Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0249

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-25 ta’ Mejju 2023.


    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:438

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fil‑25 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

    Kawża C‑249/22

    BM

    vs

    Gebühren Info Service GmbH (GIS),

    bil‑parteċipazzjoni tal-:

    Bundesministerium für Finanzen,

    Osterreichischer Rundfunk

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kunċett – Attivitajiet ta’ organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati minn miżata obbligatorja mħallsa mid-detenturi ta’ riċevitur tar-radju u tat-televiżjoni li jinsabu fiż-żona ta’ xandir terrestri – Artikolu 378(1) u l-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X – Att ta’ Adeżjoni tal-Awstrija – Artikolu 151(1) u l-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV – Deroga – Kamp ta’ applikazzjoni”

    Introduzzjoni

    1.

    Fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Český rozhlas, EU:C:2016:470), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attivitajiet ta’ organi pubbliċi tax-xandir iffinanzjati minn miżati obbligatorji miġbura ipso jure mingħand persuni li għandhom settijiet tar-radju ma jikkostitwixxux provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u ma jaqgħux fis-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

    2.

    Wara din is-sentenza, f’ċerti Stati Membri fejn miżati ta’ dan it-tip kienu suġġetti għall-VAT, il-persuni responsabbli għall-ħlas tagħhom talbu r-rimbors ta’ din it-taxxa għar-raġuni li din kienet miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fl-Awstrija, dan ta lok għal azzjoni kollettiva li tagħha t-tilwima prinċipali f’din il-kawża hija element. Proċedura simili hija wkoll pendenti fid-Danimarka ( 2 ).

    3.

    F’dan il-kuntest, il-partijiet ikkonċernati, bħal (/kif ukoll) il-Kummissjoni Ewropea, josservaw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-VAT jipprevedu deroga għal ċerti Stati Membri li tippermettilhom jintaxxaw l-attivitajiet tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk din id-deroga tibdilx il-konklużjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza Český rozhlas.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    4.

    Skont l-Artikolu 151 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Lulju 1994 (iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal‑1994”) ( 3 ), moqri flimkien mal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV ( 4 ) ta’ dan l-att, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, tintaxxa, b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni ( 5 ). Din it-tassazzjoni ma jistax ikollha effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li l-bażi taxxabbli tagħhom għandha tkun ikkostitwita mill-ġdid b’konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 ( 6 ).

    5.

    Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 7 ):

    “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

    […]

    (ċ)

    il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali; […]”.

    6.

    L-Artikolu 132(1)(q) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    q)

    l-attivitajiet, għajr dawk ta’ natura kummerċjali, imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni.”

    7.

    Skont l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112:

    “L-Awstrija tista’ tkompli tintaxxa t-transazzjonijiet elenkati fil-punt (2) ta’ l-Anness X, il-Parti A.”

    8.

    L-Anness X tal-istess direttiva jsemmi, fil-punt 2 tal-Parti A tiegħu, l-“attivitajiet ta’ korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali”.

    Id‑dritt Awstrijak

    9.

    L-Artikolu 2(1) tar-Rundfunkgebührengesetz (il-Liġi dwar il-Miżata tar-Radju u tat-Televizjoni) ( 8 ) (iktar ’il quddiem ir-“RGG”) jimponi “miżata tar-radju u tat-televiżjoni” fuq kull persuna li tuża ġewwa bini apparat riċevitur tar-radju u tat-televiżjoni. Il-fatt li wieħed ikollu tali apparat riċevitur jitqies li huwa ekwiparabbli għall-użu tiegħu. Skont l-Artikolu 4(1) tar-RGG, il-kumpannija GIS Gebühren Info Service GmbH (iktar ’il quddiem “GIS”) hija awtorizzata tiġbor din il-miżata u t-taxxi kollha marbutin magħha.

    10.

    Min-naħa tagħha, il-Bundesgesetz über den Östereichischen Rundfunk (il-Liġi Federali dwar l-Östereichischer Rundfunk) ( 9 ) (iktar ’il quddiem l-“ORFG”) tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, fondazzjoni ta’ dritt pubbliku msejħa “Österreichischer Rundfunk” (iktar ’il quddiem l-“ORF”).

    11.

