EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0281

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2023.
Proċeduri kriminali kontra G. K. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Oberlandesgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 31 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja – Portata tal-istħarriġ – Artikolu 32 – Infurzar ta’ miżuri assenjati.
Kawża C-281/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:510

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2023 (1)

Kawża C281/22

G. K.,

B.O.D. GmbH,

S. L.

intervenjent:

Österreichischer Delegierter Europäischer Staatsanwalt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (EU) 2017/1939 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Miżuri ta’ investigazzjoni ddelegati lil assistent prosekutur delegat – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel – Stħarriġ ġudizzjarju effettiv – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Drittijiet fundamentali”






1.        L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”), b’setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, beda jopera fl‑1 ta’ Ġunju 2021. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab, għall-ewwel darba, tinterpreta l-istrument legali li jistabbilixxi dan l-uffiċċju u tiddetermina r-regoli dwar il-funzjonament tiegħu, b’mod partikolari, ir-Regolament dwar l-UPPE (2).

2.        Ir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni spiss jinvolvu atturi f’diversi Stati Membri. Għaldaqstant, sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu, l-UPPE għandu jkun jista’ jwettaq investigazzjonijiet transkonfinali. Dawn l-investigazzjonijiet jinvolvu l-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ (“il-PDE inkarigat mill-każ”) (3), li jwettaq l-investigazzjoni fi Stat Membru wieħed, u l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew (“l-assistent PDE”) (4) li tiġi assenjata lilu l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni fi Stat Membru ieħor. Il-każ ineżami jirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara ċerti aspetti tar-Regolament dwar l-UPPE li jittrattaw tali investigazzjonijiet transkonfinali.

3.        It-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu evalwati flimkien. Essenzjalment, din il-qorti tistaqsi liema qorti (jew qrati) nazzjonali għandha tagħti awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal miżura ta’ investigazzjoni fi Stat Membru għajr dak fejn tkun qiegħda sseħħ l-investigazzjoni prinċipali tal-UPPE. Jekk hija l-qorti fl-Istat tal-assistent PDE li għandha tagħti l-awtorizzazzjoni, liema portata għandu dan l-istħarriġ ġudizzjarju, u f’dan il-proċess, għandha rwol l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel fi Stat Membru ieħor?

4.        Din bl-ebda mod ma hija domanda sempliċi. Il-parteċipanti f’dan il-każ jipproponu żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament dwar l-UPPE li jeskludu lil xulxin. Kif ser nuri, dawn iż-żewġ soluzzjonijiet kunfliġġenti huma bbażati fuq metodi standard ta’ interpretazzjoni użati mill-Qorti tal-Ġustizzja: permezz tal-interpretazzjoni tat-test, tal-kuntest, tal-għanijiet u tal-istorja leġiżlattiva (5) tar-Regolament dwar l-UPPE. Ebda wieħed mill-eżiti proposti ma huwa kompletament iġġustifikat taħt dawn il-metodi ta’ interpretazzjoni kollha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tagħżel wieħed minnhom.

I.      Ilfatti, iddritt rilevanti u ddomandi magħmula

5.        L-UPPE, permezz tal-Prosekutur Delegat Ewropew fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (München), qiegħed iwettaq investigazzjonijiet preliminari fuq G.K., S.L. u B.O.D. GmbH (“l-akkużati”). Dawn huma ssuspettati li għamlu dikjarazzjonijiet foloz sabiex jevitaw dispożizzjonijiet doganali meta jimportaw il-bijodiżil (li joriġina mill-Istati Uniti) fl-Unjoni Ewropea, li jwasslu għal telf mid-dħul ta’ madwar EUR 1 295 000. Dan l-allegat telf jikkostitwixxi interess finanzjarju tal-Unjoni u għaldaqstant jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UPPE (6).

6.        Għalkemm l-investigazzjoni prinċipali qiegħda sseħħ fil-Ġermanja, l-UPPE deherlu li kien meħtieġ li tinġabar evidenza fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, tqies neċessarju li ssir investigazzjoni transkonfinali fi Stati Membri oħra, inkluż fl-Awstrija. B’mod speċifiku, il-PDE inkarigat mill-każ assenja t-tiftix u l-qbid tal-proprjetà tal-akkużati fl-Awstrija.

7.        Skont id-dritt Awstrijak, tali miżura ta’ investigazzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Għaldaqstant, l-assistent PDE applika u kiseb il-mandati ġudizzjarji sabiex iwettaq tiftix fil-proprjetà residenzjali u kummerċjali tal-persuni akkużati għall-qbid ta’ dokumenti u tagħmir elettroniku potenzjalment inkriminanti.

8.        Kif ġie spjegat waqt is-seduta, mill-qrati Ġermaniżi ma ntalab u ma nkiseb ebda stħarriġ ġudizzjarju minn qabel tal-miżuri ta’ tiftix u ta’ qbid mitluba, anki jekk dan kien meħtieġ f’sitwazzjoni domestika paragunabbli. Dan huwa r-riżultat tal-mod kif il-Ġermanja implimentat l-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE. Skont din l-implimentazzjoni, awtorizzazzjoni ġudizzjarja ma hijiex meħtieġa tingħata f’investigazzjonijiet transkonfinali, jekk il-miżura investigattiva tkun ser issir fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu teħtieġ ukoll awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel (7). F’dan il-każ, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor ikollha l-kompetenza tawtorizza l-miżura investigattiva. Għaldaqstant, il-PDE inkarigat mill-każ ma talabx awtorizzazzjoni ġudizzjarja fil-Ġermanja.

9.        Fl‑1 ta’ Diċembru 2021, l-akkużati ppreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), appelli mill-mandati ta’ tiftix approvati minn erba’ qrati Awstrijaċi. Huma jsostnu li l-miżuri ta’ tiftix u qbid awtorizzati la kienu meħtieġa u lanqas kienu proporzjonati.

10.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, matul il-kawża prinċipali, l-assistent PDE Awstrijak sostna li r-Regolament dwar l-UPPE kien ħoloq tip ġdid ta’ qafas ġuridiku għall-miżuri ta’ investigazzjoni transkonfinali, li jipprovdi li l-ġustifikazzjoni tagħhom għandha tiġi eżaminata biss fl-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ. Il-qorti tal-Istat tal-assistent PDE ma tistax tevalwa l-validità sostantiva tal-miżura ta’ investigazzjoni. Hija tista’ tistħarreġ biss jekk il-miżura tikkonformax mar-rekwiżiti formali u proċedurali għat-twettiq tagħha. Għaldaqstant, l-assistent PDE kkunsidra li l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

11.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha d-domanda dwar jekk il-qrati fl-Istat Membru tal-assistent PDE humiex awtorizzati jwettqu sħarriġ sħiħ bħalma kieku jagħmlu f’sitwazzjoni purament domestika jew jekk, meta jkun hemm investigazzjonijiet transkonfinali tal-UPPE, l-istħarriġ tagħhom għandux ikun limitat għal kwistjonijiet proċedurali li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-imsemmija miżuri ta’ investigazzjoni. Hija tikkunsidra li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 u tal-Artikolu 32 tar-Regolament dwar l-UPPE.

12.      L-Artikolu 31(1) sa (3) tar-Regolament dwar l-UPPE, intitolat “Investigazzjonijiet transkonfinali”, jipprovdi:

“1.      Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib billi jassistu u jikkonsultaw b’mod regolari ma’ xulxin f’każijiet transkonfinali. Fejn miżura teħtieġ li ssir fi Stat Membru ieħor barra mill-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-miżura meħtieġa u jassenjaha lil Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fl-Istat Membru fejn il-miżura jkun meħtieġ li titwettaq.

2.      Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’ jassenja kwalunkwe miżura, li tkun disponibbli għalih f’konformità mal-Artikolu 30. Il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandhom ikunu regolati mil-liġi tal-Istati Membri tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ. Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jassenja miżura ta’ investigazzjoni lil Prosekutur Delegat Ewropew wieħed jew lil diversi minnhom minn Stat Membru ieħor, hu għandu fl-istess ħin jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu.

3.      Jekk awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti, il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jikseb dik l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

Jekk l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura assenjata tiġi rifjutata, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jirtira l-assenjazzjoni.

Madankollu, fejn il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti ma tesiġix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja, iżda l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ tesiġiha, l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb minn dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar u tiġi ppreżentata flimkien mal-assenjazzjoni”.

13.      L-Artikolu 32 tar-Regolament dwar l-UPPE, intitolat “Infurzar ta’ miżuri assenjati” jipprovdi:

“Il-miżuri assenjati għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti. Il-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandhom jiġu segwiti dment li tali formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti”.

14.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 32 tar-[Regolament UPPE], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ investigazzjonijiet transkonfinali fejn għandha tingħata awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ miżura li għandha tiġi implimentata fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, għandhom jiġu eżaminati l-elementi kollha sostantivi, bħar-responsabbiltà kriminali, is-suspett ta’ reat kriminali, in-neċessità u l-proporzjonalità?

(2)      L-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni jekk l-ammissibbiltà tal-miżura diġà ġietx eżaminata minn qorti fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-ipproċessar tal-każ skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru?

(3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u/jew tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, sa fejn għandu l-istħarriġ ġudizzjarju jseħħ fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew?”

15.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawza prinċipali, mill-Gvern Awstrijak, Ġermaniż, Franċiż, Olandiż u Rumen, mill-UPPE, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fis‑27 ta’ Frar 2023 fejn il-parteċipanti kollha, għajr Franza, ippreżentaw osservazzjonijiet orali.

II.    Analiżi

16.      Sabiex nagħti l-opinjoni tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kif għandha tirrispondi d-domandi lill-qorti tar-rinviju, ser nipproċedi kif ġej. L-ewwel, ser niddeskrivi fil-qosor l-UPPE u l-proċess li wassal għat-twaqqif tiegħu li (preżumibbilment) influwenza l-għażliet fit-test finali tar-Regolament dwar l-UPPE (A). Sussegwentement, ser nippreżenta ż-żewġ linji ta’ interpretazzjoni li offrew il-parteċipanti fil-kawża prinċipali lill-Qorti tal-Ġustizzja u nippreżenta l-argumenti tagħhom (B). Fl-aħħar taqsima, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema mil-linji ta’ interpretazzjoni għandha tagħżel, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi u l-iżvantaġġi taż-żewġ linji. Dan ser jinkludi wkoll riflessjoni fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fix-xogħol tal-UPPE (C).

A.      Introduzzjoni qasira għallUPPE u listorja leġiżlattiva tarregoli fuq linvestigazzjonijiet transkonfinali

17.      It-twaqqif tal-UPPE huwa verament novità u kisba importanti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Minkejja li huwa organizzazzjoni deċentralizzata (8), huwa korp wieħed u indiviżibbli tal-Unjoni Ewropea (9), mogħni b’setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (10).

