This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0116
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 20 April 2023.#European Commission v Federal Republic of Germany.#Failure of a Member State to fulfil obligations – Environment – Directive 92/43/EEC – Conservation of natural habitats and of wild fauna and flora – Article 4(4) and Article 6(1) – Failure to designate special areas of conservation – Failure to determine conservation objectives – Absence or insufficiency of conservation measures – Administrative practice.#Case C-116/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-20 ta’ April 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 4(4) u Artikolu 6(1) – Assenza ta’ deżinjazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Assenza ta’ determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni – Assenza jew insuffiċjenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni – Prassi amministrattiva.
Kawża C-116/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-20 ta’ April 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 4(4) u Artikolu 6(1) – Assenza ta’ deżinjazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Assenza ta’ determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni – Assenza jew insuffiċjenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni – Prassi amministrattiva.
Kawża C-116/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:317
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )
Kawża C‑116/22
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja
(Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligi – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 4(4) – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni)
I. Introduzzjoni
1. |
“Dak li nagħmlu bejn l‑2020 u l‑2030, […] ser ikun id-deċennju deċiżiv għall-futur tal-umanità fid-Dinja. Il-futur ma huwiex determinat, il-futur jinsab f’idejna” ( 2 ) [traduzzjoni libera]. |
2. |
L-Unjoni Ewropea tipparteċipa fil-gwida tal-futur permezz ta’, parzjalment, id-Direttiva dwar il-habitats ( 3 ). |
3. |
Din il-kawża hija waħda mis-serje ta’ kawżi li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea timplimenta dan l-istrument. Hija bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
4. |
Tabilħaqq, din hija r-raba’ azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan il-qasam li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara s-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Nomina u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) ( 4 ) u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja ( 5 ), kif ukoll il-Kawża pendenti C‑444/21, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), li fiha reċentement ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi ( 6 ). Barra minn hekk, hemm azzjoni oħra simili pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ( 7 ) u għaddejjin proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra diversi Stati Membri oħra ( 8 ). |
5. |
Wara li niddeskrivi fil-qosor l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (II), ser infakkar l-ewwel id-Direttiva dwar il-habitats u l-Artikoli 4(4) u 6(1)(III) tagħha. Imbagħad ser nanalizza, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni lment allegat mill-Kummissjoni f’din il-kawża dwar il-ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats fir-rigward tar-rekwiżiti relatati mal-għanijiet ta’ konservazzjoni (IV). |
II. L‑iżvolġiment ta’ din il‑kawża: Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
6. |
Din il-kawża tirrigwarda l-implimentazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats fir-reġjuni bioġeografiċi Alpini, Atlantiċi u Kontinentali ( 9 ). |
7. |
Għal kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, il-Kummissjoni adottat lista ta’ Siti ta’ Importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) fit-territorju Ġermaniż permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fl‑2003 u fl‑2004 ( 10 ). Sussegwentement, il-Kummissjoni aġġornat dawn il-listi, b’mod partikolari, permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fl‑2007 u fl‑2008 ( 11 ). Din il-kawża tikkonċerna t-total tal‑4 606 sit elenkat f’dawk id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. |
8. |
Wara investigazzjonijiet permezz ta’ proċedura EU Pilot, fis‑27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ġermanja, skont l-Artikolu 258 TFUE, li fiha qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jinnomina għadd ta’ SIK bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem “ŻSK”) u milli jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa bi ksur tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
9. |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni billi indikat l-istat ta’ progress tagħha fir-rigward tan-nomina taż-ŻSK u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. Wara dan, fl‑14 ta’ Jannar 2016, fis‑7 ta’ April 2016, fil‑25 ta’ Lulju 2016, fit‑23 ta’ Diċembru 2016, fis‑27 ta’ Lulju 2017, fit‑22 ta’ Diċembru 2017 u fit‑3 ta’ Awwissu 2018, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni seba’ aġġornamenti dwar in-nomina taż-ŻSK u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. |
10. |
Importanti għal dawn il-konklużjonijiet, fis‑26 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn sostniet li, billi ma stabbilixxiex, b’mod ġenerali u persistenti, għanijiet ta’ konservazzjoni u miżuri ta’ konservazzjoni suffiċjentement iddettaljati u speċifiċi għas-siti kkonċernati, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4(4) u 6 tad-Direttiva dwar il-habitats. |
11. |
Fis‑26 ta’ April 2019 u fl‑11 ta’ Ġunju 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali billi indikat l-istat ta’ progress tagħha fir-rigward tan-nomina taż-ŻSK u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. Hija kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligi tad-Direttiva dwar il-habitats fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u tal-miżuri ta’ konservazzjoni. |
12. |
Fit‑13 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn qieset li l-ksur allegat tal-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats kien għadu jeżisti. Fuq talba ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Marzu 2020, estendiet it-terminu għal risposta għall-opinjoni motivata sat‑13 ta’ Ġunju 2020. |
13. |
Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-opinjoni motivata. B’mod partikolari, hija ppreżentat il-progress tagħha għat-twettiq tan-nomina taż-ŻSK u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. Hija baqgħet ma taqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-habitats fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u tal-miżuri ta’ konservazzjoni. |
14. |
Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fit‑18 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni, wara li qieset li, sat‑13 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għadha ma kkonformatx ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, ressqet din l-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. |
15. |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi ma nnominatx għadd ta’ siti preżenti fit-territorju tagħha bħala ŻSK (88 minn 4606 SIK). |
16. |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-ewwel, billi ma stabbilixxiet ebda għan ta’ konservazzjoni għal 88 minn 4606 SIK u, t-tieni, billi stabbilixxiet, b’mod ġenerali u persistenti, għanijiet ta’ konservazzjoni li ma kinux suffiċjentement speċifiċi fiż-ŻSK innominati. |
17. |
Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-ewwel, billi ma stabbilixxiet ebda miżura ta’ konservazzjoni għal 737 minn 4606 SIK u, it-tieni, billi stabbilixxiet, b’mod ġenerali u persistenti, miżuri ta’ konservazzjoni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni. |
18. |
Fir-risposta tagħha ppreżentata fit‑23 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad dan ir-rikors kollu kemm huwa bħala infondat. |
19. |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fl‑4 ta’ Lulju 2022 u fis‑16 ta’ Awwissu 2022 rispettivament. |
20. |
Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma nżammet l-ebda seduta. |
III. Id‑Direttiva dwar il-habitats u l‑Artikoli 4(4) u 6(1) tagħha
A. In-Natura 2000 u t‑tliet reġjuni bioġeografiċi inkwistjoni
21. |
Infakkar li ( 12 ) ż-ŻSK stabbiliti skont id-Direttiva dwar il-habitats ( 13 ), kif ukoll iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) stabbiliti skont id-Direttiva dwar l-għasafar ( 14 ), jikkostitwixxu n-Natura 2000 ( 15 ), network ekoloġiku Ewropew koerenti intiż għas-sopravivenza fit-tul tal-habitats u tal-ispeċi l-iktar prezzjużi u mhedda fl-Unjoni. |
