EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0829

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:244

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑829/21 u C‑129/22

TE,

RU, legalment irrappreżentata minn TE

vs

Stadt Frankfurt am Main (C‑829/21)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse, il-Ġermanja))

u

EF

vs

Stadt Offenbach am Main (C‑129/22)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika ta’ immigrazzjoni – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti fit-tul – Artikolu 9(4) – Irtirar jew telf ta’ status – Artikolu 14 – Resident li jakkwista d-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li tah l-istatus tiegħu ta’ resident fit-tul – Tiġdid tal-permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru – Kundizzjonijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(4) u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 ( 3 ).

2.

Dawn it-talbiet saru fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑829/21, TE, minn naħa, ċittadina Ganjana, u RU, bintha, imwielda fil-Ġermanja, u min-naħa l-oħra, Stadt Frankfurt am Main (il-belt ta’ Frankfurt-am Main, il-Ġermanja), u, fil-Kawża C‑129/22, EF, ċittadin Pakistani, u Stadt Offenbach am Main (il-belt ta’ Offenbach am Main, il-Ġermanja).

3.

Dawn it-tilwimiet jirrigwardaw, għall-kawża C‑829/21, ir-rifjut tal-uffiċċju tal-barranin kompetenti li jġedded il-permess ta’ residenza ta’ TE u li joħroġ permess ta’ residenza lil RU, it-tifla minuri tagħha, u, għall-Kawża C‑129/22, ir-rifjut tal-uffiċċju tal-barranin kompetenti li jġedded il-permess ta’ residenza ta’ EF, għar-raġuni li TE, minn naħa, u EF, min-naħa l-oħra, kienu tilfu d-dritt tagħhom għall-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident fit-tul mogħti fl-Italja minħabba l-assenza tagħhom mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin.

4.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq it-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑829/21 ( 4 ). Permezz ta’ din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tispeċifika, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fi Stat Membru għajr dak li ta l-istatus ta’ resident fit-tul, id-data għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dan l-istatus.

5.

F’dawn il-konklużjonijiet, fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fi Stat Membru għajr dak li ta l-istatus ta’ resident fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz, id-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dan l-istatus hija d-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid u d-dokumenti ta’ sostenn, u mhux data matul il-fażi amministrattiva tal-eżami ta’ din l-applikazzjoni jew l-eventwali fażi ġudizzjarja ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

Il-premessa 21 tad-Direttiva 2003/109 tgħid:

“L-Istat Membru li fih residenti għat-tul ikollu l-ħsieb li jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha ta’ residenza għandu ikun jista’ jivverifika li l-persuna konċernata tissodisfa l-kondizzjonijiet għar-residenza fit-territorju tiegħu […]”

7.

L-Artikolu 2(b), (c) u (d), ta’ din id-direttiva jinkludi, għall-finijiet tagħha, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“b)

‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

c)

‘l-ewwel Stat Membru’ tfisser l-Istat membru li għall-ewwel darba ta’ l-istatus ta’ rewsidenti għal perjodui twil ta’ żmien lil ċittadin ta’ pajjiż terz;

d)

‘it-tieni Stat Membru’, tfisser xi Stat Membru minbarra dak li jkun ta’ għall-ewwel darba l-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz u li fih ir-residenti għat-tul jeżerċita d-dritt ta’ residenza.”

8.

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.

2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess KE ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.”

9.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.   Ir-resident għat-tul li ikun irrisjeda fi Stat Membru ieħor skond il-Kapitolu III ma għandux aktar ikollu d-dritt li jżomm l-istatus tiegħu/tagħha ta’ resident għat-tul miksub fl-ewwel Stat Membru fejn dak l-istatus jingħata fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 23.

F’kull każ wara sitt snin ta’ nuqqas mit-territorju ta’ l-Istat Membru li ikun ta l-istatus ta’ residenti għat-tul il-persuna konċernata ma għandhiex ikollha aktar id-dritt li żżomm l-istatus tagħha ta’ resident għat-tul fl-imsemmi Stat Membru.

