Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0086

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-25 ta’ Mejju 2023.
Papier Mettler Italia S.r.l. vs Ministero della Transizione Ecologica u Ministero dello Sviluppo Economico.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Ambjent – Direttiva 94/62/KE – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regolamenti tekniċi iktar restrittivi minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-86/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:434

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑25 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑86/22

Papier Mettler Italia Srl

vs

Ministero della Transizione Ecologica (già Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare),

Ministero dello Sviluppo Economico,

fil-preżenza ta’:

Associazione Italiana delle Bioplastiche e dei Materiali Biodegradabili e Compostabili – Assobioplastiche

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l‑Italja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/34/KE — Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi — Effett tan-nuqqas ta’ notifika ta’ regolament tekniku — Direttiva 94/62/KE —Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ambjent —Imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ — Basktijiet tal-plastik ħfief — Regolamentazzjoni nazzjonali bi standards tekniċi iktar restrittivi minn dawk previsti fir-regolamentazzjoni tal-Unjoni — Artikolu 114(5) u (6) TFUE — Effett dirett tad-Direttiva 94/62 — Responsabbiltà għal danni lil individwi kkawżati minn Stat Membru”

1.

Is-suċċess kummerċjali tal-basktijiet tal-plastik ħfief huwa dovut għall-piż ħafif tagħhom u għall-fatt li huma reżistenti għad-degradazzjoni. Peress li jintużaw darba biss, jew ftit drabi, u jintremew faċilment, il-proliferazzjoni tagħhom toħloq problema serja ta’ tniġġis ( 2 ). Ħafna minn dawn il-basktijiet ma humiex koperti mill-ktajjen tal-ġestjoni tal-iskart u jispiċċaw jakkumulaw fin-natura, speċjalment fil-forma ta’ skart fil-baħar ( 3 ).

2.

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni Taljana li pprojbixxiet l-użu ta’ basktijiet tal-plastik ta’ ċerti karatteristiċi fit-territorju tiegħu, minkejja l-fatt li d-Direttiva 94/62/KE ( 4 ) kienet tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 94/62

3.

Skont l-Artikolu 1 (“Għanijiet”):

“1.   Din id-Direttiva għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex, min-naħa l-waħda, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-ebda Stat Membru jew ta’ terzi pajjiżi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata l-funzjoni tas-suq intern u jiġu evitati t-tfixkil tal-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità.

[…]”.

4.

L-Artikolu 2 (“Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”) jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tkopri l-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq tal-Komunità u l-iskart mill-imballaġġ kollu, kemm jekk jigi użat kemm jekk jinħareg fil-livell ta’ l-industrija, tal-kummerċ, ta’ l-uffiċini, tal-ħwienet, ta’ xi servizzi, domestiku jew ta’ xi livell ieħor, ikun xi jkun il-materjal użat.

[…]”.

5.

Skont l-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”) ( 5 ):

“[…]

1b.

‘basktijiet tal-plastik’ għandha tfisser basktijiet bil- jew mingħajr widna, magħmula mill-plastik, li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ ta’ oġġetti jew prodotti;

1c.

‘basktijiet tal-plastik ħfief’ għandha tfisser basktijiet tal-plastik […] bi ħxuna ta’ inqas minn 50 mikroni;

[…]”.

6.

Skont l-Artikolu 4(1)a (“Prevenzjoni”): ( 6 )

“1a. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis sostnut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom […].

Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ miri ta’ tnaqqis nazzjonali, li jżommu jew jintroduċu strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b’deroga mill-Artikolu 18, dment li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

[…]”.

7.

L-Artikolu 9 (“Il-ħtiġiet essenzjali”) jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-imballaġġ ikun jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk jikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali kollha definiti f’din id-Direttiva inkluż l-Anness II.

[…]”.

8.

L-Artikolu 16 (“In-notifikazzjoni”) jindika:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 83/189/KEE [tal-Kunsill tat‑28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi (ĠU 1983, L 109, p. 8)], qabel ma jadottaw miżuri bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-miżuri li jkunu bi ħsiebhom jadottaw fil-qafas ta’ din id-Direttiva, minbarra l-miżuri ta’ natura fiskali, iżda inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi magħquda ma’ miżuri fiskali li jinkoraġġixxu l-konformità ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi bħal dawn, sabiex jippermettu lil din ta’ l-aħħar illi teżaminahom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet eżistenti filwaqt li ssegwi f’kull każ il-proċedura taħt id-Direttiva msemmija fuq.

2.   Jekk il-miżura proposta hija wkoll kwistjoni teknika fit-tifsira tad-Direttiva [83/189], l-Istat Membru interessat jista’ jindika, waqt li jsegwi l-proċeduri tan-notifika riferiti f’din id-Direttiva, li n-notifikazzjoni hija valida wkoll għad-Direttiva [83/189]”.

9.

L-Artikolu 18 (“Il-libertà tat-tqegħid fis-suq”) jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq tat-territorju tagħhom ta’ l-imballaġġ li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

10.

L-Anness II jirregola l-“ħtiġiet essenzjali dwar il-kompożizzjoni u n-natura ta’ l-imballaġġ illi jista’ jerġa’ jintuża’ mill-ġdid jew jiġi rkuprat, inkluż irriċiklat”.

2. Id-Direttiva 98/34/KE ( 7 )

11.

L-Artikolu 1 jiddikjara:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[…]

12)

‘abbozz ta’ regolament tekniku’, it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta’ regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali

[…]”.

12.

B’konformità mal-Artikolu 8:

“1.   Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]

5.   Meta r-regolamenti tekniċi abbozzati jagħmlu parti minn miżuri li jkunu meħtieġa li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fl-istadju ta’ abbozz skond att Komunitarju ieħor, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu komunika fit-tifsira tal-paragrafu 1 skond dan l-att l-ieħor, sakemm jindikaw formalment illi l-komunika msemmija tikkostitwixxi wkoll komunika skond il-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

In-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni skond din id-Direttiva għall-abbozz ta’ regolament tekniku ma għandux jippreġudika xi deċiżjoni li tista’ tittieħed skond atti oħra tal-Komunità”.

B.   Id-dritt nazzjonali. Id-Digriet tat‑18 ta’ Marzu 2013 ( 8 )

13.

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-basktijiet għat-trasport ta’ merkanzija bħala “basktijiet disponibbli fil-post tal-bejgħ, bi ħlas jew mingħajr ħlas, għat-trasport ta’ prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel mill-konsumatur”.

14.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi:

“1.   Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet għat-trasport ta’ merkanzija li hija inkluża f’waħda mill-kategoriji li ġejjin hija awtorizzata:

a)

Basktijiet li jintremew bijodegradabbli u kompostabbli, skont l-istandard armonizzat UNI EN 13432:2002 ( 9 );

b)

Basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw magħmula minn polimeri differenti minn dawk imsemmija fl-ittra a), b’widnejn esterni skont id-daqs funzjonali tal-basket:

b.1)

bi ħxuna ikbar minn 200 mikroni u li jkun fihom perċentwali ta’ plastik irriċiklat ta’ mill-inqas 30 % jekk ikunu maħsuba għall-użu mal-ikel;

b.2)

bi ħxuna ikbar minn 100 mikroni u li jkun fihom perċentwali ta’ plastik irriċiklat ta’ mill-inqas 10 % jekk ma jkunux maħsuba għall-użu mal-ikel;

c)

Basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw magħmula minn polimeri differenti minn dawk imsemmija fl-ittra a), li għandhom widnejn interni skont id-daqs funzjonali tal-basket:

c.1)

bi ħxuna ikbar minn 100 mikroni u li jkun fihom perċentwali ta’ plastik irriċiklat ta’ mill-inqas 30 % jekk ikunu maħsuba għall-użu mal-ikel;

c.2)

bi ħxuna ikbar minn 60 mikroni u li jkun fihom perċentwali ta’ plastik irriċiklat ta’ mill-inqas 10 % jekk ma jkunux maħsuba għall-użu fl-ikel.