18.      L-UPPE huwa stabbilit taħt l-Artikolu 86 TFUE, li kien ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona. L-azzjonijiet li jistgħu jinftehmu bħala li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li l-UPPE għandu kompetenza fir-rigward tagħhom jinsabu stabbiliti fid-Direttiva PIF. Madankollu, jibqa’ l-obbligu tal-Istati Membri li jikklassifikaw dawk l-azzjonijiet bħala reati u li jiddefinixxu l-elementi ta’ tali reati fid-dritt nazzjonali.

19.      Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-UPPE jirregola l-proċeduri UPPE parzjalment biss. Għas-sitwazzjonijiet kollha fejn ma jeżistux regoli tal-Unjoni, dan ir-regolament sempliċement jistabbilixxi d-dritt ta’ liema Stat Membru huwa applikabbli (11).

20.      Għaldaqstant, l-UPPE huwa fil-fatt korp wieħed u indiviżibbli, iżda jiffunzjona mingħajr liġi kriminali sostantiva jew proċedurali. Dawn il-kwistjonijiet jiddependu ħafna fuq id-dritt tal-Istati Membri, u dawn jistgħu jvarjaw f’termini ta’ soluzzjonijiet li huma jadottaw. Kemm is-singolarità tal-UPPE, minn naħa, u kif ukoll id-dipendenza tiegħu fuq id-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, huma fatturi importanti għall-interpretazzjoni tar-Regolament dwar l-UPPE.

21.      It-triq għat-twaqqif tal-UPPE la kienet faċli u lanqas mgħaġġla. Wara snin ta’ tħejjija (12), u wara li l-proposta oriġinali, li tmur lura għall‑2013 (13), naqset milli ġġib kunsens unanimu, l-UPPE twaqqaf eventwalment bħala mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 20(2) TUE u l-Artikolu 329(1) TFUE. Madankollu, il-proġett il-ġdid ma kienx aċċettabbli għall-Istati Membri kollha u, għaldaqstant, ma pparteċipawx fih kollha kemm huma (14).

22.      In-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament dwar l-UPPE kienu partikolarment diffiċli fir-rigward tal-miżuri ta’ investigazzjoni transkonfinali (15).

23.      Fil-proposta tal-2013, l-Artikolu 26 elenka 21 miżura ta’ investigazzjoni differenti. Għal għaxra minnhom, inkluż għat-tiftix fil-proprjetà inkwistjoni f’dan il-każ, kienet tkun meħtieġa awtorizzazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru fejn għandhom jitwettqu l-miżuri ta’ investigazzjoni (16).

24.      B’risposta għal din il-proposta, kien hemm 14-il parlament nazzjonali li ppreżenta opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni, u għaldaqstant skatta l-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 (17). Fl-opinjonijiet motivati tagħhom, numru ta’ parlamenti nazzjonali esprimew it-tħassib li l-elenkar tal-miżuri ta’ investigazzjoni jbaxxi l-istandards proċedurali, u li peress li numru ta’ miżuri ta’ investigazzjoni ma jeżistux fid-dritt nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri, ma jkunx żgurat il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (18).

25.      Finalment, din il-proposta ġiet miċħuda (19) u ġew ippreżentati diversi kontroproposti. Il-proposta ppreżentata b’mod konġunt mid-delegazzjonijiet tal-Awstrija u tal-Ġermanja hija ta’ interess partikolari għal dawn il-proċeduri (20).

26.      Id-delegazzjoni Ġermaniża ppreżentat il-kummenti bil-miktub li ġejjin: (21) “Il-kunċett preżenti tal-Artikolu 26a ma huwiex konvinċenti u jeħtieġ li jiġi rrevedut iktar biex ikun aċċettabbli. Ikollna bżonn sistema li taħdem u effiċjenti li tiffunzjona minn tal-inqas daqstant tajjeb daqs il-kooperazzjoni transkonfinali fuq il-bażi ta’ ALR [assistenza legali reċiproka] u l-proċeduri ta’ rikonoxximent reċiproku. Kif ġie spjegat fil-passat: nemmnu li għandna nistabbilixxu sistema li tuża l-kunċett ta’ rikonoxximent reċiproku (l-OIE) bħala punt tat-tluq u nagħmlu aġġustamenti fejn xieraq sabiex nindirizzaw l-idea ta’ ‘uffiċċju wieħed’”.

27.      Il-proposta komuni tal-Awstrija u tal-Ġermanja kienet tirrifletti, għaldaqstant, is-soluzzjonijiet ta’ rikonoxximent reċiproku tad-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (22): “Meta tkun meħtieġa miżura fi Stat Membru li hija differenti mill-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, dan tal-aħħar għandu jordna l-miżura skont id-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ u, fejn meħtieġ, għandu japplika għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja għaliha, jew għandu jitlob ordni mill-qorti għall-miżura” (23).

28.      Din il-proposta konġunta naqset ukoll milli twassal għat-test finali tar-Regolament dwar l-UPPE.

29.      Ir-riżultat leġiżlattiv magħżul, rifless f’dak li llum huwa l-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE, ħoloq preċiżament il-problemi li d-delegazzjoni Ġermaniża kienet wissiet dwarhom fir-rigward ta’ proposti preċedenti (24). Dan ma jispeċifikax b’mod ċar liema Stat Membru jiddetermina jekk hijiex meħtieġa awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għat-twettiq tal-miżura, u lanqas liema qorti hija responsabbli sabiex tagħti tali awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, dan il-każ huwa eżempju perfett ta’ tali kwistjonijiet.

30.      Madankollu, hemm kwistjoni waħda li ġiet ikkonfermata mid-delegazzjonijiet kollha matul il-proċedura leġiżlattiva: ir-Regolament dwar l-UPPE, fid-dawl tas-singolarità tal-UPPE bħala korp, għandu jkun iktar sempliċi minn dak li timplika d-Direttiva OIE, li fiż-żmien tal-introduzzjoni tagħha kienet ukoll strument ġdid ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali (25).

B.      Illinji ta’ interpretazzjoni

31.      Ir-Regolament dwar l-UPPE ma jgħid xejn dwar il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għall-miżuri ta’ investigazzjoni transkonfinali, u jħalliha f’idejn il-liġijiet kriminali tal-Istati Membri. Dik li hija partikolarment problematika hija s-sitwazzjoni fejn il-liġijiet ta’ kemm l-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ kif ukoll dak tal-assistent PDE jeżiġu t-tnejn awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Il-premessa 72 tar-Regolament dwar l-UPPE tispjega li dan l-istrument għandu jispeċifika b’mod ċar f’liema Stat Membru għandha tinkiseb l-awtorizzazzjoni, iżda li, fi kwalunkwe każ, għandu jkun hemm biss awtorizzazzjoni waħda. Dan l-impenn kien espress fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE u, fl-affermattiv, kif?

32.      Għal din id-dispożizzjoni, il-parteċipanti f’dan il-każ offrew żewġ linji ta’ interpretazzjoni opposti.

33.      Qabel ma nintroduċi u nevalwa l-pożizzjonijiet tagħhom, inħoss il-bżonn li nirrepeti l-fehma li diġà esprimejt banda oħra (26). Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni letterali bħala tali ma teżistix inkwantu l-kliem dejjem huma integrati f’kuntest. Il-kliem fir-regoli legali huma ovvjament rilevanti għall-imħallfin peress li l-liġi hija espressa l-iktar fi kliem. Huma jiggwidaw u jillimitaw lill-imħallfin (27). Madankollu, it-tifsira tagħhom, inkluż fl-atti legali, tiddependi mill-kuntest li fih jintużaw. Għaldaqstant huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-interpretazzjoni letterali tinfired minn dik kuntestwali.

34.      Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni kuntestwali, il-Qorti tal-Ġustizzja tifhimha b’modi differenti. L-iktar frekwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għad-dispożizzjonijiet li jiċċirkondaw dik li fir-rigward tagħha tintalab l-interpretazzjoni jew għad-dokument b’mod globali (28). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll l-istorja leġiżlattiva bħala rilevanti għall-kuntest fl-interpertazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni primarju (29) u sekondarju (30). Finalment, kultant ir-realtà soċjali tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni bħala rilevanti sabiex wieħed jifhem ir-regoli legali (31). L-għażla tal-kuntest rilevanti, u kif jiġi interpretat dak il-kuntest, tinfluwenza t-tifsira tal-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari. Dan huwa evidenti fl-argumenti tal-parteċipanti fil-kawża prinċipali.

1.      Lewwel possibbiltà: analiżi sħiħa flIstat Membru talassistent PDE

35.      Il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż jargumentaw li jekk id-dritt nazzjonali tal-assistent PDE jeżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-iskopijiet li titwettaq miżura ta’ investigazzjoni, tali awtorizzazzjoni għandha tinvolvi sħarriġ sħiħ. Dan jinkludi mhux biss l-aspetti proċedurali (it-twettiq tal-miżura), iżda wkoll l-aspetti sostantivi li jiġġustifikaw il-miżura stess. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE li għandha tevalwa jekk intlaħaqx il-livell meħtieġ ta’ suspett li twettaq reat; jekk il-miżura ta’ investigazzjoni mitluba tipprovdix l-evidenza neċessarja għall-prosekuzzjoni; u jekk l-istess evidenza setgħetx tinkiseb b’miżura inqas invażiva.

36.      Il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż bbażaw ruħhom ħafna fuq it-test tal-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE, li fil-fehma tagħhom huwa ċar. Iż-żewġ gvernijiet insistew li l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni legali hija l-iktar għodda importanti għall-interpretazzjoni. Jekk il-formulazzjoni tkun ċara, il-qrati ma jistgħux jitbiegħdu minnha.

37.      Fil-fehma tagħhom, hemm limitu ta’ kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun kreattiva fl-interpretazzjoni. L-interpretazzjoni differenti minn dik li toħroġ b’mod ċar mill-formulazzjoni letterali tat-test preżenti tal-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE tkun taqbeż il-limiti tal-interpretazzjoni ġudizzjarja aċċettabbli. Tkun tmur kontra wkoll ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali. Fi kliem ir-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ħanut għat-tiswija ta’ prodotti difettużi. Minflok, il-prodott difettuż għandu jiġi rritornat lill-produttur għal titjib, f’dan il-każ, il-leġiżlatur.

2.      Ittieni possibbiltà: tqassim ċar talkompiti firrigward talawtorizzazzjoni ġudizzjarja

38.      L-UPPE, il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Rumen u l-Gvern Olandiż jargumentaw li, kuntrarjament għall-ewwel possibbiltà, jekk id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-assistent PDE jeżiġi awtorizzazzjoni nazzjonali ta’ miżura ta’ investigazzjoni, tali awtorizzazzjoni tista’ tinvolvi biss analiżi tal-aspetti formali u proċedurali li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-miżura. Għaldaqstant, ir-Regolament dwar l-UPPE fih tqassim ċar tal-kompiti bejn il-qrati tal-PDE inkarigat mill-każ u tal-assistent PDE. Dan huwa ovvju jekk l-Artikolu 31(3) jinqara fil-kuntest tal-Artikolu 31 meħud fl-intier tiegħu.

