Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0134

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2023.
    MO vs SM en tant que liquidateur de G GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Informazzjoni u konsultazzjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) – Obbligu li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega li jkollha l-intenzjoni li tipproċedi għal tkeċċija kollettiva li tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti kopja tal-informazzjoni nnotifikata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema – Għan – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.
    Kawża C-134/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:268

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    PIKAMÄE

    ippreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawża C‑134/22

    MO

    vs

    SM bħala stralċjarju ta’ G GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Informazzjoni u konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema – Rwol tal-awtorità pubblika kompetenti – Obbligu tal-persuna li timpjega li tibgħat lil din l-awtorità kopja tal-elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub lir-rappreżentanti tal-ħaddiema – Skop ta’ dan l-obbligu – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu”

    I. Introduzzjoni

    1.

    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59/KE ( 2 ). B’mod iktar partikolari, id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tal-obbligu impost fuq il-persuna li timpjega, li tippjana li tipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi, li tinforma lill-awtorità pubblika kompetenti waqt il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    2.

    Għal din il-kawża huma rilevanti l-Artikoli 2 sa 4 u 6 tad-Direttiva 98/59.

    B.   Id‑dritt Ġermaniż

    3.

    L-Artikolu 134 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprevedi:

    “Kull att ġuridiku kuntrarju għal projbizzjoni legali huwa null sa fejn il-liġi ma tipprovdix mod ieħor”.

    4.

    Skont l-Artikolu 17 tal-Kündigungsschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva), kif emendat fl-aħħar lok bil-Liġi tas‑17 ta’ Lulju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 2509):

    “(1)   Il-persuna li timpjega għandha tinnotifika lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi qabel tkeċċi:

    […]

    2. fl-istabbilimenti li normalment iħaddmu mhux inqas minn 60 u inqas minn 500 ħaddiem, 10 % tal-ħaddiema normalment impjegati jew iktar minn 25 ħaddiem;

    […]

    matul perijodu ta’ 30 jum kalendarju. Forom oħra ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li jseħħu fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega huma assimilati għat-tkeċċijiet.

    (2)   Meta persuna li timpjega tippjana li tipproċedi bi tkeċċijiet suġġetti għan-notifika skont il-paragrafu 1, hija għandha tipprovdi, fi żmien xieraq, kull informazzjoni utli lill-kunsill tax-xogħlijiet, u b’mod partikolari tinformah bil-miktub dwar:

    1. ir-raġunijiet għat-tkeċċijiet ippjanati;

    2. in-numru u l-kategoriji professjonali tal-ħaddiema li ser jitkeċċew;

    3. in-numru u l-kategoriji professjonali tal-ħaddiema normalment impjegati;

    4. il-perijodu li matulu huwa ppjanat li tipproċedi bit-tkeċċijiet;

    5. il-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew, u

    6. il-kriterji previsti għall-kalkolu tal-eventwali allowances.

    […]

    (3)   Il-persuna li timpjega għandha tibgħat simultanjament lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi kopja tal-komunikazzjoni lill-kunsill tax-xogħlijiet; din għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni meħtieġa skont il-punti 1 sa 5 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 2. In-notifika prevista fil-paragrafu 1 għandha ssir bil-miktub u tkun akkumpanjata bl-opinjoni tal-kunsill tax-xogħlijiet dwar it-tkeċċijiet. Fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-kunsill tax-xogħlijiet, in-notifika tieħu effett jekk il-persuna li timpjega tipproduċi provi li jippermettu li jiġi preżunt li hija informat lill-kunsill tax-xogħlijiet tal-inqas ġimagħtejn qabel ma pproċediet bin-notifika skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 u jekk tirrapporta dwar l-istat tal-konsultazzjonijiet. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar l-isem tal-persuna li timpjega, is-sede u t-tip ta’ impriża, kif ukoll dwar ir-raġunijiet tal-pjan ta’ tkeċċija, in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema li ser jitkeċċew kif ukoll dwar il-ħaddiema normalment impjegati, il-perijodu li matulu huwa ppjanat li tipproċedi bit-tkeċċijiet, u l-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew. Bi qbil mal-kunsill tax-xogħlijiet, in-notifika għandha tinkludi wkoll, għall-kollokament, informazzjoni dwar is-sess, l-età, il-professjoni u n-nazzjonalità tal-ħaddiema li ser jitkeċċew. Il-persuna li timpjega għandha tibgħat kopja tan-notifika lill-kunsill tax-xogħlijiet. Dan tal-aħħar jista’ jippreżenta opinjonijiet oħra lill-Aġenzija għall-Impjiegi. Huwa għandu jibgħat kopja tal-opinjoni lill-persuna li timpjega.

