EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0319

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-4 ta’ Mejju 2023.
Gesamtverband Autoteile-Handel e.V. vs Scania CV AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur – Regolament (UE) 2018/858 – Approvazzjoni u sorveljanza tas-suq ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi – Artikolu 61(1) u (2) – Punt 6.1 tal-Anness X – Operaturi indipendenti – Informazzjoni ‘faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament’ – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6(1)(ċ) – Ipproċessar ta’ data ta’ natura personali – Obbligu legali impost fuq il-manifatturi tal-vetturi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti n-numri ta’ identifikazzjoni tal-vetturi (VIN).
Kawża C-319/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:385

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C319/22

Gesamtverband Autoteile-Handel e.V.

vs

Scania CV AB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq għal servizzi ta’ informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Regolament (UE) 2018/858 – Operaturi indipendenti – Informazzjoni faċilment aċċessibbli f’format li tista’ tinqara b’magna u li tista’ tiġi pproċessata elettronikament – Numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) – Protezzjoni ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Kundizzjonijiet tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu (6)(1)(c)”






1.        Il-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li, fi ħdan is-suq intern, tiġi ggarantita l-kompetizzjoni fis-settur tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur, sabiex il-manifatturi ta’ dawn il-vetturi ma jimmonopolizzawx (huma nnifishom jew permezz tal-konċessjonarji u s-sewwejja awtorizzati tagħhom) il-provvista ta’ tali servizzi.

2.        Għal dan il-għan, ir-Regolament (UE) 2018/858 (2) jeżiġi li l-manifatturi tal-vetturi jipprovdu lill-“operaturi indipendenti” aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għall-informazzjoni relatata ma’ ċerti sistemi, tagħmir u għodod tal-vetturi, u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tagħhom.

3.        L-applikazzjoni tar-Regolament 2018/858 (jew ta’ kwalunkwe wieħed mir-regolamenti emendati minnu) iġġenerat tilwim bejn, minn naħa, il-manifatturi tal-vetturi u, min-naħa l-oħra, l-operaturi indipendenti. Xi wħud mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżultaw minn proċedimenti li huma involuti fihom entità (3) li l-membri tagħha jamministraw 80 % tad-dħul mill-bejgħ fil-kummerċ indipendenti tal-ispare parts tal-vetturi bil-mutur fil-Ġermanja (4).

4.        F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) tagħmel tliet domandi li jirrigwardaw, suċċessivament:

—      Il-kontenut tal-informazzjoni li l-manifatturi jridu jagħmlu disponibbli għall-operaturi indipendenti (jinkludi l-informazzjoni kollha dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858, jew dik dwar l-ispare parts biss?).

—      Il-mod u l-format li bihom il-manifatturi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni.

—      L-obbligu li l-operaturi indipendenti jingħataw in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vetturi (iktar ’il quddiem “VIN”) (5), b’rabta mal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 (6).

5.        Fuq indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-konklużjonijiet tiegħi għat-tielet waħda mid-domandi li ġew magħmula.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      IrRegolament 2018/858

6.        Il-premessa 50 tgħid:

“L-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, permezz ta’ format standardizzat li jista’ jintuża sabiex tiġi rkuprata l-informazzjoni teknika, kif ukoll il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi li jipprovdu tali informazzjoni, huma meħtieġa sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà fil-forniment tas-servizzi […]”.

7.        Skont il-premessa 52:

“Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-suq għal servizzi ta' informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta' vetturi, u sabiex jiġi ċċarat li l-informazzjoni kkonċernata tkopri wkoll l-informazzjoni li jeħtieġ li tingħata lil operaturi indipendenti minbarra s-sewwejja, sabiex jiġi żgurat li s-suq indipendenti tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi inġenerali jkun jista’ jikkompeti ma' negozjanti awtorizzati, irrispettivament minn jekk il-manifattur tal-vettura jagħtix tali informazzjoni direttament lil negozjanti u sewwejja awtorizzati jew jużax huwa stess tali informazzjoni għar-raġunijiet ta’ tiswija u manutenzjoni, jenħtieġ li jiġu stipulati d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tingħata għall-finijiet ta’ aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi”.

