This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0351
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 23 November 2023.#Neves 77 Solutions SRL v Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală.#Request for a preliminary ruling from the Tribunalul Bucureşti.#Reference for a preliminary ruling – Common Foreign and Security Policy (CFSP) – Restrictive measures adopted in view of the actions of the Russian Federation destabilising the situation in Ukraine – Decision 2014/512/CFSP – Article 2(2)(a) – Jurisdiction of the Court – Final sentence of the second subparagraph of Article 24(1) TEU – Article 275 TFEU – Article 215 TFEU – Article 17 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Right to property – Principle of legal certainty and principle that penalties must be defined by law – Brokering services in relation to military equipment – Prohibition on providing such services – Failure to notify the competent national authorities – Administrative offence – Fine – Automatic confiscation of the amounts received in consideration for the prohibited transaction.#Case C-351/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2023.
Neves 77 Solutions SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni 2014/512/PESK – Artikolu 2(2)(a) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – Artikolu 275 TFUE – Artikolu 215 TFUE – Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege – Servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari – Projbizzjoni li jiġu pprovduti tali servizzi – Assenza ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Ksur amministrattiv – Multa – Konfiska awtomatika tas-somom miġbura inkambju għat-tranżazzjoni pprojbita.
Kawża C-351/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2023.
Neves 77 Solutions SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni 2014/512/PESK – Artikolu 2(2)(a) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – Artikolu 275 TFUE – Artikolu 215 TFUE – Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege – Servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir militari – Projbizzjoni li jiġu pprovduti tali servizzi – Assenza ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Ksur amministrattiv – Multa – Konfiska awtomatika tas-somom miġbura inkambju għat-tranżazzjoni pprojbita.
Kawża C-351/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:907
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑23 ta’ Novembru 2023(1)
Kawża C‑351/22
Neves 77 Solutions SRL
vs
Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Antifraudă Fiscală
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikoli 2, 6, 19 u 24 TUE – Artikoli 267 u 275 TFUE – Projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ prodotti militari – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Multa amministrattiva – Konfiska tas-somom miġbura – Ksur allegat tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ nulla poena sine lege – Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Dritt għall-proprjetà”
I. Introduzzjoni
1. Fl‑2014, b’risposta għall-vjolazzjoni, mingħajr provokazzjoni, tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina min-naħa tal-Federazzjoni Russa, l-Unjoni Ewropea adottat diversi miżuri restrittivi kontra dan il-pajjiż. Din il-kawża tikkonċerna miżuri restrittivi introdotti bid-Deċiżjoni 2014/512/PESK (2).
2. L-iktar kwistjoni importanti mqajma minn din il-kawża hija dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, fid-dawl tal-limitazzjonijiet imposti fuq il-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”) mill-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 275 TFUE.
3. Din il-kawża qiegħda tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod parallel ma’ żewġ kawżi magħquda, KS u KD vs Il‑Kunsill et u Il‑Kummissjoni vs KS et (Kawżi C‑29/22 P u C‑44/22 P; iktar ’il quddiem il-“kawżi KS u KD”), li għalihom il-konklużjonijiet tiegħi qegħdin jiġu ppreżentati fl-istess jum. Dawn l-aħħar kawżi jqajmu wkoll il-kwistjoni tal-portata tal-limitazzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK. Għalhekk ser nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi, fejn ikun rilevanti.
4. Il-kuntest usa’ taż-żewġ settijiet ta’ kawżi huwa dak tan-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Il-kapitoli l-oħra kollha tan-negozjati, li nfetħu b’riżultat tal-Opinjoni 2/13 (3), jidhru magħluqa, bl-eċċezzjoni ta’ kwistjoni li jifdal: il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK.
II. Il‑fatti li taw lok għall‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
5. Neves 77 Solutions SRL (iktar ’il quddiem “Neves”) hija kumpannija kkostitwita fl-2014, li l-attività prinċipali tagħha hija ta’ senserija fil-bejgħ ta’ prodotti fil-qasam tal-avjazzjoni.
6. Neves kienet sensara fi tranżazzjoni bejn il-kumpannija Ukraina SFTE Spetstechnoexport (iktar ’il quddiem “SFTE”) u l-kumpannija Indjana Hindustan Aeronautics Limited (iktar ’il quddiem “Hindustan”).
7. Fl-2009, dawn iż-żewġ kumpanniji kkonkludew kuntratt li permezz tiegħu SFTE impenjat ruħha li tforni u li ssewwi diversi ajruplani għal Hindustan bl-użu ta’ komponenti mmanifatturati fir-Russja. Madankollu, wara l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja fir-reġjun tal-Krimea fl-2014, SFTE waqfet tixtri l-biċċiet u t-tagħmir meħtieġa għal dan il-kuntratt direttament mir-Russja.
8. Fl‑4 ta’ Jannar 2019, SFTE kkonkludiet kuntratt ma’ Neves biex tipprovdilha 32 sett tar-radju R-800L2E, li kellhom jiġu kkunsinnati lill-Emirati Għarab Magħquda. Fit‑8 ta’ Jannar 2019, Neves, min-naħa tagħha, ikkonkludiet kuntratt ma’ kumpannija Portugiża għax-xiri ta’ 32 sett tar-radju R-800L2E, li minnhom 20 kienu mmanifatturati u esportati mir-Russja lejn l-Emirati Għarab Magħquda. Neves imbagħad ittrasferixxiet dawn l-20 sett tar-radju lill-Hindustan fl-Indja skont it-talba ta’ SFTE.
9. Permezz ta’ avviż tas‑26 ta’ Lulju 2019, id-Dipartiment Rumen tal-Kontroll tal-Esportazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANCEX”) informa lil Neves li s-settijiet tar-radju R-800L2E ġew inklużi fil-kategorija ML11 fil-lista ta’ prodotti militari suġġetti għas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet, tal-importazzjonijiet u ta’ tranżazzjonijiet oħra li jinsabu fid-Digriet Nru 901/2019 tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 901/2019”) (4). Dan l-avviż kien jindika wkoll li l-kummerċ barrani li jinvolvi dan il-prodott seta’ jsir, konformement mad-dritt Rumen, biss abbażi tal-konferma ta’ reġistrazzjoni u tal-liċenzji maħruġa mill-ANCEX.