22. |
Ir-reġjuni Alpini, Atlantiċi u Kontinentali rilevanti f’dan il-każ huma parti min-Natura 2000, li hija maqsuma f’ħames reġjuni tal-baħar u disa’ reġjuni bioġeografiċi terrestri ( 16 ). |
23. |
Ir-reġjun bioġeografiku Alpin, imsejjaħ “is-saqaf tal-Ewropa”, jinkludi ħamsa mill-itwal u l-ogħla firxiet ta’ muntanji u għandu biodiversità rikka ħafna, bi kważi żewġ terzi tal-pjanti tal-kontinent Ewropew preżenti fihom ( 17 ). Ir-reġjun bioġeografiku tal-Atlantiku, imsejjaħ “il-marġni tal-Punent tal-Ewropa”, jiġbor flimkien tnejn mill-ibħra l-iktar produttivi fid-dinja (il-Baħar tat-Tramuntana u l-Oċean Atlantiku) u iktar minn nofs il-kosta tal-Unjoni, li hija rikka wkoll fil-habitats u l-ispeċi ( 18 ). Ir-reġjun bioġeografiku Kontinentali, magħruf bħala “l-qalba tal-Ewropa”, ikopri iktar minn kwart tal-Unjoni u għandu livell għoli ta’ biodiversità, magħruf b’mod partikolari għal kemm għandu speċi ta’ annimali u pjanti rari ( 19 ). |
B. Reviżjoni tas‑Sistema tad‑Direttiva dwar il‑habitats
24. |
Kif spjegajt f’iktar dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) ( 20 ), l-Istati Membri jikkontribwixxu għan-Natura 2000 skont ir-rappreżentanza fit-territorji tagħhom tat-tipi ta’ habitats u ta’ speċi rilevanti elenkati fl-annessi tad-Direttiva dwar il-habitats li huma jinnominaw bħala ŻSK. |
25. |
Fil-qosor, id-Direttiva dwar il-habitats tipprevedi li ż-ŻSK jiġu stabbiliti fi stadji, li jibdew bil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tistabbilixxi l-lista tas-SIK permezz ta’ att vinkolanti. Wara dan, l-Istati Membri għandhom sitt snin biex jinnominaw uffiċjalment dawn is-SIK bħala ŻSK u jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa. |
26. |
L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirrikjedi li l-Istati Membri jinnominaw ŻSK. Dan jipprovdi li: “Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.” |
27. |
Flimkien man-nomina ta’ ŻSK, Stat Membru għandu jistabbilixxi wkoll il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa. Dan huwa dak li jipprovdi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jgħid: “Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.” |
28. |
Għalkemm id-Direttiva dwar il-habitats tistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri f’żewġ dispożizzjonijiet separati, in-nomina taż-ŻSK u l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa huma ħaġa waħda indiviżibbli biex jintlaħqu l-għanijiet tan-Natura 2000. Infakkar li l-għan tad-Direttiva dwar il-habitats huwa li jinkisbu riżultati reali fil-partijiet ta’ natura nominati ( 21 ). |
29. |
Fir-rigward ta’ siti fit-territorju Ġermaniż rilevanti f’dan il-każ, it-terminu mogħti sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw kemm mill-Artikolu 4(4) kif ukoll mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats skada sa mhux iktar tard mill‑2014 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
30. |
La l-Artikolu 4(4) u lanqas l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jsemmu espressament l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni. Madankollu, l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala stadju obbligatorju u neċessarju bejn in-nomina taż-ŻSK kif jeżiġi l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni kif jeżiġi l-Artikolu 6(1) tagħha ( 22 ). |
31. |
Fil-verità, l-għanijiet ta’ konservazzjoni li għalihom intgħażel sit partikolari sabiex jiġi protett bħala ŻSK diġà jeżistu qabel in-nomina formali tiegħu, għall-inqas sa ċertu punt. Dan donnu huwa rikonoxxut mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 23 ). Din id-dispożizzjoni, li hija l-unika waħda li ssemmi espressament l-għanijiet ta’ konservazzjoni ( 24 ), hija intiża sabiex tippreżerva l-possibbiltà li jintlaħqu l-għanijiet taż-ŻSK futura sa mill-inklużjoni tagħha fil-lista tas-SIK, billi teżiġi awtorizzazzjoni minn qabel għal kull proġett li jista’ jipperikola dawk l-għanijiet. B’hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali Kokott, “meta siti huma inklużi fil-lista Komunitarja, għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għadhom ma ġewx stabbiliti espressament, iżda jirriżultaw mill-habitats u l-ispeċi kollha li għalihom is-sit ġie protett […]” ( 25 ). |
32. |
Peress li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jirriflettu r-raġunijiet li għalihom sit partikolari għandu jiġi nominat bħala ŻSK fl-ewwel lok, kien kompletament loġiku li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ biss li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu espressi fil-mument tan-nomina formali ta’ ŻSK. L-espressjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni hija għalhekk parti minn tali nomina formali ta’ ŻSK. L-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom għalhekk jiġu stabbiliti fl-istess terminu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 26 ). |
33. |
Huwa minn din il-perspettiva li issa ser neżamina t-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża. |
IV. It‑tieni lment, li jallega ksur tal‑Artikolu 4(4) tad‑Direttiva dwar il‑habitats
34. |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats għaliex naqset milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni għal numru mill‑4 606 sit inkwistjoni. |
35. |
Il-Kummissjoni tqajjem, essenzjalment, żewġ tipi ta’ allegazzjonijiet. L-ewwel, ċerti siti (88 minn 4606 sit) ma għandhom assolutament l-ebda għanijiet ta’ konservazzjoni. It-tieni, f’ħafna siti, l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jistgħux jiġu kkwantifikati u mkejla; ma jagħmlux distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar tal-interessi protetti preżenti fuq is-sit; u ma huwiex vinkolanti fuq terzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-tieni tip ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura ġenerali u persistenti. |
36. |
Ser nindirizza kull waħda minn dawk l-allegazzjonijiet separatament iktar ’il quddiem. |
A. L‑allegazzjoni li r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja ma stabbilixxietx għanijiet ta’ konservazzjoni għal ċerti siti
37. |
Il-Kummissjoni tallega li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, jeżistu 88 sit li għalihom assolutament ma jeżisti ebda għan ta’ konservazzjoni. Hija tistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull ŻSK. |
38. |
B’risposta għal din l-allegazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, bejn id-data ta’ trażmissjoni tal-opinjoni motivata u l‑31 ta’ Marzu 2022, hija stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dawn is-siti, bl-eċċezzjoni ta’ ftit siti fejn huwa previst li jiġu rtirati mil-lista tas-siti fil-kuntest tal-aġġornament li jmiss. |
39. |
Kif indikat iktar ’il fuq (ara l-punti 30 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni huwa obbligatorju skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Habitats. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxuhom għas-siti magħżula bħala ŻSK fi żmien sitt snin. |
40. |
Kif indikat il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li ma stabbilixxietx għanijiet ta’ konservazzjoni għal mill-inqas uħud mis-siti inkwistjoni sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑13 ta’ Ġunju 2020 (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 27 ). |
41. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li diversi siti ma għandhomx għanijiet ta’ konservazzjoni għandha tiġi milqugħa. |
B. L‑allegazzjoni li l‑għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja ma humiex speċifiċi biżżejjed u li dan l‑Istat Membru wettaq ksur ġenerali u persistenti
42. |
Il-Kummissjoni tallega li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, dan l-Istat Membru b’mod ġenerali u persistenti naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi stabbilixxa sistematikament għanijiet ta’ konservazzjoni li ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni. L-ewwel, dawn ma humiex ikkwantifikati u li jistgħu jitkejlu. It-tieni, huma ma jagħmlux distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar tal-interessi protetti preżenti fis-sit. It-tielet, dawn ma humiex vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. |
43. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni mhux biss li ċerti għanijiet ta’ konservazzjoni ma humiex suffiċjentement speċifiċi, iżda wkoll li huma rappreżentattivi ta’ skema li twassal għal ksur ġenerali u persistenti mwettaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
44. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li hija ma wettqet l-ebda ksur ġenerali u persistenti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats. Hija ma tikkontestax li l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-fatt li d-Direttiva dwar il-habitats tirrikjedi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu dejjem kwantifikabbli, jew li għandhom jagħmlu distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar tal-interessi protetti. Fl-aħħar, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-qafas legali tagħha huma vinkolanti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-opinjoni tal-Kummissjoni ma għandha l-ebda bażi fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li tista’ tmur kontra l-għanijiet ta’ dik id-direttiva. |
45. |
Għalhekk, it-tilwima bejn il-partijiet dwar it-talba taħt dan it-titolu hija tilwima dwar id-dritt u mhux fuq il-fatti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fatti ppreżentati mill-Kummissjoni. Hija pjuttost issostni li dawn il-fatti ma jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni ċari biżżejjed. Fi kliem ieħor, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja topponi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar dak li huwa meħtieġ sabiex għan ta’ konservazzjoni jkun speċifiku biżżejjed. |
46. |
Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom dejjem jindikaw għanijiet ta’ konservazzjoni li huma kkwantifikati u li jagħmlu distinzjoni bejn l-għanijiet ta’ żamma u dawk ta’ ripristinar ma jirriżultax mid-Direttiva dwar il-habitats. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar liema huma l-effetti vinkolanti tan-nomina ta’ ŻSK ma hijiex difendibbli. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-interpretazzjoni li qed nipproponi, hija għandha tiċħad l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma stabbilixxietx, b’mod ġenerali u persistenti, għanijiet ta’ konservazzjoni suffiċjentement speċifiċi u konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
1. L‑allegazzjoni li l‑għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu kkwantifikati
47. |
Il-Kummissjoni tallega li jeżistu ħafna siti li ma fihomx elementi kkwantifikati u li jistgħu jitkejlu ( 28 ). Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżiġi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jinkludu elementi li jindikaw f’ċifri l-kontribuzzjoni speċifika li s-sit protett għandu jagħti għat-twettiq ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli fuq livell nazzjonali għall-habitat jew għall-ispeċi (bħal, pereżempju, iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ ċerti speċi permezz ta’ numru preċiż ta’ individwi ġodda). |
48. |
Il-Kummissjoni tinterpreta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu speċifiċi biżżejjed bħala li tfisser li dawn għandhom ikunu kkwantifikati (a). Il-Kummissjoni tibbaża wkoll fuq l-għanijiet (b) u l-kliem (c) tad-Direttiva dwar il-habitats u tirreferi għal eżempji minn Stati Membri oħra li introduċew għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati (d). |
49. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru jsostni li għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi, ikkwantifikati jew le, għandhom ikunu verifikabbli. Filwaqt li approċċ purament kwantitattiv huwa possibbli għal ċerti tipi ta’ habitats u ta’ speċi, dan ma huwiex xieraq bħala kriterju ġenerali. L-ewwel, l-ilħuq jew in-nuqqas ta’ lħuq taċ-ċifra stabbilita minn qabel ma jirriflettix l-istat tas-sit ta’ konservazzjoni. It-tieni, tali approċċ ma huwiex xieraq għal siti ta’ konservazzjoni kumplessi jew dinamiċi. Fl-aħħar, dan ma jiħux inkunsiderazzjoni n-natura koerenti tan-network Natura 2000 u l-eżistenza ta’ rabtiet ekoloġiċi fi ħdan dan in-network (e). |
50. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mhux konvint li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma humiex konformi mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats sempliċement għaliex ma humiex ikkwantifikati. Ser neżamina, suċċessivament, l-argumenti tal-Kummissjoni u dawk tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
a) L‑argumenti tal‑Kummissjoni bbażati fuq il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
51. |
Fil-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għanijiet ta’ konservazzjoni kienu insuffiċjenti minħabba li kienu wisq ġenerali u impreċiżi, u ma kinux jikkonċernaw it-tipi prinċipali ta’ habitats u ta’ speċi preżenti fis-sit. Minn dik is-sentenza ma jistax jiġi dedott li ġew ikkwantifikati motivi suffiċjentement preċiżi. |
52. |
Għalhekk, il-ġurisprudenza għadha ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu speċifiċi biżżejjed ifissirx li dawn għandhom dejjem jiġu kkwantifikati. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni fis-sens li, sabiex ikunu suffiċjentement preċiżi, l-għanijiet ta’ konservazzjoni mhux dejjem għandhom jiġu kkwantifikati. |
53. |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jistgħux ikunu vagi. Huma għandhom jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-miżuri bbażati fuq dawn l-għanijiet jippermettux li jintlaħaq l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit. Madankollu, naqbel mal-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-kwistjoni dwar jekk speċifiċità suffiċjenti teħtieġx kwantifikazzjoni ma tistax tiġi stabbilita b’mod ġenerali, iżda tiddependi pjuttost miċ-ċirkustanzi tas-sit ikkonċernat. Xi drabi, l-għan tal-konservazzjoni għandu jiġi espress f’ċifri, iżda jekk dan huwiex il-każ jista’ jiġi ddeterminat biss fuq bażi ta’ każ b’każ ( 30 ). |
54. |
Hija l-Kummissjoni li għandha turi fil-każ speċifiku li l-protezzjoni tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi fis-sit partikolari teħtieġ l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati. |
55. |
Il-pożizzjoni proposta li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma għandhomx neċessarjament ikunu kkwantifikati hija appoġġjata mil-letteratura akkademika. Ġie enfasizzat li wieħed mill-elementi prinċipali tal-għanijiet ta’ konservazzjoni huwa l-importanza ekoloġika tas-siti, imkejla skont il-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-habitats, li huma kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi ( 31 ). |
b) L‑argumenti tal‑Kummissjoni bbażati fuq l‑għanijiet tad‑Direttiva dwar il‑habitats
56. |
Il-Kummissjoni tiddefendi l-pożizzjoni tagħha li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiġu kkwantifikati billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-habitats, li jiddefinixxi “stat ta’ konservazzjoni favorevoli” għat-tipi ta’ habitats u l-ispeċi li għandu jintlaħaq. |
57. |
Madankollu, dan l-argument ma huwiex konvinċenti, peress li l-elementi għall-evalwazzjoni ta’ liema huwa stat ta’ konservazzjoni favorevoli huma kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi ( 32 ). |
58. |
Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-Istati Membri aċċettaw, fil-kuntest tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-habitats, li jistabbilixxu valuri ta’ referenza kkwantifikati li jindikaw il-limitu li minnu jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat jew ta’ speċi għall-finijiet tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiġu kkwantifikati wkoll skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
59. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq evidenza empirika li tinsab fl-Artikolu 17 tar-rapport Ġermaniż għall-perijodu 2013‑2018 li juri li madwar 80 % tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi protetti fil-Ġermanja għadhom jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli. Hija ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma laħqitx stat ta’ konservazzjoni favorevoli minħabba n-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati. |
60. |
L-ewwel, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta r-rabta stabbilita mill-Kummissjoni bejn il-valuri ta’ referenza u r-rekwiżiti li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jissodisfaw skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats. Tali valuri ta’ referenza jikkostitwixxu biss mezz sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ dikjarazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 17 tagħha u ma jikkonċernawx speċifikament is-sitwazzjoni fid-diversi ŻSK, iżda t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. It-tieni, jekk rapport jikkonkludi li stat ta’ konservazzjoni favorevoli għal ċerti habitats jew speċi għadu ma ntlaħaqx, minn dan ma jistax jiġi konkluż li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal ŻSK speċifiċi ma huwiex biżżejjed. Jista’ biss jiġi konkluż li dawk l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma ntlaħqux kollha kemm huma. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta l-fatt li x-xejriet irrappurtati, anki jekk huma sfavorevoli, huma dovuti għan-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati. |
