EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0354

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-6 ta’ Lulju 2023.
Weingut A vs Land Rheinland-Pfalz.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Tikkettjar u preżentazzjoni fis-settur tal-inbid – Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi – Regolament Delegat (UE) 2019/33 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) – Indikazzjoni tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li twettaq il-produzzjoni tal-inbid – Kiri ta’ vinji u tal-faċilità għat-tagħsir f’azjenda għall-produzzjoni tal-inbid oħra – Produzzjoni tal-inbid imwettqa kollha kemm hi fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.
Kawża C-354/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:554

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑6 ta’ Lulju 2023 (1)

Kawża C354/22

Weingut A

vs

Land Rheinland-Pfalz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbejjed — Denominazzjoni u preżentazzjoni tal-inbejjed — Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi — Regolament Delegat (UE) 2019/33 — Artikolu 54(1) — Tikkettjar — Indikazzjoni tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid — Kunċett ta’ azjenda — Rabta territorjali — Produzzjoni tal-inbid li ssir kollha hemm hi fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid — Parteċipazzjoni fil-produzzjoni tal-inbid ta’ terzi esterni għall-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid — Faċilità għat-tagħsir mikrija għal tagħsir barra mill-istabbiliment prinċipali tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid”






1.        Id-dritt tal-Unjoni jirregola bir-reqqa d-denominazzjonijiet ta’ oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-termini tradizzjonali tas-settur tal-inbid, kif ukoll it-tikkettjar u l-preżentazzjoni tal-inbejjed.

2.        Il-prodotti tal-inbid li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jistgħu, b’mod fakultattiv, jinkludu fuq it-tikketta u l-preżentazzjoni tagħhom ċerti termini li jindikaw l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid minn fejn ikunu ġejjin. Dan huwa previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 (2), li l-Anness VI tiegħu jelenka dawn it-termini għal xi Stati Membri.

3.        Fil-kawża li tagħti lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, vitikultur Ġermaniż għandu l-intenzjoni li juża t-terminu “Weingut” (kantina tal-inbid) fil-preżentazzjoni tal-inbejjed tiegħu, minkejja l-fatt li l-għeneb li dawn ġejjin minnu jiġi mkabbar, maqtugħ u magħsur fuq proprjetà li tappartjeni lil terza persuna, li tinsab 70 kilometru ’l bogħod mill-azjenda tal-vitikultur, li jikriha.

4.        Minħabba r-rifjut tal-Amministrazzjoni li taċċetta t-terminu “Weingut” fil-preżentazzjoni ta’ dawn l-inbejjed, inbdiet tilwima li fiha se jkollu jiġi ċċarat, sostanzjalment:

–      Jekk “azjenda” għandhiex tinftiehem bħala spazju fiżiku definit, li jinkludi biss il-vinji u l-bini u l-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-inbid li ma humiex separati mill-art tal-produttur tal-inbid.

–      Jekk jistax jiġi aċċettat li l-produzzjoni tal-inbid tkun saret kollha hemm hi fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid meta t-tagħsir tal-għeneb isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija mill-produttur, barra l-perimetru tal-proprjetà tiegħu stess. Jekk iva, tqum id-domanda dwar xi grad ta’ kontroll tal-proċess tal-produzzjoni tal-inbid huwa meħtieġ minn dan il-produttur.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (UE) Nru 1308/2013 (3)

5.        Skont l-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”):

“[…]

3.      Id-definizzjonijiet stabbiliti fir-[…]Regolament (UE) Nru 1307/2013 (4) […] japplikaw għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament […]”.

6.        Skont l-Artikolu 122 (“Setgħat iddelegati”):

“1.      Sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 227 dwar regoli u restrizzjonijiet dwar:

[…]

c)      l-indikazzjonijiet fakultattivi fir-rigward ta’:

[…]

iii)      termini li jirreferu għal azjenda u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom;

[…]”.

2.      IrRegolament Nru 1307/2013

7.        L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”) jistipula:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      ‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

[…]”.

3.      IrRegolament delegat 2019/33

8.        Skont il-premessa 48:

“L-indikazzjoni tal-azjenda li tisfrutta l-vinji li minnhom joriġinaw il-prodotti tad-dwieli u fejn jitwettqu l-proċessi kollha tal-produzzjoni tal-inbid, tista’ tikkostitwixxi valur miżjud għall-produtturi u indikazzjoni ta’ kwalità aħjar għall-konsumaturi. Għalhekk, jenħtieġ li jkun permissibbli li l-produtturi jindikaw l-isem ta’ azjenda fuq it-tikketti tal-prodotti tad-dwieli li jkollhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta”.

9.        L-Artikolu 1 (“Suġġett”) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 […] fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

[…]

f)      it-tikkettar u l-preżentazzjoni”.

10.      Fil-Kapitolu IV (“Tikkettar u preżentazzjoni”), fit-Taqsima 2 (“Dettalji fakultattivi”), l-Artikolu 54 (“Indikazzjoni tal-azjenda”) jippreskrivi:

“1. It-termini li jirreferu għal azjenda elenkata fl-Anness VI, għajr l-indikazzjoni ta’ isem il-bottiljatur, il-produttur jew il-bejjiegħ, għandhom ikunu riżervati għal prodotti tad-dwieli b’denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

Dawk it-termini għandhom jintużaw biss jekk il-prodott tad-dwieli jkun magħmul esklużivament minn għeneb maqtugħ f’vinji sfruttati minn dik l-azjenda, u l-produzzjoni tal-inbid issir kompletament f’dik l-azjenda.

[…]”.

11.      L-Artikolu 55 (“Referenza għall-ismijiet ta’ unitajiet ġeografiċi iżgħar jew akbar miż-żona sottostanti għad-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika protetta”) jippreskrivi:

“1.      Skont l-Artikolu 120(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 45 u 46, huwa biss prodott tad-dwieli li jkollu denominazzjoni ta’ oriġini protetta, indikazzjoni ġeografika protetta jew indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz li fuq it-tikketta jista’ jkollu referenza għall-isem ta’ unità ġeografika li tkun iżgħar jew akbar miż-żona ta’ dik id-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika.

2.      Fejn jissemmew ismijiet ta’ unitajiet ġeografiċi li jkunu iżgħar miż-żona sottostanti tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, iż-żona tal-unità ġeografika inkwistjoni għandha tkun iddefinita sew mill-applikant fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument uniku. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw l-użu ta’ dawn l-unitajiet ġeografiċi.

[…]”.

12.      L-Anness VI (“Termini msemmija fl-Artikolu 54(1)”) fih għall-Ġermanja t-termini li ġejjin: “Burg, Domäne, Kloster, Schloss, Stift, Weinbau, Weingärtner, Weingut, Winzer”.