39.      Jekk il-liġijiet tal-Istati Membri kemm tal-PDE inkarigat mill-każ kif ukoll tal-assistent PDE jeħtieġu awtorizzazzjoni ġudizzjarja, għandhom jinħarġu żewġ awtorizzazzjonijiet. Il-qorti tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ tawtorizza l-miżura jekk issib li hija ġġustifikata, filwaqt li l-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE tawtorizza l-modalitajiet proċedurali għat-twettiq tagħha.

40.      Is-setgħat ta’ stħarriġ tal-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE huma limitati biss għal aspetti proċedurali tat-twettiq tal-miżura anki f’sitwazzjoni fejn il-liġi tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ ma teżiġix awtorizzazzjoni proċedurali minn qabel f’sitwazzjoni domestika paragunabbli. F’dan ir-rigward, il-liġi tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ, li tirregola l-ġustifikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 31(2), tiġi osservata fl-għażla tagħha li ma teżiġix awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel tal-ġustifikazzjoni għall-miżura.

C.      Irrisposti għaddomandi talqorti tarrinviju

1.      Paragun bejn iżżewġ possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni

41.      Iż-żewġ possibbiltajiet jagħtu riżultati ta’ interpretazzjoni differenti u jeskludu lil xulxin. Nikkunsidra li l-linji ta’ argumenti mqajma insostenn ta’ kull waħda minn dawn il-possibbiltajiet, meta mqiegħda fil-kuntesti ta’ interpretazzjoni magħżula, jirriżultaw f’żewġ interpretazzjonijiet aċċettabbli b’mod ekwiparabbli tar-Regolament dwar l-UPPE. Fl-istess ħin, it-tnejn jinvolvu ċerti żvantaġġi u inkonsistenzi. Fil-punti li ġejjin, ser inqabbilhom fil-kuntest ta’ kull wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni li huma użaw.

a)      Ittest

42.      Skont il-Gvern Awstrijak, li l-argumenti tiegħu huma sostnuti mill-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE huwa ċar. Il-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxi li l-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva għandha tkun irregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ. Madankollu, il-paragrafu 3 tiegħu jibdel imbagħad id-dritt applikabbli jekk id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE jeżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja. F’tali sitwazzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE tgħid b’mod ċar li l-liġi tal-Istat Membru tal-assistent PDE tirregola s-setgħat u l-obbligi tal-qorti li tagħti l-awtorizzazzjoni.

43.      L-unika eċċezzjoni hija pprovduta fit-tielet sentenza tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE, li tapplika meta d-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE ma jeżiġix awtorizzazzjoni, iżda jeżiġiha d-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ. Huwa biss f’din is-sitwazzjoni li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq id-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ. Huwa wkoll evidenti mill-użu tal-kelma “madankollu” fil-bidu ta’ dik is-sentenza li din is-sitwazzjoni hija eċċezzjoni mir-regola ċara li tgħid li għandha tiġi applikata l-liġi tal-Istat Membru tal-assistent EDP (32).

44.      Kuntrarjament, skont dawk li pproponew it-“tieni possibbiltà”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE tindika b’mod ċar liema qrati għandhom jagħtu awtorizzazzjoni ġudizzjarja u fir-rigward ta’ liema miżuri, f’żewġ sitwazzjonijiet possibbli: meta l-liġijiet tal-Istat Membru kemm tal-PDE inkarigat mill-każ kif ukoll ta’ dak assistenti jeżiġu tali awtorizzazzjoni, u fis-sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ ma jeżiġix awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, iżda id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE jeżiġiha. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE tista’ tistħarreġ biss kwistjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-miżura.

45.      It-tielet sentenza tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE tirregola s-sitwazzjoni rimanenti possibbli, dak fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE ma jeżiġix awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura, iżda d-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ jeżiġiha. F’din is-sitwazzjoni, il-qorti tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ ikollha tagħti l-awtorizzazzjoni, li tkopri kemm il-ġustifikazzjoni kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-miżura.

46.      Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-formulazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament dwar l-UPPE tiċċara li l-aspetti ta’ eżekuzzjoni u dawk proċedurali relatati mal-miżura mitluba jaqgħu taħt id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE.

b)      Kuntest

47.      Biex jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE hija ċara, il-Gvern Ġermaniż iffoka fuq il-kuntest immedjat tiegħu. Huwa argumenta li t-tielet sentenza tal-Artikolu 31(1) tkun imxejna jekk, b’konformità mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, ir-regola prinċipali li tirregola t-tqassim tal-kompiti fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji tkun l-Artikolu 31(2). Kieku dan ikun il-każ, ikun dejjem ċar li huwa d-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ li jirregola l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal miżura ta’ investigazzjoni partikolari. Għaldaqstant, kieku dan jerġa’ jiġi rrepetut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 31(3), ma jkunx jagħmel sens. Din id-dispożizzjoni tagħmel sens biss jekk tibdel ir-regola espressa fl-Artikolu 31(2) f’sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE jkun jeżiġi wkoll awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

48.      Kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Gvern Ġermaniż invokaw ukoll il-premessa 72 tar-Regolament dwar l-UPPE bħala li tipprovdi l-kuntest interpretattiv rilevanti. Fil-fehma tagħhom, l-insistenza fuq awtorizzazzjoni ġudizzjarja waħda kif espressa fil-premessa 72, moqrija flimkien mal-Artikolu 31(3) tista’ tfisser biss li hija l-liġi tal-Istat Membru tal-assistent PDE li tistabbilixxi l-bżonn u l-kuntest ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Jekk l-awtorizzazzjoni ġudizzarja tiġi diviża f’kompiti differenti u jekk l-istħarriġ ta’ dawn il-kwistjonijiet tiġi diviża bejn il-qrati tal-PDE inkarigat mill-każ u dak assistenti, dan ma jkunx konformi mad-deċiżjoni li jkun hemm awtorizzazzjoni ġudizzjarja waħda.

49.      Skont il-Kummissjoni, u l-istess pożizzjoni hija sostnuta essenzjalment mill-proponenti kollha tat-tieni possibbiltà, l-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE b’mod ġenerali jsegwi l-kronoloġija tal-investigazzjoni. Dan jistabbilixxi l-kompiti differenti tal-PDE inkarigat mill-każ u ta’ dak assistenti u tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri tagħhom. Il-paragrafu 1 jistabbilixxi b’mod ġenerali t-tqassim tal-kompiti bejn iż-żewġ PDE.

50.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 31 huwa l-qofol: dan jistabbilixxi b’mod ċar li d-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ jirregola l-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni. Dan ifisser ukoll li jekk id-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ jeżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, hija l-qorti ta’ dak l-Istat li għandha tevalwa jekk il-miżura hijiex iġġustifikata u neċessarja fil-kuntest tal-investigazzjoni speċifika.

51.      Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-paragrafu 2 tal-Artikolu 31 ma jgħid xejn dwar l-eżekuzzjoni tal-miżura. Dan huwa materja għall-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE, li jipprovdi li l-eżekuzzjoni għandha tkun irregolata mid-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE.

52.      Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 31, li huwa l-unika dispożizzjoni li tittratta espressament l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, ma jbiddilx, fil-fehma tal-Kummissjoni, id-dritt applikabbli għal dak li jirrigwarda tali awtorizzazzjoni, kuntrarjament għall-argument imressaq mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Ġermaniż. Dan għandu pjuttost jinftiehem bħala li huwa sussidjarju għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 31. Il-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni ma jirregolax għaldaqstant l-istħarriġ tal-ġustifikazzjoni tal-miżura investigattiva, peress li dawn il-kwistjonijiet huma materji koperti mill-paragrafu 2.

53.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE jeżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti ta’ dak l-Istat Membru jkollha tagħti awtorizzazzjoni qabel l-eżekuzzjoni tal-miżura. Madankollu, waqt li tieħu din id-deċiżjoni, dik il-qorti trid toqgħod attenta biss għall-metodu ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni mitluba u mhux għall-ġustifikazzjoni tagħha.

54.      Għal dak li jirrigwarda r-rwol tal-premessa 72 tar-Regolament dwar l-UPPE, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li x-xewqa għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja waħda ma kinitx espressa b’mod ideali fl-Artikolu 31. Madankollu, anki jekk ċerti sitwazzjonijiet jeħtieġu żewġ awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji, minħabba t-tqassim ċar tal-kompiti, kull kwistjoni xorta waħda jkollha awtorizzazzjoni waħda biss. Interpretat b’dan il-mod, il-proponenti tat-tieni possibbiltà evitaw il-kontradizzjoni bejn l-Artikolu 31(3) kif jinterpretawh huma u l-premessa 72 tar-Regolament dwar l-UPPE (33).

c)      Għanijiet

55.      Fir-rigward tal-għanijiet tal-UPPE, kemm l-Awstrija kif ukoll il-Ġermanja rrikonoxxew li jekk ikun hemm stħarriġ sħiħ fl-Istat Membru tal-assistent PDE dan jista’ jwassal għal diffikultajiet. Biex il-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-miżura mitluba hijiex iġġustifikata, hija jrid ikollha aċċess għall-fajl sħiħ tal-każ. Peress li l-investigazzjoni prinċipali titwettaq fi Stat Membru differenti u bil-għan li l-kawża tinbeda fil-qorti ta’ dak l-Istat jekk tinkiseb evidenza suffiċjenti, il-fajl tal-każ jista’ jkun f’lingwa differenti. It-traduzzjoni tiegħu, li tista’ tkun meħtieġa biex tippermetti lill-qorti tal-assistent PDE tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet sostantivi li jirrigwardaw il-legalità tal-miżura ta’ investigazzjoni, jekk xejn, tieħu l-ħin (34). Dan irendi fil-fatt l-investigazzjonijiet transkonfinali tal-UPPE iktar onerużi minn dawk imwettqa taħt id-Direttiva OIE.

56.      Iż-żewġ gvernijiet jirrikonoxxu li tali eżitu ma huwiex konformi mal-għan tal-UPPE għall-ħolqien ta’ qafas fil-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huwa iktar faċli minn dak li kien jeżisti qabel. Huma enfasizzaw li, sfortunatament, il-proposta tagħhom ma ġietx adottata fil-proċess leġiżlattiv.

57.      Il-proponenti tat-tieni possibbiltà interpretattiva enfasizzaw li l-ħolqien tal-UPPE kien meħtieġ sabiex irendi l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni iktar effiċjenti milli kieku ssir prosekuzzjoni minn Stat Membru wieħed. L-UPPE, bħala korp wieħed, għandu għaldaqstant ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-għodda meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu miġġielda b’mod effiċjenti r-reati li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-effiċjenza għandha tiggwida l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjonijiet transkonfinali mwettqa mill-UPPE ma setgħux jiġu interpretati bħala li huma suġġetti għal kundizzjonijiet iktar onerużi minn dak li huwa meħtieġ taħt id-Direttiva OIE.

