Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0242

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:580

     KONKL UŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

    Kawża C‑242/22 (PPU)

    TL,

    fil-preżenza ta’:

    Ministério Público

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora, il-Portugall))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttivi 2010/64/UE u 2012/13/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Dritt għall-interpretazzjoni, għat-traduzzjoni u għall-informazzjoni fil-proċeduri kriminali – Kunċett ta’ “dokument essenzjali” – Dikjarazzjoni ta’ identità u residenza fil-lingwa tal-proċedura li l-persuna ssuspettata jew akkużata ma tifhimx – Assenza ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna minħabba l-assenza mill-indirizz indikat – Digriet definittiv li jirrevoka s-sospensjoni tal-kundanna – Revokabbiltà – Res judicata

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttivi 2010/64/UE ( 2 ) u 2012/13/UE ( 3 ) għal proċedura kriminali li fiha qorti Portugiża kkundannat lil persuna (iktar ’il quddiem, “TL”) ta’ nazzjonalità Moldova li tifhem biss ir-Rumen, li huwa l-lingwa uffiċjali f’pajjiżu, għal tliet snin ħabs.

    2.

    Fis-sentenza ta’ kundanna nnifisha, il-qorti qablet li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-piena, taħt ċerti kundizzjonijiet. Waħda minnhom kienet li TL jinsab fil-indirizz li kien indika fid-“Dikjarazzjoni tal-Identità u tar-Residenza” (iktar ’il quddiem, id-“DIR”). Billi ma nstabx f’dan l-indirizz, is-sospensjoni ġiet irrevokata u TL intbagħat il-ħabs sabiex jiskonta l-piena.

    3.

    It-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora, il-Portugall), fid-dawl tal-fatt li d-DIR u formalitajiet proċedurali oħrajn twettqu mingħajr il-preżenza ta’ interpretu u t-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti fil-lingwa Rumena, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni taż-żewġ direttivi msemmijin iktar ’il fuq, fir-rigward tan-nullità tal-atti mwettqa mingħajr konformità mad-dispożizzjonijiet tagħhom.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    1. Id‑Direttiva 2010/64

    4.

    L-Artikolu 1, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

    2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

    […]”

    5.

    L-Artikolu 2 (“Dritt għall-interpretazzjoni”) jistabbilixxi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati, jiġu pprovduti b’interpretazzjoni mingħajr dewmien matul proċedimenti kriminali quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, is-seduti tal-qorti kollha u kwalunkwe seduti interim meħtieġa.

    […]”

    6.

    L-Artikolu 3 (“Dritt għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali”) jipprovdi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    2.   Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fi kwalunkwe każ partikolari, jiddeċiedu jekk huwiex essenzjali kwalunkwe dokument ieħor. Il-persuni suspettati jew akkużati, jew l-avukat tagħhom, jistgħu jippreżentaw talba motivata għal dak il-għan.

    […]”

    2. Id‑Direttiva 2012/13

    7.

    L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ Applikazzjoni”) jindika li:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

    […]”

    8.

    L-Artikolu 3 (“Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”) jistipula li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

    […]

    (d) id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

    […]”

    9.

    L-Artikolu 8 (“Verifika u rimedji”) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

    “[…]

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukat tagħhom ikollhom id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

    B.   Id‑dritt Portugiż: Código de processo penal ( 4 )

    10.

    Skont l-Artikolu 57 intitolat (“Kwalità ta’ ‘arguido’ (konvenut)”) kull min kien is-suġġett ta’ akkuża jew ġie intimat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali jkollu l-kwalità ta’ “konvenut”.

    11.

    L-Artikolu 61(1)(h) (“Drittijiet u dmirijiet proċedurali”) jagħti lil “konvenut”, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, id-dritt li jiġi informat, mill-awtorità ġudizzjarja jew mill-korp tal-pulizija kriminali li quddiemhom huwa obbligat jidher, dwar id-drittijiet mogħtija lilu.

    12.

    L-Artikolu 92 (“Lingwa tal-atti u l-ħatra ta’ interpretu”) jipprevedi li, fl-atti proċedurali, kemm bil-miktub kif ukoll orali, għandha tintuża l-lingwa Portugiża, iżda meta persuna li ma tkunx taf jew ma tifhimx sew din il-lingwa tkun trid tintervjeni fil-proċedura, għandu jinħatar interpretu għaliha.

    13.

    L-Artikolu 113 (“Regoli ġenerali dwar in-notifiki”), fil-punt 10 tiegħu jipprevedi li n-notifiki lill-“konvenut” jistgħu jsiru lill-avukat jew lid-difensur tiegħu. Huma esklużi dawk li jikkonċernaw l-akkuża, id-deċiżjoni istruttorja, l-indikazzjoni ta’ data għall-kawża u għas-sentenza, kif ukoll dawk dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar li għandhom ukoll jiġu nnotifikati lill-avukat.

    14.

    L-Artikolu 119 (“Nullitajiet irrimedjabbli”) jinkludi sitt każijiet ta’ nullità irrimedjabbli, li għandhom jiġu evalwati ex officio fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ( 5 ).

    15.

    Skont l-Artikolu 120(1) (“Nullitajiet li jistgħu jiġu invokati”), kull nullità differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 119 għandha tiġi invokata mill-persuna kkonċernata. Il-punt 2 ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika n-nullitajiet suġġetti għal kontestazzjoni, fosthom in-“nuqqas ta’ ħatra ta’ interpretu, fil-każijiet fejn il-liġi tikkunsidrah bħala obbligatorju” [(punt c)].

    16.

    Skont l-Artikolu 120(3), in-nullitajiet li jistgħu jiġu invokati għandhom jiġu invokati:

    fil-każ tan-nullità ta’ att li l-persuna kkonċernata tattendi għalih qabel ma jitlesta [(punt (a)].

    fil-każ tan-nullità marbuta mal-investigazzjoni jew mal-istruzzjoni, sa tmiem id-dibattitu dwar l-investigazzjoni jew, jekk ma jkunx hemm istruzzjoni, sa ħamest ijiem wara n-notifika tad-digriet ta’ għeluq l-investigazzjoni [(punt c)].

    17.

    L-Artikolu 196 (“Dikjarazzjoni tal-Identità u tar-Residenza”) jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja jew il-korp tal-pulizija kriminali ser jeżiġu DIR minn kull persuna mqiegħda taħt investigazzjoni. Għall-finijiet tan-notifiki, din il-persuna għandha tindika r-residenza tagħha, il-post tax-xogħol jew indirizz ieħor tal-għażla tagħha.

    18.