B.      Iddritt Ġermaniż. Weinverordnung (IrRegolament dwar lInbid) (5)

13.      L-Artikolu 38(1) jipprovdi li tiġi aċċettata l-indikazzjoni ta’ azjenda għall-inbejjed Federweißer, Landwein (inbejjed tal-pajjiż), Qualitätswein (inbejjed ta’ kwalità), Prädikatswein (inbejjed ta’ kwalità superjuri), Sekt (inbejjed spumanti), Qualitätsperlwein (inbejjed spumanti ta’ kwalità) jew Qualitätslikörwein (inbejjed ta’ likuri ta’ kwalità) unikament skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, flimkien mal-Anness VI tiegħu. Fil-paragrafi 3 u 5 isir riferiment għall-indikazzjoni “Gutsabfüllung”.

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

14.      Il-proprjetarju (iktar ’il quddiem il-“vitikultur A”) ta’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tinsab f’Zell, fir-reġjun Ġermaniż ta’ Moselle, jipproduċi nbid mhux biss mill-għeneb mill-vinji tiegħu stess, iżda wkoll minn vinji oħra li jikrihom.

15.      Waħda minn dawn il-vinji mikrija, b’qies ta’ 2.15 ettaru, tinsab madwar 70 kilometru ’l bogħod minn Zell, f’azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tappartjeni għall-vitikultur B.

16.      Iż-żewġ vitikulturi daħlu f’kuntratt li permezz tiegħu B ikabbar id-dwieli tiegħu skont l-istruzzjonijiet ta’ A u, barra minn hekk, jikri lil A kull sena, esklussivament, faċilità għat-tagħsir għal perijodu ta’ 24 siegħa mill-qtugħ tal-għeneb fuq l-art mikrija.

17.      It-tagħsir isir fl-azjenda tal-vitikultur B skont il-prattiċi enoloġiċi tal-vitikultur A. L-inbid miksub b’dan il-mod jiġi mferra’ fi btieti li jiġu ttrasportati lejn l-istabbiliment prinċipali tal-vitikultur A mill-persunal tiegħu.

18.      Il-vitikultur A għandu l-intenzjoni li juża t-termini “Weingut” u “Gutsabfüllung” għall-inbid magħsur fil-faċilità għat-tagħsir li jikri mingħand il-vitikultur B.

19.      Il-Land Rheinland-Pfalz (il-Land Ġermaniż ta’ Rheinland-Pfalz, iktar ’il quddiem il-“Land”) iqis li, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-vitikultur A ma jistax juża dawn iż-żewġ termini.

20.      Meta l-kawża tressqet quddiem il-Verwaltungsgericht Trier (il-Qorti Amministrattiva ta’ Trier, il-Ġermanja), din il-qorti, f’sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, laqgħet ir-rikors ippreżentat mill-vitikultur A u ddikjarat li huwa kien awtorizzat juża t-termini “Weingut” u “Gutsabfüllung”. Il-punti rilevanti, għal din il-qorti, kienu li d-direzzjoni effettiva, is-sorveljanza permanenti u r-responsabbiltà esklużiva tal-produzzjoni tal-inbid kienu mwettqa mill-vitikultur A.

21.      Il-Land appella din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) li, f’sentenza tat‑12 ta’ Awwissu 2020, irrevokat is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet it-talba tal-vitikultur A.

22.      Il-qorti tal-appell ibbażat id-deċiżjoni tagħha, essenzjalment, fuq dawn l-argumenti:

–      Skont l-Artikolu 54(1), flimkien mal-Anness VI tar-Regolament Delegat 2019/33, l-indikazzjoni “Weingut” teħtieġ li l-produzzjoni tal-inbid isseħħ f’azjenda, li ma titqiesx bħala unità organizzattiva, iżda bħala grupp operattiv bi stabbiliment permanenti ddestinat b’mod dejjiemi mill-proprjetarju tiegħu għall-produzzjoni tal-inbid u li fih jaħdem persunal taħt is-setgħa tad-direzzjoni tiegħu. Separazzjoni tal-istadji tal-produzzjoni tal-inbid, bħal dak tat-tagħsir, tikkontradixxi l-idea li “kollox għandu jibqa’ fl-istess idejn”.

–      Il-kuntratt tal-kiri tal-faċilità għat-tagħsir ma jiggarantixxix li l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-inbid isiru taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà tal-istess persuna. Għall-kuntrarju, il-kuntratt jippermetti li t-tagħsir isir kemm fil-preżenza tal-produttur kif ukoll ta’ operatur tal-faċilità għat-tagħsir fis-servizz tal-proprjetarju tagħha, li ma jassigurax id-direzzjoni u r-responsabbiltà permanenti tal-vitikultur A.

23.      Il-vitikultur A ikkontesta s-sentenza ta’ appell quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-produzzjoni tal-inbid tista’ ssir kollha kemm hija fl-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 [...], jekk it-tagħsir isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija għal 24 siegħa minn azjenda oħra għall-produzzjoni tal-inbid li, matul dan iż-żmien, tkun esklużivament disponibbli għall-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwa meħtieġ li t-tagħsir isir minn impjegati tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid jew tal-inqas li dan ikun issorveljat fuq il-post, jew it-tagħsir jista’ jsir ukoll minn impjegati tal-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha taħt l-istruzzjonijiet tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid?

3)      Fil-każ li t-tagħsir jista’ jsir ukoll minn impjegati tal-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha, dawk l-impjegati huma awtorizzati jintervjenu fit-tagħsir fuq il-bażi ta’ deċiżjoni awtonoma fil-każ ta’ problemi mhux mistennija?

4)      L-attribuzzjoni tal-produzzjoni tal-inbid lill-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid hija eskluża fil-każ li l-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha u li twettaq it-tagħsir ikollha interess proprju fil-mod kif isir it-tagħsir għaliex fil-kuntratt konkluż għall-kultivazzjoni tad-dwieli, li ġie wkoll konkluż ma’ dik l-azjenda, minbarra l-miżata relatata maż-żona ta’ kultivazzjoni ġiet miftiehma miżata addizzjonali li tiddependi fuq ir-rendiment u l-kwalità għal kull ettolitru tal-inbid Kabinett, Spätlese u Auslese?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

24.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-vitikultur A u mill-Kummissjoni Ewropea. It-tnejn li huma, kif ukoll il-Land, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑3 ta’ Mejju 2023.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Lewwel domanda preliminari

26.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-produzzjoni tal-inbid tistax titqies li tkun saret kollha kemm hi fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid, meta t-tagħsir isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija għal 24 siegħa minn azjenda oħra għall-produzzjoni tal-inbid (6).

27.      Fil-fehma tagħha:

–      L-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni turi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 57(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 (7), timplika restrizzjoni, peress li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-produzzjoni tal-inbid għandha ssir “kollha kemm hi” fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid.