2.   Barra minn hekk, hija permessa l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw għat-trasport ta’ merkanzija magħmula minn karta, minn tessuti ta’ fibri naturali, fibri tal-poliamide u materjali li ma humiex polimeri.

[…]”.

15.

Skont l-Artikolu 6:

“Dan id-digriet huwa suġġett għal proċedura ta’ komunikazzjoni skont id-Direttiva [98/34] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jidħol fis-seħħ biss wara l-konklużjoni, b’riżultat favorevoli, ta’ din il-proċedura”.

II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

16.

Papier Mettler Italia Srl (iktar ’il quddiem Papier Mettler) hija kumpannija li topera fis-settur tad-distribuzzjoni tal-pakketti u tal-imballaġġ. B’mod partikolari, l-attività tagħha hija ffukata fuq il-manifattura ta’ imballaġġ tal-polietilen, inklużi l-basktijiet tal-plastik.

17.

Peress li qieset lilha nnifisha ppreġudikata mid-Digriet tal-2013, Papier Mettler talbet lill-qorti tar-rinviju għall-annullament tiegħu u għall-kumpens tad-danni mġarrba jew talli sofriet bħala riżultat tiegħu ( 10 ).

18.

Insostenn tat-talba tagħha, Papier Mettler argumentat dan li ġej:

Id-Digriet tal‑2013 jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik permessi mid-Direttiva 94/62. Speċifikament, l-Artikolu 2 tiegħu jeħtieġ li l-basktijiet tal-plastik jissodisfaw ċerti rekwiżiti tekniċi, bi ksur tad-Direttivi 94/62 u 98/34.

Mil-lat proċedurali, u peress li d-Direttiva 94/62 hija dwar l-armonizzazzjoni, l-istandards tekniċi stabbiliti mill-awtorità nazzjonali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tagħhom (l-Artikolu 114(5) u (6) TFUE).

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw minn qabel lill-Kummissjoni l-abbozzi ta’ miżuri li beħsiebhom jadottaw, sabiex din tkun tista’ teżaminahom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jeħtieġ ukoll li jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tiegħu, “kull abbozz ta’ regolament tekniku” kif ukoll “ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku”.

Konsegwentement, id-Digriet tal‑2013 kellu jiġi nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni, li r-Repubblika Taljana ma għamlitx.

Mil-lat materjali, id-Digriet tal‑2013 imur kontra d-Direttiva 94/62, minħabba li jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jissodisfaw wieħed mill-kriterji ta’ rkupru stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva ( 11 ).

19.

L-Awtorità konvenuta opponiet it-talbiet ta’ Papier Mettler billi użat dawn l-argumenti:

Id-Digriet tal‑2013 ġie debitament innotifikat lill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Marzu ta’ dik is-sena. Id-dħul fis-seħħ tiegħu kien suġġett għall-konklużjoni, b’riżultat favorevoli, tal-proċedura prevista fid-Direttiva 98/34. Din il-proċedura ġiet konkluża fit‑13 ta’ Settembru 2013.

L-istandards tekniċi tad-Digriet tal‑2013 huma meħtieġa sabiex tingħata risposta, fl-Italja, għall-problema tat-tniġġis fil-ġbir differenzjat tal-iskart organiku u sabiex jiġi inkoraġġut l-użu ta’ basktijiet tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli ( 12 ).

Permezz tal-identifikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ basktijiet kummerċjabbli ( 13 ), id-Digriet tal‑2013 introduċa projbizzjoni selettiva li hija limitata biss għal basktijiet tal-plastik li l-ħxuna tagħhom, inqas minn ċerta daqs, ma tippermettix li jiġi ggarantit b’mod sinjifikanti l-użu mill-ġdid tagħhom u li ser jiġu kkonvertiti malajr fi skart tal-plastik.

20.

F’dan l-isfond, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 114(5) u (6) TFUE, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [94/62] u l-Artikolu 8 tad-Direttiva [98/34] jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista mid-digriet interministerjali kkontestat, li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri li jintużaw darba biss immanifatturati b’materjali mhux bijodegradabbli iżda li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62/KE, meta din id-dispożizzjoni nazzjonali li jkun fiha regoli tekniċi iktar restrittivi mid-dritt tal-Unjoni ma tkunx ġiet ikkomunikata minn qabel mill-Istat Membru lill-Kummissjoni Ewropea, iżda tkun ġiet ikkomunikata biss wara l-adozzjoni tagħha u qabel il-pubblikazzjoni tal-miżura?

2)

L-Artikoli 1, 2, 9(1) u 18 tad-Direttiva [94/62], ikkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-Anness II tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri li jintużaw darba biss immanifatturati b’materjali mhux bijodegradabbli iżda li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva [94/62], jew inkella l-istandards tekniċi supplimentari previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali, fid-dawl, skont il-każ, tan-natura partikolari tal-problemi tal-ġbir tal-iskart fl-Istat Membru u tan-neċessità li dan l-Istat stess jimplimenta wkoll l-obbligi Komunitarji f’dan il-qasam?

3)

L-Artikoli 1, 2, 9(1) u 18 tad-Direttiva [94/62], ikkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-Anness II tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu regola ċara u preċiża li tipprojbixxi kull ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva u li tobbliga lill-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, li jippermettu li ma tiġix applikata kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun kuntrarja għal din ir-regola?

4)

Fl-aħħar, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri żgħar li jintużaw darba biss u li ma humiex bijodegradabbli, iżda li jkunu ġew immanifatturati skont ir-rekwiżiti previsti fid-Direttiva [94/62], meta din ma tkunx iġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali, min-natura partikolari tal-problemi tal-ġbir tal-iskart fl-Istat Membru u min-neċessità li l-Istat stess jimplimenta wkoll l-obbligi Komunitarji previsti f’dan ir-rigward, tista’ tikkostitwixxi ksur serju u manifest tal-Artikolu 18 tad-Direttiva [94/62]?”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2022.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Papier Mettler, l-Associazione Italiana delle Bioplastiche e dei Materiali Biodegradabili e Compostabili (iktar ’il quddiem “Assobioplastiche”), il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea. Kollha kemm huma intervjenew fis-seduta, li saret fit‑22 ta’ Marzu 2023.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

23.

L-ewwel, għandu jiġi ċċarat għal liema tip ta’ basktijiet tal-plastik qegħda tirreferi l-qorti tar-rinviju. Minkejja l-fatt li d-digriet tar-rinviju juża terminoloġija mhux dejjem uniformi, jidher li fi kwalunkwe każ jirreferi għal basktijiet tal-plastik ħfief li jintużaw darba ( 14 ) u jintremew, li huma magħmula minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli, iżda li jirrispettaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62.

24.

It-tieni, huwa xieraq li jiġu speċifikati l-istandards rilevanti tad-dritt tal-Unjoni sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula:

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 94/62, fir-realtà l-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet (dwar l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, rispettivament) ma hijiex essenzjali, peress li ma hemmx dubji dwar il-kundizzjoni tal-imballaġġ tal-basktijiet tal-plastik ( 15 ).