61. |
Naqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ma narax ir-rabta bejn il-limiti kwantitattivi mhux milħuqa maqbula għal finijiet ta’ rrappurtar u l-argument li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu kkwantifikati. |
c) L‑argumenti tal‑Kummissjoni bbażati fuq il‑kliem tad‑Direttiva dwar il-habitats
62. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistrieħ fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats. |
63. |
Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, ma narax kif l-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati tmur kontra r-rekwiżiti li jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa. Fil-fatt, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) ( 33 ), il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jikkorrispondu għal għanijiet ta’ konservazzjoni. Madankollu, dan ma jimplikax li dawn l-għanijiet għandhom dejjem jiġu kkwantifikati. |
64. |
Il-Kummissjoni tibbaża wkoll l-argument tagħha fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi ssostni li huma biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni ddeterminati kwantitattivament li jistgħu jservu bħala kriterju għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit. L-effetti negattivi fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu esklużi b’ċertezza biss jekk ikunu speċifikati biżżejjed permezz ta’ elementi kwantitattivi. Il-Kummissjoni tagħti eżempju biex tissostanzja dan. Hija tispjega li evalwazzjoni tal-effetti li impjant idroelettriku propost jista’ jkollu fuq speċi ta’ ħut protett f’żona protetta tista’ tipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats biss jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona jipprovdu ċifri dwar in-numru ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi ta’ ħut u l-istruttura ta’ età tagħhom meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
65. |
Madankollu, f’kawża simili għal tali xenarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-osservanza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats fl-assenza ta’ tali għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati. |
66. |
Għandi f’moħħi s-sentenza Il‑Kummissjoni vs il‑Ġermanja ( 34 ). F’dik il-kawża, il-Kummissjoni kienet bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja minħabba li, inter alia, hija kienet evalwat ħażin ċerti miżuri taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Dawn il-miżuri kienu jirrigwardaw passaġġ għat-tlugħ għall-ħut installat qrib l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg li kien intiż sabiex jikkumpensa għall-ħut maqtul waqt it-tħaddim tal-impjant li ġibed kwantitajiet kbar ta’ ilma minn xmara qrib. Dik ix-xmara kienet tikkostitwixxi rotta migratorja għal diversi speċi ta’ ħut koperti minn diversi żoni tan-Natura 2000 li jinsabu upstream u li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħhom kienu jkopru dawn l-ispeċi. |
67. |
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passaġġ għat-tlugħ għall-ħut kien maħsub sabiex iżid l-istokkijiet ta’ ħut migratorju billi jippermetti li dawn l-ispeċi jilħqu iktar malajr iż-żoni ta’ riproduzzjoni tagħhom u kellha għalhekk tikkumpensa għall-mewt tal-ħut qrib l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, b’tali mod li l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni tan-Natura 2000 li jinsabu upstream mill-impjant ma jiġux affettwati b’mod sinjifikattiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet din l-evalwazzjoni mingħajr ma bbażat ruħha fuq għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati ( 35 ). |
68. |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tinkludi eżempji oħra li juru li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tevalwa jekk l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats kinux issodisfatti fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati ( 36 ). |
69. |
Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jippermettix li tiġi ssostanzjata l-affermazzjoni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom dejjem jiġu kkwantifikati. |
d) L‑argumenti tal‑Kummissjoni bbażati fuq eżempji minn Stati Membri oħra
70. |
Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-insistenza tagħha fuq il-kwantifikazzjoni ma hijiex irraġonevoli peress li jeżistu Stati Membri li jistabbilixxu għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati, filwaqt li ssemmi eżempji mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika tal-Litwanja u mir-Rumanija ( 37 ). |
71. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja twieġeb għal dan l-argument billi tgħid li l-eżempji magħżula huma aneddotali u ma jurux approċċ ġenerali fl-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni. Hija tenfasizza wkoll li l-Istati Membri kkonċernati huma fost dawk li kontrihom il-Kummissjoni għandha proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-allegat ksur tal-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
72. |
Fil-fehma tiegħi, mill-prassi tal-Istati Membri ma tistax tinsilet konklużjoni dwar ir-rekwiżiti imposti mid-Direttiva dwar il-habitats. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni huwa irrilevanti. |
e) L‑argumenti tar‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja għalfejn approċċ kwantitattiv ma jistax jiġi impost b’mod ġenerali
73. |
Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li tista’ ssir determinazzjoni kwantitattiva tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għal ċerti tipi ta’ habitats u speċi, din id-determinazzjoni ma hijiex xierqa bħala kriterju ġenerali. Dan l-Istat Membru jagħti tliet raġunijiet. |
74. |
L-ewwel, approċċ purament kwantitattiv, ibbażat fuq iż-żoni tat-tipi ta’ habitats, ma jistax jirrifletti l-istat ta’ dawn iż-żoni. Pereżempju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega li żieda ta’ 10 % fiż-żona koperta mit-tip ta’ habitat (6510) Mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa, invokata mill-Kummissjoni, tista’ turi titjib fl-istat ta’ konservazzjoni, iżda li fl-istess ħin l-istat taż-żoni eżistenti jista’ jkun qiegħed jonqos. Konsegwentement, l-għan ta’ konservazzjoni kkwantifikat ma jurix fih innifsu jekk l-istat favorevoli tas-sit jintlaħaqx. |
75. |
It-tieni, approċċ kwantitattiv ma huwiex adattat għal tipi ta’ habitats kumplessi jew għal żoni ta’ konservazzjoni b’karattru dinamiku (fejn ċerti elementi tal-habitats kumplessi jew tipi differenti ta’ habitats fi ħdan żona ta’ konservazzjoni jinbidlu kontinwament fin-natura tagħhom u jinteraġixxu bejniethom). L-għanijiet kwantitattivi ta’ konservazzjoni ma jistgħux jirriflettu b’mod adegwat din l-evoluzzjoni mixtieqa u ma humiex kompatibbli mal-istat ta’ konservazzjoni tas-siti kollha kemm huma, peress li dawn l-iżviluppi u l-impatt tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni ma jistgħux jiġu kkalkolati, iżda għandhom jitqiesu kwalitattivament. |
76. |
It-tielet, l-għanijiet kwantitattivi ta’ konservazzjoni relatati maż-ŻSK individwali jistgħu ma jirrispettawx il-koerenza tan-network Natura 2000 u ma jqisux l-eżistenza ta’ rabtiet ekoloġiċi f’dan in-network. |
77. |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprovdi eżempju. Oenanthe conioides, il-pjanta endemika tal-estwarju tal-Elbe — li huwa habitat kumpless dinamiku ħafna — hija pjanta pijuniera li tikkolonizza żoni miftuħa skont il-marea. Dan iwassal għal varjazzjonijiet sinjifikattivi fil-popolazzjoni fl-evoluzzjoni naturali tal-ispeċi, mingħajr ma jipperikola l-istat ta’ konservazzjoni tagħha, b’tali mod li l-fatt li ma jintlaħqux il-valuri ta’ referenza għas-siti ma jfissirx neċessarjament li għandhom jittieħdu miżuri favur l-ispeċi. Barra minn hekk, il-firxa ta’ din l-ispeċi hija koperta minn pluralità ta’ ŻSK interkonnessi u li l-popolazzjonijiet tagħha jinteraġixxu. L-evoluzzjoni tal-ispeċi hija dinamika mhux biss fi ħdan ŻSK, iżda wkoll bejn id-diversi ŻSK li għalihom din l-ispeċi hija ta’ interess. Il-kontribuzzjoni kwantitattiva ta’ kull ŻSK għall-konservazzjoni tal-ispeċi fit-totalità tagħha hija wkoll suġġetta għal varjazzjoni kunsiderevoli, mingħajr varjazzjoni ġenerali fl-istat ta’ konservazzjoni. Għalhekk, il-kontribuzzjoni ta’ kull ŻSK għall-konservazzjoni tal-ispeċi tista’ tiġi ddeterminata fit-tul biss b’mod kwalitattiv. |
