EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0122

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fis-6 ta’ Lulju 2023.
Dyson Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Enerġija – Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament Delegat tal-Kummissjoni Ewropea li jissupplimenta din id-Direttiva – Ittikkettjar tal-enerġija tal-vacuum cleaners – Annullament – Rikors għad-danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi – Ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni – Elementi rilevanti fil-każ ta’ assenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni.
Kawża C-122/22 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:552

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑6 ta’ Lulju 2023 (1)

Kawża C122/22 P

Dyson Ltd,

Dyson Technology Ltd,

Dyson Operations Pte Ltd,

Dyson Manufacturing Sdn Bhd,

Dyson Spain, SLU,

Dyson Austria GmbH,

Dyson sp. z o.o.,

Dyson Ireland Ltd,

Dyson GmbH,

Dyson SAS,

Dyson Srl,

Dyson Sweden AB,

Dyson Denmark ApS,

Dyson Finland Oy,

Dyson BV

vs

IlKummissjoni Ewropea

(Appell – Enerġija – Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 – Ittikkjettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners – Metodu ta’ ttestjar – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni)






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tikkostitwixxi l-aħħar stadju tas-saga ġudizzjarja bejn il-manifattur ta’ vacuum cleaners Dyson Ltd, u l-appellanti l-oħra li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji (li ser nirreferi għalihom flimkien bl-isem ta’ “Dyson”), u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-metodi ta’ ttestjar għall-ittikkettjar tal-enerġija tal-vacuum cleaners skont id-dritt tal-Unjoni (2).

2.        Dan huwa appell ippreżentat minn Dyson mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Diċembru 2021, Dyson et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/19, EU:T:2021:870; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

3.        Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ppreżentat minn Dyson, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Dyson affermat li ġarrbet dannu minħabba l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 dwar it-tikkettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners (3). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta.

4.        Din il-kawża għalhekk tirrigwarda l-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”, li huwa kundizzjoni għar-responsabbiltà kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-metodu ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tqajjem il-kwistjonijiet importanti li ġejjin. Huwa verament rilevanti jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, kellhiex setgħa diskrezzjonali taġixxi fil-qasam ikkonċernat jew kellhiex setgħa diskrezzjonali limitata ħafna, jew saħansitra l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward? Kif jista’ jiġi ddeterminat jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni kellhiex setgħa diskrezzjonali? Il-Qorti tal-Ġustizzja kif għandha tuża l-elementi stabbiliti fil-ġurisprudenza li jistgħu jiskużaw il-ksur inkwistjoni?

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Ilkuntest ta’ din ilkawża filqosor

5.        Qabel ma nidħol fil-kuntest kumpless ta’ din il-kawża f’iktar dettall, hemm bżonn ta’ spjegazzjoni introduttorja. Permezz tar-Regolament Delegat Nru 665/2013, il-Kummissjoni, fost affarijiet oħra, iddeterminat il-metodu ta’ ttestjar tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners, li huwa neċessarju sabiex tali apparat jingħata tikketta ta’ effiċjenza enerġetika. Il-metodu magħżul kien ibbażat fuq l-ittestjar ta’ vacuum cleaners fil-bidu tal-użu inizjali tagħhom, meta l-kontenituri tagħhom għadhom qegħdin jibdew jimtlew bit-trab. Ser nirreferi għal dan il-metodu bħala t-“test tal-borża vojta”.

6.        Fil-kawża Dyson vs Il‑Kummissjoni (4), Dyson ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn allegat li dan il-metodu ma jurix l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners “matul l-użu”, kif teżiġi l-leġiżlazzjoni bażika (Direttiva 2010/30/UE (5)) li ġiet issupplimentata mir-Regolament Delegat Nru 665/2013. Wara li is-sentenza inizjali tal-Qorti Ġenerali ġiet annullata fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja (6), li mbagħad bagħtet lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, din l-aħħar Qorti annullat ir-Regolament Delegat Nru 665/2013 (7). Il-Qorti Ġenerali qieset li t-test tal-borża vojta ma setax juri l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners “matul l-użu”. Għal dan l-għan, kien meħtieġ li l-kontenituri jkunu diġà mimlija sa ċertu livell.

7.        Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi spjegat għaliex Dyson kienet interessata tikkontesta t-test tal-borża vojta. Dyson tipproduċi u tbigħ vacuum cleaners ċikloniċi jew mingħajr borża (8). B’differenza mill-vacuum cleaners konvenzjonali bil-borża (9), li jiġġeneraw aspirazzjoni sabiex jiġbdu t-trab u l-ħmieġ mill-art u jdaħħluh f’borża li tintrema, il-vacuum cleaners mingħajr borża, kif jindika isimhom, ma jużawx boroż. Vacuum cleaner ċikloniku juża s-saħħa ċentrifuga biex jissepara t-trab u residwi mill-arja, u b’hekk jelimina l-ħtieġa ta’ boroż li jintremew.

8.        Din id-distinzjoni hija importanti fir-rigward tal-metodi ta’ ttestjar tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners fil-qalba ta’ din il-kawża. Jidhirli li l-problema hija din li ġejja: meta vacuum cleaner bil-borża juża aspirazzjoni biex jiġbor it-trab, dan jaffettwa l-prestazzjoni tiegħu; meta l-borża jew il-kontenitur ikunu vojta, l-arja tgħaddi b’mod relattivament faċli mill-filtru tal-magna u mill-pori fil-borża, sabiex l-aspirazzjoni tinżamm; madankollu, meta jintuża l-vacuum cleaner, il-borża u l-filtru jimblukkaw bit-trab u l-fluss tal-arja tonqos. B’riżultat ta’ dan, is-saħħa tal-aspirazzjoni, il-prestazzjoni tat-tindif u l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner jonqsu, peress li l-vacuum cleaner jikkonsma iktar enerġija biex jiġġieled kontra l-imblukkar u jikkumpensa għat-telf ta’ aspirazzjoni. Għall-kuntrarju, il-vacuum cleaners ċikloniċi ma għandhomx boroż u għalhekk ma jimblukkawx. Is-saħħa tal-aspirazzjoni tista’ tinżamm, irrispettivament minn jekk it-tank jimteliex jew le. Fi kliem ieħor, vacuum cleaners ċikloniċi jaħdmu bl-istess mod kemm jekk ikunu mimlija, kif ukoll jekk ikunu vojta. Din il-konstatazzjoni ma hija kkontestata minn ebda waħda mill-partijiet f’din il-proċedura.

9.        Fil-qosor, il-qofol tal-kwistjoni hija, kif tiddikjara Dyson f’din il-kawża, li t-test tal-borża vojta jirrappreżenta l-prestazzjoni massima possibbli ta’ vacuum cleaner għall-aspirazzjoni tat-trab u jaħbi b’hekk il-fatt li, ladarba l-konsumatur juża l-vacuum cleaner, l-imblukkar tal-boroż u t-telf tal-aspirazzjoni jseħħu għall-parti l-kbira tal-vacuum cleaners bil-borża tradizzjonali. Għalhekk, il-prestazzjoni tat-tindif u l-konsum tal-enerġija tal-vacuum cleaners ivarjaw meta jiġu ttestjati bl-użu ta’ borża vojta kontra meta l-borża tiġi “mimlija bit-trab”.

10.      Minkejja li t-test tal-borża vojta bħala bażi ta’ ttikkettjar tal-enerġija kien ġie abbandunat wara s-sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali, Dyson qieset li ġarrbet danni matul il-perijodu li fih kienet fis-seħħ ir-Regolament Delegat Nru 665/2013, jiġifieri, qabel l-annullament tiegħu. Dyson għalhekk ippreżentat rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

11.      Qabel ma neżamina l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (D) u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (E), ser nispjega, sa fejn huwa neċessarju għall-analiżi tal-allegazzjonijiet ta’ Dyson, il-leġiżlazzjoni rilevanti għal din il-kawża (B), kif ukoll is-sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali f’din is-saga (C).

B.      Ittikkettjar tal-enerġija talUnjoni u rRegolament Delegat Nru 665/2013

1.      Ħarsa ġenerali lejn il-leġiżlazzjoni talUnjoni dwar l-ittikkettjar tal-enerġija u lekodisinn

12.      B’mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-enerġija tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti sabiex tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Din timxi id f’id mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ekodisinn (10), li tistabbilixxi effiċjenza enerġetika minima u rekwiżiti oħra tad-disinn tal-prodotti biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali. Flimkien, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-enerġija u l-ekodisinn jgħinu sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni tal-prevenzjoni u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (11), u din il-leġiżlazzjoni hija stmata biex issalva lill-konsumaturi lil hinn minn EUR 250 biljun fis-sena. (12)

13.      Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-enerġija u l-ekodisinn bħalissa huma fis-seħħ għal għadd ta’ prodotti (13), bħat-televixins, il-magni tal-ħasil tal-platti, il-fran, ir-refriġeraturi, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u t-tumble dryers. L-ittikkettjar tal-enerġija tal-Unjoni jipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika tal-prodott ikkonċernat, bl-użu ta’ skala komparattiva tal-kuluri minn A (l-iktar effiċjenti) sa G (l-inqas effiċjenti). Apparentement, madwar 85 % tal-konsumaturi jirrikonoxxu t-tikketta tal-enerġija tal-Unjoni u jużawha fid-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom (14).