10. Permezz ta’ avviż tad‑29 ta’ Lulju 2019, l-ANCEX barra minn hekk informa lil Neves li t-tranżazzjoni ta’ senserija relatata mas-settijiet tar-radju R‑800L2E kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kontra r-Russja imposti bid-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
11. Neves wieġbet għaż-żewġ avviżi tal-ANCEX billi sostniet li s-settijiet tar-radju inkwistjoni kienu intiżi għal użu ċivili u li d-Digriet Nru 901/2019, li ttraspona fid-dritt Rumen il-lista ta’ prodotti militari tal-Unjoni u li fuqha bbażat ruħha l-ANCEX, ma kienx applikabbli fil-mument tal-kunsinna ta’ dawn il-prodotti. Skont Neves, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK lanqas ma kien japplika peress li dawn is-settijiet tar-radju ma nbigħux lir-Russja.
12. Fis‑6 u fid‑9 ta’ Awwissu 2019, Neves irċeviet mingħand SFTE somom ta’ ammont totali ta’ EUR 2 984 961.40 bħala ħlas għas-settijiet tar-radju kkunsinnati skont il-kuntratt tal‑4 ta’ Jannar 2019.
13. Fit‑12 ta’ Mejju 2020, l-Aġenzija Nazzjonali Rumena tal-Amministrazzjoni Fiskali – Dipartiment tal-Frodi Fiskali (iktar ’il quddiem l-“ANAF”) (5) ħarġet avviż ta’ ksur kontra Neves. L-ANAF qieset li Neves wettqet reat taħt l‑Artikolu 26(1)(b) tad-Digriet Liġi Nru 202/2008 talli kisret l-Artikoli 3(1), 7(1) u 24(1) ta’ dan id-digriet‑liġi u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Dan id-digriet-liġi jirregola l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tas-sanzjonijiet internazzjonali fil-livell nazzjonali, inklużi dawk imposti mill-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet-liġi li fuqhom ibbażat ruħha l-ANAF jipprevedu li atti li jimponu sanzjonijiet internazzjonali (inklużi deċiżjonijiet tal-Unjoni taħt il-PESK) jorbtu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jinsabu fir-Rumanija. Huma jintroduċu wkoll l-obbligu li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti jekk ikunu stabbilixxew relazzjoni jew jekk kienu f’relazzjoni de facto relatata ma’ tranżazzjonijiet koperti minn sanzjonijiet internazzjonali.
14. Konsegwentement, ġiet imposta fuq Neves multa ta’ 30 000 leu Rumen (RON) (madwar EUR 6 000) u s-somma ta’ RON 14 113 003 (EUR 2 984 961.40) ġiet ikkonfiskata, li tirrappreżenta s-somom li rċeviet fis‑6 u fid‑9 ta’ Awwissu 2019 mingħand SFTE.
15. F’dan l-avviż ta’ ksur, l-ANAF indikat li, minkejja li l-ANCEX kienet informat lil Neves li s-settijiet tar-radju R-800L2E kienu jinsabu fil-lista ta’ prodotti militari suġġetti għas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet, tal-importazzjonijiet u ta’ tranżazzjonijiet oħra u li t-tranżazzjoni ta’ senserija li tikkonċerna dan il-prodott kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, Neves kienet kompliet l-attivitajiet tagħha relatati mal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti billi ġabret is-somom irċevuti f’kont bankarju Rumen.
16. Neves ikkontestat l-avviż ta’ ksur quddiem il-Judecătoria Sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Settur 1 ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2020, din il-qorti ċaħdet l-ilment ta’ Neves bħala infondat.
17. Neves appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.
18. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, abbażi tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw miżuri restrittivi tal-Unjoni, ġiet imposta fuq Neves sanzjoni amministrattiva li tikkonsisti f’multa, kif ukoll sanzjoni addizzjonali ta’ konfiska tas-somom li hija rċeviet għat-tranżazzjoni ta’ senserija mingħand SFTE. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali introduċiet obbligu distint ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, taħt piena ta’ konfiska awtomatika ta’ kwalunkwe rikavat li jirriżulta mill-ksur ta’ dan l-obbligu.
19. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, wara li jitqiesu l-allegazzjonijiet ta’ Neves dwar l-assenza ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni ta’ konfiska sħiħa fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB (6), jekk il-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni jmorrux kontra ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u drittijiet inklużi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
20. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK tapplikax għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna oġġetti li joriġinaw mir-Russja u li ma ġewx fiżikament importati fit-territorju ta’ Stat Membru.
21. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx preċedentement dwar id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK li tagħhom intalbet l-interpretazzjoni u li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Rosneft (7).
22. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 7 tagħha, tista’ tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u nulla poena sine lege, fis-sens li tawtorizza miżura nazzjonali li tippermetti l-konfiska sħiħa tas-somom (bħala piena ċivili) li jirriżultaw minn tranżazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, fil-każ li jinstab li twettaq att ikkwalifikat mid-dritt nazzjonali bħala reat amministrattiv?
2. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/512 għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali li jipprevedu l-konfiska awtomatika ta’ kwalunkwe somma li tirriżulta mill-ksur tal-obbligu ta’ notifika [komunikazzjoni] ta’ tranżazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512?
3. Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 hija applikabbli fil-każ li l-oġġetti li jirrappreżentaw tagħmir militari li kienu suġġetti għal tranżazzjonijiet ta’ senserija qatt ma ġew fiżikament importati fit-territorju tal-Istat Membru?”
23. Il-Kummissjoni Ewropea ssottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni ntalbu jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet addizzjonali, fosthom mistoqsija dwar l-eżistenza tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
24. Inżammet seduta fis‑27 ta’ Ġunju 2023, li matulha Neves, il-Gvern Olandiż u dak Awstrijak, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.
III. Analiżi
A. Il‑miżuri restrittivi tal‑Unjoni b’mod ġenerali u dawk rilevanti f’din il‑kawża b’mod partikolari
1. Adozzjoni u implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi
25. Fil-kuntest tal-PESK, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jimponi miżuri restrittivi kontra pajjiżi terzi, entitajiet jew individwi, skont l-għanijiet tal-PESK stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE.