58.      L-UPPE u l-Kummissjoni ffokaw iktar fuq l-aspett tal-effiċjenza billi enfasizzaw id-diffikultajiet loġistiċi marbuta mat-trasferiment u t-traduzzjoni ta’ volum kbir ta’ dokumenti li jirrigwardaw il-fajl tal-każ (35). Dan jikkorrobora l-argument favur interpretazzjoni li tgħid li l-ġustifikazzjoni tal-miżura għandha tkun evalwata biss fl-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ. Barra minn hekk, il-fatt li l-ġustifikazzjoni tal-miżura investigattiva titħalla f’idejn id-dritt tal-Istat tal-PDE inkarigat mill-każ u l-qrati ta’ dak l-Istat, huwa konsistenti mal-fatt li dawn ikollhom il-materjal kollu neċessarju għal stħarriġ sħiħ. Wara kollox, l-investigazzjoni ssir minn dan l-Istat u l-proċeduri aktarx li jitmexxew quddiem il-qrati tiegħu (36).

59.      Fl-aħħar, l-UPPE irrefera wkoll għad-diffikultajiet li jqumu kieku l-qrati tal-Istati Membri differenti fejn jitwettqu l-investigazzjonijiet transkonfinali jaslu għal deċiżjonijiet kunfliġġenti li jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni tal-miżura. L-interpretazzjoni proposta, li tgħid li l-ġustifikazzjoni tal-miżura hija dejjem kwistjoni tad-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ, tipprekludi deċiżjonijiet kunfliġġenti anki meta jkunu involuti numru kbir ta’ Stati Membri fil-ġbir tal-provi għal xi każ partikolari.

d)      Listorja leġiżlattiva

60.      Kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Gvern Ġermaniż enfasizzaw il-bżonn li tittieħed inkunsiderazzjoni l-istorja leġiżlattiva wara l-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE. Skont l-Awstrija, huwa ċar li minn din l-istorja, il-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu konxji mill-problemi li jqumu minħabba r-relazzjoni kunfliġġenti bejn it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE. Madankollu, il-proposta konġunta tal-Gvern Awstrijak u tal-Gvern Ġermaniż sabiex din il-problema tiġi megħluba billi jsir rikors għall-mudell tar-rikonoxximent reċiproku ma ġietx aċċettata fit-test finali tar-Regolament dwar l-UPPE. Għaldaqstant, huwa ċar li l-Artikolu 31(3) ma jeżiġix, kif issuġġerit mill-proponenti tat-tieni possibbiltà, li l-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE tirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-PDE inkarigat mill-każ li tgħid li hija meħtieġa miżura investigattiva fl-Istat Membru tal-assistent PDE. Din id-dispożizzjoni pjuttost teżiġi li l-qorti tal-Istat fejn għandha tiġi eżegwita l-miżura tivverifika l-legalità tal-miżura, inkluż il-ġustifikazzjoni tagħha.

61.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indirizzat ċerti perplessitajiet li jirrigwardaw l-istorja leġiżlattiva tar-Regolament dwar l-UPPE u ċċarat il-pożizzjoni kurrenti tal-Kummissjoni. Bħala tfakkira, il-Proposta tal‑2013 tagħha kienet tipprovdi li l-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE għandha twettaq stħarriġ ġudizzjarju sħiħ għall-miżuri bħalma huma t-tiftix u l-qbid. F’din il-kawża, il-Kummissjoni issa qiegħda tieħu pożizzjoni differenti.

62.      Biex tiġġustifika l-pożizzjoni kurrenti tagħha, il-Kummissjoni spjegat li l-Proposta tal‑2013 kienet ifformulata qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva OIE. Din id-direttiva tipprovdi li l-ġustifikazzjoni għal investigazzjoni transkonfinali hija kwistjoni li taqa’ taħt l-Istat Membru emittenti u tista’ tiġi kkontestata biss fil-qrati ta’ dan l-Istat Membru (37). Din is-soluzzjoni uriet li taħdem sew f’dak l-istrument tar-rikonoxximent reċiproku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni dehrilha li kienet koinċidenza pożittiva li l-istituzzjonijiet leġiżlattivi ma aċċettawx il-proposta oriġinali tagħha li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għandha tkun tiddependi fuq id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE biss, u minflok emendaw din il-proposta għal dik li llum huwa l-Artikolu 31 tar-Regolament dwar l-UPPE. Għaldaqstant, il-proċess leġiżlattiv irrenda l-proposta oriġinali tagħhom f’waħda aħjar u iktar xierqa għal dak li huwa meħtieġ għall-kooperazzjoni f’investigazzjonijiet transkonfinali mwettqa mill-UPPE.

2.      Interpretazzjoni proposta

63.      Fil-qosor, iż-żewġ possibbiltajiet joffru eżiti differenti. Madankollu, it-tnejn li huma jikkondividu fehma komuni: is-sistema tal-UPPE kienet intiża li tkun mekkaniżmu effiċjenti fil-ġlieda kontra reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan jinkludi l-mekkaniżmu ta’ investigazzjonijiet transkonfinali. Ir-Regolament dwar l-UPPE isaħħaħ dan l-għan leġiżlattiv (38).

64.      Regola ta’ interpretazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li “meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tkun miftuħa għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha” (39). Din ir-regola ta’ interpretazzjoni tiffavorixxi t-tieni possibbiltà.

65.      Madankollu, skont il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż, anki jekk mil-lat normattiv hija awspikabbli, it-tieni possibbiltà ta’ interpretazzjoni ma hijiex possibbiltà disponibbli, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE hija ċara.

66.      Effettivament, kieku l-formulazzjoni kienet ċara, il-fatt li tingħatalha tifsira differenti jista’ jitqies bħala intervent illeġittimu mill-Qorti tal-Ġustizzja: interpretazzjoni contra legem. Madankollu, huwa minnu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 31(3) hija daqshekk ċara?

67.      Ma hemmx dubju li l-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż jikkunsidraw li t-tifsira korretta tal-Artikolu 31(3) hija li l-qorti tal-Istat Membru tal-assistent PDE hija dik li għandha tagħti l-awtorizzazzjoni minn qabel għal tiftix u qbid li għandu jitwettaq f’dak l-Istat billi tagħmel stħarriġ sħiħ. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż iddefendew tali interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ż-żewġ Stati emendaw il-liġijiet tagħhom sabiex jirriflettu din l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar l-UPPE (40). Madankollu, meta mqabbla mal-interpretazzjoni konkorrenti u daqstant plawżibbli offruta mill-proponenti tat-tieni possibbiltà, jirriżulta ċar li l-ewwel possibbiltà hija biss waħda mill-possibbiltajiet interpretattivi disponibbli. Taħt it-Trattati, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel din l-għażla. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta t-tieni possibbiltà flok l-ewwel possibbiltà, dan ma jistax jitqies bħala interpretazzjoni contra legem.

68.      L-iktar argument konvinċenti, fil-fehma tiegħi, imressaq mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Ġermaniż, huwa li l-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE jixxejjen taħt it-tieni possibbiltà. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 31(2) jgħid li l-ġustifikazzjoni għal miżura ta’ investigazzjoni hija rregolata mid-dritt tal-Istat tal-PDE inkarigat mill-każ, u l-Artikolu 32 jipprovdi li l-eżekuzzjoni tal-miżura hija rregolata mid-dritt tal-Istat tal-assistent PDE, x’inhu l-iskop tal-Artikolu 31(3)? Dan jirrepeti biss l-istess delimitazzjoni bejn il-liġijiet applikabbli għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Fi kliem ieħor, li kieku l-Artikolu 31(3) kellu jitneħħa, il-bqija tal-Artikolu 31 moqri flimkien mal-Artikolu 32 iwassal għall-istess konklużjoni li t-tieni possibbiltà toffri bħala l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 31(3). Għaldaqstant, l-ewwel possibbiltà tagħti l-istess tifsira lill-Artikolu 31(3), differenti minn dispożizzjonijiet oħra tal-istess artikoli u artikoli oħra viċini.

69.      Regola ta’ interpretazzjoni oħra użata mill-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li l-formulazzjoni ta’ regoli legali ma tistax sempliċiment tiġi injorata, iżda għandha tingħata sinjifikat (41). Din ir-regola ta’ interpretazzjoni tidher li tiffavorixxi l-ewwel possibbiltà.

70.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 31(3) jista’ jingħata tifsira lil hinn minn dik tal-Artikolu 31(2) u 32 tar-Regolament dwar l-UPPE. Din hija dispożizzjoni li tesprimi l-għażla tal-ordinament ġuridiku applikabbli speċifikament għal awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji ta’ miżura assenjata, anki jekk l-istess riżultat jintlaħaq meta jiġu applikati żewġ dispożizzjonijiet oħra. Jista’ jkun li tqies meħtieġ li r-regola li tirrigwarda d-dritt applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġudizzarji tiġi espressa b’mod separat minħabba d-diffikultajiet li din il-kwistjoni preċiża qajmet matul in-negozjati leġiżlattivi. Il-fatt li l-Artikolu 31(3) huwa żejjed ma jistax għaldaqstant jintuża bħala argument sabiex ma tiġix adottata t-tieni possibbiltà.

71.      Jekk wieħed iħares lejn il-konsegwenzi tal-għażla tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ interpretazzjoni waħda jew l-oħra, huwa ċar li jekk tintgħażel l-ewwel possibbiltà din trendi l-investigazzjonijiet transkonfinali tal-UPPE f’sistema inqas effiċjenti minn dik stabbilita taħt id-Direttiva OIE. Għaldaqstant, jekk ir-rieda tal-leġiżlatur kienet li joħloq sistema iktar effiċjenti, l-adozzjoni tal-ewwel possibbiltà tkun teħtieġ emenda fir-Regolament dwar l-UPPE sabiex tippermetti investigazzjonijiet transkonfinali effiċjenti. L-għażla tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ewwel possibbiltà tista’ għaldaqstant titqies bħala stedina lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jirreaġixxi. Skont il-Gvern Ġermaniż, din is-soluzzjoni biss tkun konformi mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.

72.      Madankollu, teżisti inċertezza legali minħabba li hemm diversi possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni. Malli l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara t-tifsira tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE billi tagħżel waħda miż-żewġ possibbiltajiet, il-konfużjoni legali tisparixxi. Għaldaqstant, ma jidhirlix li l-intervent tal-leġiżlatur huwa neċessarju sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid iċ-ċertezza legali (42).