B’deroga mit-tieni subparagrafu l-Istat Membru konċernat jista’ jipprovdi li għal raġunijiet speċifiċi ir-residenti għat-tul jista’ jżmomm l-istatus tiegħu/tagħha ta’ residenti għat-tul fl-imsemmi Stat membru fil-każ ta’ assenzi għal perjodu li jeċċedi s-sitt snin.

5.   Fir-rigward tal-każi msemmija […] fil-paragrafu 4, l-Istati Membri li ikunu taw l-istatus għandhom jipprovdu għal proċedura faċilitata għall-kisba mill-ġdid ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul.

[…]”

10.

Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva:

“Residenti għat-tul għandu jikseb id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta’ l-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus ta’ residenti għat-tul, għal perjodu li jisboq it-tlett xhur, kemm-il darba l-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-kapitolu jitħarsu.”

11.

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-residenza f’tieni Stat Membru”, jipprovdi:

“1.   Mill-aktar fis u mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, ir-residenti għat-tul jista’ japplika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għal permess ta’ residenza.

[…]

4.   L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’evidenza dokumentarja, li għandha tiġi stabbilita bili-liġi nazzjonali, li l-persuni konċernati jissodisfaw il-kondizzjonijiet relevanti, kif ukoll permezz tal-permess ta’ residenti għat-tul u dokument validu ta’ l-ivvjaġġar jew kopji ċertifikati tagħhom.

[…]”

12.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Eżami ta’ l-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permess ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 jiġu sodisfatti […] it-tieni Stat Membru għandu joħroġ lir-resident għat-tul permess ta’ residenza li jiġġedded. Il-permess ta’ residenza għandu, b’applikazzjoni, jekk meħtieġ, jiġġedded malli jiskadi. It-tieni Stat Membru għandu jinforma lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.”

13.

L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Irtirar tal-permess ta’ residenza u obbligu għal dħul lura”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenti għat-tul, it-tiini Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira l-permess tar-residenza u li jobbliga lill-persuna konċernata u lill-membri tal-familja tiegħu/tagħha, skond il-proċeduri li hemm provvidiment dwarhom fil-liġi nazzjonali, inklużi proċeduri ta’ tneħħija, li jħallu t-territorju tiegħu fil-każi li ġejjin:

[…]

b)

fejn il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 ma jkunux aktar imħarsa.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

14.

L-Artikolu 38a tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) ( 5 ) tal‑25 ta’ Frar 2008, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwim fil-kawża prinċipali, intitolat “Permess ta’ residenza għal residenti għal perijodu twil fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu:

“Permess ta’ residenza jinħareġ lil barrani li jgawdi l-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jekk jixtieq jibqa’ iktar minn 90 jum residenti fit-territorju federali […]”

15.

Il-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(9) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul jiskadi biss jekk il-barrani jgħix barra mit-territorju federali għal perijodu ta’ sitt snin.

16.

L-Artikolu 52(6) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 38a tal-istess liġi għandu, bħala prinċipju, jiġi rrevokat jekk il-barrani jitlef l-istatus tiegħu ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.   Il-Kawża C‑829/21

17.

TE, ċittadina Ganjana, daħlet fit-territorju Ġermaniż fit‑3 ta’ Settembru 2013, mill-Italja.

18.

Hija għandha permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul maħruġ fl-Italja li jinkludi l-kliem “illimitata” ((perijodu) illimitat) u “Soggiornante di Lungo Periodo – [UE]” (resident fit-tul – [UE]).

19.

Skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG, l-uffiċċju tal-barranin tal-belt ta’ Offenbach (il-Ġermanja), li kellu kompetenza dak iż-żmien, taha, fil‑5 ta’ Diċembru 2013, permess ta’ residenza validu għal tul ta’ sena.

20.

Fil‑5 ta’ Awwissu 2014, TE welldet lil RU, li kienet tbati minn difett fil-qalb serju ħafna li kien jeħtieġ operazzjonijiet u eżamijiet ta’ segwitu, li għamluha impossibbli li TE tkompli bl-attività professjonali tagħha. Quddiem din is-sitwazzjoni, TE kellha tirrikorri għall-benefiċċji soċjali sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-familja tagħha.