    L-Artikolu 31 tal-ORFG jipprevedi “miżata tal-programmi” li l-ammont tagħha huwa stabbilit mill-bord ta’ tmexxija tal-imsemmija fondazzjoni. Huwa responsabbli għall-ħlas tal-miżata tal-programmi kull detentur ta’ riċevitur tar-radju u tat-televiżjoni li jinsab fiż-żona ta’ xandir terrestri (b’teknoloġija analoga jew diġitali) ta’ programmi tal-ORF. Il-ġbir tal-miżata tal-programmi jsir fl-istess waqt tal-ġbir tal-miżata tar-radju u tat-televiżjoni u skont l-istess modalitajiet.

    12.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10 tal-Umsatzsteuergesetz 1994 (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ tal‑1994) ( 10 ) tissuġġetta għal rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ xandir li huma s-suġġett ta’ miżata obbligatorja tar-radju u tat-televiżjoni.

    Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

    13.

    BM, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija d-destinatarja ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni suġġetta għall-ħlas ta’ miżata ta’ programmi. Matul il-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2013 sal‑31 ta’ Ottubru 2018, hija ħallset b’mod partikolari s-somma ta’ EUR 100.57 bħala VAT dovuta minnha fuq il-miżata tal-programmi. Fit‑23 ta’ Ottubru 2018, hija talbet lil GIS ir-rimbors ta’ din is-somma għar-raġuni li din kienet inġabret bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza Český rozhlas, l-attivitajiet ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati minn miżata bħall-miżata tal-programmi Awstrijaka ma humiex suġġetti, skont ir-rikorrenti, għall-VAT.

    14.

    GIS irrifjutat li tirrimborsa din it-taxxa, li ġie kkontestat minn BM quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Madankollu, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha billi qieset li l-interpretazzjoni li tirriżulta mis-sentenza Český rozhlas ma kinitx applikabbli għall-miżata tal-programmi Awstrijaka. BM ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fid-dawl tad-dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Artikolu 151(1) moqrija flimkien mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt h, Nru 2, tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att [ta’ Adeżjoni tal‑1994], ħlas bħall-‘Programmentgelt’ (il-miżata tal-programmi) tal-[ORF], li x-xandar tas-servizz pubbliku nnifsu jistabbilixxi sabiex jiffinanzja l-operat tiegħu, għandu jitqies ħlas fis-sens tal-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 378(1) tad-[Direttiva 2006/112]?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-‘Programmentgelt’ tal-ORF hemm imsemmija għandha wkoll titqies ħlas fis-sens tad-[Direttiva 2006/112] sa fejn din għandha titħallas minn persuni li, għalkemm joperaw riċevitur tax-xandir f’bini li huwa pprovdut mill-ORF bil-programmi terrestri tagħha, ma jistgħux jirċievu dawn il-programmi tal-ORF minħabba li ma għandhomx l-apparat ta’ riċezzjoni neċessarju?”

    16.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2022. Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, l-ORF, il-Gvern Awstrijak u Daniż kif ukoll mill-Kummissjoni. L-istess partijiet, kif ukoll il-Gvern Franċiż, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fil‑15 ta’ Frar 2023.

    Analiżi

    17.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob ir-rimbors tal-VAT li kienet miżjuda mal-miżata tal-programmi li hija ħallset. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, fid-dawl tas-sentenza Český rozhlas, din it-taxxa nġabret bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Permezz tad-domandi preliminari tagħha f’din il-kawża, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 378(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994 u mal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ tiġbor il-VAT fuq il-miżati tal-programmi fis-sens tal-Artikolu 31 tal-ORFG.

    18.

    Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ, fl-ewwel lok, li tiġi analizzata n-natura tal-miżata tal-programmi fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, imbagħad li jiġi eżaminat l-effett eventwali fuq din il-kwistjoni legali tal-Artikolu 378(1) ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994 – li jikkostitwixxi l-bażi tagħha – kif ukoll tal-punt applikabbli tal-Anness XV ta’ dan l-att.

    Fuq in‑natura tal‑miżata tal-programmi

    19.

    Kemm il-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni tagħha, kif ukoll GIS, l-ORF u l-Gvern Awstrijak, fl-osservazzjonijiet tagħhom, jargumentaw li l-miżata tal-programmi Awstrijaka hija differenti b’mod sostanzjali minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Český rozhlas, u li, għalhekk, tista’ tiġi kkunsidrata bħala korrispettiv għall-użu tas-servizzi tal-ORF, b’tali mod li dawn is-servizzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala pprovduti bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

    20.