8.        B’mod konformi mal-premessa 62:

“Kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li dawn jitwettqu skont [il-GDPR] […]”.

9.        L-Artikolu 3 jipprovdi li:

“[…]

45)      ‘operatur indipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant jew sewwej awtorizzat, li hija direttament jew indirettament involuta fit-tiswija u fil-manutenzjoni tal-vetturi, u inklużi sewwejja, manifatturi jew distributuri ta’ tagħmir tat-tiswija, għodod jew spare parts, kif ukoll pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, assoċjazzjonijiet tal-karozzi, operaturi tal-assistenza fit-triq, operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, operaturi li joffru taħriġ għall-installaturi, il-manifatturi u sewwejja ta’ tagħmir għall-vetturi li jaħdmu b’karburanti alternattivi; tfisser ukoll sewwejja, negozjanti u distributuri awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ manifattur ta’ vettura partikolari sakemm huma jipprovdu servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi li fir-rigward tagħhom mhumiex membri tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-manifattur tal-vettura;

[…]

48)      ‘informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura’ tfisser l-informazzjoni kollha, inklużi l-emendi u supplimenti sussegwenti kollha tagħha, li tkun meħtieġa għad-dijanjożi, l-għoti ta’ service u l-ispezzjoni ta’ vettura, it-tħejjija tagħha għall-kontroll tekniku, it-tiswija, l-ipprogrammar mill-ġdid jew l-inizjalizzazzjoni mill-ġdid ta’ vettura jew li tkun meħtieġa għall-appoġġ djanjostiku mill-bogħod ta’ vettura jew għall-immuntar fuq vettura ta’ parts u tagħmir, u li tiġi pprovduta mill-manifattur lis-sħab, negozjanti jew sewwejja awtorizzati tiegħu u li tintuża mill-manifattur għal finijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni;

49)      ‘informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord (OBD) tal-vettura’ tfisser l-informazzjoni ġġenerata minn sistema li hija abbord vettura jew li tkun konnessa ma’ magna u li tkun kapaċi tidentifika ħsara u, fejn applikabbli, li tkun kapaċi tindika l-okkorrenza tagħha permezz ta’ sistema ta’ twissija, li tkun kapaċi tidentifika dik il-parti relatata mal-ħsara permezz tal-informazzjoni maħżuna fil-memorja ta’ kompjuter, u li tkun kapaċi tikkomunika dik l-informazzjoni off-board;

[…]”.

10.      L-Artikolu 61 (“L-obbligi tal-manifatturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi”) jindika:

“1.      Il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi, tagħmir dijanjostiku u tagħmir ieħor, għodod, inklużi r-riferenzi kompluti, u d-downloads disponibbli, tas-softwer applikabbli, u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament. L-operaturi indipendenti għandu jkollhom aċċess għas-servizzi dijanjostiċi remoti użati mill-manifatturi u min-negozjanti u s-sewwejja awtorizzati.

Il-manifatturi għandhom jipprovdu faċilità standardizzata, sigura u remota li tippermetti lis-sewwejja indipendenti jwettqu operazzjonijiet li jinvolvu l-aċċess għas-sistema tas-sigurtà tal-vettura.

2.      Sa meta l-Kummissjoni tadotta standard rilevanti permezz tal-ħidma tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) jew ta’ korp ta’ standardizzazzjoni komparabbli, l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandha tiġi ppreżentata b’mod li tkun faċilment aċċessibbli u b’mod li tkun tista’ tiġi pproċessata minn operaturi indipendenti bi sforz raġonevoli.

L-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandha ssir disponibbli fuq is-siti web tal-manifatturi bl-użu ta’ format standardizzat jew, jekk dan ma jkunx fattibbli, minħabba n-natura tal-informazzjoni, f’format ieħor xieraq. Għal operaturi indipendenti għajr is-sewwejja, l-informazzjoni għandha tingħata wkoll f’format li jkun jista’ jinqara minn magna, li jkun jista’ jiġi pproċessat elettronikament b’għodod u softwer tat-teknoloġija informatika disponibbli b’mod komuni u li jippermetti lil operaturi indipendenti jwettqu l-kompitu assoċjat man-negozju tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq ta’ wara l-bejgħ.