21.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-uffiċċju tal-barranin tal-belt ta’ Offenbach tat‑30 ta’ Jannar 2015, l-applikazzjonijiet ta’ TE u RU, ippreżentati fit‑12 ta’ Novembru 2014 u intiżi, rispettivament, għat-tiġdid u l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, ġew miċħuda, għar-raġuni li l-mezzi ta’ għajxien tagħhom ma kinux iggarantiti skont il-punt tal-Artikolu 5(1) tal-AufenthG. TE u RU intalbu jitilqu mit-territorju Ġermaniż u ġew mhedda bi tneħħija lejn l-Italja jew il-Gana.

22.

Ir-rikors għal inġunzjoni ippreżentat minn dawn tal-aħħar kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2015.

23.

TE u RU mbagħad talbu li jiġi ammess appell minn din is-sentenza quddiem il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse, il-Ġermanja).

24.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2016, din il-qorti laqgħet l-appell minħabba dubji serji li kellha dwar il-fondatezza tas-sentenza tal-ewwel istanza fid-dawl tal-importanza tal-kura medika li kellha bżonn RU, ċirkustanza li, skont din il-qorti, tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista fil-punt 1 tal‑Artikolu 5(1) tal-AufenthG.

25.

Mill‑1 ta’ Novembru 2017, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju ġiet sospiża.

26.

Fis‑7 ta’ Settembru 2020, il-belt ta’ Frankfurt am Main issoktat b’din il-proċedura. Hija attwalment targumenta li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil TE taħt l-Artikolu 38a tal-AufenthG ma għadux possibbli. Fil-fatt, hija ilha iktar minn sitt snin ma toqgħod l-Italja u għalhekk ma għadhiex tibbenefika mill-istatus ta’ resident fit-tul tal-UE. Permess ta’ residenza lanqas ma jista’ jinħareġ lil TE taħt l-Artikolu 9a tal-AufenthG peress li TE u RU jgħixu f’appartament iffinanzjat mis-servizzi soċjali, li ma jikkostitwixxix “akkomodazzjoni xierqa” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 38a(1) tal-[AufenthG] li, skont id-dritt nazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tkun residenti għal żmien twil u li tkun tixtieq tibdel l-Istat ta’ residenza tagħha għandha tibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru anki fid-data tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħha, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 14 et seq tad-Direttiva [2003/109], li jipprevedu biss li persuna li tkun residenti għal żmien twil għandha d-dritt li tirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li jkun taha l-istatus ta’ persuna residenti għal żmien twil, kemm-il darba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ din id-Direttiva jkunu ssodisfatti wkoll?

2)

Meta tiddeċiedi dwar talba għal tiġdid taħt l-Artikolu 38a(1) tal-[AufenthG], l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-barranin tista’ tikkonstata, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 et seq tad-Direttiva 2003/109 u f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet l-oħra għal tiġdid temporanju jkunu ssodisfatti u fejn il-persuna barranija jkollha b’mod partikolari dħul stabbli u regolari, li din il-persuna, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, fil-frattemp, jiġifieri wara li tkun stabbilixxiet ruħha fit-tieni Stat Membru, tilfet l-istatus li kellha fl-ewwel Stat Membru, konstatazzjoni din li twassal għat-telf ta’ dritt? Id-data rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni hija dik tal-aħħar deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda:

Il-persuna li hija residenti għal żmien twil għandha l-oneru li turi li d-dritt ta’ residenza tagħha bħala persuna li hija residenti għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru ma skadiex?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali jistgħu jeżaminaw il-permess ta’ residenza maħruġ għal żmien illimitat lill-persuna li hija residenti għal żmien twil jew dan ikun kuntrarju għall-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet amministrattivi?

4)

Fil-każ ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz li tkun waslet fil-Ġermanja mill-Italja b’permess ta’ residenza maħruġ għal żmien illimitat lil persuni li jkunu residenti għal żmien twil, li jkollha dħul stabbli u regolari, il-fatt li ma tkunx stabbilixxiet li għandha akkomodazzjoni xierqa jista’ jiġi invokat fil-konfront tagħha f’sitwazzjoni fejn il-Ġermanja ma użatx is-setgħa prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109 u fejn l-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali kienet meħtieġa biss minħabba l-fatt li, bħala ċittadina li ma għandhiex permess ta’ residenza taħt l-Artikolu 38a tal-[AufenthG], ma kienet tirċievi ebda allowance għat-tfal?”