Għall-kuntrarju, l-Artikoli 9(1) u 18 tad-Direttiva 94/62 jistgħu jkunu determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

B.   Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

25.

Assobioplastiche u l-Gvern Taljan iqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li d-Digriet tal-2013 qatt ma kien daħal fis-seħħ jew kien ġie revokat.

26.

Assobioplastiche tikkontesta, ukoll, l-ammissibbiltà tar-rinviju, peress li l-qorti tar-rinviju ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4(1a) tad-Direttiva 94/62.

27.

Jiena naħseb li l-ebda waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet ma tiġġustifika ċ-ċaħda a limine tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Taħt ir-responsabbiltà tagħha, il-qorti tar-rinviju tidentifika l-qafas regolatorju nazzjonali li jirregola l-kawża li fiha jiddaħħlu t-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Dawn tal-aħħar, kif inhu magħruf sew, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 16 ).

28.

Waqt is-seduta, il-partijiet iddiskutew fit-tul il-validità u l-applikazzjoni tad-Digriet tal-2013, mingħajr ma setgħet tiġi dedotta soluzzjoni ċara mill-interventi tagħhom f’dan ir-rigward. Huma qablu li s-sitwazzjoni regolatorja maħluqa kienet konfuża: xi wħud iddeskrivewha bħala kaotika, oħrajn bħala inspjegabbli, u oħrajn bħala ta’ diżordni regolatorju.

29.

Skont il-Kummissjoni, id-Digriet tal-2013 daħal fis-seħħ u ġie applikat ġewwa l-Italja sa mill-pubblikazzjoni uffiċjali tiegħu sat-tħassir formali tiegħu fl‑2017 ( 17 ). L-Artikolu 6 seta’, fi kwalunkwe każ, idewwem l-applikazzjoni tiegħu sat‑13 ta’ Settembru 2013, data li fiha il-perijodu ta’ statu quo previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34 intemm. Peress li ġie ppubblikat uffiċjalment fis‑27 ta’ Marzu 2013, ma baqax abbozz u sar standard fis-seħħ, u għalhekk il-Kummissjoni ma ħarġitx opinjoni dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

30.

Skont il-Gvern Taljan u Assobioplastiche, id-Digriet tal‑2013 qatt ma daħal fis-seħħ, peress li ma kien hemm l-ebda riżultat favorevoli mill-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni u ħadmet il-kundizzjoni sospensiva stabbilita fl-Artikolu 6 tagħha. Snin wara, kien ġie formalment revokat sabiex “jitkeċċa” mid-dritt Taljan, iżda, fir-realtà, ma kinitx revoka ta’ test fis-seħħ.

31.

Papier Mettler spjegat li l-iskema tas-sanzjonijiet prevista fid-Digriet-Liġi 2/2012 ( 18 ) saret operattiva bl-adozzjoni tad-Digriet tal‑2013 u ġiet applikata irrispettivament minn jekk dan tal-aħħar kienx daħal fis-seħħ jew le. Ir-raġuni għaliex hi stess ma kinitx suġġetta għal sanzjonijiet, kienet minħabba l-fatt li waqfet tbigħ il-basktijiet tal-plastik ipprojbiti fl-Italja permezz tad-Digriet tal‑2013, bid-dħul mitluf sussegwenti li qegħda titlob.

32.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, l-unika qorti kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt intern, li għandha tiddeċiedi fuq dan l-imbroglio dwar id-dħul fis-seħħ u l-effetti tad-Digriet tal‑2013. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tintervjeni f’dibattitu li għandha ssolvih il-qorti tar-rinviju.

33.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tkun inspjegabbli jekk il-qorti li ressqitha tikkunsidra li d-Digriet tal‑2013 (li huwa s-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha minn Papier Mettler) qatt ma kien fis-seħħ jew ipproduċa effetti legali. Ikun biżżejjed għaliha li dan il-fatt jiġi ppruvat sabiex issolvi t-tilwima oriġinali mingħajr dewmien. Jekk ma fehmitx hekk u pproċediet sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, dan huwa għaliex, impliċitament, tidher li tieħu l-pożizzjoni opposta.

34.

Fi kwalunkwe każ, ma nikkunsidrax li t-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju, u t-talba għal deċiżjoni preliminari nfisha, jistgħu jiġu kklassifikati bħala fittizji. Nemmen, għalhekk, li t-talba hija ammissibbli, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu d-deċiżjoni finali dwar id-dħul fis-seħħ u l-interpretazzjoni tad-Digriet tal‑2013.

35.

Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni għall-ammissibbiltà, ser nillimita ruħi sabiex ngħid li l-Artikolu 4(1a) tad-Direttiva 94/62 ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża. Dawn seħħew fl‑2013 u dak l-artikolu ġie introdott fid-Direttiva 94/62 fl‑2015 (permezz tad-Direttiva 2015/720).

C.   L-ewwel domanda preliminari

36.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hijiex kompatibbli mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 94/62 u mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 leġiżlazzjoni nazzjonali bil-kontenut espost iktar ’il fuq ( 19 ), innotifikata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tagħha, iżda ftit jiem qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha ( 20 ).

1. Applikazzjoni tad-Direttiva 98/34

37.

La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-kawża ma għandhom dubji dwar il-kundizzjoni ta’ regolament tekniku (fis-sens tad-Direttiva 98/34) tal-leġiżlazzjoni li tinsab fid-Digriet tal-2013. Il-problemi li tippreżenta din il-klassifikazzjoni, spiss imqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ), ma jqumux f’din il-kawża, li l-premessa mhux ikkontestata tagħha hija li din ir-regola tikkostitwixxi regolament tekniku.

38.

L-Istat Taljan, kif ser nanalizza hawn taħt, kellu l-obbligu li jinnotifika dan ir-regolament tekniku (id-Digriet tal‑2013) lill-Kummissjoni fil-fażi ta’ abbozz, jiġifieri qabel l-adozzjoni tiegħu ( 22 ).

39.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku. Fin-notifika għandhom jindikaw “ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz”. Jekk tkun sempliċi traspożizzjoni sħiħa ta’ standard internazzjonali jew Ewropea, informazzjoni li tirreferi għall-imsemmi standard tkun biżżejjed.

40.

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jimplika l-impossibbiltà li r-regolament tekniku inkwistjoni jiġi oppost mill-individwi, kemm fi proċedura kriminali kif ukoll f’kawża bejn individwi fi proċeduri ta’ natura oħra ( 23 ).

41.

Id-Direttiva 98/34 tattribwixxi lill-Kummissjoni setgħat ta’ kontroll fuq l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi nnotifikati lilha mill-Istati Membri ( 24 ). Għar-raġuni preċiża li jiġu salvagwardjati dawn is-setgħat, huma previsti konsegwenzi direttament marbuta man-nuqqas ta’ notifika, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza CIA Security International: l-obbligu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 juri effett dirett u l-individwi ma jistgħux jopponu regolamenti tekniċi nazzjonali mhux notifikati.

42.

L-istess konsegwenza rriżultat fi proċeduri oħra ta’ informazzjoni u kontroll simili għal dik analizzata hawnhekk, bħal dik tad-Direttiva 2000/31/KE ( 25 ), fil-qasam tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li huwa s-suġġett tas-sentenza Airbnb Ireland ( 26 ).

43.

Fis-sentenza Airbnb Ireland il-Qorti tal-Ġustizzja kkorroborat il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-obbligu stabbilit f’direttiva li tagħti lill-Kummissjoni setgħat ta’ din in-natura b’karattru suffiċjentement ċar, preċiż u inkundizzjonat: għandu effett dirett u, għalhekk, jista’ jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali ( 27 ).