[…]

4.      Id-dettalji tar-rekwiżiti tekniċi għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, huma stipulati fl-Anness X.

[…]

11.      Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 82 li jemendaw l-Anness X biex jittieħed kont tal-iżviluppi tekniċi u regolatorji jew jiġi evitat l-użu ħażin billi taġġorna r-rekwiżiti dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, […]”.

11.      Il-punt 6.1 tal-Anness X (“L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”) jipprovdi:

“[…]

L-informazzjoni fuq il-partijiet kollha tal-vettura, li bihom hija mgħammra l-vettura, kif identifikat mill-VIN u kwalunkwe kriterju addizzjonali bħall-bażi tar-roti, l-output tal-magna, il-livell jew l-għażliet tal-finitura, mill-manifattur tal-vettura u li jistgħu jiġu sostitwiti minn partijiet ta’ riżerva offruti mill-manifattur tal-vettura lis-sewwejja awtorizzati jew lil negozjanti jew partijiet terzi permezz ta’ referenza għan-numru tal-partijiet tat-tagħmir oriġinali (OE), trid titqiegħed għad-dispożizzjoni, fl-għamla ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw minn magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament, f’bażi ta’ data li hija aċċessibbli għall-operaturi indipendenti.

Din id-database għandu jkun fiha l-VIN, in-numri tal-partijiet OE, l-isem OE tal-partijiet, l-attributi tal-validità (dati ta’ validità minn u validità sa), l-attributi tal-fittings u, fejn applikabbli, il-karatteristiċi tal-istrutturar.

[…]”.

B.      IrRegolament Nru 19/2011

12.      Il-punt 2 tal-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”), jispjega li:

“‘numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura’ (VIN) tfisser il-kodiċi alfanumeriku mogħti lil vettura mill-manifattur sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni xierqa ta’ kull vettura”.

13.      Fl-Anness I (“Rekwiżiti tekniċi”), parti B [“Numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN)”], il-punt 1.2 jipprovdi:

“Il-VIN għandu jkun uniku u attribwit b’mod mhux ekwivoku lil vettura partikolari”.

C.      IlGDPR

14.      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 4, “‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

15.      L-Artikolu 6 (“Legalità tal-ipproċessar”) jistabbilixxi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali […]. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

[…]”.

D.      IdDirettiva 1999/37/KE (7)

16.      Fl-Anness I (“Parti I taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni”) insibu dawn il-punti:

“[…]

II.5.      L-ewwel Parti taċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni għandha tikkontjeni wkoll il-fatti magħrufa (data) li ġejja, preċeduta mill-kodiċijiet armonizzati korrespondenti tal-Komunità:

[…]

(Ċ)      fatti magħrufa (data) personali;

(Ċ.1)      possessur taċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni:

(Ċ.1.1) kunjomi(ijiet) jew isem kummerċjali,

[…]

(Ċ.1.3) indirizz fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni fid-data tal-ħruġ tad-dokument;

(Ċ.4)      Fejn il-partikolaritajiet speċifikati f’II.6, kodiċi Ċ.2 mhumiex indikati fiċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni, riferenza għall-fatt li l-possessur taċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni:

a)      huwa s-sid tal-vettura,

[…]

(E)      numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura;

[…]

II.6.      L-ewwel Parti taċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni tista, barra minn dan, tikkontjeni l-fatti magħrufa (data) li ġejja, preċeduta mill-kodiċijiet armonizzati korrespondenti tal-Komunità:

(Ċ)      fatti magħrufa (data) personali;

(Ċ.2) sid tal-vettura (ripetuta daqs kemm hemm sidien), […]

[…]

(Ċ.3) persuna naturali jew legali li tista’ tuża’ l-vettura bis-saħħa ta’ dritt legali ieħor għajr dak ta’ pussess, […]

[…]”.