B.   Il-Kawża C‑129/22

28.

EF, ċittadin Pakistani, daħal fit-territorju Ġermaniż fl‑1 ta’ April 2014, mill-Italja.

29.

Huwa għandu permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul maħruġ fl-Italja li jinkludi l-kliem “illimitat” ((żmien) illimitat) u “Soggiornante di Lungo Periodo – (UE)” (resident fit-tul) – (UE)).

30.

Skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG, l-uffiċċju tal-barranin tal-Landkreis Offenbach (id-distrett ta’ Offenbach, il-Ġermanja), li kellu kompetenza dak iż-żmien, tah, fl‑10 ta’ Lulju 2014, permess ta’ residenza validu għal tul ta’ sena.

31.

Dan il-permess ta’ residenza mbagħad baqa’ jiġġedded b’mod kontinwu, l-aħħar darba fit‑28 ta’ Mejju 2019 mill-belt ta’ Offenbach am Main, li issa għandha kompetenza, sat‑13 ta’ Lulju 2021.

32.

L-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG, ippreżentata minn EF fis‑17 ta’ Marzu 2021, ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-belt ta’ Offenbach am Main tas‑27 ta’ April 2021, essenzjalment għar-raġuni li dan kien tilef l-istatus ta’ resident fit-tul, peress li ma kienx irrisjeda fl-Italja għal iktar minn sitt snin.

33.

Fis‑6 ta’ Mejju 2021, EF ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt) bil-għan, b’mod partikolari, li jobbliga lill-belt ta’ Offenbach am Main iġġedded il-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG.

34.

Il-belt ta’ Offenbach am Main ssostni l-pożizzjoni esposta fid-deċiżjoni tagħha tas‑27 ta’ April 2021, jiġifieri li EF tilef l-istatus ta’ resident fit-tul, peress li ilu ma jirrisjedi fl-Italja iktar minn sitt snin.

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ċittadin ta’ pajjiż terz li, fl-ewwel Stat Membru (f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana), ikun ġie rrikonoxxut li għandu l-istatus ta’ resident għal żmien twil fis-sens tad-Direttiva [2003/109], jista’ jitlob, fit-tieni Stat Membru (f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza li jkun inħariġlu skont l-Artikoli 14 et seq tad-Direttiva [2003/109] mingħajr ma jkollu għalfejn jistabbilixxi li huwa għadu jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

2)

L-istatus ta’ resident għal żmien twil għandu jitqies li nżamm fit-tieni Stat Membru għas-sempliċi raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza bħala resident għal żmien twil fl-Unjoni Ewropea maħruġ mill-ewwel Stat Membru għal perijodu indeterminat, f’sitwazzjoni fejn, matul sitt snin, huwa ma kienx irrisjeda fit-territorju tal-Istat Membru li tah dan l-istatus?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

3)

Fil-kuntest tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza, it-tieni Stat Membru huwa kompetenti sabiex jeżamina t-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva [2003/109] u, jekk ikun il-każ, sabiex jirrifjuta t-tiġdid, jew l-ewwel Stat Membru huwa kompetenti sabiex jikkonstata t-telf sussegwenti ta’ dan l-istatus?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

4)

F’dan il-każ, l-eżami tar-raġuni għat-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva [2003/109] jeħtieġ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tispeċifika l-kundizzjonijiet li jimplikaw it-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru jew huwa biżżejjed li d-dritt nazzjonali jipprevedi, mingħajr riferiment konkret [għal din id-]Direttiva, li t-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta l-permess ta’ residenza ‘jekk il-persuna barranija titlef l-istatus tagħha bħala resident għal żmien twil fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni’?”

36.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub fiż-żewġ kawżi.

37.

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Novembru 2022, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

38.