2.      Ilqafas leġiżlattiv tadDirettiva 2010/30 u tarRegolament Delegat Nru 665/2013

14.      L-ittikkettjar tal-enerġija tal-Unjoni jmur lura għad-Direttiva 79/530/KEE (15), li sussegwentement ġiet sostitwita bid-Direttiva 92/75/KEE (16). Issa, kien biss kważi 20 sena, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2010/30, li l-vacuum cleaners ġew inklużi f’dan il-qafas.

15.      Kif indikat l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2010/30 stabbilixxiet qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari permezz ta’ ttikkettar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u fejn rilevanti ta’ riżorsi essenzjali oħra “matul l-użu”, b’hekk li tippermetti lill-utenti aħħari jagħżlu prodotti iktar effiċjenti (17).

16.      Kif jixhed il-fatt li l-frażi “matul l-użu” jissemma 15‑il darba fid-Direttiva 2010/30 (18), din tal-aħħar tirreferi għall-ittikkettjar tal-enerġija sabiex jirrifletti l-konsum tal-enerġija matul l-użu tal-prodotti. Fil-fatt, din il-kwistjoni kienet ġiet diskussa matul il-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva (19), u fil-fatt kienet il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għal din id-direttiva, li introduċiet lingwaġġ f’dan is-sens f’diversi dispożizzjonijiet (20).

17.      Huwa importanti li jiġi nnotat, għall-finijiet ta’ din il-kawża, li, fiż-żmien rilevanti, id-Direttiva 2010/30 stabbilixxiet qafas ġenerali li jiddefinixxi l-għanijiet strateġiċi kif ukoll ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’, inter alia, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-manifatturi u n-negozjanti. Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tadotta atti ddelegati (fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE), li jistabbilixxu r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar tal-enerġija għal gruppi speċifiċi ta’ prodotti, inklużi l-vacuum cleaners.

18.      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 kien ifformulat kif ġej:

“Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta.” (21)

19.      Minn dak iż-żmien, id-Direttiva 2010/30 ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) 2017/1369 (22). Dan ir-regolament iżomm, essenzjalment, l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħad-Direttiva 2010/30, iżda jemenda u jtejjeb uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu sabiex jiċċara u jaġġorna l-kontenut tagħhom, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-progress teknoloġiku miksub matul l-aħħar snin fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti (23). Huwa jenfasizza li l-metodi ta’ ttestjar għandhom jirriflettu l-użu reali (24).

20.      Għall-kuntrarju ta’ prodotti oħra, il-vacuum cleaners ma kinux suġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar tal-enerġija sad-Direttiva 2010/30, u lanqas ma kienu suġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-ekodisinn sad-Direttiva 2009/125/KE (25), u abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, ġie deċiż li l-Kummissjoni għandha tadotta r-regolamenti rilevanti flimkien (26).

21.      Ir-Regolament Delegat Nru 665/2013 stabbilixxa rekwiżiti għall-ittikkettjar tal-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ vacuum cleaners standard (27). Huwa kien jobbliga lill-fornituri u lid-distributuri jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti ta’ ttikkettjar għall-vacuum cleaners mill‑1 ta’ Settembru 2014 (28). L-informazzjoni li għandha tkun inkluża fuq dan l-ittikkettjar kellha tinkiseb permezz ta’ metodi ta’ ttestjar affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, kif indikat fl-Anness VI tar-Regolament Delegat Nru 665/2013 (29). Il-punt 1 ta’ dan l-anness kien jirreferi għal dan l-għan għall-istandards armonizzati li ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

22.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppubblikat referenzi għall-istandard EN 60312–1:2013 (iktar ’il quddiem l-“istandard Cenelec”) tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (“Cenelec”), li jikkonċerna l-metodi ta’ kejl tal-prestazzjoni tal-vacuum cleaners għall-użu domestiku. Madankollu, it-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec, li kienet tikkonċerna metodu ta’ ttestjar imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab, ma kinitx inkluża (30). Ser nirreferi għal dan il-metodu bħala t-“test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9”.

23.      Bħala konsegwenza ta’ din l-esklużjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Anness VI tar-Regolament Delegat Nru 665/2013, l-istandard armonizzat għall-kalkolu tal-konsum annwali tal-enerġija tal-vacuum cleaners kien ibbażat fuq metodu ta’ ttestjar li juża kontenitur vojt (skont it-Taqsimiet 4.5 u 5.3 tal-istandard Cenelec), u mhux fuq metodu ta’ ttestjar imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab (skont it-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec).

24.      Għalhekk, it-test tal-borża vojta biss seta’ jintuża biex titkejjel l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners skont ir-Regolament Delegat Nru 665/2013.(31)

C.      Ilfatti li wasslu għallproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali

1.      Proċeduri għal annullament kontra rRegolament Delegat Nru 665/2013

25.      Fis‑7 ta’ Ottubru 2013, Dyson Ltd ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tar-Regolament Delegat Nru 665/2013 abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Insostenn tar-rikors tagħha, Dyson invokat tliet motivi, billi allegat, l-ewwel, li kien hemm nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni; it-tieni, nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmi regolament; u, it-tielet, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

26.      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13, EU:T:2015:836), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors billi ċaħdet dawn il-motivi bħala infondati. Dyson appellat minn din is-sentenza.

27.      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357; iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament tal-Qorti tal-Ġustizzja”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat din is-sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet il-motivi li allegaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

28.      Fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi għandha tirrifletti l-konsum tal-enerġija waqt l-użu tal-apparat jikkostitwixxi element essenzjali ta’ din id-direttiva (32), fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistax jiġi ddelegat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, sabiex tinftiehem l-espressjoni “matul l-użu” li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, bħala li tirreferi għall-kundizzjonijiet reali ta’ użu ma tikkostitwixxix interpretazzjoni “eċċessivament wiesgħa” ta’ din id-dispożizzjoni, iżda s-sens stess ta’ din l-ispeċifikazzjoni (33).

29.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni “kellha l-obbligu, sabiex ma tmurx kontra element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, li tieħu inkonsiderazzjoni, fil-kuntest tar-[Regolament Delegat Nru 665/2013], metodu ta’ kalkolu li jippermetti li titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’ċirkustanzi kemm jista’ jkun simili għall-kundizzjonijiet reali ta’ użu, li jirrikjedi li l-kontenitur tal-vacuum cleaner ikun mimli sa ċertu livell, madankollu fid-dawl tal-eżiġenzi marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi hekk kif jissemmew b’mod partikolari fil-premessa 5 u fl-Artikolu 5(b) ta’ din id-direttiva” (34).

30.      Fuq rinviju, permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, EU:T:2018:761; iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali wara rinviju”), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Delegat Nru 665/2013.

31.      F’din is-sentenza (35), il-Qorti Ġenerali qieset li mill-punt 68 tas-sentenza ta’ annullament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ċar li, sabiex il-metodu adottat mill-Kummissjoni jkun konformi mal-elementi essenzjali tad-Direttiva 2010/30, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, sabiex titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun simili għall-kundizzjonijiet reali tal-użu, il-kontenitur tal-vacuum cleaner għandu jimtela sa ċertu livell. It-tieni, il-metodu adottat għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti dwar il-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u l-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi. Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat Nru 665/2013 u mill-proċess kollu jirriżulta li l-Kummissjoni adottat metodu ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners ibbażat fuq kontenitur vojt. Għaldaqstant, l-ewwel kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, li kien biżżejjed għall-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet kisret element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, mingħajr ma kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk dan il-metodu kienx jissodisfa t-tieni kundizzjoni.

32.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, jekk ebda metodu ta’ kalkolu mwettaq b’kontenitur mimli sa ċertu livell ma kien jissodisfa r-rekwiżiti dwar il-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, kien possibbli għall-Kummissjoni li teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha sabiex tipproponi emenda tad-Direttiva 2010/30 (36).

33.      Il-Qorti Ġenerali għalhekk annullat ir-Regolament Delegat Nru 665/2013 fl-intier tiegħu, billi qieset li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (37).

2.      Proċedura għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Delegat Nru 665/2013

34.      Fil-frattemp, permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni preliminari dwar ir-rinviju minn qorti Belġjana ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Delegat Nru 665/2013 kif ukoll tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. (38) Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dyson Ltd u Dyson BV, minn naħa, u BSH Home Appliances NV (iktar ’il quddiem “BSH”), min-naħa l-oħra, dwar diversi tikketti li jiddeskrivu l-konsum tal-enerġija ta’ vacuum cleaners konvenzjonali (bil-borża) ikkummerċjalizzati minn BSH taħt it-trade marks Siemens u Bosch, inkluż l-ittikkettjar tal-enerġija tal-Unjoni meħtieġa mir-Regolament Delegat Nru 665/2013. Dyson Ltd u Dyson BV sostnew, inter alia, li l-użu ta’ dawn it-tikketti minn BSH mingħajr l-ispeċifikazzjoni li dawn jirriflettu riżultati ta’ testijiet imwettqa b’borża vojta kien jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali peress li setgħet tiżgwida lill-konsumaturi.