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

17.      Scania CV AB (iktar ’il quddiem “Scania”) hija wieħed mill-ikbar produtturi ta’ vetturi kummerċjali, partikolarment ta’ trakkijiet tqal, fl-Ewropa. Bħala detentur ta’ approvazzjonijiet tat-tip “KE”, għandha l-istatus ta’ manifattur fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858 u għandha tipprovdi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 61(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

18.      Scania tipprovdi lill-aġenti indipendenti (bħall-membri tal-Gesamtverband A.‑H.) aċċess għall-informazzjoni dwar il-vettura, it-tiswija u l-manutenzjoni tagħha, kif ukoll għas-sistema OBD, permezz ta’ sit internet.

19.      Permezz ta’ din il-proċedura, Scania tippermetti lill-utent uman, billi jdaħħal l-aħħar seba’ ċifri tal-VIN, ifittex informazzjoni dwar vettura partikolari, jew, abbażi tad-data ġenerali tal-vetturi, jikseb informazzjoni iktar estensiva li ma tirreferix għal vettura speċifika (8).

20.      Madankollu, Scania ma tqegħidx il-VIN disponibbli għall-operaturi indipendenti. Is-sewwejja biss jafu l-VIN tal-vettura li jridu jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni jew tiswija fuqha, peress li dak in-numru jidher fuq ix-xażi li jafdalhom il-klijent; madankollu, il-manifatturi u d-distributuri ta’ spare parts ma għandhomx aċċess għal VIN individwali, li mingħajrhom tfittxija għal kriterji ġenerali ma tagħtix riżultati preċiżi (9).

21.      It-tilwima ta’ bejn Gesamtverband A.-H. u Scania fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-forma, il-kontenut u l-portata tal-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 61(1) u (2) tar-Regolament 2018/858.

22.      F’dan il-kuntest, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) aċċettat li tagħmel tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom ser nindirizza l-aħħar waħda biss, ifformulata f’dawn it-termini:

“L-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jikkostitwixxi, għall-manifatturi tal-vetturi, obbligu legali fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) [tal-GDPR], li jiġġustifika l-pubblikazzjoni ta’ VIN jew ta’ informazzjoni annessa magħhom lil operaturi ekonomiċi indipendenti inkwantu kontrolluri oħra fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2022.

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Gesamtverband A.-H., Scania u l-Kummissjoni.

25.      Ma ġiex ikkunsidrat essenzjali li tinżamm seduta.

IV.    Analiżi

26.      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jikkostitwixxix obbligu legali fuq il-manifatturi tal-vetturi (fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR) li jiġġustifika l-pubblikazzjoni ta’ VIN jew ta’ informazzjoni marbuta ma’ dawn in-numri, lil operaturi indipendenti.

27.      Id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li, kieku dan l-obbligu kien jeżisti, l-osservanza tiegħu tkun teħtieġ li tiġi pproċessata data personali.

28.      Ir-risposta teħtieġ, l-ewwel, li tiġi analizzata n-natura tal-VIN u, it-tieni, li ladarba tiġi ammessa n-natura ta’ data personali tiegħu, issir investigazzjoni dwar il-bażi legali possibbli tal-ipproċessar ta’ dan in-numru.

A.      Innatura personali talVIN

29.      Il-VIN jikkostitwixxi data personali? Jekk le, il-problema mqajma tiġi solvuta mingħajr dewmien, peress li l-GDPR sempliċement ma jkunx applikabbli. Il-qorti tar-rinviju tammetti, madankollu, li għandha xi inċertezzi f’dan ir-rigward.