    Skont l-Artikolu 196(3) fid-DIR, għandu jiġi indikat li l-“konvenut” ġie informat dwar:

    l-obbligu li jidher quddiem l-awtorità kompetenti jew li jibqa’ għad-dispożizzjoni tagħha, sakemm il-liġi tobbligah jagħmel dan jew jiġi debitament innotifikat.

    l-obbligu li ma jbiddilx ir-residenza jew li jitlaq minnha għal iktar minn ħamest ijiem mingħajr ma tiġi nnotifikata r-residenza l-ġdida tiegħu jew il-post fejn jista’ jinstab.

    li n-notifiki sussegwenti għandhom isiru sempliċiment bil-posta fl-indirizz indikat, sakemm il-persuna mqiegħda taħt investigazzjoni ma tikkomunikax indirizz ieħor permezz ta’ talba mogħtija jew mibgħuta permezz ta’ ittra rreġistrata lir-Reġistru fejn il-proċedura tkun pendenti f’dak il-mument.

    li n-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet fil-punti preċedenti jilleġittima r-rappreżentanza tiegħu mid-difensur fl-atti proċedurali kollha li fihom għandu d-dritt jew id-dmir li jkun preżenti, kif ukoll it-twettiq ta’ seduta mingħajr il-preżenza tiegħu, skont l-Artikolu 333.

    19.

    L-Artikolu 495 (“Nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni”) jirregola l-proċeduri li jistgħu jwasslu għar-revoka tas-sospensjoni tal-piena.

    II. Il‑fatti, il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    20.

    Fl‑10 ta’ Lulju 2019, ġie adottat id-digriet li jagħti l-istatus lil TL, li la jifhem u lanqas jesprimi ruħu bil-lingwa Portugiża, ta’ “konvenut”.

    21.

    Din id-deċiżjoni ġiet “abbozzata bil-lingwa Portugiża u tradotta fil-lingwa uffiċjali tal-Moldova, ir-Rumen, kif jirriżulta minn dan id-digriet, iffirmat minn [TL]” ( 6 ).

    22.

    F’din l-istess data, id-DIR ġiet redatta mingħajr l-intervent ta’ interpretu tar-Rumen u mingħajr ma d-dokument ġie tradott f’din il-lingwa.

    23.

    Fid-dokumentazzjoni relatata mad-DIR ġie kkonstatat li TL kien ġie informat dwar l-obbligu li jidher quddiem l-awtoritajiet u li jinformahom dwar il-bidliet fir-residenza, kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi.

    24.

    TL attenda personalment is-seduta li fiha ġiet evalwata l-imġiba tiegħu, u li fiha nstema’ u ġie difiż minn avukat. F’din il-proċedura kien hemm ukoll il-preżenza ta’ interpretu “maħtur sabiex jittraduċi l-atti tas-seduta”.

    25.

    Permezz tas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, li saret definittiva fis‑26 ta’ Settembru 2019, it-Tribunal judicial da comarca de Beja (il-Qorti Distrettwali ta’ Beja) ikkundannat lil TL għal piena ta’ tliet snin ħabs, iżda ssospendiet is-sentenza tiegħu.

    26.

    Id-Direção-Geral de Reinserção e Serviços Prisionais (id-Direttorat Ġenerali għall-Integrazzjoni mill-Ġdid u għas-Servizzi Penitenzjarji, il-Portugall) ipprova diversi drabi, mingħajr suċċess, li jillokalizza lil TL fl-indirizz indikat fid-DIR.

    27.

    Fis‑7 ta’ Jannar 2021, il-qorti li tat il-kundanna ħarġet digriet li bih ordnat lil TL sabiex jidher, sabiex tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti għas-sospensjoni tal-piena. Fit‑12 ta’ Jannar 2021, intbagħtitlu ċitazzjoni, permezz ta’ posta rreġistrata, fl-indirizz indikat fid-DIR. Fis‑6 ta’ April 2021, din iċ-ċitazzjoni reġgħet intbagħtet bl-istess mod.

    28.

    TL ma deherx quddiem il-qorti fid-data indikata fiċ-ċitazzjonijiet.

    29.

    Fid‑9 ta’ Ġunju 2021, it-Tribunal judicial da comarca de Beja (il-Qorti Distrettwali ta’ Beja) ħarġet digriet li permezz tiegħu rrevokat is-sospensjoni tal-kundanna ta’ TL u ordnat l-arrest tiegħu.

    30.

    Id-digriet ta’ revoka, imfassal bil-Portugiż u mingħajr traduzzjoni bir-Rumen, ġie nnotifikat fil‑25 ta’ Ġunju 2021, kemm fl-indirizz indikat fid-DIR kif ukoll lill-avukat ta’ TL. Billi ma ġiex ippreżentat appell fit-terminu stabbilit, dan sar finali fl‑20 ta’ Settembru 2021.

    31.

    Fit‑30 ta’ Settembru 2021, TL ġie arrestat sabiex jiskonta l-kundanna tiegħu. Minn din id-data huwa ġie mċaħħad mil-libertà tiegħu.

    32.

    Fil‑11 ta’ Ottubru 2021, TL ħatar avukat ġdid sabiex jassistih u, fit‑18 ta’ Novembru 2021, ippreżenta rikors fejn talab in-nullità tad-digriet li jagħtih l-istatus ta’ “konvenut”, tad-DIR, tad-digriet li fih ġie msejjaħ jidher quddiem il-qorti sabiex jiċċara ċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tas-sospensjoni tal-kundanna, tat-tentattivi ta’ notifika u tad-digriet ta’ revoka ta’ din is-sospensjoni.

    33.

    Insostenn tat-talba għal annullament ta’ dawn l-atti, TL iddikjara li ma kienx irċieva n-notifika billi kien mar jgħix f’residenza oħra. Ma kienx ikkomunika dan għaliex ma kienx jaf li kellu l-obbligu li jagħmel hekk, bħalma ma kienx jaf dwar il-konsegwenzi assoċjati ma’ dan in-nuqqas, minħabba l-fatt li d-DIR ma kinitx ġiet tradotta għar-Rumen.

    34.

    Il-Prosekutur Pubbliku oġġezzjona għat-talba għal annullament, billi argumenta li d-difetti allegati jistgħu, l-iktar, jikkostitwixxu każ ta’ nullità relattiva kif prevista fl-Artikolu 120 taċ-CPP, iżda li l-atti kienu ġew innotifikati lill-avukat ta’ TL, li la kien ikkontestahom u lanqas ma kien appella minnhom fit-terminu mogħti sabiex jagħmel dan.

    35.

    Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Novembru 2021, il-qorti li tat il-kundanna ċaħdet it-talba għal annullament, billi argumentat li ( 7 ):

    id-difetti li jirriżultaw min-nuqqas ta’ assistenza minn interpretu u ta’ traduzzjoni tad-DIR, kif ukoll tad-digriet ta’ revoka tas-sospensjoni tal-kundanna ta’ TL, jikkostitwixxu nuqqasijiet ta’ nullità relattiva li l-invokazzjoni tagħhom tista’ ssir biss permezz tal-eżerċizzju tar-rimedji legalment stabbiliti. Ladarba jiskadu t-termini sabiex jintużaw dawn ir-rimedji mingħajr ma jkun sar dan, huma jitqiesu li ġew irregolarizzati;

    TL attenda personalment il-proċess, instema’ u ġie difiż minn avukat. Id-dritt tiegħu li jieħu pożizzjoni dwar kull deċiżjoni li x’aktarx taffettwah personalment, li seta’ jiġi eżerċitat mill-avukat tiegħu, ġie rrispettat. L-avukat tiegħu rċieva n-notifiki kollha tal-atti proċedurali mwettqa matul il-proċedura, b’mod partikolari, tas-sentenza, tad-digriet li jiffissa s-seduta għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ konformità tas-sospensjoni tal-kundanna u tad-digriet ta’ revoka tagħha, u

    id-deċiżjonijiet kollha nnotifikati kisbu l-awtorità ta’ res judicata billi ma kinux appellati, b’tali mod li kwalunkwe difett proċedurali għandu jitqies li ġie rregolarizzat.