    […]”

    III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura prinċipali u d‑domanda preliminari

    5.

    MO kien ilu impjegat ta’ G Gmbh sa mill‑1981. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2019, il-qorti tal-insolvenza fetħet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ din il-kumpannija. SM inħatar amministratur tal-insolvenza u eżerċita, f’dan ir-rigward, il-funzjoni ta’ persuna li timpjega.

    6.

    Fis‑17 ta’ Jannar 2020, it-terminazzjoni tal-attività ta’ G ġiet deċiża b’effett mhux iktar tard mit‑30 ta’ April 2020, peress li t-tkeċċija ta’ iktar minn 10 % tal‑195 ħaddiem li hija kienet timpjega kienet prevista għall-perijodu ta’ bejn it‑28 u l‑31 ta’ Jannar 2020.

    7.

    Fis‑17 ta’ Jannar 2020, bdiet il-proċedura ta’ konsultazzjoni mal-kunsill tax-xogħlijiet, li jirrappreżenta lill-ħaddiema. F’dan il-kuntest, dan il-kunsill irċieva komunikazzjoni bil-miktub tal-informazzjoni msemmija fil-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu ġew trasposti fl-Artikolu 17(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva.

    8.

    Mill-banda l-oħra, għall-kuntrarju tal-obbligu previst fl-Artikolu 17(3) ta’ din il-liġi, li jirriżulta mit-traspożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, ebda kopja tal-komunikazzjoni bil-miktub lill-kunsill tax-xogħlijiet ma kienet mibgħuta lill-awtorità pubblika kompetenti, jiġifieri l-Agentur für Arbeit Osnabrück (l-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi ta’ Osnabrück, il-Ġermanja).

    9.

    Permezz ta’ opinjoni tat‑22 ta’ Jannar 2020, il-kunsill tax-xogħlijiet iddikjara li huwa ma jara ebda possibbiltà li t-tkeċċijiet ippjanati jiġu evitati.

    10.

    Fit‑23 ta’ Jannar 2020, il-pjan ta’ tkeċċija kollettiva ntbagħat lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi ta’ Osnabrück. Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2020, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ MO ġie tterminat b’effett mit‑30 ta’ April segwenti.

    11.

    MO ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Industrijali fejn talabha tikkonstata li r-relazzjoni ta’ xogħol ma kinitx ġiet itterminata bit-tkeċċija tiegħu. B’mod partikolari, huwa argumenta li t-trażmissjoni lill-Aġenzija Pubblika għall-Impjiegi tal-komunikazzjoni bil-miktub tal-informazzjoni mogħtija lill-kunsill tax-xogħlijiet kienet tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-validità tat-tkeċċija.

    12.

    Peress li dan ir-rikors ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza, MO ppreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali).

    13.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti ddeċidiet, fis‑27 ta’ Jannar 2022, li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Liema huwa l-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva [98/59], li jgħid li l-persuna li timpjega għandha tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti kopja mill-inqas tal-elementi tan-notifika bil-miktub lir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fil-punti (i) sa (v) tal-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3)?”

    IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    14.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea.

    V. Analiżi ġuridika

    A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

    15.

    Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid, essenzjalment, tkun taf l-iskop tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi obbligu fuq il-persuna li timpjega li tibgħat lill-awtorità pubblika kompetenti tal-inqas kopja tal-elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub lir-rappreżentanti tal-ħaddiema msemmija fis-subpunti (i) sa (v) tal-punt b tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 2(3) ( 3 ).

    16.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fl-assenza ta’ regola speċifika stabbilita mid-Direttiva 98/59, huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu s-sanzjoni applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu. Madankollu, dik il-qorti tirrileva li ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina jekk, fid-dritt Ġermaniż, il-ksur tal-imsemmi obbligu għandux jiġi ssanzjonat bin-nullità tat-tkeċċija. L-imsemmija qorti tosserva, b’mod partikolari, li tali nullità tkun applikabbli li kieku ġie kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva, li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, huma analizzati bħala liġi projbitorja fis-sens tal-Artikolu 134 tal-BGB.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju żżid li sabiex tivverifika jekk tali klassifikazzjoni tistax tiġi sostnuta għandha tiġi ddeterminata n-natura tal-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija Abbużiva u, għalhekk, dak li għandu jintlaħaq minn dawk tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59. B’mod iktar partikolari, dik il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tal-iskop tiegħu, dan l-aħħar artikolu huwiex ta’ natura li jagħti protezzjoni individwali lill-impjegati li jkunu s-suġġett ta’ tkeċċijiet kollettivi.