30.      Il-qorti tar-rinviju tiġbor fil-qosor il-pożizzjonijiet taż-żewġ partijiet fit-tilwima f’dawn it-termini:

—      Skont il-Gesamtverband A.-H., il-VIN ma humiex data personali għall-manifattur, sakemm il-manifattur ma jkollux possibbiltà raġonevoli, fil-fatt jew fil-liġi, li jiddetermina l-identità ta’ persuna fiżika mill-VIN. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal Scania, peress li x-xerrejja ta’ vetturi kummerċjali ġeneralment ma humiex persuni fiżiċi. Minkejja kollox, jekk f’xi każ speċifiku l-VIN ikun jista’ jikkostitwixxi data personali, Scania tkun awtorizzata tagħti aċċess għalih skont l-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR. L-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jipprovdi bażi legali adegwata, peress li jobbliga lill-manifatturi jaqsmu l-informazzjoni marbuta mal-VIN.

—      Skont Scania, il-VIN huma data personali u l-GDPR jipprojbixxi l-pubblikazzjoni tagħhom mingħajr il-bażi legali xierqa. L-uniku każ possibbli ta’ bażi legali huwa l-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR. Madankollu, l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 ma jimponi ebda obbligu bħal dan. Id-dispożizzjoni ma hijiex preċiża biżżejjed, l-iskop tal-ipproċessar ma huwiex iddefinit b’mod ċar u r-Regolament 2018/858 ma jipprovdi xejn rigward il-protezzjoni tad-data.

31.      Il-qorti tar-rinviju, wara li ppreżentat iż-żewġ fehmiet, tirrikonoxxi li hemm argumenti insostenn ta’ waħda u tal-oħra:

—      Favur l-interpretazzjoni ta’ Scania, jista’ jiġi argumentat li r-Regolament 2018/858 ma fihx espliċitament kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

—      Favur il-pożizzjoni ta’ Gesamtverband A.-H. hemm l-argument li l-VIN, ġeneralment, ma huwiex data personali għall-manifatturi, b’mod li sa mill-bidu nett il-GDPR jista’ ma jkunx applikabbli. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 61(1), tar-Regolament 2018/858 jistabbilixxi l-“obbligu legali” meħtieġ għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR u jibbaża l-ipproċessar tad-data skont dan tal-aħħar.

32.      Id-dubju kien (relattivament) solvut permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar tad-data għal finijiet fiskali) (10). Fiha, kienu kklassifikati bħala komunikazzjoni ta’ “data personali” l-aċċess għal ċerti VIN, b’mod partikolari, kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-reklami ppubblikati minn operatur ekonomiku fuq portal tal-internet (11).

33.      F’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali Bobek sostna li “[…] in-numru tax-xażi ta’ karozza [il-VIN] tikkostitwixxi ‘informazzjoni relatata ma’ persuna [fiżika] identifikata jew identifikabbli’”. Il-VIN jistgħu għalhekk jitqiesu bħala “data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD [GDPR]”, sakemm tali “informazzjoni tippermetti li jiġu identifikati l-bejjiegħa tal-karozzi u, għaldaqstant, il-persuni taxxabbli potenzjali” (12).

34.      Madankollu, naqbel mal-qorti tar-rinviju u mal-Gesamtverband A.-H. li l-VIN ma huwiex, fih innifsu u fi kwalunkwe każ, data personali. Mill-inqas ma huwiex “b’mod ġenerali, [...] għall-manifattur [tal-vetturi]” (13) u, ċertament, mhux meta l-vettura ma tkunx tappartjeni lil persuna fiżika.

35.      Fil-kawża Valsts ieņēmumu dienests, id-data inkwistjoni, inkluża dik tal-VIN tal-vetturi reklamati fuq portal tal-internet, ġew mitluba minn amministrazzjoni fiskali. F’dak il-kuntest, il-VIN kien jikkostitwixxi b’mod ċar “data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR; jiġifieri, “informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”.

36.      Peress li min għamel it-talba għall-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża Valsts ieņēmumu dienests kienet amministrazzjoni pubblika, il-VIN setgħu jintużaw sabiex jiġu identifikati s-sidien tal-vetturi b’dawn in-numri. Fost “il-grupp ta’ mezzi li [setgħu] jintużaw b’mod raġonevoli” minn amministrazzjoni pubblika għal din l-identifikazzjoni personali hemm aċċess għar-reġistru (pubbliku) taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni.