73.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni sabiex nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel it-tieni possibbiltà. Għaldaqstant, l-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE għandu jinftiehem bħala li jippermetti lill-qorti tal-assistent PDE tistħarreġ biss l-aspetti relatati mal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni, filwaqt li taċċetta l-evalwazzjoni tal-PDE inkarigat mill-każ li l-miżura hija ġġustifikata, indipendentement minn jekk din tal-aħħar hijiex issostanzjata minn awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel tal-qorti tal-PDE inkarigat mill-każ. Din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 31(3) u tirrifletti aħjar l-għan tar-Regolament dwar l-UPPE li joħloq sistema effiċjenti fil-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.      Il-protezzjoni taddrittijiet fundamentali –iktar minn” rikonoxximent reċiproku?

74.      L-investigazzjonijiet transkonfinali effiċjenti huma, bla ebda dubju, għan importanti tar-Regolament dwar l-UPPE. Madankollu, l-effiċjenza ma tistax tintlaħaq għad-detriment tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħżel it-tieni possibbiltà bħala l-interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE biss jekk hija tiggarantixxi protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif meħtieġa skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

75.      L-insistenza tal-Gvern Awstrijak u tal-Gvern Ġermaniż li l-qrati tal-assistent PDE għandhom ikollhom is-setgħa jwettqu stħarriġ ġudizzjarju sħiħ tista’ tinftiehem bħala ta’ tħassib għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri tal-Unjoni stabbilixxew sistema koerenti tad-dritt kriminali. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġiet stabbilita bir-reqqa fil-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-prosekuzzjoni kriminali u tas-sanzjoni tar-reati, qasam li fih l-Istati jeżerċitaw is-setgħat koerċittivi tagħhom, li jaffettwaw il-ħajjiet u l-libertajiet privati tal-individwi.

76.      Għaldaqstant, is-sistemi tad-dritt kriminali nazzjonali għandhom garanziji inerenti għad-drittijiet fundamentali fir-regoli sostantivi u proċedurali tad-dritt kriminali. Dawn ir-regoli huma interdipendenti u jipproteġu d-drittijiet fundamentali kkunsidrati globalment (43). Madankollu, meta regola waħda tiġi rtirata minn sistema waħda u titqiegħed f’sistema differenti, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tista’ tonqos: għalkemm ir-regola tkun iffunzjonat sew fil-qafas ġuridiku oriġinali tagħha, ma jfissirx neċessarjament li hija ser tagħmel hekk f’qafas ieħor (44).

77.      Din hija r-raġuni għaliex ir-rikors għar-rikonoxximent reċiproku, li jimplika t-trasferiment biss ta’ wħud mir-regoli legali minn sistema legali waħda għal oħra, iqajjem tħassib dwar l-effett negattiv potenzjali fuq il-protezzjoni tad-drittijet fundamentali (45). Madankollu, peress li d-dritt tal-Unjoni, fl-istat li jinsab fih illum, ma għandux sett regoli koerenti li jirregolaw l-aspetti kollha tar-reati li fir-rigward tagħhom l-UPPE għandu l-kompetenza għall-prosekuzzjoni tagħhom, jew ir-regoli proċedurali li jirregolaw il-prosekuzzjonijiet tal-UPPE (46), il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa l-aħjar għażla sussegwenti sabiex jitneħħew l-ostakli għall-investigazzjonijiet transkonfinali.

78.      Għaldaqstant, irrid nindirizza l-argumenti tal-proponenti tat-tieni possibbiltà li l-UPPE ma huwiex sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, iżda huwa “xi ħaġa iktar”. Jien nargumenta bil-kontra: l-UPPE huwa, u ma jistax ikun mod ieħor, sistema ta’ rikonoxximent reċiproku: sakemm ma jkunx hemm regoli tad-dritt kriminali tal-Unjoni komuni, l-UPPE għandu bilfors jopera fuq bażi ta’ rikonoxximent reċiproku. Madankollu, il-livelli ta’ rikonoxximent reċiproku jvarjaw, u l-UPPE jista’ jidher bħala l-iktar sistema żviluppata ta’ strument ta’ rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji kriminali sa issa (taqsima a).

79.      Id-domanda riżultanti hija mbagħad dwar jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE kif proposta fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li hija bbażata parzjalment fuq rikonoxximent reċiproku, tissalvagwardjax id-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati u akkużati f’investigazzjonijiet transkonfinali. Jien ser insostni li dan huwa l-każ, speċjalment meta murija fil-kuntest iktar wiesa’ tar-Regolament dwar l-UPPE (taqsima b).

a)      Innatura tarrikonoxximent reċiproku f’materji kriminali

80.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta, il-parteċipanti esprimew il-fehmiet tagħhom dwar ir-rikonoxximent reċiproku. Id-Direttiva OIE ntużat bħala eżempju ta’ mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku, filwaqt li ġie argumentat li r-Regolament dwar l-UPPE huwa xi ħaġa iktar. Meta saritilhom domanda waqt is-seduta xi tfisser eżatt din ix-xi ħaġa iktar, il-parteċipanti ffokaw prinċipalment fuq in-natura tal-UPPE: huwa korp wieħed, indiviżibbli u d-deċiżjonijiet tiegħu ma għandhomx ikunu suġġetti għall-possibbiltà li ma jiġux irrikonoxxuti (kif inhu possibbli taħt id-Direttiva OIE) (47).

81.      It-terminu ‘rikonoxximent reċiproku’ intuża sabiex jiddeskrivi sitwazzjoni fejn deċiżjoni individwali (pereżempju sentenza, mandat ta’ arrest jew ordni ta’ investigazzjoni) maħruġa fi Stat Membru wieħed tiġi rrikonoxxuta fi Stat Membru ieħor. Is-sistema tal-UPPE ma teħtieġx li t-talba għal miżura ta’ investigazzjoni tiġi rrikonoxxuta mill-Istat Membru tal-assistent PDE sabiex tiġi implimentata, li huwa l-pass abitwali li għandu jittieħed fir-rigward ta’ strumenti li jirregolaw il-proċeduri kriminali transkonfinali. Għaldaqstant, l-argument huwa li l-mekkaniżmu tal-UPPE ma huwiex sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, iżda xi ħaġa iktar.

82.      Fil-fatt, peress li l-UPPE huwa korp wieħed (48), il-prosekuturi deċentralizzati tiegħu huma parti minn dan il-korp. Ikun stramb kieku korp wieħed jiġi mitlub jirrikonoxxi d-deċiżjonijiet tiegħu stess. L-assistent PDE, għaldaqstant, jiġi assenjat miżura, iktar milli jkun meħtieġ jirrikonoxxi ordni ta’ investigazzjoni.

83.      Madankollu, l-att li jiġi rrikonoxxut dokument (u l-effetti legali tiegħu) li joriġina minn Stat Membru differenti ma huwiex is-sustanza, iżda biss il-manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. L-idea ċentrali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa li r-regoli legali ta’ Stat Membru wieħed jiġu rrikonoxxuti u jingħataw effett fi Stat Membru ieħor, anki jekk ivarjaw mis-soluzzjonijiet f’dan it-tieni Stat. Tali aċċettazzjoni tas-sistema l-“oħra” teħtieġ livell għoli ta’ fiduċja f’dik is-sistema l-oħra.

84.      Peress li attwalment ma hemm ebda soluzzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni għall-kwistjoni bħal dik li qamet f’dan il-każ, f’kull sitwazzjoni transkonfinali, l-UPPE għandu jibbaża ruħu fuq il-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed minn dawk involuti, li sussegwentement ikunu jridu jiġu fdati mill-Istat Membru l-ieħor.

85.      Ir-rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali kien ispirat mill-użu ta’ dan il-prinċipju fis-suq intern (49). Bħala tfakkira, ir-rikonoxximent reċiproku kien żviluppat bħala prinċipju ċentrali tas-suq intern kif maħluq mit-Trattati, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Cassis de Dijon (50). Dan kien possibbli peress li kien hemm ċertu livell bażiku ta’ paragunabbiltà bejn il-liġijiet nazzjonali inkwistjoni (51).

86.      L-effett ta’ rikonoxximent reċiproku fis-suq intern kien deregolatorju, u espanda d-drittijiet tal-individwi għad-detriment tal-libertà regolatorja tal-Istat (52).

87.      Għalkemm ir-rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali jeħtieġ ukoll l-aċċettazzjoni tal-għażliet leġiżlattivi tal-Istat Membru l-ieħor, huwa ma jsegwix il-loġika eżatta ta’ dan il-prinċipju meta applikat fil-kuntest tas-suq intern. L-oġġett tar-rikonoxximent hawnhekk huma d-deċiżjonijiet ġudizzjarji u deċiżjonijiet sovrani oħra tal-Istati Membri, fejn il-monopolju tal-forza ta’ Stat Membru wieħed jiġi applikat fi Stat Membru ieħor (53). L-individwu jsir l-oġġett, u ma jibqax is-suġġett, tal-moviment liberu bejn l-Istati Membri (54). Id-deregolarizzazzjoni li tirriżulta mir-rikonoxximent reċiproku fis-suq intern jikkonverti ruħu, f’materji kriminali, f’obbligu għall-Istat Membru li juża b’mod attiv il-monopolju tal-forza tiegħu (55).

88.      Sabiex ir-rikonoxximent reċiproku jiffunzjona f’materji kriminali, huwa meħtieġ livell għoli ta’ fiduċja reċiproka. Din il-fiduċja tirrigwarda l-impenn tal-Istat l-ieħor fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tal-forza koerċittiva tal-Istat (56).

89.      Dan huwa l-punt tat-tluq tal-istrumenti kollha ta’ rikonoxximent reċiproku, bħalma hija d-Direttiva OIE. Madankollu, anki jekk tkun meħtieġa l-fiduċja reċiproka, din ma tistax tiġi imposta (57). Għaldaqstant, l-istrumenti ta’ fiduċja reċiproka kurrenti jirriflettu wkoll ċertu livell ta’ nuqqas ta’ fiduċja. Dan huwa rifless fir-regoli li jippermettu li ma jkunx hemm rikonoxximent f’ċerti ċirkustanzi (58), fl-armonizzazzjoni ta’ aspetti ta’ proċedura kriminali fil-livell tal-Unjoni (59), u fl-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza f’dan ir-rigward (60).

90.      F’dan il-każ, il-partijiet għamlu riferiment għad-Direttiva OIE sabiex jiddiskutu d-differenzi u s-similaritajiet ta’ din is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku meta pparagunata mar-Regolament dwar l-UPPE. Għaldaqstant, nixtieq nesplora fil-qosor id-Direttiva OIE.

91.      Id-Direttiva OIE ġiet adottata skont l-Artikolu 82 TFUE sabiex ittejjeb l-investigazzjonijiet transkonfinali, u hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku. Taħt is-sistema tagħha, awtorità (61) ta’ Stat Membru tista’ toħroġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (OIE) meta din tkun meħtieġa sabiex titwettaq investigazzjoni fil-proċedura kriminali domestika. Ma teżistix kundizzjoni li r-reat irid ikun wieħed li jaffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni: dak li huwa importanti huwa li l-miżura ta’ investigazzjoni trid titwettaq fl-Istat Membru barra minn dak fejn tkun qiegħda sseħħ l-investigazzjoni prinċipali, inkluż fejn ikun hemm prova li tkun diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (62).