35.      Fis-sentenza tagħha (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li d-Direttiva 2010/30 u r-Regolament Delegat Nru 665/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners ġiet ittestjata ma setgħet tiżdied fuq it-tikketta tal-enerġija tal-Unjoni.

D.      Ilproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

36.      Fil‑21 ta’ Frar 2019, Dyson ippreżentat rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

37.      Dyson talbet is-somma ta’ EUR 176.1 miljun, inklużi l-interessi, jew, sussidjarjament, is-somma ta’ EUR 127.1 miljun, inklużi l-interessi, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud u li Dyson tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

38.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Dyson kienet naqset milli tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet prinċipali għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, għal erba’ allegati ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors.

39.      L-ewwel, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali li tippermettilha li tmur lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mid-Direttiva 2010/30 (punt 36 tas-sentenza appellata). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju u li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi oħra kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza (punti 37 u 38 tas-sentenza appellata).

40.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tas-sentenza ta’ annullament tal-Qorti tal-Ġustizzja u tas-sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali wara rinviju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 għall-każ speċifiku tal-vacuum cleaners kienet tqajjem ċerti diverġenzi ta’ evalwazzjoni, li kienu jindikaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward taċ-ċarezza u tal-preċiżjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod iktar ġenerali, tad-Direttiva 2010/30 kollha kemm hi (punti 40 sa 45 tas-sentenza appellata).

41.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata u tan-natura mhux skużabbli jew intenzjonali tal-iżball imwettaq, li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tikser b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, li test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9, ma kienx ta’ natura li jiggarantixxi l-validità xjentifika u l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi u li minflok tagħżel it-test tal-borża vojta li huwa xjentifikament affidabbli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2010/30 kien jillimita d-delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni għal ħames snin, b’tali mod li din tal-aħħar ma setgħetx tipposponi l-adozzjoni tar-regoli ta’ ttikkettjar tal-enerġija sal-adozzjoni miċ-Cenelec ta’ metodu ta’ ttestjar b’kontenitur mimli bit-trab . Barra minn hekk, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponew l-adozzjoni tar-Regolament Delegat Nru 665/2013. Dawn iċ-ċirkustanzi ppermettew li tiġi kkonfermata, skont il-Qorti Ġenerali, in-natura skużabbli tal-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 (punti 94 sa 97 tas-sentenza appellata).

42.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, minħabba dawn l-elementi, kif ukoll minħabba l-kumplessità teknika tal-problemi li għandhom jiġu solvuti u d-diffikultajiet fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tat-testi rilevanti, awtorità amministrattiva normalment prudenti u diliġenti setgħet tqis li hija kienet qiegħda tesponi ruħha għal riskju meta tiddeċiedi li tuża l-metodu ta’ ttestjar b’kontenitur mimli bit-trab minflok il-metodu ta’ ttestjar ibbażat fuq l-użu ta’ kontenitur vojt. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wriet aġir li seta’ jiġi mistenni minn tali awtorità amministrattiva u ma kisritx b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (punt 97 tas-sentenza appellata).

43.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq dawn il-konstatazzjonijiet, iddeċidiet li l-Kummissjoni, billi adottat it-test tal-borża vojta, ma kisritx b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha u lanqas ma wettqet ksur suffiċjentement serju tat-tliet allegat ksur l-ieħor tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (punti 105 sa 112 tas-sentenza appellata), il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ diliġenza (punti 116 sa 119 tas-sentenza appellata) u d-dritt għal twettiq ta’ negozju jew kummerċ (punti 123 sa 131 tas-sentenza appellata).

E.      Proċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

44.      Permezz ta’ appell ippreżentat fit‑18 ta’ Frar 2022, Dyson titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, tiddeċiedi li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Dyson titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fit‑22 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Dyson għall-ispejjeż.

46.      Dyson u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fit‑22 ta’ Awwissu 2022 u fit‑30 ta’ Settembru 2022 rispettivament.

47.      Inżammet seduta fl‑20 ta’ April 2023, li matulha Dyson u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

III. Analiżi

48.      Dyson tqajjem seba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel erba’ aggravji jikkonċernaw l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, filwaqt li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq allegata klassifikazzjoni żbaljata tal-motivi ta’ Dyson u t-tieni, it-tielet, ir-raba’ aggravji l-oħra huma bbażati fuq allegata applikazzjoni żbaljata tat-test ġuridiku ta’ ksur suffiċjentement serju kif ġej: it-tieni aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fir-rigward tan-nuqqas ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni; it-tielet aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-test ġuridiku ta’ ksur suffiċjentement serju f’dak li jirrigwarda d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura; u r-raba’ aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-test ġuridiku fir-rigward tal-kumplessità regolamentari. Il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravju jallegaw applikazzjoni żbaljata tat-test ġuridiku ta’ ksur suffiċjentement serju, rispettivament, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal twettiq ta’ negozju jew kummerċ.

49.      L-ewwel ser nindirizza l-ewwel aggravju tal-appell. Fil-fehma tiegħi, il-bqija tal-evalwazzjoni tiddependi fuq id-determinazzjoni tal-ksur preċiż li Dyson akkużat lill-Kummissjoni bih. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta evalwat jekk dan il-ksur kienx suffiċjentement serju tiddependi għalhekk minn din il-kwistjoni. Peress li jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat l-ilment ta’ Dyson, parti kbira mill-argumenti li permezz tagħhom hija qieset li l-ksur ma kienx serju huma irrilevanti. Madankollu, ser nipproċedi għall-evalwazzjoni tas-sitt aggravji l-oħra, li jallegaw applikazzjoni żbaljata tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

A.      Lewwel aggravju

50.      Permezz tal-ewwel aggravju, Dyson essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kklassifikat b’mod żbaljat il-motiv tagħha. Filwaqt li hija sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur suffiċjentement serju meta adottat it-test tal-borża vojta, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 sa 82 tas-sentenza appellata, pjuttost indirizzat minflok b’mod żbaljat il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tiċħad it-test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9 (40).

51.      Huwa minnu li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat attenzjoni kunsiderevoli lill-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta warrbet it-test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9. Din l-evalwazzjoni hija rilevanti biss jekk l-ilment li għandu jiġi ttrattat huwa li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat dan il-metodu. Madankollu, din ma kienx l-ilment ta’ Dyson. Hija ma sostnietx li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat metodu ta’ ttestjar possibbli imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab. Dyson pjuttost sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur suffiċjentement serju meta għażlet it-test tal-borża vojta.

52.      Din id-distinzjoni hija importanti, peress li tiddetermina l-livell ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-Kummissjoni, fatt li, min-naħa tiegħu, huwa importanti sabiex jiġu indirizzati l-motivi l-oħra invokati minn Dyson quddiem il-Qorti Ġenerali. Dyson ma tikkontestax li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar it-tip ta’ metodu ta’ ttestjar imwettaq b’kontenitur mimli li hija tadotta. Għall-kuntrarju, skont Dyson, l-għażla tat-test tal-borża vojta ma kinitx taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni bażika.

53.      Il-Kummissjoni ssostni li kien legalment rilevanti għall-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk l-uniku metodu ta’ ttestjar ieħor irrikonoxxut u disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat Nru 665/2013, jiġifieri t-test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9, kienx alternattiva xjentifikament eżatta. Fit-tfassil ta’ dan ir-Regolament, l-għażla, kif determinata mill-Kummissjoni fis-setgħa diskrezzjonali tagħha fit-tfassil ta’ politiki kumplessi, kienet bejn testijiet tal-borża vojta u parzjalment mimlija, u xejn iktar; l-ebda metodu ta’ ttestjar bil-kontenitur parzjalment mimli, inkluż it-test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9, ma kien xjentifikament affidabbli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet tiġi skużata talli adottat dak li kien f’dak iż-żmien l-uniku metodu tal-ittestjar xjentifikament affidabbli — it-test tal-borża vojta.

54.      Ma nistax naqbel mal-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ metodu ta’ ttestjar bil-kontenitur parzjalment mimli li huwa xjentifikament vijabbli ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta t-test tal-borża vojta. Konsegwentement, l-għażla ma setgħetx tkun bejn it-test tal-borża vojta u metodu ta’ ttestjar bil-kontenitur parzjalment mimli. L-għażla kienet biss bejn metodi ta’ ttestjar differenti imwettqa bil-kontenitur parzjalment mimli, jew inkella l-ebda test.

55.      Fis-sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali wara rinviju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-użu tat-test tal-borża vojta kien jeħtieġ emenda tal-leġiżlazzjoni bażika (41). Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li l-proposta ta’ emenda leġiżlattiva tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30 kienet tkun approċċ illoġiku u diffiċli. Mhux biss tali emenda kien ikollha bżonn ħafna żmien għat-tfassil tagħha, iżda wkoll kienet tħalli r-Regolament Delegat Nru 665/2013 ma taqbilx mar-regoli dwar l-ekodisinn, peress li l-oqfsa legali tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar tal-enerġija u tal-ekodisinn normalment jaħdmu id f’id u jsaħħu lil xulxin fir-rigward ta’ prodott relatat mal-enerġija.