26. B’mod ġenerali, il-miżuri restrittivi għandhom l-għan li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-attività mill-pajjiż fil-mira, parti mill-pajjiż, awtoritajiet pubbliċi, entitajiet jew individwi (8). Skont il-mappa tas-sanzjonijiet tal-Unjoni (9), bħalissa hemm iktar minn 40 miżura restrittiva tal-Unjoni (l-iktar marbuta mal-pajjiż) fis-seħħ.
27. Il-miżuri restrittivi huma adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 29 TUE u huma implimentati fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali.
28. Il-miżuri dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri jew fil-kompetenzi kondiviżi li għadhom ma ġewx eżerċitati fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati biss fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw miżuri adegwati, peress li huma legalment obbligati li jaġixxu f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fil-qafas tal-PESK (10). Il-prattika sa issa kienet li miżuri bħal embargoes tal-armi u projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jiġu implimentati direttament mill-Istati Membri (11).
29. Miżuri restrittivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, implimentati fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, miżuri ta’ interruzzjoni jew ta’ tnaqqis, totali jew parzjali, tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz, inklużi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, huma adottati mill-Kunsill, fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni, bħala regolament taħt l-Artikolu 215 TFUE (iktar ’il quddiem ir-“Regolament taħt l-Artikolu 215”) (12). Tali regolamenti huma vinkolanti u direttament applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha u b’hekk jiżguraw l-applikazzjoni uniformi ta’ miżuri restrittivi fl-Istati Membri kollha (13). Barra minn hekk, b’differenza minn deċiżjoni ta’ PESK, regolament taħt l-Artikolu 215 jista’ joħloq direttament obbligi għall-individwi fl-Istati Membri. Madankollu, anki jekk jiġu implimentati permezz ta’ regolament taħt l-Artikolu 215, l-l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni tista’ teħtieġ miżuri addizzjonali fuq livell nazzjonali.
30. Id-deċiżjonijiet ta’ PESK taħt l-Artikolu 29 TUE u r-regolamenti tal-Artikolu 215 ma għandhomx, neċessarjament, għalkollox l-istess kontenut. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ PESK tista’ tinkludi miżuri li jaqgħu fi ħdan u barra mill-kompetenzi previsti mit-Trattat FUE, f’liema każ regolament taħt l-Artikolu 215 ma jkunx jimplimenta l-kontenut kollu ta’ din id-deċiżjoni (14). Jekk deċiżjoni ta’ PESK tiġi implimentata permezz ta’ regolament taħt l-Artikolu 215, din tista’ tiġi elaborata f’iktar dettall f’dan ir-regolament.
2. Miżuri restrittivi kontra r‑Russja rilevanti għal din il‑kawża
31. B’reazzjoni għall-invażjoni tar-Russja fir-reġjun tal-Krimea fl-Ukraina, diġà f’Marzu 2014, l-Unjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/145/PESK (15). Din id-deċiżjoni kienet tipprevedi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni. Dan ġie implimentat bir-Regolament 269/2014 (16).
32. Sussegwentement, peress li r-Russja naqset milli tikkoopera mat-talbiet tal-Unjoni, il-Kunsill introduċa pakkett ta’ miżuri restrittivi ulterjuri tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Ġew introdotti restrizzjonijiet fuq is-servizzi finanzjarji, l-oġġetti b’użu doppju, teknoloġiji sensittivi u oġġetti militari (17). Dawn il-miżuri ġew emendati diversi drabi, fid-dawl tal-aggressjoni militari kontinwa tar-Russja kontra l-Ukraina (18). Madankollu, din il-kawża tikkonċerna biss il-miżuri ppromulgati bid-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
33. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi diversi projbizzjonijiet dwar l-armi u l-prodotti militari relatati (19). L-Artikolu 2(2)(a) tiegħu jistabbilixxi projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti militari. Dan jipprovdi li huma pprojbiti:
“li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta’ rikambju għalihom, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja” (20).
34. Fl-istess jum bħad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament Nru 833/2014 (21) sabiex jimplimenta din id-deċiżjoni. Oriġinarjament, ir-Regolament Nru 833/2014 ma kienx jinkludi projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ oġġetti militari (22). L-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament ipprovda li għandu jkun ipprojbit:
“il-forniment, b’mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni (6), jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' prodotti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja”.
35. Kien biss reċentement fit‑23 ta’ Ġunju 2023 li l-Kunsill emenda l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014 (23), u inkluda t-termini “u servizzi ta’ senserija” wara l-kliem “assistenza teknika” (24). Madankollu, din l-emenda ma hijiex applikabbli ratione temporis għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.
36. Għalhekk, fiż-żmien rilevanti, il-projbizzjoni ta’ servizzi ta’ senserija ta’ prodotti militari kif stabbilit fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK ma ġietx implimentata mir-Regolament (KE) Nru 833/2014.
37. L-ispjegazzjoni tal-Kunsill dwar ir-raġunijiet li għalihom din il-projbizzjoni ma ġietx implimentata f’regolament taħt l-Artikolu 215 kienet din li ġejja. L-esportazzjonijiet tal-armi huma qasam tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (25), li tirregola dawn l-esportazzjonijiet kollha, u mhux biss dawk lejn il-pajjiżi li fir-rigward tagħhom l-Unjoni imponiet embargo fuq l-armi. Din tipprovdi li l-Istati Membri għandhom joħorġu liċenzja għal kull esportazzjoni ta’ tagħmir militari. Għalhekk, ħadd ma jista’ jesporta armi tal-Unjoni mingħajr liċenzja miksuba mill-korp stabbilit għal dan l-għan f’kull Stat Membru. Din l-istess pożizzjoni komuni tobbliga lill-Istati Membri jirrifjutaw liċenzja għall-esportazzjoni tal-armi, fost l-oħrajn, jekk l-esportazzjoni tkun inkompatibbli ma’ embargo tal-armi li jorbot lill-Istati Membri (26). Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ din il-pożizzjoni komuni, ġiet adottata Lista Komuni Militari tal-Unjoni Ewropea (27). L-oġġetti kollha inklużi f’din il-lista għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli tal-esportazzjoni taħt il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (28).