    36.

    Fid-dawl ta’ dan id-digriet, TL appella quddiem it-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora), li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikoli 1 [sa] 3 tad-Direttiva [2010/64] u l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2012/13], ikkunsidrati waħedhom jew flimkien mal-Artikolu 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali], jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola tad-dritt nazzjonali li timponi piena ta’ nullità relattiva, suġġett għall-invokazzjoni tagħha, minħabba l-assenza ta’ ħatra ta’ interpretu jew ta’ traduzzjoni tal-atti proċesswali [proċedurali] essenzjali għall-persuna li qed tiddefendi ruħha li ma tifhimx il-lingwa tal-kawża, u li tippermetti li din in-nullità tiġi rrettifikata bid-dekorriment taż-żmien?”

    III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    37.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2022.

    38.

    Fit‑12 ta’ Mejju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba għall-ipproċessar tar-rinviju bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

    39.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn TL, mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn it-tnejn tal-aħħar biss dehru fis-seduta li saret fis‑27 ta’ Ġunju 2022.

    IV. Evalwazzjoni

    A.   Osservazzjonijiet preliminari. Delimitazzjoni tas-suġġett tad-dibattitu

    40.

    Għalkemm TL talab in-nullità ta’ atti oħra tal-proċedura kriminali ( 8 ), it-tliet atti li fuqhom tiffoka l-qorti tar-rinviju huma: a) id-DIR; b) id-digriet li permezz tiegħu ġie msejjaħ jidher TL sabiex jiċċara ċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tas-sospensjoni tal-piena; u c) ir-revoka ta’ din is-sospensjoni ( 9 ).

    41.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari titlaq minn dawn il-premessi:

    id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2010/64 u 2012/13 huma applikabbli għall-kawża, minkejja l-fatt li dawn id-direttivi ma ġewx trasposti fid-dritt nazzjonali ( 10 );

    id-dispożizzjonijiet invokati għandhom “effett dirett vertikali”, bħala regoli ċari, preċiżi u inkundizzjonati li jagħtu drittijiet lill-individwi;

    it-tliet atti msemmija fil-punt 40 jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dokumenti essenzjali” tal-proċedura kriminali;

    in-nuqqas ta’ intervent ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni bir-Rumen tad-dokumenti li jikkorrispondu għal dawn l-atti jikkostitwixxi każ ta’ nullità relattiva (mhux assoluta) fost dawk elenkati fl-Artikolu 120 taċ-CPP;

    id-dubju huwa dwar jekk, kif iddeċidiet il-qorti tal-ewwel istanza, in-nullitajiet minħabba nuqqas ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni jistgħux jitqiesu bħala “koperti” min-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ appell utli mill-atti proċedurali korrispondenti.

    B.   Applikabbiltà tad‑Direttivi 2010/64 u 2012/13

    1. B’mod ġenerali

    42.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64 jirregola d-dritt għall-interpretazzjoni orali (ta’ dikjarazzjonijiet ukoll orali), filwaqt li l-Artikolu 3 jistabbilixxi d-dritt għat-traduzzjoni bil-miktub ta’ ċerti dokumenti essenzjali ( 11 ).

    43.

    Konformement mal-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2012/13, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom jingħataw informazzjoni fil-pront dwar iż-żewġ drittijiet (għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali).

    44.

    Kemm l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2010/64 kif ukoll l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 jistabbilixxu l-mumenti inizjali u ta’ tmiem tal-perijodu li matulu dawn għandhom jiġu applikati għall-proċeduri kriminali:

    il-punt tat-tluq inizjali huwa dak li fih l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jinformaw lil persuna, permezz ta’ notifika uffiċjali jew b’xi mezz ieħor, kemm jekk tkun issuspettata kif ukoll jekk tkun akkużata li wettqet reat kriminali;

    il-mument finali huwa dak meta “jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.

    45.

    F’din il-kawża, huwa importanti li jiġi kkunsidrat il-mument finali tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2010/64 u 2012/13, jiġifieri l-konklużjoni tal-proċedura, mifhuma fis-sens li għadu kif ġie espost. Għalhekk, iż-żewġ direttivi ma japplikawx għall-istadji ta’ wara l-għoti tas-sentenza (ħlief, loġikament, fir-rigward tal-appelli ppreżentati kontriha) li għalqet id-diskussjoni dwar it-twettiq tar-reat kriminali.

    46.

    Il-“fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra persuna kkundannata għal ksur kriminali”, għalkemm tagħmel parti mill-proċedura kriminali għal għanijiet oħra ( 12 ), għaldaqstant ma hijiex affettwata mid-Direttivi 2010/64 u 2012/13. Dan huwa minnu anki meta f’dan l-istadju jiġu adottati miżuri li jinvolvu restrizzjoni tal-libertà tal-persuna kkundannata, bħall-miżura inkwistjoni hawnhekk jew kwalunkwe waħda minn dawk li jiġu adottati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-piena f’ħabs (pereżempju, it-tneħħija tal-permessi għall-ħruġ, ir-revoka tal-eżekuzzjoni tal-piena f’ħabs miftuħ u miżuri oħrajn simili).

    47.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddefinixxi d-delimitazzjonijiet tal-applikabbiltà ta’ dawn iż-żewġ direttivi:

    l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal proċedura li “[s]seħħ, skont id-definizzjoni, wara l-istabbiliment definittiv tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata wettqitx ir-reat u, f’dan il-każ, wara l-kundanna tagħha” ( 13 );

    mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 “[…] isegwi li proċedura li ma għandhiex bħala suġġett id-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuna ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13” ( 14 ).

    48.

    L-esklużjoni tal-istadji ta’ wara l-għoti tas-sentenza ma hijiex nuqqas, iżda deċiżjoni konxja mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li rrifjuta li jestendi d-drittijiet irrikonoxxuti mid-direttivi msemmijin għal dawn l-istadji.

    49.

    Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-piena imposta wara d-dikjarazzjoni ta’ ħtija rrikonoxxuta fis-sentenza, id-Direttivi 2010/64 u 2012/13 ma jagħtux l-istess drittijiet lill-persuni kkundannati bħal dawk li jagħtu lill-persuni ssuspettati jew lil dawk akkużati.

    50.

    Konsegwentement, l-avvenimenti tas-sospensjoni tal-piena imposta, li huma diġà parti mill-istadju ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza (jiġifieri, wara li tingħata s-sentenza), ma humiex suġġetti għal dawn id-direttivi. Sabiex tiġi rrevokata s-sospensjoni mogħtija, iż-żewġ direttivi ma jirrikjedux li l-persuna kkundanata tgawdi mid-drittijiet li t-tnejn li huma għandhom l-għan jipproteġu.