78. |
Insib l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja konvinċenti. Id-differenzi bejn il-habitats u l-ispeċi protetti mid-Direttiva dwar il-habitats jeħtieġu approċċ flessibbli u għażla każ b’każ ta’ għanijiet xierqa ta’ konservazzjoni adattati għall-ħtiġijiet tas-sit partikolari. L-għanijiet ta’ konservazzjoni xi drabi jridu jiġu kkwantifikati, iżda xi drabi jistgħu jiġu stabbiliti biss f’termini kwalitattivi. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull tip ta’ habitat u speċi għandhom jiġu kkwantifikati. |
79. |
Bħala konklużjoni, inqis li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats meta stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni li ma humiex ikkwantifikati bħala infondata għaliex id-Direttiva dwar il-habitats ma teħtieġx li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu dejjem ikkwantifikati. |
2. L‑allegazzjoni li l‑għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiddistingwu bejn iż-żamma u r-ripristinar tal‑interessi protetti
80. |
Il-Kummissjoni tallega li jeżistu diversi siti li fihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jagħmlux distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar tal-interessi protetti preżenti fis-sit ( 38 ). |
81. |
Skont il-Kummissjoni, sabiex ikunu konformi mad-Direttiva dwar il-habitats, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiddistingwu skont jekk humiex intiżi għaż-żamma jew għar-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitats u ta’ speċi koperti minn ŻSK. |
82. |
Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu speċifiċi biżżejjed, u b’hekk tikkonkludi li l-ispeċifiċità teħtieġ distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar. Barra minn hekk, hija tibbaża ruħha fuq il-kliem tad-Direttiva dwar il-habitats. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li tali distinzjoni hija riprodotta matul id-Direttiva dwar il-habitats kollha u li hija essenzjali sabiex jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li għandhom jitwettqu abbażi ta’ dawn l-għanijiet skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif ukoll sabiex jiġi evalwat jekk pjan jew proġett jistax jaffettwa sit b’mod sinjifikattiv skont l-Artikolu 6(3) tagħha. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tinvoka eżempju minn Stat Membru ieħor ( 39 ). |
83. |
Abbażi tal-interpretazzjoni tagħha li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jagħmlu distinzjoni ċara bejn iż-żamma u r-ripristinar, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni li ma jagħmlux distinzjoni bħal din, li huwa sistematikament il-każ fil-Ġermanja, ma huwiex konformi mad-Direttiva dwar il-habitats. |
84. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Filwaqt li dan l-Istat Membru jaqbel li għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni ċari u inekwivoċi għal kull ŻSK, huwa jargumenta li l-kwistjoni dwar jekk dawn l-għanijiet jintlaħqux permezz taż-żamma jew tar-ripristinar tal-interessi protetti jiddependi mill-istat reali taż-ŻSK. Il-miżuri ta’ żamma jew ta’ ripristinar għandhom jiġu implimentati skont il-mod li bih jiżviluppa, f’kull każ, l-istat reali ta’ tip ta’ habitat jew speċi. |
85. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li ma hemm l-ebda raġuni biex issir distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar meta jitniżżlu l-għanijiet ta’ konservazzjoni, iżda pjuttost li għandu jiġi definit għan kwalitattiv jew kwantitattiv, b’tali mod li l-għan ta’ konservazzjoni jimmira għar-ripristinar sakemm dan l-għan ikun għadu ma ntlaħaqx u li dan jimmira għaż-żamma ta’ dan l-istat mixtieq ladarba dan jintlaħaq. |
86. |
Dan l-Istat Membru jżid li jekk, skont il-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni skont jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhomx jintlaħqu permezz taż-żamma jew tar-ripristinar tal-interessi protetti, ikun meħtieġ għalhekk li, b’kull bidla fil-livell ta’ konservazzjoni f’ŻSK, jiġi emendat l-għan ta’ konservazzjoni korrispondenti għal kull tip ta’ habitat u għal kull speċi. B’mod partikolari, fil-habitats dinamiċi, bħall-estwarju tal-Elbe fejn l-ispeċi ta’ pjanta Oenanthe conioides, imsemmija mill-Kummissjoni, hija preżenti, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jistgħu jkollhom jiġu adattati diversi drabi għall-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali. Dan jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni fejn, fil-frattemp, ma jiġu stabbiliti l-ebda għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żamma, iżda biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni intiżi għar-ripristinar, jew viċi versa. Il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni tista’ għalhekk twassal għal lakuni fil-livell ta’ protezzjoni. |
87. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiċħad ukoll l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-kliem tad-Direttiva dwar il-habitats. B’mod partikolari, il-fatt li teżisti dikotomija bejn l-għan taż-żamma u l-għan ta’ ripristinar li tinstab matul it-test kollu ta’ din id-direttiva ma jmurx kontra l-prattika Ġermaniża, peress li l-istat mixtieq obbligatorju għandu f’kull mument jew ikun miżmum jew irripristinat. Lanqas ma jidher li ż-żamma u r-ripristinar għandhom jiġu distinti minn xulxin; il-qari flimkien tat-tmien premessa u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats juri li hemm kriterju varjabbli uniku: l-għan huwa ġeneralment stat ta’ konservazzjoni favorevoli, u l-miżuri ta’ żamma jew ripristinar huma bbażati fuq ċirkustanzi li jinbidlu b’mod dinamiku f’kull każ speċifiku. |
88. |
Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taqbel li l-miżuri ta’ konservazzjoni intiżi għaż-żamma tal-kundizzjoni tal-interess protett huma differenti minn dawk intiżi għar-ripristinar tiegħu. Madankollu, minn dan ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni fir-rigward tar-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni. Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-kwistjoni dwar jekk pjan jew proġett propost jistax jaffettwa sit b’mod sinjifikattiv tiddependi mill-kundizzjonijiet konkreti prevalenti fis-sit fil-mument tal-evalwazzjoni, u mhux mill-għażla formali magħmula fil-passat, li tattribwixxi lill-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit iż-żamma jew ir-ripristinar tiegħu. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat xejn żbaljat f’għan ta’ konservazzjoni fformulat mingħajr tali distinzjoni ( 40 ). |
89. |
Id-Direttiva dwar il-habitats tobbliga lill-Istati Membri jagħmlu distinzjoni bejn il-ħtieġa ta’ żamma u l-ħtieġa ta’ ripristinar meta jesprimu l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal ŻSK? |
90. |
Bħala bidu, b’mod simili għal dak li esponejt fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhomx jiġu kkwantifikati (ara l-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timplika li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk dan ifissirx li tali għanijiet għandhom jagħmlu distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-imsemmija ġurisprudenza sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha fuq in-neċessità ta’ tali differenzjazzjoni. Barra minn hekk, l-argumenti bbażati fuq il-prassi fi Stat Membru wieħed huma, kif diġà ġie spjegat fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, irrilevanti. |
91. |
Dan premess, nixtieq infakkar li, kif jindika l-Artikolu 2(1) tagħha, l-għan ġenerali tad-Direttiva dwar il-habitats huwa ż-żamma tal-biodiversità. Dan huwa espress ukoll fil-preambolu tagħha: “Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment [żamma] ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani” ( 41 ). |
92. |
Il-preservazzjoni tal-biodiversità għalhekk teħtieġ azzjonijiet differenti, skont jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ċerti habitats jew speċi huwiex favorevoli jew le. Fil-qosor, l-istat ta’ habitat jew ta’ speċi huwa favorevoli meta ma jkollux bżonn ta’ azzjoni tal-bniedem sabiex jibqa’ jgħix fil-futur prevedibbli ( 42 ). Meta jistabbilixxu ż-ŻSK, l-Istati Membri għandhom ikunu ċari dwar l-objettiv tagħhom fl-isforz iktar ġenerali għall-konservazzjoni tal-biodiversità, kif ukoll dwar l-istat (favorevoli jew le) tal-habitats u l-ispeċi li mmotivaw l-għażla ta’ din iż-żona speċifika biex tipparteċipa f’Natura 2000. Għalhekk, nista’ naqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ ŻSK għandhom jesprimu għanijiet (kwalitattivi jew kwantitattivi), li jesprimu l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitat u tal-ispeċi koperti minnha. |