–      Is-sens u l-għan tal-leġiżlazzjoni jidhru li huma sabiex tiġi protetta l-identifikazzjoni tal-azjendi għall-produzzjoni tal-inbid li jikkultivaw l-vinji huma stess u jiggarantixxu l-produzzjoni tal-inbid mill-bidu sal-aħħar, assoċjata mal-aspettattiva tal-konsumaturi rigward il-kwalità superjuri tal-inbid.

–      Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma hijiex kategorika għal kollox. Jekk il-kiri ta’ vinji li jinsabu f’distanza konsiderevoli mill-istabbiliment prinċipali tal-azjenda huwa irrilevanti għall-indikazzjoni, loġikament lanqas il-kiri ta’ faċilità għat-tagħsir tal-inbid sabiex isir it-tagħsir fuq il-post u jiġi evitat it-trasport tal-għeneb ma huwa relevanti. Fil-fatt, l-użu komuni ta’ faċilitajiet ta’ azjenda huwa komuni fil-produzzjoni tal-inbid u jirriżulta li huwa razzjonali mill-perspettiva tal-ġestjoni tan-negozju.

28.      Ir-Regolament Delegat 2019/33 ġie adottat mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1308/2013 (8). Fost l-aspetti li għalihom l-atti delegati jistgħu jiġu estiżi hemm “termini li jirreferu għal azjenda u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom” [l-Artikolu 122(1)(c)(iii), tar-Regolament Nru 1308/2013].

29.      Permezz ta’ din il-kopertura, l-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat 2019/33 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-“indikazzjoni tal-azjenda”. Isir riferiment għall-Anness VI rigward il-lista ta’ termini ammissibbli (9) fuq it-tikketta jew fil-preżentazzjoni tal-prodott, li jirreferu għal azjenda għall-produzzjoni tal-inbid.

30.      Mill-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat jiġi dedott li dawn it-termini:

–      għandhom ikunu differenti mill-indikazzjoni tal-isem tal-bottiljatur;

–      huma riżervati għall-prodotti tad-dwieli b’denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti;

–      jistgħu “jintużaw biss jekk il-prodott tad-dwieli jkun magħmul esklużivament minn għeneb maqtugħ f’vinji sfruttati minn dik l-azjenda, u l-produzzjoni tal-inbid issir kompletament f’dik l-azjenda”.

31.      Huwa dan l-aħħar rekwiżit li jagħti lok għad-dubji, fondati, tal-qorti tar-rinviju u wassal għal interpretazzjonijiet diverġenti, iżda ugwalment fondati, mill-qorti tal-prim’istanza u l-qorti tal-appell. Ma hemm l-ebda dibattitu dwar iż-żewġ rekwiżiti l-oħrajn, li ħadd ma jikkontestahom f’din il-kawża.

32.      Ir-risposta tiegħi għal din id-domanda preliminari ser tindirizza l-kunċett ta’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid u l-obbligu li l-proċess tal-produzzjoni tal-inbid għandu jsir kollu kemm hu fiha.

1.      Azjenda għallproduzzjoni talinbid

33.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 jidher li jorbot it-terminu “azjenda” mal-art fiżika li fuqha l-vitikultur li jixtieq juża t-terminu (hawnhekk “Weingut”) jikkultiva l-vinji tiegħu stess u jwettaq il-proċess tal-produzzjoni tal-inbid.

34.      Din id-dispożizzjoni teħtieġ, kif diġà ntqal, li l-għeneb ikun ġie maqtugħ f’vinji sfruttati minn dik l-azjenda, u l-produzzjoni tal-inbid issir kompletament f’dik l-azjenda (10). Il-premessa 48 tar-Regolament Delegat 2019/33 tikkonferma dan, billi tirreferi għall-“azjenda li tisfrutta l-vinji li minnhom joriġinaw il-prodotti tad-dwieli u fejn jitwettqu l-proċessi kollha tal-produzzjoni tal-inbid” (11).

35.      Skont din l-ewwel interpretazzjoni tar-regola, l-“azjenda” tkun simili għal proprjetà li tiġbor flimkien l-artijiet għall-kultivazzjoni tad-dwieli u l-bini u l-faċilitajiet li fihom l-għeneb (maqtugħ hemmhekk) jgħaddi mill-proċess tal-produzzjoni tal-inbid. Din hija l-pożizzjoni tal-qorti tal-appell.

36.      Madankollu, “azjenda” għandha tinftiehem bħala l-grupp ta’ elementi, materjali u umani, organizzati għas-servizz tal-produzzjoni. F’dan is-sens, tkun assoċjata iktar mal-kunċett ta’ “kumpannija” u inqas mal-bażi ġeografika tagħha. Il-fatt li inbid ikun marbut ma’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid ma jimplikax, neċessarjament, li jiġi mill-vinji li jinsabu fl-art tal-kultivazzjoni ta’ din tal-aħħar.

37.      Il-konnotazzjoni semantika differenti tat-terminu “azjenda” twassal għal riżultati differenti:

–      Jekk l-azjenda hija ekwivalenti għall-proprjetà f’sens ġeografiku, la l-vinji u lanqas faċilità għat-tagħsir li jinsabu barra minnha ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat 2019/33.

–      Għall-kuntrarju, jekk l-azjenda tinftiehem bħala kumpannija, il-post fiżiku tal-vinji jew tal-faċilità għat-tagħsir ma jkunx determinanti (sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ kontroll li ser nirreferi għalihom iktar tard).

38.      L-approċċ lingwistiku ma huwiex definittiv, peress li r-Regolament Delegat 2019/33, minkejja li jużah, ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “azjenda”. Ir-Regolament Nru 1308/2013 lanqas ma jagħmel dan direttament, li, madankollu, fl-Artikolu 3(3) tiegħu, jirreferi għad-definizzjonijiet li jinsabu, fost oħrajn, fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (12).

39.      Skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, azjenda tfisser “[…] tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru.”

40.      Din il-katina ta’ riferimenti hija importanti għaliex, jekk il-kunċett ta’ “azjenda” tar-Regolament Nru 1307/2013 huwa validu għar-Regolament Nru 1308/2013, huwa validu wkoll għar-Regolament Delegat 2019/33 li huwa bbażat fuqu. Huwa l-istess kunċett u, għalhekk, l-interpretazzjoni tiegħu għandha tkun uniformi (13).

41.      L-approċċ mill-perspettiva tal-għajnuna agrikola ma huwiex mingħajr rabta mal-leġiżlazzjoni dwar l-inbid: il-prodotti tad-dwieli jaqgħu, bħala l-prodotti agrikoli li huma, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013 skont l-Artikolu 1 tiegħu flimkien mal-Anness I, parti XII.

42.      Fil-qosor, kollox jidher li jindika li, anki fir-rigward tar-Regolament Delegat 2019/33, it-terminu “azjenda” ma huwiex neċessarjament identifikat ma’ art agronomika waħda.

