This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0276
Opinion of Advocate General Medina delivered on 19 October 2023.#Edil Work 2 S.r.l. and S.T. S.r.l v STE S.a.r.l.#Request for a preliminary ruling from the Corte suprema di cassazione.#Reference for a preliminary ruling – Articles 49 and 54 TFEU – Freedom of establishment – Company established in a Member State but carrying on its activities in another Member State – Operation and management of the company – National legislation providing for the application of the law of the Member State in which a company carries on its activities – Restriction on freedom of establishment – Justification – Protection of the interests of creditors, minority shareholders and staff – Prevention of abusive practices and artificial arrangements – Proportionality.#Case C-276/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2023.
Edil Work 2 Srl u S.T. Srl vs STE Sàrl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Kumpannija stabbilita fi Stat Membru iżda li teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor – Funzjonament u ġestjoni tal-kumpannija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li fih kumpannija teżerċita l-attivitajiet tagħha – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi u l-arranġamenti artifiċjali – Proporzjonalità.
Kawża C-276/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2023.
Edil Work 2 Srl u S.T. Srl vs STE Sàrl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Kumpannija stabbilita fi Stat Membru iżda li teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor – Funzjonament u ġestjoni tal-kumpannija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li fih kumpannija teżerċita l-attivitajiet tagħha – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi u l-arranġamenti artifiċjali – Proporzjonalità.
Kawża C-276/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:796
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fid‑19 ta’ Ottubru 2023 (1)
Kawża C‑276/22
Edil Work 2 S.r.l.,
S.T. S.r.l.
vs
STE S.a.r.l.,
partijiet intervenjenti:
CM
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 49 u 54 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Attivitajiet transkonfinali – Twettiq ta’ attivitajiet fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-kostituzzjoni – Lex societatis – Ġestjoni u organizzazzjoni ta’ kumpanniji – Għan prinċipali – Dritt applikabbli)
1. Kumpannija Taljana li l-attiv prinċipali tagħha kien kastell li jinsab fl-Italja ttrasferixxiet is-sede tagħha għal-Lussemburgu. Il-kumpannija kkonvertiet ruħha f’kumpannija privata b’responsabbiltà limitata u ġiet ikkostitwita skont id-dritt Lussemburgiż. Sitt snin wara, l-azzjonisti tal-kumpannija ħatru direttur uniku li, min-naħa tiegħu, ħatar mandatarju ġenerali. Il-mandatarju ġenerali sussegwentement ittrasferixxa l-proprjetà ta’ dan il-kastell lil kumpannija oħra, S.T. S.r.l. (iktar ’il quddiem “ST”) li min-naħa tagħha bigħetu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Edil Work 2 S.r.l (iktar ’il quddiem “Edil Work 2”).
2. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, essenzjalment, il-validità ta’ dawn iż-żewġ trasferimenti, li tiddependi fuq id-dritt nazzjonali applikabbli għall-għoti tal-kompetenzi inkwistjoni. Jekk id-dritt Lussemburgiż ikun applikabbli, dawn it-trasferimenti jkunu validi skont dan id-dritt; għall-kuntrarju, jekk id-dritt Taljan ikun applikabbli, dawn it-trasferimenti jkunu invalidi skont dispożizzjoni li skontha mandat ġenerali jista’ jingħata biss lill-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija.
3. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar, essenzjalment, il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 u 54 TFUE tal-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola d-dritt internazzjonali privat, li tipprevedi li kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea hija suġġetta għad-dritt Taljan meta din jew tkun ikkostitwita jew ikollha s-sede tagħha tal-amministrazzjoni fl-Italja, jew meta l-“għan prinċipali” tagħha jkun jinsab fl-Italja (2).
I. Il‑qafas legali
4. L-Artikolu 25 tal-legge di diritto internazionale privato (legge 218/1995) (3) (il-Liġi dwar id-Dritt Internazzjonali Privat Nru 218/1995, iktar ’il quddiem il-“Liġi 218/1995”), intitolat “Kumpanniji u organizzazzjonijiet oħra”, jipprevedi:
“1. Il-kumpanniji, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra, anki jekk ma jkunux assoċjati, għandhom ikunu rregolati mid-dritt tal-Istat li fit-territorju tiegħu tkun ġiet konkluża l-proċedura ta’ kostituzzjoni relattiva. Madankollu, għandu japplika d-dritt Taljan jekk is-sede tal-amministrazzjoni jinsab fl-Italja jew jekk l-għan prinċipali ta’ dawn l-entitajiet jinsab fl-Italja.
2. Dawn li ġejjin għandhom, b’mod partikolari, jiġu rregolati mil-liġi li tirregola dawn l-entitajiet: (a) il-forma ġuridika; (b) l-isem tal-kummerċ jew l-isem tal-kumpannija; (c) il-kostituzzjoni, it-trasformazzjoni u x-xoljiment (d) il-locus standi; (e) il-ħolqien ta’ korpi tal-kumpanniji u l-kompetenzi u l-proċeduri ta’ operazzjoni tagħhom; (f) ir-rappreżentanza tal-entità; (g) il-proċeduri għall-akkwist u għat-telfien ta’ status ta’ azzjonist, ta’ kollaboratur jew ta’ soċju, u d-drittijiet u l-obbligi inerenti għal dan l-istatus; (h) ir-responsabbiltà għall-obbligi tal-entità; u (i) il-konsegwenzi ta’ ksur tal-liġi jew tal-istatut ta’ assoċjazzjoni.
3. It-trasferimenti tas-sede għal Stat ieħor u l-inkorporazzjonijiet ta’ entitajiet li jkollhom is-sede tagħhom fi Stati differenti, ikollhom effett biss jekk isiru skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati.”
5. L-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili Taljan jistabbilixxi li, jekk l-istatuti ta’ assoċjazzjoni jew il-laqgħa ġenerali jippermettu dan, il-bord tad-diretturi jista’ jiddelega l-kompetenzi tiegħu lil kumitat eżekuttiv kompost minn xi wħud mill-membri tiegħu, jew lil wieħed jew iktar mill-membri tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont din id-dispożizzjoni, il-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jista’ jikkonferixxi l-kompetenzi tiegħu biss lill-membri tal-bord tad-diretturi tiegħu.
II. Il‑fatti
6. Fl‑2004, kumpannija Taljana b’responsabbiltà limitata, li għandha assi u attivitajiet kummerċjali komposti esklużivament mill-kumpless ta’ proprjetà immobiljarja li jinsab qrib Ruma (l-Italja), magħruf bħala Castello di Tor Crescenza (iktar ’il quddiem il-“Kastell”), ittrasferixxiet is-sede tagħha għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fejn ġiet ikkostitwita u saret STE, kumpannija privata b’responsabbiltà limitata. Fit‑30 ta’ Awwissu 2010, inżammet laqgħa straordinarja tal-azzjonisti tal-kumpannija STE fil-Lussemburgu, li matulha SB inħatret direttriċi unika (gérante) (4). F’din l-okkażjoni, SB ħatret lil FF bħala l-mandatarju ġenerali (mandataire général) ta’ STE u tatu l-kompetenza li jwettaq “fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u barra mill-pajjiż, f’isem u għan-nom tal-kumpannija, l-atti u l-operazzjonijiet kollha neċessarji, mingħajr eċċezzjoni jew esklużjoni, iżda fil-każijiet kollha li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għanijiet tal-kumpannija”.