    2. Fil‑kawża prinċipali

    51.

    F’dak li jikkonċerna din il-kawża, ir-redazzjoni tad-DIR (li huwa l-att l-iktar kontroversjali, billi huwa l-oriġini ta’ dak li ġara fl-istadju tas-sospensjoni tal-piena) seħħet f’mument qabel il-kawża u s-sentenza ta’ kundanna.

    52.

    Id-DIR ma għandhiex bħala għan “id-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali”, billi hija att ta’ verifika tal-identità u tar-residenza tal-“konvenut”, sabiex jintbagħtulu n-notifiki sussegwenti. Bl-istess mod, id-DIR ma tinfluwenzax neċessarjament id-deċiżjoni dwar jekk il-persuna akkużata wettqitx ir-reati li hija akkużata bihom.

    53.

    Madankollu, id-DIR jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi għal dawk li jiġu obbligati jagħmlu din id-dikjarazzjoni ( 15 ), li l-effikaċja tagħha testendi kemm għall-proċedura in absentia tal-persuna akkużata (possibbli, skont l-Artikolu 196(3)(d) taċ-CPP, jekk ma tikkonformax mal-obbligi inerenti għad-DIR) kif ukoll għar-revoka tas-sospensjoni tal-piena imposta, li huwa dak li ġara hawnhekk ( 16 ).

    54.

    Ir-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna ta’ TL hija, f’din il-kawża, inseparabbli mid-difetti tad-DIR: it-tnejn għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda jekk wieħed ma jkunx jixtieq li jkollu perċezzjoni distorta ta’ dak li ġara fil-proċedura kriminali ( 17 ).

    55.

    F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-impatt tad-DIR fuq il-proċeduri sussegwenti, jagħmel sens li l-qorti tar-rinviju tenfasizza l-importanza tagħha u tikklassifikaha bħala “dokument essenzjali”. It-traduzzjoni tagħha hija indispensabbli sabiex tiggarantixxi li l-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura kriminali jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt għad-difiża u s-salvagwardja tal-ġustizzja tal-proċeduri (Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”)).

    56.

    Għaldaqstant, meta wieħed iħares lejn id-DIR mill-perspettiva tad-deċiżjonijiet li magħhom, f’din il-kawża, hija relatata (speċifikament, ir-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna u d-dħul sussegwenti l-ħabs), inqis li TL kellu jkollu: a) interpretu li jippermettilu jkun jaf l-obbligi imposti f’din il-miżura, kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom; u b) it-traduzzjoni tad-DIR f’lingwa li kien jifhem.

    57.

    Fil-qosor, inqis li:

    bħala prinċipju, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2010/64 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 ma japplikawx għall-atti proċedurali fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza, li l-għan tagħha tkun ir-revoka tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-kundanna għal piena ta’ ċaħda tal-libertà.

    madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw meta dawn l-atti proċedurali jirriżultaw mill-ksur ta’ obbligu impost fid-DIR (fl-istadju ta’ qabel l-għoti ta’ sentenza), li l-konsegwenzi tiegħu ma setax ikun jafhom il-“konvenut” peress li ma kienx jaf il-lingwa li biha ġiet redatta d-DIR u l-kontenut tagħha ma kienx ġie tradott.

    C.   L‑effett dirett tad‑Direttivi 2010/64 u 2012/13

    58.

    Il-qorti tar-rinviju tassumi li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/64, kif ukoll l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2012/13 għandhom effett dirett.

    59.

    Jiena naqbel ma’ din l-evalwazzjoni, peress li dawn id-dispożizzjonijiet fihom dikjarazzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati indirizzati lill-Istati Membri, li l-awtoritajiet tagħhom, b’mod partikolari dawk ġudizzjarji, huma obbligati jiżguraw ir-rispett lejn id-drittijiet li jipproklamaw.

    60.

    Dawn l-artikoli, konsegwentement, għandhom effett dirett, b’mod li jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali.

    61.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64 jagħmel riferiment speċifiku għal tliet tipi ta’ dokumenti essenzjali [jiġifieri, “kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza” (punt 2)) ( 18 ), iżda jħalli l-bieb miftuħ għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddeċiedu “jekk huwiex essenzjali kwalunkwe dokument ieħor” (punt 3) ( 19 ).

    62.

    Ikkonfigurat b’dan il-mod, inqis li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64 huwa wkoll dispożizzjoni preċiża u inkundizzjonata, anki jekk il-lista tad-dokumenti essenzjali li tistabbilixxi ma hijiex waħda eżawrjenti u oħrajn għajr dawk indikati jistgħu jiġu kkunsidrati bħala tali, skont l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja. Huwa d-dritt ta’ kwalunkwe persuna ssuspettata jew akkużata li jkollha traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti kollha, irrispettivament minn liema jkun il-punt tal-Artikolu 3 tad-direttiva li jikkorrispondu għalih.

    D.   Ksur tad‑drittijiet għall‑interpretazzjoni, għat‑traduzzjoni u għall‑informazzjoni dwar dawn iż‑żewġ drittijiet

    63.

    Il-qorti tar-rinviju taċċetta, kif għamlet diġà l-qorti tal-ewwel istanza, li d-drittijiet ta’ TL għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2010/64, inkisru f’dan il-każ.

    64.

    Madankollu, minkejja l-kwotazzjoni espressis verbis tagħha, id-deċiżjoni tar-rinviju tagħti inqas attenzjoni lill-ksur possibbli tad-dritt għall-informazzjoni minqux fid-Direttiva 2012/13.

    65.

    Ser nagħmel riferiment għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ ksur b’mod separat.

    1. Drittijiet għall‑interpretazzjoni u għat‑traduzzjoni

    66.

    Il-konstatazzjoni, mill-qrati tal-ewwel istanza u tar-rinviju, li l-ksur ta’ dawn id-drittijiet seħħ, teżentani milli nikkummenta iktar dwar dan.

    67.

    Fir-rigward tat-traduzzjoni, id-“dokumenti essenzjali” tal-proċedura kriminali għandhom jiġu pprovduti lill-persuni ssuspettati jew akkużati flimkien ma’ verżjoni bil-lingwa li huma jifhmu. Peress li d-Direttiva 2010/64 “ma tagħmel ebda riferiment għad‑drittijiet nazzjonali, għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni [li] għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit‑territorju tagħha” ( 20 ).

    68.

    Diġà sostnejt li ma hemm l-ebda ostakolu li jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tiddikjara li d-DIR hija dokument essenzjali f’din il-kawża.

    69.

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni orali, persuna akkużata li ma tkunx taf jew ma tifhimx sew il-lingwa tal-att li fih hija obbligata tagħti d-DIR għandha tiġi pprovduta b’interpretu li jippermettilha tifhem it-tifsira tagħha.

    70.

    Fir-realtà, l-obbligu li jinħatar interpretu għad-DIR ġej, mingħajr problemi kbar ta’ interpretazzjoni, mhux biss mid-Direttiva 2010/64, iżda wkoll mid-dritt nazzjonali (Artikolu 92 taċ-CPP). Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni proċedurali Portugiża dwar l-interpretazzjoni, fi kwalunkwe att proċedurali, tippermetti l-protezzjoni tad-dritt korrelattiv tal-persuna li ma tifhimx il-lingwa Portugiża ( 21 ). Ikun każ ieħor jekk, fil-prattika proċedurali, dan id-dritt jiġix irrispettat de facto mid-dritt nazzjonali nnifsu jew le.