    Dawn id-differenzi jirriżultaw, l-ewwel, mill-fatt li l-obbligu ta’ ħlas tal-miżata tal-programmi huwa marbut mhux mal-pussess innifsu tar-riċevitur, iżda mal-possibbiltà reali li wieħed jirċievi t-trażmissjonijiet imxandra mill-ORF. Din il-possibbiltà tirriżulta mill-pussess ta’ riċevitur xieraq li jirċievi dawn il-programmi (b’mezz terrestri, b’satellita jew b’cable) u li jinsab fiż-żona ta’ xandir tagħhom ( 11 ). L-akkwist ta’ tali riċevitur u l-adattament tiegħu sabiex jirċievi l-programmi tal-ORF huma l-espressjoni tar-rieda tad-destinatarju li juża s-servizzi ta’ dan l-organu. It-tieni, bid-differenza għall-miżata inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Český rozhlas, l-ammont tal-miżata tal-programmi ma huwiex stabbilit mil-leġiżlatur iżda mill-ORF. Finalment, it-tielet, waqt l-implimentazzjoni tal-miżata tal-programmi fl‑1966, il-leġiżlatur Awstrijak ħoloq finzjoni legali taħt il-forma ta’ relazzjoni ta’ dritt ċivili bejn l-ORF u d-destinatarji (potenzjali) tal-programmi ta’ dan l-organu. Skont il-qorti tar-rinviju, minkejja l-emenda leġiżlattiva li seħħet minn dak iż-żmien ’l hawn, l-eżistenza ta’ din il-finzjoni legali għadha rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaki.

    21.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn id-differenzi bejn il-miżata tal-programmi u dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Český rozhlas ma jiġġustifikawx evalwazzjoni differenti ta’ din l-ewwel miżata fir-rigward tad-Direttiva 2006/112.

    22.

    Fil-fatt, bħal fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, dan il-każ jirrigwarda żewġ provvisti li huma ġuridikament indipendenti waħda mill-oħra – minn naħa, l-ORF, fl-eżerċizzju ta’ missjoni fdata lilha mil-leġiżlatur, ixxandar programmi tar-radju u tat-televiżjoni li wieħed jista’ jirċievi liberament, iżda, min-naħa l-oħra, id-destinatarji potenzjali ta’ dawn il-programmi, mgħammra b’riċevituri xierqa, għandhom, bis-saħħa tal-liġi, iħallsu l-miżata tal-programmi. Madankollu, huwa evidenti li dawn ir-riċevituri jistgħu jservu wkoll sabiex jirċievu programmi ta’ organi tar-radju u tat-televiżjoni oħra u anki għal finijiet totalment barranin għall-użu tal-programmi tal-organi tar-radju u tat-televiżjoni, b’tali mod li l-akkwist u l-adattament tagħhom sabiex jirċievu programmi b’ebda mod ma jistgħu jitqiesu bħala l-espressjoni tar-rieda li jintużaw is-servizzi tal-ORF.

    23.

    Bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Český rozhlas, f’din il-kawża, ma teżistix, bejn l-ORF u l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-miżata tal-programmi, relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi ( 12 ). Is-sempliċi fatt li l-obbligu tal-ħlas tal-miżata tal-programmi huwa bbażat mhux fuq kundizzjoni formali ta’ pussess ta’ riċevitur iżda fuq il-possibbiltà effettiva li wieħed jirċievi l-programmi, ma jbiddilx fundamentalment din is-sitwazzjoni.

    24.

    Għalhekk is-sitwazzjoni ta’ din il-kawża hija differenti minn dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kennemer Golf ( 13 ), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, f’din l-aħħar kawża, id-destinatarju tas-servizz kien, minn jeddu, ikkonkluda mal-fornitur kuntratt li permezz tiegħu, inkambju għal kontribuzzjoni tas-sħubija, kellu d-dritt juża, għal perijodu determinat, l-installazzjonijiet ta’ klabb sportiv. Għalhekk, minkejja l-fatt li l-kwistjoni dwar jekk huwa użax effettivament dawn l-installazzjonijiet kienet irrilevanti għall-obbligu tal-kontribuzzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-possibbiltà nnifisha li jużahom kienet strettament suġġetta għall-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni u li r-relazzjoni legali bejn il-partijiet kienet ġiet konkluża esklużivament fuq rieda tagħhom stess.

    25.