7. Fl‑2012, FF ittrasferixxa l-Kastell lill-kumpannija Taljana ST, li sussegwentement ittrasferixxietu lil Edil Work 2, kumpannija Taljana kkontrollata minn FF.
8. Fl‑2013, STE bdiet proċeduri ġudizzjarji kontra ST u Edil Work 2 quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), fejn talbet li ż-żewġ kuntratti ta’ trasferiment jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett minħabba li l-għoti ta’ kompetenzi lil FF. ma kienx validu. It-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ċaħdet it-talba billi kkunsidrat li l-kompetenzi ta’ FF. bħala mandatarju kienu ġew ikkonferiti b’mod validu.
9. Fl-appell, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) laqgħet it-talba. Hija ddikjarat, l-ewwel, li skont l-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995, japplika d-dritt Taljan, peress li l-Kastell – “il-bażi tal-assi uniku u sħiħ” tal-kumpannija – jiġifieri l-“għan prinċipali”, jinsab fl-Italja. Dik il-qorti mbagħad stabbilixxiet li l-għoti ta’ kompetenzi ta’ ġestjoni bla limitu lil terz barra mill-kumpannija, bħal FF., huwa joħloq kunflitt mal-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi li l-kompetenzi ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija jistgħu jiġu ddelegati biss lil membri ta’ dan il-bord. Dik il-qorti għalhekk iddikjarat null u bla effett l-għoti ta’ kompetenzi lil FF. mid-direttriċi tal-kumpannija u ddeċidiet, konsegwentement, li l-kuntratti sussegwenti li jittrasferixxu l-Kastell liż-żewġ kumpanniji konvenuti ma kellhomx valur legali.
10. Edil Work 2 u ST appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), fejn ikkontestaw l-applikabbiltà tat-tieni parti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995, sa fejn il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) naqset milli tikkunsidra li s-sens u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni ġew profondament affettwati mid-dritt tal-Unjoni, li jeħtieġ li d-dritt nazzjonali ma jiġix applikat jekk l-interpretazzjoni tiegħu tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
11. Il-kontroparti, STE, ikkontestat l-appell, billi sostniet b’mod partikolari li, minħabba l-fatt li l-għan prinċipali tal-kumpannija jinsab fl-Italja, il-valur legali tal-kompetenzi kkonferiti lil FF. u l-validità tat-trasferimenti ulterjuri lill-kumpanniji appellanti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt Taljan, mingħajr ebda indħil interpretattiv mid-dritt tal-Unjoni.
12. Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tosserva li huwa ċar mill-Artikolu 25(3) tal-Liġi 218/1995, li din id-dispożizzjoni tippermetti l-konverżjoni ta’ kumpanniji Taljani f’kumpanniji barranin permezz tat-trasferiment tas-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li t-trasferiment ikun validu kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Barra minn hekk, dan it-trasferiment ma jwassalx, anki wara t-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru Taljan, għat-tmiem tal-personalità ġuridika tagħha.
13. Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kostituzzjoni ta’ STE, li żammet iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha fl-Italja, bħala kumpannija Lussemburgiża, tfissirx li l-atti ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ din il-kumpannija huma suġġetti għad-dritt tal-Lussemburgu, li fuq il-bażi tiegħu l-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni jkun validu. B’kuntrast, kieku kellu japplika d-dritt Taljan, l-għoti tal-kompetenzi inkwistjoni jkun null.
14. Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-għoti ta’ kompetenzi, il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995, il-fattur ġenerali ta’ rabta huwa l-post fejn il-kumpannija ġiet ikkostitwita. Għalhekk, skont din is-sentenza, fil-kawża ineżami, l-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni għandu jiġi rregolat mid-dritt Lussemburgiż. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tintroduċi eċċezzjoni għal din ir-regola, li fuq il-bażi tagħha d-dritt Taljan japplika għal kumpanniji li għandhom l-“għan prinċipali” tagħhom fl-Italja. Għalhekk, skont din l-eċċezzjoni, id-dritt applikabbli għall-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni huwa d-dritt Taljan, peress li l-ass uniku u għalhekk l-għan prinċipali ta’ din il-kumpannija, jiġifieri l-Kastell, jinsab fl-Italja. Fil-każ tal-aħħar, peress illi l-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li l-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (5) jista’ jiddelega l-kompetenzi tiegħu biss lil membri ta’ dan il-bord, l-għoti ta’ dawn il-kompetenzi lil terz barra mill-kumpannija, fil-kawża ineżami FF, ikun illegali skont id-dritt Taljan.
15. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tindika li, l-ewwel, peress li l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE tinkludi d-dritt ta’ kumpannija jew ditta kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikkonverti ruħha f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor ikunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, li l-kriterju ta’ rabta stabbilit minn dan l-Istat Membru l-ieħor ikun issodisfatt, il-fatt li hija biss is-sede li tiġi ttrasferita, u mhux is-sede tal-amministrazzjoni jew iċ-ċentru tal-attivitajiet, ma jeskludix minnu nnifsu l-applikabbiltà ta’ din il-libertà.
16. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tindika li l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE tinkludi mhux biss l-istabbiliment, iżda wkoll il-ġestjoni, ta’ impriżi. Dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu, skont it-tieni premessa tad-Direttiva (UE) 2019/2121 (6), taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment. Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li dan l-Istat Membru huwa l-Lussemburgu.
17. It-tielet, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 2507 tal-Kodiċi Ċivili, li jinsab f’kapitolu intitolat “Kumpanniji kkostitwiti barra mill-pajjiż”, jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet inklużi f’dan il-kapitolu għandhom jiġu interpretati skont il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.
18. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, filwaqt li d-dritt tal-Istat Membru ta’ konverżjoni (fil-kawża ineżami, il-Lussemburgu) għandu jirregola l-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpannija, fil-kawża ineżami, il-kumpannija żżomm iċ-ċentru tan-negozju tagħha fl-Italja. Tali fatt jista’ jiġġustifika, skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tad-dritt Taljan għall-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni.
19. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 49 u 54 [TFUE] jipprekludu li Stat Membru, li fih kumpannija (kumpannija b’responsabbiltà limitata) ġiet oriġinarjament ikkostitwita, japplika fil-konfront tagħha d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar [l-organizzazzjoni] u l-ġestjoni tal-kumpannija fil-każ fejn il-kumpannija, wara li ttrasferiet is-sede prinċipali tagħha u ġiet ikkostitwita mill-ġdid skont id-dritt ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni, iżżomm iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru tat-tluq u fejn l-att ta’ ġestjoni inkwistjoni għandu effett determinanti fuq l-attività tal-kumpannija?”
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Edil Work 2, minn STE, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll it-trattazzjonijiet tagħhom matul is-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2023.
III. Evalwazzjoni
A. Rimarki preliminari
21. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-libertà ta’ stabbiliment tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil Stat Membru li fih ġiet ikkostitwita oriġinarjament kumpannija (fil-kawża ineżami, l-Italja) li japplika d-dritt nazzjonali tiegħu għall-atti ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ din il-kumpannija meta din il-kumpannija, fil-kuntest ta’ konverżjoni transkonfinali, tkun ittrasferixxiet is-sede tagħha lejn Stat Membru ieħor (fil-kawża ineżami, il-Lussemburgu), iżda tkun żammet l-għan prinċipali tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini (l-Italja).