44.

Skont id-digriet tar-rinviju, id-Digriet tal‑2013 ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Marzu 2013 ( 28 ), ġie adottat sitt ijiem wara, u ġie ppubblikat uffiċjalment fis‑27 ta’ Marzu 2013.

45.

Għalhekk, notifika lill-Kummissjoni magħmula f’dawn it-termini tikser l-obbligu impost mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, peress li:

It-tħejjija tal-abbozz ta’ regolament tekniku tant kienet avvanzata meta ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni li ma kienx iktar possibbli li jsir tibdil sostanzjali fih (fir-realtà, ebda tip ta’ tibdil).

Dak li jrid jiġi nnotifikat fil-pront lill-Kummissjoni huwa “abbozz” ta’ regolament tekniku u mhux il-verżjoni finali tiegħu ( 29 ).

Bis-sekwenza taż-żmien indikata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana ma setgħetx tqis l-osservazzjonijiet ir-Renju tal-Isvezja u l-opinjonijiet dettaljati tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, dwar l-abbozz ta’ regolament tekniku, minħabba li d-Digriet tal‑2013 ġie approvat qabel ma dawn intbagħtu.

46.

Għaldaqstant, ġiet evitata l-proċedura preskritta mid-Direttiva 98/34. L-approvazzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku fi żmien sitt ijiem min-notifika tiegħu lill-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ status quo stabbilit mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34: l-Istat Membru ma jistax jadotta l-abbozz notifikat għal perijodu, ta’ mill-inqas, ta’ tliet xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi n-notifika.

47.

Il-Gvern Taljan jinvoka żewġ raġunijiet sabiex jiġġustifika l-aġir tiegħu u jiċħad li kien hemm ksur tad-Direttiva 98/34:

In-notifika tal-abbozz tad-Digriet tal‑2013 hija replika ta’ oħra li saret qabel fl‑2011.

Id-dħul fis-seħħ tad-Digriet tal‑2013 huwa kkundizzjonat, skont l-Artikolu 6 tiegħu, mar-riżultat favorevoli tal-proċedura ta’ notifika. Peress li l-Kummissjoni ma tatx opinjoni, din il-proċedura ma spiċċatx b’riżultat favorevoli ( 30 ), għalhekk, dan id-digriet qatt ma daħal fis-seħħ. Għal din ir-raġuni, l-Italja ma kkomunikatx lill-Kummissjoni t-test finali tal-imsemmi regolament tekniku ( 31 ).

48.

L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ ġustifikazzjonijiet ma tikkonvinċini.

49.

Rigward in-notifika tal‑2011 ( 32 ), l-abbozz ta’ regolament tekniku kkomunikat dak iż-żmien lill-Kummissjoni kien id-Digriet-Liġi (futur) 2/2012, li estenda l-projbizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik li jintremew li ma kinux konformi mal-istandard armonizzat UNI EN 13432:2002. L-Artikolu 2(1) tiegħu, kien jikkonċerna t-tħejjija ta’ digriet ministerjali sussegwenti sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli. Barra minn hekk, dan stabbilixxa s-sanzjonijiet għall-ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni futura.

50.

Konsegwentement, kif sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, in-notifika tal‑2013 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi repetizzjoni tan-notifika tal‑2011. In-notifika tal‑2013 fiha restrizzjonijiet ġodda fuq il-basktijiet tal-plastik, li n-notifika tagħhom lill-Kummissjoni kienet obbligatorja skont l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34.

51.

Fir-rigward tal-klawżola sospensiva (l-Artikolu 6), l-aġir tal-Istat Taljan meta daħħalha fit-test tad-Digriet tal‑2013 huwa inkompatibbli mad-Direttiva 98/34.

52.

Fil-fatt, il-pubblikazzjoni uffiċjali tad-Digriet tal‑2013 jista’ jkollha impatt, waħedha, fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, filwaqt li taffettwa t-tipi ta’ basktijiet tal-plastik kummerċjabbli fl-Italja. Li d-dħul fis-seħħ ta’ digriet ikun suġġett għall-kundizzjoni ta’ riżultat favorevoli tal-proċedura ta’ notifika tad-Direttiva 98/34 hija teknika leġiżlattiva li ma tirrispettax iċ-ċertezza legali, għaliex l-individwi ma jafux meta ser iseħħ ir-riżultat (favorevoli jew sfavorevoli) li jridu jaġġustaw l-imġiba tagħhom miegħu.

53.

Din it-teknika leġiżlattiva tipprevjeni wkoll, bħal ma jiġri f’dan il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kif dovut l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni u ta’ Stati Membri oħra dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ regolament tekniku mal-istandards tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l-għan imfittex mid-Direttiva 98/34 huwa ppreġudikat, jiġifieri, il-prevenzjoni ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ qabel ma jibdew juru l-effetti restrittivi tagħhom.

54.

Fil-qosor, nikkunsidra li l-adozzjoni tad-Digriet tal‑2013, għal raġunijiet formali, kisret l-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Direttiva 98/34.

2. Applikazzjoni tad-Direttiva 94/62

55.

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 94/62, qabel ma jadottaw miżuri bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-miżuri li jkunu bi ħsiebhom jadottaw fil-qafas ta’ din id-Direttiva (dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ).

56.

Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jindika li, jekk il-miżura proposta jkollha natura teknika, l-Istat Membru jista’ jindika li n-notifika tiegħu hija valida wkoll fir-rigward tad-Direttiva 83/189 (iktar tard sostitwita bid-Direttiva 98/34).

57.

L-Istat Taljan ikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ Digriet tal‑2013 b’applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62. Dan l-artikolu (b’differenza mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34) ma jipprevedix perijodu li matulu l-Istat Membru għandu jistenna l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati l-oħra, qabel jadotta l-abbozz ta’ standard nazzjonali. Għal din ir-raġuni, ma naħsibx li l-Italja kisritu, minkejja li d-Digriet tal‑2013 ġie ppubblikat uffiċjalment, kif diġà semmejt, sitt ijiem wara n-notifika lill-Kummissjoni.

58.

Il-proċedura tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 hija għal sempliċi informazzjoni, filwaqt li l-proċedura korrelattiva tad-Direttiva 98/34 hija għal informazzjoni u kontroll tar-regolamenti nazzjonali. Huma, għalhekk, proċeduri differenti, b’effetti ugwalment differenti.

59.

La l-kliem u lanqas l-għan tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel għandu l-istess effetti bħal dak tad-Direttiva 98/34.

60.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 jirreferi għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u għalhekk ma joħloq ebda dritt favur l-individwi li jistgħu jiġu danneġġjati jekk Stat Membru jonqos milli josserva l-obbligu stabbilit fih. L-artikolu, għalhekk, ma jistax jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jinkiseb l-annullament jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-individwi tal-istandards li ma ġewx innotifikati ( 33 ).

61.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 jistabbilixxi proċedura sempliċi ta’ informazzjoni simili għal dawk analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Enichem Base u Bulk Oil ( 34 ).

62.

F’dawn it-tipi ta’ proċeduri, jidhirli loġiku, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li tiġi miċħuda l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-individwi, meta dawn ikunu ġew adottati mingħajr ma jiġi rrispettat l-obbligu ta’ notifika minn qabel, impost minn standard tal-Unjoni li ma jipprevedix effetti legali marbuta direttament mal-ksur ta’ dak l-obbligu.

63.