    L-istess japplika fir-rigward tas-sentenza Air France-KLM u Hop!‑Brit Air ( 14 ), invokata mill-ORF. Il-kawżi li taw lok għal din is-sentenza kienu jirrigwardaw biljetti tal-ajru li fl-aħħar mill-aħħar ma ntużawx mix-xerrejja. Il-fatt li finalment dawn ix-xerrejja ma użawx is-servizz ta’ trasport ma jbiddel xejn mill-fatt li l-korrispettiv tal-provvista mwettaq mill-fornitur ta’ servizzi (it-titjira kienet saret) kien tħallas. Għalhekk, dawn kienu jirrigwardaw provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, li għandha l-bażi tagħha f’relazzjoni legali liberament miftiehma bejn il-partijiet.

    26.

    Sussegwentement, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li ma huwiex direttament il-leġiżlatur, iżda l-ORF, li tistabbilixxi l-ammont tal-miżata tal-programmi. Fil-fatt, l-ORF tistabbilixxi l-ammont ta’ din il-miżata abbażi ta’ delega li tinsab fil-liġi. Għalhekk, din il-miżata żżomm in-natura tagħha ta’ miżata pubblika stabbilita mil-liġi, peress li l-leġiżlatur sempliċement ħalla l-iffissar tal-ammont tagħha f’idejn l-organu li huwa ffinanzjat mill-prodott ta’ din il-miżata.

    27.

    Naqbel ukoll mal-opinjoni tal-Kummissjoni li peress li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-miżata tal-programmi fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, li d-dritt Awstrijak jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ finzjoni legali li skontha teżisti relazzjoni legali ta’ tip kuntrattwali bejn l-ORF u l-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ din il-miżata. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-issuġġettar għall-VAT ta’ tranżazzjoni speċifika jew l-eżenzjoni tagħha ma jistax jiddependi mill-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali ( 15 ). Għalhekk, il-klassifikazzjoni tal-miżata tal-programmi għandha ssir biss abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, b’mod partikolari, is-sentenza Český rozhlas.

    28.

    Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li l-miżata tal-programmi, bħall-miżata inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Český rozhlas, ma tikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ servizzi ta’ xandir ta’ programmi pprovduti mill-ORF. Għandu jiġi eżaminat ulterjorment jekk din il-konklużjoni hijiex affettwata mill-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112 u mill-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, moqri flimkien mal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tiegħu.

    Fuq il‑portata tal‑Artikolu 378(1) tad‑Direttiva 2006/112 u tal‑Artikolu 151 tal‑Att ta’ Adeżjoni tal‑1994

    29.

    L-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112 jimplimenta, fil-livell tad-dritt derivat, l-Artikolu 151 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, moqri flimkien mal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tiegħu, li jippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tissuġġetta għall-VAT is-servizzi tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, jiġifieri, fil-prattika, l-ORF. Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet donnha teskludi l-għan li dawn id-dispożizzjonijiet kienu intiżi li jilħqu skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri waqt in-negozjati tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994.

    Il‑formulazzjoni tal‑Artikolu 378(1) tad‑Direttiva 2006/112 u tal‑punt 2(h) tal-Parti IX tal‑Anness XV tal‑Att ta’ Adeżjoni tal‑1994

    30.

    L-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994 huwa dispożizzjoni-qafas li permezz tiegħu l-atti elenkati fl-Anness XV ta’ dan l-att japplikaw għall-Istati Membri ġodda (inkluż għar-Repubblika tal-Awstrija) fil-kundizzjonijiet previsti f’dan l-anness. Għalhekk, il-kontenut leġiżlattiv reali tad-dispożizzjonijiet li jinteressawni jinsab fl-imsemmi anness.

    31.

    Skont il-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, “għall-finijiet tal-applikazzjoni” tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 77/388, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tintaxxa t-tranżazzjonijiet elenkati fil-punt 7 tal-Anness E ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 28 tad-Direttiva 77/388 kien jinsab taħt it-Titolu XVI tagħha, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”. Bis-saħħa tal-paragrafu 3(a) ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri setgħu, b’deroga mill-eżenzjoni prevista fl-Artikoli 13 u 15 tal-istess direttiva, ikomplu japplikaw it-taxxa għat-tranżazzjonijiet li l-lista tagħhom hija riprodotta fl-Anness E. Il-punt 7 ta’ dan l-anness kien isemmi t-tranżazzjonijiet ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, eżentati, bħala prinċipju, bis-saħħa tal-Artikolu 13A(1)(q) tad-Direttiva 77/388. Fi kliem ieħor, il-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994 estenda għar-Repubblika tal-Awstrija d-deroga prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 77/388, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Anness E tagħha, li jipprovdi li l-Istati Membri li fihom sa dak il-mument l-attivitajiet ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni kienu suġġetti għall-VAT setgħu jkomplu jintaxxaw lil dawn tal-aħħar minkejja l-eżenzjoni ta’ dawn l-attivitajiet prevista mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-imsemmija direttiva.