22. Preliminarjament infakkar illi l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domanda magħmula lilha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis neċessarju wkoll li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma tkunx għamlet referenza għalihom il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha (7). Fil-kawża ineżami, sabiex tingħata risposta utli għad-deċiżjoni tar-rinviju, għandha tiġi ddefinita b’mod korrett il-portata tad-domanda magħmula.
1. Konverżjonijiet transkonfinali meta mqabbla ma’ attivitajiet ekonomiċi transkonfinali
23. Fil-fehma tiegħi, huwa essenzjali li żewġ kwistjonijiet distinti jiġu sseparati. L-ewwel waħda tikkonċerna r-restrizzjonijiet imposti fuq kumpanniji meta jwettqu konverżjoni transkonfinali jew rikostituzzjoni fi Stat Membru differenti (8). Din il-kwistjoni tqum meta l-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet fuq ir-ristrutturazzjoni transkonfinali tal-kumpanniji u fil-kuntest ta’ li jippermettu l-konverżjoni ta’ kumpannija f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor – dawn il-każijiet issejħu “każijiet ta’ emigrazzjoni” (9). Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fil-kawża Daily Mail (10), li kienet tikkonċerna kumpannija tar-Renju Unit li xtaqet tittrasferixxi l-amministrazzjoni ċentrali tagħha mir-Renju Unit (li dak iż-żmien kien Stat Membru) lejn il-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma titlef l-istatus tagħha ta’ persuna ġuridika jew tieqaf tkun kumpannija kkostitwita skont id-dritt tar-Renju Unit. L-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit irrifjutaw permess ta’ trasferiment tas-sede, li kien neċessarju skont id-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli dwar dan it-trasferiment kienu ddeterminati mid-dritt nazzjonali li skontu kienet ġiet ikkostitwita l-kumpannija (11).
24. It-tieni kwistjoni tikkonċerna r-restrizzjonijiet imposti fuq kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru wieħed iżda li jfittxu li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fi Stat Membru ieħor (12). Pereżempju, fil-kawża Überseering (13), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk l-Istat Membru li fih kumpannija kienet ittrasferixxiet l-amministrazzjoni ċentrali tagħha (il-Ġermanja) kellux id-dritt li jiddeċiedi dwar il-kapaċità ġuridika tal-kumpannija, li ġiet ikkostitwita fil-Pajjiżi l-Baxxi . Fi kliem ieħor, il-kwistjoni kienet dwar jekk Stat Membru ospitanti kellux il-permess jirrifjuta li jirrikonoxxi l-kapaċità ġuridika ta’ kumpannija barranija meta din l-entità tkun ittrasferixxiet is-sede ċentrali tal-ġestjoni tagħha f’dan l-Istat ospitanti. Barra minn hekk, fil-kawża Inspire Art (14), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar kumpanniji barranin li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom f’dan l-Istat Membru. Il-kawża kienet tikkonċerna kumpannija li ġiet iffurmata skont il-liġijiet tar-Renju Unit. Il-kumpannija kienet sussegwentement fetħet fergħa fil-Pajjiżi l-Baxxi u kienet teżerċita l-attività ekonomika prinċipali tagħha hemm. Il-kumpannija talbet ir-reġistrazzjoni tal-uffiċċju tal-fergħa tal-Pajjiżi l-Baxxi tagħha fir-reġistru kummerċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, f’liema punt dan ir-reġistru ried jimponi ċerti regoli fuq il-kumpannija. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċertu numru ta’ rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu jmorru kontra l-prinċipju ta’ moviment liberu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwixxiet b’mod ċar dawn iż-żewġ kawżi mill-Kawża Daily Mail, li kienet tirrigwarda l-possibbiltà tal-Istat ta’ kostituzzjoni li jirrestrinġi t-trasferiment ta’ kumpannija lejn Stat Membru ieħor (15).
25. Fil-kawża ineżami, STE, kumpannija Taljana, diġà ttrasferixxiet b’mod validu s-sede tagħha fil-Lussemburgu billi kkonvertiet ruħha f’kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż u billi waqfet teżisti fl-Italja. Din il-kumpannija ma hijiex qiegħda tipprova tistabbilixxi ruħha fl-Italja, iżda qiegħda sempliċement teżerċita attività ekonomika f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu STE u l-Gvern Taljan, il-kawża ineżami ma tirrigwardax l-kwistjoni ta’ jekk hemmx restrizzjonijiet għall-konverżjoni transkonfinali ta’ kumpanniji, iżda pjuttost jekk hemmx restrizzjonijiet imposti fuq impriża Lussemburgiża li teżerċita attività ekonomika fl-Italja.
26. F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġie kkonfermat waqt is-seduta, isegwi li STE, inizjalment irreġistrata fl-Italja, ġiet ikkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż fl‑2004, mingħajr ma ġiet imposta ebda restrizzjoni fuqha mill-Italja jew mil-Lussemburgu. Fi kliem ieħor, wara l-kostituzzjoni tagħha fil-Lussemburgu, jidher li l-konverżjoni ta’ din il-kumpannija ġiet aċċettata kemm mil-liġijiet tal-pajjiż ta’ destinazzjoni (il-Lussemburgu) kif ukoll tal-pajjiż tat-tluq (l-Italja). It-tieni, jidher li, mill‑2004 (is-sena li fiha seħħet il-konverżjoni) sal‑2010, il-kumpannija kienet attiva fl-Italja, mingħajr ebda waħda mill-awtoritajiet ma opponiet il-konverżjoni. B’mod partikolari, ġie kkonfermat mill-partijiet waqt is-seduta li, f’dan il-perijodu ta’ sitt snin, l-awtoritajiet Taljani ma kinux ippruvaw japplikaw id-dritt Taljan tal-kumpanniji għall-atti tal-kumpannija. It-tielet, l-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 japplika mingħajr distinzjoni kemm għall-kumpanniji inizjalment ikkostitwiti fi Stat Membru ieħor kif ukoll għall-kumpanniji li kienu suġġetti għal konverżjoni. Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jindirizzawx kwistjonijiet ta’ konverżjoni transkonfinali u l-effetti tagħhom. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, tkun tqum l-istess kwistjoni f’sitwazzjoni fejn kumpannija inizjalment irreġistrata fil-Lussemburgu jkollha l-għan prinċipali tagħha fl-Italja, jiġifieri, kieku STE kienet dejjem kumpannija Lussemburgiża, u proprjetarja tal-Kastell.
27. Minn dan isegwi li, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni tillimitax it-trasferiment u/jew il-konverżjoni ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor ma hijiex rilevanti u ma għandhiex tiġi indirizzata. Il-kwistjoni ċentrali tal-kawża ineżami hija jekk l-applikazzjoni tad-dritt Taljan – permezz tal-“għan prinċipali” bħala l-kriterju ta’ rabta – għall-atti ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (minbarra dak tal-kostituzzjoni) tikkostitwixxix restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-analiżi f’dawn il-konklużjonijiet, l-Istat Membru ta’ oriġini huwa l-Lussemburgu u l-Istat Membru fejn il-kumpannija inkwistjoni teżerċita l-attività ekonomika tagħha huwa l-Italja.