    18.

    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, tramite t-tfittxija tal-iskop ta’ dan l-artikolu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf l-interpretazzjoni tiegħu sabiex tistabbilixxi l-konsegwenzi legali li d-dritt nazzjonali għandu jorbot mal-ksur tal-obbligu impost mill-imsemmi artikolu.

    19.

    Fir-rigward ta’ din il-mistoqsija, jidhirli li, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti, huwa neċessarju mhux biss li jiġi analizzat l-iskop tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, iżda wkoll li jiġi ppreċiżat il-kuntest stabbilit mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu previst f’dan l-artikolu u, għalhekk, il-marġni diskrezzjonali li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiddeterminaw is-sanzjoni applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu.

    B.   Fuq l‑iskop tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(3) tad‑Direttiva 98/59

    20.

    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi analiżi letterali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi biss l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-awtorità pubblika ta’ ċerti elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, ma tippermettix, waħedha, li wieħed jifhem l-għan u l-iskop tiegħu. Għalhekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 4 ).

    21.

    Għalhekk, b’konformità ma’ dan il-metodu ta’ interpretazzjoni, jidhirli neċessarju li jiġu deskritti l-għanijiet li essenzjalment għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 98/59 u li jiġu analizzati l-obbligi imposti fuq il-persuna li timpjega sabiex iwasslu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, li minnhom jifforma parti dak previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.

    1. Fuq l‑għanijiet li għandhom jintlaħqu mid‑Direttiva 98/59

    22.

    Dwar dan il-punt, mill-premessa 2 tad-Direttiva 98/59 jirriżulta li din hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi ( 5 ). B’mod iktar partikolari, skont il-premessi 3 u 7 ta’ din id-direttiva, huma b’mod partikolari d-differenzi li jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-miżuri li jistgħu jtaffu l-konsegwenzi ta’ tkeċċijiet kollettivi, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ( 6 ).

    23.

    Barra minn hekk, kif turi l-premessa 4 tal-imsemmija direttiva, id-distorsjonijiet bejn il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija fil-qasam tat-tkeċċija kollettiva mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jista’ jkollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, ir-regoli ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Direttiva 98/59 għandhom ukoll l-għan li japprossimaw l-oneri li dawn ir-regoli joħolqu għall-impriżi tal-Unjoni ( 7 ). F’dan is-sens, din id-direttiva tgħin sabiex tiżgura kompetizzjoni leali billi tnaqqas ir-riskju li persuna li timpjega tagħżel li tieħu benefiċċju mill-eżistenza ta’ leġiżlazzjonijiet inqas protettivi tal-impjieg f’ċerti Stati Membri.

    24.

    Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 98/59 tistabbilixxi biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi u tirrigwarda biss il-proċedura li għandha tiġi segwita waqt tali tkeċċijiet. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li din id-direttiva ma hijiex intiża li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens finanzjarju ġenerali fil-każ ta’ telf ta’ impjieg ( 8 ). B’mod korrelattiv, l-Artikolu 5 tagħha jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-ħaddiema, jew li jippromwovu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema ( 9 ).

    25.

    L-għan prinċipali tad-Direttiva 98/59 huwa, b’mod iktar preċiż, li timponi li qabel it-tkeċċijiet kollettivi jkun hemm konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata ( 10 ). Għalhekk, din id-direttiva tipprevedi, fuq l-oneru tal-persuna li timpjega, żewġ serje komplementari ta’ obbligi ta’ natura proċedurali. Minn naħa, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-persuna li timpjega għandha tinforma u tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, il-persuna li timpjega għandha tinnotifika bil-miktub kull pjan ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti u tibgħatilha l-elementi u l-informazzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    2. Fuq l‑obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar‑rappreżentanti tal‑ħaddiema

    26.

    Fir-rigward ta’ dan l-ewwel obbligu, mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59 jirriżulta li l-konsultazzjoni hija intiża prinċipalment sabiex tevita t-tkeċċijiet kollettivi jew, fin-nuqqas ta’ dan, sabiex tnaqqas in-numru tagħhom ( 11 ). Huwa biss fil-każ fejn dawn it-tkeċċijiet ikunu inevitabbli li l-konsultazzjonijiet għandhom jiġu orjentati lejn l-użu ta’ miżuri soċjali ta’ akkumpanjament intiżi b’mod partikolari sabiex jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija.

