Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0218

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2023.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:465

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑8 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑218/22

BU

vs

Comune di Copertino

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Lecce (Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal benefiċċji bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas mhux użat qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg – Riskju ta’ “monetizzazzjoni” – Regolamentazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-benefiċċji bħala kumpens sabiex jiġu kkontrollati l-ispejjeż pubbliċi – Oneru tal-prova tal-inkapaċità li jittieħed leave matul l-impjieg)

I. Introduzzjoni

1.

Il-ħaddiema għandhom dritt għall-monetizzazzjoni tal-leave annwali bil-ħlas mhux użat tagħhom? Fi kliem ieħor, jistgħu jiddeċiedu li ma jużawx id-dritt tagħhom għall-mistrieħ mix-xogħol u minflok jużaw l-ekwivalenti monetarju fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom? Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi lill-Istati Membri milli jintroduċu miżuri intiżi biex jipprevjenu lill-ħaddiema milli jkollhom għażla ta’ dan it-tip?

2.

Dawn huma d-domandi li joriġinaw mill-kawża pendenti quddiem it-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, f’din il-kawża. Din il-qorti tipprova, essenzjalment, tistabbilixxi sa fejn id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 2 ) tipprevjeni l-“monetizzazzjoni” tal-leave annwali bil-ħlas, jiġifieri l-konverżjoni f’somma ta’ flus tad-dritt(ijiet) mhux użat(i) għal-leave annwali bil-ħlas.

3.

Din id-domanda tqum mit-tilwima bejn BU, li kien impjegat bħala uffiċjal minn Frar 1992 sa Ottubru 2016, u min kien jimpjegah, il-Comune di Copertino (il-Komun ta’ Copertino, l-Italja) ( 3 ). BU jitlob ir-rikonoxximent tad-dritt għal benefiċċji bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li huwa ma kienx ħa matul l-impjieg tiegħu.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.

BU, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, okkupa l-pożizzjoni ta’ “Istruttore Direttivo Tecnico” (“Maniġer Tekniku għax-Xogħlijiet Pubbliċi”) bħala impjegat taċ-ċivil minn Frar 1992 sa Ottubru 2016, fil-Muniċipalità ta’ Copertino.

5.

Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Marzu 2016 indirizzata lill-Muniċipalità ta’ Copertino, BU rriżenja volontarjament sabiex jirtira kmieni ( 4 ), u għalhekk is-servizz tiegħu effettivament intemm fl‑1 ta’ Ottubru 2016.

6.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, BU jsostni li, matul il-perijodu 2013–2016, il-leave annwali bil-ħlas mhux użat tiegħu kien jammonta għal 79 ġurnata. Huwa għalhekk jitlob kumpens finanzjarju għal dawn il-ġranet, billi jqis li ma kienx f’pożizzjoni li jibbenefika minn dan il-leave annwali meta kien fis-servizz ( 5 ).

7.

Il-Muniċipalità ta’ Copertino twieġeb li BU kien jaf bl-obbligu tiegħu li jieħu l-ġranet tal-leave li kien fadallu u li ma setgħux jiġu monetizzati ( 6 ). Għalhekk, huwa jinvoka r-regola prevista fl-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Taljan 95 ( 7 ), li tipprovdi li l-impjegati tas-settur pubbliku għandhom jieħdu l-leave annwali tagħhom konformement mar-regoli tal-amministrazzjoni li fihom huma impjegati u li fl-ebda każ ma għandhom dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux użat. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata għal raġunijiet relatati ma’ bidla fil-post tax-xogħol, riżenja, terminazzjoni jew irtirar.

8.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-liġi inkwistjoni kienet tifforma parti mill-pakkett adottat wara l-kriżi finanzjarja dinjija tal‑2008, bl-għan ta’ kontroll aħjar tal-baġit u tal-iffrankar finanzjarju fis-settur pubbliku. Tali għan huwa kkonfermat ukoll mit-titolu tad-dispożizzjoni rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, intitolat “Tnaqqis tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet ta’ servizzi pubbliċi”.

9.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), fis-sentenza tagħha Nru 95/2016 ( 8 ), ċaħdet bħala infondati t-talbiet intiżi biex tiġi kkontestata l-kostituzzjonalità tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95. Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tat l-interpretazzjoni tagħha stess tad-dispożizzjoni inkwistjoni u qieset li, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, hija la tikser il-Kostituzzjoni Taljana u lanqas id-dritt tal-Unjoni applikabbli. Din il-qorti qieset li l-prevenzjoni tal-monetizzazzjoni mingħajr kontroll tal-leave kellha għanijiet oħra minbarra dak li trażżan l-infiq pubbliku. Dawk l-għanijiet jinkludu l-affermazzjoni mill-ġdid tal-importanza tat-teħid effettiv tal-leave annwali u l-promozzjoni ta’ ppjanar razzjonali tal-leave annwali bil-ħlas. F’din il-perspettiva, ir-regola inkwistjoni ġiet interpretata fis-sens li tipprojbixxi l-kumpens finanzjarju fil-każijiet fejn kien possibbli li jiġi ppjanat l-użu tal-leave fi żmien xieraq, li jkopri sitwazzjonijiet differenti, inkluża r-riżenja.