Il-proċedura ta’ informazzjoni sempliċi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 ma hijiex komparabbli, nirrepeti, ma’ dik tad-Direttiva 98/34 jew ma’ dispożizzjonijiet oħra li jsegwu l-mudell ta’ din tal-aħħar, kif kien il-każ tal-obbligu stabbilit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 li rreferejt għalih qabel ( 35 ).

64.

Ir-riferimenti għal xulxin li jinsabu fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 94/62 u fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 98/34 ma jbiddlux dak li ntqal sa issa. Dawn huma dispożizzjonijiet limitati sabiex jindikaw li l-komunikazzjoni ta’ abbozz nazzjonali tista’ tkun valida għal żewġ proċeduri ta’ informazzjoni pprovduti minn “atti komunitarji” differenti. B’dan il-mod jiġi evitat li jkun hemm komunikazzjonijiet multipli tal-istess abbozz lill-Kummissjoni. Iżda din ir-regola ma tbiddilx in-natura differenti ta’ proċedura waħda u oħra.

65.

Għandi niċċara wkoll li, kif speċifikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, in-notifika ta’ abbozz ta’ regolament tekniku abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 ma hijiex valida għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 114(5) TFUE. Sabiex jagħmel użu minn din id-dispożizzjoni tat-TFUE, l-Istat Membru għandu jiġġustifika li l-istandard nazzjonali li ser jadotta jikkonforma mal-ħtieġa ta’ livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent (anki l-ambjent tax-xogħol) minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-Istat stess li jagħmel in-notifika, li jirriżultaw bħala konsegwenza ta’ żviluppi xjentifiċi wara l-adozzjoni tal-istandard ta’ armonizzazzjoni.

66.

In-notifika għall-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 ma teħtieġx ġustifikazzjoni daqshekk eżawrjenti. Barra minn hekk, in-notifika magħmula taħt din id-direttiva tinvolvi sospensjoni sempliċi tad-dħul fis-seħħ tal-abbozz regolatorju għal perijodu ta’ żmien, sakemm ikun hemm reazzjoni potenzjali tal-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra.

67.

Min-naħa l-oħra, in-notifika tal-Artikolu 114(5) TFUE tfittex l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-iktar standard nazzjonali protettiv, wara verifika li din ma tinvolvix mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tikkostitwixxix ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

D.   It-tieni domanda preliminari

68.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-qosor, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizazzjoni tal-basktijiet li jintremew (jintużaw darba biss) magħmulin minn materjal mhux bijodegradabbli, iżda li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra tad-Direttiva 94/62,

tiksirx l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9 u l-Anness II tagħha;

tistax tkun iġġustifikata mill-għan li tinkiseb protezzjoni ambjentali ikbar.

1. Inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62

69.

Skont dan l-artikolu, “l-Istati Membri m’għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq tat-territorju tagħhom ta’ l-imballaġġ li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

70.

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/62, “l-imballaġġ ikun jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk jikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali kollha definiti f’din id-Direttiva inkluż l-Anness II”. Dan l-anness, min-naħa tiegħu, jirregola l-“ħtiġiet essenzjali dwar il-kompożizzjoni u n-natura tal-imballaġġ illi jista’ jerġa’ jintuża’ mill-ġdid jew jiġi rkuprat, inkluż irriċiklat” ( 36 ).

71.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-imballaġġi u tar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-karattru [tagħhom] li jista’ jerġa’ jintuża jew li jista’ jkun rkuprat” (l-Artikoli 8 sa 11 u l-Anness II tad-Direttiva 94/62) kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni sħiħa ( 37 ).

72.

Minn din id-dikjarazzjoni jirriżultaw il-konsegwenzi li ġejjin:

Meta standard tal-Unjoni jwettaq armonizzazzjoni sħiħa, ikun garantit li l-prodott magħmul skont ir-rekwiżiti armonizzati jibbenefika minn moviment liberu fit-territorju kollu tal-Unjoni. L-Istati Membri jitilfu l-possibbiltà li jimponu rekwiżiti addizzjonali bbażati fuq il-protezzjoni ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali ( 38 ).

Permezz tal-armonizzazzjoni b’mod eżawrjenti, l-awtoritajiet tal-Unjoni jwettqu l-ibbilanċjar meħtieġ bejn l-għan taċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodott u dak tal-protezzjoni tal-interessi ġenerali, b’tali mod li l-imsemmi bbilanċjar ma jistax jerġa’ jsir mill-awtoritajiet nazzjonali.

Fejn qasam ikun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kwalunkwe miżura nazzjonali f’dan il-qasam għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dawk tad-dritt primarju ( 39 ).

73.

Abbażi ta’ dawn il-premessi, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9 u l-Anness II tagħha, jipprevjeni, għal raġunijiet materjali jew sostantivi, l-approvazzjoni ta’ regolament nazzjonali bħal dak inkwistjoni hawnhekk.

74.

Id-Digriet tal‑2013 jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet li ma jikkonformawx ma’ standard tekniku (UNI EN 13432:2002), anki jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra dwar l-użu previsti fil-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva 94/62, sakemm ma jikkonformawx ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi oħra tal-ħxuna u l-għamla li lanqas ma huma inklużi f’dik id-direttiva.

75.

B’dan il-mod, id-Digriet tal‑2013, għalkemm għandu t-tendenza li jiggarantixxi protezzjoni effettiva tal-ambjent u ġbir iktar effiċjenti tal-iskart, jagħżel (u jiffavorixxi) il-metodi ta’ kompostaġġ u bijodegradabbiltà, meta mqabbla ma’ dawk tar-riċiklaġġ tal-materjali u tal-irkupru tal-enerġija awtorizzati mid-Direttiva 94/62.

76.

Il-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva 94/62 jirreferi bl-istess mod għal dawn l-erba’ metodi ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ. Għalhekk, standard nazzjonali ma jistax jikkontradixxi l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jkun armonizza kompletament il-kwistjoni mingħajr ma jħalli l-ebda għażla lill-Istati Membri li jagħtu preferenza jew jipprojbixxu xi metodi ta’ użu tal-imballaġġ meta mqabbla ma’ oħrajn.

2. Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-ambjent?

77.

L-Artikoli 8 sa 11 u l-Anness II tad-Direttiva 94/62 iwettqu, ninsisti, armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rigward tal-immarkar u l-identifikazzjoni tal-imballaġġ, ir-rekwiżiti relatati mal-kompożizzjoni tagħhom u n-natura tagħhom li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li jistgħu jiġu rkuprati. Għalhekk, l-unika possibbiltà li kellha r-Repubblika Taljana sabiex tadotta regolament iktar restrittiv kienet dik ikkontemplata fl-Artikolu 114(5) u (6) TFUE ( 40 ).

78.

Dawn id-dispożizzjonijiet tat-TFUE jagħtu lil Stat Membru l-possibbiltà li jippromulga dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda bbażati fuq żviluppi xjentifiċi relatati, fost affarijiet oħra, mal-protezzjoni tal-ambjent u ġġustifikati minn problema speċifika ta’ dak l-Istat Membru li qamet wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

79.

Tali possibbiltà, madankollu, hija suġġetta għan-notifika minn qabel tal-miżura nazzjonali u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur min-notifika ( 41 ). Peress li ma hemm ebda prova li l-Gvern Taljan ikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 114(5) u (6) TFUE ma hijiex applikabbli hawnhekk.

3. L-effett tal-Artikolu 4(1a) tad-Direttiva 94/62.

80.

Il-Gvern Taljan u Assobioplastiche jsostnu li d-Digriet tal‑2013 ġie kkonfermat bl-introduzzjoni, permezz tad-Direttiva 2015/720, tal-Artikolu 4(1a) il-ġdid, fid-Direttiva 94/62.