38. Din is-sistema ġenerali li tirregola l-esportazzjoni tal-armi hija, kif spjega l-Kunsill, ir-raġuni għalfejn il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni diretta ta’ armi lejn pajjiżi suġġetti għal sanzjonijiet (embargoes ta’ armi) ma humiex inklużi f’regolamenti taħt l-Artikolu 215. L-adozzjoni ta’ tali regolamenti hija neċessarja kull darba li l-infurzar ta’ miżuri restrittivi teħtieġ l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq individwi fl-Istati Membri, peress li tali obbligu ma jistax jiġi impost direttament minn deċiżjoni ta’ PESK innifisha. Madankollu, peress li l-Istati Membri kollha kellhom joħolqu sistemi ta’ liċenzjar u jobbligaw lill-esportaturi kollha tal-armi fit-territorju tagħhom jiksbu tali liċenzja, ma hemmx ħtieġa ta’ regolament taħt l-Artikolu 215.
39. Madankollu, il-Kunsill iqis li l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK ma teħtieġx b’mod ċar lill-Istati Membri jimponu obbligi ta’ liċenzjar għas-servizzi ta’ senserija ta’ oġġetti militari, minkejja li l-Artikolu 1(2) tagħha jipprevedi li t-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni jinkludu wkoll it-talbiet għal servizzi ta’ senserija (29). Din hija r-raġuni għalfejn il-prattika tvarja, peress li xi drabi titqies neċessarja, u xi drabi le, sabiex tiġi implimentata l-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ oġġetti militari permezz ta’ regolament taħt l-Artikolu 215 (30).
40. Anki jekk ma jidhirlix li l-ispjegazzjoni tal-Kunsill hija konvinċenti, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li l-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ oġġetti militari ma kinitx tinsab fir-Regolament 833/2014 fil-verżjoni applikabbli għal din il-kawża.
B. Riformulazzjoni tad‑domandi u l‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
41. It-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) ifformulat id-domandi preliminari tagħha bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Madankollu, kif inhu ċar mill-ispjegazzjonijiet tagħha dwar ir-raġunijiet li għalihom hija għamlet rinviju, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni mad-drittijiet u mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.
42. Id-dritt Rumen għażel li jissanzjona lil persuni involuti f’servizzi ta’ senserija li jmorru kontra miżuri restrittivi tal-Unjoni permezz ta’ multa amministrattiva u l-konfiska tal-gwadann kollu li jirriżulta mit-tranżazzjoni pprojbita bħala sanzjoni skont id-dritt ċivili. Dawn is-sanzjonijiet huma l-għażla magħmula mil-leġiżlatur nazzjonali skont il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inklużi dawk imposti kontra r-Russja. Tali miżuri ma humiex meħtieġa mid-Deċiżjoni 2014/512/PESK, u ebda parteċipant f’din il-proċedura ma jallega li dawn huma meħtieġa.
43. Għalhekk, l-ewwel żewġ domandi, anki jekk huma fformulati sabiex tinkiseb interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, fil-fatt ma jeħtiġux interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Minflok jeżiġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, jiġifieri ċ-ċertezza legali, nulla poena sine lege u d-dritt għall-proprjetà.
44. Għalhekk nipproponi li l-ewwel żewġ domandi preliminari jiġu fformulati mill-ġdid.
45. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege u d-dritt fundamentali għall-proprjetà għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri nazzjonali li jipprovdu għall-konfiska tar-rikavat kollu tat-tranżazzjoni pprojbita mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
46. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk dawn id-drittijiet u l-prinċipji tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri nazzjonali li jipprevedu li din il-konfiska tkun awtomatika u tirriżulta minn ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
47. It-tielet domanda teħtieġ interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK innifisha, peress li tirrigwarda l-kunċett ta’ servizzi ta’ senserija li hija tipprojbixxi.
48. Ma nara ebda ostakolu li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi kif ifformulati mill-ġdid. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali kif espressi fil-Karta. Dan huwa l-każ, anki jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija rilevanti għall-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tal-legalità ta’ miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-PESK.
49. Kif issuġġerejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi KS u KD (31), il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali kif espressi fil-Karta anki meta din l-interpretazzjoni tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ PESK. Din ma hijiex is-sitwazzjoni f’din il-kawża. Madankollu, li kieku d-Deċiżjoni 2014/512/PESK stess imponiet il-konfiska bħala miżura li għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri, ir-rinviju magħmul minn qorti nazzjonali jkun talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta’ miżura ta’ PESK. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu konjizzjoni ta’ tali rinviju ma hijiex eskluża mill-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 275 TFUE.
50. Ir-raġuni li pproponejt tali interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE hija marbuta mal-fatt li dawn jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-Trattati u li dawn għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (32). Jekk tingħata din l-interpretazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jeskludux il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-miżuri kollha ta’ PESK, inklużi dawk ta’ portata ġenerali, mad-drittijiet fundamentali protetti taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE fis-sens li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’tali każijiet ma tkunx konformi mas-sisien kostituzzjonali tal-Unjoni. Din tkun iċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rwol kostituzzjonali tagħha li tiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni ma jiksrux id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għalhekk tħalli lill-individwi mingħajr protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet fundamentali tagħhom ibbażati fl-Unjoni. Din ma setgħetx tkun l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati meta llimitaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK.
51. B’kuntrast, l-awturi tat-Trattati seta’ kellhom l-intenzjoni li jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta atti li jaqgħu taħt il-PESK bl-għan uniku li jiċċaraw it-tifsira tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri. L-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod li jeskludu tali ġurisdizzjoni. Ser nispjega din il-pożizzjoni f’iktar dettall fir-risposta tiegħi għat-tielet domanda.
C. L‑ewwel u t‑tieni domanda
52. L-ewwel żewġ domandi jikkonċernaw l-illegalità potenzjali tal-miżuri ta’ konfiska imposti mid-dritt Rumen. Il-qorti tar-rinviju invokat tliet raġunijiet possibbli għal tali illegalità: ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju nulla poena sine lege u tad-dritt għall-proprjetà.