10.

Skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mas-sentenzi tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) u tal-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), li jirrikonoxxu d-dritt li l-ħaddiema jirċievu benefiċċji bħala kumpens għal-leave mhux użat għal raġunijiet li ma humiex imputabbli lilhom.

11.

Peress li l-ġurisprudenza invokata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) hija rilevanti sabiex jinftiehem il-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ser nispjegaha fil-qosor hawnhekk.

12.

Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) l-ewwel qieset li l-monetizzazzjoni kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-ħaddiem jipprova li huwa ma setax jibbenefika mid-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas minħabba “bżonnijiet eċċezzjonali u ġġustifikati tas-servizz jew ta’ forza maġġuri” ( 9 ). Sussegwentement, hija ddeċidiet li l-ħaddiem għandu dritt għal benefiċċji bħala kumpens, sakemm min jimpjega ma jkunx jista’ jipprova li huwa kien ta lill-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu jew tagħha għal-leave qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg u li kien informa lill-ħaddiem b’mod adegwat b’tali konsegwenza, bi preavviż espliċitu tat-telf eventwali ( 10 ). B’mod iktar preċiż, fil-każ ta’ riżenja wara leave tal-maternità, din il-qorti rrikonoxxiet id-dritt għal benefiċċji, peress li, għalkemm ir-relazzjoni ġiet effettivament konkluża abbażi ta’ deċiżjoni volontarja tal-ħaddiem, dan il-ħaddiem bl-ebda mod ma seta’ jibbenefika minn leave annwali bil-ħlas matul il-perijodu ta’ sospensjoni obbligatorja tal-kuntratt ta’ impjieg ( 11 ).

13.

Is-sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) dwar l-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95 insistew li raġunijiet mediċi, bħal dawk li jirriżultaw minn inkapaċità għax-xogħol, ma jbiddlux id-dritt għal benefiċċji għal leave annwali bil-ħlas mhux meħud ( 12 ).

14.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjoni rilevanti tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95 tippermetti l-monetizzazzjoni fir-rigward tal-leave annwali biss jekk dak il-leave ma jkunx effettivament ittieħed għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem (bħall-mard). Madankollu, hija ssostni li ħaddiem jista’ jiġi mċaħħad minn benefiċċji bħala kumpens f’sitwazzjoni fejn it-tmiem tax-xogħol kien prevedibbli, inkluż fil-każ fejn ħaddiem jirriżenja.

15.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, anki meta tiġi interpretata b’dan il-mod, dejjem jeżisti kunflitt potenzjali bejn l-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95 u d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan l-għan, hija tirreferi f’dan ir-rigward għal job-medium ( 13 ).

16.

Peress li kellu dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Taljan mad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, it-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1

L-Artikolu 7 tad-[Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol] u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik diskussa fil-kawża prinċipali […], li, għal rekwiżiti ta’ kontroll tal-infiq pubbliku kif ukoll organizzattivi tal-persuna pubblika li timpjega, tipprevedi l-projbizzjoni tal-pagament ta’ kumpens finanzjarju għal leave fil-każ ta’ riżenja volontarja tal-uffiċjal pubbliku?

[2]

fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-Artikolu 7 tad-[Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol], u l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-uffiċjal pubbliku jipproduċi l-prova tal-impossibbiltà li jibbenefika mil-leave matul ir-relazzjoni ta’ xogħol?”

17.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn BU, mill-Muniċipalità ta’ Copertino, mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saret ebda seduta.

III. L-analiżi

18.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta mid-dritt Taljan u mill-ġurisprudenza rilevanti li interpretatu, inkluża dik tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali). Il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li taqbel mal-konstatazzjoni tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) li d-dritt Taljan inkwistjoni huwa konformi mad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

19.

L-ebda waħda mill-proċeduri kontenzjużi preċedenti fl-Italja dwar il-liġi inkwistjoni ma tat lok għal rinviji għal deċiżjoni preliminari. Huwa għalhekk għall-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara jekk l-Istati Membri jistgħux jagħżlu li jipprevjenu l-monetizzazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas bil-mod kif għamlet l-Italja fis-settur pubbliku.

20.

Hija meħtieġa kjarifika preliminari qabel ma nkompli l-analiżi tiegħi. Skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali; hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv kif deskritt fid-digriet tar-rinviju ( 14 ).

21.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fid-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ser nitlaq mill-fehim li ġej tal-liġi Taljana. Bl-għan li tiġi evitata l-monetizzazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas fis-settur pubbliku, iżda wkoll bl-għan li tħeġġeġ lill-ħaddiema jieħdu effettivament tali leave, il-liġi Taljana kienet tipprojbixxi l-konverżjoni f’somma ta’ flus tad-drittijiet mhux użati għal-leave annwali bil-ħlas. Kif interpretata fil-ġurisprudenza, inkluż mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), din il-liġi ma tidhirx li tipprojbixxi l-monetizzazzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha, iżda biss meta l-ħaddiema kellhom il-possibbiltà li jippjanaw l-użu tal-leave annwali bil-ħlas tagħhom.

