:2002:316, punt 31).


44      Il-kunċett ta’ kontrolli doganali huwa ddefinit fl-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni bħala “atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw il-konformità mal-leġislazzjoni doganali u leġislazzjoni oħra li tirregola d-dħul, ħruġ, tranżitu, moviment, ħażna u użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra minn dak it-territorju, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni u merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari”.


45      Jiġifieri “projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ġustifikati skont, inter alia, il-moralità pubblika, il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika”.


46      Iżda anki li kieku tali awtorizzazzjoni kienet teżisti, jiena nsostni li l-ġustifikazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom jistgħu jittieħdu tali miżuri, kif ukoll il-limiti ta’ dawn il-miżuri, huma l-istess bħal dawk diskussi fil-punti 40 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, bla ħsara għall-assenza ta’ żnaturament tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha (ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑13/07, EU:C:2009:190, punt 83).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, EU:C:1965:122, p. 971).


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 15).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22).


50      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Tesco Stores ČR (C‑881/19, EU:C:2022:15, punti 44 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jirrikonoxxi l-ispettru wiesa’ ta’ rekwiżiti li l-konsumatur tal-Unjoni jkollu għall-prodotti tal-ikel tiegħu. Huwa jispjega li “[l]-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati [...] b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi”. Ara wkoll il-premessa 4 tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi.


53      Premessa 9 tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi.


54      Premessa 9(1)(i) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi.


55      Ara, f’dan ir-rigward, id-definizzjoni fl-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, li jiddefinixxi l-post ta’ provenjenza bħala “kwalunkwe post minn fejn l-ikel hu indikat li ġej, u li mhuwiex il-‘pajjiż tal-oriġini’ kif determinat taħt l-Artikoli 23 sa 26 tar-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307]” L-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jispjega wkoll li “[għall]-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-pajjiż tal-oriġini ta’ ikel għandu jirriferi għall-oriġini ta’ ikel kif iddeterminata skont l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.” Ir-regoli li kienu preċedentement stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament Nru 2913/92 issa jinsabu fl-Artikoli 59 sa 63 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.


56      Kif previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi.


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 25; iktar ’il quddiem “Vignoble Psagot”).


58      L-Artikolu 1(4) tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jispjega li dan japplika “mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tikkettar previsti f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari”.


59      Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, ir-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli japplika għall-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati. Dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, jinkludi ħarsa ġenerali magħżula lejn il-kapitoli ta’ dak li issa evolva fin-Nomenklatura Magħquda (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).


60      Ara l-Artikolu 74 tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli.


61      Il-premessa 64 tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli.


62      Ara l-Artikolu 75(3)(j) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli.


63      Ara l-Artikolu 75(1)(b) tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli.


64      Ara l-Artikolu 76(2) tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli.


65      Ara l-Artikolu 76(3) tar-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli.


66      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix.


67      Ara l-Artikolu 1(1) u 3(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. Il-parti A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi d-dettalji tal-istandards ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti.


68      Ara l-Artikolu 3(2)(j) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix, li jistipula li l-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni inklużi fil-Parti B tal-Anness I ta’ dak ir-regolament għandhom japplikaw għat-“tadam”. It-Taqsima I tal-Parti 10, tal-Parti B, tal-Anness I, sussegwentement tistabbilixxi li l-kunċett ta’ tadam jinkludi wkoll it-tadam “cherry”.


69      Ara l-Ittra C, tat-Taqsima VI, tal-Parti 10, tal-Parti B, tal-Anness I tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. Għal dan l-għan, nota ta’ qiegħ il-paġna tispeċifika li “[għandu] jiġi indikat l-isem sħiħ jew dak li l-iktar jintuża”.


70      Ibid.


71      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix, li jispjega li “[l]-frott u l-ħaxix li mhux kopert minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni għandu jikkonforma mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni”. L-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni msemmi f’din id-dispożizzjoni huwa stabbilit fil-Parti A tal-Anness I tal-istess regolament.


72      Ara l-Parti 4, tal-Parti A, tal-Anness I tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. Għal darba oħra, nota ta’ qiegħ il-paġna tispeċifika li “[għandu] jiġi indikat l-isem sħiħ jew dak li l-iktar jintuża”.