2. Fuq is‑suġġett tal‑kawża prinċipali
28. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità tal-għoti ta’ kompetenzi lil terz li ma huwiex membru tal-bord tad-diretturi u l-validità tal-kuntratti ta’ trasferiment ta’ kumpless ta’ proprjetà immobbli. Għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suġġett tad-domanda preliminari magħmula, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-għoti ta’ kompetenzi u t-trasferiment tal-kumpless ta’ proprjetà immobbli. Fil-fehma tiegħi, fil-kawża ineżami, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni tal-lex societatis applikabbli għall-atti tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni imposta fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli minn Stat Membru. Filwaqt li l-ewwel kwistjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, it-tieni waħda tista’ taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE. Sabiex tiġi ddeterminata l-libertà fundamentali applikabbli, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat l-għan tal-leġiżlazzjoni (16) u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kawża.
29. Ċertament, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) iddeċidiet, fil-kawża prinċipali, li “l-bażi tal-assi uniku u sħiħ” tal-kumpannija, u għalhekk l-għan prinċipali tal-kumpannija, tinsab fl-Italja u, għal din ir-raġuni, applikat id-dritt Taljan rilevanti. Konsegwentement, hija tidher li bbażat ir-raġunament tagħha sabiex tapplika d-dritt Taljan fuq il-post tal-assi prinċipali tal-kumpannija u għalhekk fuq id-dritt tal-proprjetà ta’ proprjetà immobbli. B’mod partikolari, dik il-qorti qieset, essenzjalment, li l-għoti ta’ kompetenzi u ż-żewġ kuntratti li ttrasferixxew il-Kastell kienu jaqgħu taħt ir-regola tal-lex rei sitae u li, għaldaqstant, dawn il-kuntratti ma għandhomx valur legali fid-dritt Taljan.
30. Madankollu, nippreċiża li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità tal-għoti ta’ kompetenzi lil terz li ma huwiex membru tal-bord. Prima facie, tali validità ma tidhirx li hija kwistjoni dwar dritt in rem fuq proprjetà immobbli (17). Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-validità ta’ għoti, mid-direttur, ta’ kompetenzi lil terz hija kwistjoni ta’ ġestjoni u organizzazzjoni ta’ kumpannija, li għalhekk taqa’ taħt il-lex societatis li torbot lil din il-kumpannija ma’ ordinament ġuridiku partikolari (18). Tali konklużjoni hija sostnuta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi 218/1995, li telenka s-suġġett li għalih tapplika l-lex societatis, bħall-“ħolqien ta’ korpi tal-kumpanniji u l-kompetenzi u l-proċeduri ta’ operazzjoni tagħhom” u r-“rappreżentanza tal-entità”. L-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa, għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-dritt Taljan għall-miżuri msemmija iktar ’il fuq implimentati minn kumpanniji barranin, li jfisser li hija taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE.
31. Peress li l-kawża prinċipali għandha bħala suġġett il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-lex societatis applikabbli għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, kif iddefinita fl-Artikolu 49 TFUE, li tinkludi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jistabbilixxu u jamministraw impriżi fil-kundizzjonijiet stabbiliti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u timplika, skont l-Artikolu 54 TFUE, id-dritt għal kumpanniji jew ditti tal-Unjoni li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (19). Meta operatur ikollu l-intenzjoni li jeżerċita effettivament l-attività ekonomika tiegħu permezz ta’ installazzjoni stabbli u għal żmien indeterminat, is-sitwazzjoni tiegħu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, kif iddefinita fl-Artikolu 49 TFUE (20).
32. Konsegwentement, fir-rigward tal-għoti ta’ kompetenzi lil terz li ma huwiex membru tal-bord tad-diretturi, nipproponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din il-libertà.
33. F’dak li jirrigwarda t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tanalizza l-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi stabbilit li huwa paċifiku li l-atti relatati mat-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli tradizzjonalment jaqgħu taħt id-dritt ta’ fejn tkun tinsab il-proprjetà. Għaldaqstant, jidher plawżibbli, prima facie, li s-sempliċi fatt li tiġi applikata din il-liġi ma jikkostitwixxix minnu nnifsu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.
3. Konklużjoni provviżorja
34. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li d-domanda preliminari tiġi rriformulata b’enfasi fuq l-għoti ta’ kompetenzi lil terz li ma huwiex membru tal-bord tad-diretturi. Fil-fatt, ir-regola applikabbli għall-għoti tal-kompetenzi hija distinta minn, u tippreċedi, il-kwistjoni tal-validità tat-trasferimenti li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ drittijiet in rem maħluqa minn oġġett immobbli. Għaldaqstant, id-domanda għandha tiġi rriformulata sabiex tistaqsi jekk il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu għal att ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni, bħal għoti ta’ kompetenzi, ta’ kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, iżda li l-għan prinċipali tagħha jinsab fit-territorju tiegħu.
B. Fuq il‑ksur tal‑libertà ta’ stabbiliment
1. L‑Approċċ ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel mal‑approċċ ta’ restrizzjoni
35. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 54 TFUE, il-kumpanniji stabbiliti skont id-dritt ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede, l-amministrazzjoni ċentrali jew iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħhom ġewwa l-Unjoni huma meqjusa, għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, bħal persuni fiżiċi ċittadini tal-Istati Membri (21).
36. Fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, sa mis-sentenza Überseering (22), l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-kumpanniji validament ikkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, anki mingħajr rabta materjali ma’ dan l-Istat l-ieħor. Ladarba tinħoloq validament, din l-entità titqies li tista’ teżerċita l-libertà ta’ stabbiliment fi ħdan l-Unjoni.
37. Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji msemmija f’dan l-aħħar artikolu tinvolvi, b’mod partikolari, id-dritt għall-kostituzzjoni u t-tmexxija ta’ dawn il-kumpanniji taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kumpanniji lokali mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti (23). Din il-libertà tkopri l-istadji kollha tal-iżvilupp ta’ dawn l-entitajiet, inkluż mill-kisba ta’ bażi inizjali tagħhom fis-suq ta’ Stat Membru sal-eżerċizzju effettiv ta’ attività (24). Jekk jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ japplika liberament trattament differenti minħabba l-fatt biss li s-sede ta’ kumpannija tinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 49 tat-Trattat jiġi mċaħħad minn kull sinjifikat. B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpannija (25).
38. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-libertà ta’ stabbiliment tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta u indiretta (l-approċċ ta’ diskriminazzjoni) li permezz tagħha kumpaniji barranin jiġu ttrattati “inqas tajjeb” mill-kumpaniji nazzjonali (26), iżda wkoll miżuri nazzjonali li ma humiex diskriminatorji, iżda li jxekklu l-aċċess għas-suq (l-approċċ ta’ restrizzjoni). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu restrizzjoni għal din il-libertà (27). Segwit fil-loġika kompleta tiegħu, dan l-approċċ ineħħi, tal-inqas fit-teorija, in-neċessità ta’ kwalunkwe paragun jew identifikazzjoni ta’ trattament żvantaġġuż fir-rigward ta’ sitwazzjoni analoga.