22.

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jipprojbixxix tali dritt nazzjonali u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk huwiex il-ħaddiem jew min jimpjega li għandu jipprova li l-ħaddiem kellu possibbiltà reali li jieħu leave annwali bil-ħlas. Ser nittratta dawn id-domandi waħda wara l-oħra.

A.   L-ewwel domanda

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix il-monetizzazzjoni tal-leave annwali bil-ħlas mhux użat fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg.

24.

Ser nindirizza din id-domanda bil-mod li ġej. L-ewwel, ser nevalwa f’liema kundizzjonijiet id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tipprovdi għad-dritt għall-monetizzazzjoni tal-leave annwali mhux użat. Wara, ser nuri li dik id-direttiva tiffavorixxi l-użu effettiv tal-leave annwali bil-ħlas, li huwa konsistenti mal-benefiċċji li jagħti lis-saħħa tal-ħaddiema. Fl-aħħar, ser neżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi adottata sabiex tħeġġeġ lill-ħaddiema jieħdu effettivament il-leave annwali bil-ħlas.

1. Meta hemm dritt għall-benefiċċji bħala kumpens?

25.

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza job-medium sabiex tispjega d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana mad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Hija tikkwota l-punt li ġej ta’ din is-sentenza: “Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-Artikolu 7(2) tad‑Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet.” ( 15 )

26.

Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu kundizzjonijiet supplimentari sabiex ikun hemm intitolament għall-benefiċċji bħala kumpens.

27.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li torbot il-benefiċċji bħala kumpens mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ġurisprudenza tikkonferma li, jekk il-leave annwali bil-ħlas jingħata abbażi ta’ perijodu ta’ referenza (li huwa ġeneralment ta’ 12-il xahar), il-monetizzazzjoni ma tistax isseħħ matul jew fi tmiem dan il-perijodu ta’ referenza ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, jekk il-leave ma jintużax sa tmiem dan il-perijodu għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-ħaddiem, għandu jkun hemm perijodu ta’ rrimandar ( 17 ). Jekk il-ħaddiem ikun għadu impjegat, huwa ma jistax jitlob il-benefiċċji bħala kumpens.

28.

Għaldaqstant, il-benefiċċji bħala kumpens ma humiex dritt awtonomu mogħti lill-ħaddiema mid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol; ħaddiem ma jistax jagħżel li jieħu benefiċċji bħala kumpens minflok leave annwali bil-ħlas. Huwa biss fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jippermetti li l-leave annwali bil-ħlas jiġi ssostitwit bil-benefiċċji bħala kumpens ( 18 ).

29.

Barra minn hekk, il-benefiċċji bħala kumpens huma biss eċċezzjoni ( 19 ) u, kif espress fit-tieni kundizzjoni fis-sentenza job-medium ( 20 ), jiddependu fuq l-eżistenza tal-intitolament tal-leave annwali fil-mument meta jintalbu l-benefiċċji bħala kumpens: jeżistu biss jekk il-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li kien intitolat għalih fid-data li fiha r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet.

30.

Għalhekk, id-dritt għall-benefiċċji bħala kumpens jeżisti biss jekk l-intitolament għal-leave annwali bil-ħlas ikun għadu jeżisti.

31.

Dak l-intitolament għal-leave annwali bil-ħlas jirriżulta direttament mid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, abbażi tal-eżistenza stess tar-relazzjoni ta’ impjieg, u l-Istati Membri ma jistgħux iżidu kundizzjonijiet addizzjonali sabiex ikun hemm dan id-dritt ( 21 ). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali ( 22 ). F’dan ir-rigward, huma jistgħu jqisu li d-dritt miksub jiskadi jekk ma jintużax f’ċertu terminu. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti għat-tul tal-perijodu ta’ rrimandar tal-leave annwali mhux użat ( 23 ).

32.

Fis-sentenza Max-Planck Gesellschaft, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol] ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ rrimandar, sakemm, madankollu, il-ħaddiem li tilef id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-imsemmija direttiva” ( 24 ).

33.

Il-konklużjoni li tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti hija li, meta r-relazzjoni ta’ impjieg tintemm, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol mhux dejjem tipprekludi t-telf tal-leave annwali bil-ħlas mhux użat.

34.

Jekk id-dritt għal-leave annwali mhux użat ikun skada fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ma jeżistix dritt sekondarju għall-benefiċċji bħala kumpens.

35.

Fis-sentenza job-medium, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li waqfien volontarju mix-xogħol ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni għar-rifjut tal-benefiċċji bħala kumpens. Madankollu, din il-kawża kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha kien jeżisti l-intitolament għal-leave annwali ( 25 ). Kieku d-dritt għal-leave annwali kien skada jew waqaf jeżisti għal xi raġuni, il-ħaddiem ma setax jitlob benefiċċji bħala kumpens fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg.

36.