93. |
Jekk l-istat ta’ konservazzjoni jkun favorevoli, l-ilħuq ta’ dawn il-miri ta’ spiss ma jkun jeħtieġ l-ebda azzjoni mill-bniedem (ħlief monitoraġġ biex jiġi żgurat li x-xejra pożittiva tkompli). Madankollu, jidher li ħafna ŻSK ma jilħqux stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u tal-ispeċi koperti minnhom ( 43 ). Fl-istess ħin, stat ta’ konservazzjoni favorevoli jista’ jinbidel minħabba avveniment (naturali jew ikkawżat mill-bniedem) li jikkawża d-deterjorament tiegħu (pereżempju nixfa serja fuq perjodu twil jew tixrid ta’ żejt fi xmara). L-ilħuq tal-għanijiet f’dan il-każ ikun jeħtieġ miżuri attivi mill-bniedem. Għalhekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jintlaħaq l-istess għan jistgħu, kultant, ikunu intiżi għaż-żamma u, kultant, għar-ripristinar. L-istabbiliment tal-għanijiet li, meta jintlaħqu, juru li l-istat ta’ konservazzjoni huwa favorevoli, jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
94. |
Filwaqt li l-għanijiet jibqgħu l-istess (jew jista’ jkollhom bżonn jiġu kemxejn modifikati maż-żmien), il-miżuri għandhom jiġu adattati b’mod kostanti u għandhom ikunu mmirati jew lejn iż-żamma jew lejn ir-ripristinar. Fil-fehma tiegħi, dak li huwa espress permezz tat-terminu għanijiet ta’ konservazzjoni huma l-għanijiet li għandhom jintlaħqu fi ħdan ŻSK. L-għanijiet ta’ konservazzjoni ma għandhomx għalhekk jiġu stabbiliti f’termini ta’ żamma jew ta’ ripristinar. |
95. |
L-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni ta’ ŻSK għandhom ikunu jafu f’kull ħin jekk il-kisba tal-għanijiet ta’ konservazzjoni teħtieġx jew miżuri ta’ żamma jew miżuri ta’ ripristinar iktar attivi, u jeħtiġilhom jaġġustaw il-miżuri ta’ konservazzjoni kif xieraq. Fil-fehma tiegħi, huwa rilevanti li ssir distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar fil-livell tal-miżuri ta’ konservazzjoni u mhux fil-livell tal-għanijiet ta’ konservazzjoni. Tali interpretazzjoni tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. L-għanijiet ta’ konservazzjoni huma, b’dan il-mod, għanijiet stabbli stabbiliti għall-habitats u l-ispeċi fi ħdan ŻSK, u l-miżuri ta’ konservazzjoni huma kategorija dinamika, li għandha tiġi aġġustata kontinwament skont l-istat reali ta’ konservazzjoni ta’ ŻSK. Inkella, id-differenza bejn l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni ssir biss waħda ta’ livelli, u b’hekk l-użu taż-żewġ kunċetti jsir inutli. |
96. |
Il-prassi Ġermaniża, li tistabbilixxi stat mixtieq ta’ habitat jew ta’ speċi u timponi fuq l-awtoritajiet l-obbligu li jilħqu dan l-istat fuq bażi ta’ każ b’każ permezz ta’ miżuri ta’ żamma jew ta’ ripristinar, tissodisfa d-Direttiva dwar il-habitats, u b’mod partikolari l-għan stabbilit fl-Artikolu 2(2) tagħha, li tiġi żgurata ż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats u tal-ispeċi. |
97. |
Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats meta stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni li ma jagħmlux distinzjoni bejn iż-żamma u r-ripristinar tal-interessi protetti preżenti fis-sit hija infondata, peress li d-Direttiva dwar il-habitats ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħmlu tali distinzjoni fil-livell tal-għanijiet ta’ konservazzjoni. |
3. L‑allegazzjoni li l‑għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu vinkolanti fir‑rigward ta’ terzi
98. |
Il-Kummissjoni tallega li jeżistu siti li fihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni li huma speċifikati fil-livell tal-pjanijiet ta’ ġestjoni ma humiex vinkolanti fir-rigward ta’ terzi ( 44 ). |
99. |
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżiġi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu stabbiliti f’atti li huma vinkolanti mhux biss għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fuq il-livell intern, iżda wkoll għal terzi. |
100. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta din il-pożizzjoni. Fil-fehma tagħha, l-għanijiet ta’ konservazzjoni, min-natura tagħhom stess bħala “għanijiet”, ma humiex maħsuba sabiex jiġu imposti fuq terzi, iżda sabiex ikunu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti. |
101. |
Madankollu, dan l-Istat Membru jispjega li, bħala l-ewwel pass, l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit jiġu stabbiliti f’liġijiet jew f’regolamenti li permezz tagħhom jiġu nnominati ż-ŻSK u għalhekk huma mingħajr ebda dubju vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. Sussegwentement, bħala t-tieni pass, il-miżuri ta’ konservazzjoni u, jekk neċessarju, għanijiet ta’ konservazzjoni iktar speċifiċi jiġu stabbiliti b’mod iktar iddettaljat fil-qafas tal-pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ żvilupp, li huma wkoll indirettament vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. |
102. |
Il-Kummissjoni ma tikkonfutax l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit huma stabbiliti f’atti legali li ġeneralment huma vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet ta’ konservazzjoni iktar dettaljati stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni ma humiex, u għandhom ikunu, legalment vinkolanti. |
103. |
Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jista’ jkun li l-miżuri ta’ żamma jew ta’ ripristinar żviluppati skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, meqjusa bħala li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni, jkollhom jiġu implimentati minn terzi. F’dan il-każ, il-pjanijiet ta’ ġestjoni u żvilupp fihom infushom ma fihomx l-arranġamenti meħtieġa, iżda jeħtieġu strumenti oħra bħal, pereżempju, il-konklużjoni ta’ kuntratti jew l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji addizzjonali. Huma biss dawn il-kuntratti jew regolamenti addizzjonali li min-naħa tagħhom joħolqu l-obbligu għal terzi kontraenti li jeżegwixxu dawk il-miżuri. |
104. |
Madankollu, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifikati f’iktar dettall minn pjanijiet ta’ ġestjoni u żvilupp huma indirettament vinkolanti fir-rigward ta’ terzi peress li, l-ewwel, dawn il-partijiet ma jistgħu jimplimentaw l-ebda pjan jew proġett jew azzjoni oħra li tista’ tikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni ( 45 ) u, t-tieni, is-sidien tal-art li jinsabu f’ŻSK għandhom jittolleraw miżuri ta’ żamma u ta’ ripristinar ( 46 ). |
105. |
Fil-fehma tiegħi, l-għanijiet ta’ konservazzjoni, tabilħaqq min-natura tagħhom stess bħala “għanijiet”, huma maħsuba sabiex jiġu implimentati iktar, u dan għandu jiġi żgurat mill-awtoritajiet kompetenti. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li n-nomina tas-siti għandha tkun vinkolanti ( 47 ) ma tistax tinftiehem bħala rekwiżit li tali att ta’ nomina għandu jimponi fuq terzi obbligi attivi konkreti. Madankollu, kif spjegat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jillimitaw il-libertà ta’ terzi li jieħdu miżuri privati li jmorru kontra dawn l-għanijiet u jeħtieġu li t-terzi jittolleraw miżuri attivi meħuda sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Ladarba l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiġu implimentati permezz ta’ miżuri, dawn il-miżuri jistgħu joħolqu obbligi konkreti għal terzi (pereżempju l-projbizzjoni fuq id-dħul f’ċerti partijiet ta’ foresta), jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jirrifletti l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
106. |
Bħala konklużjoni, inqis li l-Kummissjoni ma wrietx li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi ma stabbilixxietx l-għanijiet ta’ konservazzjoni f’atti li huma vinkolanti fil-konfront ta’ terzi. |
107. |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni, li jgħid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret b’mod ġenerali u persistenti l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti legali ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax jintlaqa’ ( 48 ). |
V. Konklużjoni
108. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u bla ħsara għall-eżami ta’ lmenti l-oħra mqajma f’din il-kawża, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Clay, J. (dir.), Breaking Boundaries: The Science of Our Planet, Netflix Original Documentary (irrakkontat minn Attenborough, D. u Rockström, J.), 2021.