    32.

    Konformement mal-Artikolu 28(3) u (4) tad-Direttiva 77/388, id-derogi previsti fl-ewwel paragrafu kienu intiżi li japplikaw matul perijodu tranżitorju. Dan il-perijodu kellu jispiċċa mat-tneħħija ta’ dawn id-derogi permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Madankollu, fir-realtà, il-perijodu tranżitorju għadu ma spiċċax u d-derogi li għadhom fis-seħħ ġew riprodotti fid-Direttiva 2006/112 bħala “Derogi li japplikaw sa l-adozzjoni ta’ arranġamenti definittivi” ( 16 ). Id-deroga mogħtija lir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, moqri flimkien mal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tiegħu, hija riprodotta fl-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, ifformulat b’mod analogu għall-punt 7 tal-Anness E tad-Direttiva 77/388.

    33.

    La l-Artikolu 378(1), u lanqas il-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112 ma jippreċiżaw espressament li d-derogi stabbiliti permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva. Madankollu, jidhirli li dan huwa evidenti. Minn naħa, dan jirriżulta mill-oriġini leġiżlattiva tal-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112 u mill-formulazzjoni tal-predeċessur tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 77/388 ( 17 ). Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112 tikkorrispondi litteralment għal dik tal-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 132(1)(q) tagħha.

    34.

    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 387(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, jipprevedi, favur ir-Repubblika tal-Awstrija, deroga mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(q) tagħha. Madankollu, l-eżenzjonijiet previsti f’dan l-aħħar artikolu jistgħu jirrigwardaw loġikament biss tranżazzjonijiet li jistgħu eventwalment jiġu ntaxxati, inkella l-eżenzjoni tagħhom ma tkunx neċessarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan espressament fis-sentenza Český rozhlas ( 18 ).

    35.

    Għalhekk, ma naqbilx mal-perspettiva ta’ GIS, tal-Gvern Awstrijak, Daniż u dak Franċiż, kif ukoll tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X tagħha, jippermetti l-issuġġettar għat-taxxa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1)(ċ) tagħha ( 19 ). Deroga minn dispożizzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva [f’dan il-każ l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112] ma tistax loġikament tmur lil hinn minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

    36.

    Minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112 eżaminat iktar ’il fuq, il-kontenut tiegħu, meħud b’mod litterali, ma jistax iservi ta’ bażi għall-ġbir, mir-Repubblika tal-Awstrija, tal-VAT fuq il-miżata tal-programmi.

    37.

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tissuġġetta għall-VAT l-attivitajiet ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni. Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Český rozhlas, li, skont il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 20 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija applikabbli għal din il-kawża, l-attivitajiet ta’ tali organi, sa fejn huma ffinanzjati mill-prodott ta’ miżata bħall-miżata tal-programmi Awstrijaka, ma jikkostitwixxux provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, u bħala tali, ma jistgħux jiġu suġġetti għal din it-taxxa.

    38.

    Fil-fatt, il-VAT hija taxxa fuq il-konsum, li l-bażi taxxabbli tagħha huwa kkostitwit, skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112, mill-prezz tal-oġġett jew tas-servizz, jiġifieri l-ammont li l-persuna taxxabbli tirċievi bħala korrispettiv għal oġġett jew servizz. Għalhekk, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas ma hemmx bażi taxxabbli li fuqha l-VAT tista’ tiġi kkalkolata u, konsegwentement, ma huwiex possibbli li tiġi applikata.

    39.

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, jiena tal-opinjoni li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 378(1), u tal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112, u lanqas, konsegwentement, dik tal-Artikolu 151 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, moqri flimkien mal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tiegħu, ma jbiddlu l-konklużjonijiet mogħtija fil-punti 20 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    L‑għan tar‑regola ddikjarata fl‑Artikolu 378(1) tad‑Direttiva 2006/112

    40.

    Għalhekk, interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 twassal għall-konklużjoni li l-kunsiderazzjoni tal-attivitajiet tal-organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati mill-prodott tal-miżata tal-programmi bħala taxxabbli hija inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, jidher li, kif osservat kemm mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha, kif ukoll, b’mod partikolari, mill-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, din ma kinitx l-intenzjoni tal-Istati Membri waqt in-negozjati tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, u lanqas dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X, u preċedentement l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 77/388 u l-punt 7 tal-Anness E tagħha.