    27.

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jimponi obbligu ta’ negozjar ( 12 ). Fil-fatt, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-konsultazzjonijiet għandhom isiru sabiex iwasslu għal ftehim, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu f’pożizzjoni li jifformulaw proposti kostruttivi abbażi tal-informazzjoni li l-persuna li timpjega għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, din id-direttiva tippreċiża kemm il-mument li fih ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jiġu kkonsultati kif ukoll il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lilhom.

    28.

    Fl-ewwel lok, il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha, skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, tinbeda hekk kif il-persuna li timpjega tippjana li tipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema jitnissel qabel id-deċiżjoni li tittermina l-kuntratti ta’ xogħol ( 13 ), peress li dan it-tnissil huwa marbut mal-eżistenza ta’ intenzjoni, f’moħħ il-persuna li timpjega, li tipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi ( 14 ). It-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti ma tistax iseħħ mill-persuna li timpjega ħlief wara l-għeluq tal-imsemmija proċedura, jiġifieri wara li tkun osservat l-obbligi msemmija fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva ( 15 ).

    29.

    Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, il-persuna li timpjega għandha, fi żmien xieraq, tipprovdi lir-rappreżentanti tal-impjegati kull informazzjoni utli u tikkomunikalhom, fi kwalunkwe każ, bil-miktub ir-raġunijiet għat-tkeċċija, in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema li ser jitkeċċew, in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema normalment impjegati, il-perijodu li matulu huwa ppjanat li tipproċedi bit-tkeċċijiet u l-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew.

    30.

    Fi kliem ieħor, il-kompletezza ta’ din l-informazzjoni kif ukoll il-mument li fih din għandha tiġi kkomunikata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jippermettu li dawn ikollhom data rilevanti li tagħtihom il-possibbiltà li jkunu suffiċjentement informati sabiex jipparteċipaw b’mod utli fid-djalogu mal-persuna li timpjega u, jekk dan jirriżulta possibbli, li jaslu għal ftehim magħha.

    3. Fuq l‑obbligu ta’ informazzjoni tal‑awtorità pubblika kompetenti

    31.

    Fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni tal-awtorità pubblika kompetenti previst mid‑Direttiva 98/59, għandu jiġi rrilevat li din tipprevedi biss, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tagħha, li l-persuna li timpjega għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti ċerti elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, il-persuna li timpjega għandha tinnotifika bil-miktub kull pjan ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti. Kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 16 ), dawn iż-żewġ obbligi jkopru żewġ stadji proċedurali li għandhom skedi differenti ( 17 ). Filwaqt li l-obbligu previst fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 għandu jitwettaq meta l-persuna li timpjega sempliċement tippjana li tipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi u tipproċedi għal dan il-għan bl-informazzjoni u bil-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-obbligu previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva japplika meta l-persuna li timpjega tkun żviluppat il-pjan ta’ tkeċċija kollettiva tagħha u jidħol fil-proċedura ta’ tkeċċija proprja ( 18 ).

    32.

    Mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59 jirriżulta li n-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija għandha tinkludi l-informazzjoni utli kollha li tikkonċerna l-pjan ta’ tkeċċija kollettiva u l-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u partikolarment ir-raġunijiet għat-tkeċċija, in-numru ta’ ħaddiema li ser jitkeċċew, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li matulu huwa ppjanat li jsiru t-tkeċċijiet.

    33.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-effikaċja ta’ dan l-obbligu ta’ notifika billi ppreveda, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59, li t-tkeċċijiet kollettivi li l-pjan tagħhom kien innotifikat lill-awtorità pubblika kompetenti ma għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara din in-notifika ( 19 ). Fi kwalunkwe każ, it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, isseħħ qabel in-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija kollettiva lil din l-awtorità pubblika ( 20 ).

    34.

    L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 98/59 jippreċiża l-għan tal-obbligu ta’ notifika tal-pjan ta’ tkeċċija, peress li l-awtorità pubblika kompetenti għandha, essenzjalment, tuża dan it-terminu minimu ta’ tletin ġurnata sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet. F’dan ir-rigward, in-natura tat-tfittxija li din l-awtorità għandha twettaq jidhirli li tista’ tiġi stabbilita fid-dawl tal-kamp kopert minn din id-direttiva, li tirrigwarda, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti soċjoekonomiċi li t-tkeċċijiet kollettivi jistgħu jikkawżaw f’kuntest lokali u f’ambjent soċjali partikolari ( 21 ). Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika tal-pjan ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika għandu jippermettilha tesplora, abbażi tal-informazzjoni kollha mibgħuta lilha mill-persuna li timpjega, il-possibbiltajiet li tillimita, permezz ta’ miżuri xierqa għad-data tas-suq tal-impjieg u tal-attività ekonomika li fiha jaqgħu t-tkeċċijiet kollettivi, il-konsegwenzi negattivi tal-imsemmija tkeċċijiet.