    2. Dritt għall‑informazzjoni

    71.

    Għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħti inqas attenzjoni lill-informazzjoni dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni f’lingwa li tinftiehem għall-persuna akkużata jew għall-persuna ssuspettata, għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni tagħhom għal din il-kawża.

    72.

    Id-dritt għall-informazzjoni huwa direttament relatat mar-regoli tad-Direttiva 2010/64 ( 22 ). Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, “[għandha l]-mira […] li tiżgura d-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali bil-ħsieb li tiżgura d-dritt tagħhom għal proċess ġust” ( 23 ).

    73.

    Id-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni huwa rrikonoxxut għal kull persuna ssuspettata jew akkużata mill-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2012/13.

    74.

    Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni proċedurali kriminali Portugiża tippermetti r-rispett ta’ dan id-dritt għall-informazzjoni, jekk l-Artikolu 61(1)(h) taċ-CPP jiġi debitament applikat. Għal darba oħra, l-ebda tfixkil mhu ser ikun attribwibbli għar-regola nnifisha, iżda ser ikun attribwibbli għall-prassi tal-applikazzjoni tagħha.

    75.

    Sa fejn l-Artikolu 61(1)(h) taċ-CPP jirrikonoxxi lill-“konvenut” id-dritt li jkun informat, mill-awtorità ġudizzjarja jew mill-korp tal-pulizija kriminali li quddiemhom dan huwa obbligat jidher, dwar id-drittijiet li huwa intitolat għalihom, l-interpretazzjoni tiegħu konformement mad-Direttiva 2012/13 għandha twassal lil dawk l-awtoritajiet sabiex jinformaw lil din il-persuna li ser ikollha interpretazzjoni u traduzzjoni skont id-Direttiva 2010/64.

    76.

    Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel tali konstatazzjoni, kollox jissuġġerixxi li, f’din il-kawża, dan id-dritt għall-informazzjoni kien ġie injorat mill-mument li fih id-DIR saret mingħajr l-intervent ta’ interpretu tar-Rumen. L-assenza tiegħu, għaldaqstant, fissret li TL ma setax ikun jaf id-drittijiet tiegħu f’dan l-att ġudizzjarju.

    E.   Nullità marbuta mal‑ksur tad‑drittijiet irrikonoxxuti mid‑Direttivi 2010/64 u 2012/13

    77.

    Id-Direttivi 2010/64 u 2012/13 ma fihom l-ebda regola li skontha l-ksur tad-drittijiet irrikonoxxuti fiha għandu jwassal, bħala konsegwenza inevitabbli, għad-dikjarazzjoni ta’ nullità assoluta tal-atti ta’ proċedura kriminali li wettqu dan il-ksur.

    78.

    Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, “fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività)” ( 24 ).

    79.

    Għalhekk, f’din il-kawża, dak li huwa rilevanti huwa li r-regoli nazzjonali jiggarantixxu l-possibbiltà lill-persuni akkużati u lil dawk issuspettati li jirreaġixxu legalment għall-ksur tad-drittijiet minquxa fid-Direttivi 2010/64 u 2012/13, sabiex dawn id-drittijiet jipprevalu.

    80.

    Skont id-digriet tar-rinviju, l-applikazzjoni taċ-CPP tiddetermina li l-ksur ta’ dawn id-drittijiet jinvolvi n-nullità (relattiva) tal-atti proċedurali korrispondenti, li għandha tintalab mill-persuni kkonċernati.

    81.

    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 120(2)(c) taċ-CPP, in-nullità relattiva hija s-sanzjoni prevista għan-nuqqas ta’ ħatra ta’ interpretu, meta l-liġi (f’dan il-każ, id-direttiva) tqisu bħala obbligatorju. Bħalma pproponejt għal dispożizzjoni oħra taċ-CPP ( 25 ), din l-istess sanzjoni għandha tiġi applikata għan-nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ dokument essenzjali tal-proċedura.

    82.

    Fl-astratt, l-iskema proċedurali kriminali stabbilita mill-Artikoli 119 u 120 taċ-CPP ma hijiex, fil-fehma tiegħi, oġġezzjonabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-klassifikazzjoni ta’ “nullitajiet irrimedjabbli” għal dawk li jkunu ġejjin minn ċerti difetti u jagħtu l-klassifikazzjoni ta’ “nullitajiet suġġetti għal kontestazzjoni” lil dawk li jkunu ġejjin minn oħrajn, sakemm jinżammu l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

    83.

    Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ prinċipji:

    l-Artikoli 119 u 120 taċ-CPP japplikaw irrispettivament minn jekk id-difetti tal-att proċedurali jkunx ġej mill-ksur ta’ regola nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni, u għalhekk dan il-ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa eskluż.

    bħala regola ġenerali, ma hemm xejn x’jipprekludi li d-dikjarazzjoni ta’ nullità tiġi suġġetta għall-kontestazzjoni tal-att mill-persuna kkonċernata. Madankollu, ir-rekwiżit indispensabbli sabiex tkun possibbli tali kontestazzjoni (jiġifieri, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività) huwa li l-persuna kkonċernata tkun konxja, b’ċertezza suffiċjenti, dwar il-kontenut ta’ dan l-att, sa fejn jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi tagħha.

    84.

    Jekk il-persuna akkużata jew issuspettata ma tkunx f’pożizzjoni li tifhem it-tifsira tal-att proċedurali msemmi u tal-implikazzjonijiet tiegħu, minħabba li ma tkunx taf il-lingwa tal-proċedura kriminali, il-possibiltajiet li tikkontestah b’mod effettiv sabiex tivverifika n-nullità (relattiva) tiegħu, huma illużorji.

    85.

    Minn dan isegwi li, bħala regola, il-prinċipju ta’ effettività ma huwiex osservat minn regola nazzjonali (f’dan il-każ, l-Artikolu 120 taċ-CPP) li jissuġġetta għal terminu l-kontestazzjoni ta’ att invalidu, li l-kontenut tiegħu, fl-assenza ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni f’lingwa li l-persuna tifhem, ma jistax jiġi mifhum mill-persuna li lilha jkun indirizzat.

    86.

    F’din l-ipoteżi, l-effettività tad-dritt għat-traduzzjoni u għall-interpretazzjoni, protett mid-Direttiva 2010/64, u tad-dritt għall-informazzjoni, iggarantit mid-Direttiva 2012/13, teħtieġ li t-terminu sabiex jiġi kkontestat l-att ivvizzjat minn nullità relattiva jibda jiddekorri mill-mument li fih il-persuna kkonċernata ssir konxja bis-sħiħ dwar il-kontenut tiegħu, f’lingwa li hija tifhem ( 26 ).

    87.

    Li kieku kien mod ieħor, jinkiser l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt għal smigħ ġust u r-rispett tad-dritt għad-difiża tal-persuna akkużata ( 27 ).