56.      Sa fejn dan jista’ jkun minnu, dan ma jistax jiġġustifika l-għażla ta’ metodu ta’ ttestjar li ma huwiex permess mid-dritt tal-UE, jiġifieri t-test tal-borża vojta.

57.      Konsegwentement, inqis li l-ewwel aggravju tal-appell, li jallega li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-motiv ta’ Dyson, huwa fondat.

B.      Ittieni aggravju

58.      Permezz tat-tieni aggravju, Dyson tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, li l-ksur ta’ rekwiżit mhux diskrezzjonali ma kienx fih innifsu suffiċjentement serju, fid-dawl tal-kuntest partikolari ta’ dan il-każ. Skont Dyson, ir-rekwiżit “matul l-użu” kien element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet konxja tan-natura qarrieqa tat-test tal-borża vojta abbażi tar-rapport espert tagħha stess u t-tweġibiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u li dan it-test kien jirriskja li jagħmel ħsara lill-ambjent u jipprekludi lill-manifatturi milli jinfurmaw lill-konsumaturi dwar dawn ir-riskji. Kif enfasizzat Dyson waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali, u għalhekk dan kellu jagħlaq il-kwistjoni (42).

59.      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett it-test ġuridiku ta’ ksur suffiċjentement serju f’dak li jirrigwarda s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni (43). Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tgħid li ma teżistix rabta awtomatika bejn l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali u l-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra tal-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni sostniet ukoll, waqt is-seduta, li minkejja li s-setgħa diskrezzjonali mnaqqsa jew ineżistenti twassal għall-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju fil-preżenza ta’ obbligu ċar u preċiż fid-dritt tal-Unjoni, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

60.      Is-sempliċi ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata huwa biżżejjed sabiex il-ksur ta’ din ir-regola jkun jista’ jitqies li huwa suffiċjentement serju, jew il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra li jistgħu jiskużaw dan il-ksur?

61.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda ma tirriżultax b’mod ċar mill-ġurisprudenza. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza ma tagħti ebda indikazzjoni dwar il-mod kif għandu jiġi ddeterminat meta istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali. Matul is-snin, ċerti avukati ġenerali (44) u duttrina (45) enfasizzaw in-natura mhux konklużiva tal-ġurisprudenza u kkontestaw ir-rilevanza tas-setgħa diskrezzjonali bħala kriterju, peress li l-evalwazzjoni dwar jekk ksur huwiex suffiċjentement serju tiddependi fi kwalunkwe każ fuq elementi oħra.

62.      L-analiżi tiegħi tal-ġurisprudenza eżistenti tagħti x’tifhem li s-setgħa diskrezzjonali għandha rwol sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur tad-dritt tal-Unjoni jistax jiġi kklassifikat bħala suffiċjentement serju, iżda li dan ir-rwol ma huwiex determinanti. F’din il-perspettiva, meta ddeċidiet, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur suffiċjentement serju u li għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk jeżistux eventwalment elementi ta’ natura li jiskużaw il-ksur, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

63.      Fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, ser nindirizza fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni u r-responsabbiltà tal-Istati Membri (46).

1.      Ġurisprudenza rilevanti filqasam tarresponsabbiltà talUnjoni u talIstati Membri

64.      Kif inhu magħruf, sa mis-sentenza Bergaderm (47), il-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni u r-responsabbiltà tal-Istati Membri minħabba danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni żviluppat b’mod armonjuż. Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza preċedenti tagħha dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-kawża Brasserie (48), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza Bergaderm li l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jinżammu responsabbli għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu differenti. Dan huwa l-każ, peress li l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma tistax tvarja skont jekk hijiex awtorità tal-Unjoni jew awtorità nazzjonali li hija responsabbli għad-danni (49).

65.      Dan ifisser li l-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, inkluż ksur suffiċjentement serju, żviluppat fl-istess linja ma’ dik dwar ir-responsabbiltà tal-Istat. Għalhekk, fis-sentenza Bergaderm, il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet il-formulazzjoni li kienet tidher stabbilita b’mod ċar fil-ġurisprudenza preċedenti fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat, li tgħid li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kellhomx jew le setgħa diskrezzjonali meta allegatament aġixxew bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Meta l-istituzzjoni kkonċernata ma jkollha ebda setgħa diskrezzjonali jew setgħa diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqsa, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jitqies li huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (50).

66.      Din id-distinzjoni bejn l-eżistenza u l-ineżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali rriżultat minn żewġ kawżi formattivi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat. Fl-ewwel kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat, jiġifieri s-sentenza Francovich (51), il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss semmiet ksur suffiċjentement serju bħala rekwiżit għar-responsabbiltà (52). Madankollu, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża kienu relatati ma’ sitwazzjoni li fiha Stat Membru kien aġixxa f’qasam tad-dritt tal-Unjoni li fih huwa ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali. F’din il-kawża, il-ksur kien jikkonsisti fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva minn Stat Membru fit-terminu stabbilit. Filwaqt li l-Istati Membri normalment jistgħu jagħżlu l-miżuri li permezz tagħhom jittrasponu direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom, huma ma għandhomx l-għażla jekk jittrasponux direttiva jew le. F’każ bħal dan, huwa ċar li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni (nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva) iwassal għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ individwu li jkun sofra danni minħabba tali nuqqas ta’ traspożizzjoni.

67.      Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti li kieku l-Istat Membru kien ittraspona direttiva, iżda b’mod żbaljat. L-Istati Membri għandhom għażla dwar il-mod kif jittrasponu direttiva, b’tali mod li tali żball jista’, f’ċerti każijiet, ikun skużabbli u ma jagħtix lok għal responsabbiltà. L-ewwel kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà f’sitwazzjoni fejn Stat Membru ngħata l-libertà ta’ għażla, madankollu ma kinitx tikkonċerna t-traspożizzjoni ta’ direttiva, iżda l-ksur ta’ dispożizzjoni tat-Trattat. Fil-kawża Brasserie (53), iż-żewġ Stati Membri kkonċernati kienu kisru d-dritt tal-Unjoni billi għażlu li jadottaw miżuri leġiżlattivi nazzjonali (li jikkonċernaw rispettivament id-definizzjoni tal-birra u r-reġistri tal-bastimenti), li baqgħu jiksru r-regoli tas-suq intern kif stabbiliti mit-Trattat. L-Istati Membri kienu f’sitwazzjoni fejn kellhom setgħa diskrezzjonali dwar il-metodu ta’ regolamentazzjoni. Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fl-għażla tal-miżuri xierqa kienet limitata minn dawn ir-regoli tat-Trattat. Dawn iċ-ċirkustanzi wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li, meta Stat Membru jaġixxi f’qasam li fih huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-responsabbiltà tista’ tiġi stabbilita biss jekk il-ksur ikun suffiċjentement serju.

68.      Ir-raġuni li għaliha r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri ma tistax sempliċement tiġi stabbilita għal kull ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss għal ksur suffiċjentement serju, tirriżulta min-neċessità li jinstab bilanċ bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-individwi kontra l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet (tal-Unjoni jew tal-Istat Membru) u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra li għandu jiġi rrikonoxxut lil dawn l-istituzzjonijiet sabiex ma tiġix ipparalizzata l-azzjoni tagħhom (54).

69.      Fis-sentenza Brasserie (55), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-test deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur huwa suffiċjentement serju f’sitwazzjoni fejn Stat Membru jkollu setgħa diskrezzjonali huwa dak tal-ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. L-istess test intuża wkoll mis-sentenza Bergaderm sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur imwettaq mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (56).

70.      Huwa għall-evalwazzjoni dwar jekk Stat Membru kisirx b’mod manifest u gravi, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Brasserie (57), elenkat ċerti elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (58). Għalhekk, pereżempju, minn naħa, in-natura oskura jew impreċiża tar-regola miksura jew il-fatt li l-pożizzjoni adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni setgħet ikkontribwixxiet għall-ommissjoni jistgħu jiskużaw il-ksur. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ksur kien volontarju jew li ppersista minkejja s-sentenza li kkonstatat l-ksur inkwistjoni jew il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu elementi li jippermettu li jiġi konkluż li dan il-ksur kien suffiċjentement serju. Fi kwalunkwe każ, elementi bħal dawk elenkati fis-sentenza Brasserie ma humiex eżawrjenti, kif donnha tissuġġerixxi l-ġurisprudenza (59).

71.      Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Brasserie, l-elementi li jistgħu jiskużaw il-ksur kienu jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri kkonċernati kellhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

72.      Għalhekk, fiż-żmien meta l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tallinja r-responsabbiltà tal-Unjoni u tal-Istat fis-sentenza Bergaderm, kien jidher li kienu jeżistu regoli ċari għad-determinazzjoni tas-serjetà tal-ksur. Jekk istituzzjoni tal-Unjoni ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali jew waħda limitata ħafna, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni kien fih innifsu suffiċjentement serju. Jekk, għall-kuntrarju, l-istituzzjoni tal-Unjoni kellha setgħa diskrezzjonali, il-ksur ikun suffiċjentement serju biss jekk din l-istituzzjoni tkun injorat, b’mod manifest u gravi, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, il-qrati tal-Unjoni kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, sabiex jiddeterminaw jekk il-ksur setax jiġi skużat jew le.