    35.

    Fil-fehma tiegħi, l-argumenti preċedenti jippermettu li jiġi ċċarat l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59.

    36.

    Fil-fatt, inqis li l-obbligu li jintbagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti ċerti elementi tal-komunikazzjoni mogħtija lir-rappreżentanti tal-impjegati, kif previst f’dan l-artikolu, għandu jilħaq għan analogu għall-obbligu ta’ notifika tal-pjan ta’ tkeċċija impost mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-informazzjoni kkomunikata mill-persuna li timpjega tirrigwarda essenzjalment ir-raġunijiet tal-pjan ta’ tkeċċija, l-estensjoni tagħha u l-perijodu li matulu huwa ppjanat li tipproċedi bit-tkeċċijiet. Issa, jidhirli li tali informazzjoni dwar il-karatteristiċi tat-tkeċċijiet kollettivi tista’ tippermetti lill-awtorità pubblika tevalwa l-konsegwenzi ta’ dawn it-tkeċċijiet u tfassal miżuri xierqa. Huwa minnu li dawn l-elementi huma kkomunikati lill-awtorità pubblika fil-mument meta, peress li t-tkeċċijiet kollettivi jkunu sempliċement ippjanati, il-persuna li timpjega tibda negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li sa minn din il-fażi, it-tkeċċijiet jista’ jkollhom diġà grad għoli ta’ probabbiltà, jew anki jkunu inevitabbli, b’tali mod li, f’tali każ, l-informazzjoni bikrija tal-awtorità pubblika tista’ tippermetti li din tipprepara l-intervent tagħha qabel in-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija.

    37.

    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-analiżi tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 75/129/KEE ( 22 ), li l-Artikolu 2(3) tagħha kien jipprovdi, essenzjalment, obbligu simili ta’ trażmissjoni lill-awtorità pubblika kompetenti tal-komunikazzjoni bil-miktub mibgħuta lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Issa, dan l-obbligu kien ġie introdott fuq proposta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għar-raġuni li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jsiru jafu immedjatament b’sitwazzjoni li jista’ jkollha effett kruċjali fuq is-suq tax-xogħol u jippreparaw ruħhom għall-miżuri eventwalment neċessarji ( 23 ).

    38.

    B’hekk, jidhirli li l-iskop tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 għandu jkun iċċarat permezz ta’ aspett komplementari tal-obbligu previst f’dan l-artikolu. Huwa minnu li din id-direttiva timponi, fuq il-persuni li jimpjegaw, obbligi distinti fir-rigward tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-awtorità pubblika kompetenti. Madankollu, dawn l-obbligi, li t-tnejn jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, ma humiex isseparati b’mod assolut. Għall-kuntrarju, jeżistu rabtiet bejn dawn iż-żewġ obbligi ( 24 ) li minnhom jirriżulta li r-rwol tal-awtorità pubblika kompetenti jiddependi mill-iżvolġiment u mir-riżultat tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    39.

    Din ir-rabta hija b’mod partikolari stabbilita mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li tipprevedi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li n-notifika lill-awtorità pubblika kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni utli kollha li tirrigwarda l-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, li l-persuna li timpjega għandha tibgħat lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija, sabiex dawn ikunu jistgħu jindirizzaw ukoll l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom lill-awtorità pubblika kompetenti.

    40.

    Għalhekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-intervent tal-awtorità pubblika huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-kontenut u r-riżultat tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet li dawn jistgħu jagħmlu fl-aħħar tan-negozjati li l-persuna li timpjega għandha tibda.

    41.

    Barra minn hekk, mill-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jiġi dedott li din ir-relazzjoni hija stabbilita wkoll, qabel in-notifika ta’ pjan ta’ tkeċċija kollettiva, waqt il-proċess ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-obbligu ta’ trażmissjoni lill-awtorità pubblika kompetenti ta’ ċerti elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, dan jaqa’ fil-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ma’ dawn ir-rappreżentanti. Kif diġà esponejt, din il-proċedura timplika li l-imsemmija rappreżentanti jkollhom, fi żmien xieraq, data rilevanti li tippermettilhom jipparteċipaw effettivament fid-djalogu mal-persuna li timpjega.