2.      Ilġurisprudenza talQorti talĠustizzja dwar ilkunċett ta’ azjenda

43.      Il-qorti tar-rinviju ssostni, ġustament, illi, fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ azjenda fir-Regolament Delegat 2019/33, huwa raġonevoli li wieħed jirrikorri għall-ġurisprudenza li interpretat dan il-kunċett fil-qasam tal-produzzjoni agrikola.

44.      Il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) għandha għarfien estensiv tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tinkludi, fid-digriet tagħha, kif din il-ġurisprudenza “diġà ċċarat f’liema ċirkustanzi unità ta’ produzzjoni li hija sempliċement mikrija għandha tiġi attribwita lil azjenda u meta din tiġi ġestita mill-bidwi” (14).

45.      Hija żżid, filwaqt li tiċċita s-sentenzi korrispondenti, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja:

–      Il-punt determinanti huwa, b’mod partikolari, jekk il-bidwi għandux biżżejjed awtonomija sabiex iwettaq l-attività agrikola tiegħu (15).

–      Ma huwiex meħtieġ li l-bidwi jkollu setgħa ta’ użu illimitat fuq is-superfiċi kkonċernata fil-kuntest tal-użu tagħha għal finijiet agrikoli (16).

–      L-eżerċizzju b’mod parallel ta’ attività mhux agrikola, minħabba l-intensità, in-natura, it-tul u d-dati tagħha, ma għandux jaffettwa b’mod sinjifikanti l-attività tal-bidwi li jiddetermina l-attribuzzjoni (17). Huwa b’dan il-mod biss illi jista’ jitqies li l-bidwi jamministra l-faċilitajiet mikrija b’mod awtonomu (18).

46.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar ir-rabta bejn is-superfiċi agrikoli u azjenda u fasslet kriterji relatati mal-amministrazzjoni tagħhom, rigward regoli li użaw it-terminu “azjenda” b’mod simili għal dak użat fir-Regolament Nru 1307/2013 (li jirreferi għalih ir-Regolament Nru 1308/2013 u, b’derivazzjoni minnu, ir-Regolament Delegat 2019/33).

47.      Din il-ġurisprudenza tagħti attenzjoni preferenzjali lill-element “unitajiet” (jew “unitajiet ta’ produzzjoni”), bħala parti integrali ta’ “azjenda”, b’rabta mal-ġestjoni jew l-amministrazzjoni tagħha.

48.      Fis-sentenza Landkreis Bad Dürkheim, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi, sabiex taċċetta l-użu ta’ superfiċi agrikola bħala komponent tal-unitajiet ta’ produzzjoni amministrati minn bidwi, in-natura tar-relazzjoni ġuridika li din it-talba kienet ibbażata fuqha kienet irrilevanti (19). Hija enfasizzat kif “żona tifforma parti mill‑azjenda tal‑bidwi meta dan ikollu s‑setgħa li jmexxi[h]a għal skopijiet tal‑eżerċizzju ta’ attività agrikola [li fir-rigward tagħha] il-bidwi għandu jgawdi minn awtonomija suffiċjenti [...] għall‑finijiet tal‑eżerċizzju tal‑attività agrikola tiegħu” (20).

49.      Is-separazzjoni territorjali tal-unitajiet ta’ produzzjoni hija iktar evidenti fis-sentenza Agrargenossenschaft Alkersleben. F’dik il-kawża, produttur li l-azjenda tiegħu kienet tinsab f’Land Ġermaniż ittrasferixxa l-parti essenzjali tal-produzzjoni tiegħu lejn Land ieħor. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-bidla fl-unitajiet ta’ produzzjoni sfruttati ma kinitx rilevanti: il-produttur igawdi l-libertà li jagħżel il-post tal-produzzjoni. Minflok, huwa meħtieġ li jamministra grupp ta’ unitajiet ta’ produzzjoni (anki jekk ma jkunux proprjetà tiegħu) li jinsabu fit-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru (21).

50.      Fis-sentenza Avio Lucos, ġie interpretat il-kunċett ta’ azjenda, diġà msemmi fir-Regolament Nru 1307/2013, filwaqt li ġiet enfasizzata, għal darba oħra, ir-rabta bejn l-unitajiet ta’ produzzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom (u mhux neċessarjament mal-proprjetà tagħhom) mill-bidwi (22).

51.      Il-linja gwida li toħroġ minn dawn is-sentenzi tinkoraġġixxi interpretazzjoni tal-kunċett “azjenda” li ma tillimitahx għall-artijiet li huma proprjetà tal-produttur, iżda pjuttost tippermetti li dan il-kunċett jiġi estiż għal artijiet mikrija (u, għalhekk, li jinsabu fuq superfiċi agrikoli differenti minn dawk tal-produttur innifsu).

3.      Lapplikazzjoni ta’ dawn ilkriterji għal din ilkawża

a)      Rigward lgħeneb maqtugħ f’vinji sfruttati minn lazjenda għallproduzzjoni talinbid”

52.      Skont din il-linja gwida, ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-fatt li l-prodott li huwa maħsub li jiġi ppreżentat taħt it-terminu “Weingut” ikun sar b’għeneb maqtugħ f’vinji li, filwaqt li fiżikament ma jikkorrispondux mal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid, jinsabu fuq art mikrija mill-produttur (23). Il-kunċett funzjonali, u mhux biss spazjali, tat-terminu “azjenda” għalhekk jippermetti dan.

53.      Il-partijiet kollha li intervjenew fis-seduta, inkluż il-Land, kienu unanimi f’din l-evalwazzjoni. Il-pożizzjoni tal-Land hija partikolarment rilevanti, peress li taċċetta li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li l-indikazzjoni tagħha ser tintwera fil-preżentazzjoni tal-inbid tista’ tinkludi vinji barranin (u ’l bogħod) li fuqhom il-proprjetarju ta’ din l-azjenda ma jkollux sjieda.

54.      Kif diġà pprovdejt (24), il-qorti tar-rinviju tidher li tasal għall-istess konklużjoni: il-kiri ta’ xi vinji li jinsabu f’distanza konsiderevoli mill-kwartieri prinċipali tal-vitikultur ma għandux, bħala prinċipju, ikollu impatt fuq l-użu tat-termini li jirreferu għall-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid (25).

55.      B’differenza mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 997/81 (26), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 jirriżerva t-termini kkontestati hawnhekk “għall-prodotti tal-inbid b’denominazzjonijiet tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” (27).

56.      Dan jispjega għaliex, f’din il-kawża, ma hemm l-ebda problema bil-fatt li l-vinji mikrija jinsabu madwar 70 kilometru bogħod minn Zell, il-kwartieri ġenerali prinċipali tal-produttur, peress li jappartjenu għall-istess reġjun kopert minn indikazzjoni ġeografika protetta (28).