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU 1992, L 206, p. 7), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”).
( 4 ) C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669.
( 5 ) C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047.
( 6 ) C‑444/21, EU:C:2023:90.
( 7 ) Ara C‑85/22, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, pendenti.
( 8 ) Fir-rikors tagħha f’din il-kawża, il-Kummissjoni indikat li hemm proċeduri ta’ ksur tal-istess tip li jinvolvu lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija u lir-Repubblika Slovakka.
( 9 ) Ir-reġjuni msemmija huma parti min-network Natura 2000. Ara, ukoll, il-punti 21 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li tadotta, skont [id-Direttiva dwar il-habitats], il-lista ta’ postijiet ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġijografiku Alpin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 10); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skont [id-Direttiva dwar il-habitats], l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/798/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skont [id-Direttiva dwar il-habitats], il-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Kontinentali (ĠU 2004, L 382, p. 1). It-terminu ta’ sitt snin sabiex dawn is-siti jiġu nominati bħala ŻSK skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats skada fit‑22 ta’ Diċembru 2009 għar-reġjun bioġeografiku Alpin u fis‑7 ta’ Diċembru 2010 għar-reġjuni bioġeografiċi Atlantiku u Kontinentali.
( 11 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tal‑25 ta’ Jannar 2008 li tadotta, skont [id-Direttiva dwar il-habitats], l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku ta’ l-Alpi (ĠU 2008, L 77, p. 106); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat‑12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skont [id-Direttiva dwar il-habitats], l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU 2008, L 12, p. 1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/25/KE tat‑13 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skont [id-Direttiva dwar il-habitats], l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2008, L 12, p. 383). It-terminu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats għal dawn is-siti addizzjonali kien stabbilit għall‑25 ta’ Jannar 2014 għar-reġjun bioġeografiku Alpin, għat‑12 ta’ Novembru 2013 għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku u għat‑13 ta’ Novembru 2013 għar-reġjun bioġeografiku Kontinentali. Għalhekk, jekk nieħdu l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, it-terminu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats għas-siti addizzjonali skada sa mhux iktar tard mill‑25 ta’ Jannar 2014.
( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punti 25 sa 28).
( 13 ) Ara l-Artikolu 3(1) kif ukoll is-sitt u s-seba’ premessi tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 14 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”).
( 15 ) Bħala kurżità, fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Parlament ippropona emenda biex tissejjaħ “Natura Semper”, li falliet. Ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-habitat naturali u semi-naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, Emenda Nru 13 (ĠU 1990, C 324, p. 26).
( 16 ) Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, “L-istat tal-konservazzjoni tan-natura fl-Unjoni Ewropea. Rapport dwar l-istatus tal-konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats protetti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u x-xejriet osservati tul il-perjodu 2013‑2018”, COM(2020) 635 finali, Brussell, 15 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem ir‑“Rapport tal-Kummissjoni”), p. 1.
( 17 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni, “Natura 2000 fir-Reġjun Alpin”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, 2005, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/; L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “Reġjuni bioġeografiċi fl-Ewropa: Ir-reġjun Alpin — muntanji tal-Ewropa”, 2008, disponibbli fuq: https://www.eea.europa.eu/publications/report_2002_0524_154909/biogeographical-regions-in-europe.
( 18 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni, “Natura 2000 fir-Reġjun Atlantiku”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, 2009, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/.
( 19 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni, “Natura 2000 fir-Reġjun Kontinentali”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, 2005, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/.
( 20 ) Ara C‑444/21, EU:C:2023:90, punti 29 sa 53.
( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punt 9).
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 52).
( 23 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 54).
( 24 ) L-għanijiet ta’ konservazzjoni jissemmew ukoll fil-premessi 8 u 10 tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 25 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’CFE u Terre wallonne (C‑43/18 u C‑321/18, EU:C:2019:56, punt 76).
( 26 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 53).
( 27 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, il-mistoqsija jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq obbligi għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑71/99, EU:C:2001:433, punt 29), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 56).
( 28 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ eżempji: (1) Fir-rigward ta’ siti fejn jeżisti t-tip ta’ habitat (6510) Mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa (Alopecurus pratensis, Sanguisorba officinalis), il-Land ta’ Bayern ifassal dan l-għan ta’ konservazzjoni: “Garanzija ta’ stat favorevoli ta’ konservazzjoni permezz taż-żamma, jekk neċessarju tar-ripristinar, ta’ bilanċ favorevoli ta’ nutrijenti għal dan it-tip ta’ ġestjoni tal-habitat adattat għas-sit eżistenti”; u (2) fir-rigward tal-ispeċi, il-muskolu b’qoxra ħoxna tax-xmara (Unio crassus), il-Land ta’ Baden-Württemberg ifassal dan l-għan ta’ konservazzjoni f’sit partikolari: “Żamma tan-nixxigħat u fosos li għandhom ħafna strutturi, bi fluss kontinwu, moderat għal qawwi, b’sottostrat ramli jew biż-żrar, mogħni sew bl-ossiġenu – Żamma fi stat tajjeb ħafna jew ta’ potenzjal kimiku u ekoloġiku tal-ilma mingħajr tniġġis ta’ ħsara tas-sedimenti fini jew tan-nutrijenti – Żamma ta’ nixxigħat kontinwi b’popolazzjonijiet ta’ ħut ospitanti kbar biżżejjed Żamma tal-ispeċi wkoll bil-għan ta’ żamma xierqa tal-mogħdijiet tal-ilma”.
( 29 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, b’mod partikolari l-punti 57 sa 59).
( 30 ) Fin-Nota tagħha dwar l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti tan-Natura 2000, 2012, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/commission_note/commission_note2_EN.pdf/, p. 6, il-Kummissjoni tgħid: “L-għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti tan-Natura 2000 għandhom ikunu ċari u sempliċi kemm jista’ jkun u għandhom jippermettu li jiġu stabbiliti miżuri operazzjonali għall-konservazzjoni fil-prattika. Għandhom jiġu speċifikati b’mod konkret u, fejn possibbli, kwantifikabbli f’ċifri u/jew daqs.” (enfasi miżjuda minni). Għalhekk jidher li l-Kummissjoni nnifisha ma tqisx li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom dejjem jiġu espressi f’ċifri.
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, Stahl, L., “The concept of “conservation objectives” in the Habitats Directive: a need for a better definition?”, f’Born, C.‑H., Cliquet, A., Schoukens, H., Misonne, D. u Van Hoorick, G. (edituri), The Habitats Directive in its EU Environmental Law Context: European Nature’s Best Hope? Routledge, Londra, 2015, p. 56, f’p. 63.
( 32 ) Ara l-Artikolu 1(e) u (i) tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 33 ) Ara C‑444/21, EU:C:2023:90, punt 87.
( 34 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, b’mod partikolari l-punti 6 sa 9 u 14).
( 35 ) Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-evalwazzjoni tal-impatt imwettqa mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinitx tinkludi data definittiva dwar l-effikaċja tal-passaġġ għat-tlugħ għall-ħut u qalet sempliċement li l-effikaċja tiegħu setgħet tiġi kkonfermata biss wara diversi snin ta’ monitoraġġ. Għalhekk, fil-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-passaġġ għat-tlugħ għall-ħut ma setax jiggarantixxi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli li, flimkien ma’ miżuri oħra, l-impjant ma kienx ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit. Minn dan isegwi li, billi awtorizzat il-kostruzzjoni ta’ dan l-impjant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, b’mod partikolari l-punti 36 sa 38 u 45).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 45), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-għan ta’ konservazzjoni jikkorrispondi għall-manteniment fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-karatteristiċi kostituttivi tal-imsemmi sit, jiġifieri l-preżenza ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir”. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 259); tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 101); tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 22); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 157).