2. Teorija tas‑sede reali u teorija tal‑kostituzzjoni
39. F’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent ta’ kumpannija skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat, jeżistu essenzjalment żewġ teoriji differenti, it-teorija tas-sede reali (28) u t-teorija tal-kostituzzjoni (29). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post tas-sede statutorja, tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-istabbiliment prinċipali tal-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE jista’ jservi bħala kriterju ta’ konnessjoni mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru partikolari (30). Fi kliem ieħor, skont din id-dispożizzjoni, dawn it-tliet kriterji ta’ rabta jinsabu kollha fuq l-istess livell (31). Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-kriterju ta’ rabta li huma japplikaw u r-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet applikabbli. Għaldaqstant, l-approċċ u r-regoli tad-dritt internazzjonali privat nazzjonali jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn Stat Membru għal ieħor (32).
40. Bl-istess mod, peress li l-Artikolu 54 TFUE jqiegħed is-sede, l-amministrazzjoni ċentrali u ċ-ċentru tal-attivitajiet prinċipali fuq livell ugwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ definizzjoni uniformi fid-dritt tal-Unjoni tal-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment skont kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, Stat Membru għandu s-setgħa li jiddefinixxi kemm il-kriterju ta’ rabta mitlub minn kumpannija sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kkostitwita skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u li tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment, kif ukoll dak meħtieġ sabiex il-kumpannija tkun tista’ żżomm dan l-istatus sussegwentement (33).
41. Fil-kawża ineżami, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula tikkonċerna kumpannija li diġà hija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru u li wettqet atti ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni relatati ma’ ass li jinsab fi Stat Membru ieħor. Tali sitwazzjoni jidher li taqa’, bħala prinċipju, fl-ambitu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995, li tipprevedi li l-kumpannija kkostitwita fi Stat ieħor hija rregolata mid-dritt ta’ dan l-Istat. Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Taljan għal kumpannija li għandha s-“sede tal-amministrazzjoni” tagħha jew l-“għan prinċipali” tagħha fl-Italja. Għaldaqstant, din is-sentenza żżid żewġ regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet supplimentari bbażati essenzjalment fuq is-sede reali ta’ kumpannija u fuq l-għan prinċipali tagħha. Konsegwentement, fuq il-bażi tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għalkemm it-teorija tal-kostituzzjoni tidher li hija r-regola ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt Taljan testendi wkoll għall-kumpanniji li għandhom is-sede tal-amministrazzjoni tagħhom u l-għan prinċipali tagħhom f’dan l-Istat.
42. Fil-qosor, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 tapplika l-kriterju tal-kostituzzjoni, u b’hekk tikkonferma l-applikabbiltà tad-dritt Lussemburgiż fil-kawża ineżami. Madankollu, l-applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni twassal għall-applikazzjoni, mill-awtoritajiet Taljani, tad-dritt Taljan għall-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni. Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar kawża li tirrigwarda l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura nazzjonali li timponi l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet.
43. F’dan ir-rigward, kif imsemmi iktar ’il fuq (34), fl-assenza ta’ regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni, id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ rabta titħalla għall-awtonomija nazzjonali. Għaldaqstant, jista’ jidher prima facie li l-libertà ta’ stabbiliment ma għandhiex tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet. Madankollu, eżami tal-effett tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, juri biċ-ċar li din tostakola u tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE.
3. Approċċ ta’ restrizzjoni fil‑kawża ineżami
44. Fil-kawża ineżami, sa fejn STE ġiet ikkostitwita skont id-dritt Lussemburgiż, bis-sede tagħha f’dan l-Istat Membru, l-atti ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ din il-kumpannija kienu suġġetti għad-dritt Lussemburgiż. Din is-sitwazzjoni taqa’, prima facie, taħt ir-regola ta’ kunflitt stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995.
45. Madankollu, billi tobbliga kumpannija kkostitwita fil-Lussemburgu sabiex tadotta miżuri ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni li huma konsistenti mad-dritt Taljan, it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 effettivament timponi fuq din il-kumpannija l-obbligu li tosserva d-dritt tal-kumpanniji ta’ żewġ Stati differenti b’mod kumulattiv. Mid-definizzjoni tagħha stess, huwa impossibbli li din is-sitwazzjoni titqabbel mal-kundizzjonijiet li fihom joperaw il-kumpanniji Taljani. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji huma diġà suġġetti għad-dritt Taljan u, peress li l-kriterju tal-“għan prinċipali” magħżul mil-leġiżlatur Taljan japplika intrinsikament biss għas-sitwazzjonijiet transkonfinali, huwa irrilevanti għal dawn il-kumpanniji. Għalhekk, huwa impossibbli – jew tal-inqas ikun tawtoloġiku – li jiġi sostnut li l-miżura Taljana inkwistjoni tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament tal-kumpanniji barranin ikkonċernati u li din id-differenza fit-trattament tiżvantaġġa lill-kumpanniji barranin meta mqabbla mal-kumpanniji domestiċi. Konsegwentement, jiena tal-fehma li r-regoli li jirregolaw id-dritt tal-kumpanniji applikabbli ma jagħmlu ebda distinzjoni skont is-sede jew l-“oriġini” ta’ kumpannija u li, fir-rigward tal-kriterju tal-“għan prinċipali”, il-kumpanniji nazzjonali u dawk barranin ma jistgħux jiġu pparagunati. Minn dan isegwi li l-approċċ ta’ diskriminazzjoni għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud fil-kawża ineżami.
46. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tar-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 ixxekkilx jew trendix inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (35).
47. Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għandha tkun fl-affermattiv. L-applikazzjoni kumulattiva tad-dritt tal-kumpanniji tal-Istat Membru ta’ oriġini u tad-dritt Taljan, dan tal-aħħar peress li l-“għan prinċipali” tal-kumpannija jinsab fl-Italja, tfisser li l-persuni ġuridiċi jista’ jkollhom josservaw ir-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini u dik tal-Istat Membru li fih jinsab l-“għan prinċipali” fl-istess ħin. Teoretikament, piż doppju daqshekk ġenerali jista’ jrendi inqas attraenti għal kumpannija stabbilita fl-Istat Membru ta’ oriġini (fil-kawża ineżami, il-Lussemburgu) li teżerċita attivitajiet relatati ma’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Italja, u għalhekk jostakola l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment.
48. Madankollu, fil-kawża ineżami, ma hijiex STE, jiġifieri l-kumpannija li eżerċitat il-libertà ta’ stabbiliment tagħha, li qiegħda tfittex li tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment. Huma pjuttost iż-żewġ benefiċjarji tat-trasferimenti magħmula minn STE - ST u Edil Works 2 – li qegħdin ifittxu li jinvokaw din il-libertà. Konsegwentement, meħuda inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, jiena tal-fehma li l-applikazzjoni kumulattiva tad-dritt tal-kumpanniji ta’ żewġ Stati Membri toħloq inċertezza legali għall-parti kontraenti ta’ kumpannija li qiegħda tfittex li tinvoka żewġ settijiet ta’ liġijiet nazzjonali sabiex tinvalida l-kompetenzi mogħtija mid-diretturi tagħha u tipproteġi l-interessi ta’ din il-kumpannija. Fil-fatt, flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (36), meta tidħol f’relazzjoni legali, bħal kuntratt, parti għandha tkun f’pożizzjoni li tkun taf liema dritt nazzjonali japplika għall-kumpannija inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 għall-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni għall-finijiet tal-invalidazzjoni taż-żewġ trasferimenti sussegwenti twassal għal inċertezza legali għall-benefiċjarji, peress li STE kienet ikkostitwita b’mod validu skont id-dritt Lussemburgiż u allegatament kienet konformi mad-dritt tal-kumpanniji ta’ dan il-pajjiż. Qabel ir-rikors ġudizzjarju minn STE, li permezz tiegħu hija essenzjalment tinvoka l-applikazzjoni tad-dritt Taljan – minkejja li hija ttrasferixxiet ruħha lejn il-Lussemburgu u ttrasformat lilha nnifisha f’kumpannija Lussemburgiża – xejn ma kien jindika li, minbarra l-issuġġettar tagħha għad-dritt Lussemburgiż, din il-kumpannija kienet ukoll suġġetta għad-dritt Taljan tal-kumpanniji, inklużi l-miżuri kawtelatorji tiegħu. STE tinvoka tali benefiċċju u tinvoka l-applikazzjoni retroattiva tad-dritt Taljan għall-għoti inkwistjoni, li jwassal għalhekk għal inċertezza legali għall-benefiċjarji fir-rigward ta’ dawn it-trasferimenti.