73.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, jekk ir-regoli stabbiliti fil-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju kienu effettivament tant ċari, dan kien iwassal għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li hija ħadet inkunsiderazzjoni diversi fatturi minkejja li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali sabiex tagħżel it-test tal-borża vojta.

74.      Madankollu, il-ġurisprudenza kif żviluppata wara Bergaderm ma tippermettix li jiġi konkluż li d-distinzjoni bejn l-eżistenza u l-ineżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali u r-relazzjoni bejn is-setgħa diskrezzjonali u serjetà tal-ksur hija tant evidenti.

75.      Fit-taqsima li ġejja, ser nipproponi klassifikazzjoni u analiżi qasira ta’ din il-ġurisprudenza.

2.      Fuq ilklassifikazzjoni talġurisprudenza ta’ wara ssentenza Bergaderm

76.      Il-ġurisprudenza li ġiet wara s-sentenza fil-kawża Bergaderm tista’ tiġi kklassifikata f’erba’ gruppi għall-finijiet ta’ din il-kawża: l-ewwel, kawżi fejn il-qrati tal-Unjoni kkunsidraw li ma kienx hemm setgħa diskrezzjonali u għalhekk stabbilixxew ksur suffiċjentement serju; it-tieni, kawżi fejn il-qrati tal-Unjoni kkunsidraw li ma kienx hemm setgħa diskrezzjonali jew li din kienet limitata, iżda wara li eżaminaw elementi differenti, ikkonkludew li l-ksur ma kienx suffiċjentement serju; it-tielet, kawżi fejn il-qrati tal-Unjoni kkonstataw l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali iżda, wara li eżaminaw elementi differenti, ikkonkludew li l-ksur kien suffiċjentement serju; u r-raba’, kawżi li fihom il-qrati tal-Unjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali u, wara li eżaminat elementi differenti, ikkonkludiet li l-ksur ma kienx suffiċjentement serju.

a)      Lewwel grupp ta’ kawżi

77.      L-ewwel, teżisti ġurisprudenza li fiha l-qrati tal-Unjoni kkonkludew li l-istituzzjoni kienet wettqet il-ksur ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali u li, konsegwentement, ir-responsabbiltà segwiet awtomatikament. Jeżistu kawżi bħal dawn f’dak li jirrigwarda kemm ir-responsabbiltà tal-Unjoni (60) kif ukoll dik tal-Istat (61).

78.      Huwa interessanti li wieħed jinnota li xi wħud minn dawn il-kawżi relatati mar-responsabbiltà tal-Istat ma kinux kawżi li fihom l-Istati Membri ma ttrasponewx direttiva fit-terminu stabbilit, iżda pjuttost kawżi li jinvolvu t-traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva, sitwazzjoni fejn l-Istati Membri ġeneralment ikollhom għażla. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’dawn il-kawżi, l-Istati Membri ma kellhom ebda setgħa diskrezzjonali. L-element importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja kien iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, li ma tħalli l-ebda dubju dwar ir-riżultat li l-Istati Membri kellhom jilħqu.

79.      Bl-applikazzjoni ta’ tali raġunament għal din il-kawża, huwa possibbli li jiġi konkluż, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni ma kellhiex s-setgħa diskrezzjonali sabiex tadotta t-test tal-borża vojta peress li r-regola tal-leġiżlazzjoni bażika li timponi li l-vacuum cleaners jiġu ttestjati “matul l-użu” kienet ċara. Madankollu, il-ġurisprudenza relatata mal-ewwel grupp tissuġġerixxi li r-responsabbiltà għandha, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, issegwi awtomatikament.

b)      Ittieni grupp ta’ kawżi

80.      Teżisti wkoll ġurisprudenza oħra timmilita f’sens differenti. It-tieni grupp ta’ kawżi jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-qrati tal-Unjoni kkunsidraw li ma kienet teżisti l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret, iżda madankollu evalwaw fatturi oħra u kkonkludew li l-ksur seta’ jiġi skużat. Għaldaqstant, ma ġiet stabbilita l-ebda responsabbiltà. Filwaqt li huwa diffiċli li wieħed isib eżempji bħal dawn fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat (62), dawn ma humiex daqshekk rari fil-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni (63).

81.      Pereżempju, is-sentenza Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (64) kienet tirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja li r-rikorrenti kienet ħallset minflok multi imposti permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li sussegwentement ġiet annullata. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni kienet imnaqqsa f’dawn iċ-ċirkustanzi, b’tali mod li l-ksur, jiġifieri l-insuffiċjenza tal-provi prodotti insostenn tal-prattiki kkontestati kienu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża u tad-diffikultajiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kartelli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur ma kienx suffiċjentement serju. Fl-appell (65), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali (66).

82.      Bl-applikazzjoni ta’ dan ir-raġunament għal din il-kawża, jista’ jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li hija tista’ tevalwa elementi addizzjonali, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali sabiex tadotta t-test tal-borża vojta. Dawn l-elementi addizzjonali jistgħu jiskużaw il-ksur tal-Kummissjoni, f’liema każ huwa ma jkunx ikkunsidrat bħala suffiċjentement serju sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

c)      Fuq ittielet u rraba’ grupp ta’ kawżi

83.      It-tielet grupp ta’ kawżi jikkonċerna dawk li fihom il-qrati tal-Unjoni kkunsidraw li l-istituzzjoni kellha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret u, wara li ħadet inkunsiderazzjoni diversi elementi, ikkonkludiet li l-ksur kien suffiċjentement serju. Eżempji jistgħu jinstabu fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-Unjoni (67) u f’dak tal-Istat (68).

84.      Pereżempju, is-sentenza fil-kawża L‑Ombudsman vs Staelen (69) kienet tinvolvi allegat ksur mill-Ombudsman Ewropew tal-obbligu ta’ diliġenza fit-trattament ta’ lment. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet b’mod ġenerali li sempliċi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju; kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-Ombudsman għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, madankollu, li l-Ombudsman kien wettaq żbalji mhux skużabbli u kien kiser b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fit-tmexxija tal-investigazzjoni tiegħu u għalhekk kien wettaq tliet ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (70).

85.      Fir-raba’ grupp ta’ kawżi, l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali u l-evalwazzjoni tad-diversi elementi wasslu lill-qrati tal-Unjoni sabiex jikkonstataw li l-ksur ma kienx suffiċjentement serju. Hawnhekk, ukoll, il-ġurisprudenza tinkludi eżempji relatati mar-responsabbiltà tal-Unjoni (71) u dak tal-Istat (72).

86.      Pereżempju, is-sentenza SGL Carbon et vs Il‑Kummissjoni (73), kienet tikkonċerna l-klassifikazzjoni allegatament illegali ta’ ċerta sustanza mill-Kummissjoni skont ir-regolament tal-Unjoni inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-aġir tal-Kummissjoni bħala skużabbli minħabba l-kumplessità tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza u d-diffikultà li tiġi interpretata r-regola tal-metodu tal-addizzjoni.

87.      Bl-applikazzjoni ta’ dan ir-raġunament għall-kawża inkwistjoni, jista’ jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta evalwat elementi supplimentari jekk il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali.

88.      Il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali?

89.      Jekk wieħed iqabbel din il-kawża mal-kawża Brasserie, it-tweġiba għal din il-mistoqsija tidher li hija fl-affermattiv. Din il-kawża kienet tikkonċerna qasam tad-dritt tal-Unjoni li fih l-Istati Membri kkonċernati setgħu jagħmlu għażliet regolatorji, iżda regola superjuri tad-dritt tal-Unjoni kienet timponi limiti għal dawn l-għażliet. B’mod iktar preċiż, id-dritt tal-Unjoni kien jeskludi regoli diskriminatorji mill-għażliet li kellu l-leġiżlatur nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri. F’din il-kawża, il-Kummissjoni adottat regolament dwar l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners bħala att iddelegat, u għalhekk f’qasam tad-dritt tal-Unjoni li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Kummissjoni l-għażla regolatorja. Issa, tali għażliet kienu limitati mill-impossibbiltà li jiġu adottati metodi oħra ta’ ttestjar minbarra dawk ta’ “matul l-użu”. Konsegwentement, dan jista’ jwassal sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni qabżet il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha u li l-Qorti Ġenerali ġustament eżaminat elementi oħra sabiex tiddetermina jekk il-fatt li dawn il-limiti ġew injorati kienx gravi u manifest.

90.      Madankollu, l-istess sitwazzjoni tista’ tiġi deskritta wkoll bħala li ma tinkludi ebda setgħa diskrezzjonali. Minn dan l-aspett, il-Kummissjoni kienet qiegħda timplimenta mandat impost mil-leġiżlazzjoni bażika (simili għal meta Stati Membri jittrasponu direttivi) u mbagħad kisret regola ċara li ma tħallilha l-ebda setgħa diskrezzjonali.