53. Fil-fehma tiegħi, u kif indikat il-Kummissjoni, dawn l-ewwel żewġ prinċipji ma humiex rilevanti f’dan il-każ.
54. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fis-sens li ġie invokat minn Neves, jipprekludi li dispożizzjoni legali ġdida tapplika retroattivament għal sitwazzjoni li seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tagħha (33). F’din il-kawża, Neves issostni li d-Digriet Nru 901/2019, li permezz tiegħu r-Rumanija stabbilixxiet il-lista ta’ oġġetti militari, u b’hekk ittrasponiet il-lista tal-Unjoni, ma kienx għadu fis-seħħ fil-mument meta hija kkonkludiet it-tranżazzjoni dwar is-settijiet tar-radju inkwistjoni. Madankollu, id-Digriet Nru 901/2019 fih lista ta’ oġġetti militari identika għal dik li tinsab fid-Digriet Nru 156/2018, li kienet fis-seħħ fiż-żmien rilevanti. Konsegwentement, f’dan il-każ ma tqum ebda problema ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi.
55. Il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege jirrigwarda l-legalità u l-prevedibbiltà tar-reati u tal-pieni kriminali (34). Peress li l-konfiska imposta mill-miżuri nazzjonali ma hijiex piena kriminali iżda sanzjoni tad-dritt ċivili, ma narax kif dan il-prinċipju jista’ jkun rilevanti f’dan il-każ.
56. Madankollu, il-konfiska ċertament tinterferixxi mad-dritt għall-proprjetà, kif iggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta. Dan id-dritt ma huwiex assolut u jista’, kif jipprovdi l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġi limitat b’mod proporzjonat sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi pubbliċi.
57. Sabiex tiġi assistita l-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li l-Karta tiġi interpretata biex jiġi ċċarat jekk id-dritt għall-proprjetà jistax jiġi limitat biex jintlaħqu l-għanijiet pubbliċi tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
58. Kwistjoni simili diġà ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rosneft (35). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet kontestazzjoni tal-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK li jimponu miżuri restrittivi individwali u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 833/2014, li kienu tqajmu minħabba li dawn kienu jippermettu l-konfiska ta’ assi u l-indħil fid-drittijiet ta’ proprjetà. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tagħha fil-kawża Bosphorus (36), li fiha hija kkunsidrat li l-miżuri restrittivi għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, konsegwenzi li jaffettwaw id-drittijiet ta’ proprjetà u l-libertà tal-intrapriża, li, f’dan il-każ, kienu jippermettu li jkunu ġġustifikati anki meta kienu jikkawżaw danni lil persuni li ma kellhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fis-sentenza Rosneft li tali limitazzjonijiet jistgħu a fortiori jkunu ġġustifikati f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ miżuri restrittivi mmirati fil-konfront tal-entitajiet suġġetti għal dawn il-miżuri (37).
59. Fil-kawża Rosneft, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ulterjorment li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi kontra r-Russja huma l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-promozzjoni ta’ soluzzjoni paċifika tal-kriżi f’dan il-pajjiż. Il-kisba tagħhom taqa’ taħt l-għan usa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali konformement mal-Artikolu 21 TUE (38). Dawn l-għanijiet tqiesu li jiġġustifikaw indħil fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent.
60. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-għanijiet tal-miżuri restrittivi kontra r-Russja jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà. Sussegwentement, għandha tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-konfiska tikkostitwixxix miżura proporzjonata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet leġittimi u jekk huwiex eċċessivament intrużiv li tiġi prevista konfiska awtomatika għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ tranżazzjoni pprojbita minn dawn il-miżuri restrittivi.
61. Il-miżuri nazzjonali li jimplimentaw miżuri restrittivi tal-Unjoni għandhom ikunu tali li jippermettu l-kisba tal-għanijiet tal-miżuri restrittivi. F’dan is-sens, huma għandu jkollhom effett dissważiv. Meta jagħżlu miżuri xierqa f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni. Dan huwa meħtieġ peress li s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru tista’ tkun differenti. Il-mistoqsija dwar liema miżuri huma suffiċjenti biex jiddisswadu lill-kumpanniji u lill-individwi milli jwettqu tranżazzjonijiet ipprojbiti tista’ teħtieġ tweġiba speċifika skont il-pajjiż. Fil-fehma tiegħi, kif issuġġeriet il-Kummissjoni, il-fatt li tiġi prevista konfiska minbarra multa jista’ effettivament ikun neċessarju għaliex is-sempliċi applikazzjoni tal-multa ma tistax tipproduċi l-effett mixtieq ladarba l-ammont tagħha huwa negliġibbli meta mqabbel mal-ammonti miġbura bi ħlas għat-tranżazzjoni pprojbita.
62. Anki jekk tista’ tieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi nazzjonali, qorti nazzjonali għandha tqis ukoll ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità. Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, li jistabbilixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà bħala l-limitu minimu ta’ protezzjoni (39).
63. Fil-kawżi li fihom il-Qorti EDB ikkonstatat li l-miżuri ta’ konfiska kienu sproporzjonati, dan kien għaliex dawn kienu jimponu piż eċċessiv fuq l-individwi, peress li ma ħadux inkunsiderazzjoni fatturi bħall-oriġini legali tas-somom ikkonfiskati u l-fatt li ma kinitx teżisti intenzjoni li jitqarrqu bl-awtoritajiet. F’xi każijiet, fattur ieħor kien jekk il-miżura ta’ konfiska kinitx sanzjoni addizzjonali (40).
64. F’dan il-każ, il-konfiska hija imposta bħala miżura awtomatika li tirriżulta b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjoni pprojbita. Nista’ naqbel li, bħala prinċipju, konfiska awtomatika li ma tippermettix lil qorti tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ tista’ tkun problematika mill-perspettiva tal-proporzjonalità tagħha. Madankollu, jidher li d-dritt Rumen jorbot l-awtomatiċità tal-konfiska mal-fatt li t-tranżazzjoni pprojbita u għalhekk illegali ma ġietx innotifikata. Għaldaqstant, jekk qorti tikkonstata li t-tranżazzjoni kienet legali, il-konfiska awtomatika ma ssegwix bħala konsegwenza.