49. Huwa ovvju li din l-għażla ta’ dak li wieħed jaqbillu tal-liġi applikabbli u s-sovrappożizzjoni ta’ żewġ settijiet ta’ liġijiet nazzjonali jistgħu joħolqu inċertezza u piż finanzjarju sinjifikattivi għall-partijiet kontraenti tal-kumpannija li tixtieq tinvoka l-applikabbiltà tad-dritt tal-kumpanniji ta’ żewġ Stati. Jekk il-persuna li teżerċita l-libertà ta’ stabbiliment tagħha tkun tista’ tannulla b’mod retroattiv ir-relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa bis-saħħa ta’ din il-libertà, tali revoka tkun tippreġudika serjament l-effettività tal-libertà ta’ stabbiliment.
50. Barra minn hekk, l-applikazzjoni retroattiva tad-dritt Taljan għal att adottat skont id-dritt tal-kumpanniji bħalma huwa l-għoti ta’ kompetenzi inkwistjoni, tidher li hija skattata minn kriterju ieħor ta’ rabta, jiġifieri d-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli. L-estensjoni tal-kunċett ta’ “għan prinċipali” għal atti li jippreċedu atti li jirrigwardaw drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri dwar għaliex u kif, tista’ tikser il-prinċipji ta’ ċarezza legali u, konsegwentement, ta’ ċertezza legali għall-partijiet kontraenti.
51. Finalment, għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li, peress li l-Artikolu 49 TFUE għandu effett dirett (37), il-kriterju kruċjali fil-kawża prinċipali huwa jekk il-kontenut sostantiv tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit f’din id-dispożizzjoni jestendix biżżejjed sabiex il-kuntratt – u, għaldaqstant, il-parti kontraenti fil-kawża prinċipali – huwa protett ukoll minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, insostni li l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 49 TFUE, fuq l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi invokata mill-persuni li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom billi jeżerċitaw attivitajiet fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll mill-partijiet kontraenti tagħhom, speċjalment meta jeżistu elementi transkonfinali, bħal fil-kawża ineżami fejn STE, kumpannija Lussemburgiża, tat kompetenzi lill-mandatarju ġenerali tagħha, li min-naħa tiegħu ttrasferixxa l-ass prinċipali tal-kumpannija lil ST, kumpannija Taljana, u fejn dawn it-tranżazzjonijiet ġew ikkontestati skont id-dritt Taljan (38). Għaldaqstant, mill-perspettiva tad-dritt sostantiv, id-dritt individwali ta’ ST (u, indirettament, ta’ Edil Work 2) huwa kopert mill-projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Inżid li meta STE eżerċitat il-libertà ta’ stabbiliment tagħha, hija ħolqot sitwazzjoni li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-libertà. It-tranżazzjonijiet sussegwenti, bħall-għoti ta’ kompetenzi u t-trasferiment tal-Kastell, kienu rregolati mil-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, jekk terz jistabbilixxi rabta mas-sitwazzjoni maħluqa fil-kuntest ta’ din il-libertà, huwa għandu jkun jista’ jinvoka l-Artikolu 49 TFUE (39).
52. Isegwi li l-applikazzjoni tad-dritt Taljan, skont l-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995, flimkien mal-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili, għall-għoti tal-kompetenzi inkwistjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment kuntrarja għall-Artikolu 49 TFUE.
C. Ġustifikazzjoni
53. Miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jkunu ġġustifikati u jintwerew li huma proporzjonati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li huwa possibbli li miżuri nazzjonali nondiskriminatorji li jxekklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ “interess ġenerali” (40). Tali miżuri għandhom ikunu xierqa għall-għan imfittex u ma għandhomx jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (41).
54. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkawżata mill-applikazzjoni tad-dritt Taljan għall-atti ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ kumpannija validament ikkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, iżda li teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tagħha u li għandha l-għan prinċipali tagħha fl-Italja. Tali informazzjoni lanqas ma hija evidenti mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 jew l-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili.
55. Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan jikkunsidra li raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-azzjonisti, tal-kredituri, tal-impjegati u ta’ terzi jeżiġu li l-għoti tal-kompetenzi inkwistjoni jkun suġġett għad-dritt Taljan. Nirrileva li, fis-seduta, l-argumenti ta’ dan il-gvern iffokaw fuq il-protezzjoni tal-azzjonisti milli fuq il-protezzjoni tal-interessi tat-terzi l-oħra, li essenzjalment ma ġietx invokata. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan isostni li l-applikazzjoni tad-dritt Taljan hija neċessarja sa fejn l-istabbiliment ta’ STE fil-Lussemburgu ma jikkorrispondix mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika f’dan l-Istat Membru u għalhekk jikkostitwixxi prattika abbużiva. Skont dan il-gvern, id-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li jinħolqu arranġamenti ta’ kumpanniji purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ argumenti prinċipali, ser nanalizza l-protezzjoni tal-azzjonisti u l-allegata prattika abbużiva.
1. Protezzjoni tal‑azzjonisti
56. Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti minoritarji tista’, f’ċerti ċirkustanzi u taħt ċerti kundizzjonijiet, tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (42). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu protetti l-“azzjonisti minoritarji”. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna, meta l-Istat Membru jkun impona restrizzjonijiet li huma intiżi li jipproteġu l-azzjonisti kollha irrispettivament mis-sehem tagħhom fil-kumpannija, ma neskludix il-possibbiltà li l-għan tal-protezzjoni tal-azzjonisti (b’mod ġenerali) jista’ jikkostitwixxi tali ġustifikazzjoni (43).
57. Madankollu, l-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 bl-ebda mod ma jispeċifika r-raġunijiet ta’ interess ġenerali li wasslu lil-leġiżlatur Taljan sabiex jadotta din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, huwa diffiċli li jiġu ddeterminati l-għanijiet li din il-miżura hija intiża li tilħaq u, għaldaqstant, li jiġi ddeterminat jekk hija attwalment issegwix dan l-għan. B’mod partikolari, jidher prima facie li l-leġiżlazzjoni Taljana - b’mod partikolari l-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili, li jipprekludi l-għoti ta’ kompetenzi lil terz li ma huwiex membru tal-bord tal-kumpannija - hija intiża sabiex tipproteġi l-interessi ta’ dawn il-membri u l-funzjoni ta’ ġestjoni esklużiva kkonferita lid-diretturi, u għalhekk tirregola biss ir-relazzjoni bejn il-membri tal-bord u d-diretturi. Għaldaqstant, ma huwiex ċar jekk il-miżura inkwistjoni ġietx adottata bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-azzjonisti. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni.