37.      Bħala prinċipju, kif diġà semmejt, il-VIN huwa sempliċi “kodiċi alfanumeriku mogħti lil vettura mill-manifattur” li strettament iservi biss sabiex tiġi identifikata b’mod xieraq din il-vettura. Jista’ jingħad li huwa data ad rem, mhux ad personam.

38.      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja:

—      Id-definizzjoni ta’ “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 4(1), tal-GDPR “hija applikabbli meta, minħabba l-kontenut, l-iskop u l-effett tagħha, l-informazzjoni inkwistjoni tkun marbuta ma’ persuna speċifika” (14).

—      “Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li jistgħu jiġu raġonevolment implementati, kemm mill-kontrollur, kif ukoll minn persuna oħra, sabiex tiġi identifikata l-imsemmija persuna”. Bħala riżultat, “sabiex data tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data personali” [...] ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata għandha tkun f’idejn persuna waħda” (15).

39.      Skont din il-ġurisprudenza, data li, bħala prinċipju, hija nieqsa min-natura “personali” (minħabba li minnha nnifisha, u mingħajr l-intermedjazzjoni ta’ data oħra, ma tinkludix informazzjoni li tirreferi għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli) takkwista dik in-natura għal min raġonevolment għandu l-mezzi sabiex jassoċjaha ma’ persuna speċifika.

40.      Wieħed minn dawn il-mezzi huma ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni, li bilfors iridu jinkludu l-VIN u l-identità tas-sid tal-vettura (16). Fuq il-bażi ta’ dawn iċ-ċertifikati, li jassoċjaw il-VIN mas-sid tal-vettura, operatur indipendenti jista’ jittraċċa, pereżempju, il-proċess ta’ distribuzzjoni u bejgħ ta’ spare-parts, sakemm jiġi identifikat is-sid tal-vettura li tkun ġiet inkorporata fiha dik il-parti (17).

41.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jidher, il-membri tal-Gesamtverbrand A.-H. jistax ikollhom raġonevolment il-mezzi sabiex jorbtu VIN ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Jekk iva, għalihom (u, indirettament, għall-manifattur li jagħmel il-VIN disponibbli għalihom), il-VIN huwa data personali li l-ipproċessar tagħha jkun suġġett għall-GDPR.

42.      Fil-qosor, u bħala konklużjoni intermedja, inqis li l-VIN jikkostitwixxi data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, sa fejn min ikollu aċċess għalih jista’ jkollu mezzi li raġonevolment jippermettulu jużah b’mod li jidentifika s-sid tal-vettura li jikkorrispondi għaliha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex dak li jiġri f’kull każ.

B.      Obbligu li jingħata lVIN u lGDPR

43.      Kuntrarjament għal xi dikjarazzjonijiet li huma riflessi fid-digriet tar-rinviju, ir-Regolament 2018/858 ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data. Skont il-premessa 62 tiegħu, “kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li dawn jitwettqu skont [il-GDPR]”.

44.      L-Artikolu 6(1) tal-GDPR jikkundizzjona l-legalità tal-ipproċessar tad-data personali għall-applikazzjoni ta’ mill-inqas waħda mill-ġustifikazzjonijiet li jelenka. Fosthom, li l-ipproċessar huwa meħtieġ “għall-konformità ma’ obbligu legali applikabbli għall-kontrollur” (ittra c) (korsiv miżjud).

45.      Dan l-obbligu legali jinsab fl-Artikolu 61(1) u (4), tar-Regolament 2018/858, moqri flimkien mal-punt 6.1 tal-Anness X tiegħu. Skont dan il-grupp ta’ regolamenti, il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur għandhom jagħmlu disponibbli għall-operaturi indipendenti, fost data oħra, espliċitament il-VIN.

46.      Il-punt 6.1 tal-Anness X tar-Regolament 2018/858 jagħti dettalji dwar l-informazzjoni li għandu jipprovdi l-manifattur, f’database li l-operaturi indipendenti jistgħu faċilment jaċċedu għaliha. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni relatata ma’ “[...] il-partijiet kollha tal-vettura, li bihom hija mgħammra l-vettura, kif identifikat mill-VIN [...]”. Fl-istess punt huwa miżjud li d-database li l-manifattur huma obbligat li joħloq “għandu jkun fiha l-VIN”.