73      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. L-Artikolu 11(3) tal-istess regolament jistabbilixxi wkoll li, “[f]’każijiet fejn il-verifiki juru irregolaritajiet sinifikanti, l-Istati Membri għandhom iżidu l-frekwenza tal-verifiki marbutin man-negozjanti, il-prodotti, l-oriġini, jew il-parametri l-oħrajn ikkonċernati”. Il-kontrolli tal-konformità huma neċessarji, b’mod partikolari, minħabba li l-“pajjiż tal-oriġini” rilevanti għandu jkun immarkat “b’mod leġġibbli” u “li ma jitħassarx” u għandu jkun viżibbli minn barra, stampat direttament fuq il-pakkett, b’tikketta li tifforma parti integrali mill-pakkett, jew tkun imwaħħla miegħu.


74      Ara l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Frott u l-Ħaxix.


75      Fir-rigward tar-Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi u r-Regolament dwar il-Prodotti Agrikoli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-assenza ta’ tali definizzjoni fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑686/17, EU:C:2019:659, punt 46).


76      Ara l-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jistabbilixxi li l-artikoli relatati mal-akkwist u l-prova tal-oriġini (l-Artikoli 60 u 61 tiegħu) “jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-għanijiet tal-applikazzjoni [...] miżuri oħrajn tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija”.


77      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑686/17, EU:C:2019:659, punt 46).


78      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑686/17, EU:C:2019:659, punt 50) (li tispjega li “[fil]-fatt, l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini għandha, sabiex tagħti l-effettività kollha tagħhom għad-dispożizzjonijiet korrispondenti u għal raġunijiet ta’ koerenza, tkun ibbażata fuq l-istess definizzjonijiet, sew jekk fil-qasam doganali, sew jekk f’dak agrikolu jew ta’ protezzjoni tal-konsumaturi”).


79      Ara l-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60).


80      Fil-kawża ineżami, ma huwiex ikkontestat li l-prodotti inkwistjoni jinħasdu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.


81      Vignoble Psagot, punt 30. Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “pajjiż” bħala sinonimu mal-kunċett ta’ “Stat”, li jirreferi għal “entità sovrana li teżerċita, fi ħdan il-fruntieri ġeografiċi tagħha, il-ġurisdizzjoni kollha rrikonoxxuta mid-dritt internazzjonali” (ara l-punti 28 u 29).


82      Ara Vignoble Psagot, punt 31. Kif issostni r-rikorrenti, huwa fuq din il-bażi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Vignoble Psagot estendiet ir-rekwiżit ta’ ttikkettjar korrett tal-oriġini għal “territorju okkupat mill-Istat ta’ Iżrael”, jiġifieri x-Xatt tal-Punent, inkluża Ġerusalem tal-Lvant, u l-Għoljiet tal-Golan.


83      Il‑Kunsill vs Front Polisario, punt 107, u Western Sahara Campaign UK, punti 64 u 69.


84      Ara l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat‑12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju (ĠU 2020, L 334, p. 2, rettifika fil-ĠU 2021, L 104, p. 55).


85      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).


86      Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li huma prattikament ma jistgħux jikkonkludu ftehim kummerċjali distint mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Qabbel dan mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO (approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑2 ta’ Ġunju 1997 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Proviżorju ta’Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja dwar il-kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju ta’ l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 122), li, skont l-Artikolu 16(4) tal-Protokoll tiegħu, jipprevedi li għandu jinħareġ ċertifikat ta’ moviment EUR.1 mill-awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaza jekk il-prodotti għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u mill-Medda ta’ Gaza u jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra għall-esportazzjoni. Ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 50 sa 52) (li tispjega li l-awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża huma kompetenti fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, bl-esklużjoni tal-kompetenza tal-awtoritajiet doganali Iżraeljani).


87      Ara, bl-istess mod u b’analoġija, il-prova li r-rikonoxximent tal-Istat jista’ jiġi sseparat miċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini, l-Artikolu 46 u l-Protokoll III tal-Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda u l-Kosovo *, min-naħa l-oħra (ĠU 2016, L 71, p. 3), li jipprevedi regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini għall-prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju. L-asterisk fl-isem jirreferi għad-dikjarazzjoni segwenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-ftehim: “Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/99 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.”


88      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vignoble Psagot, punt 25.


89      Rapport tal-Kummissjoni tal‑2015 ikkonstata li, “fost l-aspetti li jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur, it-tikkettar tal-oriġini jiġi wara fatturi bħall-prezz, it-togħma, id-dati ‘użu sa’/‘l-aħjar qabel’, il-konvenjenza u/jew id-dehra”. Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ ikel mhux ipproċessat, ta’ prodotti b’ingredjent uniku u ta’ ingredjenti li jirrappreżentaw iktar minn 50 % ta’ prodott tal-ikel (COM(2015) 204 final); iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Kummissjoni tal‑2015”).