65. Għal din ir-raġuni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li l-konfiska awtomatika hija limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà li hija proporzjonata mal-għan intiż li jiddisswadi lill-persuni milli jiksru miżuri restrittivi kontra r-Russja, li huma stess ġew adottati sabiex jintlaħqu għanijiet pubbliċi leġittimi (41).
66. Għaldaqstant, inqis li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li miżuri nazzjonali li jipprevedu l-konfiska tar-rikavat kollu minn tranżazzjoni mwettqa bi ksur tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK jikkostitwixxu limitazzjoni proporzjonata tad-dritt għall-proprjetà. Dan huwa l-każ, anki jekk il-konfiska hija konsegwenza awtomatika tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
D. It‑tielet domanda
67. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK tapplikax meta l-oġġetti militari, li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet ta’ senserija, qatt ma ġew fiżikament importati fit-territorju ta’ Stat Membru.
68. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju trid li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dispożizzjoni ġenerali ta’ deċiżjoni PESK li timponi miżuri restrittivi kontra pajjiż terz.
69. Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tippreċiża jekk l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jeskludux tali ġurisdizzjoni.
70. Jiena tal-fehma li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE effettivament jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ miżuri tal-PESK sabiex tiċċara s-sinjifikat tagħhom.
71. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni prevista minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat. Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-awturi tat-Trattati essenzjalment riedu jeskludu lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-tfassil tal-politika fil-kuntest tal-PESK. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħżel bejn diversi sinjifikati possibbli ta’ dispożizzjoni legali, hija neċessarjament tinfluwenza l-għażla politika magħmula mill-awtur jew mill-awturi ta’ din id-dispożizzjoni legali. Dan huwa l-każ, anki jekk l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali hija limitata, fost l-oħrajn, min-neċessità li regola tiġi interpretata b’mod konformi mal-intenzjoni tal-awtur jew l-awturi tagħha. Tali intenzjoni ma hijiex dejjem evidenti, li jfisser li hija stess issir kwistjoni ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja (42).
72. Tali pożizzjoni tikkontradixxi l-fehma tiegħi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-konformità tal-miżuri kollha li jaqgħu taħt il-PESK, inklużi dawk ta’ portata ġenerali, mad-drittijiet fundamentali (ara l-punti 49 u 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet)? Wara kollox, il-passi intellettwali li għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju jeħtieġu fehim tar-regola li qiegħda tiġi interpretata u tar-regola li b’rabta magħha qiegħda tiġi interpretata. Konsegwentement, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-konformità ta’ miżura ta’ PESK mal-Karta, hija mhux biss għandha tinterpreta l-Karta, iżda wkoll ir-regola ta’ PESK li l-legalità tagħha qiegħda tiġi evalwata. Madankollu, tali kontradizzjoni ma tirriżultax jekk jiġi aċċettat li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bis-sinjifikat li l-awtur tal-miżura mistħarrġa jattribwixxi lill-istess miżura, sottomess minnu jew bħala parti f’rikors dirett quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew bħala parteċipant fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata tevalwa, minkejja l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE, huwa jekk regola ta’ PESK kif mifhuma mill-awtur tagħha hijiex awtorizzata fid-dawl tad-drittijiet u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.
73. Għall-kuntrarju, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, bħal f’dan il-każ, b’talba intiża sabiex tispjega t-tifsir ta’ regola ta’ PESK li ma hijiex ċara għall-qorti tar-rinviju, din ikollha quddiemha regola li lilha jistgħu neċessarjament jingħataw tifsiriet differenti. F’din il-proċedura, is-sinjifikat issuġġerit mill-awtur jew l-awturi tar-regola huwa biss sinjifikat wieħed possibbli, b’parteċipanti oħra jkollhom opinjonijiet differenti. Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari teżiġi, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi liema sinjifikat huwa dak “korrett”.
74. Wieħed jista’ leġittimament jistaqsi għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi s-sinjifikat propost mill-awtur ta’ regola fl-evalwazzjoni tal-legalità tagħha, iżda li tkun tista’ tagħti sinjifikat lir-regola li jkun differenti minn dak propost mill-awtur tagħha meta ssir l-interpretazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari?
75. Ir-raġuni tinsab fl-għan differenti taż-żewġ tipi ta’ ġurisdizzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżura ta’ PESK (kemm jekk fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, ta’ deċiżjonijiet preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jew ta’ azzjonijiet għad-danni) hija intiża li tistabbilixxi li regola li għandha s-sinjifikat mixtieq mill-Kunsill ma tistax tiġi aċċettata fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toqgħod tqiegħed inkwistjoni x’seta’ ried ifisser il-Kunsill, iżda tista’ tivverifika jekk dak li l-Kunsill ried huwiex konformi mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.
76. B’kuntrast ma’ dan, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni, dan jirrigwarda s-sinjifikat tar-regola kif ġiet mifhuma minn diversi atturi, bħall-awtur jew awturi tagħha, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-qorti tar-rinviju stess. Wara li r-regola tħalli l-proċess deċiżjonali, hija takkwista “ħajja tagħha proprja”, biex ngħidu hekk. Jekk ikun possibbli li jingħataw sinjifikati differenti lir-regola fl-applikazzjoni tagħha (u dan ikun possibbli biss jekk dawn is-sinjifikati attribwiti ma jmorrux kontra d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni), ma jkun hemm ebda raġuni li sinjifikat wieħed jieħu preċedenza fuq ieħor. Għal raġunijiet ta’ uniformità, l-ordni kostituzzjonali tal-Unjoni tat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tagħżel waħda mis-sinjifikati possibbli. Din is-setgħa ġiet eskluża fil-kuntest tal-PESK.