Il-possibbiltà li jiġi ttollerat tali telf ta’ benefiċċji bħala kumpens tiddependi mill-verifika li l-ħaddiem effettivament kellu l-opportunità li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas. Din hija r-raġuni għalfejn tali telf ma jistax ikun awtomatiku ( 26 ).

37.

Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-ħaddiem ikun naqas milli jieħu l-leave annwali bil-ħlas tiegħu jew tagħha b’mod deliberat u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan, wara li jkun ngħata l-opportunità li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu jew tagħha għalih, iżda mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun meħtieġa li ġġiegħel lill-ħaddiem effettivament jeżerċita dak id-dritt, l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jipprekludux it-telf ta’ dan id-dritt jew, fil-każ tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-assenza korrispondenti ta’ benefiċċji bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud ( 27 ).

38.

Minbarra r-rekwiżit li l-ħaddiem kellu opportunità reali li juża l-leave annwali tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll il-ħtieġa li min jimpjega jinforma lill-ħaddiem ikkonċernat bit-telf eventwali tal-intitolament tiegħu ( 28 ).

39.

Għaldaqstant, id-dritt għall-benefiċċji bħala kumpens ma huwiex dritt awtonomu li jagħti lill-ħaddiem għażla bejn it-teħid tal-leave annwali jew jirċievi kumpens finanzjarju jekk ma jieħdux. Minflok, huwa dritt li jiddependi fuq l-eżistenza tal-intitolament għal-leave annwali bil-ħlas, li l-Istati Membri huma intitolati jillimitaw it-tul tiegħu.

40.

In-natura sussidjarja tal-benefiċċji bħala kumpens tirriżulta loġikament mill-għan tal-leave annwali, li huwa li tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema billi tinħoloq opportunità ta’ serħan mix-xogħol. Konsegwentement, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, il-leave annwali bil-ħlas għandu bħala prinċipju jittieħed effettivament ( 29 ). Fit-taqsima li ġejja, ser nuri fil-qosor li l-leave annwali huwa verament ta’ benefiċċju jekk jittieħed effettivament, qabel ma nitratta l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jadottaw miżuri, bħal dawk f’dan il-każ, sabiex jinkoraġġixxu t-teħid effettiv tal-leave annwali.

2. Il-benefiċċji tal-leave annwali bil-ħlas

41.

Il-preferenza għall-użu effettiv tal-leave annwali bil-ħlas meta mqabbel mal-monetizzazzjoni tiegħu, riflessa fil-kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 30 ), hija ġġustifikata mill-għan tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Kif tispjega l-ġurisprudenza, l-għan ta’ dak id-dritt huwa li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ mit-twettiq tax-xogħol li huwa meħtieġ li jwettaq skont il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji ( 31 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament qieset li l-effett li l-leave annwali bil-ħlas għandu fuq is-sigurtà u fuq is-saħħa tal-ħaddiem huwa ta’ benefiċċju sħiħ jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan l-għan.

43.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-importanza ta’ dan il-perijodu ta’ mistrieħ tibqa’ wkoll jekk jittieħed matul perijodu sussegwenti ( 32 ). Madankollu, fis-sentenza KHS, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, lil hinn minn ċertu limitu temporali, “il-leave annwali ma jibqax ikollu effett pożittiv għall-ħaddiem bħala perijodu ta’ mistrieħ u jsir sempliċement perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji” . ( 33 ) Din il-konstatazzjoni tiġġustifika l-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw it-tul tal-perijodu ta’ rrimandar tal-leave annwali mhux użat ( 34 ).

44.

Riċerka empirika ssostni l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

45.

Jidher li hemm qbil komuni fil-letteratura li l-mistrieħ li jmur lil hinn minn dak ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa u għall-benesseri tal-ħaddiema ( 35 ). Dawn il-benefiċċji jikkonċernaw kemm il-leave għal żmien qasir ( 36 ) kif ukoll il-leave fit-tul ( 37 ).

46.

Dak li jista’ jkun inqas magħruf jew inqas issuspettat huwa li dawn il-benefiċċji huma għal żmien qasir ( 38 ). Uħud mill-effetti ta’ benefiċċju “jisparixxu fi żmien xahar minn meta jirritorna x-xogħol” ( 39 ).

47.

Minn dawn l-istudji jista’ jiġi dedott li l-leave annwali bil-ħlas huwa l-iktar ta’ benefiċċju jekk jittieħed b’mod frekwenti, b’perijodi iqsar u oħrajn itwal ta’ waqfien mix-xogħol matul is-sena. Fi kwalunkwe każ, ir-riċerka tikkonferma li huwa importanti li jittieħed il-leave annwali bil-ħlas matul is-sena ta’ referenza.

48.

Anki jekk wieħed jista’ jagħżel li jakkumula l-leave annwali bil-ħlas għal raġunijiet personali differenti (vjaġġ importanti, familja remota, eċċ.), huwa kontestabbli, mingħajr ma tiġi kkontestata din l-għażla personali, li dan ikun ta’ benefiċċju mill-perspettiva tar-restawr tal-forza tax-xogħol.