90      Skont l-Ewrobarometru Speċjali Nru 389 tal‑2012 tal-Kummissjoni dwar l-attitudni tal-Ewropej lejn is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u l-kampanja (disponibbli fuq: https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/1054), “maġġoranza sostanzjali (71 %) tgħid li l-oriġini tal-ikel huwa importanti” [traduzzjoni libera] (p. 4), u l-oriġini ġiet irrapportata bħal waħda mit-tliet fatturi li l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni fix-xiri tal-ikel (p. 16).


91      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61).


92      Din l-għażla tista’ tkun ukoll deċiżjoni ta’ “votazzjoni bit-trolley”, billi wieħed jixtri, jew jirrifjuta li jixtri prodotti mill-partijiet tad-dinja li magħhom konsumatur għandu kwistjonijiet politiċi, ambjentali, kulturali jew oħrajn. L-espressjoni “votazzjoni bit-trolley” hija meħuda minn artiklu ta’ The Economist sabiex tispjega l-prattika tal-konsumaturi li jesprimu l-opinjonijiet politiċi tagħhom permezz tad-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom. Ara “Voting with your trolley: Can you really change the world just by buying certain foods?’, The Economist, Rapport speċjali, 7 ta’ Diċembru 2006.


93      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan f’Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:494, punti 47 sa 49).


94      Fil-fatt, l-evalwazzjoni li għandha tagħmel qorti meta d-dettalji informattivi żbaljati jirrigwardaw il-piż jew il-maturità approssimattiva tal-frott jew tal-ħaxix inkwistjoni hija l-istess bħal dik fir-rigward tal-indikazzjoni tal-provenjenza tagħhom.


95      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vignoble Psagot, punt 51.


96      Ara s-sentenza Vignoble Psagot, punt 51.


97      Ara s-sentenza Vignoble Psagot, punt 49.


98      Ara s-sentenza Vignoble Psagot, punt 50.


99      Ara, f’dan is-sens, Vignoble Psagot, punti 48 sa 51.


100      Biex nuża l-kliem tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet tiegħu f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102, punt 78), li fihom huwa għamel ukoll distinzjoni bejn l-“informazzjoni oġġettivament korretta; informazzjoni oġġettivament skorretta; [u] informazzjoni li tkun oġġettivament korretta iżda li tista’ tqarraq bil-konsumatur minħabba li ma tirriflettix il-verità kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


101      Kif ġie diskuss fil-punti 66 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


102      Għall-kompletezza, din ir-regola tapplika wkoll fil-każ ta’ frott u ħaxix imħallta li joriġinaw minn iktar minn pajjiż terz wieħed, fejn jiżdied riferiment ġenerali dwar l-oriġini (bħal “taħlita ta’ frott u ħaxix li mhux mill-UE”; ara l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix jew fejn ikollu jidher kull “pajjiż tal-oriġini” individwali ħdejn l-isem tal-frott jew ħaxix ikkonċernat (ara, pereżempju, fil-każ ta’ taħlita ta’ tadam ta’ oriġini differenti, il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I u l-punt C tat-Taqsima VI tal-Parti 10 tal-Parti B tal-Anness I tal-istess regolament).


103      Ara, pereżempju, il-premessi 4 u 49 u l-Artikolu 5(4) u 6(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix. Ara wkoll il-Parti 4 tal-Parti A tal-Anness I u l-punt C tat-Taqsima VI tal-Parti 10 tal-Parti B tal-Anness I tal-imsemmi anness, li wkoll jużaw il-“pajjiż” ta’ oriġini fis-singular.


104      Artikolu 60(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.


105      Dan sakemm il-frott u l-ħaxix f’taħlita ma joriġinawx minn iktar minn pajjiż terz wieħed. Ara l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Frott u l-Ħaxix.


106      Il-pożizzjoni attwali tal-Unjoni tidher li hija li l-proċess politiku dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent għandu jkollu l-għan li jikseb “soluzzjoni politika ġusta, realistika, prammatika, dejjiema u aċċettabbli b’mod reċiproku [...] fuq il-bażi ta’ kompromess” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif indikat fil-punt 13 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni u tal-Marokk għall-erbatax-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (27 ta’ Ġunju 2019), disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2019/06/27/joint-declaration-by-the-european-union-and-the-kingdom-of-morocco-for-the-fourteenth-meeting-of-the-association-council/.


107      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Tesco Stores ČR (C‑881/19, EU:C:2022:15, punti 44 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Top