    41.

    Il-Gvern Daniż jippreċiża li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija l-frott ta’ kompromess bejn l-Istati Membri li matul ix-xogħol preparatorju relatat mad-Direttiva 77/388, ma kinux f’pożizzjoni li jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni tat-tassazzjoni tas-servizzi ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati mill-prodott ta’ miżata bħall-miżata tal-programmi Awstrijaka. Dan il-kompromess kellu jikkonsisti fil-fatt li dawn is-servizzi kienu, bħala prinċipju, eżentati, filwaqt li l-Istati Membri kkonċernati ngħataw il-possibbiltà li jidderogaw minn din l-eżenzjoni. Sussegwentement, din id-deroga ġiet estiża għal ċerti Stati Membri ġodda, fosthom ir-Repubblika tal-Awstrija, bis-saħħa tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, u hija attwalment trasposta fid-dritt derivat fl-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva.

    42.

    Tali soluzzjoni setgħet tiġi ġġustifikata waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 77/388 fl‑1977. Fil-fatt, f’dak iż-żmien, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, kien jeżisti monopolju jew kważi monopolju tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, b’mod partikolari tat-televiżjoni, u l-uniku użu prattiku tar-riċevituri tar-radju u tat-televiżjoni mid-djar privati kien jikkonsisti fir-riċeviment tal-programmi mxandra b’mezz terrestri. Għalhekk, bħala prinċipju, kien possibbli li jiġi kkunsidrat li x-xiri ta’ tali riċevitur kien ekwivalenti għall-użu tas-servizz pubbliku ta’ xandir, b’tali mod li l-miżata obbligatorja fir-rigward tal-pussess tiegħu kienet tikkostitwixxi remunerazzjoni sui generis tal-imsemmija servizzi. Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll il-fatt li din is-soluzzjoni ġiet introdotta b’mod provviżorju, inizjalment għal perijodu ta’ ħames snin.

    43.

    Din is-soluzzjoni kienet diġà ferm inqas iġġustifikata fil-mument tan-negozjar tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tar-radju u tat-televiżjoni fl-Ewropa, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/552/KEE ( 20 ), u tal-iżvilupp tat-televiżjoni bil-cable u permezz tas-satellita. Mill-banda l-oħra, hija totalment inġustifikata fil-mument attwali peress li, minn naħa, il-pussess ta’ riċevitur tar-radju jew tat-televiżjoni, anki adattat sabiex jirċievi programmi, b’ebda mod ma huwa ekwivalenti għall-użu ta’ servizzi tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni (u lanqas għall-użu tas-servizzi tal-organi tar-radju u tat-televiżjoni), u min-naħa l-oħra, ir-riċeviment ta’ dawn il-programmi huwa wkoll possibbli mingħajr tali riċevitur, inkluż lil hinn mill-fruntieri tal-Istat Membru tal-organu tax-xandir, b’mod partikolari fuq l-internet. Il-miżata fir-rigward tal-pussess ta’ riċevitur tikkostitwixxi għalhekk tip ta’ kontribuzzjoni pubblika li, filwaqt li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-organi pubbliċi ta’ xandir, hija totalment maqtugħa mill-użu effettiv tas-servizzi tagħhom. Għalhekk is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Český rozhlas.

    44.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, kif sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, tmur lura żmien twil u ma għandhiex tkun ta’ sorpriża. Fis-sentenzi Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats ( 21 ) u Hong-Kong Trade Development Council ( 22 ), mogħtija wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 67/228/KEE ( 23 ), iżda ftit żmien wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 77/388, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li provvista ta’ servizzi tista’ tiġi ntaxxata meta titwettaq bi ħlas, jiġifieri meta teżisti rabta bejn il-provvista tagħha u l-korrispettiv realment miġbur għaliha. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, ma jkunx hemm bażi taxxabbli u r-relazzjoni bejn il-partijiet ma jkollhiex natura ta’ kuntratt suġġett għal armonizzazzjoni fiskali. Sussegwentement din il-ġurisprudenza ġiet ikkonsolidata u żviluppata b’mod sistematiku ( 24 ) u s-soluzzjoni kkunsidrata fis-sentenza Český rozhlas hija l-konsegwenza loġika tagħha.

    45.