49.

Barra minn hekk, għalkemm in-nuqqas ta’ użu sħiħ tal-leave annwali bil-ħlas jista’ jwassal għal żieda fid-dħul, madankollu dan kien marbut ma’ ħsara lill-kwalità tal-ħajja (deterjorament sinjifikattiv tas-sodisfazzjon biż-żmien għad-delizzji u għas-saħħa, flimkien ma’ żieda fl-assenzi mix-xogħol minħabba mard) ( 40 ).

50.

L-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jikkostitwixxi għalhekk mezz importanti għall-ħaddiema sabiex jirkupraw l-enerġija mentali u fiżika tagħhom u, b’mod iktar ġenerali, sabiex jikkontribwixxu għas-saħħa tagħhom fuq il-post tax-xogħol u barra minnu.

51.

Dawn il-konstatazzjonijiet jikkorroboraw il-ġurisprudenza li tgħid li, lil hinn minn ċertu perijodu ta’ rrimandar, il-leave annwali ma jipproduċix iktar effett pożittiv għall-ħaddiem bħala perijodu ta’ mistrieħ u jikkostitwixxi biss perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji ( 41 ). Hija tiġġustifika wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax jiġi ssostitwit b’benefiċċji bħala kumpens, ħlief fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol huwa intiż ukoll biex jiżgura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jibbenefikaw minn mistrieħ effettiv, bl-għan ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tagħhom ( 42 ).

3. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt għal benefiċċji bħala kumpens?

52.

Għalhekk, l-Istati Membri huma awtorizzati jinkoraġġixxu l-użu effettiv tal-leave annwali bil-ħlas minflok il-monetizzazzjoni tiegħu billi jintroduċu termini għat-tul tad-dritt miksub għal-leave annwali (billi jiffissaw limitu għat-tul tal-perijodu ta’ rrimandar). L-Istati Membri jistgħu jippruvaw jilħqu l-istess għan b’diversi modi, inkluż billi jadottaw liġi bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ?

53.

Għażla waħda għall-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiddeċiedi li l-iffissar ta’ terminu għall-perijodi ta’ rrimandar, li fi tmiemu d-drittijiet għall-jiem mhux użati jiskadu, huwa l-uniku mod aċċettabbli għall-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu lill-ħaddiema jagħmlu użu effettiv tal-leave annwali bil-ħlas.

54.

Madankollu, fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, bħal dak li fiha ġiet adottata d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jirregolax il-karatteristiċi partikolari li permezz tagħhom il-ħaddiema jistgħu jiġu mħeġġa jieħdu effettivament leave annwali bil-ħlas. Hija kienet indikat biss preferenza ċara għall-użu tiegħu, fid-dawl tal-monetizzazzjoni tal-leave bħala dritt sekondarju. F’tali ċirkustanzi, l-Istati Membri jżommu l-fakultà li jagħżlu regoli xierqa sabiex jinċentivaw lill-ħaddiema jagħmlu użu mill-ħin ta’ mistrieħ annwali tagħhom. Dan ifisser li l-limiti għall-perijodi ta’ rrimandar ma jistgħux jitqiesu bħala l-unika possibbiltà li jiġi inkoraġġut l-użu effettiv tal-leave annwali bil-ħlas matul is-sena ta’ referenza li matulha huwa previst li jintuża dak il-leave. Madankollu, kwalunkwe għażla leġiżlattiva magħżula mill-Istati Membri għandha ssir skont id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

55.

Id-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol?

56.

Id-dritt Taljan, tal-inqas kif interpretat mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tagħha, jidher li għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-użu effettiv tal-leave annwali. Huwa għalhekk li, minbarra l-preżervazzjoni tal-iffrankar pubbliku, hija introduċiet ir-regola li l-perijodi ta’ leave annwali bil-ħlas mhux użati ma jistgħux jiġu monetizzati.

57.

Kif interpretata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), il-liġi Taljana tipprevjeni lill-ħaddiema milli jitolbu benefiċċji bħala kumpens għal-leave annwali mhux użat jekk huma kienu jafu bil-mument meta r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom kienet ser tkun itterminata u setgħu għalhekk jippjanaw li jużaw il-leave annwali qabel dan il-mument. Tali leġiżlazzjoni tinkoraġġixxi lill-ħaddiema jieħdu l-leave annwali matul is-sena ta’ referenza ( 43 ).

58.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ), il-leġiżlazzjoni Taljana tista’ tkun konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel, il-projbizzjoni li jintalab kumpens finanzjarju ma tistax tkopri d-dritt għal-leave annwali miksub għas-sena ta’ referenza li matulha sseħħ it-terminazzjoni tax-xogħol. It-tieni, il-ħaddiem għandu jkollu l-opportunità li jieħu l-leave annwali bil-ħlas matul is-snin ta’ referenza preċedenti, inkluż matul il-perijodu ta’ rrimandar minimu. It-tielet, min jimpjega kien ħeġġeġ lill-ħaddiem jieħu l-leave annwali. Ir-raba’, min jimpjega kien informa lill-ħaddiem li l-leave annwali bil-ħlas mhux użat ma setax jiġi akkumulat sabiex jiġi ssostitwit b’benefiċċji bħala kumpens fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

59.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-dritt Taljan rilevanti jistax jiġi interpretat b’dan il-mod u jekk il-kundizzjonijiet elenkati humiex issodisfatti f’dan il-każ.