58. Bil-premessa illi l-interess ġenerali segwit huwa fil-fatt il-protezzjoni tal-azzjonisti, nirrileva li l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995, flimkien mal-Artikolu 2381(2) tal-Kodiċi Ċivili, tista’ tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni ta’ dan l-interess. Dan għaliex teħtieġ, kif turi l-kawża ineżami, l-applikazzjoni tad-dritt Taljan għal att ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ kumpannija li ġiet validament ikkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, iżda li teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tagħha fl-Italja, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk l-interessi tal-azzjonisti humiex diġà protetti mid-dritt tal-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru. Fi kliem ieħor, it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 tapplika mingħajr distinzjoni għall-kumpanniji kollha li jinsabu fl-Istati Membri kollha u għall-atti kollha, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk l-interessi tal-azzjonisti humiex diġà suffiċjentement protetti fi Stat Membru ieħor permezz ta’ miżuri oħra inqas restrittivi, bħal, pereżempju, l-obbligu li l-membri tal-bord jiġu nnotifikati bil-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli tal-kumpannija u l-possibbiltà li dan il-bord jirrevoka dan il-bejgħ.
59. F’dawn iċ-ċirkustanzi, niddubita kemm ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-ewwel, it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi 218/1995 tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju peress li tapplika mingħajr distinzjoni għall-każijiet kollha ta’ mandat ġenerali kkonferit lil terz barra mill-kumpannija. It-tieni, jeżistu miżuri alternattivi inqas intrużivi, bħall-verifika dwar jekk l-interessi protetti kinux diġà ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ kostituzzjoni – li jista’ jkun il-każ fil-kawża prinċipali, speċjalment peress li s-soċji tal-kumpannija kienu jew setgħu kienu jafu bl-eżistenza tal-għoti ta’ kompetenzi u l-atti inkwistjoni li segwew.
2. Prattika abbużiva
60. Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna tagħżel li tistabbilixxi kumpannija fl-Istat Membru li d-dritt tal-kumpanniji tiegħu jidhrilha li huwa l-inqas restrittiv jew l-iktar xieraq għall-bżonnijiet ekonomiċi tagħha stess u, għaldaqstant, sabiex teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tagħha fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt l-eżerċizzju leġittimu tal-libertà ta’ stabbiliment (44). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li jew is-sede jew l-uffiċċju prinċipali ta’ kumpannija kien stabbilit skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bl-għan li wieħed jibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar vantaġġuża, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, abbuż (45). Madankollu, id-dritt ta’ stabbiliment ma jipprekludix lill-Istati Membri milli joqogħdu attenti għal kumpanniji fittizji (46). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu kull miżura xierqa sabiex jipprevjenu jew jippenalizzaw il-frodi, u dan jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni għal restrizzjoni (47). B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipprevjenu “skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika” u li għandhom l-għan li jevitaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali. (48) Iktar reċentement, fis-sentenza Polbud - Wykonawstwo (49), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza ferm stabbilita tagħha li tgħid li ma għandux ikun hemm preżunzjoni ġenerali ta’ frodi jew ta’ abbuż (50).
61. Fil-kawża ineżami, l-applikazzjoni ġenerali tad-dritt Taljan, bħala metodu sabiex jiġi miġġieled l-abbuż, għall-atti kollha tad-dritt tal-kumpanniji tal-kumpanniji kollha tal-Istati Membri l-oħra kollha, fejn l-“għan prinċipali” tal-kumpannija jinsab fl-Italja, twassal sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni ġenerali ta’ frodi jew ta’ abbuż. Sabiex il-miżura inkwistjoni tkun proporzjonata, din għandha tispeċifika n-natura tal-atti li jistgħu jitqiesu frawdolenti u n-natura tal-kumpanniji speċifikament imsemmija. Barra minn hekk, tali restrizzjoni għandha tkun appoġġjata minn data kredibbli u spjegata b’mod xieraq. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-formulazzjoni ġenerali ħafna ta’ din id-dispożizzjoni, li ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet konkreti differenti li jistgħu jinqalgħu, pjuttost twassal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
62. Barra minn hekk, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru jista’ jadotta miżuri sabiex jipprevjeni li wħud miċ-ċittadini tiegħu jippruvaw jevadu l-leġiżlazzjoni nazzjonali billi jirrikorru għall-possibbiltajiet offruti mit-Trattat (51). Madankollu, fil-kawża prinċipali, jidher li l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni tal-aġir ta’ STE bħala “abbuż” hija irrilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, peress li r-Repubblika Taljana tidher li aċċettat li STE hija kkostitwita fil-Lussemburgu.
63. Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li l-allegata restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt Taljan għall-kumpanniji barranin li għandhom l-“għan prinċipali” tagħhom fl-Italja ma hijiex iġġustifikata. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv.
IV. Konklużjoni
64. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:
Il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-applikazzjoni retroattiva tad-dritt nazzjonali tiegħu għal att ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni, bħal għoti ta’ kompetenzi, ta’ kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li l-għan prinċipali ta’ din il-kumpannija jinsab fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għall-finijiet ta’ invalidazzjoni tat-trasferimenti ta’ proprjetà immobbli mwettqa wara dan l-att.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Il-kunċett ta’ “għan prinċipali” ma huwiex iddefinit fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li, fil-każ ta’ STE S.a.r.l. (iktar ’il quddiem “STE”), kumpannija privata b’responsabbiltà limitata tal-Lussemburgu, l-“għan prinċipali” huwa rrappreżentat minn kumpless ta’ proprjetà immobbli, li huwa “l-bażi tal-assi uniku u sħiħ” tal-kumpannija.
3 GURI Nru 128 tat‑3 ta’ Ġunju 1995.
4 Jidher mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sal‑2010, 90 % ta’ STE kien miżmum minn STA s.r.l., kumpannija li kienet unikament miżmuma minn FF. L‑10 % tal-ishma rimanenti kienu miżmuma mill-mara ta’ FF., SB. Fl‑2010, madankollu, STA s.r.l. ittrasferixxiet 40 % tal-azzjonijiet lil SB.
5 Kemm STA kif ukoll STE huma kumpanniji b’responsabbiltà limitata.
6 Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (ĠU 2019, L 321, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 20, p. 24).
7 Sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S. (C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Zheng (C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 27).
8 Din il-kategorija tinkludi r-restrizzjonijiet imposti fuq kumpanniji kkostitwiti skont id-dritt ta’ Stat Membru li jfittxu li jissuġġettaw ruħhom għad-dritt ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma jgħaddu mill-proċess ta’ stralċ fil-ġurisdizzjoni ta’ oriġini tagħhom. Ara s-sentenza l-iktar reċenti tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804). Ara wkoll, G. Soegaard, “Cross-border Transfer and Change of Lex Societatis After Polbud, C‑106/16: Old Companies Do Not Die … They Simply Fade Away to Another Country”, European Company Law, Vol. 15, Ħarġa 1, 2018, p. 21 sa 24.
9 Ara Mucciarelli, F. M., European Business Organization Law Review, Vol. 9, p. 267 sa 303.
10 Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456).