92.      L-awtorità tal-Istat Membru tista’ toħroġ OIE taħt żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel, l-OIE għandha tkun meħtieġa u proporzjonata għall-finijiet tal-proċeduri kriminali b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-akkużat; u t-tieni, il-miżura indikata fl-OIE setgħet tiġi ordnata taħt l-istess kundizzjonijiet f’każ domestiku simili (63).

93.      Dawn ir-raġunijiet sostantivi sabiex jinħareġ OIE jistgħu jiġu kkontestati biss f’azzjoni mressqa fi Stat emittenti (64). B’mod intuwittiv, jidher għaldaqstant li l-evalwazzjonijiet sostantivi jappartjenu esklużivament lill-Istat emittenti, soluzzjoni li tissemplifika b’mod sinjifikattiv l-użu tal-OIE u potenzjalment turi livell għoli ta’ fiduċja reċiproka. Huwa minnu dan?

94.      L-ewwel, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva OIE jipprovdi fil-fatt li r-raġunijiet għall-ħruġ ta’ OIE jistgħu jiġu kkontestati biss fl-Istat emittenti, iżda “mingħajr preġudizzju għall-garanziji tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni” (65). Dan jinsab żviluppat iktar fl-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva OIE, li jgħid li OIE tista’ tiġi rrifjutata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jekk “ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta” (66). Skont l-interpretazzjoni li tingħata lill-kunċett ta’ “raġunijiet sostantivi”, l-imsemmija dispożizzjoni tidher li tippermetti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jikkontrolla r-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istat emittenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva OIE l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tibdel il-miżura ta’ investigazzjoni mitluba mill-OIE, jekk dik il-miżura l-oħra tikseb l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas invażivi.

95.      Is-sunt qasir mogħti hawn fuq jagħmilha diffiċli li wieħed jargumenta li d-Direttiva OIE hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni jibqa’ jkollha marġni ta’ manuvra relattivament wiesa’ sabiex tesprimi dubji dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jew dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-Istat emittenti.

96.      Meta mqabbla, pereżempju, mas-sistema tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE), li l-motivi għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tiegħu mandatorji u fakultattivi huma limitati, id-Direttiva OIE tagħti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni marġni ta’ manuvrar iktar wiesa’. B’paragun, jista’ jsir riferiment għas-sistema MAE bħala tip ta’ rikonoxximent reċiproku li huwa xi ftit iktar b’saħħtu. L-ebda minnhom ma hija kompluta, peress li jibqgħu jiffokaw fuq ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet individwali u għad hemm il-possibbiltà ta’ rifjut fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (67).

97.      Għaldaqstant, ir-rikonoxximent reċiproku huwa kwistjoni ta’ grad.

98.      F’dan ir-rigward, l-argument li s-sistema tal-UPPE hija xi ħaġa iktar minn rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi aċċettat jekk mifhum fis-sens li s-sistema tal-UPPE tistabbilixxi livell differenti u ogħla ta’ rikonoxximent reċiproku.

99.      Madankollu, xi ħaġa iktar ma tistax tfisser xi ħaġa oħra. Fi kliem ieħor, ma tistax tfisser li s-sistema tal-UPPE ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jeħtieġ fiduċja fis-sistemi legali ta’ Stati Membri oħra. Huwa preċiżament dan il-prinċipju, inkorporat fis-sistema, li jippermetti l-aċċettazzjoni ta’ regoli ta’ Stati Membri oħra, anki jekk huma differenti. Il-possibbiltà li jiġi applikat dan il-prinċipju teħtieġ, bħal fl-istrumenti kollha l-oħra ta’ rikonoxximent reċiproku, il-fiduċja li l-Istati Membri jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

100. Bħala konklużjoni, ir-rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali ma huwiex kunċett unitarju iżda għandu gradi differenti f’mekkaniżmi differenti fl-SLSĠ.

101. Jekk naċċettaw li r-rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali għandu gradi differenti, ir-Regolament dwar l-UPPE huwa fil-fatt l-iktar leġiżlazzjoni avvanzata sa issa – iżda anki dan ma huwiex rikonoxximent reċiproku komplut (68). L-UPPE huwa korp wieħed u l-miżuri transkonfinali assenjati fil-fatt ma għandhomx bżonn ikunu rrikonoxxuti iżda biss implimentati. Madankollu, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, id-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati u tal-akkużati għandhom ikunu ggarantiti f’kuntest fejn l-UPPE jissellef varjetà ta’ regoli kriminali sostantivi u proċedurali, bħalma huwa l-każ ta’ investigazzjonijiet transkonfinali.

b)      Il-garanziji taddrittijiet fundamentali firRegolament dwar lUPPE

102. Peress li r-regoli ta’ Stat Membru wieħed japplikaw għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ miżuri ta’ investigazzjoni li jkunu ser jitwettqu fi Stat Membru ieħor, jista’ jkun hemm tnaqqis jew lakuni fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

103. L-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar l-UPPE jipprovdi li l-UPPE “għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta” (69). Ir-Regolament dwar l-UPPE jippermetti li jiġi osservat dan l-obbligu għal dak li jirrigwarda l-investigazzjonijiet transkonfinali? Fil-fehma tiegħi, iva.

104. F’moħħi għandi diversi mekkaniżmi inklużi fir-Regolament dwar l-UPPE li jimmilitaw favur din il-konstatazzjoni. L-ewwel, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-PDE inkarigati mill-każ u l-assistenti PDE (Artikolu 31(5) tar-Regolament dwar l-UPPE) (70), it-tieni, l-Artikolu 41 tar-Regolament dwar l-UPPE li jittratta l-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; u t-tielet, ir-rekwiżit li l-Istati Membri kollha jipprovdu stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-UPPE (l-Artikolu 42(1) tar-Regolament dwar l-UPPE). Jien ser nittratta fil-qosor kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi.

105. L-ewwel, kif enfasizzaw l-UPPE u l-Kummissjoni, ir-Regolament dwar l-UPPE ma fihx raġunijiet sabiex ma jkunx hemm rikonoxximent. Min-naħa l-oħra, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-dritt tal-Istat Membru tal-assistenti EDP u sabiex jiġu kkoreġuti difetti possibbli fit-talba għal miżura ta’ investigazzjoni, is-sistema tal-UPPE hija bbażata fuq djalogu intern bejn il-PDE inkarigati mill-każ u l-assistenti PDE. Skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament dwar l-UPPE, iż-żewġ PDE għandhom jaħdmu flimkien sabiex iwettqu l-investigazzjoni b’mod effiċjenti skont ma teħtieġ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (71). Din is-sistema ta’ kooperazzjoni interna hija waħda mill-elementi importanti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema UPPE.

106. B’mod partikolari, l-assistent PDE jista’ jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur u jikkonsulta mal-PDE inkarigat mill-każ meta jqumu kwistjonijiet fir-rigward tal-miżura assenjata. Huma ta’ interess partikolari s-sitwazzjonijiet taħt l-Artikoli 31(5)(c) u (d) tar-Regolament dwar l-UPPE: meta miżura inqas invażiva tkun tilħaq l-istess riżultati, u meta l-miżura assenjata ma teżistix jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili.

107. L-evalwazzjoni li skontha miżura inqas invażiva tkun tilħaq l-istess riżultat tikkorrispondi mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva OIE, li jgħid li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tbiddel il-miżura mitluba minn OIE. B’mod iktar importanti, dan ifisser li l-assistent PDE jintalab jagħmel analiżi ta’ proporzjonalità tal-miżura assenjata, li b’dan il-mod tiggarantixxi verifika addizzjonali.

108. In-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-istess miżura f’każ domestiku simili jinsab ukoll fl-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva OIE, u jidher bħala raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni f’ċerti każijiet taħt l-Artikolu 11(1)(c) tad-Direttiva OIE. F’każ li ż-żewġ PDE ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim f’sebat ijiem, il-kwistjoni għandha tiġi rrinvjata lill-Awla Permanenti għal deċiżjoni finali. Fl-aħħar mill-aħħar, imbagħad, il-miżura tista’ ssalva indipendentement mit-tħassib imqajjem mill-assistent PDE. Madankollu, huwa fl-interess tal-UPPE li l-evidenza li tirriżulta mill-investigazzjoni transkonfinali tkun tista’ tintuża fil-fażi proċesswali tal-proċedura (72). Għaldaqstant, aktarx li l-Awla Permanenti ma tapprovax miżura li hija inaċċettabbli f’waħda mis-sistemi legali parteċipanti.

109. Filwaqt li s-sistema ta’ kooperazzjoni interna bejn il-PDE inkarigat mill-każ u l-assistent PDE tista’ ttaffi l-perikolu ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali sa ċertu punt (73), l-UPPE ma jistax jitqies li huwa perfett.

110. F’dan ir-rigward, ir-Regolament dwar l-UPPE fih mekkaniżmi addizzjonali li jippermettu l-kontroll tal-azzjonijiet tal-UPPE f’investigazzjonijiet transkonfinali.

111. L-ewwel, l-Artikolu 41 tar-Regolament dwar l-UPPE jistabbilixxi f’iktar dettall id-drittijiet konkreti tal-persuni ssuspettati u tal-akkużati fi proċeduri tal-UPPE. Dan jirreferi għall-istandards ta’ protezzjoni fil-Karta (paragrafu 1); għall-protezzjoni ggarantita fid-diversi mekkaniżmi tal-Unjoni li jarmonizzaw aspetti ta’ proċedura kriminali fl-Istati Membri (paragrafu 2) (74); u għad-drittijiet proċedurali disponibbli taħt id-dritt nazzjonali applikabbli (paragrafu 3) (75).

112. It-tieni, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament dwar l-UPPE jeżiġi li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri ta’ investigazzjoni jkun disponibbli dejjem. Għaldaqstant, kieku ma kienx hemm stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, jew kieku l-applikazzjoni konġunta ta’ żewġ sistemi legali (waħda għall-ġustifikazzjoni tal-miżura u l-oħra għall-eżekuzzjoni tagħha) wasslet għal nuqqas fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-istħarriġ ġudizzjarju a posteriori tal-miżura jkun iservi bħala korrezzjoni ta’ kwalunkwe ksur potenzjali (76).

113. Ir-Regolament dwar l-UPPE jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa minnu li f’ċerti sitwazzjonijiet u mill-perspettiva ta’ ċerti Stati Membri dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-livell protett preċedenti tad-drittijiet individwali. Madankollu, dawn id-drittijiet huma protetti minn tal-inqas fil-livell tal-Karta u tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-“KEDB”). L-armonizzazzjoni, wara kollox, twassal inevitabbilment għad-dgħufija tal-protezzjoni fl-Istati Membri li qabel kellhom livell ta’ protezzjoni ogħla (77), sakemm ma jiġix adottat, bħala regola komuni, l-ogħla standard.