77. Din il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni għandha neċessarjament il-prezz tagħha għall-uniformità tad-dritt ta’ PESK. Sa fejn il-kunċett ta’ servizzi ta’ senserija jista’ jiġi interpretat b’modi differenti, dan jista’ jikseb sinjifikat quddiem il-qrati ta’ Stat Membru u sinjifikat differenti fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, għandu jiġi preżunt li l-awturi tat-Trattati aċċettaw il-possibbiltà ta’ tali diverġenzi fil-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 24(1) TUE u mill-Artikolu 275 TFUE. Jista’ jkun li l-awturi tat-Trattati ppreferew li dawn id-diverġenzi jiġu solvuti permezz ta’ mekkaniżmi politiċi, u mhux ġudizzjarji. Jekk ir-rwol li tiġi żgurata l-uniformità għandu jingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-mod kif tgawdih skont it-Trattat FUE, il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikollha titneħħa permezz ta’ emenda tat-Trattati.
78. Jekk, min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ PESK tiġi implimentata mhux mill-Istati Membri, bħal f’dan il-każ, iżda mill-Unjoni permezz ta’ regolament taħt l-Artikolu 215, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sħiħa ta’ interpretazzjoni fir-rigward ta’ dan ir-regolament u tkun tista’ teżerċitaha fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (43). Regolament taħt l-Artikolu 215 huwa miżura tat-Trattat FUE li permezz tiegħu l-Unjoni tagħżel is-sinjifikat li għandu jiġi attribwit lil regola ta’ deċiżjoni ta’ PESK. Peress li jista’ ma jkunx ċar liema sinjifikat intgħażel mill-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-kuntest tat-Trattati, inkarigata tikkjarifikah sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-regolament.
79. B’mod aktar konkret, dan ikun ifisser li kieku r-Regolament 833/2014 implimenta l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK fl-intier tiegħu billi inkluda l-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti militari, tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta jekk il-kunċett ta’ servizzi ta’ senserija jkoprix tranżazzjonijiet relatati ma’ prodotti li qatt ma kienu fiżikament importati fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tikkonċerna biss dan ir-regolament u mhux din id-deċiżjoni ta’ PESK.
80. F’dan is-sens, l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK peress li l-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija li jikkonċernaw oġġetti militari kellha tiġi implimentata permezz tar-Regolament Nru 833/2014 ma jistax jintlaqa’. Anki jekk huwa minnu li l-Kunsill b’mod żbaljat ma inkludiex is-servizzi ta’ senserija f’regolament taħt l-Artikolu 215, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ servizzi ta’ senserija li jinsab f’tali regolament ma tkunx taffettwa s-sens ta’ dan il-kunċett fid-deċiżjoni ta’ PESK. Għal din ir-raġuni, ma huwiex meħtieġ li jiġi analizzat jekk l-obbligu li tiġi implimentata l-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ oġġetti militari kienx jeżisti taħt it-Trattati.
81. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għat-tielet domanda.
IV. Konklużjoni
82. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u d-dritt fundamentali għall-proprjetà ma jipprekludux miżuri nazzjonali li jipprevedu l-konfiska tar-rikavat kollu minn tranżazzjoni mwettqa bi ksur tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Dan huwa l-każ, anki jekk il-konfiska hija konsegwenza awtomatika tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-tielet domanda.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, u r-rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35).
3 Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 153 sa 258), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ir-raġunijiet għalfejn l-Abbozz tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB kif kien propost ma kienx konformi mat-Trattati.
4 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-Digriet Nru 901/2019, fis-seħħ mill‑5 ta’ Lulju 2019 sas‑6 ta’ Ottubru 2021, issostitwixxa d-Digriet Nru 156/2018 preċedenti tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin li jirratifika l-lista ta’ prodotti militari suġġetti għas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet, tal-importazzjonijiet u ta’ tranżazzjonijiet oħra, fis-seħħ mill‑5 ta’ Marzu 2018 sal‑4 ta’ Lulju 2019. L-annessi ta’ dawn id-digrieti kienu jinkludu, b’mod partikolari, il-kategorija ML11, intitolata “Tagħmir elettroniku, ‘inġenji tal-ispazju’ u komponenti mhux speċifikati x’imkien ieħor f’din il-lista”.
5 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Aġenzija Nazzjonali Rumena għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus kienet preċedentement ressqet ilment kontra Neves dwar allegat reat ta’ ħasil tal-flus, iżda dan l-ilment ingħalaq fl‑11 ta’ Mejju 2020 minħabba li ma kien ġie kkonstatat ebda twettiq ta’ reat kriminali.
6 Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Qorti EDB, sentenza tas‑6 ta’ April 2009, Ismayilov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2008:1106JUD003035203), u l-Qorti EDB, sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2009, Moon vs Franza (CE:ECHR:2009:0709JUD003997303).
7 Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017 (C‑72/15, EU:C:2017:236, iktar ’il quddiem “Rosneft”).
8 Ara, pereżempju, il-Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE, Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, Brussell, dok. 5664/18, l‑4 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar is-Sanzjonijiet”), punt 4.
9 Disponibbli fuq: https://www.sanctionsmap.eu/#/main.
10 Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 29 TEU.
11 Ara, pereżempju, il-Linji Gwida dwar is-Sanzjonijiet, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 7. Ara wkoll, pereżempju, Portela, C., European Union sanctions and foreign policy: When and why do they work? Routledge, Londra/New York, 2010, b’mod partikolari p. 19 sa 28; Eckes, C., “EU restrictive measures against natural and legal persons: From counterrorist to third country sanctions”, Common Market Law Review, Vol. 51(3), 2014, p. 869.
12 L-Artikolu 215(1) TFUE jikkorrispondi essenzjalment ma’ dak li qabel kien l-Artikolu 60 KE, dwar miżuri restrittivi fil-qasam tal-moviment tal-kapital u tal-pagamenti, u li qabel kien l-Artikolu 301 KE, dwar l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz jew numru ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali, li, qabel it-Trattat ta’ Lisbona, kienu jeħtieġu dak li qabel kien l-Artikolu 308 KE (li issa sar l-Artikolu 352 TFUE). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 51 sa 53).
13 Ara s-sentenzi Rosneft, punt 89, u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 38).
14 Pereżempju, restrizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jistgħu jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ PESK, iżda mhux fir-regolamenti taħt l-Artikolu 215. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 41).