11 Ibid, punti 19 sa 23.
12 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 53 sa 55), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jimplika l-libertà ta’ reklutaġġ tal-ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti, il-libertà li jiġu ddeterminati n-natura u l-portata tal-attività ekonomika li għandha tiġi eżerċitata fl-Istat Membru ospitanti u għalhekk il-libertà li titnaqqas din l-attività jew li l-attività u l-istabbiliment jiġu rrinunzjati.
13 Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002 (C‑208/00, EU:C:2002:632).
14 Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003 (C‑167/01, EU:C:2003:512).
15 Ara l-punti 66 sa 73 tas-sentenza Überseering u l-punti 102 u 103 tas-sentenza Inspire Art.
16 Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali, minn ġurisprudenza ormaj stabbilita huwa ċar li l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata għandu jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije, C‑233/09, EU:C:2010:397, punt 26; tat‑13 ta’ Novembru 2012; Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 90; u tal‑21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 31).
17 Fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-kwistjonijiet tad-dritt tal-kumpanniji u d-drittijiet in rem fi kwistjonijiet ta’ proprjetà immobbli, ara, pereżempju, l-Artikolu 1(2)(f) u l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”). Fil-fehma tiegħi, billi estendiet l-applikazzjoni tar-regola ta’ lex rei sitae għall-għoti ta’ kompetenzi, għalkemm iż-żewġ kuntratti saru wara dan l-għoti, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) tidher li amalgamat l-għoti ta’ kompetenzi u l-kuntratti u essenzjalment applikat ir-regola lex rei sitae għat-tnejn li huma. Għalhekk hija ffavorixxiet din ir-regola meta mqabbla mar-regola ta’ għoti ta’ kompetenzi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, skont id-dritt nazzjonali, is-sempliċi eżistenza ta’ kuntratt relatat ma’ proprjetà immobbli, bħall-Kastell, hijiex biżżejjed sabiex l-għoti ta’ kompetenzi jitqies bħala ekwivalenti għad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li, għalkemm l-ewwel trasferiment jidher li jinkludi element transkonfinali fejn jista’ japplika r-Regolament Ruma I, it-tieni trasferiment jidher bħala tranżazzjoni “purament interna”. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk iż-żewġ trasferimenti għandhomx jiġu kklassifikati u analizzati flimkien.
18 L-oqsma li ġeneralment jaqgħu taħt il-lex societatis jinkludu l-kostituzzjoni u x-xoljiment tal-kumpannija, l-isem tal-kumpannija, il-kapaċità ġuridika, l-istruttura tal-kapital, id-drittijiet u l-obbligi tal-azzjonisti u l-kwistjonijiet ta’ ġestjoni interna. Ara l-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Schuster, E., Gerner-Beuerle, C., Siems, M., u Mucciarelli, F., ‘Study on the Law Applicable to Companies – Final Raport’, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2016, p. 16, disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/259a1dae-1a8c-11e7-808e-01aa75ed71a1. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fis-sentenza Verein für Konsumenteninformation (C‑272/18, EU:C:2019:679) fir-rigward tal-esklużjoni u d-definizzjoni tal-lex societatis skont l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament Ruma I.
19 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑387/10, EU:C:2011:625, punt 22), u tat‑23 ta’ Frar 2016, IlKummissjoni vs LUngerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 148 sa 150).
21 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt25).
22 Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002 (C‑208/00, EU:C:2002:632).
23 Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud - Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 33).
24 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan f’VAS Shipping (C‑71/20, EU:C:2021:474, punt 63).
25 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Novo Banco (C‑712/19, EU:C:2021:137, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Kif ġie spjegat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Hornbach-Baumarkt (C‑382/16, EU:C:2017:974, punt 29), “[t]aħt l-approċċ tad-diskriminazzjoni, sabiex miżura nazzjonali tiġi ddikjarata kuntrarja għal-libertà ta’ stabbiliment, sitwazzjonijiet paragunabbli għandhom jiġu ttrattati differenti bi preġudizzju għall‑kumpanniji li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment”.
27 Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37). Ara wkoll, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26, punt 56). Fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti, il-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja tkopri l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Skont it-teorija tas-sede reali, il-liġi tal-Istat fejn il-kumpanija għandha l-amministrazzjoni ċentrali u s-sede reali tagħha għandha tiddetermina l-liġi applikabbli.
29 Min-naħa l-oħra, it-teorija tal-kostituzzjoni tirreferi għal-liġi fejn il-kumpannija ġiet ikkostitwita.
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456, punti 19 sa 21), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud - Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 34).
32 Ara l-istudju tal‑2016 iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18. Għad-differenzi bejn drittijiet nazzjonali dwar il-kumpanniji, ara Andenas, M., u Wooldridge, F., European Comparative Company Law, Cambridge University Press, 2010.
33 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 109 u 110).
34 Punti 39 u 40 iktar ’il fuq.
35 Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.
36 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju l-protezzjoni tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi li regoli li jinvolvu konsegwenzi negattivi fir-rigward ta’ individwi jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 42).
38 Fi kwalunkwe każ, nirrileva li, kif fakkret l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha f’Philips Electronics (C‑18/11, EU:C:2012:222, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 52), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi fil-kuntest ta’ diversi libertajiet fundamentali li persuni minbarra dawk li jibbenefikaw direttament mil-libertà fundamentali jistgħu wkoll jibbenefikaw minn din il-libertà jekk din il-libertà ma tistax tkun totalment effettiva b’mod ieħor.
39 Bħala eżempju, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li persuna li ma kinitx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni – ksur ta’ dritt suġġettiv – setgħet tippreżenta rikors ibbażat fuq diskriminazzjoni f’isem “[ir-]residenti l-oħra tad-distrett li fih [dik il-persuna] [eżerċitat] l-attività tagħha”. Għalhekk jista’ jiġi sostnut li l-persuna li għandha rabta diretta mas-sitwazzjoni inkwistjoni għandha tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha.
40 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud - Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 52).
42 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C‑208/00, EU:C:2002:632, punt 92), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud - Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 54).
43 L-intenzjoni li jiġu protetti l-azzjonisti minoritarji ġeneralment tikkonċerna l-kwistjoni tar-riżoluzzjoni tat-tilwim intern fi ħdan il-kumpaniji, bħal tilwim bejn l-azzjonisti jew bejn azzjonisti u diretturi jew bejn il-kumpannija u d-diretturi tagħha (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Dedouchet, C‑560/16, EU:C:2017:872, punt 21). Madankollu, tali protezzjoni tista’ tkun neċessarja fir-rigward tal-azzjonisti kollha.
44 Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 27).
45 Ibid. Ara wkoll s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 96).
46 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Caresio (C‑210/06, EU:C:2008:294, punt 29), li jagħmlu riferiment għas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 68).
47 Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo(C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 61).
48 Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punti 51 sa 55).
49 Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017 (C‑106/16, EU:C:2017:804, punti 63 u 64).
50 Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq ġurisprudenza preċedenti li skontha s-sempliċi fatt li kumpannija tittrasferixxi s-sede ċentrali tal-ġestjoni tagħha lejn Stat Membru ieħor ma jistax joħloq preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni fiskali u jiġġustifika miżura li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali żgurata mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, IlKummissjoni vs IlBelġju, C‑478/98, EU:C:2000:497, punt 45; tal‑4 ta’ Marzu 2004, IlKummissjoni vs Franza, C‑334/02, EU:C:2004:129, punt 27; u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 50).
51 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud - Wykonawstwo(C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 39).