60.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma jipprekludix dritt nazzjonali li ma jippermettix il-monetizzazzjoni tal-leave annwali bil-ħlas mhux użat fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg, meta:

il-projbizzjoni tal-obbligu ta’ benefiċċji bħala kumpens ma tkoprix id-dritt għal-leave annwali miksub għas-sena ta’ referenza li matulha sseħħ it-terminazzjoni tax-xogħol;

il-ħaddiem kellu l-opportunità effettiva li jieħu l-leave annwali bil-ħlas matul is-snin ta’ referenza preċedenti, inkluż matul il-perijodu ta’ rrimandar minimu;

min jimpjega ħeġġeġ lill-ħaddiem jieħu l-leave annwali bil-ħlas;

min iħaddem informa lill-ħaddiem li l-leave annwali bil-ħlas mhux użat ma jistax jiġi akkumulat biex jiġi sostitwit minn benefiċċji bħala kumpens fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

B.   It-tieni domanda

61.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi min għandu l-oneru tal-prova billi juri li l-kundizzjonijiet enumerati fil-punt preċedenti huma ssodisfatti – il-ħaddiem jew min jimpjega.

62.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tinkludi ċerti elementi li jipprovdu indikazzjonijiet sabiex tingħata risposta għal din id-domanda. Pereżempju, fis-sentenza Fraport, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk min jimpjega ssodisfax, fi żmien xieraq, l-obbligi tiegħu li jinforma lill-ħaddiem bil-leave u li stiednu jieħu dan il-leave ( 45 ). Għaldaqstant, huwa min jimpjega li għandu jipprova li huwa rrispetta l-obbligi tiegħu stess.

63.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fil-każ li l-persuna li timpjega ma tkunx f’pożizzjoni li turi li użat id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-leave annwali bil-ħlas li huwa intitolat għalih, it-telf tad-dritt għal tali leave fil-każ tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg u l-assenza korrispondenti ta’ ħlas ta’ benefiċċji bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 46 ).

64.

Fi kliem ieħor, l-oneru tal-prova ma jaqax fuq il-ħaddiem, iżda fuq min iħaddem.

65.

Għalhekk nipproponi li b’risposta għat-tieni domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jeżiġi li min jimpjega juri li huwa ppermetta u ħeġġeġ lill-ħaddiem jieħu l-leave, informah li l-monetizzazzjoni ma tkunx possibbli fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg u li l-ħaddiem xorta waħda għażel li ma jiħux il-leave annwali. Fil-każ fejn min iħaddem ma jagħmilx dan, għandu jitħallas kumpens lill-ħaddiem.

IV. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,

ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix il-monetizzazzjoni tal-leave annwali bil-ħlas mhux użat fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg, meta:

il-projbizzjoni tal-obbligu ta’ benefiċċji bħala kumpens ma tkoprix id-dritt għal-leave annwali miksub għas-sena ta’ referenza li matulha sseħħ it-terminazzjoni tax-xogħol;

il-ħaddiem kellu l-opportunità effettiva li jieħu l-leave annwali bil-ħlas tiegħu matul is-snin ta’ referenza preċedenti, inkluż matul il-perijodu ta’ rrimandar minimu;

min jimpjega ħeġġeġ lill-ħaddiem jieħu l-leave annwali bil-ħlas;

min jimpjega informa lill-ħaddiem li l-leave annwali bil-ħlas mhux meħud ma jistax jiġi akkumulat sabiex jiġi ssostitwit b’benefiċċji bħala kumpens fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

(2)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88

jeżiġi li min iħaddem juri li huwa ppermetta u inkoraġġixxa lill-ħaddiem li jieħu l-leave, informah li l-monetizzazzjoni ma tkunx possibbli fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg u li l-ħaddiem xorta waħda għażel li ma jiħux il-leave annwali.

Fil-każ fejn min iħaddem ma jagħmilx dan, għandu jitħallas kumpens lill-ħaddiem.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol”).

( 3 ) Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, id-direttiva tapplika għas-setturi kollha tal-attività, “kemm pubblika u wkoll privata”, b’tali mod li din id-direttiva tapplika inkontestabbilment għal min jimpjega bħal, fil-kawża prinċipali, komun.

( 4 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li BU kien diġà bagħat it-talba għall-irtirar fl‑2015. Madankollu, il-korp tas-sigurtà soċjali Taljan (INPS) informah f’dak iż-żmien li l-applikazzjoni tiegħu għal pensjoni tal-irtirar kmieni fl‑1 ta’ Lulju 2015, “ma setgħetx tirnexxi, peress li l-kundizzjonijiet għall-irtirar ma kinux issodisfatti”. BU għalhekk baqa’ fis-servizz sakemm huwa jkun jista’ jibbenefika minn irtirar ordinarju.