Permezz tal-aħħar parti tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑829/21 u li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja talbet li jiġu ffokati l-konklużjonijiet preżenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema għandha tkun id-data rilevanti li għandha tintuża għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ status ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru għall-finijiet tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru.

39.

B’mod iktar speċifiku, din il-qorti trid tkun taf jekk, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra r-rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza fi Stat Membru għajr dak li ta l-istatus ta’ resident fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz, id-data rilevanti li għandha tintuża għandhiex tkun dik tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza jew dik tal-aħħar deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja dwar din l-applikazzjoni.

40.

Preliminarjament, nosserva li mill-mekkaniżmu stabbilit mid-Direttiva 2003/109 jirriżulta li huwa preċiżament minħabba li l-ewwel Stat Membru jkun ta liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz l-istatus ta’ resident fit-tul taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva li l-persuna kkonċernata tista’ tikseb d-dritt ta’ residenza fit-territorju tat-tieni Stat Membru.

41.

Fil-fatt, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-pussess tal-istatus ta’ resident fit-tul mill-persuna kkonċernata fl-ewwel Stat Membru huwa kundizzjoni sabiex jinkiseb id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stati Membri oħra u huwa neċessarju sabiex jinkiseb permess ta’ residenza f’dan it-tieni Stat Membru. Id-dritt ta’ residenza mogħti fit-tieni Stat Membru huwa għalhekk idderivat mill-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru.

42.

Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikoli 9 u 14, kif ukoll tal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx kiseb l-istatus ta’ resident fit-tul jew ikun tilfu jew ikun ġie rtirat mingħandu, it-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza u jobbliga lill-persuna kkonċernata titlaq mit-territorju tiegħu.

43.

Għalhekk, ma hemmx dubju li l-istatus ta’ resident fit-tul għandu jeżisti fid-data tal-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru.

44.

Fil-Kawża C‑129/22, il-kwistjoni tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ status ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru għalhekk ma tqumx. Fil-fatt, EF daħal il-Ġermanja fl‑1 ta’ April 2014. Il-perijodu ta’ sitt snin previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109 jidher li skada fl‑1 ta’ April 2020. Madankollu, l-aħħar applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza ta’ EF fil-Ġermanja kienet datata s‑17 ta’ Marzu 2021. EF, għalhekk, ma setax iġedded il-permess ta’ residenza tiegħu fil-Ġermanja. Madankollu, huma l-awtoritajiet kompetenti, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, li għandhom jivverifikaw mal-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru jekk dan l-istatus inżammx.

45.

Fil-Kawża C‑829/21, il-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq, b’mod iktar speċifiku, tingħata spjegazzjoni dwar il-kwistjoni tad-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ippreżentat kontra r-rifjut tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru.

46.

F’dan ir-rigward, jidhirli li tliet dati differenti jistgħu jitqiesu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dan l-istatus. Dawn huma d-data tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru; id-data li fiha l-amministrazzjoni tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni, jew id-data li fiha l-qorti tiddeċiedi dwar rikors kontra r-rifjut li jiġġedded il-permess ta’ residenza.

47.

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet għażla, jiena tal-fehma li l-possibbiltà li jiġġedded il-permess ta’ residenza ta’ resident fit-tul fit-tieni Stat Membru ma għandhiex tiddependi mill-ħeffa jew mit-tul tal-ipproċessar u tal-eżami tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

48.

Id-dritt ta’ residenza li r-resident fit-tul jitlob il-benefiċċju tiegħu – sakemm l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tkun ġiet ippreżentata meta l-persuna kkonċernata kellha status ta’ resident fit-tul twil fl-ewwel Stat Membru – ma jistax jiddependi fuq il-każwalità tad-dati li fihom jingħataw id-deċiżjonijiet, u lanqas fuq il-mogħdija taż-żmien, kif inhu l-każ fil-Kawża C‑829/21.

49.

Fil-fatt, kien biss wara sospensjoni tal-proċeduri ta’ kważi tliet snin (mill‑1 ta’ Novembru 2017 sas‑7 ta’ Settembru 2020) li l-konvenuta argumentat li TE kienet ilha ma tgħix l-Italja għal iktar minn sitt snin u l-istatus tagħha ta’ resident fit-tul kien diġà skada hemmhekk.