57.      Il-qafas regolatorju jipprevedi, addizzjonalment u b’mod speċifiku, il-possibbiltà ta’ rabta bejn il-kwalità u unitajiet territorjali żgħar tal-produzzjoni tal-inbid. L-Artikolu 120(1)(g) tar-Regolament Nru 1308/2013 isupplimentat bl-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat 2019/33, jawtorizza l-ittikkettjar jew il-preżentazzjoni tal-inbejjed li jkun fihom, bħala indikazzjoni fakultattiva, “l-isem ta’ unità ġeografika oħra iżgħar jew ikbar miż-żona koperta mid-denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta”.

58.      L-użu tal-espressjoni unità ġeografika sabiex isir riferiment għal dawn iż-żoni żgħar, u n-nuqqas korrelattiv tagħha sabiex tiġi indikata l-azjenda agrikola li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid, jiżvela li din tal-aħħar ma għandhiex bilfors tkun ikkaratterizzata minn art inkluża fl-istess perimetru li tappartjeni lill-produttur. Għall-kuntrarju, l-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid tista’ tinkludi art li tkun proprjetà ta’ ħaddieħor, trasferita jew mikrija lill-produttur, li jeżerċita l-attività agrikola tiegħu fuqha.

59.      Dak li ġie stabbilit hawn fuq jiffaċċja oġġezzjoni, kif enfasizzat mill-qorti tar-rinviju: (29) jekk l-inkorporazzjoni (fit-tikkettjar jew fil-preżentazzjoni tal-inbid) tat-termini li jirreferu għall-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid hija intiża sabiex “il-konsumatur ikun infurmat aħjar dwar il-post fejn ikun ġie mmanifatturat il-prodott tad-dwieli, b’mod partikolari fejn dawn il-postijiet ikunu magħrufa sew mill-konsumatur” (30), il-konsumaturi ma jkunux qegħdin jiġu mqarrqa bl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ azjenda fis-sens indikat iktar ’il fuq?

60.      L-oġġezzjoni hija importanti, iżda ma hijiex insormontabbli. Il-konsumatur jafda nbid ta’ kwalità għolja ppreżentat taħt it-terminu li jagħti ismu lill-azjenda u għandu d-dritt li r-rabta bejn l-inbid u l-azjenda ma tisparixxix. Iżda, sabiex dan ikun il-każ, ma huwiex essenzjali li l-inbid jiġi, preċiżament, minn art li tkun il-proprjetà tal-produttur; huwa biżżejjed li l-elaborazzjoni tal-inbid titwettaq taħt id-direzzjoni, ir-responsabbiltà u l-kontroll tiegħu, bħala proprjetarju tal-azjenda mifhuma fis-sens funzjonali enfasizzat hawn fuq.

b)      Rigward ittagħsir, bħala parti millproċess talproduzzjoni talinbid

61.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1), tar-Regolament Delegat 2019/33 jagħmel distinzjoni bejn il-ħsad tal-għeneb, minn naħa waħda, u l-produzzjoni tal-inbid tagħhom, min-naħa l-oħra. Il-proċess tal-produzzjoni tal-inbid jinkludi diversi fażijiet, inkluż it-tagħsir.

62.      Għalhekk, għandu jiġi ċċarat jekk il-kunċett ta’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid razzett użat sa issa (31) huwiex validu meta, bl-impożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-produzzjoni tal-inbid għandha ssir kollha kemm hi fl-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid (32).

63.      Jiena nemmen li l-kunsiderazzjonijiet espressi dwar l-interpretazzjoni flessibbli u funzjonali tal-kunċett ta’ “azjenda” (li ma hijiex marbuta mal-bażi territorjali, iżda pjuttost mal-ġestjoni, l-amministrazzjoni u r-responsabbiltà tal-produttur fuq l-unitajiet użati għall-produzzjoni) jistgħu jiġu trasposti mhux biss għall-kultivazzjoni u l-ħsad tal-għeneb, iżda wkoll għat-tagħsir, bħala parti mill-proċess tal-produzzjoni tal-inbid.

64.      Minn din il-perspettiva, il-produzzjoni tal-inbid issir kollha kemm hi fl-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid, anki meta parti minn dan il-proċess iseħħ f’faċilità li tinsab barra mill-perimetru tal-art li tappartjeni lill-produttur, jekk il-faċilità għat-tagħsir tkun parti minn dik l-azjenda (dik li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid) fis-sens funzjonali indikat hawn fuq.

65.      Ladarba jiġi rikonoxxut li l-kompiti tal-kultivazzjoni u tal-ħsad tad-dwieli, essenzjali għar-riżultat finali, ma jeħtiġux rabta territorjali mal-artijiet li huma proprjetà tal-vitikultur (peress li jista’ jikri oħrajn li jiffurmaw parti mill-azjenda tiegħu), dan l-istess raġunament jirriżulta li huwa applikabbli, a fortiori, għat-tagħsir tal-inbid (33).

66.      Għal darba oħra, il-parteċipanti fis-seduta, inkluż il-Land, qablu fuq din l-evalwazzjoni. Il-post fiżiku tal-faċilità għat-tagħsir ma huwiex il-punt rilevanti. Madankollu, ikun essenzjali li l-vitikultur proprjetarju tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid jeżerċita kontroll adegwat fuq it-tagħsir, li huwa s-suġġett li jindirizzaw id-domandi preliminari l-oħrajn.

67.      Din is-soluzzjoni ma tmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iżvilupp tal-proċessi tal-produzzjoni tal-inbid, li minnha ma jistgħux jittieħdu soluzzjonijiet inekwivoċi, peress li din iffukat fuq il-partikolaritajiet ta’ kull każ. Dan huwa ġustament enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li tistqarr li:

–      Mis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1988, Erzeugergemeinschaft Goldenes Rheinhessen (34) ma jiġux dedotti lezzjonijiet applikabbli għal din il-kawża, peress li din il-kawża kienet tirrigwarda l-ibbottiljar u mhux il-produzzjoni tal-inbid. Barra minn hekk, ir-regoli interpretati kienu differenti minn dawk li japplikaw f’din il-kawża.

–      Lanqas il-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Baux (35), ma jipprovdu ħafna iktar ċarezza. Għalkemm ġie ddikjarat li r-regolamenti applikabbli ma kinux jirrikjedu li l-vitikulturi jkunu sidien tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-inbid, din id-dikjarazzjoni rreferiet għad-divrenzjar mal-proprjetà ta’ soċjetà kooperattiva li, min-naħa tagħha, aġixxiet bħala “azjenda”. Din is-soċjetà kooperattiva kienet tkabbar l-għeneb fil-vinji tagħha u pproduċiet l-inbid fil-faċilitajiet tagħha stess.