    Madankollu, nikkunsidra li għan li jrid jilħaq l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-każ kuntrarju, l-Artikolu 378(1) ta’ din id-direttiva jkun mingħajr skop sa fejn ma jkun jeżisti ebda servizz ipprovdut mill-organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni fl-Awstrija li jista’ jiġi ntaxxat bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni għandha n-natura ta’ klawżola ta’ standstill u l-unika attività li tista’ tkun ikkonċernata minn din il-klawżola hija dik tal-ORF, iffinanzjata mill-prodott tal-miżata tal-programmi li ġiet introdotta qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija fl-Unjoni. Għaldaqstant ikun hemm kontradizzjoni interna bejn l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 378(1) tagħha. Issa, l-eżistenza ta’ tali kontradizzjoni tqiegħed inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, it-tagħlim li jirriżulta minn interpretazzjoni litterali u tiġġustifika, f’dan il-każ, li ssir interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    46.

    Billi qablu fuq id-deroga li tinsab fil-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994, l-Istati Membri riedu jippermettu lir-Repubblika tal-Awstrija żżomm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li bis-saħħa tagħha l-attivitajiet tal-organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni, iffinanzjati mill-prodott tal-miżata tal-programmi, kienu kkunsidrati bħala suġġetti għall-VAT, b’tali mod li t-taxxa relattiva kienet miżjuda mal-ammont ta’ din il-miżata u li x-xandar pubbliku kien jibbenefika minn dritt ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi li huwa kien juża għall-finijiet ta’ dawn l-attivitajiet.

    47.

    Kif jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-ORF, hija preċiżament iż-żamma ta’ dan id-dritt ta’ tnaqqis li kienet ir-raġuni prinċipali li għaliha r-Repubblika tal-Awstrija għadha sal-lum iżżomm, wara l-adeżjoni tagħha, is-sistema ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet ta’ dan ix-xandar pubbliku u l-għan reali tal-ftehim li jinsab fil-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994.

    48.

    Konsegwentement, l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu, (kif nifimha jien) fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tqis l-attivitajiet tal-organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni bħala atttivitajiet suġġetti għall-VAT, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu d-dritt inaqqas il-VAT tal-input imħallsa, fejn it-telf mid-dħul tat-taxxa li jirriżulta jiġi kkumpensat b’miżata addizzjonali miżjuda mal-miżata tal-programmi, li l-prodott tagħha jingħadd, madankollu, mhux mal-baġit tal-ORF iżda ma’ dak tal-Istat.

    49.

    Din il-kontribuzzjoni addizzjonali ma tikkostitwixxix VAT fis-sens tad-Direttiva 2006/112, peress li ma hija bbażata fuq ir-remunerazzjoni ta’ ebda provvista mwettqa bi ħlas. Pjuttost hija piż pubbliku ta’ natura diretta, totalment estranea għas-sistema komuni ta’ VAT. Għalhekk, la jista’ jitqies li nġabret bi ksur tad-Direttiva 2006/112 ( 25 ), u lanqas, b’mod usa’, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ċertament, wieħed jista’ jqis li ma huwiex xieraq li din il-miżata addizzjonali tiġi kklassifikata bħala “VAT” u ppreżentata bħala tali lill-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Madankollu, sa fejn din ma tipperikolax l-effikaċja tas-sistema komuni tal-VAT, ma jidhirlix li din tikkostitwixxi problema li tiġġustifika li din il-miżata addizzjonali tiġi kkunsidrata bħala illegali, fi kwalunkwe każ mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

    50.

    Tali interpretazzjoni ma tikkawżax preġudizzju inġustifikat lill-persuni suġġetti għall-ħlas tal-miżata tal-programmi, peress li skont l-awtorità mogħtija mil-liġi lill-ORF, hija tiddetermina l-ammont ta’ din il-miżata fl-integrità tagħha, inkluż l-ammont tal-miżata addizzjonali. Għalhekk, din tal-aħħar ma tirrappreżentax piż addizzjonali għall-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, iżda tibdel biss l-allokazzjoni tal-ammont miġbur f’dan ir-rigward.

    51.

    Fid-dawl ta’ tali interpretazzjoni, hija irrilevanti wkoll il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu ta’ ħlas tal-miżata tal-programmi mqajma mit-tieni domanda preliminari, peress li din il-miżata tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    52.