    F.   Nullità u assistenza ta’ avukat

    88.

    Għalkemm, fil-formulazzjoni tagħha, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija limitata għad-determinazzjoni tal-inkompatibbiltà possibbli mad-Direttivi 2010/64 u 2012/13 ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta n-nuqqas ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni ta’ atti proċedurali essenzjali għan-nullità relattiva, fil-kawża u fis-seduta ġew enfasizzati fatturi oħrajn li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti.

    89.

    L-ewwel wieħed huwa li, bħalma huwa inferit mid-deċiżjoni tar-rinviju, TL ġie assistit minn avukat li lilu ġew innotifikati d-deċiżjonijiet fundamentali (fosthom, l-ordni ta’ revoka tas-sospensjoni tal-piena), iżda huwa ma appellax minnhom ( 28 ).

    90.

    Ċertament, l-avukat ta’ TL seta’ jikkontesta kwalunkwe waħda minn dawn id-deċiżjonijiet fit-terminu korrispondenti, billi jargumenta li kienu nulli minħabba li l-klijent tiegħu, preċiżament minħabba l-assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni tad-dokumenti, ma setax ikun jaf dwar l-obbligi li kien qiegħed jassumi meta għamel id-DIR.

    91.

    L-intervent tal-avukat huwa previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13: il-persuna ssuspettata jew akkużata, jew l-avukat tagħha, għandhom “id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni” dwar id-dritt tagħha għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni.

    92.

    Id-dritt għall-kontestazzjoni jingħata, għaldaqstant, mhux biss lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata, iżda wkoll lill-avukat tagħha, skont ir-regoli nazzjonali. Għalkemm l-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, kollox jidher li jindika li hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2012/13.

    93.

    It-tieni fattur, marbut ma’ ta’ qablu, huwa li l-passività tal-avukat ta’ TL fissret li l-atti proċedurali li kienu restrittivi għall-klijent tiegħu (b’mod partikolari, l-ordni ta’ revoka tas-sospensjoni tal-kundanna) ma ġewx appellati, minkejja n-nullità ovvja tagħhom ( 29 ).

    94.

    Infakkar, f’dan ir-rigward, li, apparti l-assistenza tal-avukat, hija l-awtorità ġudizzjarja li għandha tiggarantixxi li l-persuna ssuspettata jew akkużata (f’din il-kawża, il-“konvenut”) tirċievi l-informazzjoni xierqa dwar id-dritt tagħha għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni. Id-dritt li tinkiseb din l-informazzjoni ġej direttament mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, huwa minqux fl-Artikolu 61 taċ-CPP u huwa rrikonoxxut għall-persuna akkużata jew issuspettata bħala l-persuna kkonċernata, jiġifieri, irrispettivament jekk tkunx assistita minn avukat jew le.

    95.

    B’hekk, l-assistenza tal-avukat ma teżentax lill-awtoritajiet ġudizzjarji, jew lill-awtoritajiet tal-pulizija, fejn xieraq, milli jinformaw lill-persuna kkonċernata dwar id-dritt tagħha għat-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali tal-proċedura kriminali u għall-interpretazzjoni, f’lingwa li hija tifhem, tad-dikjarazzjonijiet orali ( 30 ).

    G.   Ir‑res judicata

    96.

    Fl-ipoteżi li s-sistema proċedurali kriminali Portugiża ma tipprevedix mekkaniżmi għar-reviżjoni ( 31 ) ta’ atti vvizzjati bin-nullità relattiva li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ikunx għadu possibbli li tiġi kkunsidrata mill-ġdid deċiżjoni nulla bħal dik inkwistjoni hawnhekk, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tas-sitwazzjoni li tirriżulta mad-dritt tal-Unjoni ( 32 ).

    97.

    Mingħajr ma rrid nissostitwixxiha f’din l-evalwazzjoni, nistaqsi jekk ir-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà, fir-realtà tgawdix mill-karatteristiċi tar-res judicata jew, għall-kuntrarju, tistax tiġi emendata fl-interess tal-prinċipji sottostanti tas-sospensjoni kundizzjonali tal-piena.

    98.

    B’mod ġenerali, dawn il-prinċipji huma ispirati mir-rieda li tiġi llimitata s-sentenza penitenzjarja, għal ċerti reati, jekk ikun hemm prospett raġonevoli ta’ riabilitazzjoni futura u jkun preżunt li l-persuna kkundannata ma tkunx ser twettaq reati addizzjonali. Il-qrati għandhom, ukoll b’mod ġenerali, setgħat wiesgħa sabiex jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jinbidlu, jekk hemmx lok għas-sospensjoni tal-kundanna f’mument jew ieħor, mingħajr ma jkunu neċessarjament marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti, meħuda fid-dawl tal-fatturi li kienu jipprevalu f’dak il-mument.

    99.

    Minn din il-perspettiva, ma nemminx li jkun hemm diffikultajiet sabiex l-istess qorti li, mingħajr ma semgħet lill-persuna kkonċernata, ipproċediet għar-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna tagħha, wara tiddeċiedi, fuq it-talba tagħha u ladarba tisma’ r-raġunijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tad-DIR, li tissospendi mill-ġdid l-iskontar tal-piena ta’ ħabs.

    100.

    B’dan il-mod, il-qorti li ssospendiet il-kundanna tista’ tispira ruħha, salv għal xi differenzi eżistenti, mill-kriterji li, skont id-Direttiva (UE) 2016/343 ( 33 ), jirregolaw il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali meta l-persuna kkundannata ġiet iġġudikata in absentia ( 34 ).

    101.

    Huwa minnu li d-Direttiva 2016/343, fir-rigward tad-dritt li wieħed ikun preżenti fil-kawża, ma tapplikax għas-sospensjoni tal-kundanna (li, b’definizzjoni, isseħħ wara l-kawża). Madankollu, meta, bħalma jseħħ hawnhekk, tkun qiegħda tiġi diskussa deċiżjoni proċedurali li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà u l-persuna kkonċernata ma setgħetx, mingħajr ebda ħtija min-naħa tagħha, tiġi informata dwar id-dritt tagħha li tinstema’ qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ( 35 ), inqis li d-Direttiva 2016/343 tipprovdi kriterji li hawnhekk jistgħu jiġu estrapolati b’analoġija.

    102.

    L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, fil-każ ta’ persuna li ma dehritx, minħabba raġuni lil hinn mill-kontroll tagħha, fis-seduta dwar ir-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna tagħha (billi ma tafx il-lingwa tal-proċedura u ma kellhiex it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, ma kinitx konxja dwar l-obbligi li jirriżultaw mid-DIR), tfisser li, ladarba ssir is-seduta u wara li tinstab, għandha tiġi informata dwar l-atti mwettqa fl-assenza tagħha. Minn dan il-mument, hija tista’ tiddeċiedi li jew ma hijiex se tinvoka din l-assenza għall-kontestazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, jew inkella li tixtieq li dan l-att jiġi rrepetut sabiex tipparteċipa fih ( 36 ).