68.      Mis-sitwazzjonijiet ikkontemplati f’dawn iż-żewġ sentenzi, is-sentenza Baux (36) hija xi ftit simili għal dik f’din il-kawża, peress li ġie diskuss l-użu tat-terminu “château” sabiex jiġi indikat l-isem ta’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fehmet (37) li r-regola applikabbli għall-kawża:

–      Minn naħa waħda, kienet tiggarantixxi “[…] lill-konsumaturi li [xtraw] inbid ta’ ċerti denominazzjonijiet prestiġjużi, bħal ‘château’, li l-fażijiet ewlenin tal-proċess tal-produzzjoni tal-inbid, jiġifieri dawk li jmorru mill-ħsad sal-produzzjoni tal-inbid, [saru] taħt id-direzzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti u r-responsabbiltà esklużiva ta’ vitikultur li [tista’] tiġi attribwita lilul-kwalità tal-prodott” (38).

–      Min-naħa l-oħra, kien neċessarju “li l-għeneb kollu jiġi maqtugħ f’vinji li jagħmlu parti mill-azjenda msemmija u li jiġu stabbiliti proċeduri affidabbli sabiex jiggarantixxu l-produzzjoni tal-inbid separata tal-għeneb sfruttat fuq l-artijiet li jappartjenu għall-art oriġinali tax-‘château’” (39).

69.      Is-sentenza Baux għandha ċerta ambivalenza, li tirriżulta mill-partikolaritajiet ta’ din il-kawża. Għalkemm hija konformi mal-idea essenzjali ta’ direzzjoni effettiva tal-azjenda u r-responsabbiltà tal-produttur li hija attribwita lilu l-kwalità tal-inbid, tintroduċi xi ambigwità fir-rigward tar-rabta territorjali mal-għeneb prodott fuq l-art tax-“château”.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li l-leġiżlazzjoni ma “teħtieġx li l-produzzjoni tal-inbid titwettaq f’faċilitajiet li jinsabu fuq art li tinkludi ‘château’ (lanqas li l-vitikulturi nfushom [jkunu] proprjetarji tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-inbid) […]”. Madankollu, sussegwentement, jidher li hija tiffavorixxi r-rabta territorjali bejn il-produzzjoni tal-inbid u l-art speċifika li fuqha huma kkultivati l-vinji.

71.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nifhem li t-tagħsir tal-għeneb jista’ jitqies li jsir fl-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid meta dan isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija, imqiegħda għad-dispożizzjoni esklużiva tal-proprjetarju ta’ din l-azjenda.

72.      B’dan il-mod, u fid-dawl tal-ispejjeż għoljin li jistgħu jilħqu l-faċilitajiet tat-tagħsir (40), l-inkorporazzjoni ta’ produtturi żgħar fis-suq hija ffaċilitata taħt kundizzjonijiet ugwali (41). Kieku l-użu tat-termini ta’ kwalità li jirreferu għal azjenda kellu jkun limitat għall-vitikulturi li jkollhom l-unitajiet kollha ta’ produzzjoni fuq l-art tagħhom stess, il-possibbiltajiet li jintużaw dawn it-termini jkunu limitati għall-kumpanniji l-kbar, għad-detriment tal-kompetittività u tal-produtturi ż-żgħar (42).

73.      Kif tindika l-qorti tar-rinviju, din is-soluzzjoni ġiet irrilevata fi Stat Membru ieħor (l-Awstrija) (43) li jawtorizza l-esternalizzazzjoni, permezz ta’ kuntratt, tal-operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni, produzzjoni, tagħsir jew iffiltrar tal-inbid. L-Awstrija ma jidhirx li teħtieġ rabta stretta bejn l-istabbiliment permanenti u l-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid (44).

74.      Ir-risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari tiftaħ il-bieb għall-analiżi tad-domandi sussegwenti.

B.      Ittieni u ttielet domanda preliminari

75.      Dawn iż-żewġ domandi, li jistgħu jiġu indirizzati flimkien, huma bbażati fuq ir-risposta affermattiva għall-ewwel waħda. Abbażi ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-intervent tal-impjegati, tagħhom jew ta’ oħrajn, fit-tagħsir tal-għeneb fl-azjenda mikrija.

76.      B’mod konkret, id-domandi tagħha huma dawn:

–      “Huwa meħtieġ li t-tagħsir isir minn impjegati tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid jew tal-inqas li dan ikun issorveljat fuq il-post, jew it-tagħsir jista’ jsir ukoll minn impjegati tal-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha taħt l-istruzzjonijiet tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid?”

–      “Fil-każ li t-tagħsir jista’ jsir ukoll minn impjegati tal-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha, dawk l-impjegati huma awtorizzati jintervjenu fit-tagħsir fuq il-bażi ta’ deċiżjoni awtonoma fil-każ ta’ problemi mhux mistennija?”

77.      Waqt is-seduta, l-osservazzjonijiet tal-partijiet u tal-Kummissjoni ffokaw, ġustament, fuq aspetti relatati mal-impjegati li jintervjenu fit-tagħsir. Il-Land esprima t-tħassib tiegħu dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll tad-direzzjoni, is-superviżjoni u r-responsabbiltà tal-produttur, meta dan ikun kera faċilitajiet tekniċi u rrikorra għal fornituri esterni tas-servizz.

78.      Mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-produttur għandu jiggarantixxi, fi kwalunkwe każ, li l-produzzjoni tal-inbid imwettqa f’faċilitajiet mikrija, iżda inklużi fl-azjenda tiegħu għall-produzzjoni tal-inbid (fis-sens funzjonali diġà spjegat), tuża l-istess tekniki jew prattiki użati fl-azjenda li hu l-proprjetarju tagħha.

79.      Il-vitikultur li jagħsar l-għeneb f’faċilità għat-tagħsir mikrija għandu jagħmel dan, għalhekk, filwaqt li jassumi “[…] d-direzzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti u r-responsabbiltà esklużiva” (45) għal din il-fażi (u oħrajn) tal-proċess tal-produzzjoni tal-inbid.

80.      Ladarba dan ir-rekwiżit jiġi ssalvagwardat, xejn ma jipprevjeni li t-tagħsir isir mill-impjegati li normalment imexxu l-faċilità għat-tagħsir (46), u mhux minn dawk tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid. Madankollu, sabiex il-proċess ikun attribwibbli lis-sid ta’ din tal-aħħar, il-vitikultur li jikri l-faċilità għat-tagħsir għandu jikkontrolla (personalment, jew permezz ta’ persunal dipendenti minnu jew marbut b’kuntratt għall-provvista ta’ servizzi) li t-tagħsir ikun konformi mal-preskrizzjonijiet tiegħu.

81.      Ma naħsibx li huwa biżżejjed li jingħataw struzzjonijiet ġenerali lill-kerrej tal-faċilità għat-tagħsir, peress li ma jistax jiġi eskluż li jinqalgħu avvenimenti imprevisti fl-operazzjoni tat-tagħsir li jirrikjedu li tittieħed deċiżjoni immedjata. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu biss mill-produttur jew mill-persunal fis-servizz tiegħu, mingħajr ma jiġu delegati lil terzi, peress li huwa biss hu jew il-persunal fis-servizz tiegħu li jafu l-karatteristiċi speċifiċi tal-metodu tiegħu ta’ produzzjoni tal-inbid.