81.

Ir-raġunament tagħhom ma jistax jiġi aċċettat, peress li:

Id-Direttiva 2015/720, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fis‑27 ta’ Novembru 2016 (Artikolu 2), ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża, li tirriżulta mill-approvazzjoni tad-Digriet tal‑2013.

Fi kwalunkwe każ, għalkemm id-Direttiva 2015/720 tippermetti eċċezzjonijiet nazzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni ħielsa ta’ imballaġġ kompatibbli mad-Direttiva 94/62, hija tagħmel dan għal basktijiet tal-plastik ħfief (ħxuna ta’ inqas minn 50 mikroni). Għall-kuntrarju, id-Digriet tal‑2013 kien fih projbizzjoni usa’, peress li kien japplika għal basktijiet tal-plastik eħxen minn 60 mikroni.

82.

Fil-qosor, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, jipprekludi regolament nazzjonali li jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintremew (jintużaw darba biss) manifatturati b’materjal mhux bijodegradabbli, iżda li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra tad-Direttiva 94/62, sakemm l-Istat Membru ma jkunx innotifika u rċieva l-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imsemmi leġiżlazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 114(5) u (6) TFUE.

E.   It-tielet domanda preliminari

83.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, għandux effett dirett u jekk il-korpi ta’ Stat Membru humiex obbligati li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja.

84.

Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-effett dirett tad-direttivi ( 42 ):

“[…] fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett […]”.

“[…] dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli […]”.

“[…] anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi […]”.

85.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, huwa regola tal-Unjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata li turi effett dirett u li l-individwi jistgħu jinvokawha quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-awtoritajiet tal-Istat Taljan.

86.

F’dan is-sens, huwa biżżejjed li jiġi kkonfermat li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62 jipprojbixxi, b’mod eżawrjenti u mingħajr eċċezzjoni, lill-Istati Membri milli jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom ta’ imballaġġ li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva nnifisha.

87.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 94/62 jirreferi għal dawn ir-rekwiżiti (l-Artikoli 8 sa 11 u l-Anness II), fir-rigward tal-immarkar u l-identifikazzjoni, kif ukoll il-kompożizzjoni u n-natura tiegħu li jista’ jerġa’ jintuża jew li jista’ jiġi rkuprat, meta jippreskrivi li jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss imballaġġ li jikkonforma magħhom.

88.

B’mod speċifiku, l-Anness II jinkludi l-ħtiġijiet relatati mal-fabbrikazzjoni u l-kompożizzjoni tal-imballaġġ (punt 1), l-użu mill-ġdid tagħhom (punt 2) u l-irkupru tagħhom (punt 3). Dan jikkontempla, kif diġà analizzajt, erba’ kriterji alternattivi għall-irkupru tal-imballaġġ (materjal riċiklat, irkupru tal-enerġija, kompostaġġ jew bijodegradabbiltà).

89.

Sakemm id-Direttiva 94/62 ġiet emendata bid-Direttiva 2015/720, il-benefiċċju ta’ kummerċjalizzazzjoni ħielsa ta’ imballaġġ manifatturat skont id-Direttiva 94/62 kien inkundizzjonat. Huwa biss mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/720 li l-Istati Membri tħallew jintroduċu miżuri iktar restrittivi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief.

90.

Billi tagħti lill-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, effett dirett, il-qorti nazzjonali ma għandha tapplika fil-kawża ebda regola nazzjonali kuntrarja ( 43 ).

F.   Ir-raba’ domanda preliminari

91.

Peress li fil-kawża ta’ oriġini huwa mitlub “kumpens għad-danni sostnuti u li qeg]da ssostni […] bħala riżultat tal-imġiba illegali tal-Amministrazzjoni [Taljana]”, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “regola nazzjonali li tipprojbixxi il-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss mhux bijodegradabbli iżda li jkunu ġew manifatturati b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 94/62” tikkostitwixxix ksur serju u manifest tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62.

92.

Sabiex Stat jitqies responsabbli għal danni kkawżati lil individwi bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma attribwibbli lilu, huwa meħtieġ li:

Ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lil dawn l-individwi.

Il-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju.

Ikun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi ( 44 ).

93.

Dawn it-tliet rekwiżiti huma neċessarji u suffiċjenti sabiex jiġġeneraw, favur l-individwi, id-dritt li jiksbu kumpens. Madankollu, xejn ma jipprevjeni lill-Istat milli jkun responsabbli skont il-liġi nazzjonali taħt rekwiżiti inqas restrittivi ( 45 ).

94.

Bħala prinċipju, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, skont il-linji gwida pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk dawn it-tliet rekwiżiti humiex sodisfatti ( 46 ). Minn dawn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi biss dwar il-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Ma jidhirx, allura, li għandha dubji dwar it-tnejn l-oħra.

95.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi linji gwida lill-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ tiċċara jekk, f’dan il-każ, kienx hemm ksur suffiċjentement serju jew le, fid-dawl tal-elementi kollha tal-kawża. Fost il-fatturi rilevanti għad-deċiżjoni tagħha nsibu:

il-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tar-regola miksura;

il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali;

in-natura intenzjonali jew mhux volontarja tal-ksur imwettaq jew tad-dannu kkawżat;

in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ żball possibbli ta’ liġi; u

iċ-ċirkustanza li l-pożizzjonijiet meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea setgħu kkontribwixxew għall-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri jew ta’ prassi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 47 ).

96.

Fir-rigward taċ-ċarezza u preċiżjoni, iż-żewġ noti jaqblu mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha. Dawn huma dispożizzjonijiet inekwivokabbli li jimponu obbligu negattiv fuq l-Istati Membri (li ma jipprevjenux il-kummerċjalizzazzjoni tal-imballaġġ li jirrispetta l-karatteristiċi stabbiliti fid-Direttiva, li tikseb armonizzazzjoni sħiħa).

97.

Ma hemmx dubju dwar l-intenzjoni tal-Istat Taljan li jippermetti biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet tal-plastik imsemmija fid-Digriet tal‑2013, filwaqt li jipprojbixxi oħrajn ammissibbli taħt id-Direttiva 94/62. Huwa minnu li l-għan ta’ din il-miżura kien li jitnaqqas it-tniġġis, iżda l-leġiżlatur Taljan kien konxju li, bl-implimentazzjoni ta’ din ir-regola, seta’ jikser id-Direttiva 94/62 ( 48 ).

98.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, ma ħalla ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprojbixxu, fit-territorju tagħhom, imballaġġ li jikkonforma mar-regoli armonizzati. Il-Gvern Taljan seta’ jadotta regoli iktar restrittivi u protettivi għall-ambjent permezz tal-proċedura tal-Artikolu 114(5) u (6) TFUE, iżda, kif diġà spjegajt, ma jidhirx li għamel dan.

99.

L-Istati Membri, kif spjegajt ukoll, ma kellhomx marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jadottaw miżuri nazzjonali iktar restrittivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief li jintużaw darba biss sal-approvazzjoni tad-Direttiva 2015/720, li introduċiet l-Artikolu 4(1a) il-ġdid fid-Direttiva 94/62.

100.

Din il-bidla leġiżlattiva jista’, madankollu, ikollha impatt ( 49 ) jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-Istat Taljan (minħabba żball li n-natura skużabbli tiegħu għandha tiġi evalwata minn dik il-qorti) ried jantiċipa l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fl‑4 ta’ Novembru 2013 ( 50 ), li tat lok għad-Direttiva 2015/720.