    103.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li l-protezzjoni li, fl-interessi taċ-ċertezza legali, hija pprovduta permezz tan-natura irriversibbli inerenti fl-awtorità tar-res judicata ma hijiex estiża, fil-fehma tiegħi, għal deċiżjonijiet ġudizzjarji bħal dik f’din il-kawża, adottati fl-assenza tal-persuna kkonċernata, meta din, mingħajr ebda ħtija, ma kinitx taf dwar l-obbligu (li ma tibdilx ir-residenza) li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu wassal għaċ-ċaħda tal-libertà tagħha.

    104.

    Jekk il-qorti tar-rinviju, minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tinsisti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kontenzjużi jgawdu mill-awtorità tar-res judicata, għandu jiġi ddeterminat sa liema punt ir-res judicata tikkostitwixxi ostakolu insormontabbli għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, li l-ksur tagħhom huma rrikonoxxuti mill-qorti tar-rinviju nnifisha.

    105.

    Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-trattament tar-res judicata bħala limitu għas-supremazija tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, għadu ma laħaqx il-maturità suffiċjenti sabiex jiċċara d-dubji kollha li tqajjem din l-istituzzjoni, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 37 ).

    106.

    Fl-ewwel approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-awtorità tar-res judicata, korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tista’ tipprevali fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn marbuta mal-ksur tar-regoli tal-Unjoni, b’mod li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali, minħabba li ma jkunux ġew ikkontestati fit-terminu legalment previst, ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati ( 38 ).

    107.

    Madankollu, b’iktar ċarezza mis-sentenza Lucchini ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja dderogat mill-prevalenza assoluta tar-res judicata, billi estendiet għal dan il-kuntest ir-rilevanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, li jirregolaw l-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u r-regoli tal-Istati Membri adottati skont l-awtonomija proċedurali tagħhom ( 40 ).

    108.

    Sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ) wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għan-natura irriversibbli tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom l-awtorità tar-res judicata, billi bbażaw ruħhom, preċiżament, fuq il-prinċipju ta’ effettività sabiex jevitaw l-inapplikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 42 ).

    109.

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi l-analiżi tar-regoli interni fid-dawl tal-post tagħhom fil-proċedura fl-intier tagħha. Għandhom “jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali kkonċernata, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura” ( 43 ).

    110.

    Issa, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jinvolvi l-ksur tal-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta, li jistabbilixxu d-dritt għal smigħ ġust u r-rispett tad-dritt għad-difiża tal-persuna akkużata, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li dawn id-drittijiet ma jiġux miċħuda mis-sustanza tagħhom u għandha ssib soluzzjoni proċedurali fl-ordinament ġuridiku tagħha stess li tippermetti li dawn ikollhom effett.

    111.

    Matul is-seduta, il-Gvern Portugiż insista li tali soluzzjoni tista’ tinstab fiċ-CPP nnifsu, li jawtorizza lill-qorti li tkun tat il-kundanna terġa’ tikkunsidra r-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna, anki jekk ma tkunx ġiet appellata fit-terminu stabbilit.

    V. Konklużjoni

    112.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora, il-Portugall) li:

    “Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, u d-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali:

    ma japplikawx għal atti proċedurali sussegwenti għad-deċiżjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata wettqitx il-reat kriminali li għalih tkun qiegħda tiġi ġġudikata;

    madankollu, huma japplikaw għal atti proċedurali preċedenti għad-deċiżjonijiet finali msemmija, kif ukoll għall-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom għal atti sussegwenti, meta fl-ewwel atti jkunu nkisru d-drittijiet korrispondenti.

    huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona b’nullità relattiva, li għandha tiġi invokata, in-nuqqas ta’ ħatra ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni ta’ atti proċedurali essenzjali, meta persuna akkużata jew issuspettata ma tkunx tifhem il-lingwa tal-proċedura, sakemm: a) it-terminu raġonevoli sabiex jiġi kkontestat l-att null jibda jiddekorri mill-mument li fih din il-persuna tiġi informata, bil-lingwa li hija tifhem, dwar id-dritt tagħha għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni; u b) l-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu d-dritt għal smigħ xieraq u r-rispett tad-dritt għad-difiża tal-persuna akkużata” jiġu rrispettati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

    ( 4 ) Koċidi tal-Proċedura Kriminali, DL Nru 78/87, tas‑17 ta’ Frar (iktar ’il quddiem, iċ-“CPP”).

    ( 5 ) Dawn il-każijiet, flimkien ma’ dawk li huma rilevanti, indikati f’dispożizzjonijiet legali oħrajn huma: a) in-nuqqas tan-numru ta’ mħallfin jew ġurati li għandhom jikkostitwixxu l-qorti, jew il-ksur tar-regoli legali dwar il-mod tad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni rispettiva tagħhom; b) in-nuqqas mill-Uffiċċju tal-Prosekutur li jipproċedi bil-proċeduri, skont l-Artikolu 48 taċ-CPP, kif ukoll l-assenza tiegħu fl-atti li għalihom huwa meħtieġ jidher; c) l-assenza tal-persuna akkużata jew tad-difensur tagħha, fil-każijiet li fihom il-liġi teżiġi li jidhru rispettivament; d) in-nuqqas ta’ investigazzjoni jew ta’ istruzzjoni, fil-każijiet li fihom il-liġi tiddetermina li huma obbligatorji; e) il-ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 32(2); f) l-użu tal-proċeduri speċjali, barra l-każijiet previsti mil-liġi.

    ( 6 ) Digriet tar-rinviju, Taqsima II.III. Fl-istess taqsima, iktar ’il quddiem jista’ jinqara li ma kien ġie maħtur l-ebda interpretu sabiex jassisti lill-“konvenut” f’dan l-att u lanqas fid-DIR.

    ( 7 ) Punt I. II tad-deċiżjoni tar-rinviju

    ( 8 ) B’mod partikolari, mid-digriet li jagħtih l-istatus ta’ “konvenut” u miċ-ċitazzjonijiet sabiex jidher (ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 9 ) Il-qorti tal-ewwel istanza, li kkonstatat li TL kien invoka n-nullità tad-DIR, tan-notifika li saret, bil-lingwa Portugiża, konformement mal-Artikolu 495(2) taċ-CPP, u tad-digriet ta’ revoka tas-sospensjoni tal-piena, iddeċidiet fuq l-istess linji.

    ( 10 ) Skont id-digriet tar-rinviju, iż-żewġ direttivi ma ġewx trasposti formalment, bħala tali, fid-dritt Portugiż qabel id-data prevista għat-traspożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tindika (nota ta’ qiegħ il-paġna 3 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) li, fl‑2021, hija bdiet proċeduri ta’ ksur kontra l-Portugall minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni adegwata ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż sostna li l-applikazzjoni, fil-prattika, tar-regoli taċ-CPP hija konformi mal-kontenut tad-Direttivi 2010/64 u 2012/13.

    ( 11 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 30).

    ( 12 ) Insostenn tat-teżi opposta, il-Kummissjoni tinvoka l-punti 54 u 55 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), dwar il-mandati ta’ arrest u ta’ konsenja. Il-punt 54 ta’ din is-sentenza jipprovdi li t-terminu “‘proċedura’, […] huwa ddefinit b’mod wiesa’, possibbilment ikopri l-proċedura kriminali kollha, jiġifieri l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess kriminali nnifsu u l-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra persuna kkundannata għal ksur kriminali”.