114. Dan, madankollu, huwa l-prezz li għandu jitħallas għall-bini ta’ futur flimkien.

115. Bħala konklużjoni, fir-rigward ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, ir-Regolament UPPE jistabbilixxi sistema żviluppata ħafna ta’ rikonoxximent reċiproku. Anki jekk ma tipprovdix il-possibbiltà ta’ rifjut tad-deċiżjoni tal-PDE inkarigat mill-każ li jkun meħtieġ li titwettaq miżura ta’ investigazzjoni fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun qiegħda sseħħ l-investigazzjoni prinċipali, is-sistema fiha diversi salvagwardji li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Jekk l-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE jiġi interpretat fis-sens li jaqsam il-kompetenzi għall-istħarriġ ta’ miżura ta’ investigazzjoni transkonfinali bejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-qrati tal-Istati Membri tal-PDE inkarigat mill-każ u tal-assistent PDE, dan ma jippreġudikax għaldaqstant il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-interpretazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament dwar l-UPPE kif stabbilit fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

III. Konklużjoni

116. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

1.      L-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ir-“Regolament dwar l-UPPE”)

għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, il-qorti li tapprova t-twettiq ta’ miżura fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew tista’ tistħarreġ biss l-aspetti marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva.

2.      L-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 32 tar-Regolament dwar l-UPPE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jfissru li, fil-każ ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, il-qorti fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandha taċċetta l-evalwazzjoni tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ li l-miżura hija ġġustifikata, indipendentement minn jekk din tal-aħħar tkunx approvata b’awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel tal-qorti tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-UPPE”).


3      Ara l-Artikolu 2(5) tar-Regolament dwar l-UPPE.


4      Ara l-Artikolu 2(6) tar-Regolament dwar l-UPPE.


5      Ara, pereżempju, l-ispjegazzjonijiet reċenti li ġejjin dwar il-metodu ta’ interpretazzjoni użat mill-Qorti tal-Ġustizzja. “[…], skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti […]”. Ara pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa) (C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Perfumesco.pl  (C‑355/21, EU:C:2022:791, punt 39). “L-istorja leġiżlattiva ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha […]”


6      Ċertu livell ta’ armonizzazzjoni tal-elementi ta’ reati finanzjarji li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni huwa pprovdut fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29) (id-“Direttiva PIF”).


7      Gesetz zur Ausführung der EU-Verordnung zur Errichtung der Europäischen Staatsanwaltschaft (il-Liġi Federali dwar l-Implimentazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) tal‑10 ta’ Lulju 2020 (BGBl. I S. p. 1648), Artikolu 3(2).


8      L-UPPE jaħdem permezz ta’ network ta’ prosekuturi Ewropej fuq livell tal-Unjoni (fil-Lussemburgu) immexxi mill-Kap Prosekutur Ewropew. L-UPPE huwa magħmul minn Prosekuturi Ewropej, Awliet Permanenti (li jissorveljaw u jiggwidaw l-investigazzjonijiet u jiżguraw il-koerenza tal-attivitajiet tal-UPPE), u l-Kulleġġ ta’ Prosekuturi Ewropej (magħmul minn Prosekutur Ewropew minn kull wieħed mill-Istati Membri). Il-livell deċentralizzat jikkonsisti fi Prosekuturi Delegati Ewropej (PDE) minn kull Stat Membru parteċipant.


9      Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-UPPE.


10      Ara l-Artikolu 86(2) TFUE u Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-UPPE.


11      Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar l-UPPE.


12      Ara, b’mod partikolari, Corpus Juris 2000, Green Paper dwar il-protezzjoni tad-dritt kriminali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità u l-istabbiliment ta’ Prosekutur Ewropew COM (2001) 715 final (il-“Proposta ta’ Firenze”). Il-Corpus Juris segwa l-Corpus Juris 1997 (“Introducing penal provisions for the purpose of the financial interests of the European Union’, Ed. Economica Paris, 1997) maħruġ minn grupp ta’ esperti maħtura waqt laqgħa tal-Presidenti tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tad-Dritt Kriminali fl-Università ta’ Urbino (l-Italja) fl‑1995. Il-proposta prinċipali fil-Corpus Juris kienet il-ħolqien ta’ qafas legali wieħed, li jirregola kemm id-dritt kriminali sostantiv kif ukoll dak proċedurali, b’dan tal-aħħar jinkludi proposta għall-ħolqien ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew. Għal iktar informazzjoni, ara <https://www.eppo.europa.eu/en/background>.


13      Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, COM(2013) 534 final (il-“Proposta tal‑2013”).


14      L-Istati Membri li ma pparteċipawx huma l-Ungerija, il-Polonja u l-Isvezja. Id-Danimarka u l-Irlanda għażlu li jibqgħu barra mill-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (SLSĠ).


15      Herrnfeld, H.H., “Article 31”, f’Herrnfeld, H.H., Brodowski, D., u Burchard, C., European Public Prosecutor’s Office. Article-by-Article Commentary, Bloomsbury Publishing, 2020, p. 300.


16      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 4 u 5 tal-Artikolu 26 tal-Proposta tal‑2013: “4. L-Istati Membri jassiguraw li l-miżuri investigattivi msemmija fil-punti (a) - (j) tal-paragrafu 1 ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu jridu jitwettqu” u “5. Il-miżuri investigattivi msemmija fil-punti (k) – (u) tal-paragrafu 1 ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja jekk din tkun meħtieġa mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq il-miżura ta’ investigazzjoni”.


17      Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (ĠU 2008, C 115, p. 206).


18      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Parlamenti nazzjonali dwar ir-reviżjoni tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skont il-Protokoll Nru 2 COM (2013) 0851 final, p. 9.


19      Herrnfeld, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 291.


20      Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Kummenti bil-miktub mid-delegazzjoni Awstrijaka u mid-delegazzjoni Ġermaniża, Fajl Interistituzzjonali: 2013/0255 (APP), DS 1237/15, 21 ta’ April 2015.


21      Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Kummenti bil-miktub mid-delegazzjoni Ġermaniża, Fajl Interistituzzjonali: 2013/0255 (APP), DS 1234/15, 21 ta’ April 2015.


22      Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1) (id-“Direttiva OIE”).


23      Il-kummenti bil-miktub mill-Awstrija u mill-Ġermanja pproponew ukoll: “Fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jeħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja jew ordni mill-qorti għar-rikonoxximent tal-miżura, huwa għandu jippreżenta l-ordni u, fejn applikabbli, l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja akkumpanjanti lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu sabiex din tiġi rrikonoxxuta”.


24      Il-kummenti bil-miktub mill-Ġermanja żiedu: “Ftit mill-kwistjonijiet prinċipali huma: It-test tal-Artikolu 26a għandu jkun ċar dwar min jieħu d-deċiżjoni li tittieħed miżura jew li qorti tordna miżura u liema huwa d-dritt applikabbli sabiex jiġu ordnati/jintalbu tali miżuri. It-test kurrenti jidher li jħalli din il-kwistjoni miftuħa jew, forsi anki jħalli l-għażla f’idejn il-PDE inkarigat mill-każ: it-terminu “jassenja” fil-paragrafu 1 ma jiċċarax min huwa dak li jieħu d-deċiżjoni sabiex tiġi ordnata miżura”. Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Kummenti bil-miktub mid-delegazzjoni Ġermaniża, Fajl Interistituzzjonali: 2013/0255 (APP), DS 1234/15, 21 ta’ April 2015. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 006/2022 dwar l-Adozzjoni ta’ Linji Gwida tal-Kulleġġ tal-UPPE għall-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2017/1939, p. 4, punt 8 (“Barra minn hekk, l-Artikolu 31(3) ma jindirizzax espressament is-sitwazzjonijiet fejn kemm id-dritt tal-Istat Membru tal-PDE inkarigat mill-każ u kif ukoll id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent PDE jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni ġudizzjarja”).


25      Ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Kwistjonijiet oħra. Presidenza tal-Kunsill 12344/16, 20 ta’ Settembru 2016, p. 5.


26      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:453, punt 43).


27      Anki l-istudjużi l-iktar akkaniti ta’ studji legali kritiċi jirrikonoxxu li r-regoli legali, kif imfassla, jillimitaw l-interpretazzjoni ġudizzjarja. Ara, pereżempju, Kennedy, D., A Critique of Adjudication (fin de siècle), Harvard University Press, Cambridge, Massachusetts, 1997, p. 13.


28      Pereżempju, fis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tard) (C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 43) (l-interpretazzjoni ta’ artikolu wieħed fil-kuntest tal-artikolu suċċessiv); tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 56 sa 69) (l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni fil-kuntest tal-artikoli tal-bidu ta’ direttiva u l-premessi tagħha); u tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement v Région wallonne (C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 46) (l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni fir-rigward tad-direttiva inkwistjoni b’mod globali).


29      Pereżempju, fis-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47); u tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135).


30      Pereżempju, fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Ordine Nazionale dei Biologi et (C‑96/20, EU:C:2021:191, punti 26 u 27); u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:783, punt 31).


31      Fuq dan il-punt, ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 1986, Reed (59/85, EU:C:1986:157, punt 15) (fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni ta’ żvilupp soċjali ġenerali, it-terminu “konjuġi” ma jinkludix sieħeb jew sieħba mhux miżżewġin). L-istess terminu ġie interpretat b’mod differenti 32 sena wara, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:2, punti 56 sa 58) (fejn huwa janalizza l-iżviluppi relatati mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” sabiex juri li numru dejjem jikber ta’ Stati Membri jinterpretawh bħala li jinkludi żwieġ tal-istess sess).


32      Waqt is-seduta, l-UPPE rrikonoxxa wkoll li l-użu tal-kelma “madankollu” tikkumplika l-affarijiet għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament dwar l-UPPE.


33      L-UPPE żied waqt is-seduta li l-premessa 72 ma għandhiex valur normattiv u għaldaqstant ma għandhiex tiddetermina l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31.


34      Waqt is-seduta, l-UPPE sostna li kultant il-fajls tal-każijiet ikun fihom eluf ta’ paġni, li jkunu jeħtieġu tradutturi esterni, u għaldaqstant dan iżid spejjeż kunsiderevoli għat-tħaddim tal-UPPE u jieħu xhur u anki snin sabiex issir traduzzjoni.


35      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq.


36      Ir-Regolament dwar l-UPPE jipprovdi l-possibbiltà li jinbidel l-Istat Membru li fih tkun qiegħda ssir l-investigazzjoni sal-mument li tittieħed id-deċiżjoni ta’ prosekuzzjoni taħt l-Artikolu 26(5) (skont l-Artikolu 36 tar-Regolament dwar l-UPPE).