82.      Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tmur lil hinn milli tindika dan il-kriterju. Huma l-awtoritajiet amministrattivi (eventwalment, il-kunsilli regolatorji tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta) li jkollhom jittraduċuh f’regoli iktar preċiżi.

83.      Finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-livell ta’ involviment tal-produttur fuq l-operazzjonijiet ta’ tagħsir imwettqa fil-faċilità għat-tagħsir li jikri jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Il-kuntratt iffirmat għall-kiri tal-faċilitajiet ser ikun element rilevanti (mhux l-uniku wieħed) sabiex jiġu ddefiniti l-limiti tal-azzjoni ta’ kull wieħed.

C.      Irraba’ domanda preliminari

84.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa liema punt jista’ jkollu impatt il-fatt li l-kerrej tal-faċilità għat-tagħsir fejn isir it-tagħsir jkollu interess ekonomiku proprju fil-mod kif titwettaq din l-operazzjoni. Dan l-interess jista’ jirriżulta mill-fatt li l-kuntratt ikun ipprovda għal miżata addizzjonali li tiddependi mir-rendiment u l-kwalità.

85.      Hija r-responsabbiltà tal-qorti li, f’kull każ, għandha ssolvi tilwima dwar din il-kwistjoni sabiex tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali tiġġenerax riskju ekonomiku li jista’ jkun f’kunflitt mar-responsabbiltà esklużiva tal-proprjetarju tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid.

86.      Jiena tal-fehma, madankollu, li r-remunerazzjoni u l-inċentivi miftiehma ma għandhomx għalfejn ifixklu l-kapaċità effettiva ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-kontroll tal-produttur fuq l-operazzjonijiet tat-tagħsir. Bħala l-persuna responsabbli mill-proċess tal-produzzjoni tal-inbid, huwa stess għandu interess ukoll li jiżgura, mingħajr tnaqqis fl-applikazzjoni tat-tekniki jew prattiki li jiddeterminaw il-karatteristiċi enoloġiċi tal-inbejjed tiegħu, li t-tagħsir jagħti lok għal rendimenti ogħla filwaqt li tinżamm il-kwalità tal-prodott.

V.      Konklużjoni

87.      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali tal-Ġermanja) fit-termini li ġejjin:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas‑17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emenda għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

1)      Jista’ jiġi aċċettat li l-produzzjoni tal-inbid tkun saret kollha kemm hi fl-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid jekk it-tagħsir isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija għal 24 siegħa minn azjenda oħra għall-produzzjoni tal-inbid li, matul dan iż-żmien, tkun esklużivament disponibbli għall-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid sakemm is-sid ta’ din tal-aħħar jassumi direzzjoni effettiva, kontroll strett u permanenti, u responsabbiltà għall-operat.

2)      F’dawn l-istess kundizzjonijiet ta’ direzzjoni effettiva, kontroll strett u permanenti u responsabbiltà tas-sid tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid, xejn ma jipprevjeni lill-impjegati tal-azjenda agrikola li qiegħda tagħti b’kiri l-faċilità għat-tagħsir tagħha jintervjenu fit-tagħsir tal-għeneb, u li l-kuntratt tal-kera jinkludi klawżoli li jikkontemplaw miżata addizzjonali li tiddependi fuq ir-rendiment u l-kwalità għal kull ettolitru tal-inbid”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU 2019, L 9, p. 2, rettifika fil-ĠU 2019, L 269, p. 13).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 001, p. 5, u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106) fil-verżjoni introdotta mir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU 2021, L 435, p. 262)


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608).


5      Weinverordnung in der Fassung der Bekanntmachung vom 21. April 2009 (BGBl. I S. 827), die zuletzt durch Artikel 1 der Verordnung vom 21. Oktober 2022 (BGBl. I S. 1873) geändert worden ist.


6      Ma huwiex ikkontestat li, matul l-imsemmi perijodu, il-faċilità għat-tagħsir mikrija tibqa’ esklużivament għad-dispożizzjoni tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid.


7      Regolament tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 193, p. 60, rettifika fil-ĠU 2010, L 248, p. 67).


8      Ir-Regolament Nru 1308/2013, meta jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti, jirriżerva taqsima għar-regolamentazzjoni tat-tikkettjar u l-preżentazzjoni fis-settur tal-inbid (taqsima 3 (“Tikkettar u preżentazzjoni fis-settur tal-inbid”), Kapitolu I (“Regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni”), Titolu II (“Regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni u organizzazzjonijiet tal-produtturi”)).


9      Għall-Ġermanja dan jinkludi, fost oħrajn, it-terminu “Weingut”. Ikopri wkoll it-termini “Burg”, “Domäne”, “Kloster”, “Schloss”, “Stift”, “Weinbau”, “Weingärtner” u “Winzer”. Ma tissemmiex il-kelma “Gutsabfüllung”, li hija dik stabbilita mid-dritt Ġermaniż taħt l-Artikolu 38 tar-Regolament dwar l-inbid. Konsegwentement, ser nirreferi biss għat-terminu “Weingut”, li huwa t-terminu proprju tad-dritt tal-Unjoni.


10      F’verżjonijiet lingwistiċi oħra l-perċezzjoni hija simili. Għalhekk, bil-Ġermaniż, “die Weinbereitung vollständig in diesem Betrieb erfolgt”; bl-Ingliż, “the winemaking is entirely carried out on that holding”; bil-Franċiż, “la vinification est entièrement effectuée dans cette exploitation” jew bit-Taljan, “la vinificazione è interamente effettuata nell’azienda”.


11      Korsiv miżjud.


12      Fis-seħħ fid-data tal-kawża, ġie sostitwit bir-riferiment għad-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 181, p. 35, u fil-ĠU 2022, L 227, p. 136).


13      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Kibler (C‑275/05, EU:C:2006:682), punt 22: “jirriżulta mill-kunċett ta’ ‘impriża agrikola’ imsemmi fl-Artikolu 12(1)(d) tar-Regolament [(KEE)] Nru 857/84 [tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 1984 li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU 1984, L 90, p. 13; EE 03/30, p. 64)], […] illi, għall-għanijiet ta’ l-imsemmi Regolament, l-impriża agrikola hija l-unitajiet ta’ produzzjoni kollha mmexxija mill-produttur. Peress li l-istess kunċett huwa msemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84, u fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7, punti 2, 3 u 4 tar-Regolament [(KEE)] Nru 1546/88 [tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Ġunju 1988, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 (ĠU 1988, L 139, p. 12)], l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod unformi. Barra dan, safejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess għan u peress li t-tieni dispożizzjoni ċċitata hija l-miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel waħda, għandu jiġi kkonstatat illi l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi fl-interess taċ-ċertezza legali”.


14      Id-digriet tar-rinviju, punt 18.


15      Sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09; EU:C:2010:606), punt 62; u tat‑2 ta’ Lulju 2015, Wree (C‑422/13, EU:C:2015:438), punt 44.