( 5 ) Għandu jiġi enfasizzat li, fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Muniċipalità ta’ Copertino tikkontesta n-numru ta’ ġranet invokat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Madankollu, din hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

( 6 ) Il-Muniċipalità ta’ Copertino tindika fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li BU talab, fis‑17 ta’ Mejju 2016, li jieħu 93 ġurnata ta’ leave annwali bil-ħlas li kien eliġibbli għalihom għall-perijodu 2013–2016 u li huwa kien effettivament qiegħed jieħu leave bil-ħlas mit‑23 ta’ Mejju 2016 sat‑30 ta’ Settembru 2016. Il-muniċipalità ssostni għalhekk li hija ma tifhimx fuq liema bażi BU jallega li għandu dritt għal kumpens għal 79 ġurnata ta’ leave mhux meħuda. F’dan ir-rigward, u wara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402), jista’ jiġi sostnut li l-muniċipalità għandu jkollha, għal kull wieħed mill-impjegati tagħha, rekord tal-bilanċ tal-leave annwali bil-ħlas sabiex tivverifika l-eżattezza ta’ talbiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

( 7 ) L-Artikolu 5(8) tad-decreto-legge 6 luglio 2012, n. 95, Disposizioni urgenti per la revisione della spesa pubblica con invarianza dei servizi ai cittadini nonché misure di rafforzamento patrimoniale delle imprese del settore bancario (Digriet Leġiżlattiv Nru 95, tas‑6 ta’ Lulju 2012, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għar-reviżjoni tal-ispejjeż pubbliċi mingħajr tibdil tas-servizz liċ-ċittadini u miżuri ta’ tisħiħ tal-fondi proprji ta’ kumpaniji fis-settur bankarju, ikkonvertit, b’emendi, permezz tal-Artikolu 1(1) tal-legge 7 agosto 2012, n. 135 (Liġi Nru 135 tas‑7 ta’ Awwissu 2012)).

( 8 ) IT:COST:2016:95.

( 9 ) Corte suprema di cassazione, Sezione lavoro, (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Sezzjoni tax-Xogħol, l-Italja), Digriet tat-30 ta’ Lulju 2018, n. 20091.

( 10 ) Corte suprema di cassazione, Sezione lavoro, (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Sezzjoni tax-Xogħol, l-Italja), Digriet tat-2 ta’ Lulju 2020, n. 13613; Corte suprema di cassazione, Sezione lavoro, (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Sezzjoni tax-Xogħol, l-Italja), Digriet tal-5 ta’ Mejju 2022, n. 14268.

( 11 ) Corte suprema di cassazione, Sezione lavoro, (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Sezzjoni tax-Xogħol, l-Italja), Digriet tal-15 ta’ Ġunju 2022, n. 19330.

( 12 ) Consiglio di Stato, Sezione VI (il-Kunsill tal-Istat, is-Sitt Sezzjoni, l-Italja), 8 ta’ Ottubru 2010, IT:CDS:2010:7360SENT. Ara wkoll raġunament simili, iżda b’riżultat kemxejn differenti, Consiglio di Stato, Sezione IV (il-Kunsill tal-Istat, ir-Raba’ Sezzjoni, l-Italja), 12 ta’ Ottubru 2020, IT:CDS:2020:6047SENT.

( 13 ) Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium (C‑233/20, EU:C:2021:960, iktar ’il quddiem “job-medium”, b’mod partikolari l-punt 31). Għal iktar diskussjoni, ara l-punti 25 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 38).

( 15 ) Job-medium, punt 31. Dan il-punt jirreferi għall-punt 44 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bauer u Willmeroth”). Affermazzjonijiet simili jistgħu jinstabu wkoll f’sentenzi preċedenti tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755); tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, iktar ’il quddiem is-“sentenza Maschek”); u, sussegwentement, tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 84).

( 16 ) Sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 35).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, “KHS”, punt 38), u tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punti 4142).

( 18 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Dawn il-benefiċċji bħala kumpens huma biss eċċezzjoni għall-użu effettiv tal-leave annwali u huma riflessi wkoll fl-għażla tal-kliem tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, li jipprovdi li l-użu effettiv tal-leave annwali bil-ħlas ma jistax jiġi ssostitwit bil-benefiċċji bħala kumpens ħlief fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Pereżempju, il-lingwa Ġermaniża tuża “außer”, il-Franċiż “sauf” [apparti], il-Kroat “osim” u t-Taljan “salvo”.

( 20 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 18).

( 22 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, “Schultz-Hoff”, punt 28).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza KHS, punt 39.