101.

Madankollu, din il-proposta, bħala tali, saret wara l-pubblikazzjoni tad-Digriet tal‑2013. Huwa diffiċli, għalhekk, li jiġi sostnut li, f’dan il-każ, istituzzjoni tal-Unjoni kkontribwiet għall-adozzjoni tal-miżura nazzjonali.

102.

Fil-qosor, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief li jintużaw darba biss, li ma humiex bijodegradabbli u kompostabbli, kif ukoll dawk li ma jissodisfawx ċerti kundizzjonijiet ta’ ħxuna, meta dawn il-basktijiet ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 94/62, tista’ tikkostitwixxi ksur manifestament serju tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

V. Konklużjoni

103.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) fit-termini li ġejjin:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss (li jintremew) immanifatturati b’materjali mhux bijodegradabbli iżda li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62 u li ġiet ikkomunikata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tagħha, anki jekk ftit jiem qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha:

tikser l-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34 tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 u ma tirriżultax infurzabbli kontra l-individwi;

ma tiksirx il-proċedura ta’ sempliċi informazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62 tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, jekk l-imsemmija basktijiet jissoddisfaw il-bqija tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

2)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief li jintremew (jintużaw darba biss) immanifatturati b’materjali mhux bijodegradabbli, iżda li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62, sakemm l-Istat Membru ma jkunx innotifika u rċieva l-approvazzjoni tal-Kummissjoni rigward din il-leġiżlazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 114(5) u (6) TFUE.

3)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, għandu effett dirett u l-korpi kollha tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma obbligati li ma japplikawx, f’kawża konkreta li jkunu aditi biha, leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontrih.

4)

Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief li jintużaw darba biss, mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli, kif ukoll ta’ dawk li ma jikkonformawx ma’ ċerti kundizzjonijiet ta’ ħxuna, meta dawn il-basktijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 94/62, tista’ tikkostitwixxi ksur manifestament serju tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Ara r-Riżoluzzjoni UNEP/EA.5/Res.14 tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent, tat‑2 ta’ Marzu 2022, Intemmu t-tniġġis ikkawżat mill-plastik: lejn strument internazzjonali legalment vinkolanti.

( 3 ) Dwar dan il-fenomenu fl-Unjoni, ara d-dokument COM(2018) 28 final, tas‑16 ta’ Jannar 2018, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari.

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU 1994, L 365, p. 10).

( 5 ) Fil-verżjoni aġġornata mid-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62 rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief (ĠU 2015, L 115, p. 11).

( 6 ) Ibidem.

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 1998, L 204, p. 37), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8). Din id-Direttiva ġiet mibdula mis‑6 ta’ Ottubru 2015 mid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).

( 8 ) Decreto ministeriale — Individuazione delle caratteristiche tecniche dei sacchi per l’asporto delle merci, del Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare e del Ministero dello Sviluppo Economico (Digriet tal-Ministeru tal-Ambjent u l-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar u tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku, li jistabbilixxi l-karatteristiċi tekniċi tal-basktijiet għat-trasport tal-merkanzija), tat‑18 ta’ Marzu 2013 (GURI Nru 73, tas‑27 ta’ Marzu 2013; iktar ’il quddiem, “Digriet tal‑2013”).

( 9 ) UNI EN 13432:2002, tal‑1 ta’ Marzu 2002, Imballaggi – Requisiti per imballaggi recuperabili mediante compostaggio e biodegradazione – Schema di prova e criteri di valutazione per l’accettazione finale degli imballaggi. Huwa disponibbli, bi ħlas, fis-sit internet tal-UNI Ente Italiano di Normazione.

( 10 ) Waqt is-seduta, hija identifikat dawn id-danni bid-dħul mitluf minħabba l-impossibbiltà li tbiegħ fl-Italja basktijiet magħmula b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 94/62, li kienet tikkummerċjalizza legalment fi Stati Membri oħra.

( 11 ) Id-Digriet tal‑2013 jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li ma jikkonformawx mal-istandard UNI EN 13432:2002 jew li ma jissodisfawx speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali oħra f’termini ta’ ħxuna u forma. Dawn ir-rekwiżiti ma humiex previsti fid-Direttiva 94/62 u, għalhekk, ir-Repubblika Taljana tipprevjeni l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva 94/62.

( 12 ) Hija targumenta li l-konsumaturi Taljani ħafna drabi jużaw basktijiet tal-plastik li jintużaw darba biss għall-ġbir tal-iskart organiku.

( 13 ) Jiġifieri: a) basktijiet bijodegradabbli u kompostabbli li jintużaw darba biss, skont l-istandard armonizzat UNI EN 13432:2002; b) basktijiet tal-plastik tradizzjonali ta’ ċerta ħxuna u, għalhekk, jistgħu jerġgħu jintużaw, u c) basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw għat-trasport ta’ oġġetti magħmula mill-karta, minn tessuti ta’ fibri naturali, fibri tal-poliamide u materjali li ma humiex polimeri.

( 14 ) Bi preċiżjoni ikbar, forsi għandhom jiġu kklassifikati bħala basktijiet li jintremew, mhux neċessarjament li jintużaw darba biss, peress li l-konsumatur jista’ jużahom f’iktar minn okkażjoni waħda, jekk jixtieq jagħmel dan u jekk il-basket ikun għadu tajjeb.

( 15 ) Sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank (C‑341/01, EU:C:2004:254); u tal‑10 ta’ Novembru 2016Eco-Emballages et (C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859).

( 16 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 28); u tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia (C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 24).

( 17 ) Skont Assobioplastiche (il-punt 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) id-Digriet tal‑2013 ilu mhux fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2017, id-data li fiha ġie sostitwit mil-liġi Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2015/720, jiġifieri, bid-Decreto-legge n.o 91, disposizioni urgenti per la crescita economica nel Mezzogiorno (id-Digriet-liġi Nru 91, dwar dispożizzjonijiet urġenti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Mezzogiorno), tal‑20 ta’ Ġunju 2017 (GURI Nru 141, tal‑20 ta’ Ġunju 2017, p. 1), li nbidel, permezz ta’ emendi, fil-Legge n.o 123 (Liġi Nru 123), tat‑3 ta’ Awwissu 2017 (GURI Nru 188, tat‑12 ta’ Awwissu 2017, p. 1).

( 18 ) Decreto-Legge n.o 2, misure straordinarie e urgenti in materia ambientale (Digriet-Liġi Nru 2, miżuri straordinarji u urġenti fil-qasam ambjentali; iktar ’il quddiem, “Digriet-liġi 2/2012”), tal‑25 ta’ Jannar 2012 (GURI nru 20, tal‑25 ta’ Jannar 2012, p. 1), li nbidel, permezz ta’ emendi, fil-Legge n.o 28 (Liġi Nru 28, tal‑24 ta’ Marzu 2012 (GURI nru 71, tal‑24 ta’ Marzu 2012, p. 1).

( 19 ) Fi kliem ieħor, regola li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss (li jintremew) magħmula minn materjal mhux bijodegradabbli, iżda li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra tad-Direttiva 94/62.

( 20 ) L-ewwel domanda, għalhekk, tiffoka fuq aspetti proċedurali. Dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet tal-2013, għal raġunijiet materjali, mal-Artikolu 114(5) u (6) TFUE, ser nagħti l-fehma tiegħi meta nanalizza t-tieni waħda.

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Belplant (C‑658/21, EU:C:2022:925).