91.      Peress li l-istess sitwazzjoni tista’ tiġi kklassifikata kemm bħala li tinvolvi l-eżistenza kif ukoll l-ineżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali, jidhirli li huwa preferibbli li jiġi adottat l-approċċ issuġġerit minn ċerti Avukati Ġenerali (kif semmejt iktar ’il fuq fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li din is-setgħa diskrezzjonali hija element importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur huwiex suffiċjentement serju, iżda ma hijiex determinanti. F’kull każ, għandu jiġi vverifikat jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex setgħa diskrezzjonali. Madankollu, fl-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali, ma jsegwix awtomatikament li l-ksur kien suffiċjentement serju. Skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni tar-responsabbiltà. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni f’dan il-każ hijiex ikklassifikata bħala waħda li tinvolvi setgħa diskrezzjonali, iżda fejn il-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali inqabżu, jew waħda fejn ma kien hemm ebda setgħa diskrezzjonali, l-elementi addizzjonali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur kienx suffiċjentement serju.

92.      Konsegwentement, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi supplimentari. Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

93.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi addizzjonali. Dan iwassalni għat-tielet u r-raba’ aggravju.

C.      Ittielet u rraba’ aggravju

94.      Kif indikat iktar ’il fuq (ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Qorti Ġenerali qieset li l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 kien skużabbli. Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata u d-diffikultajiet fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-testi rilevanti. Hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx injorat b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha meta għażlet it-test tal-borża vojta, minflok it-test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab skont it-Taqsima 5.9 .

95.      Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravju, Dyson issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx legalment tikkonkludi li l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 seta’ jiġi skużat minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u minn kumplessità regolatorja. Kien ċar li t-test li għandu jiġi applikat kellu juri l-effiċjenza enerġetika “matul l-użu” u li l-għan ta’ din ir-regola kien li tiżgura li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni affidabbli dwar l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners. Għalkemm l-għażla ta’ test xjentifiku xieraq tista’ tkun teknikament kumplessa, dan ma’ kienx il-każ fir-rigward tar-regola li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża test li ma jkejjilx il-prestazzjoni tal-vacuum cleaners “matul l-użu”.

96.      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, bl-adozzjoni tat-test tal-borża vojta, hija qieset li kienet qiegħda tuża metodu ta’ ttestjar kemm jista’ jkun qrib l-użu reali, filwaqt li kien affidabbli, preċiż u riproduċibbli, sabiex l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri b’għarfien aħjar tal-fatti. Skont il-Kummissjoni, kien għalkollox raġonevoli li hija turi ċerta prudenza fid-definizzjoni tal-metodi ta’ ttestjar u billi tagħżel l-ibbilanċjar tal-validità xjentifika ta’ tali metodi bħala element determinanti waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi. Għalhekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstataw, fil-kuntest tal-proċedura ta’ annullament, li l-Kummissjoni wettqet żball meta adottat dan l-approċċ (ara l-punti 27 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-ksur tagħha jista’ jiġi skużat u għalhekk ma huwiex suffiċjentement serju.

1.      Ammissibbiltà

97.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li t-tielet u r-raba’ aggravju huma inammissibbli, peress li dawn l-aggravji jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali.

98.      Ma naqbilx mal-Kummissjoni.

99.      Skont il-ġurisprudenza, għalkemm l-evalwazzjoni tal-fatti u l-kwistjoni dwar jekk humiex kumplessi fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali (74), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina mill-ġdid il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u l-konsegwenzi legali li jkunu nsiltu minnhom sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur suffiċjentement serju (75).

100. F’dan il-każ, hekk kif Dyson sostniet waqt is-seduta, it-tielet u r-raba’ aggravju ma humiex intiżi li jiksbu eżami mill-ġdid tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ġuridika adottata mill-Qorti Ġenerali li abbażi tagħha din iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet ksur suffiċjentement serju. Dyson tfittex preċiżament li tikkontesta r-raġunament legali tal-Qorti Ġenerali li l-ksur imwettaq mill-Kummissjoni kien jinvolvi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u kumplessità regolatorja, li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni ma kisritx b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Din hija kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

101. Konsegwentement, inqis li t-tielet u r-raba’ aggravju huma ammissibbli.

2.      Fuq ilmertu

102. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 seta’ jiġi skużat minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew minn kumplessità regolatorja.

103. Il-kwistjoni dwar jekk ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni jistax jiġi skużat għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kif kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha twettaq il-ksur (76). Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball fil-konstatazzjoni tagħha li diffikultajiet interpretattivi u l-kumplessità regolatorja setgħu jiskużaw lill-Kummissjoni fil-mument meta adottat ir-Regolament Delegat Nru 665/2013.

104. Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi aċċettat, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li l-Kummissjoni, bħala amministratur “tajjeb” normalment prudenti u diliġenti (77), tista’ tqis li hija kienet iġġustifikata tadotta metodu ta’ ttestjar li jqarraq bil-konsumaturi dwar l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners sempliċement għaliex dan kien l-uniku metodu ta’ ttestjar disponibbli f’dan iż-żmien.

105. L-ewwel, il-Kummissjoni ma allegatx li ma kienx ċar li l-metodu ta’ ttestjar li kellu jiġi adottat kellu jkejjel il-prestazzjoni tal-vacuum cleaners “matul l-użu”. Madankollu, il-problema tagħha kienet li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ma kienx jeżisti test imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab xjentifikament vijabbli (78). Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tuża t-test tal-borża vojta.

106. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li, tal-inqas fiż-żmien rilevanti, kien għadu possibbli li jitqies li t-twettiq ta’ testijiet fuq vacuum cleaners fil-bidu tal-użu tagħhom (b’boroż vojta) kien jitqies li huwa ttestjar “matul l-użu”. Kien biss sussegwentement, fis-sentenza ta’ annullament tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, “matul l-użu”, ifisser il-kejl tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun simili għall-kundizzjonijiet reali ta’ użu, li jeħtieġ li l-kontenitur tal-vacuum cleaner jimtela sa ċertu livell (79).

107. Skuża bħal din tista’ tiġi aċċettata?

108. Fil-fatt, bl-użu ta’ interpretazzjoni purament testwali u b’enfasi esklużiva fuq dawn iż-żewġ kelmiet, jista’ jiġi konkluż li l-bidu tal-użu huwa wkoll “matul l-użu”.

109. Madankollu, fiż-żmien tal-fatti, il-Kummissjoni kienet taf, kif hija indikat waqt is-seduta, li kien hemm tnaqqis fil-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners bil-borża. B’mod partikolari, kif indikat Dyson, dan jintwera mir-rapport tal-esperti tal-Kummissjoni (80), kif ukoll mill-informazzjoni pprovduta mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi (81) u minn Dyson stess (82) waqt il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat Nru 665/2013.

110. B’hekk, il-Kummissjoni kienet taf, fiż-żmien tal-fatti, li t-test tal-borża vojta ma setax jilħaq l-għan tad-Direttiva 2010/30 li kien jikkonsisti fl-għoti lill-konsumaturi ta’ informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners sabiex ikunu jistgħu jixtru prodotti iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora li tali test jqarraq bil-konsumaturi.

111. L-ebda amministratur tajjeb ma jista’ jiġi awtorizzat jinjora l-għan tad-dispożizzjonijiet legali li huwa jimplimenta. Interpretat fil-kuntest tal-għanijiet tad-Direttiva 2010/30, il-formulazzjoni “matul l-użu” ma tistax, skont l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, tinftiehem fis-sens li tippermetti testijiet bil-boroż vojta.

112. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-Parlament jew il-Kunsill ma kkontestawx ir-Regolament Delegat Nru 665/2013, kif setgħu jagħmlu skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/30, ma jistax jintuża bħala prova ta’ mandat mhux ċar.

113. Għalhekk ma narax li diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jistgħu jiskużaw il-ksur imwettaq mill-Kummissjoni.

114. Fir-rigward tal-kumplessità regolatorja, il-Kummissjoni spjegat li hija kellha tibbilanċja l-ħtieġa li jiġi applikat metodu ta’ ttestjar li jirrifletti l-kundizzjonijiet reali tal-użu u r-rekwiżit li tali metodu jkun xjentifikament preċiż u affidabbli. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar test li kien jagħti riżultati qarrieqa lill-konsumaturi. Ma kien hemm l-ebda kumplessità regolatorja assoċjata mal-konklużjoni li ma setax isir it-test tal-borża vojta.

115. Dan huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li, minkejja eventwali kumplessitajiet tekniċi sabiex jinstab it-test xieraq, kien ċar, fiż-żmien rilevanti, li dak it-test li għażlet il-Kummissjoni li tuża ma setax jintuża. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jara kif il-Kummissjoni, meta taġixxi bħala amministratur tajjeb, tista’ tiġi skużata talli ma rrikonoxxietx dan.

116. Fl-aħħar, il-Kummissjoni sostniet li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2010/30, hija kellha tadotta regolament delegat f’terminu ta’ ħames snin. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li kien preferibbli li jiġi adottat it-test tal-borża vojta milli assolutament ebda test.