50.

Għalhekk, jidhirli li jekk id-dritt ta’ residenza fit-tieni Stat Membru jkun jiddependi fuq id-data tal-aħħar deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u, għalhekk, mill-ikbar jew mill-inqas ħeffa li biha l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, dan iqiegħed fid-dubju l-effettività tad-Direttiva 2003/109.

51.

Dan l-approċċ imur mhux biss kontra l-għan ta’ din id-direttiva, li trid tqarreb id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess ta’ residenza fit-tul ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni ( 6 ), iżda wkoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ċ-ċertezza legali.

52.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija kontra r-rifjut tal-amministrazzjoni li ġġedded il-permess ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun kuntrarju għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt għal rimedju effettiv li l-eżerċizzju tar-rimedju previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/109 jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident fit-tul jista’ jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fit-tieni Stat Membru minħabba l-mogħdija taż-żmien inerenti f’dan it-tip ta’ kontenzjuż u li l-applikant jidher li ma għandu l-ebda kontroll fuqha ( 7 ).

53.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ tali proċeduri ġudizzjarji, il-legalità tal-att ikkonċernat għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data tal-adozzjoni ta’ dan l-att. Madankollu, l-amministrazzjoni kompetenti sabiex tevalwa jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandux status ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru, għandha tieħu bħala l-mument rilevanti dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza u tad-dokumenti ta’ sostenn, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109.

54.

B’hekk, it-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru li jseħħ matul il-proċedura amministrattiva jew matul il-proċeduri ġudizzjarji wara rifjut ta’ tiġdid ma jistax jiġi invokat kontra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja minħabba l-mogħdija taż-żmien bejn id-data tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru u d-data li fiha l-qorti tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tiċħad din l-applikazzjoni.

55.

Madankollu, it-telf tal-istatus ta’ resident fit-tul matul il-proċedura amministrattiva jew matul il-proċedura ġudizzjarja għandu l-konsegwenzi. Fil-fatt, xejn ma jipprevjeni lill-amministrazzjoni, sussegwentement, wara li tkun ivverifikat li l-istatus ta’ resident fit-tul ma ġiex estiż fl-ewwel Stat Membru skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109, li tikkonstata li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kellu l-istatus ta’ resident fit-tul tiegħu rtirat jew mitluf skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, u tirrifjuta li ġġedded jew tirtira l-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva.

56.

Madankollu, dan ir-rifjut ta’ tiġdid jew dan l-irtirar għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ġdida mill-awtorità kompetenti li tista’ tagħti lok għal kontestazzjoni ġdida u għalhekk ma tistax tintervjeni fil-kuntest tal-proċedura inizjali.

57.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/109 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fi Stat Membru għajr dak li ta l-istatus ta’ resident fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz, id-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dan l-istatus hija d-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid u tad-dokumenti ta’ sostenn, u mhux data matul il-fażi amministrattiva tal-eżami ta’ din l-applikazzjoni jew matul l-eventwali fażi ġudizzjarja ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid.

V. Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda preliminari magħmula mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, Hesse, il-Ġermanja) fil-Kawża C‑829/21 bil-mod li ġej:

L-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fil-kuntest ta’ proċedura għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza fi Stat Membru għajr dak li ta l-istatus ta’ resident fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz, id-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dan l-istatus hija d-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid u tad-dokumenti ta’ sostenn, u mhux data matul il-fażi amministrattiva tal-eżami ta’ din l-applikazzjoni jew matul l-eventwali fażi ġudizzjarja ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.

( 3 ) ĠU 2011, L 132, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/109”.

( 4 ) Il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), fil-Kawża C‑129/22, ma tagħmilx din id-domanda b’mod espliċitu, iżda tirreferi għad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑829/21.

( 5 ) BGBl. 2008 I, p. 162, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”.

( 6 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2003/109.

( 7 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja) (C‑768/19, EU:C:2021:247, punt 69).

Top