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-issuġġettar għall-VAT miżmum skont it-tieni inċiż tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994 ma jistax ikollu effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni. Issa, kif tindika l-ORF fl-osservazzjonijiet tagħha, il-miżata tal-programmi hija suġġetta għal rata mnaqqsa ta’ VAT (10 %) li inkambju għaliha hija għandha dritt sħiħ ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. Issa, l-oġġetti u s-servizzi akkwistati mill-ORF għall-bżonnijiet tal-attività tagħha huma, fil-parti l-kbira, intaxxati bir-rata normali tal-VAT (20 %), li jimplika eċċess sinjifikattiv ta’ taxxa mħallsa u dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa mill-baġit tal-Istat, u għalhekk tnaqqis tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Għalhekk, tqum il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali sitwazzjoni mat-tieni inċiż tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1994. Madankollu, din hija kwistjoni li tirrigwarda t-twettiq effettiv mir-Repubblika tal-Awstrija tal-obbligi tagħha fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li ma taffettwax il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-unika miżata komplementari miżjuda mal-miżata tal-programmi.

    Konklużjoni

    53.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li d-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) jingħataw ir-risposta li ġejja:

    L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-Artikolu 378(1) tagħha (u) kif ukoll mal-Artikolu 151(1) tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, tas‑26 ta’ Lulju 1994, u l-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV ta’ dan l-att,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li

    ma jipprekludix il-ġbir mir-Repubblika tal-Awstrija ta’ miżata addizzjonali għall-miżata tal-programmi, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Bundesgesetz über den Östereichischen Rundfunk (il-Liġi Federali dwar l-Östereichischer Rundfunk), sabiex jikkumpensa t-telf ta’ dħul baġitarju bħala taxxa fuq il-valur miżjud li jirriżulta mid-dritt tal-organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni li jnaqqas it-taxxa mħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi akkwistati minnu għall-finijiet tal-attivitajiet tiegħu mill-prodott ta’ din il-miżata tal-programmi.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

    ( 2 ) Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari simili (Kawża C‑573/22, Foreningen C et, pendenti).

    ( 3 ) ĠU 1994, C 241, p. 21.

    ( 4 ) Din id-dispożizzjoni tinsab fil-paġna 336 tal‑ĠU 1994, C 241.

    ( 5 ) Din id-dispożizzjoni estendiet għar-Repubblika tal-Awstrija d-deroga prevista inizjalment fl-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), għal perijodu tranżitorju, li kellu jiġi tterminat b’deċiżjoni tal-Kunsill; madankollu tali deċiżjoni qatt ma ġiet adottata.

    ( 6 ) Regolament tal-Kunsill tad‑29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197).

    ( 7 ) ĠU 2006, L 347, p. 1 u r-rettifika, ĠU 2007, L 335, p. 60.

    ( 8 ) BGBl. I 159/1999, kif emendata.

    ( 9 ) BGBl. 379/1984, kif emendata.

    ( 10 ) BGBl. 663/1994, kif emendata.

    ( 11 ) Skont l-informazzjoni pprovduta minn BM waqt is-seduta, 95 % tad-djar privati fl-Awstrija jinsabu f’din is-sitwazzjoni.

    ( 12 ) Ara l-punti 20 sa 28 tas-sentenza Český rozhlas.

    ( 13 ) Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2002 (C‑174/00, EU:C:2002:200).

    ( 14 ) Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015 (C‑250/14 u C‑289/14, EU:C:2015:841).

    ( 15 ) Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Winterhoff u Eisenbeis (C‑4/18 u C‑5/18, EU:C:2019:860, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Ara t-titolu tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XIII tad-Direttiva 2006/112.

    ( 17 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/112 hija tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 77/388, li għalhekk ma jimplikax, bħala prinċipju, emenda tal-kontenut leġiżlattiv tad-dispożizzjonijiet tagħha (ara t-tielet premessa tad-Direttiva 2006/112).

    ( 18 ) Fil-punt 32.

    ( 19 ) Ara wkoll is-sentenza Český rozhlas, punt 32, in fine.

    ( 20 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224).

    ( 21 ) Sentenza tal‑5 ta’ Frar 1981 (154/80, EU:C:1981:38, punti 12 sa 14).

    ( 22 ) Sentenza tal‑1 ta’ April 1982 (89/81, EU:C:1982:121, punt 10).

    ( 23 ) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 1967 fuq l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ – Struttura u modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 1967, p. 1303).

    ( 24 ) Ara s-sentenza Český rozhlas, punti 20 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 25 ) Lanqas ma huwa neċessarju li hawnhekk isir riferiment għall-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112, peress li dan jirrigwarda t-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-direttiva anki jekk jirrigwardaw tranżazzjonijiet eżentati.

    Top