117. Bi tweġiba għal dan l-argument, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-komprensjoni mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ ħames snin li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2010/30 hija żbaljata. Din id-dispożizzjoni ma kinitx timponi data ta’ skadenza finali għall-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ metodu ta’ ttestjar akkost ta’ kollox. Hija ddeterminat biss il-perijodu inizjali ta’ delega li fl-iskadenza tiegħu l-Kummissjoni kienet meħtieġa tagħmel rapport. Dan il-perijodu kellu jiġi estiż awtomatikament għal perijodu ieħor ta’ ħames snin jekk il-Parlament jew il-Kunsill ma jkunux irrevokaw id-delega. Barra minn hekk, anki jekk il-perijodu ta’ ħames snin kien jikkostitwixxi data ta’ skadenza għall-Kummissjoni, dan ma setax jiskuża lill-Kummissjoni talli għażlet test li ma jikkonformax mad-delega, peress li tqarraq bil-konsumaturi.

118. Fil-qosor, jekk it-talba ta’ Dyson hija kklassifikata b’mod xieraq (ara l-analiżi tiegħi tal-ewwel aggravju tal-appell), bħala li qiegħda tallega li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju meta adottat it-test tal-borża vojta, huwa evidenti ħafna li la diffikultajiet interpretattivi u lanqas il-kumplessità regolatorja ma jistgħu jiskużaw lill-Kummissjoni talli adottat dan it-test.

119. Konsegwentement, inqis li t-tielet u r-raba’ aggravju huma fondati u li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30.

D.      Ilħames, issitt u sseba’ aggravju

120. Permezz tat-tliet aggravji l-oħra, Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ksur imwettaq mill-Kummissjoni ma kienx suffiċjentement serju fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (il-ħames aggravju), tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta’ diliġenza (is-sitt aggravju) u tad-dritt għal twettiq ta’ negozju jew kummerċ (is-seba’ aggravju).

121. Kif imsemmi fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 fil-konstatazzjoni tagħha li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju f’dak li jirrigwarda dawk l-allegati ksur oħra tad-dritt tal-Unjoni. Kif ikkunsidrajt diġà fl-analiżi tiegħu tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-motiv ta’ Dyson u wettqet żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni tagħha li l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 ma kienx suffiċjentement serju, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar jekk l-allegat ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni kienx suffiċjentement serju huma wkoll ivvizzjati bl-istess żbalji ta’ liġi.

122. Għaldaqstant, inqis li l-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravju huma fondati.

IV.    Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-premess, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–      tikkonstata li l-ewwel, it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravju huma fondati;

–      tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Diċembru 2021, Dyson et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/19, EU:T:2021:870);

–      tikkonstata li l-ksur tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija imwettaq mill-Kummissjoni huwa suffiċjentement serju;

–      tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

–      tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-każijiet preċedenti ser jiġu deskritti fil-qosor fil-punti 25 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet sa fejn huma rilevanti għal din il-kawża.


3      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) tat‑3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 59, p. 40) (ir-“Regolament Delegat Nru 665/2013”).


4      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015 (T‑544/13, EU:T:2015:836).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 1).


6      Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357).


7      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, EU:T:2018:761).


8      Il-vacuum cleaners ċikloniċi ġew ivvintati mill-fundatur ta’ Dyson, James Dyson u kkummerċjalizzati minn Dyson fl-Unjoni mill‑1993, u xi snin wara, kumpanniji oħra għamlu l-istess. Skont dak li qal huwa stess, J. Dyson kien immotivat joħloq il-vacuum cleaner ċikloniku minħabba t-telf ta’ aspirazzjoni u minħabba imblukkar li esperjenza b’vacuum cleaner bil-borża. Ara Dyson, J., Invention: A Life of Learning Through Failure, Simon & Schuster, 2021, b’mod partikolari p. 92 u 93.


9      Ħafna tipi ta’ vacuum cleaners ġew żviluppati matul is-snin, iżda, għal din il-kawża, huma biss il-vacuum cleaners ċikloniċi u bil-borża li huma rilevanti. Dwar it-tipi ta’ vacuum cleaners, ara, pereżempju, AEA Energy and Environment, Work on Preparatory Studies for Eco-Design Requirements of EuPs (II), lott 17 Vacuum Cleaners, TREN/D3/390–2006, Rapport Finali tal-Kummissjoni Ewropea, Frar 2009 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport AEA”), punt 2.3; Gantz, C., The Vacuum Cleaner: A History, McFarland WilliCompany, 2012.


10      Ara, f’dan ir-rigward, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-ittikkettar tal-effiċjenza enerġetika u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE, (SWD(2015) 139 final), 15 ta’ Lulju 2015, p. 10 u 11 (li kkonstatat li l-approċċi tal-Unjoni fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-ittikkettjar tal-enerġija u tal-ekodisinn huma komplementari, bl-ekodisinn qiegħed “jimbotta” s-suq u t-tikketti enerġetiċi “jiġbduh”).


11      Ara, pereżempju, il-Kummissjoni, “About the energy label and eco-design”, disponibbli fl-indirizz li ġej: https://commission.europa.eu/energy-climate-change-environment/standards-tools-and-labels/products-labelling-rules-and-requirements/energy-label-and-ecodesign/about_en; Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 01/2020, L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u l-Ittikkettjar tal-Enerġija: il-kontribut importanti għal effiċjenza akbar fl-enerġija tnaqqas minn dewmien sinjifikattiv u nuqqas ta’ konformità, 2020, b’mod partikolari p. 4 u 6 sa 8.


12      Ara, pereżempju, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‑ Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022‑2024 (ĠU 2022 C 182, p. 1), punti 1 u 6; Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE, COM(2022) 723 finali, 8 ta’ Diċembru 2022, punt 1.


13      Ara, pereżempju, il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022‑2024, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 3.


14      Ara, pereżempju, ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Reviżjoni tad-Direttiva 2010/30/UE, (COM (2015) 345 finali), 15 ta’ Lulju 2015, p. 3; ir-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 10. Ara wkoll, il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022‑2024, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 2 (li jindika li stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li 93 % tal-konsumaturi tal-Unjoni jirrikonoxxu t-tikketta enerġetika tal-Unjoni u li 79 % ta’ dawn il-konsumaturi huma influwenzati minnha meta jixtru apparat).


15      Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 1979 dwar l-indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar, tal-konsum tal-enerġija ta’ apparat domestiku (ĠU 1979, L 145, p. 1).


16      Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta’ l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 16).


17      Enfasi miżjuda minni.


18      Ara l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(a), (e) u (f), l-Artikolu 3(1)(b), l-Artikolu 4(a), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1), l-Artikolu 10(3)(a) u l-premessi 2, 5, 13, 14 u 19 tad-Direttiva 2010/30.


19      Ara, f’dan ir-rigward, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, Valutazzjoni tal-Impatt, (SEC(2008) 2862), 13 ta’ Novembru 2008, p. 83.


20      Ara l-Proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, (COM(2008) 778 finali), 13 ta’ Novembru 2008, l-Artikolu 1(2) propost, l-Artikolu 2 propost, l-Artikolu 11(1) propost, l-Artikolu 11(3) propost, u l-premessi 2, 3 u 7 proposti.


21      Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-premessa 19 tad-Direttiva 2010/30.


22      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU 2017, L 198, p. 1). Skont l-Artikolu 21 tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2017.


23      Ara l-premessi 3 u 4 tar-Regolament 2017/1369.


24      Ara l-Artikolu 13(3) u l-premessa 35 tar-Regolament 2017/1369.


25      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU 2009, L 285, p. 10).


26      Ara, f’dan ir-rigward, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, Regolament tal-Kummissjoni li jimplimenta d-Direttiva 2009/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners u r-Regolament Delegat li jissuplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament u l-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners, SWD(2013) 240, p. 4. Dan id-dokument ikkonkluda li l-għażla preferuta kienet t-taħlita ta’ regolament delegat li jiffissa r-rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija ma’ regolament ta’ implimentazzjoni li jiffissa r-rekwiżiti sabiex jiggwidaw lill-konsumaturi lejn l-apparat l-iktar effiċjenti (ara p. 38 u 39).


27      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat Nru 665/2013.


28      Ara l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat Nru 665/2013.


29      Ara l-Artikolu 5 l-premessa 4 tar-Regolament ta’ Delega 665/2013.


30      Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners (Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU 2014, C 272, p. 5), li tindika li t-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec ma kinitx parti minn din iċ-ċitazzjoni. Inħarġu komunikazzjonijiet simili fl‑2016 (ĠU 2016, C 416, p. 31) u fl‑2017 (ĠU 2017, C 261, p. 4).


31      L-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 665/2013 kien jipprovdi li l-Kummissjoni kellha tirrevedi, fi żmien ħames snin, “jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta’ kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.”


32      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punti 58 sa 63) (enfasi miżjuda).


33      Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 66).


34      Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 68). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi rilevanti, peress li dawn kienu jinvolvu l-evalwazzjoni tal-fatti.


35      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, EU:T:2018:761, punti 69 sa 75).


36      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, EU:T:2018:761, punt 76).


37      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, EU:T:2018:761, punt 82).


38      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22).