    42.

    Minn dan l-angolu, it-twettiq mill-persuna li timpjega tal-obbligu tagħha ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema ma huwiex limitat għall-ftuħ tal-proċedura iżda jestendi fiż-żmien. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tnissil tal-obbligu tal-persuna li timpjega li tibda l-konsultazzjonijiet dwar it-tkeċċijiet kollettivi ppjanati ma jiddependix fuq il-fatt li din tkun diġà f’pożizzjoni li tipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni kollha msemmija fil-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, b’tali mod li din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata waqt il-konsultazzjonijiet, u mhux neċessarjament fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura. Fil-fatt, il-loġika tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva hija li l-persuna li timpjega tipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni rilevanti tul il-konsultazzjonijiet. Peress li l-informazzjoni tista’ ssir disponibbli biss f’mumenti differenti tal-proċess ta’ konsultazzjoni, il-persuna li timpjega għandha l-possibbiltà u l-obbligu li tikkompletaha matul dan il-proċess, u kull informazzjoni rilevanti ġdida għandha tiġi pprovduta sal-aħħar mument tal-imsemmi proċess ( 25 ).

    43.

    Peress li l-awtorità amministrattiva kompetenti hija d-destinatarja tal-elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub mibgħuta lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, minn dan jirriżulta li din għandha tkun informata, matul il-perijodu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni, bil-kontenut u bil-kwalità tal-informazzjoni li abbażi tagħha dawn ir-rappreżentanti jinnegozjaw mal-persuna li timpjega. Għaldaqstant, minn dan jiġi dedott li din l-awtorità taf bl-iżvolġiment u bl-iżvilupp tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    44.

    Issa, l-iżvolġiment tajjeb tan-negozjati, sa fejn jikkostitwixxi element determinanti tal-possibbiltà għall-persuna li timpjega u għar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jaslu għal ftehim, għandu effett determinanti fuq id-destin tat-tkeċċijiet kollettivi ppjanati u, għalhekk, fuq l-estensjoni u n-natura tas-soluzzjonijiet li l-awtorità pubblika għandha tibda tesplora sabiex tindirizza l-konsegwenzi negattivi tagħhom.

    45.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nikkunsidra li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59, li l-għan tiegħu huwa li l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata dwar il-karatteristiċi tat-tkeċċijiet kollettivi ppjanati mill-persuna li timpjega kif ukoll dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-persunal, għandu l-iskop li jippermetti lil din l-awtorità tevalwa, qabel in-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija kollettiva, il-konsegwenzi eventwali ta’ dawn it-tkeċċijiet u, jekk ikun il-każ, li tipprepara ruħha għall-miżuri neċessarji sabiex tindirizzahom.

    46.

    Għalhekk, sabiex tingħata kjarifika lill-qorti tar-rinviju, jibqa’ neċessarju li jiġi ppreċiżat il-kuntest stabbilit mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu previst f’dan l-artikolu u, għalhekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiddeterminaw is-sanzjoni applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu.

    C.   Fuq id‑determinazzjoni tal‑miżuri applikabbli

    47.

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-iskop tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jagħtix lill-ħaddiema protezzjoni individwali, b’tali mod li, skont id-dritt Ġermaniż, il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġu ssanzjonat bin-nullità tat-tkeċċija.

    48.

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, sa fejn dan l-artikolu jimponi obbligu fuq il-persuna li timpjega, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jkollhom proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji sabiex jitolbu l-osservanza ta’ dan l-obbligu.

    49.

    Dwar dan il-punt, qabelxejn, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 ma jimponix fuq l-Istati Membri miżura speċifika fil-każ ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti minn din id-direttiva, iżda jħallihom ħielsa li jagħżlu fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, skont id-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jippreżentaw ruħhom. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għandu jkollhom effett dissważiv reali ( 26 ).

    50.

    Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva imkien ma jimponi li l-Istati Membri jissanzjonaw il-ksur ta’ wieħed mill-obbligi previsti mill-imsemmija direttiva permezz tan-nullità tat-tkeċċija. Fil-fatt, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 92/56 jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ipproponiet lill-Istati Membri li jipprevedu b’mod espliċitu li l-miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligi imposti fuq il-persuni li jimpjegaw jinkludu b’mod partikolari proċeduri ta’ annullament tat-tkeċċijiet kollettivi ( 27 ). Madankollu, din il-proposta ġiet miċħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li adotta, fl-Artikolu 5a tad-Direttiva 92/56, dispożizzjonijiet li l-formulazzjoni tagħhom, identika għal dik tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, ma tinkludi ebda referenza għall-annullament tat-tkeċċijiet kollettivi. Għalhekk, minkejja li dan l-aħħar artikolu ma jagħmel ebda referenza għall-proċeduri ta’ annullament tat-tkeċċijiet kollettivi, l-Istati Membri xorta għandhom, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59, il-possibbiltà li jipprevedu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.

    51.

    Fir-rigward tan-natura tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-obbligu previst f’dan l-artikolu għandu l-iskop li jippermetti lill-awtorità amministrattiva tevalwa, qabel in-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija kollettiva, il-konsegwenzi eventwali ta’ dawn it-tkeċċijiet u, jekk ikun il-każ, tipprepara ruħha għall-miżuri neċessarji sabiex tindirizzahom. Fi stadju fejn it-tkeċċijiet huma sempliċement ippjanati mill-persuna li timpjega, l-azzjoni tal-awtorità pubblika kompetenti ma hijiex intiża li tittratta s-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-ħaddiema iżda hija intiża sabiex tifhem b’mod globali t-tkeċċijiet kollettivi u tevalwa l-mezzi li bihom tindirizza l-konsegwenzi negattivi tagħhom. Fil-fehma tiegħi, minn dan jiġi dedott li l-imsemmi artikolu jagħti lill-ħaddiema protezzjoni kollettiva, u mhux individwali.

    52.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni, li huwa intiż għall-benefiċċju tal-ħaddiema bħala kollettività u għandu, għalhekk, natura kollettiva, huwa eżerċitat permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema ( 28 ). Issa, sa fejn l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-awtorità pubblika ta’ ċerti elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub mibgħuta lir-rappreżentanti tal-ħaddiema jaqa’ fil-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ma’ dawn ir-rappreżentanti, huwa loġiku li jiġi kkunsidrat li dan l-obbligu joħloq dritt li għandu karatteristiċi simili.

    53.

    Barra minn hekk, in-natura kollettiva tal-protezzjoni mogħtija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 jidhirli li timplika li l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità, fid-dritt intern tagħhom, lill-possibbiltà għar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jeżerċitaw azzjonijiet li jippermettulhom jitolbu l-kontroll tal-osservanza mill-persuna li timpjega tal-obbligu previst f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa minnu li din in-natura kollettiva bl-ebda mod ma ċċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà, fid-dawl tal-libertà ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jikkompletaw din id-dispożizzjoni u li jiżguraw lill-ħaddiema azzjonijiet individwali intiżi għall-istess għan, u/jew li jinvokaw il-konsegwenzi tal-ksur ta’ dan l-artikolu fuq it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol.

    54.

    Għaldaqstant, lil hinn minn dawn l-indikazzjonijiet, id-determinazzjoni eżatta tal-miżuri xierqa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/59 taqa’, kif diġà indikajt, taħt il-libertà tal-Istati Membri u tiddependi prinċipalment fuq il-karatteristiċi partikolari ta’ kull dritt industrijali nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Minn dan jirriżulta li la huwa possibbli u lanqas, fil-fehma tiegħi, mixtieq li jingħataw dettalji tal-proċeduri partikolari li l-Istati Membri għandhom jinkludu fid-dritt nazzjonali tagħhom. Huwa suffiċjenti li dawn il-miżuri jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u jipproduċu effett dissważiv reali.

    VI. Konklużjoni

    55.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) tkun f’dan is-sens:

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-awtorità pubblika kompetenti tal-inqas kopja tal-elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub previsti fis-subpunti (i) sa (v) tal-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva għandu l-iskop li jippermetti lil din l-awtorità tevalwa l-konsegwenzi eventwali tat-tkeċċijiet kollettivi fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati u, jekk ikun il-każ, tipprepara ruħha għall-miżuri neċessarji sabiex tindirizzahom. L-Istati Membri għandhom, fid-dritt intern tagħhom, jipprevedu miżuri li jippermettu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema jitolbu l-kontroll tal-osservanza ta’ dan l-obbligu. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għandu jkollhom effett dissważiv reali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

    ( 3 ) Dawn l-elementi jinkludu i) ir-raġunijiet tal-pjan ta’ tkeċċija; ii) in-numru u l-kategoriji tal-ħaddiema li ser jitkeċċew; iii) in-numru u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati; iv) il-perijodu li matulu huwa ppjanat li jsiru t-tkeċċijiet, kif ukoll v) il-kriterji previsti għall-għażla tal-ħaddiema li ser jitkeċċew sa fejn il-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali jagħtu kompetenza lill-persuna li timpjega. Barra minn hekk, skont is-subpunt (vi) tal-punt b ta’ dan l-Artikolu 2(3), il-persuna li timpjega għandha wkoll tikkomunika lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-metodu tal-kalkolu previst għal kwalunkwe allowance ta’ tkeċċija eventwali minbarra dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali.