( 24 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, “Max-Planck-Gesellschaft”, punt 35). F’dan ir-rigward, ara, preċedentement, is-sentenzi Schultz-Hoff, punt 43, u, iktar reċenti, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Perijodu ta’ preskrizzjoni għad-dritt għal leave annwali bil-ħlas) (C‑120/21, EU:C:2022:718, “LB”, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Fis-sentenza job-medium, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-ħaddiem temm b’mod unilaterali r-relazzjoni ta’ impjieg kmieni u mingħajr raġuni serja ma għandux, fih innifsu, jaffettwa d-dritt għall-benefiċċji bħala kumpens. Il-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni fejn persuna rriżenjat wara ftit xhur ta’ xogħol mingħajr ma tat ebda spjegazzjoni. Matul din is-sena ta’ referenza, u b’kunsiderazzjoni tan-numru ta’ ġranet li r-rikorrenti kienet ħadmet f’dan il-każ, huwa kien għadu intitolat għal xi ġranet ta’ leave annwali bil-ħlas addizzjonali li ma ntużawx. Għalhekk, l-intitolament għall-benefiċċji bħala kumpens kien jirriżulta mill-eżistenza tal-intitolament għal-leave annwali.

( 26 ) Max-Planck-Gesellschaft, punti 40, 55 u 61; sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, Kreuziger, punti 47 u 56); u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, Fraport, punt 39).

( 27 ) Max-Planck-Gesellschaft, punt 56 u Kreuziger, punt 54.

( 28 ) Max-Planck-Gesellschaft, punti 45 u 61; Kreuziger, punti 52 u 56; u Fraport, punt 42, u LB, punti 25 u 45.

( 29 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 49); Bauer u Willmeroth, punt 40; Kreuziger, punt 38; u Max-Planck-Gesellschaft, punt 31.

( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) KHS, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; Maschek, punt 34; job-medium, punt 28; u Fraport, punt 27. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-għan tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa differenti minn leave ieħor, bħad-dritt għal-leave tal-mard (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, SobczyszynC‑178/15, EU:C:2016:502, “Sobczyszyn”, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Fetico etC‑588/18, EU:C:2020:420, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew id-dritt għal-leave tal-ġenituri (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, “Dicu”, punti 29, 32 u 33).

( 32 ) Sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 30); KHS, punt 32; u Sobczyszyn, punt 33.

( 33 ) KHS, punt 33.

( 34 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Keolis Agen (C‑271/22 sa C‑275/22, EU:C:2023:243, punt 51) – fejn is-sentenza għad trid tingħata, inqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla l-possibbiltà lill-Istati Membri li jillimitaw it-tul tal-perijodu ta’ rrimandar. Fl-istess ħin, l-Istati Membri huma liberi wkoll li jagħżlu li jippermettu l-akkumulazzjoni tal-intitolamenti mhux użati għal-leave annwali bil-ħlas sa tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg.

( 35 ) Hurrell, A., u Keiser, J., “An Exploratory Examination of the Impact of Vacation Policy Structure on Satisfaction, Productivity, and Profitability”, The BRC Academy Journal of Business, 2020, Vol. 10, Nru 1, p. 33 sa 63.

( 36 ) Blank, C., Gatterer, K., “Short Vacation Improves Stress-Level and Well-Being in German-Speaking Middle-Managers – A Randomized Controlled Trial”, International Journal of Environmental Research and Public Health, Vol. 15, Nru 1, 2018, p. 130.

( 37 ) de Bloom, J., Kompier, M., Geurts, S., de Weerth, C., Taris, T., Sonnentag, S., “Do We Recover from Vacation? Meta-analysis of Vacation Effects on Health and Well-being”, Journal of Occupational Health, Vol. 51, Nru 1, 2009, p. 13 sa 25; de Bloom, J., Geurts, S., u Kompier, M.A.J., “Vacation (after-) effects on employee health and well-being, and the role of vacation activities, experiences and sleep’, Journal of Happiness Studies, Vol. 14, 2013, p. 613 sa 633.

( 38 ) de Bloom, J., Geurts, S., u Kompier, M.A.J., “Vacation (after-) effects on employee health and well-being, and the role of vacation activities, experiences and sleep”, op. cit.; Etzion, D., Work, Vacation and Well-being, Londra, Routlege, 2019, Kapitolu. 5.

( 39 ) Sonnentag, S., Cheng, B. H., u Parker, S. L., “Recovery from Work: Advancing the Field Toward the Future”, Annual Review of Organizational Psychology and Organizational Behavior, Vol. 9, 2022, p. 33 sa 60, f’p. 46 (b’iktar letteratura kkwotata).

( 40 ) Schnitzlein, D. “Extent and Effects of Employees in Germany Forgoing a Vacation Time”, Leibniz Information Centre for Economics, Berlin, 2012, p. 25 sa 31, f’p. 31.

( 41 ) KHS, punt 33.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, Kreuziger, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; u Bauer u Willmeroth, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 43 ) Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, persuna li timpjega ma tistax tiddeċiedi unilateralment meta l-ħaddiem għandu jieħu l-leave annwali bil-ħlas. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 43); ara wkoll is-sentenza Max-Planck-Gesellschaft, punt 44, u Kreuziger, punt 51.

( 44 ) Ara, pereżempju, ir-referenzi fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 17, 24, 26 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Fraport, punt 42.

( 46 ) Max-Planck-Gesellschaft, punt 46, u Kreuziger, punt 53.

Top