( 22 ) Ara iktar ’il fuq id-definizzjoni ta’ “abbozz ta’ regolament tekniku” li tinsab fil-punt tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

( 23 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172; iktar ’il quddiem, “sentenza CIA Security International”), punti 49 u 50; tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 84); tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821, punt 64); u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 57).

( 24 ) Wara n-notifika, jinfetaħ perijodu ta’ tlieta, erba’, jew sitt xhur li fihom l-abbozz notifikat ma jistax jiġi adottat b’mod definittiv, sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet jew opinjonijiet dettaljati lill-Istat li jagħmel in-notifika dwar il-kompatibbiltà. tal-abbozz mad-dritt tal-Unjoni. Dan il-perijodu jiġi estiż għal tnax-il xahar, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipproponi standard ta’ armonizzazzjoni dwar il-kwistjoni.

( 25 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399). It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tagħha jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu speċifiku li jinnotifikaw minn qabel lill-Kummissjoni u lill-Istati Membru li fit-territorju tiegħu jkun stabbilit il-fornitur tas-servizz l-intenzjoni tagħhom li jieħdu miżura li tirrestrinġi l-moviment liberu ta’ dan is-servizz.

( 26 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑390/18, EU:C:2019:1112; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Airbnb Ireland”, punti 88 sa 97).

( 27 ) Il-proċedura ta’ notifika u kontroll tippermetti lill-Kummissjoni tipprevjeni l-ħolqien jew, mill-inqas, iż-żamma ta’ ostakoli għall-kummerċ kuntrarji għat-TFUE, b’mod partikolari, billi tipproponi emendi għall-miżuri nazzjonali (sentenza Airbnb Ireland, punti 90 u 92).

( 28 ) Notifika Nru 2013/152/I, tat‑12 ta’ Marzu 2013, Abbozz ta’ Digriet interministerjali dwar l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi ta’ basktijiet użati għax-xiri, previst fl-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 2/2012, mibdul fil-Liġi Nru 28/2012, emendat permezz tal-Liġi Nru 28/2012, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/tris/mt/search/?trisaction=search.detail&year=2013&num=152.

( 29 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑500/03, mhix ippubblikata, EU:C:2005:515, punt 39).

( 30 ) Il-Gvern Taljan jirreferi għall-ittra indirizzata lilu mill-Kummissjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015.

( 31 ) Skont il-Gvern Taljan, din iċ-ċirkustanza wasslet għall-adozzjoni tad-Decreto-legge n.o 91 (Digriet-liġi Nru 91/2014), tal‑24 ta’ Ġunju 2014 (GURI Nru 144, tal-24 ta’ Ġunju 2014, p. 1), li nbidel, permezz ta’ emendi, fil-Legge n.o 116, recante disposizioni urgenti per il settore agricolo, la tutela ambientale e l’efficientamento energetico dell’edilizia scolastica e universitaria, il rilancio e lo sviluppo delle imprese, il contenimento dei costi gravanti sulle tariffe elettriche, nonche’ per la definizione immediata di adempimenti derivanti dalla normativa europea (Liġi Nru 116, li fiha dispożizzjonijiet urġenti għas-settur agrikolu, il-protezzjoni tal-ambjent u l-effiċjenza enerġetika tal-bini tal-iskejjel u l-universitajiet, it-tnedija mill-ġdid u l-iżvilupp tal-kumpaniji, it-trażżin tal-ispejjeż imposti fuq ir-rati tal-elettriku, kif ukoll għad-definizzjoni immedjata tal-obbligi dderivati mir-regolamenti Ewropej), tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2014), li l-Artikolu 11(2bis) tiegħu, ħassar kull riferiment għad-digriet ministerjali fl-Artikolu 2(4) tad-Digriet-Liġi 2/2012, bil-għan li s-sanzjonijiet previsti fih isiru applikabbli direttament.

( 32 ) Notifika Nru 2011/174/I, tal‑5 ta’ April 2011, Abbozz ta’ liġi li jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri li m’humiex bijodegradabbli, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/tris/mt/search/?trisaction=search.detail&year=2011&num=174.

( 33 ) Ara, b’mod analogu, fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 75/442/KEE tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU 1975, L 194, p. 39; EE 15/01, p. 129), is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Enichem Base et (380/87, EU:C:1989:318; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Enichem Base”, punti 22 sa 24).

( 34 ) Sentenza tat‑18 ta’ Frar 1986, Bulk Oil (Zug) (174/84, EU:C:1986:60, punt 62).

( 35 ) Sentenza Airbnb Ireland, punt 94: dan l-obbligu “ma jikkostitwixxix sempliċi rekwiżit ta’ informazzjoni paragunabbli ma’ dak inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza […] Enichem Base et […], iżda rekwiżit proċedurali ta’ natura sostanzjali li jiġġustifika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà għall-individwi ta’ miżuri, mhux ikkomunikati, li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Din id-dikjarazzjoni ma tipprekudix li ma jeżistix “l-obbligu ta’ standstill fuq l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni jadottaw miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” (punt 93).

( 36 ) Speċifikament, il-punt 1 tiegħu jinkludi diversi ħtiġijiet relatati mal-fabbrikazzjoni u l-kompożizzjoni tal-imballaġġ; il-punt 2 tiegħu, dawk relatati mal-użu mill-ġdid tiegħu, u l-punt 3 tiegħu, dawk relatati mal-irkupru tiegħu. Rigward dawn tal-aħħar, huma stabbiliti erba’ kriterji alternattivi għall-irkupru tal-imballaġġ, li jistgħu jiġu ggarantiti permezz tar-riċiklaġġ tal-materjali, permezz tal-irkupru tal-enerġija, permezz ta’ kompostjar jew billi jkun bijodegradabbli. L-użu ta’ kwalunkwe waħda minn dawn it-teknoloġiji għall-irkupru tal-imballaġġ jiggarantixxi fi kwalunkwe każ li dawn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fis-suq intern tal-Unjoni.

( 37 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 56); u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 44). Għall-kuntrarju, “l-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali intiżi li jiffavorixxu l-użu mill-ġdid tal-imballaġġi mhijiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni sħiħa”.

( 38 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑246/91, EU:C:1993:174, punt 7); tat‑8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 44); u tat‑12 ta’ April 2018, Fédération des entreprises de la beauté (C‑13/17, EU:C:2018:246) punt 23.

( 39 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et (C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 26); u tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 23); u tad-19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et (C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 26).

( 40 ) Ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 37).

( 41 ) Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-miżura nazzjonali hijiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk tikkostitwixxix ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

( 42 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 63); u tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel (C‑387/19, EU:C:2021:13, punti 4647); u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168), punti 17 sa 19.

( 43 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 68); u tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 20).

( 44 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur) (C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 31); u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja) (C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 44).

( 45 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 66;) u tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur) (C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 32).

( 46 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 100); u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 95).

( 47 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 42).

( 48 ) Għal din ir-raġuni, id-dħul fis-seħħ tad-Digriet tal‑2013 kien jiddependi fuq it-tmiem favorevoli tal-proċedura tad-Direttiva 98/34.

( 49 ) Fi kwalunkwe każ, l-element temporali jista’ jaffettwa l-kalkolu tal-kumpens li għandu jitħallas mill-Istat Taljan, skont it-tul ta’ żmien tal-effetti negattivi tal-ksur għall-operaturi ekonomiċi: il-ksur manifestament serju ma baqax jeżisti mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/720, mill-inqas fir-rigward tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik li jintużaw darba bi ħxuna ta’ inqas minn 50 mikroni.

( 50 ) Dokument (COM) 2013 761 final, tal‑4 ta’ Novembru 2013, proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

Top