47.      Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858 huwa eżawrjenti meta jipprovdi li d-dettalji tar-rekwiżiti tekniċi relatati mal-aċċess għal din l-informazzjoni huma dawk indikati fl-Anness X. Kif għadni kif indikajt, il-punt 6.1 ta’ dan l-anness jimponi l-obbligu fuq il-manifattur sabiex jipprovdi informazzjoni, “mill-VIN”, dwar il-vettura u l-partijiet li l-vettura ġiet mgħammra bihom mill-manifattur.

48.      Konsegwentement, kull manifattur ta’ vetturi huwa obbligat mingħajr ekwivoċi li jipprovdi l-VIN lill-operaturi indipendenti.

49.      Sa fejn il-VIN jikkostitwixxi data personali (18), it-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu jimplika “ipproċessar” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-GDPR.

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-ipproċessar kollu tad-data personali għandu jkun konformi mal-prinċipji tal-Artikolu 5 tal-GDPR u xi wħud mill-kundizzjonijiet tal-legalità tal-Artikolu 6 tiegħu (19).

51.      Mill-kundizzjonijiet tal-legalità elenkati fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR li jinteressa lilna hawnhekk huwa msemmi fl-ittra c). Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ, peress li, nirrepeti, l-għoti tal-aċċess għall-VIN huwa “obbligu legali” li għandhom il-manifatturi tal-vetturi (l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858). Jekk manifattur ma jipprovdix aċċess għall-VIN tal-vetturi tiegħu lill-operaturi indipendenti, ikun qiegħed jikser dan l-obbligu legali.

52.      Madankollu, ma huwiex biżżejjed li l-ipproċessar ikkontestat ikun meħtieġ sabiex jiġi osservat obbligu legali. Barra minn hekk, għandhom jiġu osservati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR. Nemmen li dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li:

—      Il-“bażi għall-ipproċessar” (li għandha tkun “stipulata minn [...] il-liġi tal-Unjoni, jew [...] il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa suġġett il-kontrollur”) tinsab, preċiżament, fir-Regolament 2018/858.

—      Il-“fini tal-ipproċessar” (li “għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali”) jidher fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858: l-għan huwa li tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-settur (20), filwaqt li l-operaturi indipendenti jingħataw aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għal ċerta informazzjoni relatata mat-tagħmir tal-vetturi u t-tiswija u l-manutenzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

—      Hemm l-“għan ta’ interess pubbliku” tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li jirregola din il-materja, peress li, kif indikat il-Kummissjoni (21), l-obbligu impost għandu t-tendenza li jtejjeb “il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà fil-forniment tas-servizzi” (22).

—      Il-bażi leġiżlattiva tirriżulta “proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex”: mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li t-tfittxija biss permezz tal-VIN tippermetti identifikazzjoni eżatta tad-data li tikkorrispondi għal vettura partikolari. Kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni (23), il-qorti tar-rinviju ma tissuġġerixxix mezz ieħor ta’ identifikazzjoni inqas invażiv li, fl-istess ħin, għandu l-effettività tat-tfittxija bbażata fuq il-VIN u li jippermetti li jiġi ssodisfatt l-għan ta’ interess pubbliku msemmi qabel. Il-leġiżlatur Ewropew wassal għal dan il-kriterju ta’ proporzjonalità huwa stess fir-Regolament 2018/858.

53.      Fil-qosor, nemmen li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa fl-Artikolu 6(1)(c) u (3) tal-GDPR huma ssodisfatti. Fl-aħħar nett, inżid li l-qorti tar-rinviju ma tqajjem ebda dubju dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Artikolu 5 tal-GDPR għal din il-kawża.