15 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 (ĠU 2023, L 226, p. 104).
16 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (GU 2014. L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (EU) 2023/1215 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 (ĠU 2023, L 159 I, p. 330).
17 Ara d-Deċiżjoni 2014/512/PESK, il-premessi 7 sa 12.
18 Din id-deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1517 tal‑20 ta’ Lulju 2023 (ĠU 2023, L 184, p. 40).
19 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, li tipprovdi li: “[…] l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip lejn ir-Russja. L-akkwist mir-Russja ta’ armi u materjal relatat ieħor ta’ kull tip għandhom ukoll jkunu pprojbiti”.
20 Enfasi miżjuda.
21 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 114, p. 214 u ĠU 2014, L 246, p. 59). Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi, l-aħħar darba bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1214, tat‑23 ta’ Ġunju 2023 (ĠU 2023, L 159I, p. 1).
22 Oriġinarjament, il-projbizzjoni ta’ servizzi ta’ senserija kienet tikkonċerna oġġetti u teknoloġija b’użu doppju (l-Artikolu 4(1)(c) li sar l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 833/2014). B’emendi sussegwenti ta’ dan ir-regolament, il-projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija ġiet estiża, b’mod partikolari, għal oġġetti li jikkontribwixxu għall-kapaċitajiet militari, teknoloġiċi u industrijali Russi (Artikoli 2a u 3k), għall-armi tan-nar (Artikolu 2aa), għaż-żejt u għall-gass (Artikoli 3, 3b, 3m u 3n), għall-oġġetti relatati mal-avjazzjoni u mal-ispazju (Artikolu 3c), għall-prodotti relatati mal-baħar (Artikolu 3f), għall-ħadid u għall-azzar (Artikolu 3g), għall-prodotti ta’ lussu (Artikolu 3h) u għad-deheb (Artikolu 3o).
23 Ara r-Regolament 2023/1214, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Artikolu 1(19).
24 Din id-dispożizzjoni issa taqra: “l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ assistenza teknika u servizzi ta’ senserija relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja” (enfasi miżjuda).
25 Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU 2008 L 335, p. 99). B’mod ġenerali, skont l-Artikolu 1 ta’ din il-pożizzjoni komuni, l-Istati Membri għandhom jevalwaw l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni (li jinkludu, inter alia, l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tas-senserija) għal oġġetti tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, fuq bażi ta’ każ b’każ, skont diversi (tmien) kriterji elenkati fl-Artikolu 2 ta’ din il-pożizzjoni komuni.
26 Ara l-Artikolu 2(1)(a) tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.
27 Ara l-Artikolu 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK. Il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea ġiet inizjalment miftiehma fl-2000 (ĠU 2000, C 191, p. 1), u sussegwentement aġġornata diversi drabi, l-aħħar darba fl‑20 ta’ Frar 2023 (ĠU 2023, C 72, p. 2).
28 Madankollu, din il-lista militari komuni tintuża wkoll għal skopijiet oħra, inkluż barra mill-PESK. Ara, pereżempju, id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU 2009, L 146, p. 1), kif emendata bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2023/277 tal‑5 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2023, L 42, p. 1).
29 Il-Kunsill spjega wkoll li, fil-fehma tiegħu, is-sitwazzjoni dwar is-servizzi ta’ senserija ma hijiex iktar ċara taħt il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK tat‑23 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kontroll tas-senserija tal-armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 2, p. 133).
30 Fil-fatt, jidher li bħalissa jeżistu diversi miżuri restrittivi tal-Unjoni (ir-Repubblika Ċentrali Afrikana, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Iran, il-Korea ta’ Fuq, is-Sudan ta’ Nofisnhar, is-Sudan, it-terroriżmu (miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida) u l-Venezwela), li fihom hemm dispożizzjonijiet li jipprojbixxu servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti militari kemm fid-deċiżjoni ta’ PESK kif ukoll fir-regolament taħt l-Artikolu 215. B’kuntrast, għal numru ta’ miżuri restrittivi oħra tal-Unjoni (il-Belarussja, il-Libanu, il-Mjanmar (Burma) u ż-Żimbabwe), tali projbizzjoni tas-servizzi ta’ senserija fir-rigward ta’ oġġetti militari tinsab biss fid-deċiżjoni ta’ PESK, u mhux fir-regolament taħt l-Artikolu 215.
31 Ara l-punti 53 sa 155 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi KS u KD.
32 Dan ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70, iktar ’il quddiem is-sentenza “Mauritius”); tat‑12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 42); u tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40).
33 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 47).
34 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punti 49 u 50).
35 Ara Rosneft, b’mod partikolari l-punti 148 sa 151.
36 Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus (C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 22). Din is-sentenza ngħatat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-embargo kontra r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (is-Serbja u l-Montenegro).
37 Sentenza Rosneft, punt 149.
38 Sentenza Rosneft, punt 150.
39 Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72), kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 37).
40 Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2021, Karapetyan vs Il‑Ġeorġja (CE:ECHR:2020:1015JUD006123312, punt 37). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, pereżempju, il-Qorti EDB, sentenza tas‑6 ta’ April 2009, Ismayilov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2008:1106JUD003035203, punt 35), u l-Qorti EDB, sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2021, Imeri vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2021:0624JUD007766814, punt 86). B’mod partikolari, il-Qorti EDB ikkonfermat l-impożizzjoni ta’ multa u ta’ miżura ta’ konfiska f’ċirkustanzi fejn il-kumpannija rikorrenti kienet eżerċitat l-attivitajiet tagħha mingħajr l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa skont id-dritt nazzjonali: ara l-Qorti EDB, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, S.C. Fiercolect Impex S.R.L. vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2016:1213JUD002642907, b’mod partikolari, il-punti 62 sa 73).
41 Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, f’dan il-każ, il-konfiska awtomatika kienet ġiet imposta fuq Neves għan-nuqqas intenzjonat, wara li ġiet imwissija, li tikkonforma ruħha mal-obbligu previst mid-dritt nazzjonali sabiex ma twettaqx it-tranżazzjoni mingħajr notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti.
42 Ara l-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi KS u KD.
43 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rosneft, punt 106.