37      Premessa 22 u Artikolu 14(2) tad-Direttiva OIE. Dan ġie enfasizzat ukoll fis-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II (C‑852/19, EU:C:2021:902, punt 40).


38      Ara, pereżempju, il-premessi 14, 20, u 54, u l-Artikoli 12(3) u 34(3) tar-Regolament dwar l-UPPE.


39      Pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21).


40      Ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq.


41      Pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punti 36 sa 38).


42      Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta t-tieni possibbiltà, din tkun teħtieġ l-intervent tal-leġiżlaturi Awstrijaċi u Ġermaniżi, peress li trendi dawn il-liġijiet, li kienu aġġustati għall-ewwel possibbiltà, kontra r-Regolament dwar l-UPPE. Waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijak sostna li huwa konxju ta’ dan u li, naturalment, id-dritt ta’ dan l-Istat ikun irid isir konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tinterpreta r-Regolament dwar l-UPPE b’mod differenti. Dan il-gvern tenna, madankollu, li l-interpretazzjoni kif riflessa fid-dritt tiegħu hija dik korretta.


43      Allegrezza, S., u Mosna, A., “Cross-border Criminal Evidence and the Future European Public Prosecutor: One Step Back on Mutual Recognition?” f’Bachmaier Winter, L. (editur), The European Public Prosecutor’s Office. The Challenges Ahead, Springer, 2018, p. 141, f’p. 146.


44      Għal artiklu konvinċenti dwar trapjanti legali u irritanti legali, ara Teubner, G., “Legal irritants: Good Faith in British Law or How Unifying Law Ends Up in New Divergences”, Vol 61(1), Modern Law Review, 1998, p. 11..


45      Ara, pereżempju, Allegrezza u Mosna, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, f’p. 145 u 158 (li jenfasizzaw il-perikoli għad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn, pereżempju, livelli diverġenti ta’ garanziji proċedurali u regoli proċedurali fuq l-eżekuzzjoni ta’ miżuri investigattivi jew fuq il-ġbir ta’ evidenza, u jsostnu li hemm bżonn ta’ garanziji addizzjonali b’mod partikolari fir-rigward tal-evidenza). Għal twissija bikrija li tikkonċerna l-istess kwistjoni, ara Kaiafa-Gbandi, M., “The Establishment of an EPPO and the Rights of Suspects and Defendants: Reflections upon the Commission’s 2013 Proposal and the Council’s Amendments”, The European Public Prosecutor’s Office – Legal and Criminal Policy Perspectives, Stifelsen Skrifter utgivna av Juridiska fakulteten vid Stockholms universitet, 2015, f’p. 245 u 246.


46      Għal proposta bikrija fuq il-modalitajiet ta’ prosekutur tal-Unjoni futur, fejn is-suċċess tiegħu jiddependi fuq l-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali sostantiv, ara Peers, S., “Mutual recognition and criminal law in the European Union: Has the Council got it wrong?”, Vol 41, Common Market Law Review, 2004, p. 5, f’p. 34.


47      Għal argument li s-sistema tal-OIE hija fil-fatt iktar sempliċi u iktar effiċjenti mis-soluzzjonijiet regolatorji tar-Regolament dwar l-UPPE, ara Allegrezza u Mosna, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, f’p. 155 sa 156.


48      Kuntrarjament għall-idea mill-Corpus Juris li jinħoloq qafas legali wieħed, li ma ddaħħalx fir-Regolament dwar l-UPPE, is-soluzzjoni ta’ korp wieħed hija possibbiltà mtaffija li l-Istati Membri jistgħu jaqblu fuqha. Ara Mitsilegas, V., u Giuffrida, F., “The European Public Prosecutor’s Office and Human Rights”, Shifting Perspectives on the European Public Prosecutor’s Office,TMC Asser Press, 2018, f’p. 89.


49      “[…] filwaqt li ssellfet minn kunċetti li ħadmu sew ħafna fil-ħolqien tas-Suq Uniku, twieldet l-idea li l-kooperazzjoni ġudizzjarja tista’ tibbenefika wkoll mill-kunċett ta’ rikonoxximent reċiproku […]”. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet finali f’materji kriminali. COM(2000) 495 final, Brussell, 26 ta’ Lulju 2000, p. 2.


50      Sentenza tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral (120/78, EU:C:1979:42).


51      Schmidt, S.K., “Mutual Recognition as a New Mode of Governance”, Journal of European Public Policy, Vol 14(5), 2007 p. 667, p. 669; Peers, S., “Mutual Recognition and Criminal Law in the European Union: Has the Council Got It Wrong?”, Common Market Law Review, Vol 41(1), 2004, p. 5, p. 20.


52      Schmidt, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, f’p. 672. Perišin, T., Free Movement of Goods and Limits of Regulatory Autonomy in the EU and WTO,T.M.C. Asser Press, 2008, p. 23.


53      Nicolaïdis, K., “Trusting the Poles? Constructing Europe through Mutual Recognition”, Journal of European Public Policy, Vol 14(5), 2007, p. 685.


54      Peers, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, f’p. 24.


55      Peers, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, f’p. 25.


56      Dan kien irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka “jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed mill-Istati Membri jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt”.


57      Iglesias Sánchez, S., u González Pascual, M., “Fundamental Rights at the Core of the EU AFSJ”, f’Iglesias Sánchez, S., u González Pascual, M. (edituri), Fundamental Rights in the EU Area of Freedom, Security and Justice, Cambridge University Press, 2021, f’p. 8-9 (li jargumentaw li t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali skattaw limitu ikbar ta’ fiduċja reċiproka, viżibbli fl-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-armonizzazzjoni pożittiva tas-SLSĠ).


58      Ara, pereżempju, l-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 34; rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24); u l-Artikolu 11 tad-Direttiva OIE.


59      Ara, pereżempju, id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1). Ara wkoll id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).


60      Dwar il-ġurisprudenza li tippermetti modi addizzjonali sabiex ma jiġix eżegwit Mandat ta’ Arrest Ewropew, ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi and Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 93 u 94); u s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu  (C‑128/18, EU:C:2019:857, punti 52 u 55).


61      Skont l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva OIE, l-awtorità emittenti tista’ tkun “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat” kif ukoll “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti” meta l-OIE jiġi vvalidat minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Dan huwa kunċett iktar wiesa’ minn dak tal-“awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat” għall-finijiet tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, li jeskludi lill-prosekutur pubbliku. Fuq din id-differenza speċifika, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 74 u 75).


62      Artikolu 1(1) tad-Direttiva OIE.


63      Artikolu 6(1) tad-Direttiva OIE.


64      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni) (C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 53) (fejn il- Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax tistħarreġ il-konformità tal-OIE mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tiegħu taħt id-Direttiva, peress li dan ikun jippreġudika s-sistema ta’ fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata din id-direttiva).


65      Ara wkoll il-premessa 22 tad-Direttiva OIE.


66      Ara wkoll il-premessa 19 tad-Direttiva OIE.


67      Għal argument li r-rikonoxximent reċiproku skont id-dritt tal-Unjoni huwa limitat fis-sens li ma hemmx aċċettazzjoni awtomatika fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ara Möstl, M.,”Preconditions and Limits of Mutual Recognition”, Common Market Law Review, Vol 47(2), Kluwer Law International, 2010  p. 405, f’p. 412, 418 u 420.


68      Għall-istess konklużjoni, ara Mitsilegas u Giuffrida, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, f’p. 89.


69      Din id-dispożizzjoni hija ovvjament sempliċi espressjoni iktar konkreta tal-obbligu tal-korpi kollha tal-Unjoni li josservaw il-Karta, kif espress fl-Artikolu 51(1) tagħha.


70      L-Artikolu 31(5) tar-Regolament dwar l-UPPE jipprovdi li: “Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti jqis li: (a) l-assenjazzjoni ma tkunx kompluta jew ikun fiha żball rilevanti li jidher; (b) il-miżura ma tkunx tista’ titwettaq fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-assenjazzjoni għal raġunijiet ġustifikati u oġġettivi; (c) miżura alternattiva iżda inqas intrużiva tkun tikseb l-istess riżultati bħall-miżura assenjata; jew (d) il-miżura assenjata ma tkunx teżisti jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili taħt il-liġi tal-Istat Membru tiegħu, hu għandu jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu u jikkonsulta mal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ sabiex isolvu l-kwistjoni b’mod bilaterali”.


71      Ara, f’dan ir-rigward, Herrnfeld, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, f’p. 293 sa 295. B’mod interessanti, Allegrezza u Mosna jqisu l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni taż-żewġ PDE bħala piż fuq is-semplifikazzjoni u aċċellerazzjoni ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, speċjalment minħabba li ma hemmx limitu ta’ żmien marbut mal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni. Allegrezza u Mosna, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, f’p. 154 sa 155.


72      Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Artikolu 37(1) tar-Regolament dwar l-UPPE jipprvovdi biss li l-evidenza ma għandhiex tiġi miċħuda quddiem qorti nazzjonali għas-sempliċi fatt li nġbaret fi Stat Membru ieħor jew skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor.


73      Allegrezza u Mosna jikkonkludu li l-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn żewġ PDE tkun tfisser fil-fatt li jiġu osservati il-liġijiet taż-żewġ Stati Membri rispettivi. Allegrezza u Mosna, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, f’p. 153.


74      Id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, id-dritt għall-informazzjoni u l-aċċess għad-dokumenti tal-każ, id-dritt għall-aċċess għal avukat u d-dritt għall-komunikazzjoni ma’ terzi u li dawn jiġu informati f’każ ta’ detenzjoni, id-dritt għas-silenzju u d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal għajnuna legali.


75      Inkluż b’mod espliċitu l-possibbiltà li titressaq l-evidenza, li tintalab il-ħatra ta’ esperti u l-eżaminazzjoni tal-esperti u s-smigħ tax-xhieda, u li l-UPPE jintalab jikseb tali miżuri għan-nom tad-difiża.


76      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża MM  (C‑414/20 PPU, EU:C:2020:1009, punt 133) (fejn spjega li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva titlob li l-kundizzjonijiet li jkun inħareġ il-Mandat ta’ Arrest Ewropew taħthom għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ fi stadju tal-proċeduri kriminali wara l-konsenja tal-persuna mfittxija, jekk ma jkunx ġie pprovdut rimedju fi stadju preċedenti).


77      Eżempju ċar ta’ dan hija l-armonizzazzjoni ta’ standards f’kawżi in absentia. Is-soluzzjoni magħżula fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE ma kinitx taqbel mal-livell ta’ protezzjoni Spanjol, u dan kif irriżulta ċar fis-sentenza Melloni. Madankollu, kif inhu magħruf sew, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li meta sseħħ armonizzazzjoni tal-Unjoni, l-istandards nazzjonali ogħla ma jistgħux ikunu ta’ xkiel għall-effettività tas-sistema ta’ fiduċja reċiproka. Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 62 sa 64).

Top