V.      Konklużjoni

54.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tielet domanda magħmula mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) fit-termini li ġejjin:

“L-Artikolu 61(1) u (4), b’rabta mal-Anness X, il-punt 6.1, tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jikkostitwixxi, għall-manifatturi tal-vetturi, obbligu legali fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), li jiġġustifika t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi indipendenti n-numri ta’ identifikazzjoni tal-vetturi (VIN)”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2021, L 398, p. 29 u fil-ĠU 2022, L 304, p. 103).


3      Il-Gesamtverband Autoteile-Handel e. V. (iktar ’il quddiem “Gesamtverband A.‑H.”).


4      Sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-Handel (C‑527/18, EU:C:2019:762); u tas‑27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel (C‑390/21, EU:C:2022:837)


5      Il-VIN (vehicle identification number) jew in-numru tax-xażi jikkonsisti f’kodiċi alfanumeriku assenjat lil vettura mill-manifattur sabiex jiggarantixxi l-identifikazzjoni tagħha. Huwa msemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 tal‑11 ta’ Jannar 2011 li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-pjanċa statutorja tal-manifattur u għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU 2011, L 8, p. 1), emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 249/2012 tal‑21 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 82, p. 1).


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Iktar ’il quddiem “GDPR”.


7      Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU 1999, L 138, p. 57), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004, L 10, p. 29).


8      Wara li jdaħħal il-VIN jew terminu ta’ tfittxija ġenerali, l-utent uman għandu biss il-possibbiltà li jistampa r-riżultati murija fuq l-iskrin jew li jaħżinhom lokalment fuq kompjuter bħala fajl PDF. Għalhekk, il-kontenut ta’ tali stampar jew tal-fajl PDF iġġenerat b’dan il-mod huwa limitat għall-informazzjoni li tidher fuq l-iskrin.


9      L-informazzjoni dwar l-ispare parts issir disponibbli għall-operaturi indipendenti bl-istess mod, bid-differenza li l-utent ikollu, ukoll, il-possibbiltà li jaħżen ir-riżultati tat-tfittxija murija fuq is-sit internet lokalment fuq il-kompjuter tiegħu bħala fajl XML.


10      Kawża C‑175/20 (EU:C:2022:124). Iktar ’il quddiem, is-“sentenza Valsts ieņēmumu dienests”.


11      Sentenza Valsts ieņēmumu dienests, punti 36 u 37.


12      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek ippreżentati fil-kawża Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali b’għanijiet fiskali) (C-175/20, EU:C:2021:690), punt 36. Korsiv fl-oriġinal.


13      Paġna 80 tal-oriġinali Ġermaniża tad-deċiżjoni tar-rinviju.


14      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali — Instruttorja kriminali) (C‑180/21, EU:C:2022:967), punt 70, li tiċċita s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994), punt 35.


15      Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779), punti 42 u 43.


16      Anness I, punt II.5, kodiċi E, tad-Direttiva 1999/37.


17      Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punt 53 tal-osservazzjonijiet tagħha, ma tistax tiġi injorata r-realtà tal-vetturi konnessi, li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni li tista’ tiġi marbuta ma’ persuna permezz tal-VIN. Ara l-punt 29 tal-Linji Gwida 01/2020 dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ vetturi konnessi u applikazzjonijiet relatati mal-mobilità (verżjoni 2.0), adottati fid‑9 ta’ Marzu 2021 (https://edpb.europa.eu/system/files/2021-08/edpb_guidelines_202001_connected_vehicles_v2.0_adopted_fr.pdf).


18      Iktar ’il fuq, punt 42.


19      Sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26), punt 57, u dawk iċċitati fiha; tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (It-tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773), punt 64; u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità għal reati tat-traffiku) (C‑439/19, EU:C:2021:504), punti 96, 99, 100 u 102.


20      Skont il-premessa 52 tar-Regolament 2018/858, l-għan huwa li “tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-suq għal servizzi ta’ informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi”.


21      Punt 65 tal-osservazzjonijiet tagħha.


22      Dan huwa ddikjarat fil-premessa 50 tar-Regolament 2018/858.


23      Punt 67 tal-osservazzjonijiet tagħha.

Top