    ( 4 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Les Entreprises du Médicament (C‑20/22, EU:C:2022:1028, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 5 ) Huwa neċessarju li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “tkeċċijiet kollettivi” ma huwiex limitat biss għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol abbażi ta’ raġuni ekonomika. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59, “redundancies kollettivi” għandhom ifissru t-tkeċċijiet għal raġuni waħda jew iktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta dawn jirrigwardaw ċertu numru ta’ impjegati li jvarja skont jekk l-Istati Membri jagħżlux perijodu ta’ referenza ta’ tletin jew ta’ disgħin jum.

    ( 6 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2015, Lyttle et (C‑182/13, EU:C:2015:317, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 41).

    ( 8 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing (C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2015, USDAW u Wilson (C‑80/14, EU:C:2015:291, punt 65). Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprovdu miżuri ta’ natura li jiżguraw livell ta’ protezzjoni li jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema kontra t-tkeċċijiet kollettivi, dawn il-miżuri ma jistgħux iċaħħdu lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 mill-effett utli tagħhom. Dan ikun il-każ ukoll jekk leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lill-persuna li timpjega minn kull possibbiltà effettiva li tipproċedi bi tkeċċijiet kollettivi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 35 sa 38).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing (C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ciupa et (C‑429/16, EU:C:2017:711, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 35 sa 40).

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ciupa et (C‑429/16, EU:C:2017:711, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 39).

    ( 15 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Nirreferi għall-punt 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni.

    ( 17 ) Ara, dwar dan il-punt, Rodière P., “L’influence du droit communautaire et du droit international”, Droit social, 2008, p. 895.

    ( 18 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jinsab fit-Taqsima III intitolata “Il-proċedura għal redundancies kollettivi”, filwaqt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema taqa’ fit-Taqsima II ta’ din id-direttiva, intitolata “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”.

    ( 19 ) L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 98/59 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li tingħata lill-awtorità pubblika kompetenti l-possibbiltà li testendi dan it-terminu sa sittin ġurnata wara n-notifika tal-pjan ta’ tkeċċija kollettiva meta, skont dan l-artikolu, “l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta’ redundancies kollettivi x’aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali”. B’mod simetriku, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, il-possibbiltà li jnaqqsu dan it-terminu ta’ tletin ġurnata. Minkejja li l-imsemmija direttiva ma tippreċiżax il-każijiet li fihom jista’ jiġi previst tali tnaqqis, jidhirli li dan ikun il-każ jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni, il-persuna li timpjega u r-rappreżentanti tal-ħaddiema setgħu jaslu għal ftehim.

    ( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 53).

    ( 21 ) Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Lyttle et (C‑182/13, EU:C:2015:317, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi (ĠU 1975, L 48, p. 29). Din id-direttiva ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/56/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1992 (ĠU 1992, L 245, p. 3) u mbagħad imfassla mill-ġdid bid-Direttiva 98/59.

    ( 23 ) Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tipproduċi l-minuti ta’ laqgħa tal-Kunsill tat‑22 ta’ April 1974 dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi” (dokument tal-Kunsill 754/74).

    ( 24 ) F’dan ir-rigward, ninnota li, fil-proposta emendata tagħha li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 75/129, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat “li azzjoni konġunta sistematika tat-tmexxija tal-impriża, tal-awtoritajiet u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tikkostitwixxi l-aħjar mezz sabiex jiġi żgurat li leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-tkeċċijiet kollettivi tilħaq bl-aħjar mod l-iskop doppju tagħha: funzjoni ta’ protezzjoni soċjali u regolatur ekonomiku” (COM (73) 1980 final).

    ( 25 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533, punti 51 sa 53).

    ( 26 ) Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing (C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara, dwar dan il-punt, il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 75/129/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi (COM(91) 292 final) (ĠU 1991, C 310, p. 5).

    ( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling (C‑12/08, EU:C:2009:466, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Top