    ( 13 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423), punt 37; Enfasi miżjuda minni.

    ( 14 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija) (C‑203/20, EU:C:2021:1016), punt 70.

    ( 15 ) Iċ-CPP jinkludi d-DIR fost il-“miżuri ta’ infurzar”.

    ( 16 ) Fil-każ ta’ kundanna, l-effetti tad-DIR jinżammu sakemm tintemm il-piena.

    ( 17 ) Rabta simili bejn atti proċedurali tista’ tinstab fis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes, (C‑278/16, EU:C:2017:757), (punti 30 u 31).

    ( 18 ) Konformement mal-punti 44 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li deċiżjoni “li [ċċaħħad] lil persuna mil-libertà tagħha” għandha tiġi mifhuma, f’dan il-kuntest, bħala kwalunkwe waħda minn dawk maħruġa qabel is-sentenza, u mhux dawk maħruġa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza. Inkella, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/64 jinqabeż.

    ( 19 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686), punt 50: “[h]ija […] il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-proċedura applikabbli għad-digriet kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, […] li għandha tiddetermina jekk l-oppożizzjoni magħmula bil-miktub kontra digriet kriminali għandhiex titqies bħala dokument essenzjali li t-traduzzjoni tiegħu hija neċessarja”.

    ( 20 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132), punt 15.

    ( 21 ) L-Artikolu 92 taċ-CPP jagħmel riferiment biss għall-interpretazzjoni (orali) u mhux għat-traduzzjoni (bil-miktub). Ma għandux ikun hemm diffikultajiet eċċessivi għar-rimedju ta’ din l-insuffiċjenza, relatata mad-Direttiva 2010/64, billi jintuża l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni, b’mod li r-regola ta’ dan l-artikolu tiġi estiża, b’analoġija, għat-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali tal-proċedura, bħalma sostna l-Gvern Portugiż fis-seduta. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 taċ-CPP għandha ssir, madankollu, mill-qrati Portugiżi biss.

    ( 22 ) Premessa 25 tad-Direttiva 2012/13.

    ( 23 ) Premessa 14 tad-Direttiva 2010/64. Fil-lista tad-drittijiet proċedurali tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/13, li hija kumulattiva, id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni għandhom irwol fundamentali: mingħajrhom, l-informazzjoni dwar id-drittijiet l-oħra tista’ ssir ineffettiva.

    ( 24 ) Prinċipji mfakkra fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet tal-aċċess għad-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152) u riprodotti fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258), punt 127. Iż-żewġ sentenzi jikkonċernaw l-ammissibbiltà ta’ ċerti provi miksuba, fil-proċeduri kriminali, bi ksur tar-regoli tal-Unjoni. Id-duttrina tista’ tiġi trasposta mutatis mutandis, għal ksur ieħor tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għall-proċeduri kriminali.

    ( 25 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma (punt 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) u żżid li “l-qorti tar-rinviju tidher li tibda mill-prinċipju li din id-dispożizzjoni [l-Artikolu 120(2)(c) taċ-CPP] tista’ tiġi applikata, b’analoġija, għan-nuqqas ta’ traduzzjoni”.

    ( 26 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż sostna li ċ-CPP mhux biss jawtorizza dan, iżda li l-qorti, jekk tqis li kien hemm ksur bħal dak li seħħ hawnhekk, għandha tadotta l-miżuri xierqa sabiex tirrimedja l-ksur li seħħ.

    ( 27 ) Il-premessa 5 tad-Direttiva 2010/64 tipprovdi li “[d]in id-Direttiva tirrispetta dawk id-drittijiet u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ”.

    ( 28 ) Madankollu, waqt is-seduta, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Portugiż sostnew li meta ġiet redatta d-DIR lanqas ma kien hemm l-assistenza ta’ avukat. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika dan.

    ( 29 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li, skont l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, persuna akkużata għandha d-dritt għal assistenza legali li tkun prattika u effettiva, u mhux teoretika jew illużorja. Ma jistax jingħad li hemm assistenza ġuridika effettiva meta l-avukat maħtur jevadi l-obbligi tiegħu. Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ Lulju 2011, Huseyn et vs L‑Azerbajġan (CE:ECHR:2011:0726JUD003548505), § 180.

    ( 30 ) Fis-seduta, il-Gvern Portugiż sostna li l-intervent ta’ avukat ma jissostitwixxix in-neċessità, stabbilita fl-Artikolu 63(1) taċ-CPP, li ċerti atti proċedurali jkunu kkomunikati personalment lill-persuna ssuspettata jew akkużata b’mod li hija tifhimhom.

    ( 31 ) Tali rimedju jfisser rimedju straordinarju li, f’xi ordinamenti ġuridiċi, jippermetti l-kontestazzjoni ta’ atti proċedurali finali, għal raġunijiet speċifikati.

    ( 32 ) Kif sostna l-Gvern Portugiż fis-seduta, il-qorti li tat il-kundanna, minkejja l-fatt li ma ġiex ippreżentat appell fit-terminu dovut, għandha tali setgħat.

    ( 33 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

    ( 34 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 għall-persuni kkundannati in absentia.

    ( 35 ) L-Artikolu 495(2) taċ-CPP jeħtieġ li l-persuna kkundannata tinstema’ meta tittieħed deċiżjoni dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet tas-sospensjoni tal-piena.

    ( 36 ) Din hija s-sitwazzjoni li kien hemm fil-kawża tas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94), punt 49.

    ( 37 ) Ara Turmo, A.: “National res iudicata in the European Union: revisiting the tension between the temptation of effectiveness and the acknowledgement of domestic procedural law”, Common Market Law Review, 2021, vol. 58, Nru 2, p. 361 sa 390.

    ( 38 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dwar “l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jiġu kkontestati iktar deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali […] wara li jkun skada t-terminu previst għal dawn ir-rimedji”. Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662), punt 28.

    ( 39 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007 (C‑119/05, EU:C:2007:434), punt 63: id-dritt tal-Unjoni “jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-għan li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata bħal ma huwa l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, safejn l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat bi ksur tad-dritt Komunitarju, u fejn l-imkompatibbiltà mas-suq komuni tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva”.

    ( 40 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067), punt 54: “fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata jaqa’ taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, fl-osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u tal-effettività”.

    ( 41 ) Sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260) punti 95 u 96; tas‑17 ta’ Mejju 2022, MA (C‑600/19, EU:C:2022:394); SPV Project 1503 et (C‑693/19. EU:C:2022:395); Impuls Leasing România (C‑725/19: EU:C:2022:396); u Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397).

    ( 42 ) Normalment ma jkunx hemm problemi relatati mal-prinċipju ta’ ekwivalenza: l-awtorità tar-res judicata tapplika irrispettivament minn jekk japplikawx id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, sabiex il-ksur ta’ dan il-prinċipju jkun eskluż.

    ( 43 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662), punti 3637. Enfasi miżjuda minni.

    Top