16      Sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer (C‑684/13, EU:C:2015:439), punti 61 u 62. Fil-fehma tiegħi, l-utilità ta’ din is-sentenza f’din il-kawża hija minuri: f’din is-sentenza kienu ġew ikkontestati r-restrizzjonijiet imposti fuq bidwi sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru.


17      Ibidem, punti 69 u 70.


18      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1991, Ballmann (C‑341/89, EU:C:1991:11), punt 15.


19      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010 (C‑61/09, EU:C:2010:606), punti 52, 54, 55, 58 u 62. In-nuqqas ta’ rilevanza tat-titolu li bis-saħħa tiegħu l-produttur jiżviluppa l-azjenda huwa kostanti fil-ġurisprudenza [sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Agrargenossenschaft Alkersleben (C‑268/01, EU:C:2003:263), punt 30; u sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et (C‑375/08, EU:C:2010:365), punt 62].


20      Din il-ġurisprudenza ġiet imsemmija iktar tard fis-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Wree (C‑422/13, EU:C:2015:438), punt 44.


21      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Agrargenossenschaft Alkersleben (C‑268/01, EU:C:2003:263), punti 30 sa 33. Il-kuntest regolatorju kien dak tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat‑28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU 1992, L 405, p. 1).


22      Sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑176/20, EU:C:2022:274), punt 36. Dawn l-unitajiet ta’ produzzjoni mmexxija mill-bidwi jistgħu jinkludu, pereżempju, annimali ta’ nies oħrajn li jintużaw għar-ragħa, sakemm il-bidwi jkollu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq dawn l-annimali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu.


23      Jekk wieħed jassumi, loġikament, li l-vinji mikrija jinsabu fil-perimetru tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta.


24      Ara iktar ’il fuq il-punt 27.


25      Id-digriet tar-rinviju, punt 31.


26      Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3201/90 tas‑16 ta’ Ottubru 1990 li jistabbilixxi regoli dettaljati għad-deskrizzjoni u preżentazzjoni ta’ nbejjed u ta’ għeneb magħsur (ĠU 1981, L 106, p. 1).


27      Huwa loġiku li dan huwa l-każ, peress li huwa essenzjali għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li l-kwalità, il-karatteristiċi jew ir-reputazzjoni tal-prodott ikunu dovuti jew attribwibbli għal oriġini ġeografika [l-Artikolu 93(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1308/2013].


28      Landwein der Mosel (https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/food-safety-and-quality/certification/quality-labels/geographical-indications-register/details/EUGI00000004687).


29      Id-digriet tar-rinviju, punt 24.


30      Premessa 49 tar-Regolament Delegat 2019/33.


31      Kif twissi l-qorti tar-rinviju, il-kriterji stabbiliti fil-qasam ġenerali tal-produzzjoni agrikola għandhom jiġu interpretati b’mod strett meta jiġu applikati għar-regolamenti tal-produzzjoni tal-inbid, minħabba r-rabta mill-qrib bejn l-istabbiliment permanenti tal-produzzjoni u l-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid.


32      Dan ir-rekwiżit ġie introdott mill-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 607/2009. Sa dakinhar kien meħtieġ li “il-produzzjoni tal-inbid [issir] f’din l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid” [l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1608/76 tal‑4 ta’ Ġunju 1976 li jistabbilixxi regoli għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed u għeneb magħsur (ĠU 1976, L 183, p. 1)].


33      F’din il-kawża, it-tagħsir, skont il-vitikultur A, ma jkunx jeħtieġ iktar minn tliet sigħat reali (punt 1 tat-taqsima ddedikata għall-ewwel domanda preliminari fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


34      Kawża 311/87 (EU:C:1988:483)


35      Kawża C‑403/92 (EU:C:1994:269).


36      Kien japplika l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 997/81.


37      Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Baux (C‑403/92, EU:C:1994:269), punt 13. Imbagħad ukoll l-inbid kellu jipproċedi “esklużivament minn għeneb maqtugħ fl-azjenda inkwistjoni u […] l-produzzjoni tal-inbid [tkun] saret fl-istess azjenda”.


38      Ibidem, punti 14 u 15. Korsiv miżjud.


39      Ibidem, punti 19 u, fl-istess sens, punt 24.


40      Waqt is-seduta, ġew offruti eżempji tal-ispejjeż tal-faċilitajiet tat-tagħsir u ġiet enfasizzata r-raġuni ekonomika (li tirreferi għaliha wkoll il-qorti tar-rinviju) tal-użu kondiviż tagħhom minn diversi vitikulturi. Il-Kummissjoni semmiet ukoll raġunijiet enoloġiċi, peress li t-trasport tal-għeneb maħsud lejn faċilità tat-tagħsir fil-bogħod jista’ jagħmel ħsara lill-kwalità tal-għeneb.


41      Il-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-azjendi żgħar hija tħassib tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Skont il premessa 13 tar-Regolament 2021/2117 “[…] is-settur tal-inbid tal-Unjoni huwa kkaratterizzat ukoll minn għadd kbir ħafna ta’ azjendi agrikoli żgħar immexxija mill-familji, li jirriżultaw f’firxa varjata ta’ nbejjed”. L-istess premessa hija favur il-garanzija tal-vijabbiltà ekonomika tal-proġetti tagħhom.


42      Skont l-Artikolu 40(1) TFUE, “sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 39 [politika agrikola komuni], għandha tiġi stabbilita organizazzjoni komuni għal swieq agrikoli”. Skont il-paragrafu 2, “l-organizzazzjoni komuni […] għandha teskludi kull diskriminazzjoni bejn il-produtturi […] tal-Unjoni”.


43      L-Artkolu 22(2) tal-Bundesgesetz über den Verkehr mit Wein und Obstwein (il-Liġi federali dwar il-kummerċ fl-inbid u l-inbid tal-frott), kif ippubblikata fis‑17 ta’ Novembru 2009 (BGBl. I l-Awstrija nru 111/2009), kif emendata bil-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2019 (BGBl. I l-Awstrija nru 48/2019), flimkien mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2)(1) tal-Verordnung des Bundesministers für Land - und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft über die Bezeichnung von Weinen (Digriet tal-Ministru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, l-Ambjent u l-Ġestjoni tal-Ilma fuq id-denominazzjoni tal-inbejjed), kif ippubblikat fl‑1 ta’ April 2011 (BGBl. II l-Awstrija Nru 111/2011), kif emendat l-aħħar bid-Digriet emendatorju tat‑23 ta’ Lulju 2018 (BGBl. II l-Awstrija Nru 184/2018).


44      Punt 32 tad-digriet tar-rinviju.


45      Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Baux (C‑403/92, EU:C:1994:269), punt 15.


46      Kif irrimarkat il-Kummissjoni fis-seduta, huma l-iktar li jafu kif taħdem il-faċilità.

Top