( 37 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tirreferi għall-eżempji li ġejjin: (1) Fir-Renju tal-Belġju, ir-Reġjun ta’ Flanders stabbilixxa valur ta’ referenza ta’ 2150 ettari addizzjonali għat-tip ta’ habitat (1130) Estwarji sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li huma tradotti f’għanijiet ta’ konservazzjoni kkwantifikati u, f’sit wieħed, tat-tip ta’ habitat (9120) Foresti tal-fagu aċidofili Atlantiċi bl-Ilex u kultant bit-Taxus ukoll fis-saff taħtani (Quercion robori-petraeae or Ilici-Fagenion); hu speċifikat li flimkien mal‑4 ettari ta’ dan it-tip ta’ habitat li hemm, hemm bżonn ta’ 13‑il ettaru ieħor; (2) Ir-Repubblika tal-Bulgarija tipprovdi għal sit wieħed li t-tip ta’ habitat (ta’ prijorità) (1530) Steppi salmastri u bwar salmastri Pannoniċi għandhom ikunu dejjem preżenti fuq is-sit fuq żona ta’ mill-inqas 29.51 ettari; (3) Ir-Repubblika tal-Litwanja stabbilixxiet għal sit wieħed l-għan ta’ konservazzjoni kkwantifikata għar-ripristinar għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ mill-inqas 17.1 ettari għat-tip ta’ habitat (6450) Mergħat alluvjali boreali tat-Tramuntana, u għall-ispeċi (ta’ prijorità) tal-ħanfusa eremita (Osmoderma eremita), stabbilixxiet għan ta’ konservazzjoni li tiggarantixxi għaliha habitat xieraq fuq is-sit ta’ mill-inqas 0.9 ettari; u (4) Ir-Rumanija stabbilixxiet għal sit għan ta’ konservazzjoni għat-tip ta’ habitat (3220) Xmajjar Alpini u l-veġetazzjoni erbaċe matul xtuthom ta’ mill-inqas 10 ettari bbażati fuq l-istat attwali ta’ 1 sa 2 ettari, u għall-ispeċi tal-ħanfusa Morimus Funereus, stabbilixxiet valur fil-mira ta’ 10000 sa 50000 individwi, ibbażat fuq 5000 sa 10000 individwi attwalment, u tistima li hemm bżonn ta’ żona ta’ habitat ta’ 68800 ettari (imqabbla ma’ 13765 ettari biss attwalment) sabiex jintlaħaq dan id-daqs ta’ popolazzjoni.
( 38 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tipprovdi tliet eżempji: (1) Għat-tip ta’ habitat (6210) Mergħat niexfa u scrubland facies semi-naturali fuq substrati kalkarji (Festuco-Brometalia), l-awtoritajiet ta’ Bayern stabbilixxew l-għan ta’ konservazzjoni li ġej: “Iż-żamma, jekk neċessarju r-ripristinar, tal-mergħat tal-franka niexfa viċin għan-naturali u fil-biċċa l-kbira ħielsa minn pjanti għudin” (2) fi Brandenburg, l-għan ta’ konservazzjoni tat-tip ta’ habitat (6240) Mergħat steppiċi sotto-Pannoniċi għal sit wieħed huwa stabbilit bħala: “Iż-żamma, u jekk neċessarju r-ripristinar ta’ mergħat xotti mezzan u steppiċi li għandhom ħafna strutturi u speċi”; u (3) fis-Sassonja t’Isfel, f’sit wieħed, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għat-tip ta’ habitat (91D0) Boskijiet tal-bog huma “Iż-żamma u r-ripristinar tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli”.
( 39 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tirreferi għal eżempju mir-Reġjun ta’ Wallonie fil-Belġju, li stabbilixxa bħala għan ta’ konservazzjoni għat-tip ta’ habitat (5110) Formazzjonijiet stabbli kserotermofili b’Buxus sempervirens fuq tlajja’ tal-blat (Berberidion p.p.) li għandu jiġi “miżmum” biss għaliex kemm id-daqs tiegħu kif ukoll l-ambjent ta’ kwalità tiegħu ma għandhomx jiżdiedu, filwaqt li għat-tip ta’ habitat (6210) Mergħat niexfa u scrubland facies semi-naturali fuq substrati kalkarji (Festuco-Brometalia), 150 ettari u l-kwalità ekoloġika għandhom jiġu “ripristinati”.
( 40 ) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman (C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 36), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “l-għan ta’ konservazzjoni taż-ŻPS hija li jinżammu jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kondizzjonijiet ta’ konservazzjoni favorevoli tal-Bugħadam Abjad Prim. B’mod iktar partikolari, huwa billi toffri lill-ispeċi protetta habitat li jinkludi fih żona ta’ alimentazzjoni li ż-ŻPS tippermetti li jintlaħaq dan l-għan.” Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proġett propost inkwistjoni f’dak il-każ ma laħaqx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (ara l-punti 42 sa 57).
( 41 ) Enfasi miżjuda minni.
( 42 ) F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva dwar il-habitats jispjega x’għandu jinftiehem bħala stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitat, u l-Artikolu 1(i) tagħha jiddefinixxi meta stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ speċi jista’ jitqies bħala eżistenti.
( 43 ) Ara, pereżempju, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, “Fitness Check of the EU Nature Legislation (Birds and Habitats Directives)”, SWD(2016) 472 final, Brussell, 16 ta’ Diċembru 2016, b’mod partikolari l-punti 5.5, 6.1.1 u 7; ir-rapport tal-Kummissjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punti 2, 3 u 6.
( 44 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tipprovdi tliet eżempji: (1) L-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti tan-Natura 2000 ta’ Bayern jipprovdi li l-pjanijiet ta’ ġestjoni ma joħolqux obbligi għall-proprjetarji tal-artijiet u għad-detenturi ta’ permessi privati għar-ragħa, u l-Pjan ta’ Ġestjoni Integrata tal-estwarju tal-Elbe jipprovdi li ma jimponi ebda obbligu dirett fuq l-individwi; (2) Is-sit web rilevanti tal-Land ta’ Sachsen jindika li d-dispożizzjonijiet tal-pjanijiet ta’ ġestjoni ma humiex vinkolanti għall-individwi u li l-pjanijiet ta’ ġestjoni huma vinkolanti biss għall-awtoritajiet responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura, filwaqt li għall-awtoritajiet l-oħra għandhom sempliċement jiġu kkonsultati jew ikkunsidrati; u (3) Il-manwal tal-ippjanar tal-ġestjoni tas-siti fil-Land ta’ Brandenburg jipprovdi li l-pjanijiet ta’ ġestjoni huma vinkolanti għall-awtoritajiet responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura.
( 45 ) Dan huwa ggarantit mill-Artikolu 34 tal-Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege (Bundesnaturschutzgesetz) (il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u l-Ġestjoni tal-Pajżaġġ) (Liġi Federali dwar il-Konservazzjoni tan-Natura) tad‑29 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2542), fil-verżjoni applikabbli għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri (iktar ’il quddiem il-“BNatSchG”), li tittrasponi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats fil-liġi domestika.
( 46 ) Dan huwa ggarantit mill-Artikolu 65 tal-BNatSchG.
( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑415/01, EU:C:2003:118, punt 22), u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑535/07, EU:C:2010:602, punti 64 u 65).
( 48 ) Ma huwiex neċessarju li jiġi analizzat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwiex ta’ natura ġenerali u persistenti, peress li f’din il-kawża ma ġiex stabbilit każ individwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dwar il-kunċett ta’ ksur ġenerali u persistenti, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punti 103 sa 107).