39      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, b’mod partikolari l-punti 35 sa 46).


40      Fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat li “l-kwistjoni rilevanti hija jekk il-Kummissjoni, billi ppreferiet il-metodu ta’ ttestjar ibbażat fuq l-użu ta’ kontenitur vojt minflok dak imwettaq b’kontenitur mimli bit-trab, wettqitx ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha”.


41      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, EU:T:2018:761, punt 76); ara wkoll il-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, Dyson tinvoka, fost oħrajn, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine (C‑472/00 P, EU:C:2003:399); tas‑16 ta’ Ottubru 2008, Synthon (EU:C:2008:565); tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, b’mod partikolari l-punt 57); tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402); u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39).


43      Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinvoka, fost oħrajn, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361); tas‑26 ta’ Jannar 2006, Medici Grimm vs Il‑Kunsill (T‑364/03, EU:T:2006:28); tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (T‑429/05, EU:T:2010:60); u tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill (T‑341/07, EU:T:2011:687).


44      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207, punti 134 sa 139) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Synthon (C‑452/06, EU:C:2008:393, punti 121 sa 123).


45      Ara, pereżempju, Hilson, C., “The Role of Discretion in EC Law on Non-Contractual Liability”, Common Market Law Review, Vol. 42, 2005, p. 677, b’mod partikolari p. 693) (fejn tiġi nnotata ċ-“ċirkolarità stramba” fil-ġurisprudenza); Biondi, A., u Farley, M., The Right to Damages in EU Law, Kluwer, 2009, p. 41 (li fih jitqies li l-ġurisprudenza tindika “raġunament żig-żag”).


46      Minħabba r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtieġa li ma jkunx hemm Konklużjonijiet twal wisq, mhux ser nanalizza fid-dettall il-ġurisprudenza abbundanti inkwistjoni. Pjuttost ser nillimita ruħi sabiex nippreżenta ċertu elementi komuni li jistgħu jikkontribwixxu għar-razzjonalizzazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza.


47      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, iktar ’il quddiem “Bergaderm”).


48      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 42, iktar ’il quddiem “Brasserie”).


49      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 41).


50      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 43 u 44).


51      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 38 sa 41, 44 u 45).


52      Dan jista’ jiġi spjegat miċ-ċirkustanzi tal-kawża Francovich, fejn il-kawża tad-dannu kienet in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Peress li l-Istati Membri ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedu li ma jittrasponux direttiva, seta’ jinftiehem li l-ksur kien suffiċjentement serju. Tali interpretazzjoni tas-sentenza Francovich ġiet sussegwentement ikkonfermata mill-ġurisprudenza. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 23), u tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et (C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 51).


53      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996 (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 47 sa 51).


54      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 34).


55      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996 (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55).


56      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 31); tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33); u tas‑16 ta’ Ġunju 2022, SGL Carbon et vs Il‑Kummissjoni (C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C-75/21 P, EU:C:2022:470, punt 47).


57      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996 (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 56 u 57).


58      Fil-punt 43 tas-sentenza Brasserie, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “s-sistema ta’ regoli żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja skont [l-Artikolu 340 TFUE], b’mod partikolari fil-qasam tar-responsabbiltà għal miżuri leġiżlattivi, tieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni tas-setgħa diskrezzjonali li għandu l-awtur tal-att inkwistjoni”.


59      Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Unjoni, ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33) (“inter alia”), u tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 146), (“b’mod partikolari”). Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat, ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 25) (“b’mod partikolari”), u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 105) (“inter alia”).


60      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punti 166 sa 173); tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 57); tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 103 sa 106); tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni (C‑650/19 P, EU:C:2021:879); tal‑24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il‑Kummissjoni (T‑178/98, EU:T:2000:240, punti 57, 76 u 82) (ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine (C‑472/00 P, EU:C:2003:399, punti 28 sa 32); tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 59 sa 69) (ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017), Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 32 sa 42); tal‑14 ta’ Diċembru 2018, East West Consulting vs Il‑Kummissjoni (T‑298/16, EU:T:2018:967, punti 146 sa 153); tad‑19 ta’ Jannar 2022, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑610/19, EU:T:2022:15, punti 112 u 113) (appell pendenti fil-Kawża C‑221/22 P); u tat‑23 ta’ Frar 2022, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑834/17, EU:T:2022:84, punti 104 sa 123) (appell pendenti fil-Kawża C‑297/22 P).


61      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark (C‑150/99, EU:C:2001:34, punti 40 sa 42); tat‑28 ta’ Ġunju 2001, Larsy (C‑118/00, EU:C:2001:368, punti 41 sa 55); tas‑17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punti 82 u 86); tas‑16 ta’ Ottubru 2008, Synthon (C‑452/06, EU:C:2008:565, punti 39 sa 46); u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punti 106 sa 108 u 115).


62      Jidher li wieħed mill-ftit eżempji li jista’ jiġi kklassifikat bħala kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Stat Membru jista’ ma jkunx responsabbli anki jekk ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali hija s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357).


63      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, EU:T:2001:184, punti 137 sa 150); tal‑21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 100 sa 116) (ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 51); tas‑26 ta’ Jannar 2006, Medici Grimm vs Il‑Kunsill (T‑364/03, EU:T:2006:28, punti 82 sa 98); tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (T‑429/05, EU:T:2010:60, punti 104 sa 112) (ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punti 108 u 109)); u tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill (T‑341/07, EU:T:2011:687, punti 57 sa 74).


64      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2005 (T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 100 sa 116).


65      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 51).


66      Ara wkoll, għal eżempju simili, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punti 108 u 109).


67      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256), u tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722).


68      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), u tat‑3 ta’ Settembru 2014, X (C‑318/13, EU:C:2014:2133). Peress li dawn il-kawżi ġew irrinvijati għal deċiżjoni preliminari mill-qrati nazzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja, din spiss ma ddeċidietx il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, iżda ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju.


69      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punti 38 sa 45, 104 sa 117 u 126).


70      Madankollu, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Ombudsman kellu biss setgħa diskrezzjonali mnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti, sabiex jiddeskrivi l-kontenut ta’ dokument insostenn tal-konklużjonijiet ta’ deċiżjoni li tagħlaq investigazzjoni. Għaldaqstant, id-distorsjoni mill-Ombudsman tal-kontenut ta’ tali dokument kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer (C‑198/03 P, EU:C:2005:445, punti 69 sa 71 u 73 sa 93); tas‑16 ta’ Ġunju 2022, SGL Carbon et vs Il‑Kummissjoni (C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P, EU:C:2022:470, punti 89 u 90); tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 129 sa 132); tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni (T‑212/03, EU:T:2008:315, punti 83 sa 97); u tat‑23 ta’ Frar 2022, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑834/17, EU:T:2022:84, punti 201 sa 228) (appell pendenti fil-Kawża C‑297/22 P).


72      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications (C‑392/93, EU:C:1996:131, punti 39 sa 46); tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 118 sa 124); u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punti 72 sa 81).


73      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, (C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P, EU:C:2022:470, punti 89 u 90).


74      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punti 54 u 55) u tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punti 167 u 168).


75      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 53).


76      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 44 sa 46).


77      Kif iddeċidew il-qrati tal-Unjoni, r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ teżisti biss jekk hemm konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi simili, minn awtorità amministrattiva normalment prudenti u diliġenti. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43); tal‑24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il‑Kummissjoni (T‑178/98, EU:T:2000:240, b’mod partikolari l-punt 61); tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 62); u tat‑23 ta’ Frar 2022, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (T‑834/17, EU:T:2022:84, punt 88) (appell pendenti fil-Kawża C‑297/22 P).


78      Għalkemm il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk tali test kienx disponibbli, nixtieq infakkar li din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 billi użat it-test tal-borża vojta.


79      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 68). Ara wkoll il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Ara r-Rapport tal-AEA, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari p. 72, li jipprovdi: “Huwa aċċettat li t-testijiet kollha ta’ prestazzjoni tat-tindif jitwettqu b’boroż u filtri ndaf u li din il-prestazzjoni tista’ tonqos hekk kif it-trab jibda jimla l-pori tal-filtri u tal-boroż.” [traduzzjoni libera]


81      Ara Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Konsumaturi fl-Istandardizzazzjoni (“ANEC”) u l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (“BEUC”), Comments on draft Ecodesign and Labelling requirements for vacuum cleaners, 5 ta’ Settembru 2011, p. 5; ANEC u BEUC, “Consumer organisations comments on draft Ecodesign and Labelling rules for vacuum cleaners”, Dokumenti ta’ Hidma tal-Kummissjoni Ewropea tas‑27 ta’ Awwissu 2012, p. 4 u 5; ANEC u BEUC, “Comments on the updated Ecodesign and Energy Labelling proposal for vacuum cleaners”, Abbozzi aġġornati tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Diċembru 2012, p. 2 sa 4.


82      Kif indikat fl-appell tagħha, Dyson ippreżentat data dwar l-ittestjar matul il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernata li tirrigwarda diverġenza sostanzjali fil-prestazzjoni bejn it-test tal-borża vojta u ttestjar imwettaq b’kontenitur mimli għall-vacuum cleaners.

Top